29.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 111/14


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (il-Latvija) fis-27 ta’ Jannar 2016 – Valsts ieņēmumu dienests vs SIA “LS Customs Services”

(Kawża C-46/16)

(2016/C 111/17)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Valsts ieņēmumu dienests

Konvenuta: SIA “LS Customs Services”

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 29(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (1), tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-metodu stabbilit fl-imsemmi artikolu huwa applikabbli wkoll meta l-importazzjoni ta’ merkanzija u r-rilaxx tagħha f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Komunità huma r-riżultat tal-fatt li matul il-proċedura ta’ tranżitu, din il-merkanzija, li hija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni, tneħħiet illegalment mis-sorveljenza doganali, u għalhekk ma nbiegħetx għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Komunità, iżda għall-esportazzjoni ’l barra mill-Komunità?

2)

L-espressjoni “sekwenzjalment” li tinsab fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, moqrija fid-dawl tad-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ motivazzjoni tal-atti amministrattivi, għandha tiġi interpretata fis-sens li fl-att amministrattiv tagħha l-awtorità doganali għandha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-metodi għad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija previsti fl-Artikoli 29 jew 30 tar-regolament ma kinux applikabbli fil-każ inkwistjoni u għaliex iddeċidiet, konsegwentement, li kellu jiġi applikat il-metodu previst fl-Artikolu 31 tiegħu?

3)

Meta tirrifjuta l-applikazzjoni tal-metodu previst fl-Artikolu 30(2)(a) tal-Kodiċi Doganali, l-awtorità doganali hija obbligata li titlob l-informazzjoni neċessarja mingħand il-produttur jew huwa suffiċjenti li jiġi indikat li l-awtorità ma għandiex tali informazzjoni?

4)

L-awtorità doganali hija obbligata li timmotiva n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-metodi previsti fl-Artikolu 30(2)(ċ) u (d) tal-Kodiċi Doganali, jekk hija tiddetermina l-prezz ta’ merkanzija simili skont ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 151(3) tar-Regolament Nru 2454/93 (2)?

5)

Fid-deċiżjoni tagħha, l-awtorità doganali hija obbligata li timmotiva b’mod eżawrjenti liema informazzjoni hija disponibbli fil-Komunità, fis-sens tal-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali, jew inkella din il-motivazzjoni tista’ tiġi pprovduta iktar tard, billi jiġu prodotti provi iktar iddettaljati matul il-proċeduri?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3.