22.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fis-27 ta’ Frar 2017 – Messer France SAS, suċċessur fid-drittijiet ta’ Praxair vs Premier ministre, Commission de régulation de l’énergie, Ministre de l’économie et des finances, Ministre de l’environnement, de l’énergie et de la mer

(Kawża C-103/17)

(2017/C 161/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Messer France SAS, suċċessur fid-drittijiet ta’ Praxair

Konvenuti: Premier ministre, Commission de régulation de l’énergie, Ministre de l’économie et des finances, Ministre de l’environnement, de l’énergie et de la mer

Domandi preliminari

1)

Meta Stat Membru, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 (1), ma ħa, inizjalment, l-ebda dispożizzjoni intiża li toħloq dazju tas-sisa fuq il-konsum ta’ elettriku, iżda żamm taxxa indiretta maħluqa preċedentement imposta fuq dan il-konsum, kif ukoll taxxi lokali:

il-kompatibbiltà tat-taxxa inkwistjoni mad-Direttivi 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 (2) u tas-27 ta’ Ottubru 2003, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-25 ta’ Frar 1992 għall-eżistenza ta’ “taxxi oħra indiretti”, jiġifieri t-tfittxija ta’ għan jew ta’ diversi għanijiet speċifiċi u l-osservanza ta’ ċerti regoli ta’ tassazzjoni applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud?

jew iż-żamma ta’ “taxxi oħra indiretti” hija possibbli biss fil-preżenza tad-dazju tas-sisa armonizzat u, finalment, f’dan il-każ, il-kontribuzzjoni inkwistjoni tista’ titqies bħala tali dazju tas-sisa, li l-kompatibbiltà tagħha ma’ dawn iż-żewġ direttivi għandha għalhekk tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli kollha ta’ armonizzazzjoni li dawn jipprevedu?

2)

Kontribuzzjoni bbażata fuq il-konsum ta’ elettriku li d-dħul minnha huwa allokat kemm għall-finanzjament tal-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi rinovabbli u mill-koġenerazzjoni kif ukoll għall-implementazzjoni ta’ ekwalizzazzjoni tariffarja ġeografika u ta’ tnaqqis tal-prezz tal-elettriku għall-familji f’sitwazzjoni ta’ prekarjetà għandha titqies bħala li tfittex għanijiet speċifiċi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-25 ta’ Frar 1992, riprodotti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tas-16 ta’ Diċembru 2008 (3)?

3)

Fil-każ fejn biss uħud mill-għanijiet segwiti jistgħu jiġu kklassifikati bħala speċifiċi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-persuni taxxabbli jistgħu xorta waħda jitolbu r-rimbors totali tal-kontribuzzjoni kontenzjuża, jew biss rimbors parzjali skont il-parti, fit-total tal-ispejjeż li din tiffinanzja, ta’ dawk li ma jikkorrispondux għal għan speċifiku?

4)

Fil-każ fejn, skont ir-risposta mogħtija għad-domandi preċedenti, is-sistema tal-kontribuzzjoni lis-servizz pubbliku tal-elettriku hija, totalment jew parzjalment, inkompatibbli mar-regoli ta’ tassazzjoni tal-elettriku previsti mid-dritt tal-Unjoni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tad-Direttiva tas-27 ta’ Ottubru 2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sal-1 ta’ Jannar 2009, l-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni previsti minn din id-direttiva tikkostitwixxi, fost ir-regoli ta’ tassazzjoni tal-elettriku previsti mid-dritt tal-Unjoni, l-uniku obbligu impost fuq Franza?


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, p. 12).