30.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/28


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Novembru 2014 – Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-758/14)

(2015/C 107/38)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Infineon Technologies AG (Neubiberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: I. Brinker, U. Soltész, P. Linsmeier, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Każ AT.39574 – Smart Card Chips tat-3 ta’ Settembru 2014 (notifikata lir-rikorrenti fil-5 ta’ Settembru 2014), b’mod partikolari l-Artikolu 1(a), l-Artikolu 2(a) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 4;

sussidjarjament, tordna tnaqqis sostanzjali tal-multa imposta fuq Infineon Technologies AG skond l-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni; u

tordna lill-Kummisjoni Ewropea tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti fil-proċedura preżenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti tagħha, ir-rikorrenti qed titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 6250 finali, tat-3 ta’ Settembru 2014, fil-Każ Nru AT.39574 – Smart Card Chips.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv jallega li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, b’mod partikolari meta naqset li tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida. Ir-rikorrenti tissottometti illi:

il-Kummissjoni naqset milli tippreżenta l-provi b’mod li kien jippermetti lir-rikorrenti tidentifika l-aġir li sar ilment fuqu sabiex tkun tista’ tiddefendi ruħha b’mod xieraq;

il-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali ta’ Infineon meta introduċiet elementi ta’ provi ewlenin fi stadju tard ħafna tal-proċedura u b’riżultat ta’ dan Infineon ma setgħetx tiddefendi ruħha b’risposta eżawrjenti lid-dikjarazzjoni tal- oġġezzjonijiet u ġiet imċaħħda mill-opportunità li tirribatti l-provi miġjuba kontrieha f’seduta għas-sottomissjonijiet orali; u

uħud mid-dokumenti li bbażat l-argumenti tagħha fuqhom il-Kummissjoni ma ġewx żvelati lil Infineon u ma jistgħux jiġu użati kontriha.

2.

It-tieni motiv jallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-drittijiet tad-difiża ta’ Infineon meta applikat “proċess imħaffef”.

3.

It-tielet motiv jallega li l-kuntatti ta’ Infineon mal-kompetituri tagħha li sar riferiment għalihom fid-Deċiżjoni ma kisrux l-Artikolu 101(1) TFUE. Ir-rikorrenti tissottometti illi:

il-provi li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni ma humiex kredibbli u għaldaqstant ma humiex suffiċjenti sabiex jistabilixxu l-fatti kif deskritti fid-Deċiżjoni lil hinn minn kull dubju raġjonevoli (in dubio pro reo); u

il-fatti kif deskritti mill-Kummissjoni ma jikkostitwixxux “restrizzjoni minħabba l-għan” kif issostni l-Kummissjoni.

4.

Ir-raba’ motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta applikat il-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwat” (KUK), peress li, l-ewwel nett, Infineon kienet responsabbli biss għal seba’ kuntatti bilaterali (minn total ta’ 41 kuntatt), fit-tieni nett, ma kinitx taf bihom u, fl-aħħar nett, ma setgħetx raġonevolment tipprevedi l-kuntatti bilaterali bejn il-parteċipanti l-oħra.

5.

Il-ħames motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti meta kkalkolat il-multa billi ma naqqsitx il-fatturat mill-“valur tal-bejgħ” (il-bażi li fuqha ġiet ikkalkolata l-multa) li b’mod ċar ma ġietx affettwata mill-ksur.

6.

Is-sitt motiv jallega li l-Kummissjoni kisret il-linji gwida tagħha stess fuq multi u kisret ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari meta ffissat “il-perċentwali tal-gravità” fl-istess livell għall-partijiet kollha.