62011CC0149


Titolu u referenza

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 5 ta' Lulju 2012.

Leno Merken BV vs Hagelkruis Beheer BV.

Talba għal deċiżjoni preliminari: Gerechtshof te 's-Gravenhage - il-Pajjizi l-Baxxi.

Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 207/2009 - Artikolu 15(1) - Kunċett ta’ ‘użu ġenwin mit-trade mark’ - Portata territorjali tal-użu - Użu tat-trade mark Komunitarja fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed - Suffiċjenti.

Kawża C-149/11.

 Ġabra tal-Ġurisprudenza 2012 Page 00000

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General


1. Il-protezzjoni tat-trade mark hija b’mod kwintessenzjali territorjali. Dan minħabba li t-trade mark hija dritt ta’ proprjetà li tipproteġi sinjal f’territorju partikolari. Fl-Unjoni Ewropea, teżisti kemm il-protezzjoni ta’ trade mark nazzjonali kif ukoll dik Komunitarja. Proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali jista’ jeżerċita d-drittijiet marbutin ma’ dik it-trade mark fit-territorju ta’ Stat Membru li taħt id-dritt nazzjonali tiegħu tkun protetta t-trade mark. Proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jista’ jagħmel l-istess ħaġa fit-territorju tas-27 Stat Membru minħabba li t-trade mark hija effettiva f’dak it-territorju kollu (2) .

2. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) jipprovdi li trade mark Komunitarja għandha tkun suġġetta għas-sanzjonijiet jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel “użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata” (sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu) (4) .

3. Filwaqt li l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark Komunitarja hija definita legalment b’riferiment għat-territorju tas-27 Stat Membru, il-punt dwar fejn dik it-trade mark għandu jsir użu ġenwin minnha ma jistax jingħata risposta bilfors bl-istess mod. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi safejn testendi ż-żona territorjali li fiha t-trade mark trid tintuża biex tkun tissodisfa l-kundizzjoni tal-“użu ġenwin” imsemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament u b’mod partikolari jekk huwiex suffiċjenti li t-trade mark tintuża fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tat-trade mark Ewropew

Ir-Regolament

4. It-trade mark Komunitarja hija “trade mark ta’ prodotti jew servizzi li tkun irreġistrata skont il-kundizzjonijiet li jinsabu” fir-Regolament (5) . It-trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’“sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra”. (6)

5. Skont il-premessa 2 tal-preambolu tar-Regolament, “[s]abiex jinħoloq suq ta’ dan it-tip li jkun dejjem iżjed suq waħdieni, hemm bżonn li mhux biss jitneħħew kull ostakoli għall-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi u li jsiru arranġamenti li jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix ostakolata, imma wkoll, li jinħolqu kundizzjonijiet legali li jippermettu li l-impriżi jaddattaw l-attivitajiet tagħhom għall-iskala tal-Komunità, kemm fil-manufattura u fid-distribuzzjoni ta’ beni kif ukoll fil-provvediment ta’ servizzi”. Il-premessa 2 tgħid ukoll li:

“Għal dawn l-għanijiet, fost l-istrumenti legali għad-dispożizzjoni tal-impriżi għandu jkun hemm trade marks li jippermettu li l-prodotti u s-servizzi ta' dawn l-istess impriżi jintgħarfu b'mod identiku fil-Komunità kollha, irrispettivament mill-fruntieri”.

6. Il-premessa 3 tipprovdi li, sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet tal-istess Komunità, “jidher neċessarju li jkun hemm arranġamenti Komunitarji għar-rigward ta’ trade marks li permezz tagħhom impriża tkun tista’ tikseb trade mark Komunitarja taħt sistema proċedurali waħda, u li din it-trade mark tingħata l-istess livell ta’ protezzjoni u tkun effettiva bl-istess mod fil-Komunità kollha”. Dan hu l-prinċipju tal-karattru waħdieni tat-trade mark Komunitarja, li “japplika dejjem, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor”.

7. Il-premessa 6 tirrikonoxxi l-libertà li impriża tirreġistra trade mark bħala trade mark nazzjonali jew trade mark Komunitarja, filwaqt li tenfasizza li “[m]a jidhirx li huwa ġustifikat li l-impriżi jkunu meħtieġa li japplikaw għar-registrazzjoni tat-trade marks tagħhom bħala trade marks Komunitarji”. Skont din il-premessa, “[i]t-trade marks nazzjonali jibqgħu meħtieġa għal dawk l-impriżi li ma jkunux jixtiequ l-protezzjoni tat-trade marks tagħhom fil-livell Komunitarju”.

8. Skont il-premessa 10, “[m]’hemm ebda ġustifikazzjoni għall-protezzjoni ta’ trade marks Komunitarji jew, għall-protezzjoni favur trade mark li tkun ġiet irreġistrata qabel trade mark Komunitarja, ħlief fejn it-trade marks ikunu fil-fatt qed jintużaw”.

9. L‑Artikolu 1(2) jipprovdi li:

“It-trade mark Komunitarja għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fil-Komunità kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Kommunità kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor”.

10. Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark Komunitarja tagħti ċerti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju tagħha. Dawn id-drittijiet jinsabu elenkati b’mod partikolari fl-Artikolu 9, li jipprovdi li:

“1. It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

(a) kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

(b) kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

(ċ) kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din tal-aħħar għandha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

[…]”

11. L-Artikolu 15 jipprovdi li l-proprjetarju għandu jagħmel użu mit-trade mark Komunitarja:

“1. Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

Dawn li ġejjin jikkostitwixxu użu kif inhu mifhum fl-ewwel subparagrafu:

(a) l-użu ta’ trade mark Komunitarja f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka fil-forma kif hija ġiet reġistrata;

(b) it-twaħħil tat-trade mark Komunitarja ma’ prodotti jew mal-imballaġġ tagħhom fil-Komunità għal skopijiet ta’ esportazzjoni biss.

2. L-użu ta’ trade mark Komunitarja bil-kunsens tal-proprjetarju għandu jitqies li jikkostitwixxi użu mill-proprjetarju”.

12. L-Artikolu 42 bit-titolu “Eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni”, jipprovdi li:

“2. Fuq talba tal-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3. Il-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dana billi l-użu f’ l-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità”.

13. L-Artikolu 51 għandu t-titolu “Raġunijiet għal revoka” u jipprovdi li:

“1. Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

(a) jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità f'konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu […]

[…]”

14. Skont l-Artikolu 112, proprjetarju ta’ trade mark jista’ jitlob li t-trade mark Komunitarja tiġi kkonvertita fi trade mark nazzjonali:

“1. L-applikant jew il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jista’ jitlob li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew it-trade mark Komunitarja tiegħu tinqeleb f’applikazzjoni għal trade mark nazzjonali:

(a) sakemm l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tkun ġiet miċħuda, irtirata, jew meqjusa bħala irtirata;

(b) sakemm it-trade mark Komunitarja tieqaf milli jkollha effett.

2. Il-konverżjoni m’għandhiex isseħħ:

(a) meta d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jkunu ġew revokati minħabba nuqqas ta’ użu, sakemm it-trade mark Komunitarja ma tkunx intużat fl-Istat Membru li għalih tkun qiegħda tintalab il-konverżjoni b’mod li jitqies bħala użu ġenwin taħt il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru;

[…]”

Id-Direttiva

15. Skont il-premessa 9 tal-preambolu tad-Direttiva “huwa essenzjali li jkun meħtieġ li t-trade marks reġistrati għandhom ikunu fil-fatt użati jew, jekk mhux użati, ikunu suġġetti għal revokazzjoni”; dan ir-rekwiżit japplika “[s]abiex jiġi mnaqqas it-total tan-numru tat-trade marks reġistrati u protetti fil-Komunità u, konsegwentement, in-numru ta’ konflitti li jqumu bejniethom”.

16. L-Artikolu 10, bit-titolu “Użu ta’ trade marks”, jipprovdi li:

“1. Jekk, f’perijodu ta’ ħames snin wara d-data tat-tlestija tal-proċedura tar-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma wżax it-trade mark ġenwinament fl-Istat Membru relattivament għall-merkanzija jew is-servizzi li għalihom hija ġiet reġistrata, jew jekk tali użu ġie sospiż matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin, it-trade mark għandha tkun suġġettibbli għas-sanzjonijiet previsti f’din id-Direttiva, sakemm m’hemmx raġunijiet tajba għan-nuqqas ta’ użu.

[…]”

17. L‑Artikolu 11(2) jipprovdi li:

“Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistipula li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tistax tiġi rifjutata għar-raġuni li hemm trade mark konfliġġenti preċedenti jekk ta’ l-aħħar ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-użu stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2) jew fl-Artikolu 10(3), skond il-każ”.

18. L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva jagħmilha ċara li “trade marks preċedenti” jinkludu t-trade marks Komunitarji.

Il-Konvenzjoni Benelux dwar il-Proprjetà Intellettwali (Trade marks u Disinni)

19. Il-Konvenzjoni Benelux dwar il-Proprjetà Intellettwali (Trade marks u Disinni) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Benelux”) tistabbilixxi, inter alia , il-kundizzjonijiet biex tinkiseb u tinżamm trade mark tal-Benelux u d-drittijiet relatati ma’ dik it-trade mark.

20. Trade mark tal-Benelux tinkiseb permezz tar-reġistrazzjoni. Biex jistabbilixxi l-ordni ta’ prijorità tal-preżentazzjonijiet (7), l-Artikolu 2.3(b) tal-Konvenzjoni Benelux jipprovdi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fi “trademarks identiċi jew simili ppreżentati għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili, fejn ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku li tinkludi r-riskju ta’ assoċjazzjoni ma’ trademark preċedenti” (8) . Il-proprjetarju ta’ dik it-trade mark preċedenti għandu, skont l-Artikolu 2.14.1, id-dritt li jopponi għar-reġistrazzjoni tat-trade mark.

21. Skont l-Artikolu 2.46, l-Artikolu 2.3 “għandu japplika [wkoll] għat-trade marks Komunitarji li l-preċedenza tagħhom fit-territorju Benelux tiġi invokata validament skont ir-[Regolament tat-Trade Mark Komunitarja] […]”.

Il-proċeduri prinċipali u d-domandi preliminari

22. Leno Merken BV (iktar ’il quddiem “Leno”) u Hagelkruis Beheer BV (iktar ’il quddiem “Hagelkruis”) huma impriżi involuti fi kwistjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar tas-27 ta’ Lulju 2009, għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “OMEL” bħala trade mark tal-Benelux inkonnessjoni ma’ ċerti servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 35, 41 u 45 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice (9) . Leno opponiet għal din ir-reġistrazzjoni fit-18 ta’ Awwissu 2009, fejn argumentat li hija l-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja “ONEL”, li kienet ġiet irreġistrata fit-2 ta’ Ottubru 2003 għal ċerti servizzi taħt il-klassi 35, 41 u 42 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice (10) . L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq argumenti li nkitbu f’ittra tas-26 ta’ Ottubru 2009 li għaliha Hagelkruis wieġbet fit-2 ta’ Diċembru 2009.

23. Fis-6 ta’ Novembru 2009, Hagelkruis talbet lil Leno sabiex tipprova li hija għamlet użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja “ONEL”. Leno wieġbet għal din it-talba fid-19 ta’ Novembru 2009.

24. Fil-15 ta’ Jannar 2010, l-Uffiċċju dwar il-Proprjetà Intellettwali tal-Benelux (iktar ’il quddiem il-“UPIB”) ċaħad l-oppożizzjoni ta’ Leno u kkonkluda li Hagelkruis għandha tkun permessa tirreġistra “OMEL” bħala trade mark tal-Benelux.

25. Leno appellat minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof ’s‑Gravenhage (Il-Qorti ta’ Appell Reġjonali, Den Haag). Huwa paċifiku quddiem dik il-qorti li: (i) “ONEL” u “OMEL” huma trade marks simili; (ii) it-trade marks ġew irreġistrati għal servizzi identiċi jew tal-inqas simili’ (iii) bejn “OMEL” u “ONEL” hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 2.3(b) tal-Konvenzjoni Benelux; u (iv) Leno għamlet użu ġenwin minn “ONEL” fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-kontestazzjoni bejn Leno u Hagelkruis hija dwar jekk Leno hijiex mitluba turi użu ġenwin ta’ “ONEL” f’iktar minn Stat Membru wieħed sabiex tkun tista’ topponi għar-reġistrazzjoni ta’ “OMEL” minn Hagelkruis.

26. Il-qorti nazzjonali għamlet id-domandi segwenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata deċiżjoni preliminari:

“1. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament […] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed sabiex ikun hemm użu ġenwin ta’ trade mark Komunitarja li din tkun intużat fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, [ġaladarba], li kieku kienet trade mark nazzjonali, dan l-użu kien jiġi kkunsidrat f’dan l-Istat Membru bħala użu ġenwin [ara d-dikjarazzjoni konġunta Nru 10 dwar l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 u l-linji gwida tal-UASI dwar l-oppożizzjoni]?

2. Jekk tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-użu ta’ trade mark Komunitarja fi Stat Membru wieħed [kif deskritt iktar ’il fuq] ma jista’ [qatt] jiġi kkunsidrat bħala użu ġenwin fil-Komunità fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament […]?

3. Jekk l-użu ta’ trade mark Komunitarja fi Stat Membru wieħed qatt ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala użu ġenwin fil-Komunità, liema kriterji [japplikaw] f’dak li jirrigwarda l-portata territorjali tal-użu ta’ trade mark Komunitarja flimkien mal-fatturi l-oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit użu ġenwin fil-Komunità?

4. [Jew inkella – bħala alternattiva għal dak li ngħad hawn fuq –] l-Artikolu 15 tar-Regolament […] għandu jiġi interpretat fis-sens li, l-evalwazzjoni tal-użu ġenwin fil-Komunità għandha ssir [kompletament fl-astratt,] billi b’ebda mod ma jitqiesu l-fruntieri tat-territorju tal-Istati Membri differenti [u li, pereżempju, issir b’riferiment għall-ishma tas-suq (swieq tal-prodott jew swieq ġeografiċi)]?

27. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Leno, Hagelkruis, mill-Gvern Belġjan, Daniż, Ġermaniż, Ungeriż, Olandiż u tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea.

28. Waqt is-seduta tad-19 ta’ April 2012, Leno, Hagelkruis, il-Gvern Daniż, Franċiż u Ungeriż u l-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom.

Kunsiderazzjonijiet

Osservazzjonijiet preliminari

29. Permezz tal-erba’ domandi preliminari, il-Gerechtshof ’s‑Gravenhage tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi l-estensjoni taż-żona territorjali li fiha għandu juża t-trade mark il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja biex jevita s-sanzjonijiet pprovduti fir-Regolament u għaldaqstant iżomm id-drittijiet esklużivi relatati ma’ dik it-trade mark.

30. Il-ġustifikazzjoni biex trade mark Komunitarja tkun protetta tispiċċa jekk it-trade mark fil-fatt ma tintużax (11) . Jekk is-sempliċi reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark Komunitarja kellha tkun biżżejjed biex din tibbenefika mill-protezzjoni fit-territorju tas-27 Stat Membru, l-impriżi jaf jippruvaw jiksbu protezzjoni għal trade marks li huma ma jkollhomx il-ħsieb li jużaw. B’dan il-mod huma jkunu jistgħu jċaħħdu lill-kompetituri mill-opportunità li jużaw dik it-trade mark jew oħra simili meta jqiegħdu fis-suq intern prodotti u/jew servizzi li huma identiċi jew simili għal dawk li huma koperti bit-trade mark. Għal din ir-raġuni, proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jista’ jkun li ma jibqax jista’ jinvoka drittijiet ta’ monopolju esklużivi marbutin mat-trade mark jekk din ma sarx użu ġenwin minnha fil-Komunità fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni.

31. Id-digriet tar-rinviju ftit fih dettalji dwar ir-reġistrazzjoni ta’ “ONEL” bħala trade mark Komunitarja jew dwar iċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-konklużjoni li sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Pajjiżi l-Baxxi (12) . Skont id-digriet, Leno ma sabitx kontestazzjoni fl-asserzjoni tagħha li “ONEL”, kieku kienet trade mark Olandiża, kienet titqies bħala li sar użu ġenwin minnha fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatatx dettalji dwar is-suq tas-servizzi koperti minn “ONEL” jew l-użu speċifiku li jsir minn dik it-trade mark fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għaldaqstant, ser nindirizza f’termini ġenerali l-kwistjoni dwar l-estensjoni taż-żona territorjali meta jkun irid jiġi pprovat l-użu ta’ trade mark Komunitarja.

It-tifsira ta’ “użu ġenwin fil-Komunità” fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament

32. Fil-każijiet preċedenti l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat it-tifsira tal-“użu ġenwin”, primarjament fir-rigward ta’ trade marks nazzjonali jew tal-Benelux (13) . It-trade marks nazzjonali għandhom “[jintużaw] ġenwinament fl-Istat Membru” (14) . Min-naħa l-oħra, it-trade marks Komunitarji għandu jsir “użu ġenwin mi[nnhom] fil-Komunità” (15) . Għalkemm dawn it-tipi ta’ trade marks jeżistu f’diversi ġurisdizzjonijiet, jidhirli li l-funzjoni tar-rekwiżit dwar l-“użu ġenwin” huwa l-istess. Dan huwa intiż li jiżgura li r-reġistru ma jkunx fih trade marks li jostakolaw, iktar milli jtejbu, l-kompetizzjoni fis-suq minħabba li jillimitaw il-firxa ta’ sinjali li jistgħu jkunu reġistrati bħala trade marks minn terzi, ma jservu ebda skop kummerċjali u fil-fatt ma jgħinux biex jiddistingwu bejn prodotti jew servizzi fis-suq rilevanti u biex jassoċjawhom mal-proprjetarju tat-trade mark.

33. Jekk trade mark Komunitarja ma tintużax b’mod konsistenti mal-funzjoni tagħha, il-protezzjoni tat-trade mark fit-territorju kollu tas-27 Stat Membru għandha tispiċċa. L-istess prinċipju japplika għal trade mark nazzjonali, għalkemm it-tneħħija tal-protezzjoni hija ovvjament limitata għat-territorju tal-Istat Membru li fih kienet irreġistrata t-trade mark. Għaldaqstant, ma nara ebda raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tinterpreta l-kunċett tal-“użu ġenwin” kif użat fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament b’mod li jikkorrispondi ġeneralment mat-tifsira li hija tat lill-istess kunċett fid-Direttiva (16) .

34. Madankollu, it-testi tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament huma differenti peress li l-ewwel wieħed juża “fl-Istat Membru” mentri t-tieni wieħed juża “fil-Komunità”. Dan jidher li jindika li l-punt dwar jekk sarx użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja jiddependi fuq l-evalwazzjoni tal-kriterji rilevanti f’dimensjoni ġeografika li tmur lil hinn mill-kuntest li fih ikun ġie kkonstatat l-użu ġenwin mit-trade mark nazzjonali.

Użu barra mill-Komunità huwa irrilevanti

35. Il-frażi “fil-Komunità” fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament tfisser b’mod ċar li l-użu li jsir minn trade mark Komunitarja barra mit-territorju tas-27 Stat Membru ma jistax jikkontribwixxi biex jitqies li sar użu ġenwin mit-trade mark sabiex jiġu evitati s-sanzjonijiet tar-Regolament (17) . Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) hija konsistenti mal-prinċipju li l-protezzjoni ta’ trade mark Komunitarja hija limitata għal dak it-territorju.

36. Barra minn hekk, kieku l-interpretazzjoni opposta kienet korretta, ma kien ikun hemm ebda raġuni biex fl-Artikolu 15(1)(b) il-leġiżlatur jgħid espressament li t-twaħħil ta’ trade mark Komunitarja ma’ prodotti jew mal-imballaġġ tagħhom fil-Komunità għal skopijiet ta’ esportazzjoni biss “jikkostitwixxu użu kif inhu mifhum fl-ewwel subparagrafu”.

“Użu ġenwin fil-Komunità” huwa kunċett indiviżibbli

37. Kliem l-Artikolu 15(1) tar-Regolament ma jagħmilx distinzjoni bejn tipi differenti ta’ użu ġenwin skont fejn isir dak l-użu, barra milli “fil-Komunità”. L-enfasi huwa fuq jekk it-trade mark isirx “użu ġenwin [minnha] fil-Komunità”, li jiena nqis li huwa kunċett indiviżibbli. Dan ifisser li l-“użu ġenwin” u “fil-Komunità” ma humiex kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu eżaminati b’mod separat.

38. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li “l-importanza territorjali ta’ l-użu mhijiex ħlief waħda mill-fatturi li jridu jitqisu, fost oħrajn, sabiex jiġi ddeterminat jekk [dak l-użu] huwiex ġenwin jew le” (18) . Għaldaqstant, il-post fejn isir l-użu huwa fattur li għandu jiġi kkunsidrat għall-fini tal-evalwazzjoni dwar jekk sarx użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità. La hi kundizzjoni indipendenti li tapplika flimkien mar-rekwiżit tal-użu ġenwin (19), u lanqas ma hu l-uniku fattur jew il-fattur dominanti li jiddetermina x’jikkostitwixxi l-użu ġenwin fil-Komunità.

39. Għal din ir-raġuni biss, nikkunsidra li l-użu ta’ trade mark Komunitarja fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss ma huwiex, minnu nnifsu, neċessarjament suffiċjenti biex jikkostitwixxi użu ġenwin ta’ dik it-trade mark, u dan peress li t-territorjalità tal-użu huwa biss wieħed mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni.

It-territorjalità tal-użu fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament

– L-applikazzjoni tal-kriterju użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pago

40. Diversi partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet jinnotaw li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza HIWATT, diġà ddeċidiet li l-“użu ġenwin ifisser li t-trade mark trid tkun preżenti f’parti sostanzjali mit-territorju fejn tgawdi protezzjoni”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] jiġifieri, fil-Komunità (20) . Dan huwa l-istess kriterju bħal dak użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pago (21) biex jiġi stabbilit jekk trade mark għandhiex reputazzjoni fil-Komunità (22) .

41. Fil-fehma tiegħi, is-sentenza Pago tikkonċerna kwistjoni differenti. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li biex trade mark Komunitarja jkollha reputazzjoni fil-Komunità għall-finijiet li tikseb protezzjoni addizzjonali taħt l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament, hija għandha tkun magħrufa f’parti sostanzjali mit-territorju tal-Komunità qabel mal-proprjetarju tagħha jkun jista’ jeżerċita d-dritt deskritt f’dik id-dispożizzjoni (23) . Dak it-territorju jista’ jikkonsisti fit-territorju ta’ Stat Membru. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tistabbilixxi safejn jestendi t-territorju li fih għandha tintuża t-trade mark Komunitarja biex tevita s-sanzjonijiet bħalma hija r- revoka .

42. Għaldaqstant, il-punt tat-tluq tiegħi huwa li l-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza Pago ma tistax tiġi trasposta direttament għall-kuntest tar-revoka ta’ trade mark Komunitarja u l-kundizzjoni tal-użu ġenwin.

– L-użu tat-trade mark Komunitarja għandu jkun suffiċjenti biex jinżamm jew jinħoloq sehem mis-suq fis-suq intern

43. Fis-sentenza Sunrider, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li trade mark nazzjonali tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin “meta tiġi użata, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hi [li] tiggarantixxi l-identità ta’ l-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm opportunità għal dawn il-prodotti jew servizzi” (24) . L-użu għandu jkun “suffiċjenti biex jinżamm jew jinħoloq parti tas-suq għall-prodotti jew is-servizzi protetti mit-trade mark” (25) . L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina ta’ l-użu tat-trade mark għandha tistrieħ fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha, inklużi l-karatteristiċi tas-settur ekonomiku u tas-suq inkwistjoni, in-natura tal-prodotti u tas-servizzi protetti mit-trade mark u l-ammont u l-frekwenza tal-użu (26) .

44. Essenzjalment, għaldaqstant, it-trade marks jintużaw fis-swieq. Is-suq rilevanti għal trade mark Komunitarja huwa s-suq intern li, skont l-Artikolu 26(2) TFUE, jinvolvi “arja [żona] bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat”.

– L-estensjoni taż-żona territorjali li fiha għandha tintuża t-trade mark Komunitarja biex tissodisfa l-kundizzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament

45. It-trade mark Komunitarja tippermetti lill-impriżi li jaddattaw l-attivitajiet tagħhom għall-kobor tas-suq intern. Fil-fatt, hija nħolqot għall-impriżi li jixtiequ jibdew jew ikomplu l-attivitajiet tagħhom fuq livell Komunitarju u jixtiequ jagħmlu dan immedjatament jew fil-futur qarib. Hija tippermetti lin-negozjanti, konsumaturi, produtturi u distributuri biex jidentifikaw il-merkanzija u s-servizzi fis-suq u biex jiddistingwuhom minn dawk ta’ oħrajn fil-Komunità kollha. Dan huwa konsistenti mal-għanijiet ġenerali tal-protezzjoni tat-trade mark Komunitarja, li huma li tiġi nkoraġġuta u mibdija l-attività ekomonika fis-suq intern kollu kemm hu permezz tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark (27) .

46. Għal dan il-għan, it-trade marks Komunitarji huma protetti fit-territorju kollu tal-Komunità mingħajr distinzjoni bbażata fuq il-konfini territorjali bejn l-Istati Membri.

47. L-Artikolu 15 tar-Regolament jipprovdi li, biex tiġi ppreservata dik il-protezzjoni, it-trade mark Komunitarja għandu jsir “użu ġenwin [minnha] fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata”. Jekk it-trade mark ma tintużax b’dan il-mod, il-proprjetarju tagħha jista’ jitlef id-dritt li jopponi l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark simili għal servizzi identiċi jew simili u dan skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament (28) . Dan il-prinċipju japplika wkoll jekk il-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti jopponi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja: f’dawk iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 42(3) tar-Regolament jipprovdi li l-użu fl-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta għandu jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità. Fil-fehma tiegħi, l-istess prinċipju għandu japplika, mutatis mutandis , f’każ li l-oppożizzjoni għal trade mark nazzjonali hija bbażata fuq trade mark Komunitarja preċedenti: il-proprjetarju ta’ din tal-aħħar jista’ jiġi mitlub jipprova l-użu ġenwin fil-Komunità (29) . In-natura unitarja ta’ trade mark Komunitarja tfisser li hija għandha tgawdi l-istess protezzjoni fi proċeduri ta’ oppożizzjoni li jinvolvu reġistrazzjonijiet ta’ trade marks nazzjonali u kif ukoll ta’ trade marks Komunitarji.

48. Biex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjoni tal-użu ġenwin fil-Komunità hijiex sodisfatta, nikkunsidra li l-qorti nazzjonali għandha teżamina t-tipi kollha ta’ użu tat-trade mark fis-suq intern. F’dak il-kuntest, id-definizzjoni ġeografika tas-suq rilevanti hija t-territorju kollu tas-27 Stat Membru. Il-konfini bejn l-Istati Membri u d-daqs rispettiv tat-territorji tagħhom huma irrilevanti għal din l-investigazzjoni. Dak li hu importanti huwa l-preżenza kummerċjali ta’ dik it-trade mark u konsegwentement, dik tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade mark, fis-suq intern.

49. F’dan il-każ, nikkunsidra li l-użu tat-trade mark fis-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi jifforma parti minn dik l-evalwazzjoni u jista’ jikkontribwixxi biex jiġi stabbilit jekk it-trade mark ippenetratx is-suq intern għas-servizzi koperti mit-trade mark. L-użu (jew in-nuqqas ta’ użu) barra mill-Pajjiżi l-Baxxi huwa, madankollu, daqstant rilevanti.

50. F’dan ir-rigward, hemm differenza bejn trade marks nazzjonali u dawk Komunitarji. Għall-finijiet li jiġi stabbilit l-użu ġenwin ta’ trade mark nazzjonali, huma rilevanti biss l-okkażjonijiet ta’ użu fit-territorju tal-Istat Membru li fih hija tkun irreġistrata, anki jekk il-proprjetarju tagħha jużaha x’imkien ieħor. L-użu ta’ trade mark Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament, min-naħa l-oħra, għandu jiġi evalwat filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni okkażjonijiet ta’ użu fis-suq intern kollu kemm hu. Huwa irrilevanti jekk it-trade mark Komunitarja intużatx fi Stat Membru wieħed jew iktar. Dak li huwa importanti huwa l-impatt tal-użu fis-suq intern: b’mod iktar speċifiku, jekk dan huwiex suffiċjenti biex jinżamm jew jinħoloq sehem mis-suq f’dak is-suq tal-prodotti u servizzi koperti mit-trade mark u jekk dan jikkontribwixxix għall-preżenza kummerċjalment rilevanti tal-prodotti u servizzi f’dak is-suq (30) . Jekk dak l-użu jwassalx għal suċċess kummerċjali attwali huwa irrilevanti (31) .

51. Fis-sentenza La Mer, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt dwar jekk l-użu huwiex suffiċjenti “jiddependi fuq diversi fatturi u fuq evalwazzjoni każ b’każ li huwa xogħol il-qorti nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“karatteristiċi ta’ dawk il-prodotti u servizzi, il-frekwenza u r-regolarità tal-użu tat-trade mark, jekk it-trade mark hijiex użata għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew servizzi identiċi kollha tal-proprjetarju jew biss ftit minnhom, jew l-evidenza li l-proprjetarju jista’ jipproduċi” (32) . Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit a priori , u fl-astratt, x’livelli kwantitattivi għandhom jintgħażlu sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu huwiex ġenwin jew le”; livell “ma jippermettix lill-qorti nazzjonali tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha tal-kwistjoni quddiemha” (33) . Jidhirli li dan ir-raġunament għandu japplika għall-evalwazzjoni globali tal-użu ġenwin – inkluż, safejn xieraq, dik dwar safejn jestendi l-użu territorjali tat-trade mark.

52. Fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni li ssir każ b’każ dwar x’jikkostitwixxi użu ġenwin tinvolvi li jiġu stabbiliti l-karatteristiċi tas-suq intern għall-prodotti u servizzi partikolari involuti. Din teħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawk il-karatteristiċi jistgħu jinbidlu biż-żmien.

53. Id-domanda jew il-provvista f’partijiet mis-suq intern, jew l-aċċess għalihom, jistgħu jkunu limitati skont, pereżempju, l-ostakli lingwistiċi, l-ispejjeż tat-trasport jew tal-investiment, jew it-tendenzi jew abitudnijiet tal-konsumaturi. L-użu ta’ trade mark f’żona fejn is-suq huwa partikolarment ikkonċentrat jista’, għaldaqstant, ikollu rwol iktar sinjifikattiv fl-evalwazzjoni milli jkollu l-użu tal-istess trade mark f’parti mis-suq fejn is-sorsi tal-provvista u d-domanda għal dawk il-prodotti jew servizzi bilkemm jeżistu jew iqumu.

54. Wieħed jista’ jimmaġina wkoll li l-użu lokali ta’ trade mark Komunitarja jkollu, madankollu, effetti fuq is-suq intern billi, pereżempju, jiġi żgurat li l-prodotti jkunu magħrufa – b’mod kummerċjalment rilevanti – mill-parteċipanti f’suq li huwa ikbar minn dak li jikkorrispondi għat-territorju fejn tintuża t-trade mark (34) .

55. Għaldaqstant, nikkunsidra li l-użu f’territorju li jikkorrispondi għal dak ta’ Stat Membru wieħed jipprekludi neċessarjament l-użu milli jiġi kklassifikat bħala ġenwin fil-Komunità. Fl-istess ħin, ma nikkunsidrax li, pereżempju, l-użu ta’ trade mark f’sit tal-internet li hija aċċessibbli fis-27 Stat Membru hija minnha nfisha użu ġenwin fil-Komunità.

56. Jekk ir-rekwiżit tal-“użu ġenwin fil-Komunità” jiġi interpretat b’dan il-mod, dan jiggarantixxi l-libertà tal-impriżi ta’ kull tip li jagħżlu li jirreġistraw trade mark bħala jew trade mark nazzjonali jew trade mark Komunitarja (35) . It-trade mark Komunitarja, u l-koeżistenza tagħha mat-trade marks nazzjonali, kienet inħolqot bil-għan li tissodisfa l-bżonnijiet tal-parteċipanti fis-swieq kollha, u mhux biss dawk tal-impriżi ż-żgħar li joperaw fi Stat Membru wieħed jew f’parti żgħira tas-suq intern, jew tal-impriżi l-kbar li huma attivi fis-suq intern kollu jew f’parti kbira minnu. Il-protezzjoni tat-trade mark Komunitarja għandha tkun disponibbli għat-tipi kollha ta’ impriżi li jixtiequ jiksbu protezzjoni għat-trade marks tagħhom fit-territorju kollu tas-27 Stat Membru u bil-għan li jużaw it-trade mark b’mod li jżommu jew joħolqu sehem mis-suq fis-suq intern rilevanti.

57. F’dan il-każ, nikkunsidra li d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali dwar jekk il-kundizzjoni tal-użu ġenwin fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament hijiex sodisfatta ma tistax tkun ibbażata fuq evalwazzjoni biss tal-okkażjonijiet ta’ użu ta’ “ONEL” fil-Pajjiżi l-Baxxi. Min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-okkażjonijiet kollha ta’ użu fis-suq intern, li ovvjament jinkludi dawk li jseħħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, u tagħti piż lil kull użu fl-isfond tal-karatteristiċi partikolari tas-suq u tas-sehem mis-suq tal-proprjetarju f’dak is-suq. Jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata, pereżempju, li s-suq intern għas-servizzi koperti minn “ONEL” huwa partikolarment ikkonċentrat fil-Pajjiżi l-Baxxi u possibbilment fiż-żoni tal-madwar, ikun jista’ jingħata ċertu piż lill-użu tat-trade mark fil-Pajjiżi l-Baxxi biss. Fl-istess ħin, il-qorti nazzjonali għandha twessa’ l-eżami tagħha biex tinkludi tipi ta’ użu li jista’ jkun ma humiex rilevanti biex jiġi evalwat l-użu ġenwin ta’ trade mark nazzjonali Olandiża bħalma huma, pereżempju, l-użu ta’ trade mark Komunitarja li jrendu s-servizzi magħrufa b’mod li jagħmel sens kummerċjalment lil konsumaturi potenzjali barra mill-Pajjiżi l-Baxxi.

58. Meta tagħmel din l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra wkoll li dawk li għandhom jiġu pprovati u evalwati ma humiex fatti statiċi. Min-naħa l-oħra, dawn jistgħu jevolvu biż-żmien, inkluż matul il-ħames snin wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark.

59. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-użu ġenwin fil-Komunità fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament huwa użu li, meħud kont tal-karatteristiċi partikolari tas-suq rilevanti, huwa suffiċjenti biex iżomm jew joħloq sehem mis-suq f’dak is-suq għall-prodotti u servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja.

60. B’din il-konklużjoni li qiegħed nasal għaliha, ma jidhirlix li d-Dikjarazzjoni Konġunta jew il-Linji gwida dwar l-oppożizzjoni – dokumenti li evidentement ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja – huma neċessarji għall-analiżi. Fil-fehma tiegħi, it-test tal-Artikolu 15(1), analizzat fid-dawl tal-kuntest u tal-għan u tal-iskop tiegħu, huwa ċar biżżejjed. Fi kwalunkwe każ, la d-Dikjarazzjoni Konġunta u lanqas il-Linji gwida dwar l-oppożizzjoni ma jidhru li jmorru kontra l-konklużjoni tiegħi.

– Il-portata territorjali tal-użu ta’ trade mark Komunitarja u l-konverżjoni tagħha f’waħda nazzjonali f’każ ta’ nuqqas ta’ użu

61. Fl-aħħar nett, b’kuntrast ma’ xi partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, jidhirli li l-interpretazzjoni tiegħi tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament ma jippreġudikax l-effett utli tal-Artikolu 112(2)(a) tal-istess regolament. Lanqas l-Artikolu 112 ma huwa deċiżiv biex jiddistingwi r-rekwiżit tal-użu ġenwin ta’ trade mark Komunitarja minn dak ta’ trade mark nazzjonali.

62. L-Artikolu 112 jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi li fiha t-trade mark Komunitarja tista’ tiġi kkonvertita fi trade mark nazzjonali. Il-konverżjoni ma hijiex possibbli meta “d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jkunu ġew revokati minħabba nuqqas ta’ użu”. L-Artikolu 112(2)(a) tipprovdi eċċezzjoni għal din ir-regola jekk “it-trade mark Komunitarja ma tkunx intużat fl-Istat Membru li għalih tkun qiegħda tintalab il-konverżjoni b’mod li jitqies bħala użu ġenwin taħt il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru”.

63. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ użu huwa kkuntrastat, minn naħa, ma’ użu ġenwin fil-Komunità u, min-naħa l-oħra, ma’ użu ġenwin ta’ trade mark nazzjonali taħt il-liġijiet ta’ Stat Membru. Jekk l-użu fi Stat Membru wieħed jista’, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti l-oħra kollha, jikkostitwixxi użu ġenwin fil-Komunità, ma jkunx hemm bażi biex it-trade mark tiġi revokata u ċ-ċirkustanzi li fihom ma hijiex possibbli li sseħħ il-konverżjoni, ma jkunux jeżistu. F’ċerti ċirkustanzi, l-istess użu ta’ trade mark ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet kemm għall-użu ġenwin ta’ trade mark Komunitarja u kif ukoll għall-użu ġenwin ta’ trade mark nazzjonali. F’dak il-każ, l-Artikolu 112 ma japplikax. Min-naħa l-oħra, jekk qorti nazzjonali tikkonstata, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha tal-każ, li użu fi Stat Membru ma kienx suffiċjenti biex jikkostitwixxi użu ġenwin fil-Komunità, xorta jista’ jkun possibbli li t-trade mark Komunitarja tiġi kkonvertita fi trade mark nazzjonali, u dan wara li tiġi applikata l-eċċezzjoni tal-Artikolu 112(2)(a).

Konklużjoni

64. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula mill-Gerechtshof ’s‑Gravenhage f’dan is-sens:

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja għandu jiġi interpretat fis-sens li (i) użu ta’ trade mark Komunitarja fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed ma huwiex, minnu nnifsu, neċessarjament biżżejjed biex jikkostitwixxi użu ġenwin ta’ dik it-trade mark, iżda (ii) huwa possibbli li, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha, l-użu ta’ trade mark Komunitarja f’żona li tikkorrispondi għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed ikun jikkostitwixxi użu ġenwin fil-Komunità.

L-użu ġenwin fil-Komunità fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa użu li, meħud kont tal-karatteristiċi partikolari tas-suq rilevanti, huwa suffiċjenti biex iżomm jew joħloq sehem mis-suq f’dak is-suq għall-prodotti u għas-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja.

(1) .

(2)  – F’dawn il-konklużjonijiet, ser nuża primarjament it-terminoloġija użata fir-regolamenti u direttivi rilevanti, li għadhom jirreferu għall-użu ta’ trade mark Komunitarja fil- Komunità u għadhom ma ġewx emendati fid-dawl tat-Trattat ta’ Lisbona.

(3)  – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1). Ir-Regolament ikkodifika d-diversi emendi li saru lir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146), li ħoloq it-trade mark Komunitarja. Ara l-premessa 1 tar-Regolament.

(4)  – Min-naħa l-oħra, it-trade mark nazzjonali għandha tintuża “ġenwinament fl-Istat Membru”: Artikolu 10(1) tad-Diretttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”). Ara l-punti 15 u 16 iktar ’il quddiem.

(5)  – Artikolu 1(1) tar-Regolament.

(6)  – Artikolu 4 tar-Regolament.

(7)  – F’dan il-kuntest, il-preżentazzjoni tfisser il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal trade mark.

(8)  – Din hija t-traduzzjoni tiegħi tal-verżjonijiet awtentiċi tal-Konvenzjoni Benelux.

(9)  – Il-Ftehim ta’ Nice, tal-15 ta’ Ġunju 1957, dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, kif irrivedut u emendat.

(10)  – La l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet ma qalu jekk “ONEL” kinitx is-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nassumi li din it-trade mark Komunitarja fil-fatt ma kinitx is-suġġett ta’ tali reġistrazzjoni internazzjonali.

(11)  – Il-premessa 10 tal-preambolu tar-Regolament.

(12)  – Wieħed għandu jippreżumi, madankollu, li l-applikazzjoni biex tiġi rreġistrata “ONEL” bħala trade mark Komunitarja ma kinitx affettwata minn xi waħda mir-raġunijiet assoluti jew relattivi ta’ rifjut imsemmija fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament. Pereżempju, skont l-Artikolu 7(1)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-Regolament, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi rrifjutata jekk hija tkun nieqsa minn karattru distintiv f'parti mill-Komunità: ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck (C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punt 81).

(13)  – Ara pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C‑40/01, Ġabra p. I‑2439); id-digriet tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer (C‑259/02, Ġabra p. I‑1159); u s-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider (C‑416/04 P, Ġabra p. I‑4237).

(14)  – Artikolu 10(1) tad-Direttiva. Dik id-dispożizzjoni u d-Direttiva ġeneralment japplikaw għat-trade marks nazzjonali u tal-Benelux: Artikolu 1 tad-Direttiva.

(15)  – Artikolu 15(1) tar-Regolament.

(16)  – Ara, pereżempju, il-punt 43 iktar ’il quddiem.

(17)  – Nikkunsidra li l-istess prinċipju japplika għat-trade marks nazzjonali: l-użu ġenwin fi Stat Membru ma jistax jiġi kkonstatat abbażi tal-użu ta’ dik it-trade mark barra mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

(18)  – Sentenza Sunrider, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 76.

(19)  – Ara wkoll il-Memorandum fuq il-ħolqien ta’ trade mark tal-KEE adottat mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Lulju 1976, SEC(76) 2462 (Lulju 1976), Bulletin of the European Communities Suppliment 8/76, paragrafu 126: “l-użu fit-territorju ta’ numru stabbilit ta’ Stati Membri ma għandux ikun il-fattur determinanti” u “tkun iktar xierqa dispożizzjoni li teħtieġ l-użu f’parti sostanzjali tas-suq komuni” jew “użu ġenwin fis-suq komuni”.

(20)  – Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2002, Fernandes v UASI (HIWATT) (T‑39/01, Ġabra p. II‑5233, punt 37).

(21)  – Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Pago (C‑301/07, Ġabra p. I‑9429).

(22)  – Ara l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament.

(23)  – Il-fatti kienu tali li “it-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni [jiġifieri l-Awstrija] jista’ jkun ikkunsidrat bħala li jammonta għal parti sostanzjali mit-territorju tal-Komunità”: sentenza Pago, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 30.

(24)  – Sentenza Sunrider, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 70. Ara wkoll il-premessa 8 tar-Regolament.

(25)  – Sentenza Sunrider, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(26)  – Sentenza Sunrider, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(27)  – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ippreżentati fil-kawża Ansul, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 44.

(28)  – F’dak il-kuntest, ma nistax ħlief niċċita l-osservazzjoni tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer li jgħid li “[r]eġistri ta’ trade marks ma jistgħux ikunu maħżen għal sinjali moħbija fl-istennija li xi ħadd, mingħajr ma jkun jaf b’dan, jipprova jużahom sabiex imbagħad tingħatalhom intenzjoni li l-iktar l-iktar tkun spekulattiva”: Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Ansul, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 42.

(29)  – Id-Direttiva ma fihiex dispożizzjoni identika għall-Artikolu 42(3) tar-Regolament. Ara wkoll l-Artikoli 10(1) u 11(2) tad-Direttiva.

(30)  – Ara l-punti 41 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

(31)  – Għaldaqstant, jien naqbel mal-Qorti Ġenerali li adottat l-istess pożizzjoni f’diversi sentenzi. Ara, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider (VITAFRUIT) (T‑203/02, Ġabra p. II‑2811, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Biex nagħti eżempju mhux daqstant serju pereżempju: bejjiegħ ta’ suċċess taċ-ċikkulata moqlija fiż-żejt fl-Iskozja jista’ jfassal pjan ta’ kummerċjalizzazzjoni biex jespandi n-negozju tiegħu fi Franza, l-Italja, l-Estonja u l-Ungerija. Għal dak il-għan, huwa jirreġistra trade mark Komunitarja. Minkejja l-aħjar sforzi kummerċjali tiegħu, il-pjan jirriżulta li ma kienx tajjeb. Il-konsumaturi f’dawk l-Istati Membri jidhru li kellhom qalbhom marbuta mal-ikel tajjeb nazzjonali tagħhom stess u ma dehrux li jixtiequ jippruvaw il-prodott il-ġdid. In-nuqqas ta’ suċċess kummerjali ma jaffettwax l-analiżi dwar jekk kienx hemm użu ġenwin mit-trade mark. B’kuntrast ma’ dan, il-fatt li d-domanda għal prodott partikolari inkwistjoni kienet ikkonċentrata, f’mument partikolari, f’żona ġeografika speċifika, ikun rilevanti għall-evalwazzjoni.

(32)  – Sentenza La Mer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 22.

(33)  – Sentenza La Mer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 25.

(34)  – Dawn l-effetti extra territorjali li jirriżultaw mill-użu lokali ta’ trade mark nazzjonali ma humiex rilevanti biex jiġi evalwat l-użu ġenwin fl-Istat Membru fejn hija rreġistrata dik it-trade mark. Ara l-punt 50 iktar ’il fuq.

(35)  – Ara l-premessa 6 tal-preambolu tar-Regolament.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet