30.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/10


Appell ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2016 minn Orange Polska SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-17 ta’ Diċembru 2015 fil-Kawża T-486/11, Orange Polska SA vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-123/16 P)

(2016/C 191/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Orange Polska SA (rappreżentanti: D.M. Beard QC, A. Howard, Barristers, M. Modzelewska de Raad, avukat, P. Paśnik, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Polska Izba Informatyki i Telekomunikacji, European Competitive Telecommunications Association

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

tannulla d-deċiżjoni fl-intier tagħha; u sussidjarjament,

tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni fl-intier tiegħu, jew sussidjarjament,

tnaqqas l-ammont tal-multa li hija ffissata fih meta jkun xieraq, jew sussidjarjament

tirrinvija d-deċiżjoni dwar il-multa quddiem il-Kummissjoni; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha l-appellanti tinvoka tliet aggravji: l-ewwel aggravju jikkontesta l-validità tal-mertu tat-talba dwar l-eżistenza ta’ ksur fid-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, filwaqt li ż-żewġ aggravji l-oħra jirrigwardaw l-ammont tal-multa imposta skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni.

a.

L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u fir-raġunament billi ma talbitx lill-Kummissjoni li tipprova li hija għandha interess ġuridiku sabiex tkompli bl-investigazzjoni tagħha u bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni [li tikkonstata] ksur f’dak li jirrigwarda l-aġir fil-passat.

b.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet ċertu numru ta’ żbalji ta’ liġi u/jew żnaturat il-provi billi sostniet l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tal-effetti tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

c.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u manifestament wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-provi billi rrifjutat li tirrikonoxxi l-investimenti li wettqet Orange bil-għan li tiġi mnaqqsa l-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti.