62010CJ0562


Titolu u referenza

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-12 ta' Lulju 2012.

Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Artikolu 56 TFUE - Leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-kura fit-tul - Benefiċċji in natura għall-kura fid-dar esklużi fil-każ ta’ residenza fi Stat Membru ieħor - Livell baxx ta’ benefiċċji fi flus esportabbli - Nuqqas ta’ rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-kiri ta’ apparat mediku fi Stati Membri oħra.

Kawża C-562/10.

 Ġabra tal-Ġurisprudenza 2012 Page 00000

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Duttrina

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-Kawża C‑562/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Bulst u I. Rogalski, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

– billi talloka, skont il-kliem tal-Artikolu 34(1)(1) tal-Ktieb XI tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (Sozialgesetzbuch – Elftes Buch), fil-verżjoni applikabbli ineżami (iktar ’il quddiem is-“SGB XI”), allowance għall-kura fit-tul għal perijodu ta’ sitt ġimgħat biss fil-każ li l-persuna li tirċievi l-kura tkun temporanjament residenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea;

– billi ma tipprovdix, fir-rigward tas-servizzi ta’ kura mogħtija lil persuna dipendenti fuq il-kura u li tkun temporanjament residenti fi Stat Membru ieħor minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, l-istess rimbors ta’ spejjeż bħalma jingħata għas-servizzi ta’ kura in natura mogħtija fil-Ġermanja, jew teskludi tali rimbors skont l-Artikolu 34(1)(1) tas-SGB XI;

– ma tirrimborsax, fil-każ li l-persuna dipendenti fuq il-kura tkun temporanjament residenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, l-ispejjeż tal-kiri ta’ apparat mediku jew billi teskludi tali rimbors skont l-Artikolu 34(1)(1) tas-SGB XI, minkejja li fil-Ġermanja dawn l-ispejjeż huma rrimborsati jew li dan l-apparat mediku jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna li tirċievi l-kura u li r-rimbors ma jirriżultax f’akkumulazzjoni jew fi kwalunkwe żieda oħra tal-benefiċċji mogħtija fil-Ġermanja;

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 TFUE.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2. L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 177, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”) jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[...]

i) ‘waqfien/għixien’ ifissru residenza temporajna;

[...]

o) ‘istituzzjoni kompetenti’ tfisser:

i) l-istituzzjoni li magħha l-persuna interessata tkun assigurata fiż-żmien ta’ l-applikazzjoni għall-benefiċċju,

jew

[...]

p) ‘istituzzjoni tal-post tar-residenza’ u ‘istituzzjoni tal-post tal-waqfa’ ifissru rispettivament l-istituzzjoni li hija kompetenti li tipprovdi l-benefiċċji fil-post fejn il-persuna interessata tirrisjiedi u l-istituzzjoni li hija kompetenti li tipprovdi l-benefiċċji fil-post fejn il-persuna interessata tkun waqfet, skond il-leġislazzjoni amministrata minn din l-istutizjoni jew, fejn ma tiżistix istituzzjoni bħal din, l-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru involut;

q) ‘Stat kompetenti’ jfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-istituzzjoni kompetenti;

[...]”

3. Kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, it-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi dispożizzjonijiet partikolari għal kategoriji differenti ta’ benefiċċji.

4. Taħt il-Kapitolu I ta’ dan it-Titolu III, intitolat “Mard u Maternità, hemm inklużi l-Artikoli 18 sa 36 tar-Regolament Nru 1408/71.

5. L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, jikkonċerna b’mod partikolari r-residenzi ta’ persuni assigurati barra mill-Istat kompetenti fis-sens tal-imsemmi regolament. L-Artikolu 22(1) jipprovdi:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji [...] u:

[...]

c) li hija awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex hemmhekk tirċievi l-kura meħtieġa għall-kondizzjoni tagħha,

tkun intitolata:

i) għall-benefiċċji b’xi mod ipprovduti f’isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post tar-rimanenza jew residenza skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra, bħallikieku kienet assigurata magħha; it-tul tal-perjodu li matulu l-benefiċċji jkunu pprovduti jkun deċiż, però, mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti;

ii) għall-benefiċċji fi flus ipprovduti mill-istituzzjoni kompetenti skod id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra. Madankollu, bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni tal-post tar-rimanenza jew residenza, tali benefiċċji jistgħu jkunu pprovduti mill-istituzzjoni ta’ l-aħħar f’isem ta’ l-ewwel, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti.”

