62010CJ0378


Titolu u referenza

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-12 ta' Lulju 2012.

VALE Építési kft.

Talba għal deċiżjoni preliminari: Legfelsőbb Bíróság - l-Ungerija.

Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE - Libertà ta’ stabbiliment - Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività - Tibdil transkonfinali - Rifjut tal-iskrizzjoni fir-reġistru.

Kawża C-378/10.

 Ġabra tal-Ġurisprudenza 2012 Page 00000

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Duttrina

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-Kawża C‑378/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Legfelsőbb Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2010, li wasslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Lulju 2010, fil-kuntest ta’ talba għal iskrizzjoni fir-reġistru tal-kumpannija mressqa minn

VALE Építési Kft.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Settembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal VALE Építési Kft., minn P. Metzinger, ügyvéd,

– għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, K. Szíjjártó u K. Veres, bħala aġenti,

– għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn M. Collins, SC, B. Doherty, BL, u J. Buttimore, BL, kif ukoll minn L. Williams,

– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

– għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway u H. Walker, bħala aġenti, assistiti minn M. K. Beal, barrister,

– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u A. Sipos, kif ukoll minn K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

– għall-Awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA, minn X. Lewis u F. Simonetti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE tressqet fil-kuntest ta’ kawża dwar tibdil transkonfinali ta’ kumpannija rregolata mid-dritt Taljan f’kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż.

Id-dritt nazzjonali

2. Il-Liġi Nru V tal-2006, dwar l-informazzjoni relatata mal-kumpanniji, il-proċedura ġudizzjarja tar-reġistrazzjoni tal-kumpanniji u t-tqegħid fi stralċ volontarju (A cégnyilvánosságról, a bírósági cégeljárásról és a végelszámolásról szóló 2006. évi V. törvény) tipprovdi fl-Artikolu 25 tagħha:

“1) Skont kif meħtieġ, ir-reġistru tal-kumpanniji għandu jinkludi, għall-kumpanniji kollha:

[…]

g) l-isem tal-kummpannija u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-predeċessura jew tal-predeċessuri fid-dritt, u tas-suċċessura jew tas-suċċessuri fid-dritt tal-kumpannija, u, fil-każ fejn il-kumpannija ddeċidiet dwar it-tibdil tagħha, id-data li hija stabbiliet għaliha,

[…]”

3. L-Artikolu 57(4) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-qorti tal-kumpanniji li fil-qasam territorjali tagħha tinsab is-sede tal-predeċessura fid-dritt għandha tiddeċiedi fuq it-talba għal bidla fil-forma tal-kumpannija. Il-qorti għandha tipproċedi għat-tħassir tal-predeċessura, billi tindika s-suċċessura fid-dritt tagħha, u tniżżel is-suċċessura fir-reġistru. Il-qorti għandha tiddeċiedi jekk hemmx lok li d-dokumenti tal-kumpannija jiġu kkomunikati lill-qorti tal-kumpanniji li fil-qasam territorjali tagħha tinsab is-sede tas-suċċessura.”

4. Il-Liġi Nru IV tal-2006, dwar il-kumpanniji kummerċjali (A gazdasági társaságokról szóló 2006. évi IV. törvény; iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali”), tipprevedi fl-Artikolu 69(1) tagħha:

“Bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja ta’ din il-liġi, ir-regoli li jirregolaw il-kostituzzjoni tal-kumpanniji kummerċjali huma applikabbli f’każ ta’ tibdil ta’ kumpannija kummerċjali. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi fil-qasam tat-tibdil li jinsabu fost ir-regoli speċifiċi għal kull forma ta’ kumpannija, huma wkoll applikabbli.”

5. Skont l-Artikolu 71 ta’ din il-liġi:

“1) Bla ħsara għal stipulazzjoni kuntrarja fl-istatut tal-kumpannija, il-korp suprem tal-kumpannija kummerċjali għandu jieħu deċiżjoni fir-rigward tat-tibdil f’żewġ fażijiet […]

2) […] [F]l-ewwel fażi, il-korp jevalwa, abbażi ta’ proposta mid-diriġenti eżekuttivi – wara konsultazzjoni mal-kumitat ta’ sorveljanzja, jekk il-kumpannija kummerċjali għandha tali kumitat -, jekk is-soċji (azzjonisti) tal-kumpannija japprovawx l-intenzjoni li din tiġi mibdula, wara huwa jiddeċiedi fuq il-forma ġuridika tal-kumpannija li tirriżulta mit-tibdil u jidentifika s-soċji (l-azzjonisti) tal-kumpannija li jixtiequ jsiru soċji (azzjonisti) ta’ din tal-aħħar.

