14.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 414/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Secretario Judicial del Juzgado de Violencia sobre la Mujer de Terrassa (Spanja) fit-23 ta’ Settembru 2015 – Ramón Margarit Panicello vs Pilar Hernández Martínez

(Kawża C-503/15)

(2015/C 414/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Secretario Judicial del Juzgado de Violencia sobre la Mujer de Terrassa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ramón Margarit Panicello

Konvenuta: Pilar Hernández Martínez

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 34, 35, 207(2) u 207(4) (Liġi 1/2000), li jirregolaw il-proċedura amministrattiva għall-irkupru ta’ onorarji mhux imħallsa (Jura de Cuentas) huma inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (1), sa fejn jipprekludu l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv:

Fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 34 u 35 (Liġi 1/2000) is-Secretario Judicial huwa “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

2)

L-Artikoli 34 u 35 (Liġi 1/2000) huma inkompatibbli mal-Artikoli 6(1) u 7(2) tad-Direttiva 93/13/KEE (2) u mal-Artikoli 6(1)(d), 11 u 12 tad-Direttiva 2005/29/KE (3), sa fejn jipprekludu l-verifika ex officio tal-eventwali klawżoli inġusti jew prattiċi kummerċjali żleali inklużi f’kuntratti bejn avukati u persuni fiżiċi li jaġixxu b’għan barra mill-isfera tal-attività professjonali tagħhom?

3)

L-Artikoli 34 u 35 (Liġi 1/2000) huma inkompatibbli mal-Artikoli 6(1) u 7(2) u mal-punt 1(q) tal-Anness għad-Direttiva 93/13/KEE, sa fejn jipprekludu l-produzzjoni tal-prova fil-proċedura amministrattiva għall-irkupru ta’ onorarji mhux imħallsa bil-għan tar-riżoluzzjoni tat-tilwima?


(1)  ĠU 2012, C 326, p. 391

(2)  Direttiva tal-kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)

(3)  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p. 22)