4.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/29


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Marzu 2013 — Comune di Milano vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-167/13)

2013/C 129/54

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Comune di Milano (l-Italja) (rappreżentanti: S. Grassani u A. Franchi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 9448 tad-19 ta’ Diċembru 2012, dwar iż-żidiet ta’ kapital imwettqa mill-kumpannija SEA S.p.A. favur SEA Handling S.p.A.;

sussidjarjament, wara li tkun evalwat l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali speċifiċi li ħolqu għar-rikorrent l-aspettattivi leġittimi li ż-żidiet ta’ kapital ma kinux ser jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tannulla l-Artikoli 3, 4 u 5 tad-deċiżjoni, li jimponu obbligu ta’ rkupru fuq l-Italja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

(1)

Permezz tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur u fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Comune di Milano jallega żball fid-deċiżjoni li l-Kummissjoni ddeċidiet il-miżuri kkontestati imputabbli għall-Comune (u għaldaqstant għall-Istat). Skont il-Comune, il-Kummisjsoni ma pprovdiet ebda prova ta’ din l-imputabbiltà, b’tali mod li l-miżuri kkontestati ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat.

(2)

Permezz tat-tieni motiv, ibbażat ukoll fuq ksur u fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Comune di Milano jsostni l-natura żbaljata tad-deċiżjoni sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-kriterju tal-investitur privat li jopera f’kundizzjonijiet ta’ suq ma kienx sodisfatt. Għall-kuntrarju, dan il-kriterju kien kompletament sodisfatt, u l-ebda vantaġġ ma ngħata lill-benefiċjarju tal-miżuri; għaldaqstant il-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat.

(3)

Permezz tat-tielet motiv, il-Comune di Milano jsostni ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà u tal-Linji gwida għas-settur tal-ajruporti, fatt li jinvalida l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-allegata inkompatibbiltà tal-miżuri kkontestati.

(4)

Permezz tar-raba’ motiv, maqsum f’żewġ partijiet, il-Comune, wara li fakkar l-aġir tal-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni, jiddenunzja fl-ewwel lok (a) ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet ta’ difiża u, fit-tieni lok, (b) ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, li wassal għall-invalidità tal-ordni ta’ rkupru.