3) Jekk l-intenzjoni ta’ tibdil tal-kumpannija kummerċjali hija approvata mill-maġġoranza tas-soċji (azzjonisti) meħtieġa għall-forma ta’ kumpannija inkwistjoni, il-korp suprem għandu jiddetermina d-data ta’ referenza għall-karti tal-bilanċ tagħha, jaħtar kontabilist iċċertifikat u jafda lid-diriġenti eżekuttivi tal-kumpannija l-kompitu li jħejju l-abbozzi tal-karti tal-bilanċ u l-abbozzi tal-inventarji relatati mal-attiv, kif ukoll id-dokumenti l-oħra kollha neċessarji sabiex tittieħed id-deċiżjoni ta’ tibdil, kemm jekk huma meħtieġa mil-liġi jew determinati mill-korp suprem.

4) Id-diriġenti eżekuttivi għandhom jippreparaw l-abbozzi tal-karti tal-bilanċ u tal-inventarji tal-attiv tal-kumpannija kummerċjali li għandha tiġi mibdula, l-abbozzi tal-karti tal-bilanċ u tal-inventarji tal-attiv (inizjali) tal-kumpannija li tirriżulta mit-tibdil, l-abbozz tal-istatut relatat magħha, kif ukoll abbozz tal-arranġamenti mal-persuni li ma jixtiequx isiru soċji (azzjonisti) tal-kumpannija li tkun irriżultat mit-tibdil.

[...]”

6. L-Artikolu 73 tal-Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-tfassil tal-abbozz tal-karta tal-bilanċ u dwar il-verifika tiegħu mill-kontabilisti ċertifikati indipendenti u l-Artikolu 74 ta’ din il-liġi jikkonċerna l-adozzjoni, mill-kumpannija, tal-abbozz tal-karta tal-bilanċ kif ukoll it-tqassim tal-kapital fil-kumpannija l-ġdida.

7. Skont l-Artikolu 75 tal-Liġi dwar il-kumpanniji kummerċjali, il-korpi ta’ rappreżentanza tal-persunal tal-kumpannija kummerċjali għadhom ikunu informati bid-deċiżjoni ta’ tibdil tagħha, li għandha tidher f’żewġ edizzjonijiet suċċessivi tal-Bullettin tal-kumpanniji, li jinkludu, b’mod partikolari, avviż lill-kredituri.

8. Skont l-Artikolu 76(2) ta’ din il-liġi, il-kredituri li l-krediti tagħhom ma jistgħux jiġu infurzati kontra l-kumpannija li qed tiġi mibdula li tnisslu qabel mad-deċiżjoni ta’ tibdil ġiet ikkomunikata l-ewwel darba jistgħu jitolbu lil din il-kumpannija tagħti garanzija ekwivalenti għall-ammont tal-krediti tagħhom.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9. VALE Costruzioni Srl (kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Taljan , iktar ’il quddiem “VALE Costruzioni”), ikkostitwita b’att tas-27 ta’ Settembru 2000, kienet tniżżlet fir-reġistru tal-kumpanniji ta’ Ruma (l-Italja) fis-16 ta’ Novembru 2000. Fit-3 ta’ Frar 2006, hija talbet li titħassar minn dan ir-reġistru filwaqt li indikat l-intenzjoni tagħha li tittrasferixxi s-sede tagħha u l-attività tagħha fl-Ungerija, u li twaqqaf l-attività tagħha fl-Italja. Skont din it-talba, l-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru f’Ruma pproċediet għat-tħassir ta’ din il-kumpannija fit-13 ta’ Frar 2006. Kif jirriżulta mill-proċess, fir-reġistru, taħt it-titolu “Tħassir u trasferiment tas-sede”, tniżżel li “l-kumpannija ċċaqalqet l-Ungerija”.

10. Peress li l-kumpannija kkostitwita oriġinarjament fl-Italja skont id-dritt Taljan kienet iddeċidiet li tittrasferixxi s-sede tagħha fl-Ungerija u li topera hemmhekk skont id-dritt Ungeriż, fl-14 ta’ Novembru 2006, id-direttur ta’ Vale Costruzione u persuna fiżika oħra approvaw l-istatuti ta’ Vale Építési Kft. (kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ungeriż, iktar ’il quddiem “VALE Építési”) bil-għan li din titniżżel fir-reġistru tal-kumpanniji fl-Ungerija. Barra min hekk, il-kapital sar disponibbli sal-estent meħtieġ, skont il-liġi Ungeriża, għall-iskrizzjoni fir-reġistru.

