11.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 7/12


Appell ippreżentat fit-13 ta’ Novembru 2015 minn Alexios Anagnostakis mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-30 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-450/12, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-589/15 P)

(2016/C 007/19)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellant: Alexios Anagnostakis (rappreżentant: A. Anagnostakis, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza fil-Kawża T-450/12 fuq rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ottubru 2012 kontra l-Kummissjoni Ewropea għall-annullament tal-miżura ta’ din tal-aħħar tas-6 ta’ Settembru 2012 li tiċħad ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “ONE MILLION SIGNATURES FOR A EUROPE OF SOLIDARITY”;

tilqa’ r-rikors;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-6 ta’ Settembru 2012 li tiċħad ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “ONE MILLION SIGNATURES FOR A EUROPE OF SOLIDARITY”;

tordna lill-Kummissjoni sabiex tirreġistra l-inizjattiva suesposta skont il-liġi, u tordna kull miżura oħra rikjesta mil-liġi;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

Difetti fil-pendenzi tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali

Is-sentenza appellata totalment ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tar-rikors, li l-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej kienet tikkonċerna esklużivament dik il-parti tad-dejn pubbliku li hija kkunsidrata bħala “odjuża”.

Fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tassumi b’mod żbaljat li l-proposta tikkonċerna d-dejn pubbliku kollu, mingħajr ebda distinzjoni jew prekundizzjoni oħra.

F’dan ir-rigward, is-sentenza appellata naqset milli tevalwa s-suġġett tal-kawża b’mod korrett.

Is-sentenza ngħatat abbażi ta’ kunsiderazzjoni żbaljata tal-kontenut u tat-talbiet tal-kawża.

2.

Ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qortiu Ġenerali, interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tat-Trattati u tad-dritt tal-Unjoni

(A)

B’interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenza appellata ddikjarat li l-Artikoli 122 TFUE u 136 TFUE, invokati fir-rikors, ma jikkostitwixxux bażi legali adegwata għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni Ewropea permezz tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-Istati Membri li jkun qiegħdin jesperjenzaw, jew ikun mhedda minn, problemi finanzjarji kbar.

Skont l-Artikolu 136 TFUE kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/199/EU (1) tal-25 ta’ Marzu 2011 u l-Artikoli 4(1) TFUE u 5(2) TFUE, is-setgħa tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-ewro li jikkonkludu ftehim bejniethom marbut mal-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà u ta’ assistenza finanzjarja hija assoluta. Il-Kummissjoni għandha setgħa konferita partikolari u diskrezzjoni fir-rigward ta’ proposta sabiex jiġi stabbilit tali mekkaniżmu taħt l-Artikolu 352 TFUE, bħala azzjoni neċessarja sabiex jinkisbu l-għanijiet tat-Trattati, dwar l-istabbiltà fiż-żona tal-ewro.

(B)

B’interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tat-Trattati u tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenza appellata ddeċidiet li ma jeżisti xejn li jsostni l-konklużjoni jew li jipprova li l-adozzjoni tal-prinċipju tal-istat ta’ neċessità għandha l-effett li ssaħħaħ il-koordinazzjoni tad-dixxiplina tal-baġit jew li din taqa’ taħt il-linji politiċi li l-Kunsill huwa awtorizzat li jistabbilixxi għall-għanijiet tal-funzjonament korrett tal-unjoni ekonomika u monetarja.

Għall-kuntrarju, jekk tiġi interpretata u applikata b’mod korrett, il-miżura mitluba, jiġifieri l-annullament ta’ dejn odjuż, hija maħsuba esklużivament sabiex issaħħaħ id-dixxiplina baġitarja tal-Istat Membru u li tiżgura l-funzjonament korrett tal-unjoni ekonomika u monetarja (Artikolu 136(1) TFUE).

(C)

B’interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tat-Trattati u tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenza appellata eskludiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 122 TFUE bħala bażi legali adegwata għall-adozzjoni tal-prinċipju tal-istat ta’ neċessità fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa, skont l-Artikolu 352 TFEU, li tissottometti proposta lill-Kunsill sabiex jew jiżgura s-solidarjetà bejn l-Istati Membri taħt l-Artikolu 122(1) TFUE jew li jagħti l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni Ewropea taħt l-Artikolu 122(2) TFUE favur l-Istat Membru li jkun f’diffikultajiet serji li fuqhom ma jkollux kontroll

(D)

B’interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tat-Trattati u tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenza appellata ddikjarat li għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tiċħad it-talba li tiġi rreġistrata proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Ir-raġunijiet għaċ-ċaħda esposti fil-miżura kkontestata huma insuffiċjenti u żbaljati. Dawn imorru kontra l-obbligu li tingħata motivazzjoni adegwata naxxenti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011.

(E)

B’interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenza appellata ssostni li, anki jekk il-prinċipju tal-istat ta’ neċessità jeżisti bħala regola tad-dritt internazzjonali, dan il-fatt ma huwiex suffiċjenti sabiex iservi bħala bażi għal inizjattiva leġiżlattiva min-naħa tal-Kummissjoni. Id-dritt internazzjonali u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali jikkostitwixxi sorsi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Bħala tali dawn huma ċertament inkorporati u japplikaw b’mod dirett fid-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha dritt li tipproponi l-applikazzjoni tal-prinċipji suesposti li huma legalment superjuri, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika fit-Trattati meta hija tikkunsidra li din tal-aħħar ma teżistix.

(F)

B’interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tad-dritt, is-sentenza appellata ikkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-Kummissjoni. Li kieku d-dritt ġie evalwat b’mod korrett, skont dak li ntqal preċedentement, ir-rikors kien jiġi milqugħ u l-Kummissjoni kienet tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta miegħu.


(1)  ĠU 2011 L 91, p. 1.