30.5.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 191/8 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Udine (L-Italja) fl-24 ta’ Frar 2016 – proċeduri kriminali kontra Giorgio Fidenato et
(Kawża C-111/16)
(2016/C 191/10)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale di Udine
Proċeduri kriminali kontra
Giorgio Fidenato, Leandro Taboga u Luciano Taboga
Domandi preliminari
1) |
Skont l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 178/2002 (1), il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tadotta miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 53 tal-istess regolament, meta tirċievi talba minn Stat Membru f’dan is-sens, anki jekk tqis li ma jeżistix, fir-rigward ta’ ikel jew għalf speċifiku, riskju gravi u manifest għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent? |
2) |
Fil-każ li l-Kummissjoni tikkomunika lill-Istat Membru li jressaq it-talba konstatazzjoni li tmur kontra t-talbiet ta’ dan tal-aħħar, liema konstatazzjoni kunċettwalment tipprekludi l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza u għal din ir-raġuni ma tadottax il-miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 (2) mitluba mill-istess Stat Membru, l-Istat Membru li jressaq it-talba huwa awtorizzat, skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 178/2002, jadotta miżuri ta’ emerġenza provviżorji? |
3) |
Kunsiderazzjonijiet marbuta mal-prinċipju ta’ prekawzjoni li jmorru lil hinn mill-parametri ta’ riskju gravi u manifest għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew għal-ambjent fl-użu ta’ ikel jew għalf, jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza provviżorji min-naħa ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003? |
4) |
Jekk ikun ċar u manifest li l-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li ma jissussistux il-kundizzjonijiet essenzjali għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ ikel jew għalf, liema konstatazzjonijiet ikunu sussegwentement ġew ikkonfermati permezz ta’ Opinjoni xjentifika tal-EFSA, u dawn il-konstatazzjonijiet ikunu ġew ikkomunikati bil-miktub lill-Istat Membru li jressaq it-talba, l-Istat Membru jista’ jkompli jżomm fis-seħħ il-miżuri ta’ emerġenza provviżorji tiegħu u/jew iġedded tali miżuri ta’ emerġenza provviżorji, fil-mument li jkun skada l-perijodu provviżorju għal dawn il-miżuri? |
(1) Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463).
(2) Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432).