11. Fid-19 ta’ Jannar 2007, ir-rappreżentant ta’ VALE Építési ressaq talba quddiem il-Fővárosi Bíróság (Qorti ta’ Budapest, l-Ungerija) fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ cégbíróság (Qorti Kummerċjali) sabiex il-kumpannija tiġi rreġistrata skont id-dritt Ungeriż. Fit-talba tiegħu, huwa indika lil VALE Costruzioni bħala predeċessura fid-dritt ta’ VALE Építési.

12. Il-Fővárosi Bíróság, hija hu tiddeċiedi fil-kapaċità tagħha ta’ qorti kummerċjali fl-ewwel istanza, ċaħdet it-talba għal reġistrazzjoni. Fit-tieni istanza, il-Fővárosi Ítélőtábla (Qorti tal-Appell Reġjonali ta’ Budapest), adita minn VALE Építési, ikkonfermat dan id-digriet ta’ ċaħda. Skont din il-qorti, kumpannija kkostitwita u rreġistrata fl-Italja ma tistax, skont ir-regoli Ungeriżi applikabbli għall-kumpanniji, tittrasferixxi s-sede tagħha fl-Ungerija u ma tistax tiġi rreġistrata hemmhekk fil-forma mitluba. Skont din il-qorti, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ungeriż fis-seħħ, fir-reġistru tal-kumpanniji jistgħu jidhru biss id-dettalji enumerati fl-Artikoli 24 sa 29 tal-Liġi Nru V tal-2006 u, għaldaqstant, ma huwiex possibbli li tiġi indikata bħala predeċessura fid-dritt kumpannija li ma hijiex Ungeriża.

13. VALE Építési ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-Legfelsőbb Bíróság (Qorti Suprema), sabiex tikseb l-annullament tad-digriet ta’ ċaħda u sabiex tiġi ordnata l-iskrizzjoni tagħha fir-reġistru tal-kumpanniji. Hija ssostni li d-digriet ikkontestat jikser id-dispożizzjonijiet direttament applikabbli tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE.

14. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li dan id-digriet jonqos milli jirrikonoxxi d-differenza fundamentali bejn, minn naħa, it-tibdil internazzjonali tas-sede ta’ kumpannija mingħajr bidla fid-dritt nazzjonali applikabbli u, min-naħa l-oħra, it-tibdil internazzjonali ta’ kumpannija. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, Ġabra p. I‑9641), manifestament irrikonoxxiet din id-differenza.

15. Il-qorti tar-rinviju kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Fővárosi itélőtábla u tirrileva li t-trasferiment tas-sede ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Repubblika Taljana, b’rikostituzzjoni tal-kumpannija skont id-dritt Ungeriż u bl-indikazzjoni tal-kumpannija oriġinali Taljana, kif titlob VALE Építési, ma jistax jiġi meqjus, fid-dritt Ungeriż, bħala tibdil, peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-tibdil japplikaw biss għal sitwazzjonijiet nazzjonali. Madankollu, hija tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-libertà ta’ stabbiliment, filwaqt li tenfasizza li l-każ inkwistjoni huwa differenti mill-kawża li tat lok għas-sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, inkwantu dan il-każ jikkonċerna trasferiment ta’ sede ta’ kumpannija b’bidla fid-dritt nazzjonali applikabbli biż-żamma tal-personalità ġuridika, jiġifieri tibdil transkonfinali.

16. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Legfelsőbb Bíróság iddeċidiet illi tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) L-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-Artikoli [49 TFUE u 54 TFUE] meta kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor (l-Istat ta’ oriġini) titrasferixxi s-sede tagħha hemmhekk, filwaqt li kienet ġiet imħassra - għal din ir-raġuni - mir-reġistru tal-kumpanniji tal-Istat Membru ta' oriġini, meta l-azzjonisti tal-kumpannija japprovaw l-att kostituttiv il-ġdid redatt skont id-dritt tal-Istat ospitanti u meta l-kumpannija titlob ir-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-kumpanniji tal-Istat Membru ospitanti skont id-dritt tiegħu?

2) Jekk l-ewwel domanda kellha tiġi risposta fl-affermattiv, l-Artikoli [49 TFUE u 54 TFUE] għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi ta’ Stat Membru (ospitanti) li tiċħad lil kumpannija regolament stabbilita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor (ta’ oriġini) id-dritt li tittrasferixxi s-sede tagħha fl-Istat ospitanti u li hemmhekk tkompli l-attività tagħha skont id-dritt ta’ dan l-Istat?

3) Huwa importanti, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, li tittieħed inkunsiderazzjoni r-raġuni li għaliha l-Istat Membru ospitanti jiċħad lill-kumpannija li tagħmel l-applikazzjoni, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru, u iktar partikolarment

– il-fatt li l-kumpannija li tagħmel l-applikazzjoni ssemmi l-kumpannija stabbilita fl-Istat Membru ta’ oriġni, u mħassra mir-reġistru tal-kumpanniji tiegħu, bħala predeċessura fid-dritt fl-att kostituttiv tagħha irċevut fl-Isat ospitanti u titlob li din il-predeċessura tkun imsemmija fir-reġistru tal-kumpanniji tal-Istat ospitanti bħala l-predeċessura proprju tagħha fid-dritt?

– il-kwistjoni dwar jekk, f'każ ta’ tibdil internazzjonali intra-Komunitarju, l-Istat ospitanti għandux l-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni, meta jeżamina applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' kumpannija, l-att tal-Istat Membru ta’ oriġini li bih il-fatt tat-trasferiment tas-sede ġie mniżżel fir-reġistru tal-kumpanniji ta’ dan l-Istat Membru, u, jekk huwa għandu jieħu dan inkunsiderazzjoni, sa fejn?

4) L-Istat Membru ospitanti jista’ jeżamina applikazzjoni għal reġistrazzjoni introdotta f’dan l-Istat minn kumpannija li twettaq tibdil internazzjonali intra-Komunitarju billi japplika r-regoli tad-dritt nazzjonali tiegħu dwar it-tibdil tal-kumpanniji fuq livell nazzjonali, jiġifieri billi jeħtieġ mill-kumpannija li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li d-dritt nazzjonali tiegħu jimponi f’każ ta’ tibdil nazzjonali (pereżempju, il-preparazzjoni ta’ karta tal-bilanċ u ta’ inventarju tal-attivi) jew l-Artikoli [49 TFUE u 54 TFUE] jobbligaw lil dan l-Istat jagħmel distinzjoni bejn tibdil internazzjonali intra-Komunitarju u tibdil fuq livell nazzjonali u, jekk dan huwa l-każ, sa fejn?

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

17. Il-Gvern tar-Renju Unit jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fl-intier tiegħu billi jsostni li d-domandi preliminari huma ta’ natura ipotetika. Fil-fatt dawn id-domandi jikkonċernaw każ ta’ tibdil transkonfinali filwaqt li, abbażi tal-fatti li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, hemm lok li jiġi konkluż li l-operazzjoni inkwistjoni ma tikkorrispondix għal tali tibdil transkonfinali. L-Awtorità ta’ sorveljanza EFTA tqis li t-tielet u r-raba’ domandi huma inammissibbli minħabba li l-kuntest ġuridiku ma huwiex speċifikat b’mod suffiċjentement iddettaljat sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli.

18. Għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fl- intier tiegħu, jew tat-tielet u tar-raba’ domandi, hemm lok li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita li abbażi tagħha d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil- kuntest leġiżlattiv u fattwali li dik il-qorti hija responsabbli li tiddefinixxi, u li l-eżatezza tiegħu ma hijiex kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki, C‑188/10 u C‑189/10, Ġabra p. I‑5667, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19. Issa, f’dan il-każ, id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE f’kawża reali li tikkonċerna l-iskrizzjoni ta’ VALE Építési fir-reġistru tal-kumpanniji. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċpali bħala tibdil transkonfinali ta’ kumpannija ma tidhirx li hija rrilevanti peress li mill-proċess jirriżulta li l-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji f’Ruma pproċediet għat-tħassir ta’ VALE COSTRUZIONI billi niżżlet fir-reġistru, taħt it-titolu “Tħassir u trasferiment tas-sede”, li “l-kumpannija ċċaqalqet l-Ungerija”.

20. Għal din l-istess raġuni, fid-dawl ta’ separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u din il-qorti, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddikjara l-estinzjoni ta’ VALE Costruzioni minħabba t-tħassir tagħha mir-reġistru tal-kumpanniji f’Ruma. F’dan iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni mitluba ma tistax titqies bħala li ma hijiex relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

21. Fl-aħħar, id-deċiżjoni tar-rinviju tiddeskrivi b’mod suffiċjenti l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, u b’hekk tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tifhem is-sens u l-iskop tad-domandi preliminari sabiex hija tkun tista’ tirrispondihom b’mod utli.

22. Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll id-diversi domandi tagħha għandhom jitqiesu bħala ammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel żewġ domandi

23. Permezz ta’ dawn l-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi għall-kumpanniji rregolati mid-dritt nazzjonali l-possibbiltà li jinbidlu ma tippermettix it-tibdil ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor f’kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali permezz tal-kostituzzjoni ta’ din tal-aħħar.

– Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE

24. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali leġiżlazzjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 19 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, SEVIC Systems (C‑411/03, Ġabra p. I‑10805), iddeċidiet li l-operazzjonijiet ta’ tibdil ta’ kumpanniji, bħala regola ġenerali, jaqgħu taħt attivitajiet ekonomiċi li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-libertà ta’ stabbiliment.

25. Issa, il-Gvern Ungeriż u Ġermaniż, l-Irlanda kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit isostnu li tali leġiżlazzjoni ma taqax taħt l-Aritkoli 49 TFUE u 54 TFUE minħabba li tibdil transkonfinali, bid-differenza tal-amalgamazzjoni transkonfinali inkwistjoni fis-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, iwassal għall-kostituzzjoni ta’ kumpannija fl-Istat Membru ospitanti.

26. Argument bħal dan ma jistax jiġi aċċettat.

27. Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, kumpannija maħluqa skont ordinament ġuridiku nazzjonali tista’ teżisti biss permezz tal-liġi nazzjonali li tiddetermina l-kostituzzjoni u l-funzjonament tagħha (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust, 81/87, Ġabra p. 5483, punt 19, u Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104).

28. Bl-istess mod, huwa paċifiku li, skont l-Artikolu 54 TFUE, fin-nuqqas ta’ definizzjoni uniformi mogħtija mid-dritt tal-Unjoni dwar il-kumpanniji li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt ta’ stabbiliment abbażi ta’ kriterju wieħed ta’ rabta li jiddetermina d-dritt nazzjonali applikabbli għal kumpannija, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 49 TFUE japplikax għal kumpannija li tinvoka l-libertà fundamentali stabbilita minn dan l-artikolu tikkostitwixxi kwistjoni preliminari li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, tista’ tingħata risposta biss mid-dritt nazzjonali applikabbli. (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C‑371/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29. Fl-aħħar, Stat Membru għaldaqstant igawdi inkontestabbilment mis-setgħa li jiddefinixxi kemm l-element ta’ rabta meħtieġ minn kumpannija sabiex din tkun tista’ titqies bħala kkostitwita skont id-dritt nazzjonali tiegħu u tista’, għalhekk, tibbenefika mid-dritt ta’ stabbiliment kif ukoll dak meħtieġ sabiex dan l-istatus sussegwentement jinżamm (sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Cartesio, punt 110, u National Grid Indus, punt 27).

30. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza stabbilita, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu eventwali, skont l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE, li jiġi permess tibdil transkonfinali la jippreġudika s-setgħa msemmija fil-punt preċedenti tal-Istat Membru ospitanti u lanqas id-determinazzjoni, minnu, tar-regoli li jirregolaw il-kostituzzjoni u l-funzjonament tal-kumpannija li tirriżulta minn tibdil transkonfinali.

31. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, tali kumpannija hija neċessarjament irregolata biss mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti li jirregola l-element ta’ rabta meħtieġ kif ukoll il-kostituzzjoni u l-funzjonament tagħha.

32. Għaldaqstant l-espressjoni “sa fejn permess minn din il-liġi”, li tinsab fl-aħħar tal-punt 112 tas-sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tinftiehem bħala li hija intiża sabiex tneħħi, mill-bidu nett, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti dwar it-tibdil ta’ kumpanniji mill-iskop tar-regoli tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, iżda bħala li tirrifletti s-sempliċi kunsiderazzjoni li kumpannija maħluqa skont ordinament ġuridiku nazzjonali teżisti biss abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li “tippermetti” l-kostituzzjoni tal-kumpannija, jekk il-kundizzjonijiet imposti f’dan ir-rigward huma ssodisfatti.

33. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi għall-kumpanniji nazzjonali l-possibbiltà li jinbidlu, ma tippermettix it-tibdil ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE.

– Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u fuq l-eventwali ġustifikazzjoni tagħha.

34. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ stabbiliment, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment, jimplika l-eżerċizzju effettiv ta’ attività ekonomika permezz ta’ installazzjoni stabbli fl-Istat Membru ospitanti għal żmien indeterminat. Konsegwentement din tippresupponi installazzjoni reali tal-kumpannija kkonċernata f’ dan l-Istat Membru ospitanti u l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika effettiva fih. (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35. F’dan il-każ, il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma rrilevawx elementi li juru li l-attivitajiet ta’ VALE Építési ser jibqgħu fl-Italja u li hija ma għandhiex l-intenzjoni li tistabbilixxi realment ruħha fl-Ungerija, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

36. Għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi biss it-tibdil ta’ kumpannija li diġà għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru kkonċernat, din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi trattament differenti bejn kumpanniji skont in-natura nazzjonali jew transkonfinali tat-tibdil, li hija ta’ natura li tiskoraġġixxi lill-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stati Membri oħra milli jeżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita mit-Trattat u, għaldaqstant, tikkostitwixxi restrizzjoni skont l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 23).

37. Fir-rigward tal-eventwali ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni inkwistjoni, huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 27 tas-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, irrikonoxxiet li l-amalgamazzjonijiet transkonfinali jqajmu problemi speċifiċi, fatt li japplika wkoll għat-tibdil transkonfinali. Fil-fatt, tali tibdil jippresupponi l-applikazzjoni konsekuttiva ta’ żewġ drittijiet nazzjonali.

38. Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament skont in-natura transkonfinali jew nazzjonali tat-tibdil ma tistax tiġi ġġustifikata min-nuqqas ta’ regoli ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, anki jekk tali regoli huma ċertament utli sabiex jiġi ffaċilitat it-tibdil transkonfinali, l-eżistenza tagħhom ma tistax issir kundizzjoni minn qabel għall-implementazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE (ara, fir-rigward tal-amalgamazzjonijiet transkonfinali, is-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

39. Fir-rigward ta’ ġustifikazzjoni minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bħall-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tas-soċji minoritarji u tal-impjegati, kif ukoll iż-żamma tal-effiċjenza tal-kontrolli fiskali u tal-onestà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, huwa paċifiku li tali raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw miżura li tirristrinġi l-libertà ta’ stabbiliment bil-kundizzjoni li tali miżura restrittiva hija adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dawn jintlaħqu. (ara, is-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 29).

40. Issa, f’dan il-każ, tali ġustifikazzjoni ma teżistix. Fil-fatt, id-dritt Ungeriż jirrifjuta, b’mod ġenerali, it-tibdil transkonfinali, fatt li għandu bħala riżultat li jimpedixxi t-twettiq ta’ tali operazzjonijiet, anki meta l-interessi msemmija fil-punt preċedenti ma humiex mhedda, F’kull każ, tali regola tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi sabiex jipproteġu l-imsemmija interessi (ara, fir-rigward tal-amalgamazzjonijiet transkonfinali, is-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

41. F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi tkun li l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi għal kumpanniji rregolati mid-dritt nazzjonali l-possibbiltà li jinbidlu, ma tippermettix, b’mod ġenerali, it-tibdil ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor f’kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali permezz tal-kostituzzjoni ta’ din tal-aħħar.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

42. Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE għandhomx jiġu interpretati, fil-kuntest ta’ tibdil transkonfinali, fis-sens li l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt jiddetermina d-dritt nazzjonali rilevanti għal tali operazzjoni u għaldaqstant japplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu dwar it-tibdil nazzjonali li jirregolaw il-kostituzzjoni u l-funzjonament ta’ kumpannija, bħar-rekwiżiti dwar il-preparazzjoni ta’ karta tal-bilanċ u ta’ inventarju tal-attiv. B’mod iktar partikolari, hija tipprova ssir taf jekk l-Istat Membru ospitanti jistax jirrifjuta, għat-tibdil transkonfinali, l-indikazzjoni tal-“predeċessura fid-dritt”, peress li tali indikazzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji hija prevista għat-tibdil nazzjonali, u jekk u sa fejn dan huwa obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-oriġini waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-kumpannija.

43. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li peress li d-dritt sekondarju tal-Unjoni ma jipprevedix, fl-istat attwali tiegħu, regoli speċifiċi li jirregolaw it-tibdil transkonfinali, id-dispożizzjonijiet li jippermettu l-implementazzjoni ta’ tali operazzjoni jistgħu jinsabu biss fid-dritt nazzjonali, jiġifieri dak tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-kumpannija li qed tipprova tinbidel u dak tal-Istat Membru ospitanti li fih il-kumpannija li tirriżulta minn dan it-tibdil tkun irreġistrata.

44. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-implementazzjoni ta’ tibdil transkonfinali teħtieġ l-applikazzjoni konsekuttiva ta’ żewġ drittijiet nazzjonali għal din l-operazzjoni ġuridika.

45. It-tieni nett, għalkemm regoli speċifiċi li jistgħu jissostitwixxu dispożizzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jiġu inferuti mill-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma hijiex eżenti minn kull stħarriġ fid-dawl ta’ dawn l-artikoli.

46. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mir-risposta mogħtija lill-ewwel żewġ domandi, l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE jobbligaw lil Stat Membru, li jipprevedi għal kumpanniji rregolati mid-dritt nazzjonali l-possibbiltà li jinbidlu, jagħti l-istess possibbiltà lill-kumpanniji rregolati mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor u li jippruvaw jinbidlu f’kumpanniji rregolati mid-dritt nazzjonali tal-ewwel Stat Membru.

47. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir b’osservanza ta’ dan l-obbligu skont l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE.

48. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’diversi oqsma, skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, il-metodi proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, dawn ma jirrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-irkupru ta’ pagamenti indebiti, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, IN. CO. GE.’90 et , C‑10/97 sa C‑22/97, Ġabra p. I‑6307, punt 25; fir-rigward tad-dritt amministrattiv, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et , C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 28; fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C‑445/06, Ġabra p. I‑2119, punt 31, kif ukoll, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ attestazzjoni għall-finijiet ta’ benefiċċju fiskali, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et , C‑262/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata.).

49. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-loġika li fuqha hija bbażata din il-ġurisprudenza hija wkoll valida fil-kuntest ġuridiku preżenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, bħal f’din il-ġurisprudenza, il-parti fil-kawża għandha dritt mogħti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, f’dan il-każ, id-dritt li twettaq tibdil transkonfinali, li l-implementazzjoni tiegħu tiddependi, fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni, fuq l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

50. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-determinazzjoni, mill-Istat Membru ospitanti, tad-dritt nazzjonali applikabbli li jippermetti l-implementazzjoni ta’ tibdil transkonfinali ma tistax, fih innifisha, tikkontesta l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE.

51. Fil-fatt, huwa paċifiku li tibdil transkonfinali jwassal, fl-Istat Membru ospitanti, għall-kostituzzjoni ta’ kumpannija skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru. Issa, kumpannija maħluqa skont ordinament ġuridiku nazzjonali tista’ teżisti biss permezz tal-liġi nazzjonali li tiddetermina l-kostituzzjoni u l-funzjonament tagħha (ara s-sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq Daily Mail and General Trust, punt 19, u Cartesio, punt 104).

52. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma tistax tiġi kkontestata l-applikazzjoni, mill-Ungerija, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha dwar tibdil nazzjonali li jirregolaw il-kostituzzjoni u l-funzjonament ta’ kumpannija, bħar-rekwiżiti relatati mal-preparazzjoni ta’ karta tal-bilanċ u ta’ inventraju tal-attiv.

53. It-tielet nett, għandhom jiġu spjegati, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-implementazzjoni tal-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligi li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li jinkwadraw l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

54. Fir-rigward, minn naħa, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hemm lok li jiġi rrilevat li, bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, Stat Membru ma huwiex obbligat jittratta operazzjonijiet transkonfinali b’mod iktar favorevoli minn operazzjonijiet interni. Dan il-prinċipju jimplika biss li l-metodi proċedurali tad-dritt nazzjonali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura domestika.

55. Għaldaqstant, jekk leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi, fil-kuntest ta’ tibdil nazzjonali, kontinwità ġuridika u ekonomika stretta bejn il-kumpannija predeċessura li talbet it-tibdil u l-kumpannija suċċessura mibdula, tali rekwiżit jista’ wkoll jiġi impost fil-kuntest ta’ tibdil transkonfinali.

56. Madankollu, ir-rifjut mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jindikaw fir-reġistru tal-kumpanniji, fl-okkażjoni ta’ tibdil transkonfinali, il-kumpannija tal-Istat Membru ta’ oriġini bħala “predeċessura fid-dritt” tal-kumpannija mibdula ma huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ekwivalwenza jekk issir tali indikazzjoni tal-kumpannija predeċessura fl-okkażjoni tat-tibdil nazzjonali. Għal dan il-għan għandu jiġi rrilevat li l-indikazzjoni ta’ “predeċessura fid-dritt” fir-reġistru tal-kumpanniji tista’, indipendentement minn natura nazzjonali jew transkonfinali tat-tibdil, tkun partikolarment utli sabiex jiġu informati l-kredituri tal-kumpannija li nbidlet. Barra minn hekk, il-Gvern Ungeriż ma jressaq ebda raġuni li tiġġustifika li tali indi kazzjoni hija rriżervata għat-tibdil nazzjonali.

57. Għaldaqstant, ir-rifjut li fuq ir-reġistru tal-kumpanniji Ungeriż VALE Costruzioni tiġi indikata bħala l-“predeċessura fid-dritt” huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

58. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ effettività, tqum, f’dan il-każ, il-kwistjoni dwar x’rilevanza għandu l-Istat Membru ospitanti jagħti, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ talba għal reġistrazzjoni, lid-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, din il-kwistjoni hija relatata mal-eżami, li l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom jagħmlu, dwar jekk VALE Costruzioni ma għadhiex irregolata mid-dritt Taljan, skont il-kundizzjonijiet previsti minn dan tal-aħħar, filwaqt li żammet il-personalità ġuridika tagħha li għaldaqstant tippermettilha tinbidel f’kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż.

59. Għalkemm dan l-eżami jikkostitwixxi r-rabta indispensabbli bejn il-proċedura ta’ reġistrazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini u dik fl-Istat Membru osipitanti, xorta jibqa’ l-fatt li, fin-nuqqas ta’ regoli ta’ dritt tal-Unjoni, il-proċedura ta’ reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti hija rregolata mid-dritt ta’ dan tal-aħħar li għaldaqstant jiddetermina wkoll, bħala regola ġenerali, il-provi li għandhom jiġu prodotti mill-kumpannija li titlob li tinbidel li juru li l-kundizzjonijiet kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u meħtieġa mill-Istat Membru ta’ oriġini f’dan ir-rigward huma ssodisfatti.

60. Issa, tali prattika tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li jirrifjutaw, b’mod ġenerali, li jieħdu inkunsiderazzjoni dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, toħloq riskju li tirrendi impossibbli, għall-kumpannija li qed titlob li tinbidel, li turi li hija effettivament ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti tal-Istat Membru ta’ oriġini u b’hekk tqiegħed f’perikolu t-twettiq tat-tibdil transkonfinali li hija bdiet.

61. Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti huma obbligati, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ effettività, jieħdu debitament inkunsiderazzjoni, waqt l-eżami ta’ talba għal reġistrazzjoni ta’ kumpannija, id-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini li juru li din il-kumpannija effettivament osservat il-kundizzjonijiet tiegħu, sakemm dawn huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

62. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda tkun li l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati, fil-kuntest ta’ tibdil transkonfinali ta’ kumpannija, fis-sens li l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt jiddetermina d-dritt nazzjonali rilevanti għal tali operazzjoni u għaldaqstant japplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu dwar it-tibdil nazzjonali li jirregolaw il-kostituzzjoni u l-funzjonament ta’ kumpannija, bħar-rekwiżiti dwar il-preparazzjoni ta’ karta tal-bilanċ u ta’ inventarju tal-attiv. Madankollu, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività rispettivament jipprekludu, li l-Istat Membru ospitanti

– jirrifjuta, għal tibdil transkonfinali, l-indikazzjoni tal-kumpannija li talbet it-tibdil bħala “predeċessura fid-dritt” jekk tali indikazzjoni tal-kumpannija predeċessura fir-reġistru tal-kumpanniji hija prevista għat-tibdil nazzjonali u

– jirrifjuta li jieħu debitament inkunsiderazzjoni d-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-kumpannija.

Fuq l-ispejjeż

63. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1) L-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi għal kumpanniji rregolati mid-dritt nazzjonali l-possibbiltà li jinbidlu, ma tippermettix, b’mod ġenerali, it-tibdil ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor f’kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali permezz tal-kostituzzjoni ta’ din tal-aħħar.

2) l-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati, fil-kuntest ta’ tibdil transkonfinali ta’ kumpannija, fis-sens li l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt jiddetermina d-dritt nazzjonali rilevanti għal tali operazzjoni u għaldaqstant japplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu dwar it-tibdil nazzjonali li jirregolaw il-kostituzzjoni u l-funzjonament ta’ kumpannija, bħar-rekwiżiti dwar il-preparazzjoni ta’ karta tal-bilanċ u ta’ inventarju tal-attiv. Madankollu, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività rispettivament jipprekludu, li l-Istat Membru ospitanti

– jirrifjuta, għal tibdil transkonfinali, l-indikazzjoni tal-kumpannija li talbet it-tibdil bħala “predeċessura fid-dritt” jekk tali indikazzjoni tal-kumpannija predeċessura fir-reġistru tal-kumpanniji hija prevista għat-tibdil nazzjonali u

– jirrifjuta li jieħu debitament inkunsiderazzjoni d-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-kumpannija.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet