11.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 7/11


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ottubru 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Malta

(Kawża C-557/15)

(2016/C 007/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes, K. Mifsud-Bonnici, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika ta’ Malta

Talbiet

tiddikjara li, billi adottat deroga li tippermetti l-qabda ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana (Sponsun Fringilla coelebs, Ġojjin Carduelis cannabina, Gardell Carduelis carduelis, Verdun Carduelis chloris, Taż-Żebbuġ Coccothraustes coccothraustes, Apparell Serinus serinus u Ekru Carduelis spinus), ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5(a), 5(e) u 8(1), meqjusa flimkien mal-punt (a) tal-Anness IV, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 9(1), tad-Direttiva 2008/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (1);

tikkundanna lir-Repubblika ta’ Malta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Malta introduċiet deroga li tawtorizza l-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana fl-2014, li bis-saħħa tagħha awtorizzat staġuni tal-insib fl-2014 u fl-2015.

Id-Direttiva 2009/147 tobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu l-qabda u ż-żamma ta’ għasafar selvaġġi li ma humiex inklużi fl-Anness II, bħall-għasafar tal-għana inkwistjoni, u l-qabda ta’ għasafar selvaġġi permezz ta’ metodi mhux selettivi bħalma huma x-xbiek u n-nases. Kull deroga minn dawn il-projbizzjonijiet hija suġġetta għall-kundizzjonijiet stretti previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva.

Il-Kummissjoni tqis li d-deroga ta’ Malta, li tippermetti l-insib għas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana ma hijiex konformi mal-Artikoli 5(a), 5(e) u 8(1), meqjusa flimkien mal-punt (a) tal-Anness IV tad-Direttiva.

Il-Kummissjoni tqis li Malta ma stabbilixxietx li l-kundizzjonijiet għal deroga previsti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva huma ssodisfatti. L-ewwel nett, Malta ma rnexxilhiex turi l-assenza ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti, kif meħtieġ mill-parti introduttiva tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva. It-tieni nett, id-deroga ta’ Malta ma tipprovdix motivazzjoni fir-rigward tal-allegata assenza ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti. It-tielet nett, Malta ma wrietx li l-attività awtorizzata tikkostitwixxi “użu meqjus” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva. Ir-raba’ nett, Malta lanqas ma wriet li osservat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva fis-sens li d-deroga għandha tikkonċerna biss “numri żgħar” ta’ għasafar. Il-ħames nett, Malta ma stabbilixxietx li l-awtorizzazzjoni tingħata taħt “kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta”, kif jeżiġi l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva.


(1)  ĠU L 20, p. 7.