9.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 371/29


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2015 – Ir-Repubblika tal-Litwanja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-508/15)

(2015/C 371/32)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Litwanja (rappreżentanti: D. Kriaučiūnas, R. Krasuckaitė, M. Palionis u A. Petrauskaitė, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) 2015/1119 tat-22 ta’ Ġunju 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja u tirreferi għall-iskema ta’ rtirar kmieni mill-produzzjoni tal-komoditajiet agrikoli (linja tal-baġit: 6711);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, li jallega ksur tad-dritt tal-UE:

Billi adottat id-deċżiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1) flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għaliex:

1.

Mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur u d-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni applikat korrezzjoni b’rata fissa, minkejja l-fatt li l-informazzjoni ppreżentata wara l-verifika ex post tal-applikazzjonijiet kollha, imwettqa mil-Litwanja b’mod xieraq u raġonevoli, ippermettiet li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni d-dannu finanzjarju li fil-verità ġie kkawżat lill-Unjoni Ewropea. Il-Ġvern tar-Repubblika tal-Litwanja jsostni li l-verifiki ex post imwettqa mill-awtoritajiet Litwani huma mod xieraq sabiex jiġi ddeterminat bi preċiżjoni d-dannu lill-fondi, għaliex:

il-kriterji magħżula għall-verifiki huma konsistenti mal-kunċett ta’ produzzjoni tal-komoditajiet agrikoli;

il-Kummissjoni bi żball rabtet il-kunċett ta’ produzzjoni tal-komoditajiet agrikoli mal-kunċett ta’ rziezet ta’ semi sussistenza;

il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tar-Repubblika tal-Litwanja u l-miżuri li kienu spjegati ċarament fid-dokumenti tal-programmi ta’ żvilupp rurali.

2.

F’kull każ, il-Kummissjoni applikat ħażin il-korrezzjoni finanzjarja eċċessiva ta’ 5 %, għaliex l-applikazzjoni ta’ din il-korrezzjoni hija prevista biss meta r-riskju ta’ telf għall-baġit tal-UE jkun sinjifikattiv, filwaqt li l-verifiki mwettqa u l-informazzjoni ppreżentata mir-Repubblika tal-Litwanja wrew biss riskju finanzjarju żgħir lill-baġit tal-UE li setgħa seħħ.


(1)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013 L 347, p. 549).