62010CJ0520


Titolu u referenza

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-3 ta' Mejju 2012.

Lebara Ltd vs The Commissioners for Her Majesty's Revenue & Customs.

Talba għal deċiżjoni preliminari: First-tier Tribunal (Tax Chamber) - ir-Renju Unit.

Tassazzjoni - Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 2 - Provvista ta’ servizzi bi ħlas - Servizzi ta’ telekomunikazzjoni - Skedi tat-telefon imħallsa minn qabel li jinkludu informazzjoni li tiffaċilita aċċess għal telefonati internazzjonali - Tqegħid fis-suq permezz ta’ distributuri.

Kawża C-520/10.

 European Court reports 2012 Page 00000

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Duttrina

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-Kawża C‑520/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Novembru 2010, fil-proċedura

Lebara Ltd

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ottubru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal Lebara Ltd, minn P. Lasok, QC, u M. Angiolini, barrister irrappreżentati minn M. S. Macherla, solicitor,

– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway u L. Seeboruth, bħala aġenti, assistiti minn M. R. Hill, barrister,

– għall-Gvern Elleniku, minn K. Paraskevopoulou, M. Germani u I. Pouli, bħala aġenti,

– għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, M. de Ree u M. Bulterman kif ukoll minn M. J. Langer, bħala aġenti,

– għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u C. Soulay, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1 p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/92/KE, tas-7 ta’ Ottubru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 390, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Lebara Ltd (iktar ’il quddiem “Lebara”) u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) li tikkonċerna avviż għall-ħlas tat-taxxa maħruġ minn dawn tal-aħħar relatat mat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) allegatament dovuta minn Lebara abbażi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni pprovduti minn din tal-aħħar matul ix-xahar ta’ Marzu 2005.

Il-kuntest ġuridiku

3. Skont l-ewwel u t-tieni paragarafu tal-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-11 ta’ April 1967, fuq l-armonizazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 3, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”):

“Il-prinċipju tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud tinvolvi d-dħul ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq oġġetti u servizzi. Din it-taxxa għandha tkun eżattament proporzjonali għall-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi, hu x’inhu n-numru ta’ transazzjonijet li jkunu saru waqt il-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-isadju li fih titħallas it-taxxa.

Fuq kull transazzjoni, it-taxxa fuq il-valur miżjud, kalkulata fuq il-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali oġġetti jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-valur miżjud li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.”

4. L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jissuġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

5. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva għandu jitqies bħala “provvista ta’ oġġetti” it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali.

6. L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1. ‘Provvista tas-servizzi’ tfisser kull operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5.

Operazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu inter alia :

– assenjazzjoni ta’ proprjetà inkorporali, kemm jekk hija u kemm jekk mhix suġġetta għal att li jikkostitwixxi titolu,

[...]

4. Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha imma għall-benefiċċju ta’ ħadd ieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha titqies li rċeviet u ssupplixxiet dawk is-servizzi hija stess.

[...]”

7. Skont il-kliem tal-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva, li jinsab taħt it-Titolu VI ta’ din tal-aħħar, intitolat “Post ta’ operazzjonijiet taxxabbli”:

“1. Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

2. Iżda:

[...]

e) il-post fejn jingħataw is-servizzi li ġejjin, meta jsiru [...] għal persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess pajjiż bħal tal-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss li lilu jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:

[...]

– telekomunikazzjonijiet. Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni għandhom jitqiesu li huma servizzi li għandhom x’jaqsmu mat-trasmissjoni, il-ħruġ jew id-dħul tas-senjali, kitba, figuri u ħsejjes jew tagħrif ta’ kull natura bil-fil, bir-radjo, strumenti tal-vista jew b’sistemi oħra elettro-manjetiċi, nklużi t-trasferiment jew l-assenjazzjoni tad-dritt li tiġi wżata l-kapaċità ta’ din it-trasmissjoni bid-dħul jew bil-ħruġ. Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni fis-sens ta’ din id-disposizzjoni għandhom jinkludu wkoll id-disposizzjoni ta’ l-aċċess għan-networks globali tat-tagħrif,

[...]”

