KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fis-26 ta’ April 2012 (1)
Kawża C‑36/11
Pioneer Hi Bred Italia Srl
vs
Ministero delle Politiche agricole alimentari e forestali
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja)]
“Agrikultura – Organiżmi modifikati ġenetikament – Direttiva 2002/53/KE – Katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli – Organiżmi modifikati ġenetikament inklużi fil-katalgu komuni – Regolament (KE) Nru 1829/2003 – Artikolu 20 – Prodotti eżistenti – Direttiva 2001/18/KE – Artikolu 26a – Miżuri intiżi sabiex jevitaw il-preżenza mhux intenzjonata ta’ organiżmi modifikati ġenetikament fi prodotti oħra – Miżuri nazzjonali li jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta’ varjetajiet ġenetikament modifikati inklużi fil-katalgu komuni u awtorizzati bħala prodotti eżistenti fl-istennija ta’ miżuri bbażati fuq l-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18/KE”
1. Fi żmien meta d-dibattitu politiku u legali dwar il-ħtieġa li tiġi estiża jew le l-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu l-Istati Membru fid-dawl tar-restrizzjoni jew tal-interdizzjoni tal-kultivazzjoni ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (2) awtorizzati fuq it-territorju tagħhom kollu jew parti minnu, huwa iktar vivaċi minn qatt qabel (3), din it-talba għal deċiżjoni preliminari tippermetti aġġornament fuq l-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni.
2. Din it-talba tirrigwarda prinċiparjament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KE (4), kif emendata bid-Direttiva 2008/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2008 (5).
3. Dak l-artikolu, intitolat “Miżuri intiżi sabiex jevitaw il-preżenza aċċidentali ta’ OMĠ”, huwa fformulat kif ġej:
“1. L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw il-preżenza mhux mixtieq ta’ OMĠ fi prodotti oħra.
2. Il-Kummissjoni għandha tiġbor u tikkordina informazzjoni msejsa fuq studji fuq livell Komunitarju u nazzjonali, tosserva l-iżviluppi rigward il-koeżistenza fl-Istati Membri u, abbażi ta’ l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet, tiżviluppa linji gwida dwar il-koeżistenza ta’ uċuħ tar-raba’ modifikati ġenetikament, konvenzjonali u organiċi.”
4. Żewġ rakkomandazzjonijiet kienu iktar tard adottati mill-Kummissjoni fuq dan is-suġġett. L-ewwel waħda, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/556/KE, tat-23 ta’ Lulju 2003, dwar Linji gwida għall-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali u l-aħjar prassi biex tkun żgurata l-koeżistenza tal-uċuħ modifikati ġenetikament mal-biedja konvenzjonali u organika (6). Din ir-Rakkomandazzjoni iktar tard, ġiet abrogata u ssostitwita bir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Lulju 2010, dwar linji gwida għall-iżvilupp ta’ miżuri ta’ koeżistenza nazzjonali biex tiġi evitata l-preżenza mhux intenzjonata ta’ OMĠ f’uċuħ tar-raba’ konvenzjonali u organika (7).
5. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet fihom prinċipji ġenerali maħsuba sabiex jiggwidaw lill-Istati Membri meta jiddeċiedu li jadottaw miżuri intiżi sabiex jiżguraw il-koeżistenza tal-uċuħ tar-raba’ modifikati ġenetikament, konvenzjonali u organiċi.
6. F’dawn iż-żewġ testi, il-Kummissjoni titlaq mill-prinċipju li ebda forma ta’ agrikultura, kemm jekk konvenzjonali, organiċi, jew dik ibbażata fuq l-użu ta’OMĠ, ma għandha tiġi eskluża fl-Unjoni. Sabiex il-prodotturi u l-konsumaturi jista’ jkollhom l-għażla bejn dawn it-tliet tipi ta’ produzzjoni, jeħtieġ li jinżammu sistemi ta’ produzzjoni separati. Il-miżuri ta’ koeżistenza huma intiżi, minn din il-perspettiva, sabiex jevitaw il-preżenza mhux intenzjonata ta’ OMĠ fi prodotti oħra, sabiex jevitaw id-dannu ekonomiku potenzjali (8) u l-impatt ta’ taħlita bejn il-biedja modifikata ġenetikament u l-biedja l-oħra (9).
7. Bħala eżempju, il-miżuri ta’ koeżistenza jistgħu jikkonsistu fl-iffissar ta’ distanzi sabiex jifirdu l-artijiet iddedikati għall-biedja ta’ OMĠ u dawk irriżervati għall-biedja konvenzjonali jew organika, fl-immaniġġjar ta’ żoni ta’ lqugħ, fl-installazzjoni ta’ barrieri għall-polline, jew fl-adattament tas-sistemi ta’ rotazzjoni tal-uċuħ (10).
8. F’din il-kawża, il-Consiglio di Stato (l-Italja) għandu jevalwa l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet nazzjonali għall-kultivazzjoni tal-OMĠ għall-adozzjoni, mir-reġjuni, ta’ miżuri ta’ koeżistenza. Huwa jixtieq jikseb iktar tagħrif dwar il-portata tal-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18, moqri fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tat-23 ta’ Lulju 2003 u tat-13 ta’ Lulju 2010. Minn din il-perspettiva, il-Consiglio di Stato ressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Meta l-Istat Membru jkun ikkunsidra li għandu jissuġġetta l-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-kultivazzjoni ta’ OMĠ, anki jekk dawn ikunu inklużi fil-[Katalgu komuni Ewropew ta’ varjetajiet ta’ pjanti agrikoli stabbilit mid-Direttiva 2002/53/KE (11) (quddiem il-katalgu komuni)], għal miżuri ta’ natura ġenerali li jkunu xierqa biex jiżguraw il-koeżistenza ma’ wċuħ tar-raba’ konvenzjonali jew organiċi, l-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18/KE, moqri fid-dawl tar-[Rakkomandazzjoni 2003/556/KE tat-23 ta’ Lulju 2003] u tar-[Rakkomandazzjoni sussegwenti 2010/C200/01 tat-13 ta’ Lulju 2010], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-perijodu ta’ qabel l-adozzjoni tal-miżuri ġenerali: l-awtorizzazzjoni għandha tingħata, sa fejn tirrigwarda OMĠ inklużi fil-Katalgu komuni Ewropew; jew l-eżami tat-talba għal awtorizzazzjoni għandu jiġi sospiż sakemm jiġu adottati l-miżuri ta’ natura ġenerali; jew, l-awtorizzazzjoni għanda tingħata, iżda għandha tkun suġġetta għal rekwiżiti xierqa biex jiġi evitat f’każijiet speċifiċi l-kuntatt, anki jekk aċċidentali, tal-uċuħ tar-raba’ modifikati ġenetikament li huma awtorizzati mal-uċuħ tar-raba’ konvenzjonali jew organiċi ta’ madwarhom?”
9. Din id-domanda ssib l-oriġini tagħha fil-kawża bejn Pioneer Hi Bred Italia Srl (iktar ’il quddiem “Pioneer”) u l-Ministero delle Politiche agricole alimentari e forestali (Ministeru tal-Politika Agrikola, tal-Ikel u tal-Foresti) dwar il-legalità ta’ nota ta’ dan tal-aħħar li kienet tinforma lil Pioneer li, sakemm jiġu adottati, mir-reġjuni, regoli xierqa sabiex jiżguraw il-koeżistenza ta’ wċuħ tar-raba’ konvenzjonali, organiċi u dawk modifikati ġenetikament, huwa ma setax jipproċessa t-talba ta’ dik il-kumpannija sabiex tiġi awtorizzata tikkultiva l-ibridi ta’ qamħirrum modifikat ġenetikament, derivati minn qamħirrum MON 810, li kien diġà inkluż fil-katalgu komuni.
10. Billi fformula d-domanda tiegħu, il-Consiglio di Stato jidher li jitlaq mill-premessa li Stat Membru jista’ validament jistabbilixxi proċedura maħsuba sabiex tawtorizza, fuq livell nazzjonali, il-kultivazzjoni ta’ OMĠ minkejja li dan ikun diġà għandu awtorizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Għandu, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat jekk din il-premessa hijiex korretta.
11. Sejjer neżamina, fit-tieni lok, jekk Stat Membru jistax legalment juża n-nuqqas tal-implementazzjoni ta’ pjani ta’ koeżistenza fil-livell reġjonali sabiex jirrifjuta l-kultivazzjoni fuq it-territorju tiegħu ta’ OMĠ awtorizzat bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.
I – Il-kuntest fattwali u ġuridiku tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari
A – L-istatus ġuridiku tal-qamħirrum MON 810
12. It-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum MON 810 kien ġie awtorizzat, fuq talba ta’ Monsanto Europe SA (12), bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/294/KE (13).
13. Id-Direttiva 2001/18, skont l-Artikolu 34 tagħha, kellha tiġi trasposta sa mhux iktar tard mis-17 ta’ Ottubru 2002. Hija abrogat u ssostitwiet id-Direttiva 90/220/KEE (14), li abbażi tagħha kienet ingħatat l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum MON 810.
14. Prodott bħalma huwa l-qamħirrum MON 810 kien jissemma fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2001/18, bħala prodott li kien igawdi minn awtorizzazzjoni mogħtija taħt id-Direttiva 90/220 qabel is-17 ta’ Ottubru 2002. Madankollu, Monsanto Europe ma bagħtitx notifika skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2001/18, lill-awtorità nazzjonali kompetenti, qabel id-data finali tas-17 ta’ Ottubru 2006. Din il-kumpannija lanqas kienet talbet it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum MON 810 skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 ta’ dik id-direttiva.
15. Skont il-premessi 7 u 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1829/2003, applikabbli fit-18 ta’ April 2004 bis-saħħa tal-Artikolu 49 tiegħu, jistabbilixxi proċedura Komunitarja singola ta’ awtorizzazzjoni li tapplika, b’mod partikolari, għall-għalf li jinkludi OMĠ jew li jikkonsisti minn tali organiżmi jew prodotti derivanti minnhom kif ukoll OMĠ li għandhom jintużaw bħala materjal bażiku għall-produzzjoni tal-għalf.
16. Huwa fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li Monsanto Europe xtaqet li t-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum MON 810 jitkompla. Fil-fatt, fil-11 ta’ Lulju 2004, Monsanto Europe nnotifikat lill-Kummissjoni, b’mod partikolari skont l-Artikolu 20(1)(a) tal-imsemmi Regolament, il-qamħirrum MON 810 bħala “prodott eżistenti” li jaqa’ taħt it-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1829/2003 (15). Fl-4 ta’ Mejju 2007, hija talbet it-tiġdid tal‑awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum MON 810 abbażi tal-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-Regolament. Bis-saħħa tal-Artikolu 23(4) tal-imsemmi regolament, waqt il-proċedura ta’ tiġdid, l-awtorizzazzjoni eżistenti baqgħet tipproduċi l-effetti tagħha.
17. Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Settembru 2011, Monsanto et (16), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1829/2003, li jawtorizza l-kontinwazzjoni tal-użu tal-prodotti li jirregola, ikopri l-użu ta’ żrieragħ ta’ prodotti li jkunu ġew innotifikati (17).
18. Mill-Artikolu 20(5) ta’ dan ir-Regolament jirriżulta li “[i]l-prodotti msemmijin fil-paragrafu 1 u għalf li jkun fih dawk il-prodotti jew prodottt minnhom għandhom ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 21, 22 u 34, li għandhom jgħoddu mutatis mutandis”.
19. Għandu, madankollu, jiġi ċċarat li, fit-8 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni approvat l-inklużjoni ta’ 17-il varjetà derivati mill-qamħirrum MON 810 fil-katalgu komuni rregolat mid-Direttiva 2002/53.
20. Ir-relazzjoni bejn is-sistemi stabbiliti mir-Regolament Nru 1829/2003 u mid-Direttiva 2002/53 hija ċċarata bl-Artikolu 4(5) ta’ din tal-aħħar li jipprovdi li, “meta materjal derviat minn varjetà ta’ pjanta hu intenzjonat li jintuza f’ikel li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3, jew f’għalf li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament [...] Nru 1829/2003 [...], il-varjetà għandha tiġi aċċettata biss jekk tkun ġiet approvata skond dak ir-Regolament.”.
21. Minn dawn il-provi jirriżulta li l-qamħirrum MON 810 jaqa’ mhux biss taħt l-iskema tar-Regolament Nru 1829/2003, imma wkoll taħt dik prevista mid-Direttiva 2002/53.
22. Barra minn hekk, l-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18, li ġie inserit fiha bl-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 1829/2003, japplika b’mod ġenerali u għalhekk huwa applikabbli għal OMĠ bħalma huwa l-qamħirrum MON 810 (18).
B – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-dritt nazzjonali rilevanti
23. Pioneer hija kumpannija li tipproduċi u li tiddistribwixxi, fuq livell mondjali, żrieragħ konvenzjonali u żrieragħ modifikati ġenetikament.
24. Hija għandha l-intenzjoni li tikkultiva l-varjetajiet ta’ qamħirrum MON 810 inklużi fil-katalgu komuni.
25. Fit-18 ta’ Ottubru 2006, hija talbet lill-Ministero delle Politiche agricole alimentari e forestali awtorizzazzjoni sabiex tikkultiva dawn il-varjetajiet taħt l-Artikolu 1(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 212 (decreto legislativo n. 212), tal-24 ta’ April 2001 (19), li jipprovdi:
“[…] Il-kultivazzjoni tal-prodotti ta’ żerriegħa […] hija suġġetta għal awtorizzazzjoni permezz ta’ provvediment tal-Ministru tal-Politika Agrikola u Forestali, meħud bi ftehim mal-Ministru tal-Ambjent u l-Ministru tas-Saħħa, adottat fuq parir tal-[Kummissjoni għall-prodotti ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet modifikata ġenetikament], li jistabbilixxi l-miżuri adattati sabiex jiggarantixxu li l-uċuħ miksuba minn żerriegħa ta’ varjetajiet modifikati ġenetikament ma jiġux f’kuntatt mal-uċuħ miksuba minn żerriegħa tradizzjonali u ma jikkaġunawx ħsara bijoloġika lill-ambjent ta’ madwarhom, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari agrikoli u ekoloġiċi, ambjentali u pedoklimatiċi.” (20)
26. B’nota Nru 3734 tat-12 ta’ Mejju 2008, il-Ministero delle Politiche di agricole alimentari u forestali – Dipartimento delle Politiche di sviluppo economico e rurale della Repubblika Italiana (Dipartiment tal-Politika ta’ Żvilupp Ekonomiku u Rurali tar-Repubblika Taljana) informa lil Pioneer li huwa ma setax jgħaddi għall-ipproċessar tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ kultivazzjoni ta’ ibridi ta’ qamħirrum modifikati ġenetikament, diġà inklużi fil-katalgu komuni, “pendenti l-adozzjoni, mir-reġjuni, tar-regoli adatti sabiex jiżguraw il-koeżistenza ta’ wċuħ konvenzjonali, organiċi u dawk modifikati ġenetikament, kif stabbilit miċ-Ċirkulari [Nru 269] tal-[Ministero delle Politiche agricole alimentari e forestali] tal-31 ta’ Marzu 2006”.
27. Jeħtieġ jiġi ċċarat il-kuntest ġuridiku nazzjonali li wassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħal dik.
28. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 279 (decreto-legge n. 279), tat-22 ta’ Novembru 2004 (21), kif emendat u kkonvertit f’liġi bil-Liġi Nru 5 (legge n. 5), tat-28 ta’ Jannar 2005 (22), huwa intiż għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ koeżistenza fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni tat-23 ta’ Lulju 2003.
29. L-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 279 jipprovdi għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ koeżistenza permezz ta’ digriet ta’ natura mhux leġiżlattiva tal-Ministero delle Politiche agricole alimentari e forestali, meħud bi ftehim mal-Konferenza Permanenti għar-Relazzjonijiet bejn l-Istat, ir-Reġjuni u l-Provinċji Awtonomi ta’ Trento u ta’ Bolzano, ippubblikat wara l-parir tal-Kummissjonijiet Parlamentari kompetenti.
30. Bis-saħħa ta’ dan l-artikolu kif ukoll tal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 279, dan id-digriet ta’ natura mhux leġiżlattiva għandu jiddefinixxi d-dispożizzjonijiet qafas għall-koeżistenza, li taħthom ir-reġjuni għandhom japprovaw il-pjanijiet tagħhom ta’ koeżistenza, billi jadottaw provvedimenti ad hoc.
31. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 279, il-pjan ta’ koeżistenza għandu jiġi adottat bi provvediment ta’ kull reġjun u provinċja awtonoma u għandu jinkludi regoli tekniċi ta’ implementazzjoni tal-koeżistenza, filwaqt li jipprovdi strumenti li jiggarantixxu l-korroborazzjoni tal-organi territorjali lokali, abbażi tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ distinzjoni u ta’ proporzjonalità.
32. L-Artikolu 8 ta’ dak l-istess Digriet Leġiżlattiv jipprovdi li, sakemm il-pjani differenti ta’ koeżistenza ma jkunux ġew adottati, il-kultivazzjoni modifikata ġenetikament ma hijiex awtorizzata, b’eċċezzjoni ta’ dawk iddestinati għar-riċerka u għall-proċess ta’ esperimenti.
33. B’sentenza tas-17 ta’ Marzu 2006, mogħtija wara rikors ippreżentat mir-Regione delle Marche, il-Corte costituzionale (Qorti Kostituzzjonali) iddikjarat bħala antikostituzzjonali, b’mod partikolari, l-Artikoli 3, 4 u 8 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 279.
34. Fir-rigward, b’mod partikolari tal-Artikolu 4 ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv, hija ddeċidiet li dan jippreġudika l-kompetenza leġiżlattiva tar-reġjuni fil-qasam tal-agrikultura, inkwantu dawn jeżerċitaw il-poter li jirregolaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ koeżistenza fit-territorji reġjonali differenti, notorjament differenti mill-perspettiva morfoloġika u fuq il-livell tal-produzzjoni tagħhom.
35. F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 8 ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv, il-Corte costituzionale ddikjaratu antikostituzzjonali għaliex dehrilha li kien inseparabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra kkunsidrati bħala illegali.
36. Baqgħu, konsegwentement fis-seħħ l-Artikoli 1 u 2 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 279, li minnhom tirriżulta l-volontà tal-leġiżlatur nazzjonali li juża l-possibbiltà li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jevita l-preżenza mhux intenzjonata ta’ OMĠ f’uċuħ oħra, bħalma huma l-uċuħ konvenzjonali jew organiċi.
37. Wara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2006, iċċitata iktar ’il fuq, il-Ministero delle Politiche agricole alimentari u forestali kien adotta ċ-Ċirkulari Nru 269 tal-31 ta’ Marzu 2006, li fiha huwa jikkunsidra li s-sentenza msemmija ma tikkontestax il-leġittimità tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OMĠ pendenti l-adozzjoni ta’ pjani ta’ koeżistenza u li d-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità tal-Artikolu 8 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 279 għandha tinftiehem fis-sens li, jekk il-projbizzjoni ta’ kultivazzjoni tal-OMĠ tibqa’ fis-seħħ, xorta għandha tipprovdi għall-eżerċizzju mill-awtorità reġjonali jew provinċjali tal-kompetenza tagħha f’dan il-qasam.
38. Fil-punt 4 ta’ din iċ-ċirkulari, huwa jenfasizza li, wara li r-reġjuni u l-provinċji awtonomi jkunu adottaw id-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-koeżistenza, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-OMĠ għall-iskop ta’ kultivazzjoni tagħhom għad trid tiġi konkluża b’suċċess, skont id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 212/2001, li jeżiġu l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ministerjali.
39. Fil-punt 5 ta’ din iċ-ċirkulari, il-Ministero delle Politiche Agricole alimentari u forestali jikkonkludi li:
– il-kultivazzjoni ta’ OMĠ tibqa’ pprojbita sakemm jiġu adottati l-istrumenti legali reġjonali li jippermettu li tiġi ggarantita l-koeżistenza ta’ wċuħ konvenzjonali, organiċi u transġeniċi u sakemm jiġu identifikati s-soluzzjonijiet adegwati fir-reġjuni viċini;
– in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-projbizzjoni jwassal għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 212/2001.
40. In-nota Nru 3734 tat-12 ta’ Mejju 2008, imsemmija hija konformi ma’ dak li hemm ipprovdut fiċ-Ċirkulari Nru 269 tal-31 ta’ Marzu 2006.
41. Pioneer ippreżentat rikors straordinarju lill-President tar-Repubblika Taljana sabiex tikseb l-annullament ta’ dik in-nota. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari riprodotta fil-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
42. Fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju preliminari, osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Pioneer, mill-Gvern Taljan u l-Gvern Spanjol, kif ukoll mill-Kummissjoni. Inżammet seduta għas-sottomissjonijiet orali fil-21 ta’ Marzu 2012, li għaliha attendew Pioneer, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni.
II – L-analiżi tiegħi
43. Qabel ma neżamina x’portata għandha tingħata lill-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18, għandu jiġi stabbilit jekk Stat Membru jistax, legalment, jimponi sistema nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni tal-kultivazzjoni ta’ OMĠ fuq dik stabbilita bid-dritt tal-Unjoni. Bħalma l-Gvern Taljan innifsu aċċetta waqt is-seduta, ir-risposta hija, fil-fehma tiegħi, fin-negattiv.
44. Kif spjegat, l-użu u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ żrieragħ tal-varjetajiet ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 jistgħu jiġu kkunsidrati bħala awtorizzati fi ħdan l-Unjoni għal żewġ raġunijiet.
45. Dawn huma awtorizzati, fl-ewwel lok, bis-saħħa tar-Regolament Nru 1829/2003, sa fejn dawn il-varjetajiet huma “prodotti eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament. Prodott li kien is-suġġett ta’ dik il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni jista’ jiġi użat u kkummerċjalizzat fi ħdan l-Unjoni. Dan jirriżulta, f’dak li jikkonċerna l-għalf ġenetikament modifikat għall-annimali, mill-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li “[ħ]add ma għandu jqiegħed fis-suq, juża jew jipproċessa prodott imsemmi fl-Artikolu 15(1) jekk ma jkunx kopert b’awtorizzazzjoni maħruġa skond din is-Sezzjoni u jekk ma jiġux sodisfatti l-kondizzjonijiet rilevanti ta’ l-awtorizzazzjoni”. Barra minn hekk, l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1829/2003 jipprovdi li “[l]-awtorizzazzjoni mogħtija skond il-proċedura msemmija f’dan ir-Regolament għandha tkun valida fil-Komunità kollha għal 10 snin u għandha tiġġedded skond l-Artikolu 23”.
46. Barra minn hekk, l-indikazzjoni, li tinsab fil-premessa 1 ta’ dan ir-regolament, li “l-moviment liberu ta’f ikel u għalf siguri u bla periklu hu aspett essenzjali tas-suq intern u jikkontribwixxi b/mod sinifikattiv għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini, u għall-interessi tagħhom soċjali u ekonomiċi”, timplika li, mill-mument li fih xi prodotti jkunu, skont il-proċeduri previsti mill-imsemmi regolament, is-suġġett ta’ stħarriġ xjentifiku li jkun ikkonkluda li ma jeżistix perikolu ta’ effett negattiv fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa, u jkunu għalhekk ġew awtorizzati li jitqiegħdu fis-suq, awtorizzazzjoni bħal dik għandha l-effett li tippermetti l-moviment liberu tal-ikel jew għalf għall-annimali kkonċernati fl-Istati Membri.
47. L-użu u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ żerriegħa tal-varjetajiet ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 huma, fit-tieni lok, permessi fi ħdan l-Unjoni sa fejn dawn il-varjetajiet kienu ġew inklużi fil-katalgu komuni rregolat bid-Direttiva 2002/53.
48. Fil-fatt, skont il-premessa 11 ta’ dik id-direttiva, “żerriegħa koperta minn din id-Direttiva għandha tiġi mibjugħa fis-suq fil-Komunità ladarba tiġi ppubblikata fil-katalgu komuni”. L-Artikolu 16(1) ta’ dik id-Direttiva jeżiġi wkoll li l-Istati Membri għandhom jiżguraw “li, b’effett mill-pubblikazzjoni riferit fl-Artikolu 17, żerriegħa ta’ varjetajiet aċċettati skond din id-Direttiva jew skond il-prinċipji li jikkorrispondu għal dawk ta’ din id-Direttiva mhiex suġġetta għal xi restrizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-varjetà”.
49. La r-Regolament Nru 1829/2003 u lanqas id-Direttiva 2002/53 ma jippermettu lill-Istati Membri li jżidu fil-livell nazzjonali livell ta’ kontrolli addizzjonali tal-perikoli li jista’ jippreżenta OMĠ għall-ambjent jew għas-saħħa, li jwassal għall-għoti jew għar-rifjut mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ta’ awtorizzazzjoni ta’ kultivazzjoni fuq it-territorju tiegħu. Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, is-sistema li tirregola t-tqegħid fis-suq tal-OMĠ fi ħdan l-Unjoni hija bbażata għalhekk fuq awtorizzazzjoni mogħtija fil-livell tal-Unjoni, li tippermetti lill-OMĠ ikkonċernati li jiġu użati u li jiġu kkummerċjalizzati liberament fi ħdan l-Istati Membri. L-Artikolu 1(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 212/2001 huwa għalhekk kuntrarju għas-sistema introdotta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għaliex huwa jissottometti sistematikament il-kultivazzjoni ta’ OMĠ għal awtorizzazzjoni nazzjonali.
50. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk, fl-ewwel stadju tar-raġunament tagħha, tirrispondi lill-qorti tar-rinviju li OMĠ bħalma huma l-ibridi ta’ qamħirrum modifikati ġenetikament, miksuba mill-qamħirrum MON 810, li jkunu ġew awtorizzati b’mod partikolari bħala żerriegħa għal għanijiet ta’ kultivazzjoni, skont id-Direttiva 90/220, u li, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1829/2003, ikunu ġew innotifikati bħala prodotti eżistenti, u wara jkunu s-suġġett ta’ talba għal tiġdid tal-awtorizzazzjoni li tkun għadha qed tiġi eżaminata, u li jkunu ġew inklużi fil-katalgu komuni rregolat bid-Direttiva 2002/53, ma jistgħux ikunu suġġetta għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali.
51. Jekk Stat Membru jidentifika, wara l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ OMĠ fil-livell tal-Unjoni, perikolu għall-ambjent jew għas-saħħa u li huwa jixtieq li dan il-perikolu jittieħed inkunsiderazzjoni, huwa għandu juża waħda mill-proċeduri li l-liġi tal-Unjoni tipprovdi għal dan l-iskop. Jekk jiġu kkunsidrati, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2002/53 u r-Regolament Nru 1829/2003, dawn il-proċeduri huma s-segwenti.
52. Skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2002/53:
“Stat Membru jista, fuq applikazzjoni [...] ikun awtorizzat li jipprojbixxi l-użu tal-varjetà fit-territorju kollu jew parti minnu jew li jippreskrivi l-kondizzjonijiet għall-koltivazzjoni tal-varjetà skond, fil-każijiet pprovduti fis-subparagrafu (ċ), flimkien mal-kondizzjonijiet għall-użu tal-prodotti li jirriżultaw minn koltivazzjoni bħal din:
fejn ikun stabbilit li l-koltivazzjoni tal-varjetà tista’ tkun ta’ ħsara mill-lat ta’ saħħa tal-pjanti għall-koltivazzjoni ta’ varjetajiet jew speċi oħra; jew;
[...]
ċ) fejn ikollu raġunijiet validi oħra għajr dawk diġà msemmija jew li setgħu kienu msemmija matul il-proċedura riferita fl-Artikolu 10(2) biex jikkunsidra li l-varjetà tippreżenta riskju għas-saħħa umana u għall-ambjent.”
53. Barra minn hekk, l-Artikolu 18 tal-istess direttiva jipprovdi li, “[j]ekk ikun stabbilit li l-koltivazzjoni ta’ varjetà inkluża fil-katalgu komuni tal-varjetajiet tista’ f’xi Stat Membru tkun ta’ ħsara mill-lat ta’ saħħa tal-pjanti għal koltivazzjoni ta’ varjetajiet jew speċi oħra, jew tippreżenta riskju għall-ambjent jew għas-saħħa umana, dak l-Istat Membru jista’ fuq applikazzjoni, ikun awtorizzat […] li jipprojbixxi l-bejgħ fis-suq taż-żerriegħa jew materjali ta’ propagazzjoni ta’ dik il-varjetà fit-territorju kollu jew parti minnu. Fejn ikun hemm periklu imminenti ta’ firxa ta’ organiżmi ta’ ħsara jew periklu imminenti għas-saħħa umana jew għall-ambjent, dik il-projbizzjoni tista’ tiġi mposta mill-Istat Membru konċernat kemm jista’ jkun malajr wara li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet depożitata sa dak il-waqt li tkun ittieħdet deċiżjoni finali. Dik id-deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien perjodu ta’ tlett xhur”.
54. Fir-rigward tal-proċeduri introdotti bir-Regolament Nru 1829/2003, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 22 tiegħu, li jippermetti, f’dak li jikkonċerna l-għalf għall-annimali ġenetikament modifikat (23), il-modifika, is-sospensjoni u l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet, fuq inizjattiva tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel jew fuq talba ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni.
55. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li, “[f]ejn ikun evidenti li prodotti awtorizzati bi jew skond [dak] ir-Regolament x’aktarx jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa umana, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent, [...] għandhom jittieħdu miżuri skond il-proċeduri previsti fl-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 [(24)]”. Fis-sentenza tagħha Monsanto et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 jimponi lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu, minbarra l-emerġenza, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li tista’ tippreżenta riskju importanti li jipperikola b’mod manifest is-saħħa tal-bneidem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent” (25).
56. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18, li, ta’ min ifakkar, jagħtihom il-fakultà li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jevitaw il-preżenza mhux intenzjonata ta’ OMĠ fi prodotti oħra, sabiex jevitaw b’mod ġenerali l-kultivazzjoni fuq it-territorju tagħhom ta’ OMĠ awtorizzat skont ir-Regolament Nru 1829/2003 u inkluż fil-katalgu komuni skont id-Direttiva 2002/53. L-għan tal-miżuri adattati sabiex jiggarantixxu l-koeżistenza tat-tipi differenti ta’ wċuħ għandu, f’dan ir-rigward, jiġi distint b’mod ċar mill-għan tal-proċeduri li qegħdin jiġu diskussi hawnhekk.
57. Kif jindikaw ir-rakkomandazzjonijiet tat-23 ta’ Lulju 2003 u tat-13 ta’ Lulju 2010, il-miżuri ta’ koeżistenza huma intiżi sabiex iżommu d-diversità tal-forom ta’ agrikultura sabiex jippermettu, minn naħa lill-prodotturi li jagħżlu liema tipi ta’ wċuħ huma jippreferixxu u, min-naħa l-oħra, lill-konsumaturi li jagħżlu liema tipi ta’ ikel, modifikat ġenetikament jew le, huma jixtiequ jikkunsmaw. L-eżerċizzju kollettiv ta’ dawn l-għażliet huwa suġġett għall-adozzjoni ta’ miżuri li jiggarantixxu kanali ta’ produzzjoni separati.
58. Barra minn hekk, bl-iskop li tiġi evitata l-preżenza mhux intenzjonata ta’ OMĠ fi prodotti oħra, il-miżuri ta’ koeżistenza jippermettu li jevitaw id-dannu ekonomiku potenzjali li jista’ jirriżulta lill-produtturi ta’ wċuħ konvenzjonali u organiċi, b’mod partikolari f’każ li jinqabeż il-livell legali ta’ ttikkettjar li abbażi tiegħu l-preżenza ta’ OMĠ għandha tiġi indikata.
59. Il-miżuri ta’ koeżistenza stabbiliti fl-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18 għandhom, minn din il-perspettiva, bħala għan prinċipali dak li jippermettu li forom differenti ta’ agrikultura jikkoeżistu. Kif indikajt iktar ’il fuq, dawn il-miżuri jistgħu jikkonsistu fl-iffissar ta’ distanzi sabiex jifirdu l-artijiet iddedikati għall-biedja ta’ OMĠ u dawk irriżervati għall-biedja konvenzjonali jew organika, fl-immaniġġjar ta’ żoni ta’ lqugħ, fl-istallazzjoni ta’ barrieri għal polline, jew fl-adattament tas-sistemi ta’ rotazzjoni tal-uċuħ.
60. Imqanqal mit-tħassib li jiggarantixxi fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli l-koeżistenza tat-tipi differenti ta’ wċuħ, u mhux minn dik li jeskludi b’mod ġenerali tip ta’ wiċċ għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa jew tal-ambjent, l-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18 jiddistingwi ruħu għalhekk b’mod ċar mill-proċeduri li jippermettu lill-Istati Membri li jipprekludu, għal raġunijiet bħal dawn, il-kultivazzjoni ta’ OMĠ fuq it-territorju tagħhom.
61. Ċertament, ma huwiex eskluż li, minħabba l-karatteristiċi partikolari ta’ żona ġeografika, bħalma huma l-kundizzjonijiet klimatiċi, it-topografija, il-metodi ta’ kultivazzjoni u s-sistemi ta’ ħsad jew l-istrutturi ta’ xogħol, is-sempliċi adozzjoni ta’ miżuri tekniċi tista’ tirriżulta insuffiċjenti sabiex tevita l-preżenza mhux intenzjonata ta’ OMĠ fl-uċuħ konvenzjonali jew organiċi. F’sitwazzjoni bħal dik, l-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18 jista’ jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru li jipprojbixxi l-kultivazzjoni ta’ OMĠ f’żona speċifika tat-territorju tiegħu (26). Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, possibbiltà bħal din hija madankollu suġġetta għall-prova stretta li miżuri oħra ma kinux suffiċjenti sabiex jikkontrollow, sa dan il-punt, il-preżenza ta’ OMĠ fl-uċuħ konvenzjonali jew organiċi viċini.
62. Barra minn din l-ipoteżi speċifika u fin-nuqqas ta’ tali prova, Stat Membru ma jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18 sabiex jipprojbixxi l-kultivazzjoni fuq it-territorju tiegħu ta’ OMĠ awtorizzat taħt ir-Regolament Nru 1829/2003 u inkluż fil-katalgu komuni skont id-Direttiva 2002/53.
63. Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet dwar it-tifsira li għandha, fil-fehma tiegħi, tingħata lill-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18, jiena nqis li dan l-artikolu lanqas ma jippermetti li Stat Membru jipprekludi l-kultivazzjoni fuq it-territorju tiegħu ta’ OMĠ bħal din pendenti l-adozzjoni, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, ta’ miżuri ta’ koeżistenza.
64. Minbarra l-fatt li l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri ta’ koeżistenza hija, skont l-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18, biss fakultattiva, għandu jiġi enfasizzat li l-ammissjoni ta’ riżultat oppost tkun twassal għal żieda ta’ kundizzjoni addizzjonali għat-tqegħid fis-suq ta’ OMĠ awtorizzat fil-livell tal-Unjoni, li tkun tiddependi fuq ir-reattività, skont il-każ, tal-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri ta’ koeżistenza, fatt dan li jmur kontra s-sistema implementata bir-Regolament Nru 1829/2003.
65. Barra minn hekk, interpretazzjoni bħal din tal-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18 ser ikollha l-effett li tippermetti lill-Istati Membri li jipprojbixxu l-kultivazzjoni fuq it-territorju tagħhom ta’ OMĠ awtorizzat bis-saħħa tar-Regolament Nru 1829/2003 u inkluż fil-katalgu komuni konformement mad-Direttiva 2002/53 barra l-proċeduri stabbiliti għal dan l-għan minn dawn iż-żewġ liġijiet, u ser tikkostitwixxi għalhekk mezz faċli li jiġu evitati dawn il-proċeduri.
66. Naturalment, jibqa’ leċitu għall-Istati Membri, skont l-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18, li jadottaw f’kull żmien, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kemm fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, miżuri intiżi sabiex jiżguraw il-koeżistenza ta’ wċuħ modifikati ġenetikament, konvenzjonali u organiċi. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jistrieħu fuq l-astensjoni tagħhom milli jfasslu u jimplementaw miżuri ta’ koeżistenza, anki jekk biss għal raġunijiet ta’ diviżjoni interni tal-kompetenzi, biex jipprojbixxu, fil-frattemp, il‑kultivazzjoni fuq it-territorju ta’ OMĠ awtorizzat taħt ir-Regolament Nru 1829/2003 u inkluż fil-katalgu komuni konformement mad-Direttiva 2002/53.
67. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena nipproponi, konsegwentement, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18 għandu jiġ interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix lil Stat Membru li jipprekludi l-kultivazzjoni fuq it-territorju tiegħu ta’ OMĠ awtorizzat taħt ir-Regolament Nru 1829/2003 u inkluż fil-katalgu komuni skont id-Direttiva 2002/53 pendenti l-adozzjoni, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali ta’ miżuri intiżi sabiex jevitaw il-preżenza mhux intenzjonata ta’ OMĠ f’uċuħ oħra.
III – Konklużjoni
68. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’dan il-mod lill-Consiglio di Stato:
“Organiżmi modifikati ġenetikament bħalma huma l-ibridi ta’ qamħirrum modifikati ġenetikament, miksuba mill-qamħirrum MON 810, li kienu ġew awtorizzati b’mod partikolari bħala żerriegħa għal skopijiet ta’ kultivazzjoni, skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar it-tixrid intenzjonat ta’ organiżmi modifikati ġenetikament fl-ambjent, u li, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1829/2003, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, kienu ġew innotifikati bħala prodotti eżistenti, u kienu wara wkoll is-suġġett ta’ talba ta’ tiġdid ta’ awtorizzazzjoni li għadha qed tiġi eżaminata, u li kienu ġew inklużi fil-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċijiet veġetali stabbilit bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE, tat-13 ta’ Ġunju 2002, kif emendata bir-Regolament Nru 1829/2003, ma jistgħux jiġu suġġetta għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali.
L-Artikolu 26a tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/18/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva 90/220, kif emendata bid-Direttiva 2008/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill , tal-11 ta’ Marzu 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix li Stat Membru jipprekludi l-kultivazzjoni fuq it-territorju tiegħu ta’ tali organiżmi modifikati ġenetikament pendenti l-adozzjoni, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, ta’ miżuri intiżi sabiex jevitaw il-preżenza mhux intenzjonata ta’ organiżmi modifikati ġenetikament f’uċuħ oħra”.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Iktar ’il quddiem l-“OMĠ”.
3 – Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta’ Lulju 2010 dwar il-libertà għall-Istati Membri li jaċċettaw jew le l-kultivazzjoni ġenetikament modifikata [COM(2010) 380 finali], kif ukoll il-proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2001/18/KE f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ fuq it-territorju tagħhom, ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fit-13 ta’ Lulju 2010 [COM(2010) 375 finali]. Ara, ukoll, ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2011 fuq din il-proposta. L-imsemmija proposta għandha l-għan li tippermetti lill-Istati Membri li jinvokaw motivi oħra barra dawk li wasslu għall-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji ambjentali u sanitarji sabiex jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-kultivazzjoni ta’ OMĠ fuq it-territorju tagħhom. Diversi Stati membri esprimew l-oppożizzjoni qawwija tagħhom għal din il-proposta tal-Kummissjoni, b’mod li l-Presidenza Daniża tal-Unjoni Ewropea qiegħda attwalment tfittex kompromess li jista’ jiġi aċċettat mill-Istati Membri.
4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77.
5 – ĠU L 81, p. 45, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/18”.
6 – ĠUL 189, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni tat-23 ta’ Lulju 2003”.
7 – ĠU C 200, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2010”.
8 – Dan id-dannu ekonomiku jista’, b’mod partikolari, ikun ir-riżultat ta’ obbligu ta’ ttikkettjar li juri l-preżenza ta’ OMĠ fi prodott meta jinqabeż il-livell legali ta’ 0.9 %.
9 – Għal approċċ ġenerali tal-problema, ara, b’mod partikolari, Rosso Grossman M., “Coexistence of Genetically Modified, Conventional, and Organic Crops in the European Union: The Community Framework”, The Regulation of Genetically Modified Organisms: Comparative Approaches, Oxford University Press, 2010, p. 123.
10 – Ara l-katalgu li jindika l-miżuri fil-qasam ta’ koeżistenza li jissemma fil-punt 3 tal-anness mar-Rakkomandazzjoni tat-23 ta’ Lulju 2003.
11 – Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 36, p. 281) kif emendata bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1829/2003, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/53”)
12 – Iktar ’il quddiem “Monsanto Europe”.
13 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ April 1998 dwar il-kummerċ tal-qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L. linja MON 810), skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 23, p. 77).
14 – Direttiva tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 1990, dwar it-tixrid intenzjonat ta’ organiżmu ġenetikament modifikat fl-ambjent (ĠU L 117, p. 15).
15 – Peress li l-qamħirrum MON 810 kien varjetà ta’ qamħirrum modifikat ġenetikament li jidher li jintuża prinċiparjament għall-għalf tal-annimali, fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin jiena ser nirreferi esklużivament għat-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1829/2003, li tikkonċerna l-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza tal-għalf għall-annimali modifikat ġenetikament. Għandu, madandkollu, jiġi ċċarat li Monsanto Europe kienet ukoll innotifikat lill-Kummissjoni bħala “prodott eżistenti” il-qamħirrum MON 810 skont l-Artikolu 8(1)(a) u (b) ta’ dan ir-Regolament, li jagħmel parti mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-imsemmi Regolament, iddedikata għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ ikel modifikat ġenetikament. Sa fejn id-dispożizzjonijiet kontenuti fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tar-Regolament nru 1829/2003 u dawk li jinsabu fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tal-istess Regolament huma simili, il-fatt li wieħed jirreferi biss għad-dispożizzjonijiet kontenuti f’din l-aħħar Taqsima ma huwiex sejjer iħalli effett fuq ir-raġunament.
16 – C‑58/10 sa C‑68/10, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra.
17 – Punt 55.
18 – Il-prijorità li ngħatat lil-leġiżlazzjoni mfassla skont is-settur, skont dak ipprovdut fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2001/18, ma tikkonċernax l-Artikolu 26a tagħha.
19 – GURI nru 131, tat-8 ta’ Ġunju 2001, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 212/2001”.
20 – Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 212/2001 jirriżulta li “min jikkultiva prodotti ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet modifikati ġenetikament mingħajr l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 huwa suġġett għall-piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa tliet snin jew għal multa sa 100 miljun lira. L-istess piena tapplika f’każ li l-awtorizzazzjoni tiġi revokata jew sospiża ”.
21 – GURI Nru 280, tad-29 ta’ Novembru 2004.
22 – GURI Nru 22, tat-28 ta’ Jannar 2005. Iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 279”.
23 – Għall-ikel modifikat ġenetikament, id-dispożizzjonijiet rilevanti jinsabu fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1829/2003.
24 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463).
25 – Punt 81
26 – Ara, f’dan is-sens, ir-rakkomandazzjoni tat-23 ta’ Lulju 2003 (punt 2.1.5), u, b’mod iktar espliċitu, ir-rakkomandazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2010 (punt 2.4).