1.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 279/29


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ April 2016 – NC vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-151/16)

(2016/C 279/43)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: NC (rappreżentanti: J. Killick u G. Forwood, Barristers u C. Van Haute u A. Bernard, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-28 ta’ Jannar 2016, li teskludi lir-rikorrenti minn kull parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li tirreġistra lir-rikorrenti fis-Sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 108(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012 L 298, p. 1);

tadotta l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-inqas piena ħarxa (lex mitior), sa fejn il-Kummissjoni ma applikatx ir-Regolament Nru 966/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1929 (1), għad-deċiżjoni kkontestata.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, sa fejn il-Kummissjoni ma kkonsultatx il-bord u ma eżaminatx mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha kif jeżiġi r-Regolament Nru 966/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1929.

3.

It-tielet motiv, sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 133a(1) tar-Regolament Nru 2342/2002 (2), sa fejn il-Kummissjoni applikat esklużjoni li hija sproporzjonata fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, sa fejn ir-rikorrenti diġà ġiet eskluża għall-istess aġir.


(1)  Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ottubru 2015, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2015 L 286, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145).