23.10.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 357/2 |
Appell ippreżentat fl-20 ta’ Marzu 2017 minn QuaMa Quality Management GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-17 ta’ Jannar 2017 fil-Kawża T-225/15, QuaMa Quality Management GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-139/17 P)
(2017/C 357/02)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: QuaMa Quality Management GmbH (rappreżentant: C. Russ, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Microchip Technology. Inc.
Talbiet
— |
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2017; |
— |
tannulla d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tad-19 ta’ Frar 2015 (Każijiet magħquda R 1809/2014-4 u R 1680/2014-4). |
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tibbaża l-appell tagħha li hija ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.
L-appell jallega ksur tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (1). Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq il-premessa li, fid-9 ta’ April 2013, l-intervenjenti ppreżentat l-applikazzjoni korretta għar-reġistrazzjoni tal-bdil tal-proprjetarju iżda, f’din l-okkażjoni, użat biss il-formola żbaljata. Fir-realtà, l-applikazzjoni għal “bdil tal-isem jew tal-indirizz ta’ proprjetarju” kienet tirrigwarda t-trade marks (14) kollha ta’ SMSC Europe GmbH u, skont l-ittra tal-14 ta’ April 2013, inftiehmet ukoll bħala tali mill-EUIPO. L-appellanti tqis li, għaldaqstant, huwa stabbilit li l-EUIPO ċaħad l-applikazzjoni tad-9 ta’ April 2013 fl-intier tagħha u laqa’ biss l-applikazzjoni ppreżentata fl-14 ta’ Ġunju 2013, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu għal preżentata ta’ oppożizzjoni.
L-appell jallega wkoll ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009. Skont l-appellanti, la d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u lanqas il-Bord tal-Appell ma eżaminaw b’mod suffiċjenti l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti. L-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax issir mingħajr ma jkunu ġew iddeterminati l-pubbliku rilevanti u l-karattru distintiv individwali għad-diversi prodotti u servizzi. Dan huwa iktar u iktar minnu fl-ipoteżi adottata mill-Qorti Ġenerali li x-xebh bejn is-sinjali kkonċernati huwa, għal pubbliku speċjalizzat, li l-Qorti Ġenerali ma tagħmilx parti minnu, “żgħir”.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).