62011CJ0250


Titolu u referenza

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tad-19 ta' Lulju 2012.

Lietuvos geležinkeliai AB vs Vilniaus teritorinė muitinė u Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos.

Talba għal deċiżjoni preliminari: Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės - il-Litwanja.

Eżenzjoni mid-dazji doganali u mill-VAT fuq l-importazzjoni ta’ beni - Karburant li jinsab fit-tankijiet standard ta’ vetturi bil-mutur li jinsaqu fuq l-art - Kunċett ta’ ‘vettura tat-triq bil-mutur’ - Lokomotivi - Transport bit-triq u transport ferrovjarju - Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament - Prinċipju ta’ newtralità.

Kawża C-250/11.

 European Court reports 2012 Page 00000

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-Kawża C‑250/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

Lietuvos geležinkeliai AB

vs

Vilniaus teritorinė muitinė,

Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, K. Schiemann (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal Lietuvos geležinkeliai AB, minn J. Sakalauskas u K. Švirinas, avukati,

– għall-Vilniaus teritorinė muitinė, minn L. Markevičienė, bħala aġent,

– għall-Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos, minn A. Šipavičius, bħala aġent,

– għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u D. Stepanienė, bħala aġenti,

– għall-Gvern Grieg, minn G. Papadaki u I. Bakopoulos, bħala aġenti,

– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė u C. Soulay, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni:

– tal-Artikolu 112(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjoni[j]iet minn dazju doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 419), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1315/88, tat-3 ta’ Mejju 1988 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 918/83”);

– tal-Artikolu 107(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009, tas-16 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (ĠU L 324, p. 23);

– tal-Artikolu 82(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 83/181/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983, li tiddetermina l-iskop tal-Artikolu 14(1)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 91), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 88/331/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1988 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 131, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 83/181”), u

– tal-Artikolu 84(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE, tad-19 ta’ Ottubru 2009, li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU L 292, p. 5).

2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Lietuvos geležinkeliai AB (kumpannija b’responsabbiltà limitata Litwana tal-ferroviji, iktar ’il quddiem “LG”) u Vilniaus teritorinė muitinė (dipartiment tad-dwana ta’ Vilnius) dwar dazji supplimentari tas-sisa u t-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), kif ukoll dwar multa imposta fuq LG minn dan id-dipartiment.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3. L-Artikolu 112 tar-Regolament Nru 918/83 jifforma parti mit-Titolu XXVII tiegħu, intitolat “Karburanti u lubrikanti preżenti f’vetturi bil-mutur ta’ l-art [li jinsaqu fuq l-art]”.

4. L-Artikolu 112(1)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-karburant miżmum fit-tankijiet standard ta’ vetturi bil-mutur privati u kummerċjali u muturi, li jidħlu fit-territorju tad-dwana tal-Komunità, għandu jkun eżenti mid-dazji fuq l-importazzjoni.

5. Skont l-Artikolu 112(2)(a) tal-imsemmi regolament, il-kunċett ta’ “vettura b’mutur kummerċjali” huwa ddefinit kif ġej:

“kwalunkwe vettura għat-triq [tat-triq] b’mutur (inklużi t-tratturi bil-karrijiet jew mingħajrhom) li bit-tip ta’ kostruzzjoni tagħhom u t-tgħammir tagħhom huma mfassla għal u kapaċi jittrasportaw, kemm jekk bil-ħlas jew le:

– iktar minn disa’ persuni inkluż is-sewwieq,

– il-merkanzija,

u kwalunkwe vettura għat-triq għal skop speċifiku li mhux għat-trasport”.

6. Fil-verżjonijiet tal-Artikolu 112(2)(a) tal-istess regolament bil-lingwa Bulgara, Spanjola, Ċeka, Ġermaniża, Estonjana, Griega, Ingliża, Franċiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Ungeriża, Maltija, Pollakka, Portuġiża, Rumena, Slovakka, Slovena u Finlandiża, id-definizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni tikkwalifika l-vettura inkwistjoni bħala vettura “għat-triq [tat-triq]”, filwaqt li fil-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, Olandiża u Svediża ma hemmx tali kwalifika.

7. L-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 918/83 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jillimitaw l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni għal dak li jirrigwarda l-karburant fit-tankijiet standard ta’ vetturi bil-mutur kummerċjali għal 200 litru għal kull vettura u għal kull vjaġġ.

8. Ir-Regolament 1186/2009 ħassar ir-Regolament Nru 918/83 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010. L-Artikolu 107(1)(a) u (2)(a) kif ukoll l-Artikolu 108 tiegħu jirriproduċu madankollu l-Artikoli 112(1)(a) u 113 tar-Regolament Nru 918/83 bi kliem identiku, jew, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bi kliem essenzjalment identiku.

9. L-Artikolu 82 tad-Direttiva 83/181, li jifforma parti mill-Kapitolu VI ta’ din tal-aħħar, huwa intitolat “Karburanti u lubrikanti preżenti f’vetturi bil-mutur ta’ l-art [li jinsaqu fuq l-art] u f’kontenituri speċjali”.

10. L-Artikolu 82(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi, bi kliem essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 112(1)(a) tar-Regolament Nru 918/83, li l-karburant li jkun fit-tankijiet standard, b’mod partikolari ta’ vetturi bil-mutur kummerċjali, għandu jkun eżenti mill-VAT fuq l-importazzjoni.

11. L-Artikolu 82(2)(a) tad-Direttiva 83/181 fih definizzjoni tal-kunċett ta’ “vettura bil-mutur kummerċjali” li hija, f’kull verżjoni lingwistika bl-eċċezzjoni tal-verżjonijiet bil-lingwa Rumena u Svediża, identika, jew essenzjalment identika, għal dik li tidher fl-Artikolu 112(2)(a) tar-Regolament Nru 918/83.

12. Fil-verżjonijiet tal-Artikolu 82(2)(a) tal-istess regolament bil-lingwa Bulgara, Spanjola, Ċeka, Ġermaniża, Estonjana, Griega, Ingliża, Franċiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Ungeriża, Maltija, Pollakka, Portuġiża, Slovakka, Slovena, Finlandiża u Svediża, id-definizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni tikkwalifika l-vettura inkwistjoni bħala vettura “tat-triq”, filwaqt li fil-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, Olandiża u Rumena ma hemmx tali kwalifika.

13. L-Artikolu 83 tad-Direttiva 83/181 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jillimitaw l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT għal dak li jirrigwarda l-karburant fit-tankijiet standard ta’ vetturi bil-mutur kummerċjali għal 200 litru għal kull vettura u għal kull vjaġġ.

14. Id-Direttiva 2009/132 ħassar id-Direttiva 83/181 b’effett mit-30 ta’ Novembru 2009. L-Artikolu 84(1)(a) u (2)(a) tad-Direttiva 2009/132 jirriproduċi madankollu id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82(1)(a) u (2)(a) tad-Direttiva 83/181 bi kliem identiku, jew, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bi kliem essenzjalment identiku. Barra minn hekk, l-Artikolu 85 tad-Direttiva 2009/132 fih dispożizzjonijiet li huma essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 83 tad-Direttiva 83/181.

Id-dritt Litwan

15. L-Artikolu 40 tal-Liġi tar-Repubblika Litwana Nru IX‑751 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Lietuvos Respublikos pridėtinės vertės mokesčio įstatymas n° IX‑751, Žin., 2002, n° 35‑1271, 2002, n° 40, 2002, n° 46, 2002, n° 48), kif emendata (Žin., 2004, n° 17‑505, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”), intitolat “Każijiet speċifiċi li fihom il-prodotti importati ma humiex suġġetti għall-VAT fuq l-importazzjoni”, jipprovdi fil-punt 21 tal-paragrafu 1 tiegħu li “l-karburanti u lubrikanti preżenti f’vetturi bil-mutur, neċessarji għall-użu ta’ dawn il-vetturi” għandhom ikunu eżenti mill-VAT fuq l-importazzjoni.

16. Il-punt 18.1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 438, dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ prodotti importati (dėl importuojamų prekių neapmokestinimo pridėtinės vertės mokesčiu, Žin., 2004, n° 58-2048), tas-16 ta’ April 2004, jippreċiża li l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni prevista fil-punt 21 tal-Artikolu 40(1) tal-liġi dwar il-VAT tapplika fir-rigward tal-karburant li jinsab:

“fil-vetturi tat-triq kummerċjali bil-mutur intiżi għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija, inklużi t-tratturi jew il-vetturi bil-karrijiet, fit-tankijiet tagħhom ta’ karburant imwaħħla b’mod permanenti, imsemmija fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur (inklużi ċ-ċilindri tal-gass, installati fi vettura fil-kuntest ta’ installazzjoni bil-gass), li minnhom dan il-karburant huwa direttament injettat f’sistemi mwaħħla b’mod permanenti għall-provvista ta’ karburant tal-vettura jew huwa użat fis-sistemi għat-tkessiħ jew f’sistemi oħra.”

17. L-Artikolu 41 tal-Liġi tar-Repubblika Litwana Nru IX‑1987 dwar id-dazji tas-sisa (Lietuvos Respublikos akcizų įstatymas, Žin., 2004, n° 26‑802, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-dazji tas-sisa”), intitolat “Każijiet speċifiċi fejn il-prodotti ta’ enerġija huma eżenti mid-dazju tas-sisa”, jipprovdi, fil-punt 8 tal-paragrafu 1 tiegħu, għal eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għal dak li jirrigwarda:

“il-prodotti ta’ enerġija, importati fir-Repubblika tal-Litwanja fi vetturi, fit-tankijiet tagħhom ta’ karburant u ta’ żejt għall-mutur imwaħħla b’mod permanenti, imsemmija fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur, li minnhom dan il-karburant jew dan iż-żejt huma direttament injettati f’sistemi mwaħħla b’mod permanenti għall-provvista ta’ karburant jew għal-lubrikazzjoni tal-mutur tal-vettura”.

18. L’Artikolu 41(2) tal-liġi dwar id-dazji tas-sisa jipprovdi li s-sistema ta’ eżenzjoni u l-limitazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huma ddefiniti mill-gvern jew minn istituzzjoni awtorizzata minnu.

19. Il-punt 12 tar-Regoli dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet previsti fil-punti 3 sa 8 tal-Artikolu 41(1) tal-liġi dwar id-dazji tas-sisa, approvati permezz tad-Digriet tal-Gvern Nru 821, tal-4 ta’ Ġunju 2002 (Žin., 2002, n° 56‑2264), jipprovdi li d-dazji tas-sisa ma humiex imposti fuq il-prodotti ta’ enerġija importati fil-Litwanja “jekk jinsabu fi vetturi tat-triq kummerċjali bil-mutur intiżi għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija, inklużi t-tratturi jew il-vetturi bil-karrijiet, fit-tankijiet tagħhom ta’ kaburant imwaħħla b’mod permanenti msemmija fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur (inklużi ċ-ċilindri tal-gass, installati fi vettura fil-kuntest ta’ installazzjoni bil-gass), li minnhom dawn il-prodotti ta’ enerġija huma direttament injettati f’sistemi mwaħħla b’mod permanenti għall-provvista ta’ karburant tal-vettura jew huma użati fis-sistemi għat-tkessiħ jew f’sistemi oħra, bil-kundizzjoni li dawn il-prodotti ta’ enerġija jintużaw fl-istess vettura li fiha ġew importati”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20. Matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sat-30 ta’ April 2010, LG xtrat regolarment diżil mill-istazzjonijiet ferrovjarji ta’ Nesterov u ta’ Sovetsk, fit-territorju taż-żona ta’ Kaliningrad (ir-Russja), bħala fjuwil għal-lokomotivi tagħha. Dan il-karburant tpoġġa fit-tankijiet standard tal-lokomotivi u sussegwentement ġie importat fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea fl-imsemmija tankijiet, mingħajr ma kien is-suġġett ta’ dikjarazzjoni doganali.

