30.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/57


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2016 – Fútbol Club Barcelona vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-865/16)

(2017/C 030/65)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Fútbol Club Barcelona (Barcelona, Spanja) (rappreżentanti: J. Roca Sagarra, J. del Saz Cordero, R. Vallina Hoset u A. Selles Marco, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-4 ta’ Lulju 2016, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.29769 (2013/C) (l-ex 2013/NN), implimentata minn Spanja għal ċerti klabbs tal-futbol.

sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmija deċiżjoni.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 107 u 108 TFUE, u l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), sa fejn il-motivazzjoni kollha tad-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn (i) ma tanalizzax it-tnaqqis applikabbli skont ir-rata tat-taxxa għal kull tip u entità; (ii) ma taġixxix b’mod imparzjali, billi tfittex provi inkriminanti u skaġunanti; u konsegwentement, (iii) b’mod li jmur kontra d-dritt, tikkonkludi li jeżisti vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser (i) il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, billi tordna l-irkupru tal-allegata għajnuna, meqjus li fid-dawl tal-aġir tal-amministrazzjoni Spanjola u tat-tul tal-proċedura, il-FC Barcelona setgħa leġittimament ikollu aspettattivi dwar il-legalità tas-sistema fiskali li għaliha kien suġġett; u (ii) ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn ma tiħux inkunsiderazzjoni li l-għajnuna hija ġġustifikata mil-loġika interna tas-sistema fiskali.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 108(1) TFUE u l-Artikoli 21 sa 23 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), sa fejn torda l-irkupru ta’ għajnuna eżistenti u ma tosservax il-proċedura għal dan it-tip ta’ għajnuna.