14.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 302/57


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Mejju 2015 – KF vs SATCEN

(Kawża T-286/15)

(2015/C 302/73)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: KF (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: A. Kunst, avukat)

Konvenut: European Union Satellite Centre (SATCEN)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-26 ta’ Jannar 2015 innotifikata lir-rikorrenti fit-23 ta’ Marzu 2015 li tiċħad iż-żewġ ilmenti tagħha. Ir-rikorrenti tinvoka l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 28(6) tar-Regolamenti tal-Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (1), konformement mal-Artikolu 277 TFUE;

tannula d-deċiżjoni impliċita tas-SATCEN tal-5 ta’ Lulju 2013 li tiċħad it-talba għall-assistenza mressqa mir-rikorrenti;

tannula d-deċiżjoni tas-SATCEN tal-5 ta’ Lulju 2013 li tissospendi lir-rikorrenti mill-funzjonijiet tagħha u tibda proċeduri dixxiplinarji, sussidjarjament, tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni inċidentalment fl-azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ tneħħija;

tannula d-deċiżjoni ta’ revoka meħuda minn SATCEN fit-28 ta’ Frar 2014;

tikkundanna lis-SATCEN tħallas lir-rikorrenti kumpens għad-danni materjali subiti f’forma ta’ salarji, remunerazzjonijiet u drittijiet sa t-tmiem tal-kuntratt tagħha u li tikkumpensaha għad-danni mhux materjali subiti, stmati b’mod provviżorju ex aequo et bono għal EURO 5 00  000;

tikkundanna lis-SATCEN għall-ispejjeż, b’rata ta’ interessi ta’ 8 %.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

Insostenn tal-azzjoni ta’ annullament tagħha tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ta’ SATCEN tas-26 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti tinvoka motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tagħha għal rimedju effettiv u għal proċedura ekwa.

Il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsderazzjoni l-maġġoranza tar-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li invokat u li bilkemm ikkunsidra d-diversi vjolazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.

2.

Insostenn tal-azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ SATCEN tal-5 ta’ Lulju 2013 li tirrifjuta li tagħti assistenza skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ SATCEN, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ assistenza skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolamenti tal-Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt tar-rikorrenti skont l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta tal-UE”).

it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u d-dritt tar-rikorrenti skont l-Artikolu 31 tal-Karta tal-UE.

3.

Insostenn tal-azzjoni tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni meħuda minn SATCEN u tad-deċiżjoni tiegħu li jiftaħ proċeduri dixxiplinarji, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità, tal-ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba u ta’ abbuż ta’ poter.

it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti, ksur tal-Artikoli 1(1) u 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea.

it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

4.

insostenn tal-azzjoni tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ revoka meħuda minn SATCEN fit-28 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

l-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, tal-Artikolu 10(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt tar-rikorrenti għal aministrazzjoni tajba.

it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità.

it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu tal-istabbiliment tal-fondatezza tal-fatti invokati mill-Awtorità tal-Ħatra, id-dritt ta’ aċċess tar-rikorrenti bil-għan li tiġi stabbilita l-innoċenza tagħha kif ukoll tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

ir-raba’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter. Ir-Rapport tad-Direttur ma jsemmix il-fatti li dwarhom sar l-ilment. Iċ-chairperson tal-Bord Dixxiplinarju indebitament irrifjuta li jitlob lid-direttur li jiddtermina l-atti speċifiċi li bihom ġiet akkużata r-rikorrenti.


(1)  Deċiżjoni tal-kunsill 2009/747/PESK tal-14 ta’ Settembru 2009 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009 L 276, p. 1)