2.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 156/22


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Ordinario di Venezia (l-Italja) fid-29 ta’ Jannar 2016 – Vinyls Italia SpA, fi stralċ vs Mediterranea di Navigazione SpA

(Kawża C-54/16)

(2016/C 156/31)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Ordinario di Venezia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Vinyls Italia SpA, fi stralċ

Konvenuta: Mediterranea di Navigazione SpA

Domandi preliminari

1)

Il-“prova” li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 (1) iqiegħed fuq min ibbenefika minn att li jikkawża preġudizzju lill-massa tal-kredituri, sabiex jikkontesta t-talba għal annullament ta’ dan l-att skont id-dispożizzjonijiet tal-lex fori concursus, tikkomporta l-oneru li titqajjem eċċezzjoni proċedurali fis-sens strett tat-termini ffissati mil-liġi proċedurali tas-sistema legali, li titlob l-adozzjoni tal-klawżola ta’ eżenzjoni stabbilita mir-Regolament u li tipprova li jiġu sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa mill-istess dispożizzjoni?

jew

l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu japplika meta l-parti kkonċernata tkun talbet l-applikazzjoni tiegħu fil-mori tal-kawża, anki lilhinn mit-termini ffissati mil-liġi proċedurali tas-sistema legali għall-eċċezzjonijiet proċedurali, jew jista’ japplika wkoll ex officio, bil-kundizzjoni li l-parti kkonċernata tipproduċi l-prova li l-att li jikkawża preġudizzju huwa suġġett għal-lex causae ta’ Stat Membru ieħor li l-liġi tiegħu ma tippermetti bl-ebda mod li jintalab l-annullament ta’ att fil-każ inkwistjoni?

2)

Ir-riferiment għall-applikazzjoni tal-lex causae fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 biex jiġi stabbilit jekk “dik il-liġi ma tippermettix xi mezzi biex jiġi disputat dak l-att fil-każ relevanti” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-parti li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova għandha tipproduċi l-prova li fil-każ inkwistjoni l-lex causae b’mod ġenerali u astratt ma tipprovdi ebda mezz sabiex jiġi annullat att bħal dak meqjus li jikkawża preġudizzju f’dan il-każ, – jiġifieri l-ħlas ta’ dejn ta’ natura kuntrattwali – jew fis-sens li l-parti li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova għandha tipproduċi l-prova li, fejn il-lex causae taċċetta li jintalab l-annullament ta’ att ta’ dan it-tip, konkretament ma humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet – differenti minn dawk tal-lex fori concursus – meħtieġa sabiex it-talba għal annullament tkun tista’ tintlaqa’ fil-każ inkwistjoni?

3)

L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, – fid-dawl tal-ħsieb warajha ta’ ħarsien tal-aspettattivi tal-partijiet fuq l-istabbiltà tal-att skont il-lex causae – tista’ tiġi applikata anki meta l-partijiet f’kuntratt ikollhom is-sede tagħhom fl-istess Stat kontraenti, li l-liġi tiegħu għalhekk prevedibbilment hija mistennija li ssir lex fori concursus fil-każ ta’ insolvenza ta’ waħda minnhom, u l-partijiet permezz ta’ klawżola kuntrattwali dwar l-għażla tal-liġi ta’ Stat kontraenti ieħor ineħħu r-revoka ta’ atti eżekuttivi ta’ dak il-kuntratt mill-applikazzjoni ta’ regoli inderogabbli tal-lex fori concursus suġġetti għall-prinċipju ta’ par condicio creditorum, bi ħsara għall-massa tal-kredituri fil-każ li tiġi fis-seħħ l-insolvenza?

4)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 593/2008 (2) għandu jiġi interpretat fis-sens li s-“sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet” għall-finijiet tal-applikabbiltà tar-regolament innifsu jinkludu wkoll il-każ ta’ kuntratt ta’ noleġġ marittimu konkluż fi Stat Membru bejn kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fl-istess Stat Membru, bi klawżola tal-għażla tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor?

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 593/2008, moqri flimkien mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għażla mill-partijiet li jissuġġettaw il-kuntratt għal-liġi ta’ Stat Membru differenti minn dik li fih jinsabu “l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni” jeskludi l-applikazzjoni ta’ regoli inderogabbli mil-liġi ta’ dan l-aħħar Stat Membru applikabbli bħala lex fori concursus għall-possibbiltà li jintalab l-annullament ta’ atti li ġew fis-seħħ qabel l-insolvenza bi ħsara għall-massa tal-kredituri, b’mod li jipprevali fuq il-klawżola ta’ eżenzjoni stabbilita mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

(2)  Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6).