28.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/25


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2014 – Stührk Delikatessen Import vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-58/14)

2014/C 129/32

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Stührk Delikatessen Import GmbH & Co. KG (Marne, il-Ġermanja) (rappreżentant: J. Sparr, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013)8286 finali, tas-27 ta’ Novembru 2013, fil-Każ AT.39633 – gambli, innotifikata lir-rikorrenti fid-29 ta’ Novembru 2013, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna r-rikorrenti;

sussidjarjament, tannulla fl-intier tagħha l-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

iktar sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u tiffissa ammont ta’ multa li ma jaqbiżx EUR 188 300, u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:

Il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’akkordju globali fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Belġju, fi Franza u fil-Ġermanja, peress li r-rikorrenti sempliċement ħadet inkunsiderazzjoni l-prezz mogħti minn żewġ kumpanniji b’saħħithom fis-suq rilevanti u intiż għal xerrej fit-tramuntana tal-Ġermanja u għalhekk kienet parti fi ftehim antikompetittiv li huwa limitat ħafna fil-livell ġeografiku u sostantiv.

Ir-rikorrenti tosserva li hija la kienet appoġġjat u lanqas ma kienet taf bil-ftehim li l-Kummissjoni kkonstatat bejn il-parteċipanti l-oħra dwar il-prezzijiet, il-volumi jew it-tqassim tal-klijenti fis-swieq tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Belġju u ta’ Franza.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni korrettament stabbilixxiet parti mill-fatti li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni u li parti oħra minn dawn il-fatti kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni żbaljata, kuntrarja għad-data u għall-kontenut ta’ dawn il-fatti. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tenfasizza wkoll in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ numru ta’ ċirkustanzi attenwanti fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Linji gwida tal-Kummissjoni tal-2006 għall-kalkolu tal-multi u għall-applikazzjoni tagħhom huma illegali u kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-qafas stabbilit mil-leġiżlatur għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li, matul il-proċedura, il-Kummissjoni ma segwietx b’mod sinjifikattiv l-metodoloġija stabbilita mil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi. Hija wkoll injorat il-fatt li kienet marbuta bil-Linji gwida tagħha stess u għalhekk marret lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni permess lilha. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni arbitrarjament iffissat il-multi imposti fuq il-parteċipanti fil-ftehim globali kkonstatat u tat tnaqqis ikbar lill-parteċipanti ewlenin u għall-instigaturi ta’ dan l-akkordju milli lir-rikorrenti, li jikkontradixxi l-konstatazzjonijiet misjuba mill-Kummissjoni dwar il-gravità rispettiva tal-ksur.