25.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/49


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2014 – CHEMK u KF vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-487/14)

2014/C 282/64

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Chelyabinsk electrometallurgical integrated plant OAO (CHEMK) (Chelyabinsk, ir-Russja) u Kuzneckie ferrosplavy OAO (KF) (Novokuznetsk, ir-Russja) (rappreżentanti: B. Evtimov u M. Krestiyanova, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2014, tad-9 ta’ April 2014, li jimponi dazju ta’ antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-ferrosiliċju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Russja (ir-“regolament ikkontestat”), wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (1) (ir-“regolament bażiku”) (ĠU L 107, p. 13).

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi li jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku u/jew fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li entità ekonomika unika hija irrelevanti għall-kalkolu tal-prezz kostrutt tal-esportazzjoni (inklużi l-aġġustamenti għall-prezz tal-esportazzjoni) skont l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku, kif ukoll fil-konklużjoni li tirriżulta minnu li tnaqqis komplet tal-ispejjeż ta’ bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż oħra ġenerali kif ukoll tal-qligħ ta’ RFA International mill-prezz kostrutt tal-esportazzjoni ta’ CHEMK Group kien iġġustifikat. Sa fejn il-Kummissjoni setgħet ibbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq sabiex tiċħad l-argument tal-eżistenza ta’ entità ekonomika unika invokat mir-rikorrenti, dawn isostnu li tali ċaħda hija wkoll ivvizzjata minn żball ta’ liġi u/jew żball manifest ta’ evalwazzjoni.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(10) tar-regolament bażiku kif ukoll fuq il-ksur relatat tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, meta l-Kummissjoni naqqset id-dazji antidumping mill-prezz kostrutt tal-esportazzjoni tar-rikorrenti. Il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku jirriżulta mill-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ metodu ġdid għall-evalwazzjoni ta’ jekk id-dazji humiex debitament riflessi fil-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid, liema metodu kien differenti mill-metodu użat meta sar l-aħħar eżami mill-ġdid intermedju li wassal għad-dazju fis-seħħ kontra r-rikorrenti.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni relatati ma’ allegata probabbiltà li jerġa’ jsir dumping dannuż fir-rigward tal-importazzjonijiet Russi huma vvizzjati minn serje ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).