6. L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Il-qagħda ta’ pensjonant u/jew ta’ membri tal-familja tiegħu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat li fih ikollhom ir-residenza tagħhom”, huwa inkluż fit-Taqsima 5 tal-imsemmi Kapitolu I, intitolata “Il-pensjonanti u l-membri tal-familja tagħhom”. L-Artikolu 31(1) jipprovdi:

“1. Pensjonant li jkollu d-dritt għal pensjoni jew pensjonijiet taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew għal pensjonijiet taħt il-leġislazzjoni ta’ tnejn jew aktar mill-Istati Membri u li jkollu d-dritt għall-benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed minn dawk l-Istati għandu, flimkien mal-membri tal-familja tiegħu li jkunu qed joqogħdu fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat li fih ikollhom ir-residenza tagħhom, jirċievi:

a) il-benefiċċji in natura li jsiru meħtieġa għal raġunijiet mediċi matul il-qagħda fit-territorju ta’ l-Istat Membru li ma jkunx l-Istat ta’ residenza, waqt li tingħata konsiderazzjoni lin-natura tal-benefiċċji u t-tul mistenni tal-qagħda fil-post. Dawn il-benefiċċji in natura għandhom ikunu pprovduti mill-istituzzjoni tal-post fejn ikun qiegħed, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li tamministra, f’isem l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza tal-pensjonant jew tal-membri tal-familja tiegħu;

b) il-benefiċċji fi flus li l-istituzzjoni kompetenti, meta jkun xieraq, tipprovdi kif stabbilit bl-Artikolu 27 jew 28(2), skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra. Madankollu, bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni fejn ikun qiegħed, dawn il-benefiċċji jistgħu jkunu pprovduti mill-istituzzjoni ta’ l-aħħar f’isem dik ta’ l-ewwel, skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti.”

7. Skont l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71, il-benefiċċji in natura pprovduti mill-istituzzjoni ta’ Stat Mmerbu f’isem l-istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari skont l-Artikolu 22 jew 31 ta’ dan ir-regolament, jagħtu lok għal rimbors sħiħ. Tali rimborsi huma stabbiliti u mwettqa skont l-Artikoli 93 sa 95 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 120/2009, tad-9 ta’ Frar 2009 (ĠU L 39, p. 29).

Id-dritt Ġermaniż

8. Is-SGB XI jipprovdi sistema ta’ assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ kura fit-tul (iktar ’il quddiem l-“assigurazzjoni għall-kura fit-tul”). Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) tas-SGB XI, “kull persuna affiljata mas-sistema legali tal-assigurazzjoni għall-mard hija koperta ipso iure mill-assigurazzjoni għall-kura fit-tul”.

9. Fil-każ ta’ kura fid-dar, il-benefiċċji li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-persuni assigurati abbażi tal-assigurazzjoni għall-kura fit-tul obbligatorja huma benefiċċji in natura (Pflegesachleistung), skont l-Artikolu 36 tas-SGB XI u/jew l-“allowance għall-kura fit-tul” (Pflegegeld) skont l-Artikoli 37 jew 38 tas-SGB XI. L-ammont ta’ dawn il-benefiċċji, kemm in natura kif ukoll fi flus, jiddependi mill-grad ta’ dipendenza fuq il-kura, li jagħti lok għal klassifikazzjoni f’kategoriji li jvarjaw minn I sa III. Il-benefiċċji għall-apparat ta’ kura tas-saħħa jingħataw skont l-Artikolu 40 tas-SGB XI.

10. Skont l-Artikolu 36 tas-SGB XI, il-persuni dipendenti fuq il-kura fit-tul li jingħataw kura fi djarhom huma intitolati għal benefiċċji in natura fil-forma ta’ kura ġenerali (“Grundpflege”) u assistenza fid-dar (“häusliche Pflegehilfe”). Dawn il-benefiċċji jingħataw minn persunal impjegat mill-fond tal-assigurazzjoni għall-kura fit-tul, jiġifieri minn fornituri tal-kura fid-dar li kkonkludew ftehim mal-fondi tal-assigurazzjoni għall-kura fit-tul (“Versorgungsvertrag”). L-ispejjeż relatati ma’ dawn il-benefiċċji in natura jitħallsu minn dan il-fond, sa limitu fix-xahar, li jvarja skont il-grad ta’ dipendenza fuq il-kura tal-benefiċjarju. Fl-iskadenza tat-terminu impost għall-opinjoni motivata inkwistjoni, dan il-limitu kien ta’ EUR 440, EUR 1 040 jew ta’ EUR 1 510 skont il-grad ta’ dipendenza fuq il-kura. Għall-persuni li jeħtieġu kura intensiva, liema sitwazzjonijiet jitqiesu bħala ‘każijiet ta’diffikultà partikolari’, dan l-ammont jista’ jilħaq l-EUR 1 918.

11. L-Artikolu 37 tas-SGB XI jipprovdi l-possibbiltà li tintalab allowance għall-kura fit-tul, mogħtija fi flus u minflok benefiċċji in natura , bil-kundizzjoni li l-persuna dipendenti fuq il-kura tiżgura hija stess, b’mod xieraq, li l-kura ġenerali rikjesta u li l-kura fid-dar jingħataw. L-ammont ta’ din l-allowance għall-kura fit-tul, fil-forma ta’ somma f’daqqa u indipendentement mill-ispejjeż sostnuti kien, fil-mument meta skada t-termini impost għall-opinjoni motivata inkwistjoni, ta’ EUR 225, EUR 430 jew EUR 685 fix-xahar skont il-grad ta’ dipendenza fuq il-kura. Ma hemm ebda ammont previst għall-każijiet ta’ diffikultà partikolari.

12. L-Artikolu 38 tas-SGB XI jirregola l-benefiċċji mħallta (“Kombinationsleistung”), jiġifieri l-kombinazzjoni ta’ benefiċċji in natura fis-sens tal-Artikolu 36 tas-SGB XI u l-benefiċċju ta’ dipendenza fuq il-kura previst fl-Artikolu 37 tas-SGB XI. Skont l-imsemmi Artikolu 38, l-assigurat li ma jużax il-benefiċċji in natura kollha li huwa intitolat għalihom skont dan l-Artikolu 36 jista’ jikseb, b’mod parallel, il-benefiċċju ta’ dipendenza stabbilit fl-imsemmi Artikolu 37, li l-ammont tiegħu madankollu jitnaqqas b’perċentwali daqs dak tal-użu tal-benefiċċji in natura stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 36. Għandu jkun il-benefiċjarju li jiddeċiedi sa liema perċentwali beħsiebu jagħmel użu minn dawn il-benefiċċji. Il-persuna assigurata hija marbuta, għall-perijodu ta’ sitt xhur, bid-deċiżjoni ta’ liema perċentwali ta’ benefiċċji fi flus u in natura jixtieq jibbenefika minnhom.

13. L-Artikolu 40 tas-SGB XI jipprovdi li l-persuni dipendenti fuq il-kura huma intitolati li jibbenefikaw minn apparat mediku li jista’ jiffaċilita l-għoti tal-kura, itaffi d-diffikultajiet li jkollha persuna dipendenti fuq kura jew li jrendi l-ħajja ta’ tali persuna iktar indipendenti, bil-kundizzjoni madankollu li ebda fornitur ieħor ma jipprovdu tali apparat mediku. Jekk, skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-persuna assigurata hija intitolata tibbenefika minn apparat mediku, dan għandu, preferibbilment, jitqiegħed għad-dispożizzjoni taħt forma ta’ self mill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-kura fit-tul, sa fejn dan huwa possibbli fid-dawl tan-natura tal-apparat. Fin-nuqqas ta’ dan, l-ispejjeż għall-apparat mediku għandhom jiġu rrimborsati, għalkemm parti minnhom għandha titħallas mill-persuna assigurata.

14. L-Artikolu 34(1) tas-SGB XI, intitolat “Sospensjoni tad-drittijiet għal benefiċċji”, kien jipprovdi kif ġej:

“(1) Id-dritt għall-benefiċċji għandu jiġi sospiż:

1. matul il-perijodu li fih il-persuna assigurata toqgħod f’pajjiż barrani. F’każ ta’ perijodi ta’ residenza temporanja f’pajjiż barrani, ta’ mhux iktar minn sitt ġimgħat għal kull sena kalendarja, l-allowance għal kura skont l-Artikolu 37 jew l-allowance pro rata skont l-Artikolu 38 għandha tibqa’ titħallas. Għall-benefiċċji ta’ kura in natura , dan ikun japplika bl-istess mod biss jekk il-persuna li normalment tipprovdi l-kura takkumpanja lill-persuna dipendenti fuq il-kura matul il-perijodu ta’ residenza fil-pajjiż barrani,

[...]”

15. Skont l-Artikolu 7 tal-Liġi, tat-22 ta’ Ġunju 2011, dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali fl-Ewropa u l-emendi għal-liġijiet l-oħra (Gesetz zur Koordinierung der Systeme der sozialen Sicherheit in Europa und zur Änderung anderer Gesetze), l-Artikolu 34 tas-SGB XI ġie emendat billi żdied it-test segwenti:

“(1a) Id-dritt għall-allowance għall-kura fit-tul skont l-Artikolu 37 jew għall-allowance pro rata skont l-Artikolu 38 ma għandux jiġi sospiż meta l-persuni assigurati dipendenti fuq il-kura jkunu joqogħdu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fi Stat kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Isvizzera.”