21. L-awtoritajiet Litwani kienu indikaw lil LG li hija kienet tibbenefika minn eżenzjoni fuq l-importazzjoni għal dak li jirrigwarda l-karburant importat fit-tankijiet tal-lokomotivi li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi. Fil-fatt, il-Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (dipartiment tad-dwana fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja) kien indika, f’ittra tas-26 ta’ Frar 2002, li ma kienx neċessarju li tiddikajra separatament il-karburant fit-tankijiet tal-lokomotivi li jaqsmu l-fruntiera tar-Repubblika tal-Litwanja, peress li dan il-karburant ma huwiex is-suġġett la tad-dazji tas-sisa u lanqas tal-VAT fuq l-importazzjoni.

22. Fit-8 ta’ Ġunju 2007, LG ippreżentat, barra minn hekk, talba lill-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (direttorat nazzjonali tat-taxxi fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja) sabiex tingħata kjarifika dwar jekk il-lokomotivi kellhomx jitqiesu, skont il-liġi dwar il-VAT, bħala vetturi tat-triq bil-mutur. Fit-tweġiba tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2007, din l-awtorità kkonfermat li l-lokomotivi kienu ekwiparati ma’ dawn il-vetturi.

23. F’ittra tal-14 ta’ Novembru 2008, indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja, il-Kummissjoni Ewropea indikat li l-lokomotivi ma jistgħux jiġu ekwiparati ma’ vetturi tat-triq bil-mutur u li l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 112 tar-Regolament Nru 918/83 kif ukoll fl-Artikolu 82 tad-Direttiva 83/181 ma japplikawx, konsegwentement, għall-karburant imp ortat u li jinsab fit-tankijiet standard tal-lokomotivi.

24. Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Novembru 2008, il-Ministeru tal-Finanzi informa lil LG li l-eżenzjonijiet mill-VAT fuq l-importazzjoni previsti fil-liġi dwar il-VAT ma kinux japplikaw għal-lokomotivi. Konsegwentement, LG waqfet milli timla’ t-tankijiet ta’ karburant tal-lokomotivi tagħha fit-territorju Russu. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Novembru 2009, l-imsemmi Ministeru informa lil LG li d-dipartimenti tiegħu kienu ser jipproċedu għall-irkupru tat-taxxi dovuti fuq il-karburant ittrasportat fit-tankijiet standard tal-lokomotivi.

25. Il-Vilniaus teritorinė muitinė wettaq, sussegwentement, kontroll fiskali għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sat-30 ta’ April 2010, fir-rigward tal-karburanti importati fit-territorju doganali tal-Unjoni fit-tankijiet standard ta’ lokomotivi u, fis-16 ta’ Diċembru 2010, innotifika lil LG, permezz tad-Deċiżjoni Nru OVM320138M, rettifika ta’ taxxa għall-ammont ta’ LTL 28 860 895 li jinkludi d-dazji tas-sisa, il-VAT fuq l-importazzjoni, l-interessi moratorji kif ukoll multa talli ma ħallsitx id-dazji tas-sisa u l-VAT fuq l-importazzjoni.

26. Fis-6 ta’ Jannar 2011, LG ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni quddiem id-dipartiment tad-dwana fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi. Billi dan id-dipartiment ma tax id-deċiżjoni tiegħu fit-termini stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli, LG ippreżentat, fit-3 ta’ Marzu 2011, rikors intiż għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

27. L-imsemmija qorti tosserva li t-titolu tar-Regolament Nru 918/83 li jinkludi d-dispożizzjonijiet rilevanti jirreferi biss għall-“vetturi bil-mutur li jinsaqu fuq l-art” u li l-lokomotivi jaqgħu taħt din il-kategorija. Hija tiddubita jekk il-fatt li tiġi applikata sistema fiskali distinta għall-kategoriji differenti ta’ vetturi li jinsaqu fuq l-art huwiex xieraq u jekk għandux bażi ġuridika. Skontha, għandu jiġi eżaminat jekk trattament fiskali differenti għal-lokomotivi u għall-vetturi tat-triq jistax jiġi ġġustifikat permezz ta’ kriterji oġġettivi, peress li l-fatturi kollha l-oħra inkwistjoni, jiġifieri l-għan tal-vettura (f’dan il-każ, kummerċjali), l-importazzjoni tal-karburanti (f’tankijiet standard) u l-mod kif dawn il-karburanti jintużaw (għall-użu ta’ vetturi) huma identiċi.

28. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-Kummissjoni tal-kwistjonijiet fiskali fi ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) L-eżenzjoni minn dazji fuq l-importazzjoni stipulata fl-Artikolu 107(2)(a) [107(1)(a)] tar-Regolament Nru 918/83 [Nru 1186/2009] u fl-Artikolu 112(1)(a) tar-Regolament Nru 1186/2009 [Nru 918/83] għandha tiġi interpretata bħala li tapplika għal vetturi bil-mutur li huma lokomotivi?

2) L-eżenzjoni mill-VAT stipulata fl-Artikolu 82(1)(a) tad-Direttiva 83/181[...] u fl-Artikolu 84(1)(a) tad-Direttiva 2009/132[...] għandha tiġi interpretata bħala li tapplika għall-vetturi bil-mutur li huma lokomotivi?

3) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, dawn ir-regoli, kif stipulati fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82(1)(a) tad-Direttiva 83/181[...] u tal-Artikolu 84(1)(a) tad-Direttiva 2009/132[...], għandhom jiġu interpretati bħala li jipprojbixxu lil Stat Membru li jillimita l-każijiet ta’ eżenzjoni mill-VAT għall-importazzjoni tal-karburant, billi jistipula li din l-eżenzjoni tapplika biss għall-karburant impurtat fit-territorju tal-Unjoni Ewropea fit-tankijiet normali [standard] tal-vetturi awtomobilistiċi [bil-mutur] u meħtieġ għall-operazzjoni ta’ dawn il-vetturi?”

Fuq id-domandi preliminari

29. Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 112(1)(a) tar-Regolament Nru 918/83, l-Artikolu 107(1)(a) tar-Regolament Nru 1186/2009, l-Artikolu 82(1)(a) tad-Direttiva 83/181 u l-Artikolu 84(1)(a) tad-Direttiva 2009/132 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal-lokomotivi.

30. Għandu jiġi mfakkar li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari l-karburant fit-tankijiet standard ta’ “vetturi bil-mutur kummerċjali” li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni huwa eżenti mid-dazji fuq l-importazzjoni kif ukoll mill-VAT fuq l-importazzjoni.

31. Il-kunċett ta’ “vettura bil-mutur kummerċjali” huwa ddefinit fl-Artikolu 112(2)(a) tar-Regolament Nru 918/83, fl-Artikolu 107(2)(a) tar-Regolament Nru 1186/2009, fl-Artikolu 82(2)(a) tad-Direttiva 83/181 kif ukoll fl-Artikolu 84(2)(a) tad-Direttiva 2009/132 bħala “kwalunkwe vettura għat-triq [tat-triq] b’mutur” li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet speċifiċi, li jistgħu, bħala prinċipju, jiġu sodisfatti kemm minn lokomotivi kif ukoll minn vetturi oħra li jinsaqu fuq l-art.

32. F’dan ir-rigward, kif ġie osservat fil-punti 6, 8, 12 u 14 ta’ din is-sentenza, jeżistu differenzi bejn il-varji verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. Fil-verżjonijiet bil-lingwa Bulgara, Spanjola, Ċeka, Ġermaniża, Estonjana, Griega, Ingliża, Franċiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Ungeriża, Maltija, Pollakka, Portuġiża, Slovakka, Slovena u Finlandiża, il-vettura inkwistjoni hija espressament ikkwalifikata bħala vettura “tat-triq”, filwaqt li fil-verżjonijiet bil-lingwa Daniża u Olandiża ma hemmx tali kwalifika. Dawn il-verżjonijiet lingwistiċi jirreferu biss għall-kunċett ta’ “vettura b’mutur”.

33. Fil-verżjonijiet bil-lingwa Rumena u Svediża, teżisti differenza fuq dan il-punt bejn it-tfassil tar-regolamenti u dik tad-direttivi inkwistjoni. Fil-verżjoni bil-lingwa Rumena, filwaqt li d-definizzjoni li tinsab fir-Regolamenti Nri 918/83 u 1186/2009 tirreferi għall-kunċett ta’ “vettura tat-triq b’mutur”, dik li tinsab fid-Direttivi 83/181 u 2009/132 tirreferi għall-kunċett ta’ “vettura b’mutur”. Bil-kontra, fil-verżjoni bil-lingwa Svediża, d-definizzjoni li tinsab fir-Regolamenti Nri 918/83 u 1186/2009 tirreferi għall-kunċett ta’ “vettura b’mutur”, u dik li tinsab fid-Direttivi 83/181 u 2009/132 tirreferi għall-kunċett ta’ “vettura tat-triq b’mutur”.

34. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u, għalhekk, fil-każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata abbażi tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Plato Plastik Robert Frank, C‑341/01, Ġabra p. I‑4883, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-VAT, li tapplika wkoll fil-qasam tad-dazji doganali, it-termini użati sabiex jiġu indikati dawn l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li jistabbilixxi li l-VAT għandha tinġabar fuq il-beni u s-servizzi kollha pprovduti bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Skandinaviska Enskilda Banken, C‑540/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20).

36. Għal dak li jirrigwarda l-iskop tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni sostnew, matul is-seduta, li l-eżenzjonijiet mid-dazji fuq l-importazzjoni kif ukoll mill-VAT previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala għan, minn naħa, li jiffaċilitaw fir-rigward ta’ individwi l-qsim ta’ fruntieri esterni tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jissimplifikaw il-kontrolli doganali u fiskali li għandhom isiru mill-awtoritajiet kompetenti. Il-verifika sistematika tal-kontenut tat-tankijiet tal-vetturi tat-triq kollha li jidħlu kuljum fit-territorju tal-Unjoni tammonta għal kompitu kważi impossibbli u, f’kull każ, enormi għal dak li jirrigwarda spejjeż u inkonvenjenzi għal min ikun qed jivvjaġġa, fid-dawl tal-ammonti ta’ dazji fuq l-importazzjoni u ta’ VAT li hija tista’ tiġġenera.

37. Issa, ma jeżisti ebda indizju li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom għan ieħor minn dak stabbilit fil-punt 36 ta’ din is-sentenza. Kuntrarjament, tali għan huwa kkonfermat mill-fakultà, mogħtija lill-Istati Membri fl-Artikolu 113 tar-Regolament Nru 918/93, fl-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 1186/2009, fl-Artikolu 83 tad-Direttiva 83/181 u fl-Artikolu 85 tad-Direttiva 2009/132, li jillimitaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal 200 litru ta’ karburant għal kull vettura u għal kull vjaġġ.

38. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-lokomotivi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, il-kapaċità tat-tankijiet tagħhom tista’ tilħaq sa 7 000 litri. Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Litwan, LG kellha biss 136 lokomotivi b’mutur tad-diżil matul is-sena 2008 u kienu biss numru minn dawn li qasmu regolarment il-fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Litwanja u l-Federazzjoni Russa. Issa, ma jidhirx li l-verifika sistematika tat-tankijiet ta’ lokomotivi tippreżenta l-istess inkonvenjenzi bħal dawk imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza għal dak li jirrigwarda vetturi tat-triq, liema inkonvenjenzi l-leġiżlatur tal-Unjoni manifestament ried jevita bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati.

39. Minn dan jirriżulta li l-fatt li jiġu applikati l-eżenzjonijiet mid-dazji fuq l-importazzjoni kif ukoll mill-VAT previsti f’dawn id-dispożizzjoniet għal lokomotivi ma jissodisfax l-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jilħaq bl-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

40. Huwa minnu li test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fis-sens tal-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet tat-trattati u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1991, Rauh, C‑314/89, Ġabra p. I‑1647, punt 17, u tal-1 ta’ April 2004, Borgmann, C‑1/02, Ġabra p. I‑3219, punt 30).

41. LG issostni li interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati skont liema t-trasport ferrovjarju ma jibbenefikax mill-istess vantaġġi bħat-trasport bit-triq tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

42. Skont LG, it-trasport ferrovjarju jinsab f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta mat-trasport bit-triq u ma jeżisti ebda kriterju oġġettiv li jiġġustifika li ssir distinzjoni fil-qasam ta’ tassazzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ vetturi li jinsaqu fuq l-art. LG tenfasizza, f’dan il-kuntest, li, fil-qasam fiskali, il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ jseħħ permezz ta’ tipi oħra ta’ diskriminazzjoni li jaffettwaw lill-operaturi ekonomiċi li għalkemm mhux bilfors huma kompetituri xorta waħda jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli taħt aspetti oħra (sentenza tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer, C‑309/06, Ġabra p. I‑2283, punt 49).

43. LG issostni li, kemm għat-trasport ta’ merkanzija kif ukoll għat-trasport ta’ persuni, it-trasport bit-triq jikkostitwixxi alternattiva għat-trasport ferrovjarju. Barra minn hekk, dawn il-metodi ta’ trasport huma simili, għall-inqas għal dak li jirrigwarda t-tqassim tar-rotot, it-tip ta’ merkanzija ttrasportata u l-metodi użati, u huma bbażati l-iktar fuq l-użu ta’ vetturi b’mutur b’kombustjoni interna li jiċċaqilqu b’veloċità simili.

44. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 95).

45. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa ekwivalenti fil-qasam tal-VAT għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jipprekuldi b’mod partikolari li l-merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi li huma simili, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, ikunu trattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Rank Group, C‑259/10 u C‑260/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 96 tas-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, li l-metodi differenti ta’ trasport ma humiex, b’mod ġenerali, interkambjabbli u li s-sitwazzjoni ta’ impriżi li joperaw fis-settur ta’ attività ta’ kull wieħed minn dawn il-metodi ta’ trasport ma hijiex, għaldaqstant, komparabbli.

47. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 36 sa 38 ta’ din is-sentenza, il-lokomotivi ma humiex, fid-dawl tal-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jilħaq bl-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, f’sitwazzjoni komparabbli għal dik li fiha jinsabu l-vetturi tat-triq.

48. Minn dan jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jimponix li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati jiġu interpretati bħala li japplikaw ukoll għal-lokomotivi.

49. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 112(1)(a) tar-Regolament Nru 918/83, l-Artikolu 107(1)(a) tar-Regolament Nru 1186/2009, l-Artikolu 82(1)(a) tad-Direttiva 83/181 u l-Artikolu 84(1)(a) tad-Direttiva 2009/132 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal-lokomotivi.

50. Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

51. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 112(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjoni[j]iet minn dazju doganali, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1315/88, tat-3 ta’ Mejju 1988, l-Artikolu 107(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009, tas-16 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali, l-Artikolu 82(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 83/181/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983, li tiddetermina l-iskop tal-Artikolu 14(1)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 88/331/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1988, u l-Artikolu 84(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE, tad-19 ta’ Ottubru 2009, li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal-lokomotivi.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet