9.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 325/34


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Awissu 2013 — CPME et vs Il-Kunsill

(Kawża T-422/13)

2013/C 325/58

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Committee of Polyethylene Terephthalate (PET) Manufacturers in Europe (CPME) (Brussell, il-Belġju); Artenius España, SL (El Prat del Llobregat, Spanja); Cepsa Quimica, SA (Madrid, Spanja); Equipolymers Srl (Milan, l-Italja); Indorama Ventures Poland sp. z o.o. (Włocławek, il-Polonja); Lotte Chemical UK Ltd (Newcastle upon Tyne, ir-Renju Unit); M&G Polimeri Italia SpA (Patrica, l-Italja); Novapet, SA (Zaragoza, Spanja); Ottana Polimeri Srl (Ottana, l-Italja); UAB Indorama Polymers Europe (Klaipėda, il-Litwanja); UAB Neo Group (Rimkai, il-Litwanja); u UAB Orion Global pet (Klaipėda) (rappreżentanti: L. Ruessmann, avukat, u J. Beck, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/226/UE (1);

tikkundanna lill-konvenut sabiex jagħti kumpens lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20(4) u (5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku antidumping”) u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, sa fejn il-Kunsill naqas milli jikkomunika lil dawn tal-aħħar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ma provdilhomx terminu raġonevoli sabiex jikkummentaw.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u kiser l-Artikoli 11(2) u 21(1) tar-Regolament bażiku antidumping meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari meta kkonkluda, fil-premessi sbatax u tlieta u għoxrin tad-deċiżjoni kkontestata li huwa improbabbli li l-iskadenza tal-miżuri ġġib magħha r-rikorrenza ta’ dannu serju u li ma huwiex manifestament fl-interess tal-Unjoni li l-miżuri antidumping jiġu estiżi.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser b’mod manifest u gravi l-obbligi tiegħu ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn huwa naqas milli jinnotifika lir-rikorrenti l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

(4)

Ir-raba’ motiv, imqajjem insostenn tat-talba għad-danni, ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill allegatament aġixxa b’mod illegali meta adotta d-deċiżjoni kkontestata u li b’dan il-mod ikkawża lir-rikorrenti danni li għalihom l-Unjoni Ewropea hija responsabbli bis-saħħa tal-Artikolu 340(2) TFUE.


(1)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2013, li jirrifjuta l-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment tar-reviżjoni ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indoneżja u l-Malasja, minħabba li l-proposta timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja (ĠU L 136, p. 12).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat- 30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).