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16. Wara lment ippreżentat kontra l-amministrazzjoni Ġermaniża matul is-sena 2006, minn koppja Ġermaniża li kienu għexu xahrejn fi Spanja u li kien jikkonċerna rimbors ta’ servizzi ta’ kura u ta’ apparat mediku li ngħatawlhom, l-attenzjoni tal-Kummissjoni daret lejn il-fatt li, fil-każ ta’ residenza temporanja fi Stat Membru għajr fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ persuna assigurata għall-kura fit-tul, l-Artikoli 36, 37 u 40 tas-SGB XI jipprovdu benefiċċji ferm inferjuri minn dawk previsti meta l-kura tingħata fil-Ġermanja, bi ksur tal-Artikolu 56 TFUE.

17. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi jipprovdulha informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u, fid-dawl ta’ tali informazzjoni, indirizzat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ittra ta’ intimazzjoni tas-17 ta’ Ottubru 2008.

18. Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposti mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni indirizzat, fit-23 ta’ Novembru 2009, opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, u stiednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu f’terminu ta’ xahrejn minn meta jkun irċeviha.

19. Peress li, fir-risposta tagħha tal-25 ta’ Jannar 2010, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żammet il-pożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

20. Peress li l-Kummissjoni saret taf bl-emenda li saret lill-Artikolu 34 tas-SGB XI bil-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2011, permezz tal-kontroreplika, hija indikat lill-Qorti tal-Ġustizzja, fit-2 ta’ Diċembru 2011, li kienet ser tirtira parti mir-rikors tagħha sa fejn dan tal-aħħar kien intiż li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 56 TFUE billi llimitat, skont il-kliem tal-Artikolu 34(1)(1) tas-SGB XI, id-dritt għall-allowance għall-kura fit-tul, għal sitt ġimgħat fil-każ ta’ residenza temporanja tal-persuna dipendenti fuq il-kura fi Stat Membru ieħor għajr fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Fuq ir-rikors

21. Wara li rtirat parti mir-rikors tagħha, kif ippreċiżat fil-punt preċedenti, il-Kummissjoni essenzjalment issostni, permezz tal-ewwel ilment, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 TFUE sa fejn ma tipprovdix, għal servizzi ta’ kura fid-dar ipprovduti minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor lil persuna dipendenti fuq il-kura li jirrisjedi temporanjament f’dan l-Istat, ir-rimbors tal-ispejjeż ekwivalenti għall-ammont ta’ servizzi ta’ kura mogħtija fil-Ġermanja.

22. Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tallega li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 TFUE sa fejn ma jirrimborsax l-ispejjeż tal-kiri ta’ apparat mediku f’każ ta’ residenza temporanja tal-persuna dipendenti fuq il-kura fi Stat Membru ieħor għajr fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, filwaqt li tali apparat huwa rrimborsat jew jitqiegħed għad-dispożizzjoni fil-Ġermanja u li r-rimbors ma jimplikax akkumulazzjoni jew kwalunkwe żieda tas-servizzi mogħtija fil-Ġermanja.

23. Peress li l-argumenti sottostanti dawn iż-żewġ ilmenti huma simili, hemm lok li fil-każ ineżami jiġu evalwati flimkien.

L-argumenti tal-partijiet

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

24. Il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza fil-qasam tar-rimbors tal-ispejjeż ta’ trattamenti mediċi mwettqa fi Stati Membri oħra tista’ tiġi trasposta għall-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija tiċċita s-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, Ġabra p. I‑1931); tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms (C‑157/99, Ġabra. p. I‑5473); Vanbraekel et (C‑368/98, Ġabra p. I‑5363); kif ukoll tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet (C‑385/99, Ġabra p. I‑4509); tat-23 ta’ Ottubru 2003, Inizan (C‑56/01, Ġabra p. I‑12403), kif ukoll tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, Ġabra p. I‑4325).

25. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ssostni, permezz tal-ewwel ilment tagħha, li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tas-servizzi in natura , jiġifieri l-Artikolu 36 tas-SGB XI, toħloq restrizzjoni diskriminatorja sa fejn ir-rimbors tal-ispejjeż għas-servizzi ta’ kura pprovduti waqt residenza temporanja fi Stat Membru ieħor minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor ma huwiex previst. Barra minn hekk, l-ammont tal-allowance għall-kura fit-tul huwa inqas mill-ammont ta’ tali rimbors.

26. Skont il-Kummissjoni, is-sistema Ġermaniża tal-ftehim tas-servizzi ma tikkunsidrax bl-istess mod il-fornituri tal-kura li jinsabu barra mill-pajjiż u dawk li qegħdin fil-Ġermanja. Fil-fatt, filwaqt li fil-Ġermanja numru ta’ fornituri ffirmaw ftehim ta’ servizzi, sa fejn hija infurmata l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra ma hemm ebda fornituri kuntrattwali fl-Istati Membri l-oħra. Konsegwentement, il-persuni dipendenti fuq il-kura assigurati fil-Ġermanja ma għandhomx il-possibbiltà, fi Stat Membru ieħor, li jirrikorru għal benefiċċji in natura tal-assigurazzjoni għall-kura fit-tul li huma intitolati li jirċievu fil-Ġermanja mingħand fornituri kuntrattwali.

27. Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet Ġermaniżi dwar l-apparat mediku li jiffaċilita l-kura skont l-Artikolu 40 tas-SGB XI joħolqu restrizzjoni diskriminatorja sa fejn l-ispejjeż inkorsi għall-kiri u għall-użu ta’ tali apparat fl-Istati Membri l-oħra ma humiex irrimborsati, filwaqt li kienu jkunu rrimborsati, minn tal-inqas sa ċertu ammont, fil-Ġermanja.

28. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li r-rimbors ta’ servizzi ta’ kura ambulatorja skont l-Artikolu 36 tas-SGB XI ma jikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dan l-Istat Membru jippreċiża li jekk persuni dipendenti fuq il-kura jirrikorru għal benefiċċji in natura pprovduti mingħand fornituri li ma kkonkludewx ftehim mal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-kura fit-tul, dawn tal-aħħar ma jirrimborsawx l-ispejjeż korrispondenti la barra mill-pajjiż u lanqas fil-Ġermanja. Għalhekk, il-fornituri kollha li ma kkonkludewx ftehim mal-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard jiġu ttrattati bl-istess mod.

29. Barra minn hekk, fil-fehma tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, matul residenza temporanja, it-telf tal-possibbiltà li jsir rikors għal benefiċċji in natura pprovduti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa kkumpensat bil-possibbiltà, prevista fid-dritt sekondarju tal-Unjoni, li jsir rikors għal benefiċċji mogħtija mill-istituzzjonijiet responsabbli tal-Istat ta’ residenza temporanja. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-eżistenza ta’ tali restrizzjoni għal-liberta’ li jiġu pprovduti servizzi hija eskluża.

30. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiddikjara li s-sempliċi fatt li dispożizzjoni nazzjonali hija konformi mar-Regolament (KE) Nru 1048/71 ma tilliberax lill-Istati Membri mill-obbligu li josservaw id-dritt primarju dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, dan l-Istat Membru jikkunsidra li minn dan ma jsegwix li d-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt derivat u destinati preċiżament li jipproteġu lill-persuni assigurati ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni għal din il-libertà fundamentali. Fil-fatt is-sitwazzjoni kuntrarja tippreġudika kemm l-għan tal-finalità tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll dawk tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), li ssostitwixxieh.

31. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, huwa irrilevanti li l-ammonti tal-benefiċċji previsti għar-riskju tal-kura fit-tul fl-Istati Membri l-oħra ma humiex l-istess bħal dawk mogħtija mill-assigurazzjoni għall-kura fit-tul. Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq l-idea li d-differenzi bejn l-ammonti tal-benefiċċji previsti mis-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri jistgħu u għandhom jiġu aċċettati. Jekk dan ma kienx il-każ, il-koordinazzjoni tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, b’mod partikolari d-delimitazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tagħhom tkun dejjem inċerta, peress li kull rikors għal sistema ta’ protezzjoni soċjali inqas vantaġġjuża jsir impossibbli mill-perspettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bir-relazzjoni bejn id’dritt sekondarju u d-dritt primarju, id-dritt tal-Unjoni jaċċetta l-eżistenza ta’ differenza fir-rigward tal-ammonti ta’ benefiċċji mogħtija mis-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri.

32. Bl-istess mod, fir-rigward tat-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rimbors tal-kiri tal-apparat mediku fi Stat Membru ieħor għajr fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dan l-Istat isostni li l-possibbiltà ta’ akkumulazzjoni ta’ benefiċċji teskludi l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrileva li anki l-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, eskludiet il-fatt li jista’ jkun hemm restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi meta l-kiri ta’ apparat mediku fi Stat Membru ieħor għajr fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirrappreżenta, għall-fondi tal-assigurazzjoni għall-kura fit-tul Ġermaniżi, spejjeż addizzjonali li jiżdiedu mal-finanzjament tal-apparat mediku fil-Ġermanja.

Fuq il-ġustifikazzjoni

33. Fil-każ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni qabelxejn li, fil-Ġermanja, il-garanzija tal-kwalità tas-servizzi hija żgurata b’rekwiżiti stretti dwar l-approvazzjoni ta’ dawn is-servizzi, kif ukoll b’kontrolli spissi. Skont dan l-Istat Membru, peress li r-rekwiżiti tal-kwalità jikkonċernaw kemm in-natura tal-attivitajiet kif ukoll il-miżuri individwali ta’ garanzija tal-kwalità, huwa diffiċli li jiġi stabbilit li l-kura li tingħata fi Stat Membru ieħor tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

34. Sussegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li ż-żamma ta’ sistema ta’ kura ambulatorja teħtieġ organizzazzjoni u mezzi finanzjarji kunsiderevoli, b’mod li huwa partikolarment importanti li jiġi evitat defiċit tal-użu ta’ persunal tal-kura matul perijodi ta’ vakanzi.

35. Fl-aħħar nett, skont dan l-Istat Membru, il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali Ġermaniża jkun mhedded jekk il-kura in natura mogħtija barra mill-pajjiż tkun koperta. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tosserva li, fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-kura fit-tul, għad-differenza tal-assigurazzjoni għal mard, jeżisti benefiċċju distint esportabbli, jiġifieri l-benefiċċju għall-kura fit-tul, li jagħti l-possibbiltà lill-persuni dipendenti fuq il-kura jiffinanzjaw, fil-Ġermanja kif ukoll barra mill-pajjiż, kura mogħtija minn fornituri li ma humiex kuntrattwali. Kieku l-persuni assigurati dipendenti fuq il-kura setgħu jesportaw il-benefiċċji in natura , u mhux biss il-benefiċċju fi flus li hija l-allowance għal kura fit-tul, ir-rieda tal-leġiżlatur Ġermaniż li jinkoraġġixxi lil persuni dipendenti fuq il-kura jirrikorru għal kura mogħtija mill-familja tagħhom stess tista’ tiġi kkonfutata.

36. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-obbligu li jiġu esportati barra mill-pajjiż il-benefiċċji in natura jimponi piż finanzjarju ferm ikbar għall-assigurazzjoni tal-kura fit-tul, u jipperikola l-prinċipju tal-finanzjament ibbażat fuq is-solidarjetà li fuqu hija bbażata l-assigurazzjoni għall-kura fit-tul. Fil-fatt, tali trasferiment ikollu r-riskju li jimponi spejjeż addizzjonali għall-assigurazzjoni għall-kura fit-tul li jistgħu jilħqu l-EUR 100 miljun fis-sena.

37. Barra minn hekk, l-istandards ta’ kwalità imposti għar-imbors tal-fornituri tal-kura huma imposti fuq kriterji oġġettivi, li ma humiex diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’mod li jiżguraw li s-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali.

38. Il-Kummissjoni ssostni li l-argument ibbażat fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u, b-mod partikolari, tal-osservanza tar-rekwiżiti tal-kwalità, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja la stabbilixxiet ir-riskju preżunt għas-saħħa pubblika u lanqas il-proporzjonalità tar-rifjut sistematiku tar-rimbors.

39. Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li, kuntrarjament għall-pożizzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-offerta suffiċjenti, ibbilanċjata u permanenti tal-kura fi sptar ta’ kwalità u tan-neċessità li tiġi ggarantita l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema tal-assigurazzjoni għal mard li tirriżulta mill-ġurisprudenza dwar il-kura fi sptar, ma jistgħux jiġu trasposti għall-kura ambulatorja inkwistjoni fil-kawża ineżami.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40. Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 21 u 22 tas-sentenza preżenti u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rikors preżenti ma huwiex intiż kontra s-sistema Ġermaniża ta’ ftehim bejn fornituri ta’ kura fid-dar lill-persuni dipendenti fuq kura fit-tul.

41. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas billi tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji kollha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 96/81, Ġabra p. 1791, punt 6, u tal-5 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑512/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 56).

42. F’dan il-każ, il-kwistjoni hija li jiġi evalwat, fil-kuntest taż-żewġt ilmenti tal-Kummissjoni, esposti fil-punti 21 u 22 tas-sentenza preżenti u li għandhom jiġu evalwati flimkien, jekk il-Kummissjoni pproduċietx il-provi neċessarji.

43. Kif jirriżulta mill-punt 24 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni tqis li l-ġurisprudenza dwar ir-rimbors tal-ispejjeż tal-kura medika sostnuti fi Stati Membri oħra tista’ tiġi trasposta għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar ir-riskju tad-dipendenza fuq il-kura fit-tul sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

44. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat mill-bidu li d-dipendenza fuq il-kura fit-tul essenzjalment tirreferi għal persuna, li minħabba nuqqas ta’ awtonomija, tkun dipendenti fuq l-għajnuna tal-oħrajn sabiex twettaq ir-rutina ta’ kuljum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins, C‑388/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 39 u 40).

45. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tas-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar (C‑160/96, Ġabra p. I‑843) jirriżulta li, fin-nuqqas, fir-Regolament Nru 1408/71, ta’ dispożizzjonijiet li huma speċifikament intiżi għar-riskju tat-tali dipendenza fuq il-kura fit-tul, il-Qorti tal-Ġustizzja qablet benefiċċji li jkopru dan ir-riskju, bħal dawk mogħtija fil-kuntest tas-sistema ta’ assigurazzjoni għall-kura fit-tul Ġermaniża ma’ “benefiċċji għall-mard” fis-sens tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza da Silva Martins, iċċitata iktar ’il fuq, punti 39 sa 48).

46. Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-benefiċċji tal-assigurazzjoni għall-kura fit-tul jikkonsistu f’teħid ta’ responsabbiltà jew fir-rimbors ta’ spejjeż sostnuti minħabba l-istat ta’ dipendenza fuq il-kura tal-persuna assigurata, b’mod partikolari, ta’ spejjeż ta’ intiżi li jkopru kura fid-dar minn terzi kif ukoll il-provvista u l-installazzjoni ta’ apparat neċessarju, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “benefiċċji in natura ” fis-sens tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Molenaar, iċċitata iktar ’il fuq, punti 5, 6, 23 u 32, kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 2004, Gaumain-Cerri u Barth, C‑502/01 u C‑31/02, Ġabra p. I‑6483, punt 26).

47. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, is-servizzi mediċi pprovduti bi ħlas jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mingħajr ma jkun hemm lok li ssir distinzjoni skont jekk il-kura ingħatatx f’kuntest ta’ sptar jew barra minn tali kuntest (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Smits u Peerbooms, punt 53, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Franza, punt 30).

48. F’dan il-kuntest, il-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt il-qasam tas-sigurtà soċjali u tipprovdi benefiċċji in natura ma jimplikax li l-kura medika inkwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

49. Skont ġurisprudenza li hija wkoll stabbilta, filwaqt li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni Ewropea, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ servizzi fil-qasam tas-sigurtà soċjali, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Kohll, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 sa 21; tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski, C‑208/07, Ġabra p. I‑6095, punt 63, u tas-27 ta’ Jannar 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑490/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50. Madankollu, għad-differenza ta’ dak li jidher li ssostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza biss, imsemmija fil-punt 24 tas-sentenza preżenti, dwar ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ kura medika sostnuti fi Stati Membri oħra, li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

51. Fil-fatt, jekk, kif jirriżulta mill-punt 45 tas-sentenza preżenti, fin-nuqqas, fir-Regolament Nru 1408/71, ta’ dispożizzjonijiet li jsemmu speċifikament ir-riskju ta’ kura fit-tul, il-benefiċċji dwar dan ir-riskju jitqiesu bħala “benefiċċji tal-mard” fis-sens ta’ dan ir-regolament, xorta jibqa’ l-fatt li jeżistu differenzi bejn il-benefiċċji li jikkonċernaw ir-riskju ta’ kura fit-tul u dawk relatati ma’ kura medika (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza da Silva Martins, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 u 48). B’mod partikolari, għad-differenza tal-benefiċċji relatati mal-kura medika, benefiċċji li jirrigwardaw ir-riskju ta’ kura fit-tul – li ġeneralment ikunu ta’ portata twila – bħala regola, ma humiex ta’ natura intiżi li jitħallsu fuq perijodu qasir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Silva Martins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

52. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex suffiċjenti fil-kawża ineżami, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li tiġi sempliċement invokata, mingħajr preċiżjoni jew żviluppi partikolari, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 24 tas-senteza preżenti.

53. Barra minn hekk, filwaqt li l-Kummissjoni tfakkar li d-dritt sekondarju ma jeħlisx l-Istat Membru ta’ affiljazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali mill-obbligu li josserva d-dritt primarju, li, kif jirriżulta mill-punt 30 tas-sentenza preżenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja barra minn hekk ma tikkontestax, l-imsemmija istituzzjoni madankollu ma rrispondietx għall-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, esposti fil-punti 29 sa 32 tas-sentenza preżenti, ibbażati fuq il-possibbiltà, li tirriżulta mir-Regolament Nru 1408/71, li l-persuni assigurati għall-kura fit-tul jibbenefikaw, waqt residenza fi Stat Membru ieħor għajr fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn benefiċċji in natura pprovduti mill-istituzzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza f’isem l-istituzzjoni kompetenti, li tinsab fil-Ġermanja.

54. Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont ir-Regolament Nru 1408/71l, li l-validità tad-dispożizzjonijiet rilevanti ma hijiex ikkonfutata fil-kawża inkwistjoni, u li kien applikabbli fl-Istati Membri tal-Unjoni meta skada t-terminu impost għall-opinjoni motiva, persuna dipendenti fuq il-kura fit-tul tista’ saħansitra tibbenefika minn kombinazzjoni ta’ benefiċċji fi flus u in natura li l-ammont akkumulat tagħhom jeċċedi dawk ta’ benefiċċji simili disponibbli fl-Istat kompetenti.

55. Fil-fatt, meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(1)(c) ta’ dan ir-regolament u, fir-rigward ta’ “pensjonanti”, dawk tal-Artikolu 31 tiegħu, huma intiżi, b’mod partikolari, li jiżguraw l-intitolament, fi Stat Membru għajr dak tal-istituzzjoni kompetenti, għall-benefiċċji in natura mogħtija, f’isem tali istituzzjoni, mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-istituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru ieħor, kif ukoll għall-benefiċċji fi flus skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-istituzzjoni komptenti, mogħtija direttament minn din l-aħħar istituzzjoni, jew f’isimha.

56. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-qasam tal-kura medika, li l-għoti ta’ benefiċċji in natura previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax ikun suġġett għal ebda proċedura ta’ awtorizzazzjoni kwalunkwe jew għar-rekwiżit li l-marda li tat lok għall-kura inkwisjtoni nibtet immedjatament waqt din ir-residenza, b’mod li l-imsemmija kura saret immedjament neċessarja (ara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 2003, IKA, C‑326/00, Ġabra p. I‑1703, punt 43).

57. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 48 KE jipprevedi koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali, u mhux l-armonizzazzjoni tagħhom, ir-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-moviment liberu ma jistgħux jiggarantixxu lil persuna assigurata li bdil ta’ residenza fi Stat Membru ieħor ikun newtrali, b’mod partikolari, fir-rigward tal-benefiċċji għall-mard jew għall-kura fit-tul. Fil-fatt, fid-dawl tad-diskrepanzi li jeżistu bejn is-sistemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’dan ir-rigward, tali bdil jista’, skont il-każ, ikun ftit jew wisq finazjarjament vantaġġjuż għall-persuna assigurata (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2002, Hervein et , C‑393/99 u C‑394/99, Ġabra p. I‑2829, punti 50 sa 52; von Chamier-Glisczinski, iċċitata iktar ’il fuq, punti 84 u 85, kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑211/08, Ġabra p. I‑5267, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58. Konsegwentement, waqt residenza temporanja fi Stat Membru ieħor, l-applikazzjoni, skont il-każ bis-saħħa tar-Regolament Nru 1408/71, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat li hija inqas favorevoli fuq il-pjan ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali minn dik tal-Istat kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 1(q) tal-imsemmi regolament, tista’, bħala regola, tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt primarju tal-Unjoni fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni (ara b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq von Chamier-Glisczinski, punti 85 u 87, kif ukoll da Silva Martins, punt 72).

59. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tieni lment, espost fil-punt 22 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni stess eskludiet l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi meta l-kiri ta’ apparat mediku fi Stat Membru ieħor għajr fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jimplika, għall-fondi tal-assigurazzjoni Ġermaniżi, spejjeż addizzjonali li jiżdiedu mal-finanzjament tal-apparat mediku li huwa diġà pprovdut fil-Ġermanja.

60. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71, il-benefiċċji in natura mogħtija, skont it-Titolu III tal-imsemmi regolament, mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru f’isem l-istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jagħtu lok għal rimbors sħiħ.

61. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma rrispondietx b’mod xieraq għall-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq il-possibbiltà li, skont it-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71, persuna assigurata tibbenefika, fi Stat Membru ieħor għajr fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn apparat mediku flimkien ma’ apparat simili li huwa diġà kopert fil-Ġermanja.

62. Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma stabbilixxiet suffiċjentment skont il-liġi l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

63. F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li ebda lment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha ma huwa fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

64. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

65. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1) Ir-rikors huwa miċħud.

2) Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet