1.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 431/43


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ottubru 2014 – Aalberts Industries vs Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropej

(Kawża T-725/14)

(2014/C 431/67)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Aalberts Industries (Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: R. Wesseling u M. Tuurenhout, avukati)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropej

Talbiet

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Kummissjoni Ewropea, tikkumpensa d-dannu subit minn Aalberts fil-ksur tad-drittijiet tagħha, li għandu jinqasam f’EUR 1 0 41  863 bħala danni materjali u EUR 5 0 40  000 bħala danni morali jew għal ammont li l-Qorti Ġenerali se tiddetermina bħala ekwu, u dan kollu għandu jiżdied bl-interessi kumpensatorji mit-13 ta’ Jannar 2010 sad-data li fiha tingħata s-sentenza f’dan ir-rikors li għandha tiġi kkalkolata bir-rata ffissata mill-BĊE fl-operazzjonijiet prinċipali tagħha ta’ finanzjament mill-ġdid fis-seħħ f’dan il-perijodu miżjuda b’żewġ punti jew bir-rata li l-Qorti Ġenerali għandha tiffissa b’mod ekwu;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Kummissjoni Ewropea, għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti sostniet li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħha li tara l-kawża tagħha ttrattata fi żmien raġonevoli fir-rikors T-385/06, Aalberts Industries NV et vs Il-Kummissjoni li r-rikorrenti ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121 – Attrezzaturi).

Ir-rikorrenti tippreċiża li l-proċedura damet erba’ snin u tliet xhur, meta t-trattament tar-rikors tiegħu mill-Qorti Ġenerali ma setgħax idum iktar minn tliet snin, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża. Ir-rikorrenti tafferma li l-Qorti Ġenerali aġixxiet bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta li jobbliga lill-qrati tal-Unjoni li jiddeċiedu fi żmien raġonevoli fil-kawżi mressqa quddiemhom u tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jagħti lill-individwi d-dritt li l-kawża tagħhom tiġi trattata fi żmien raġonevoli.

Ir-rikorrenti sofriet dannu reali u ċert minħabba l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx ir-rikors fi żmien tliet snin. Dan id-dannu jikkonsisti fl-ispejjeż sostnuta minnha għall-iffinanzjar mill-ġdid ta’ garanzija bankarja meta t-trattament tar-rikors jaqbeż it-tliet snin.

Ir-rikorrenti sostniet dannu morali billi hija kienet meqjusa bħala parti għal ftehim illegali għal tul ta’ żmien twil li ma huwiex normali minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti tikkunsidra li kumpens fl-ammont ta’ 5 % tal-multa inizjalment imposta tikkorrispondi għal kumpens li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis adatt f’kawżi simili fejn it-terminu għall-eżami tal-multi għall-akkordju jinqabeż sostanzjalment.

Ir-rikorrenti tafferma li dak kollu msemmi iktar ’il fuq jikkonferma l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn id-dannu mitlub u d-dispożizzjoni legali miksura mill-Unjoni intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi. Ir-rikorrenti tqis li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 340 TFUE.