15.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 59/9


Appell ippreżentat fit-8 ta’ Diċembru 2015 minn Viasat Broadcasting UK Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-24 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-125/12, Viasat Broadcasting UK Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-660/15 P)

(2016/C 059/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Viasat Broadcasting UK Ltd (rappreżentanti: M. Honoré u S. Kalsmose-Hjelmborg, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tad-Danimarka, TV2/Danmark A/S

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza mogħtija fil-Kawża T–125/12, Viasat Broadcasting UK Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE (1), tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri meħuda mill-Istat Daniż favur TV2/Danmark (ĠU L 340, p. 1);

tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jew

sussidjarjament,

tannulla s-sentenza appellata;

tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali, u

tirriżerva l-ispejjeż quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, Viasat Broadcasting UK Ltd issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha skont l-Artikolu 106(2) TFUE, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-għajnuna mogħtija lil TV2 kienet ingħatat mingħajr ma ġew osservati l-prinċipji fundamentali ta’ trasparenza u ta’ effettività dwar l-ispejjeż.

Iktar preċiżament, Viasat Broadcasting UK Ltd issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi i) meta bbażat ruħha fuq is-sentenza M6 vs Il-Kummissjoni (T-568/08 u T-573/08, EU:T:2010:272) u fuq il-ġurisprudenza relatata sabiex tiċħad it-talbiet tagħha, ii) meta ddeċidiet li l-argumenti tagħha kienu jwasslu għal “impass loġiku”, iii) meta ċaħdet l-importanza, minn naħa, tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Qafas Komunitarju ta’ għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku” tal-2005 (ĠU C 297, p. 4) u tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-qafas tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi tal-2011 (ĠU 2012, C 8, p. 15) u, min-naħa l-oħra, tal-komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tax-xandir tas-servizz pubbliku dwar għajnuna mill-Istat tal-2009 (ĠU C 257, p. 1) u iv) meta ddeċidiet li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tax-xandir tas-servizz pubbliku dwar għajnuna mill-Istat tal-2001 (ĠU C 320, p. 5) kienet tfixkel lill-Kummissjoni milli tapplika l-metodu li, fl-opinjoni tagħha, kien jirriżulta mill-Artikolu 106(2) TFUE.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2011 dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C 2/03) għal TV2/Danmark, (ĠU L 340, p. 1)