8. L-Artikolu 10(1) u (2) ta’ din l-istess direttiva, li jinsab taħt it-Titolu VII ta’ din tal-aħħar, intitolat “Fatt taxxabbli u intaxxar”, huwa redatt kif ġej:

“1. (a) ‘Fatt taxxabbli’ tfisser fatt li permezz tiegħu il-kondizzjonijet legali neċessarji biex ikun hemm taxxa jiġu sodisfatti;

(b) Ikun hemm taxxa meta l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata bil-liġi f’mument partikolari biex tiġbor it-taxxa mill-persuna suġġetta li tħallasha, għalkemm iż-żmien għall-ħlas jista’ jkun pospost.

2. Ikun hemm fatt taxxabbli u jkun hemm taxxa meta l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw. [...]

Iżda meta ħlas isir akkont qabel ma l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw, ikun hemm taxxa mal-wasla tal-ħlas u fuq l-ammont riċevut.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9. Lebara hija kumpannija stabbilita fir-Renju Unit li tipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjoni. Meta ġraw il-fatti fil-kawża prinċipali, hija kienet tqiegħed fis-suq għal dan il-għan, permezz ta’ persuni taxxabbli stabbiliti f’diversi Stati Membri (iktar ’il quddiem id-“distributuri”), skedi tat-telefon immirati lejn persuni stabbiliti f’dawk l-Istati Membri li jkunu jixtiequ jagħmlu telefonati lejn pajjiżi terzi bi prezz vantaġġuż.

10. Fuq l-iskedi tat-telefon mibjugħa minn Lebara kien hemm indikati, b’mod partikolari, l-isem tat-trade mark, il-valur nominali espress fil-munita tal-Istat Membru tal-istabbiliment tad-distributur, numru wieħed jew iktar ta’ ċentri ta’ aċċess li għandhom jintużaw sabiex issir telefonata kif ukoll PIN code moħbi. Sabiex issir telefonata, kien suffiċjenti dik l-informazzjoni, partikolarment il-PIN code.

11. L-iskedi tat-telefon setgħu jintużaw biss sabiex isiru komunikazzjonijiet telefoniċi. Il-validità tagħhom kienet limitata, minn naħa, mill-valur nominali li kien indikat fuqhom u, min-naħa l-oħra, minn perijodu ddeterminat, li jibda jiddekorri mid-data tal-ewwel użu tagħha. Mal-iskadenza ta’ dak il-perijodu, kien jintilef kull kreditu ta’ telefonati li ma jkunx intuża.

12. Sabiex jagħmel telefonata ma’ persuna f’pajjiż terz, l-utent kien juża n-numru lokali ta’ aċċess li jidher fuq l-iskeda. Din it-telefonata kienet tiġi irċevuta min-netwerk ta’ telekomunikazzjoni ta’ operatur tat-telefonija lokali, li miegħu Lebara kienet ikkonkludiet minn qabel ftehim dwar id-dispożizzjoni ta’ numru lokali speċjalizzat wieħed jew iktar, u kienet tintbagħat lejn is-switch telefoniku ta’ Lebara u użat minn dan tal-aħħar fir-Renju Unit. Sussegwentement, is-sistema awtomatizzata ta’ Lebara kienet titlob lill-utent sabiex idaħħal il-PIN code indikat fuq l-iskeda. Hekk kif il-PIN code kien jintgħaraf mis-sistema awtomatizzata, l-utenti kien idaħħal in-numru internazzjonali li jixtieq iċempel. Għaldaqstant, it-telefonata kienet tintbagħat lejn id-destinazzjoni finali minn fornituri ta’ servizzi tat-telefonija li magħhom bl-istess mod Lebara kienet preċedentement ikkonkludiet ftehim li jagħtiha aċċess għan-netwerks internazzjonali tagħhom ta’ telekomunikazzjoni.

13. Lebara ma kinitx tbigħ l-iskedi tat-telefon direttament lill-konsumaturi, iżda esklużivament permezz ta’ netwerk ta’ distributuri.

14. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-distributuri kienu jixtru l-iskedi tat-telefon mingħand Lebara bi prezz miftiehem, inferjuri għall-valur nominali ta’ dawk l-iskedi, u sussegwentement kienu jbigħuhom mill-ġdid, taħt l-isem tagħhom jew taħt isem magħżul minnhom jew anki taħt it-trade mark ta’ Lebara. Fi kwalunkwe każ, id-distributuri kienu jaġixxu f’isimhom proprju u għall-interessi tagħhom u mhux bħala aġenti ta’ Lebara. L-iskedi tat-telefon kienu jinbiegħu kważi esklużivament lil utenti finali fl-Istat Membru tad-distributur, kemm direttament minn dan tal-aħħar, kif ukoll minn persuni taxxabbli oħra bħal bejjiegħa bl-ingrossa jew bl-imnut stabbiliti f’dak l-Istat Membru li jaġixxu bħala intermedjarji. Lebara la kienet taf u lanqas ma kienet tikkontrolla l-prezz tal-bejgħ mitlub mid-distributuri jew mill-intermedjarji l-oħra.

15. L-iskedi tat-telefon kienu jiġu attivati minn Lebara fuq talba tad-distributur, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar ikun ħallas għalihom. Għalkemm Lebara ma kinitx tkun taf l-identità tal-utent finali, hija kienet ħolqot sistemi li kienu jippermettulha li tintraċċa l-użu ta’ kull skeda mibjugħa u li tiddetermina, b’mod partikolari, jekk din kinitx għadha valida u l-kreditu rimanenti tagħha, in-numri li permezz tagħhom saru telefonati bl-għajnuna ta’ dik l-iskeda kif ukoll in-numri użati għat-telefonati. L-ebda distributur u l-ebda persuna oħra ma kellha aċċess għal dawk is-sistemi.

16. Lebara ma ħallset l-ebda VAT għall-bejgħ ta’ skedi tat-telefon lid-distributuri, peress li dik it-tranżazzjoni kienet provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni li l-post fejn saret kien l-Istat Membru tal-istabbiliment tad-distributur, b’tali mod li kien dan tal-aħħar li kellu jħallas il-VAT f’dak l-Istat Membru, b’mod konformi mal-mekkaniżmu tar-reverse charge. Skont Lebara, l-użu effettiv tal-iskeda ma kienx jimplika li hija kienet qiegħda tipprovdi servizzi bi ħlas lill-utent finali.

17. Għall-kuntrarju, il-Commissioners ikkunsidraw li Lebara kellha tħallas il-VAT fir-Renju Unit sa fejn din il-kumpannija kienet tipprovdi, fir-realtà, żewġ servizzi: minn naħa, il-“ħruġ”, li jseħħ fil-mument tal-bejgħ tal-iskeda lid-distributur u, min-naħa l-oħra, ix-“xiri mill-ġdid”, li jseħħ waqt l-użu effettiv tal-iskeda mill-utenti finali. L-Isati Membri huma fil-libertà li jintaxxaw jew l-ewwel jew it-tieni provvista. Fir-Renju Unit, hija t-tieni waħda li hija intaxxata. Il-valur taxxabbli huwa kkostitwit mill-parti mill-ammont imħallsa mid-distributur lil Lebara li tikkorrispondi pro rata għall-użu reali tal-iskeda mill-utent finali tagħha in konnessjoni mal-valur nominali ta’ din tal-aħħar.

18. Abbażi ta’ dan, il-Commissioners ħarġu avviż għall-ħlas tat-taxxa abbażi tal-VAT relatat mas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni pprovduti minn Lebara matul ix-xahar ta’ Marzu 2005. Lebara ppreżentat rikors kontra dak l-avviż quddiem il-qorti tar-rinviju.

19. Din tal-aħħar tikkunsidra b’mod partikolari li, fid-dawl tal-prassi differenti fir-rigward tat-trattament fiskali ta’ tali skedi tat-telefon li jeżistu f’ċerti Stati Membri, hemm riskju ta’ taxxa doppju jew ta’ nuqqas ta’ taxxa fuq dħul li joriġina mit-tqegħid fis-suq ta’ skedi tat-telefon. Peress li kkunsidra li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“F’ċirkustanzi bħal dawk preżenti f’din il-kawża:

1) Meta persuna taxxabbli (il-‘Kummerċjant A’) tbigħ skedi tat-telefon li jirrappreżentaw id-dritt li jiġu rċevuti servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mingħand din il-persuna, l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Kummerċjant A jagħmel żewġ provvisti għall-finijiet tal-VAT: waħda fil-mument tal-bejgħ inizjali tal-iskeda tat-telefon minn Kummerċjant A lil persuna taxxabbli oħra (il-‘Kummerċjant B’) u l-oħra fil-mument tal-użu tal-iskeda (jiġifieri l-użu tagħha minn persuna – ‘l-utent finali’ – sabiex isiru t-telefonati)?

2) Jekk dan huwa il-każ, kif għandha tiġi applikata (skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni) l-VAT fil-katina ekonomika li tikkonsisti fil-bejgħ, mill-Kummerċjant A, tal-iskeda tat-telefon lil Kummerċjant B, fejn il-Kummerċjant B jerġa’ jbigħ l-iskeda tat-telefon fl-Istat Membru B u, fl-aħħar nett, din tinxtara mill-utent finali fi Stat Membru B, li juża l-iskeda tat-telefon sabiex jagħmel telefonati?”

Fuq id-domandi preliminari

20. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tindirizza operatur tat-telefonija li jipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjoni li jikkonsistu fil-bejgħ lil distributur ta’ skedi tat-telefon li jinkludu l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex isiru telefonati internazzjonali permezz tal-infrastruttura pprovduta mill-imsemmi operatur u li jinbiegħu mill-ġdid mid-distributur, f’ismu proprju u għall-interessi tiegħu, lill-utenti finali, kemm direttament, kif ukoll permezz ta’ persuni taxxabbli oħra bħal bejjiegħa bl-ingrossa jew bl-imnut. L-imsemmija qorti essenzjalment tistaqsi jekk huwiex meħtieġ li l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jiġi interpretat fis-sens li tali operatur tat-telefonija jipprovdi żewġ provvisti bi ħlas, waħda lid-distributur, fil-mument tal-bejgħ tal-iskeda tat-telefon lil dan tal-aħħar, u l-oħra lill-utent finali, meta dan tal-aħħar jagħmel telefonati billi jinqeda’ mill-informazzjoni li jkun hemm fuq l-iskeda.

21. L-osservazzjonijiet ippreżentatii quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu, essenzjalment, tliet pożizzjonijiet differenti f’dak ir-rigward. Skont l-ewwel tnejn, l-operatur tat-telefonija jipprovdi servizz taxxabbli wieħed ta’ telekomunikazzjoni, jew lid-distributur meta dak l-operatur ibigħlu l-iskeda tat-telefon, jew lill-utent finali meta jippermetti lil dan tal-aħħar l-użu effettiv tal-iskeda tat-telefon sabiex jagħmel telefonati. Skont it-tielet pożizzjoni, l-operatur jipprovdi żewġ provvisti differenti, fejn l-Istat Membru huwa fil-libertà li jagħżel liema minnhom jissuġġetta għall-VAT.

22. Bil-għan li tingħata risposta għall-ewwel domanda, hemm lok li jitfakkru l-għanijiet u r-regoli prinċipali tas-sistema komuni tal-VAT kif ukoll il-partikolaritajiet tas-sistema ta’ tqegħid fiq-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23. Skont l-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva, il-prinċipju tas-sistema komuni tal-VAT jinvolvi l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ oġġetti u ta’ servizzi ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum li għandha tkun eżattament proporzjonali għall-prezz tal-oġġetti u tas-servizzi, irrispettivament min-numru ta’ tranżazzjonijiet li jkunu saru waqt il-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni qabel l-istadju tal-ħlas tat-taxxa (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2006, Banca popolare di Cremona, C‑475/03, Ġabra p. I‑9373, punt 21, u tat-28 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑49/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44).

24. Madankollu, f’kull tranżazzjoni, il-VAT hija imposta biss wara li jitnaqqas l-ammont tal-VAT li jkun laqat direttament l-ispiża tad-diversi elementi li jikkostitwixxu l-prezz. Il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis huwa rregolat b’tali mod li l-persuni taxxabbli huma awtorizzati jnaqqsu mill-VAT dovuta l-ammonti ta’ VAT li jkunu diġà tħallsu qabel fir-rigward tal-oġġetti jew servizzi b’tali mod li t-taxxa tolqot biss, f’kull stadju, il-valur miżjud u titħallas, b’mod definittiv, mill-konsumatur finali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Banca popolare di Cremona, punt 22, u Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, punt 44).

25. Minn dan jirriżulta li l-VAT hija intiża li tolqot unikament il-konsumatur finali u li tkun perfettament newtrali fir-rigward tal-persuni taxxabbli li jintervjenu fil-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ qabel l-istadju tal-ħlas finali tat-taxxa, irrispettivament min-numru ta’ tranżazzjonijiet li jkunu saru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑427/98, Ġabra p. I‑8315, punt 29).

26. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li huma l-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi li huma suġġetti għal VAT u mhux il-ħlasijiet mwettqa bħala korrispettiv għal dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2001, Cantor Fitzgerald International, C‑108/99, Ġabra p. I‑7257, punt 17, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2006, BUPA Hospitals u Goldsborough Developments, C‑419/02, Ġabra p. I‑1685, punt 50). Madankollu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva, f’każ ta’ ħlas akkont, jista’ jkun hemm l-inċidenza tal-VAT qabel ma titwettaq il-provvista, dment li l-elementi rilevanti kollha tal-fatt taxxabbli, jiġifieri l-kunsinna jew il-provvista futura, jkunu diġà magħrufa (ara s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq BUPA Hospitals u Goldsborough Developments, punt 48).

27. Fl-aħħar, skont ġurisprudenza stabbilita, provvista ta’ servizzi ssir biss “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, u għaldaqstant tkun taxxabbli biss jekk ikun hemm relazzjoni legali bejn il-prestatarju u l-benefiċjarju li matulha jkun hemm skambju ta’ provvisti reċiproki, fejn ir-remunerazzjoni li jirċievi l-prestatarju tkun il-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju. Għaldaqstant hija neċessarja l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv irċevut (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, RCI Europe, C‑37/08, Ġabra p. I‑7533, punti 24 u 30; tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑246/08, Ġabra p. I‑10605, punti 44 u 45, kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 2011, GFKL Financial Services, C‑93/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 18 u 19).

28. Fir-rigward tal-partikolaritajiet tas-sistema ta’ tqegħid fis-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jitfakkar li l-iskedi tat-telefon għandhom użu uniku sa fejn huma jippermettu biss li jsiru telefonati internazzjonali lejn destinazzjonijiet u permezz ta’ rati definiti minn qabel. Għalhekk, huma jipprovdu d-dritt għal tip ta’ servizz wieħed biss li n-natura u l-kwalità tiegħu huma ddeterminati minn qabel u li huwa suġġett għal rata waħda ta’ taxxa.

29. It-tqegħid fis-suq tal-iskedi tat-telefon jitwettaq permezz ta’ katina ta’ distribuzzjoni li tinkludi tal-inqas operatur intermedjarju wieħed, jiġifieri d-distributur, bejn l-operatur tat-telefonija, li jipprovdi l-infrastruttura neċessarja sabiex isiru telefonati internazzjonali, u l-utent finali. Skont il-preżentazzjoni tal-fatti fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-imsemmi distributur jbigħ mill-ġdid l-iskedi tat-telefon f’ismu proprju u għall-interessi tiegħu.

30. Barra minn hekk, il-prezz imħallas mill-utent finali sabiex jakkwista skeda tat-telefon, kemm direttament mingħand id-distributur u kemm mingħand bejjiegħ bl-imnut intermedjarju, ma huwiex neċessarjament identiku għall-valur nominali tal-imsemmija skeda. Fl-aħħar, l-operatur tat-telefonija, li ma jikkontrollax il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid mitlub mid-distributuri jew mill-intermedjarji l-oħra, ma huwiex f’pożizzjoni li jsir jaf dan tal-aħħar.

31. Peress li provvista ta’ servizzi hija taxxabbli biss jekk din issir bi ħlas, u dan jippreżumi l-eżistenza ta’ reċiproċità bejn is-servizz ipprovdut u r-remunerazzjoni li tikkostitwixxi l-korrispettiv għal dan tal-aħħar, kif ġie rilevat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li l-operatur tat-telefonija jirċievi biss ħlas effettiv wieħed fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi tiegħu ta’ telekomunikazzjoni.

32. F’dawk il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-operatur tat-telefonija jipprovdi żewġ provvisti ta’ servizzi bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva, waħda lid-distributur u l-oħra lill-utent finali.

33. Bil-għan li jiġi identifikat il-benefiċjarju tal-unika provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas mill-imsemmi operatur u għaldaqstant l-unika provvista taxxabbli, jeħtieġ li jiġi ddeterminat min mid-distributur jew mill-utent finali huwa marbut mal-operatur tat-telefonija permezz ta’ relazzjoni legali li matulha jiġu skambjati provvisti reċiproki.

34. F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, min naħa, li l-operatur tat-telefonija jipprovdi lid-distributur, permezz tal-bejgħ ta’ skedi tat-telefon, l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex isiru telefonati internazzjonali ta’ tul partikolari permezz tal-infrastruttura li huwa jipprovdi, b’tali mod li b’dan huwa jittrasferixxi lid-distributur id-dritt li juża dik l-infrastruttura sabiex isiru tali telefonati. Għalhekk, l-operatur tat-telefonija jipprovdi servizz lid-distributur.

35. Dan is-servizz jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizzi tat-telekomunikazzjoni”, fis-sens tal-għaxar inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, dik id-dispożizzjoni tiddefinixxi dan il-kunċett b’mod wiesa’, billi tinkludi mhux biss it-trażmissjoni ta’ sinjali u ħsejjes bħala tali, iżda wkoll is-servizzi kollha “li għandhom x’jaqsmu [ma’]” tali trażmissjoni, kif ukoll iċ-ċessjoni relatata mad-dritt ta’ użu tal-mezzi għal tali trażmissjoni.

36. Min-naħa l-oħra, bħala korrispettiv għall-imsemmi servizz ta’ telekomunikazzjoni, id-distributur iħallas il-prezz miftiehem mal-operatur tat-telefonija lil dan tal-aħħar.

37. Dak il-ħlas ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ħlas imwettaq mill-utent finali lill-operatur tat-telefonija, anki jekk il-bejgħ mill-ġdid tal-iskeda tat-telefon mid-distributur u, fejn xieraq, mill-operaturi intermedjarji l-oħra iwassal finalment sabiex l-oneru tal-imsemmi ħlas jinġarr minn dak l-utent finali.

38. Fil-fatt, id-distributur ibigħ l-iskedi tat-telefon f’ismu proprju kif ukoll għall-interessi tiegħu u għandu wkoll id-dritt li jirkupra, tal-inqas għal parti minn dak il-bejgħ mill-ġdid, mingħand operaturi intermedjarji oħra bħal bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut. Barra minn hekk, l-ammont li l-utent finali effettivament iħallas waqt l-akkwist tal-iskeda tat-telefon lid-distributur jew lil bejjiegħ bl-imnut intermedjarju ma huwiex neċessarjament identiku għall-prezz imħallas mid-distributur lill-operatur tat-telefonija jew għall-valur nominali tal-iskeda u l-operatur tat-telefonija ma huwiex f’pożizzjoni li jsir jaf dak l-ammont. Barra minn hekk, l-identità tal-utent finali ta’ skeda tat-telefon ma tkunx neċessarjament magħrufa fil-mument tal-ħlas imwettaq mid-distributur lill-operatur tat-telefonija, partikolarment meta l-iskeda tkun maħsuba sabiex tinbiegħ mill-ġdid minn operatur intermedjarju ieħor.

39. Fid-dawl ta’ dawk iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ħlas tiegħu lill-operatur tat-telefonija, id-distributur jgħaddi unikament ir-remunerazzjoni mħallsa mill-utent finali lill-operatur tat-telefonija u għalhekk joħloq rabta diretta bejniethom.

40. Barra minn hekk, peress li l-utent finali ma għandu l-ebda dritt għal rimbors, mingħand l-operatur tat-telefonija, għal kreditu eventwali ta’ telefonati li ma jkunx intuża matul il-perijodu ta’ validità tal-iskeda, l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn dak l-utent u l-operatur tat-telefonija ma tistax tiġi stabbilita abbażi ta’ tali dritt.

41. Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li jeżisti skambju ta’ provvisti reċiproki, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, bejn l-operatur tat-telefonija u d-distributur fil-mument tal-bejgħ inizjali tal-skedi tat-telefon lil dan tal-aħħar.

42. Għalhekk, l-osservanza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva u tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali hija żgurata fil-każ tal-eżistenza ta’ katina ta’ distribuzzjoni ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, partikolarment meta d-distributur ma jbigħx l-iskedi direttament lill-utent finali. Fil-fatt, kemm il-bejgħ inizjali ta’ skeda tat-telefon kif ukoll il-bejgħ sussegwenti tagħha huma tranżazzjonijiet taxxabbli. F’kull stadju tal-katina, il-VAT hija eżattament proporzjonali għall-prezz imħallas u tippermetti t-tnaqqis tat-taxxa mħallsa fuq l-input. B’mod partikolari, fil-mument tal-aħħar bejgħ ta’ skeda tat-telefon lill-utent finali, il-VAT hija eżattament proporzjonali għall-prezz imħallas minn dan tal-aħħar għall-akkwist tal-iskeda, anki jekk dak il-prezz ma jkunx identiku għall-valur nominali tal-iskeda.

43. Konsegwentement, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur tat-telefonija, li jipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjoni li jikkonsistu fil-bejgħ lil distributur ta’ skedi tat-telefon li jinkludu l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex isiru telefonati internazzjonali permezz tal-infrastruttura pprovduta mill-imsemmi operatur u li jinbiegħu mill-ġdid mid-distributur, f’ismu proprju u għall-interessi tiegħu, lil utenti finali, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ persuni taxxabbli oħra bħal bejjiegħa bl-ingrossa jew bl-imnut, jipprovdi provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni bi ħlas lid-distributur. Għall-kuntrarju, l-imsemmi operatur ma jipprovdix it-tieni provvista ta’ servizzi bi ħlas lill-utent finali meta dan tal-aħħar, wara li jkun akkwista l-iskeda tat-telefon, jeżerċita d-dritt li jagħmel telefonati billi jinqeda’ mill-informazzjoni li jkun hemm fuq din l-iskeda.

44. Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

45. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1) L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/92/KE, tas-7 ta’ Ottubru 2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur tat-telefonija, li jipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjoni li jikkonsistu fil-bejgħ lil distributur ta’ skedi tat-telefon li jinkludu l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex isiru telefonati internazzjonali permezz tal-infrastruttura pprovduta mill-imsemmi operatur u li jinbiegħu mill-ġdid mid-distributur, f’ismu proprju u għall-interessi tiegħu, lil utenti finali, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ persuni taxxabbli oħra bħal bejjiegħa bl-ingrossa jew bl-imnut, jipprovdi provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni bi ħlas lid-distributur. Għall-kuntrarju, l-imsemmi operatur ma jipprovdix it-tieni provvista ta’ servizzi bi ħlas lill-utent finali meta dan tal-aħħar, wara li jkun akkwista l-iskeda tat-telefon, jeżerċita d-dritt li jagħmel telefonati billi jinqeda’ mill-informazzjoni li jkun hemm fuq dik l-iskeda.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet