EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0209
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Report on the implementation of the EU Framework for National Roma Integration Strategies
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE għall-Istrateġiji ta' Integrazzjoni Nazzjonali tar-Rom
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE għall-Istrateġiji ta' Integrazzjoni Nazzjonali tar-Rom
/* COM/2014/0209 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE għall-Istrateġiji ta' Integrazzjoni Nazzjonali tar-Rom /* COM/2014/0209 final */
1. Introduzzjoni Il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji
Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020[1] adottat f’April 2011
ġab bidla fl-approċċ tal-inklużjoni tar-Rom: għall-ewwel darba ġie żviluppat
qafas komprensiv u bbażat fuq l-evidenza marbut b’mod ċar
mal-istrateġija Ewropa 2020. Il-Qafas
tal-UE huwa għall-Istati Membri kollha iżda jrid jitfassal għal
kull sitwazzjoni nazzjonali. Il-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-UE approvaw
il-Qafas tal-UE[2],
u konsegwentement, għall-ewwel darba, l-Istati Membri bdew jikkoordinaw
l-isforzi tagħhom biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-Rom u dawk li mhumiex
fl-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura
tas-saħħa u d-djar. Il-Kummissjoni
stabbiliet mekkaniżmu ta’ rapportar annwali lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill biex teżamina l-progress li sar sal-2020. B’mod parallel,
hija stabbiliet strutturi biex jakkompanjaw lill-Istati Membri fl-isforzi
tagħhom, b’mod partikolari n-netwerk ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali Rom fejn
Punti ta’ Kuntatti Nazzjonali Rom minn kull 28 Stat Membru jiltaqgħu
regolarment kif ukoll ir-Rom Task Force tal-Kummissjoni interna ppreseduta
mid-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja (mad-Direttorat Ġenerali
għall-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni bħala
viċi kap) li jiġbor flimkien ir-rappreżentanti għoljin
mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni kif ukoll minn diversi
Direttorati Ġenerali, inkluż dawk responsabbli mill-politika
reġjonali u urbana, l-edukazzjoni u l-kultura, l-agrikoltura u
l-iżvilupp rurali, is-saħħa u l-konsumaturi, it-tkabbir,
l-affarijiet interni, l-istatistika, il-baġit, il-komunikazzjoni u
l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)
sabiex tiżgura koerenza u konsistenza. Dan ir-rapport ikejjel għall-ewwel darba
l-progress li sar fl-erba’ oqsma ewlenin tal-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura
tas-saħħa u d-djar, kif ukoll fil-ġlieda kontra
d-diskriminazzjoni u l-użu tal-finanzjament. Huwa
jevalwa wkoll il-progress li sar fil-livell tal-UE.
2. Progress
fil-livell tal-UE 2.1. Mainstreaming
tal-integrazzjoni tar-Rom fil-politika u l-finanzjament Id-daqs u s-sitwazzjoni tal-popolazzjoni tar-Rom ivarjaw
minn Stat Membru wieħed għall-ieħor. Barra minn hekk, f’xi Stati
Membri, l-integrazzjoni tal-komunitajiet tar-Rom li waslu reċentement, toħloq
sfidi ġodda li jeħtieġu li jiġu indirizzati. Skont il-qafas
tal-UE, l-Istati Membri kollha[3]
żviluppaw l-istrateġiji tagħhom għall-integrazzjoni tar-Rom[4] imfassla skont
il-bżonnijiet tal-popolazzjoni tar-Rom f’pajjiżhom. Billi ħafna
mir-Rom iħabbtu wiċċhom mal-faqar u l-esklużjoni
soċjali, il-Kummissjoni torbot l-integrazzjoni tar-Rom mal-aġenda usa’
tagħha ta’ tkabbir, l-istrateġija Ewropa 2020. Fis-Semestru Ewropew,
il-Kunsill Ewropew ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi
għall-pajjiżi[5]
dwar l-integrazzjoni tar-Rom għall-Istati Membri li għandhom
popolazzjoni mdaqqsa tar-Rom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet, u
l-Kunsill adotta, l-ewwel strument legali dwar ir-Rom, ir-Rakkomandazzjoni
tal-Kunsill dwar miżuri effettivi ta’ integrazzjoni tar-Rom fl-Istati
Membri[6].
Din ir-Rakkomandazzjoni tidentifika miżuri speċifiċi,
inkluż l-azzjoni pożittiva biex ittejjeb is-sitwazzjoni tar-Rom. It-Task Force tar-Rom tal-Kummissjoni tiżgura
li l-aspetti kollha tal-integrazzjoni tar-Rom jiġu indirizzati,
speċjalment bl-użu ta’ fondi differenti tal-UE. Il-Qafas Finanzjarju
pluriennali l-ġdid għall-2014-2020[7]
jiffaċilita l-użu tal-fondi tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom.
Ir-Regolament tad-Dispożizzjonijiet Komuni għall- Fondi Ewropej
Strutturali u ta' Investiment (ESI)[8]
kollha jagħti l-possibbiltà li fondi differenti tal-UE jkunu kkombinati biex
jaħdmu fl-erba’ oqsma ewlenin ta’ politika tal-Qafas tal-UE. Il-fondi rilevanti
ewlenin għall-integrazzjoni tar-Rom huma l-Fond Soċjali Ewropew
(FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u
l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).
Ir-Regolamenti finanzjari[9]
stabbilixxew li mill-inqas 23.1% tal-baġit tal-politika ta’ Koeżjoni
jiġu allokati għall-investiment fin-nies – permezz tal-Fond
Soċjali Ewropew, bl-allokazzjoni ta’ mill-inqas 20% ta’ dan l-ammont f’kull
Stat Membru għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni
soċjali. Barra minn hekk, ir-Regolamenti l-ġodda dwar l-infiq
tal-Fondi tal-UE issa jinkorporaw mekkaniżmi mtejba ta’
monitoraġġ u evalwazzjoni biex jiksbu informazzjoni iktar
preċiża dwar jekk il-Fondi Strutturali humiex qed jilħqu
l-għanijiet definiti ta’ inklużjoni tar-Rom. Il-Kummissjoni ħarget ukoll Kodiċi tal-Kondotta
Ewropea dwar is-Sħubija[10],
li tkopri l-fondi kollha ESI, u tipprovdi kriterji dettaljati għall-organizzazzjoni
tas-sħubiji, għall-ippjanar, l-implimentazzjoni, u s-segwitu
tal-programmi. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Fond Soċjali Ewropew
(FSE)[11] jitlob li ammont xieraq ta’ fondi mill-FSE jintużaw f’reġjuni
ta’ tranżizzjoni u inqas żviluppati biex isaħħu
l-kapaċità tal-imsieħba soċjali u l-NGOs fl-implimentazzjoni
tal-programmi. Fl-aħħar nett, abbażi ta’ proposta
tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar it-Twaqqif ta’
Garanzija għaż-Żgħażagħ[12] u l-Istati Membri
ġew mitluba speċifikament biex iqisu r-Rom bħala grupp ta’ mira
ewlenija skont id-daqs u s-sitwazzjoni tal-popolazzjoni tar-Rom tagħhom. 2.2. Ħidma
mill-qrib mal-partijiet interessati kollha Il-Kummissjoni waqqfet djalogu permanenti
mal-Istati Membri permezz ta’ netwerk ta’ 28 Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali Rom.
Dan in-netwerk jirrappreżenta pass importanti ’il quddiem biex
jappoġġa l-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji,
u l-azzjonijiet fil-prattika. Huwa jippermetti wkoll lill-Istati Membri biex
jaqsmu l-esperjenza u l-għarfien tagħhom mal-Kummissjoni, u jrawmu
kooperazzjoni transnazzjonali u l-iskambju ta’ prattiki tajbin. Barra minn hekk, il-laqgħat tal-Pjattaforma
Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom żviluppaw f’forum
għad-diskussjoni u l-iskambju tal-esperjenza bejn il-Kummissjoni, l-Istati
Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-pajjiżi ta’ tkabbir u
s-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-partijiet
interessati kollha, se tkompli tirrifletti dwar kif dan il-forum jista’
saħansitra jkun iktar effiċjenti u tikkontribwixxi aħjar
fit-tfassil tal-politiki Ewropej ta’ integrazzjoni tar-Rom. Biex tappoġġa l-implimentazzjoni
tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom f’livelli
lokali u reġjonali, il-Kummissjoni tipparteċipa f’Koalizzjoni
tal-organizzazzjonijiet internazzjonali[13].
F’din il-Koalizzjoni, il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew jingħaqdu
flimkien biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali
għat-tfassil, il-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji
lokali għall-inklużjoni tar-Rom li jibdew mit-titjib tal-governanza
lokali[14]
u l-parteċipazzjoni tal-komunità permezz tal-medjazzjoni[15]. 3. Progress
fl-Istati Membri – il-Valutazzjoni tal-Kummissjoni Tliet snin wara l-adozzjoni tal-Qafas tal-UE,
il-progress, għalkemm għadu fil-bidu, qed jibda jieħu
għamla f’bosta Stati Membri. Dan ir-rapport iħares b’mod partikolari
lejn liema miżuri ġew implimentati, jekk il-gwida pprovduta
fir-rapporti preċedenti ta’ progress tal-Kummissjoni ġietx segwita, u
jekk hemmx impatt reali fil-prattika. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
mehmuż jinkludi ħarsa ġenerali dettaljata mill-Istat Membru, u
l-ewwel valutazzjoni tal-istrateġija nazzjonali tal-Kroazja
tal-integrazzjoni tar-Rom, imressqa wara l-adeżjoni tagħha fl-UE
fl-1 ta’ Lulju 2013. Il-valutazzjoni tuża b’mod partikolari
informazzjoni mill-Istati Membri permezz ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali Rom,
mis-soċjetà ċivili u min-Netwerk Ewropew ta’ Esperti Indipendenti
dwar l-Inklużjoni Soċjali. L-istħarriġ tal-FRA tal-2011
dwar is-sitwazzjoni fil-prattika hija l-punt tat-tluq li minnu jitkejjel
il-progress. 3.1. L-edukazzjoni Fil-Qafas tal-UE, il-Kummissjoni tappella
lill-Istati Membri biex jiżguraw, bħala minimu, it-tlestija
tal-iskola primarja, biex iwessgħu l-aċċess
għall-edukazzjoni u l-kura ta’ kwalità fit-tfulija bikrija, jiżguraw
li t-tfal tar-Rom ma jkunux soġġetti għad-diskriminazzjoni jew
is-segregazzjoni u jnaqqsu n-numru ta’ dawk li jieqfu mill-iskola qabel
iż-żmien. L-Istati Membri ġew mitluba wkoll biex jinkoraġġixxu
liż-żgħażagħ Rom jipparteċipaw fl-edukazzjoni
sekondarja u terzjarja. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tiżvela li
l-Istati Membri ħadu serje ta’ miżuri speċifiċi li taw
riżultati fuq dan. Pereżempju, ir-rapporti juru tendenza
ġenerali pożittiva u ċara fir-rigward tal-aċċess
għall-edukazzjoni u l-kura fit-tfulija bikrija. Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir
biex titwettaq bidla fuq skala akbar. L-iktar sfidi serji identifikati minn
qabel mill-Qafas tal-UE jibqgħu rilevanti u jeħtieġu aktar
sforzi kontinwi. Sabiex jinkiseb progress sinifikanti, is-sistemi
tal-edukazzjoni integrata għandhom isiru iktar inklużivi u adattati
aktar għall-ħtiġijiet tal-istudenti Rom. Il-persistenza tas-segregazzjoni tat-tfal Rom fi
skejjel jew klassijiet speċjali[16]
tibqa’ sfida ewlenija, mingħajr soluzzjonijiet sempliċi u ċari.
Id-desegregazzjoni teħtieġ impenn politiku, il-ħin,
il-preparazzjoni bir-reqqa u l-pjanijiet tal-implimentazzjoni, li jqisu
ċ-ċirkostanzi lokali. Il-miżuri li indirettament iwasslu
għas-segregazzjoni għandhom jiġu eliminati sistematikament.
L-Istati Membri l-iktar ikkonċernati (eż. ir-Repubblika Ċeka,
is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Greċja) se
jkollhom jimplimentaw miżuri iktar b’saħħithom biex itemmu u
jreġġgħu lura din is-sitwazzjoni permezz ta’ sistema ta’
edukazzjoni inklużiva integrata, aċċessibbli u ta’ kwalità. L-importanza tal-aċċess
għall-edukazzjoni u l-kura ta’ kwalità fit-tfulija bikrija (ECEC) hija
issa mifruxa u rikonoxxuta. Serje ta’ miżuri leġiżlattivi
(eż. is-snin obbligatorji qabel il-primarja, l-inċentivi tal-flus
kontanti) ġew implimentati wkoll f’diversi Stati Membri. Xi Stati Membri
setgħu jirrapportaw riżultati pożittivi ċari.
Pereżempju, fil-Finlandja, fi żmien għaxar snin,
il-parteċipazzjoni tat-tfal Rom fl-iskola ta’ qabel il-primarja
żdiedet minn 2% għal 60%. L-istess japplika għall-Ungerija, fejn
ir-rata ta’ reġistrazzjoni tat-tfal Rom qabel il-primarja hija għolja
(79%) u x’aktarx li tkompli tittejjeb billi l-liġi l-ġdida dwar
l-edukazzjoni pubblika tbaxxi l-età tal-bidu tal-edukazzjoni obbligatorja
tat-trabi għal 3 snin. Min-naħa l-oħra, f’ċerti Stati
Membri, il-miżuri implimentati għadhom insuffiċjenti (eż.
is-Slovakkja) jew saħansitra ineżistenti (eż. il-Greċja). It-tnaqqis tan-numru tar-Rom li jieqfu mill-iskola
qabel iż-żmien jeħtieġ ukoll sforzi addizzjonali,
inklużi attivitajiet ekstrakurrikulari u kooperazzjoni mill-qrib
mal-familji. Is-sitwazzjoni tat-tfal li jkunu qegħdin f’territorju b’mod
illegali tista’ tkun saħansitra agħar, meta n-nuqqas ta’ dokumenti
uffiċjali meħtieġa, bħall-permess ta’ residenza validu jew
rekords mediċi jistgħu jipprevjenu r-reġistrazzjoni tat-tfal
fl-edukazzjoni primarja. Ir-rapport tal-ombudsman Franċiż[17] indika numru ta’ każijiet fejn l-awtoritajiet lokali fixklu
l-aċċess tat-tfal Rom għall-edukazzjoni primarja għal dawn
ir-raġunijiet. Barra minn hekk, iċ-ċaqliq frekwenti tar-Rom u
l-familji vjaġġaturi wassal għal interruzzjonijiet
fl-edukazzjoni, li wasslu għal nuqqasijiet fit-tagħlim u rati
għoljin ta’ tluq bikri mill-iskola. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tikkonferma li
l-isforzi kontinwi jistgħu jwasslu għal impatt sinifikanti fuq
is-sitwazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni. Pereżempju, fi tliet snin
(2010-2013), proġett Bulgaru edukattiv naqqas in-numru tat-tfal li
abbandunaw l-iskola bi kważi 80%. Hemm aktar prattiki tajbin,
bħall-edukazzjoni matul il-jum kollu fil-Bulgarija u s-Slovakkja jew
attivitajiet wara l-ħin tal-iskola speċifikament għat-tfal
żvantaġġati fl-Ungerija, l-użu ta’ medjaturi fil-Finlandja,
l-inklużjoni tal-kultura Rom fil-kurrikuli fis-Slovakkja u l-Ungerija,
il-provvediment ta’ appoġġ lingwistiku fil-Bulgarja u Franza,
il-provvediment tal-edukazzjoni bilingwi (Romani-Rumen), il-preparazzjoni
tal-għalliema tal-lingwa Romani fir-Rumanija, u t-taħriġ
għall-għalliema fis-Slovakkja, l-Ungerija u l-Bulgarija. Barra minn
hekk, l-estensjoni ta’ proġetti edukattivi għat-tfal li l-familji
tagħhom iċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor huwa
żvilupp pożittiv. Madankollu, il-prattiki eżistenti
għandhom kamp ta’ applikazzjoni limitat u l-isfida ewlenija tagħhom
tibqa’ fl-aġġornament ta’ dawn l-inizjattivi u l-iżgurar ta’
finanzjament fit-tul. Jinħtieġu iktar sforzi fir-rigward
tal-edukazzjoni tal-għalliema u l-introduzzjoni ta’ metodoloġiji ta’
tagħlim inklużiv, li jqisu l-ħtiġijiet ta’ tagħlim
individwali. Użu aktar sistematiku ta’ assistenti u medjaturi
pedagoġiċi Rom u involviment akbar mal-komunitajiet lokali u
l-ġenituri għandhom itejbu l-aċċess tat-tfal Rom għal
edukazzjoni integrata ta’ kwalità. Jeħtieġ li tiġi żgurata
koerenza ta’ politiki integrati bl-għanijiet stabbiliti
fl-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom (eż.
fl-Ungerija). Lil hinn mill-edukazzjoni obbligatorja,
id-differenzi tar-reġistrazzjoni bejn ir-Rom u dawk li mhumiex saru akbar.
Dan huwa partikolarment detrimentali għall-integrazzjoni tar-Rom u
jagħmel differenza fis-suq tax-xogħol billi n-nuqqas ta’ ħiliet
u kwalifiki professjonali jipprevjenu l-adulti Rom milli jaċċessaw
impjiegi ta’ kwalità. Hemm ftit miżuri sistemiċi li
jħeġġu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ
Rom fl-edukazzjoni ulterjuri, jew li jgħinu l-istudenti Rom biex jerġgħu
jintegraw mill-ġdid fis-sistema edukattiva wara li jkunu ħarġu
minnha. Għalkemm il-miżuri tal-Polonja, tal-Finlandja u tal-Isvezja
ġew implimentati biex jiżdied in-numru ta’ studenti li jtemmu
l-edukazzjoni sekondarja u dik ogħla u biex itejbu l-edukazzjoni
vokazzjonali u t-taħriġ tal-adulti Rom, f’ħafna Stati Membri,
miżuri simili huma pjuttost sporadiċi u prinċipalment
jikkonsistu mill-boroż ta’ studju għall-istudenti b’talent. Fil-qasam
taż-żgħażagħ, it-tagħlim mhux formali u dak
informali huma strumenti importanti wkoll biex jiżviluppaw
kapaċitajiet u jżidu l-impjiegi fost
iż-żgħażagħ.[18] Eżempji fil-qasam tal-edukazzjoni Il-Bulgarija u l-Ungerija – Fil-Bulgarija ġew introdotti sentejn obbligatorji qabel il-primarja; fl-Ungerija se tiġi introdotta l-fażi obbligatorja ta’ qabel il-primarja mill-età ta’ tliet snin mis-sena skolastika 2-14-2015. Il-miżura integrata hija promettenti fir-rigward tal-edukazzjoni tat-tfal Rom għall-edukazzjoni primarja, iżda kapaċitajiet suffiċjenti u persunal ta’ kwalità huma kruċjali biex ikun hemm riżultati fit-tul. Id-Danimarka – Il-proġett ‘Hold On Tight Caravan’, amministrat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, huwa ffokat li jġib iktar żgħażagħ minn minoranzi etniċi li jibdew u jlestu programm ta’ Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali. L-inizjattiva hija amministrata fl-iskejjel mill-koordinaturi li jiżguraw approċċ individwali lil kull żagħżugħ fir-riskju li jmur ħażin fl-iskola jew iħalli l-iskola. Il-proġett huwa implimentat fid-Danimarka kollha. Mindu beda dan il-proġett fl-2009, ir-rati globali ta’ tluq mill-iskola u mit-taħriġ naqset minn 20% għal inqas minn 15%, filwaqt li d-distakk mal-istudenti Daniżi etniċi ċkien. Il-kontribuzzjoni tal-FSE għall-‘Hold On Tight Caravan’ kien ta’ €3,214,000 matul l-2009-2013. Ir-Rumanija – Il-programm ta’ azzjoni pożittiva għar-Rom fl-edukazzjoni għolja jkompli. Dawn il-programmi integrati joffru postijiet iddedikati għar-Rom għall-ammissjoni fl-universitajiet pubbliċi (fis-sena akkademika 2010/11 ingħataw 555 post, u 564 post fl-2012/13). L-Isvezja – L-Assoċjazzjoni tal-Edukazzjoni għall-Adulti f’Göteborg (Studieförbundet Vuxenskolan i Göteborg) toffri tagħlim għar-Rom li ma jkunux lestew l-edukazzjoni primarja jew sekondarja. Għalkemm sar progress, b’mod partikolari
fl-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura fit-tfulija bikrija,
għad fadal ħafna xi jsir sabiex jitnaqqas l-iżvantaġġ
edukattiv tar-Rom. Għall-Istati Membri b’popolazzjoni sinifikanti tar-Rom għandha
tingħata prijorità lill-ġlieda kontra s-segregazzjoni, li
tiġġieled għal dawk li jieqfu mill-iskola qabel
iż-żmien u li jsiru sistemi ta’ edukazzjoni integrati iktar
inklużivi. Li tippermetti ż-żgħażagħ Rom biex
jiksbu l-ħiliet u l-kwalifiki kummerċjabbli, għall-inqas
fil-livell sekondarju u li tiżgura t-tagħlim tul il-ħajja
tal-adulti Rom għandha tkun għan ċar ta’ miżuri kemm
integrati kif ukoll dawk b’mira. Barra minn hekk, l-azzjonijiet pożittivi
bl-għan li jżidu l-livell edukattiv tar-Rom għandhom
jinżammu u jitkabbru biex jippermettu ż-żgħażagħ Rom
jiksbu kwalifiki professjonali. 3.2. L-impjieg Biex jingħalaq id-distakk tal-impjieg bejn
ir-Rom u dawk li mhumiex, il-qafas tal-UE jistieden lill-Istati Membri biex
jiżguraw l-aċċess mhux diskriminatorju tar-Rom għas-suq
tax-xogħol miftuħ, impjieg indipendenti u mikrokreditu, u
taħriġ vokazzjonali. L-Istati Membri kienu mħeġġa biex
jiżguraw l-aċċess ugwali effettiv għar-Rom biex jintegraw
servizzi ta’ impjieg pubbliku, flimkien ma’ gwida personalizzata u mmirata u
l-medjazzjoni għar-Rom li qed ifittxu xogħol, u biex jappoġġaw
l-impjieg ta’ impjegati ċivili kkwalifikati Rom. Għalkemm hemm
diversi inizjattivi promettenti fost l-Istati Membri, l-impatt mistenni
għadu ma ntlaħaqx. Titjib viżibbli fil-parteċipazzjoni u
l-kisba edukattiva naqsu milli jissarrfu fit-titjib tal-prospetti tal-impjieg
fost ir-Rom[19].
F’xi każijiet, il-qagħda tal-impjieg tar-Rom iddeterjorat iktar,
għalkemm din hija parzjalment minħabba ż-żieda
ġenerali ta’ qgħad f’diversi Stati membri tal-UE matul
l-aħħar ftit snin. F’dan il-kuntest, ir-Rom, u sa ċertu punt
l-aktar in-nisa Rom[20], ġew partikolarment affettwati billi ħafna drabi ma
jkollhomx il-ħiliet u l-kwalifiki kummerċjabbli. Barra minn hekk,
l-opportunitajiet għar-Rom fis-suq tax-xogħol huma limitati minn
diskriminazzjoni diretta u indiretta[21].
L-avvanz f’din is-sitwazzjoni ta’ sfida teħtieġ azzjoni ddeterminata
u investiment fil-kapital uman mill-Istati Membri, bħall-miżuri li
jiżguraw aċċess ugwali għas-servizzi soċjali, u li
jipprovdu gwida u skemi tal-impjieg ippersonalizzati. Il-potenzjal
għall-ħolqien tax-xogħol għar-Rom permezz ta’ impjieg
indipendenti, intraprenditorija (soċjali), u bl-użu ta’ strumenti
finanzjarji innovattivi bilkemm ġew sfruttati. L-innovazzjoni soċjali
għandha tiġi rinforzata billi jiġu ttestjati
l-approċċi ta’ politika ġodda u l-aġġornament ta’
inizjattivi ta’ suċċess, permezz tal-bini tal-kooperazzjoni bejn
atturi differenti f’livelli lokali u reġjonali. Jistgħu jittieħdu tagħlimiet minn
proġetti ta’ suċċess bħal, pereżempju, biex insemmu
biss ftit, il-pjattaforma ta’ informazzjoni Thara fl-Awstrija,
il-proġett pilota li jistimula l-attivazzjonijiet soċjali u
professjonali fil-Belġju, iċ-Ċentri għall-Iżvilupp
tal-Komunità biex jiġu eliminati l-ostakli għas-suq tax-xogħol
fil-Bulgarija jew il-pjanijiet ta’ azzjoni integrata tan-Nordrhein-Westfalen u
ta’ Berlin. Madankollu, dawn il-proġetti huma mibdija l-iktar minn
awtoritajiet reġjonali u lokali u huma implimentati mill-NGOs,
għalhekk ir-riżultat tagħhom huwa limitat għal territorju
mogħti u s-sostenibbiltà tagħhom tibqa’ inċerta. Il-valutazzjoni turi li
għad hemm biss ftit miżuri sistematiċi stabbiliti f’livell
nazzjonali, għalkemm hemm xi eżempji tajbin: Il-kunsilliera
tal-impjieg Rom taħt il-Ministeru tal-Impjieg fil-Finlandja,
ir-riallokazzjoni tar-riżorsi għall-programm Spanjol Acceder,
jew proġetti pilota f’xi wħud mill-muniċipalitajiet
fir-Repubblika Ċeka li jintroduċu l-konsiderazzjonijiet soċjali
fl-akkwist pubbliku. Eżempji fil-qasam tal-impjieg Il-Bulgarija – Iċ-Ċentri għall-Iżvilupp tal-Komunità (CDC) għandhom l-għan li jagħtu s-setgħa u jippromwovu l-impjieg għaż-żgħażagħ u n-nisa fil-komunitajiet tar-Rom marġinalizzati. L-inizjattiva ġiet implimentata miċ-Ċentru AMALIPE għad-Djalogu u t-Tolleranza Interetniċi bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea sa mill-2011. Iċ-Ċentri għall-Iżvilupp tal-Komunità ġew stabbiliti fi 11-il muniċipalità. Franza (Lyon) – Il-proġett Andatu b’diversi msieħba mmobilizza l-involviment nazzjonali, ċivili u lokali kif ukoll il-finanzjament tal-UE u jikkombina t-taħriġ, l-aċċess għall-impjieg u d-djar. Billi l-programm jimmira lejn ċittadini mobbli tal-UE, jiġu offruti korsijiet tal-lingwa Franċiża. Il-programm jiffinanzja wkoll taħriġ qasir professjonali u jipprovdi appoġġ individwalizzat. Il-Fond Soċjali Ewropew appoġġa t-tnedija tal-programm bi EUR 350,000. Bħalissa jilħaq it-73 benefiċjarju, l-intervent huwa ppjanat li jiġi estiż għal 400 parteċipant li jirrikjedi baġit totali ta’ EUR 1.2 miljun. L-Ungerija – il-programm integrat tas-Servizz għall-Impjieg Pubbliku bil-għan li jtejjeb il-kapaċità għall-impjieg ta’ dawk żvantaġġati jimmira lejn diversi sottogruppi fost in-nies qiegħda rreġistrati, bil-prijorità tar-Rom bħala wieħed mill-gruppi fil-mira. Il-programm jipprovdi taħlita personalizzata tas-sussidji u s-servizzi, bħall-konsulenza fis-suq tax-xogħol, il-mentoring, it-taħriġ vokazzjonali u s-sussidji tal-paga li jimmiraw lejn ir-riintegrazzjoni tas-suq miftuħ tax-xogħol. Skont l-evalwazzjoni esterna mill-esperti, il-probabbiltà tal-impjieg se tiżdied b’40% wara li jiġi segwit dan il-programm. Minkejja s-suċċess ta’ diversi
miżuri, l-ebda impatt mifrux tanġibbli għadu ma nkiseb fuq dan.
Biex jingħalaq id-distakk fl-impjieg bejn ir-Rom u dawk li mhumiex, jinħtieġ
li l-Istati Membri jimmiraw simultanjament lejn kemm il-provvista u kemm
id-domanda tas-suq tax-xogħol. Fir-rigward tal-provvista, il-livelli baxxi
ta’ ħiliet ta’ persuni Rom li qed ifittxu impjieg iridu jiġu
indirizzati b’konsulenza u taħriġ vokazzjonali, li jikkombinaw il-miżuri
mmirati u l-aċċess effettiv għall-integrazzjoni tas-servizzi
tal-impjieg. Fir-rigward tad-domanda, jinħtieġu miżuri biex
jagħtu inċentivi lill-impjegati, bħas-sussidji
għar-reklutaġġ, il-prova tax-xogħol u l-iskemi
tal-apprendistat. Mizuri oħrajn jistgħu jinkludu l-mira tar-Rom taħt
l-iskemi ta’ garanzija għaż-żgħażagħ,
l-introduzzjoni tal-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist pubbliku,
il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u
l-impjieg tar-Rom fis-servizz ċivili lokali u nazzjonali, b’tali mod li ma
tinħoloqx sistema parallela tax-xogħol. L-użu
tal-potenzjal tal-ekonomija soċjai u l-innovazzjoni soċjali tista’
tippromwovi d-dħul (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol. 3.3. Is-saħħa Biex jitnaqqas id-distakk tas-saħħa bejn
ir-Rom u l-bqija tal-popolazzjoni, il-Qafas tal-UE jappella lill-Istati Membri
biex jipprovdu aċċess għall-kwalità tal-kura tas-saħħa
speċjalment għan-nisa u t-tfal, u l-kura preventiva u s-servizzi
soċjali f’livell simili u bl-istess kundizzjonijiet bħall-bqija
tal-popolazzjoni. Il-kundizzjoni ħażina
tas-saħħa tar-Rom hija marbuta ħafna mal-fatturi soċjali,
ekonomiċi u ambjentali. Persuni f’sitwazzjonijiet vulenerabbli spiss
ikollhom problemi ta’ navigazzjoni fis-sistema tas-saħħa u
fl-artikolazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom. L-ostakli jinkludu
aċċessibbiltà fqira tas-servizzi tas-saħħa f’termini ta’
distanza (eż. ż-żoni remoti fejn jistabbilixxu ruħhom ir-Rom
jew ir-Rom mingħajr komunità), in-nuqqas ta’ aċċess
minħabba diffikultajiet finanzjarji (affordabbiltà tal-mediċini),
in-nuqqas tar-reġistrazzjoni mal-awtoritajiet lokali, in-nuqqas ta’
għarfien speċjalment dwar is-servizzi preventivi, id-differenzi
kulturali u d-diskriminazzjoni. In-nuqqas ta’ kopertura tas-saħħa
ħafna drabi tfisser ukoll in-nuqqas ta’ tilqim għat-tfal, li
mbagħad jista’ jipprevenihom milli jiġu aċċettati
mill-iskejjel u l-iskejjel għat-trabi. Ftit mill-Istati Membri pprovdew informazzjoni li
tippermetti l-paragun tas-saħħa tar-Rom mal-popolazzjoni
ġenerali. Filwaqt li hemm numru ta’ raġunijiet għal dan, huwa
madankollu essenzjali li l-Istati Membri rilevanti kollha jistgħu
jimmonitorjaw is-saħħa tal-popolazzjoni Rom. Eżempju tajjeb huwa
l-istħarriġ tas-saħħa u l-benesseri li l-Finlandja se
tiżviluppa. L-informazzjoni disponibbli turi differenzi sinifikanti
kbar fost l-Istati Membri kemm f’termini ta’ punti tat-tluq[22] u l-progress.
L-iżgurar tal-kopertura bażika tas-saħħa għadha sfida
f’xi wħud mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-Bulgarija,
fir-Rumanija kif ukoll fil-Greċja. Biż-żieda fil-qgħad f’dawn
il-pajjiżi, żdied ukoll in-numru tal-familji li m’għandhomx
kopertura tas-saħħa. L-impatt tat-tnaqqis baġitarju,
ir-ristrutturar u l-kanċellazzjoni tas-servizzi fil–politika
tas-saħħa ġenerali f’xi wħud mill-Istati Membri kellhom
konsegwenzi ulterjuri fuq gruppi vulnerabbli, inklużi r-Rom. Fi Franza,
il-gvern ikkommetta ruħu li jnaqqas l-ostakli finanzjarji
għall-aċċess tal-kura tas-saħħa għal dawk l-iktar
vulnerabbli. Rapporti minn diversi Stati Membri juru sforzi
sinifikanti fil-ġlieda kontra l-mard li jittieħed fost ir-Rom.
Filwaqt li l-progress f’dan il-qasam jintlaqa’ tajjeb, hemm bżonn ukoll ta’
iktar attenzjoni dwar il-prevenzjoni u t-trattament tal-mard mhux komunikabbli
u dwar il-kampanji tas-saħħa ġenerali b'fokus fuq il-promozzjoni
ta' stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa. Barra minn hekk,
miżuri ta’ suċċess iridu jiġu sistematizzati. Li tħarreġ lill-professjonisti
tas-saħħa (eż. fir-Repubblika Ċeka) u tinvolvi l-medjaturi
tas-saħħa Rom huwa mod wieħed biex tindirizza l-aċċess
għas-servizzi tal-kura tas-saħħa għall-popolazzjoni Rom.
Diversi Stati Membri (eż. ir-Rumanija, Spanja) investew b’suċċess
fil-medjaturi Rom - madankollu f’ħafna każi, hemm bżonn li jimxu
minn finanzjament temporanju għal wieħed integrat u jiżguraw
rikonoxximent professjonali adegwat. Fl-2013, il-Kummissjoni nediet inizjattiva
biex tiżviluppa pakketti ta’ taħriġ għall-professjonisti
tas-saħħa għall-immigranti u l-minoranzi etniċi,
inklużi r-Rom. Eżempji fil-qasam tas-saħħa Ir-Repubblika Ċeka – Korsijiet tal-komunikazzjoni li jiffukaw fuq ambjent soċjokulturali speċifiku ta’ pazjent huwa obbligatorju fil-kurrikuli tal-mediċina, id-dentistrija u l-farmaċewtika. Persunal mediku ieħor huwa mħarreġ ukoll permezz ta’ programmi Professjonali (Interpersonální dovednosti specialisty) u Edukattivi (Edukace) ta’ Ħiliet Interpersonali. L-Ungerija – Qed jiġi żviluppat taħriġ għal dawk li jaħdmu fis-servizzi tal-kura tas-saħħa bażika: fl-2013, 250 viżitatur tas-saħħa ħadu sehem fil-korsijiet ta’ taħriġ, u xi 4830 speċjalist huma mistennija li jitħarrġu permezz tagħhom fl-ewwel nofs tal-2014. Franza – F’Jannar 2013, il-gvern involva ruħu biex jirreaġixxi għall-inugwaljanzi tas-saħħa li qed jikbru fid-dawl tal-kriżi u biex inaqqas l-ostakli finanzjarji għall-aċċess għall-kura tas-saħħa. Ir-Rumanija – Kampanji ta' sensibilizzazzjoni u bdil fl-imġiba b'fokus fuq is-saħħa tal-poplu Rom huma operati permezz ta' programm ta' medjazzjoni tal-kura tas-saħħa. Spanja – Medjaturi tas-saħħa wrew li jikkontribwixxu għat-titjib tas-saħħa tal-poplu Rom fi Spanja. L-eżempju ta' Navarra li ilu jaħdem snin twal intgħażel bħala prattika tajba mid-WHO[23] Wara l-analiżi tal-miżuri
tas-saħħa, jista’ jiġi konkluż li l-kura
tas-saħħa u l-kopertura bażika għas-sigurtà soċjali
għadha mhijiex estiża għal kulħadd. L-investiment fil-kura
tas-saħħa adegwata u miżuri preventivi għar-Rom kollha, b’mod
partikolari għat-tfal, huwa essenzjali billi jipprevjeni problemi
ulterjuri ta’ saħħa fit-tul. Inizjattivi promettenti għandhom
jiġu estiżi u mmultiplikati biex jagħmlu impatt reali fuq dan. 3.4. Id-djar Biex jingħalaq id-distakk bejn ir-Rom u dawk
li mhumiex, il-Qafas tal-UE jsejjaħ lill-Istati Membri biex jippromwovu
l-aċċess mhux diskriminatorju għad-djar, inklużi d-djar
soċjali u l-utilitajiet pubbliċi (bħall-ilma, l-elettriku u
l-gass)[24].
Barra minn hekk, il-Qafas tal-UE enfasizza l-bżonn li jindirizza
l-kwistjoni tad-djar bħala parti mill-approċċ integrat
għall-inklużjoni soċjali u d-desegregazzjoni. Spiss, l-interventi għad-djar kienu l-iktar
elementi dgħajfa fl-istrateġiji nazzjonali . In-nuqqas tal-progress
huwa l-iktar minħabba: żoni griżi li jikkonċernaw
il-leġiżlazzjoni tad-djar eżistenti u tas-siti għall-waqfa,
kif jidher mill-kawżi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem[25]; in-nuqqas li
jiġi stabbilit djalogu reali kemm mal-komunitajiet lokali Rom u dawk
integrati (eż. fil-Bulgarija); l-iskarsezza tal-fondi nazzjonali
pubbliċi u l-ftit użu tal-fondi disponibbli tal-UE minkejja l-gwida
tal-Kummissjoni[26]; il-bżonn li jiżviluppaw iktar is-settur tad-djar
soċjali f’diversi Stati Membri. Wieħed mill-ostakli ewlenin li
jiltaqgħu magħhom fl-użu tal-finanzjament tal-FEŻR kien
id-disinn tal-proġetti integrati dwar id-djar. Minkejja dan il-kuntest ta’ sfida, hemm ukoll
prattiki promettenti. Bl-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp
Reġjonali (FEŻR) inbnew postijiet temporanji ta’ kwalità
bl-involviment tal-komunità Rom fi Franza. Fil-Ġermanja, proġetti
tad-djar jinkludu wkoll miżuri li jippromwovu l-integrazzjoni tal-familji Rom
fil-viċinat. Fil-Belġju, il-medjaturi jaħsbu biex jiksbu
l-fiduċja kemm tar-Rom kif ukoll ta’ dawk li mhumiex għall-interventi
aċċettabbli għad-djar. Fl-Ungerija, il-bliet huma mitluba
jippreparaw pjan ta’ desegregazzjoni bħala parti mill-istrateġiji
tal-iżvilupp. Eżempji fil-qasam tad-djar Il-Belġju – F’Jannar 2013, 38 medjatur/persuna pont (jiġifieri medjaturi interkulturali), rappreżentanti tal-viċinat, mexxejja tal-proġetti, u konsulenti ħadmu fir-Reġjun tal-Kapital ta’ Brussell u r-Reġjun tal-Fjandri (impjegati miċ-Ċentri Pubbliċi għall-Ħarsien Soċjali, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni, l-Aġenzija tal-Impjieg, il-Pulizija, is-Servizzi tal-Integrazzjoni jew l-NGOs lokali) biex jiksbu l-appoġġ kemm tar-Rom kif ukoll ta’ dawk li mhumiex għall-interventi tad-djar. Il-Ġermanja – F'Kiel, il-proġett tad-djar ‘Maro Temm e.G.’ jgħin lis-Sinti u r-Rom ta’ kull ġenerazzjoni biex jgħixu flimkien u jippreservaw il-kultura u l-lingwa tagħhom (Romani) mingħajr ma jiġu segregati. Attivitajiet ulterjuri bħall-għajnuna fix-xogħol tad-dar, attivitajiet ta’ divertiment u ċelebrazzjonijiet kulturali żgħar huma offruti. F’Berlin, il-proġett "Task Force Okerstraße" għandu l-għan li jiżgura li r-Rom ikunu aċċettati bħala ġirien u jiġu integrati fil-komunità. Il-familji Rom jiġu mogħtija pariri, megħjuna fir-relazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet u assistiti fit-tilwim mas-sidien tagħhom. Madankollu, tiġi offruta l-kura lit-tfal, u ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa biex jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ divertiment. L-Ungerija – Il-bliet huma mitluba jippreparaw l-hekk imsejjaħ Pjan Lokali għall-Opportunitajiet Ugwali (Desegregazzjoni) bħala parti mill-Istrateġiji integrati għall-Iżvilupp Urban. Pjan ta’ Desegregazzjoni jidentifika interventi sistemiċi (rilevanti għall-belt kollha) biex iwaqqaf jew inaqqas is-segregazzjoni. Il-Pjanijiet Lokali għall-Opportunitajiet Ugwali saru rekwiżit statutorju għall-gvernijiet lokali skont l-Att dwar l-Opportunitajiet Ugwali. Il-fondi tal-FEŻR jappoġġaw il-proġetti integrati tad-djar għar-Rom u komunitajiet marġinalizzati oħrajn. Bħal f’oqsma oħrajn, il-proġetti
fuq skala żgħira joffru tagħlimiet utli ta’ politika iżda
jridu jiġu estiżi biex jilħqu r-riżultati mistennija. Biex
jintlaħaq progress tanġibbli u sostenibbli fis-settur tad-djar,
l-Istati Membri għandhom jindirizzaw b’iktar effiċjenza l-ostakli
identifikati hawn fuq. F’xi Stati Membri, il-leġiżlazzjoni hija
meħtieġa biex tikkjarifika l-istatus legali ta’ djar eżistenti.
Barra minn hekk, l-interventi regolari tal-ippjanar urban biex jeliminaw u
jipprevjenu l-formazzjoni tal-ghettos fil-bliet għandhom jiġu appoġġati
mill-gvernijiet nazzjonali, filwaqt li r-riskju sproporzjonat
tal-esklużjoni soċjali fiż-żoni rurali jirrikjedi sforzi
iktar b’saħħithom. Sabiex il-proġetti kollha jirnexxu,
l-involviment kemm tar-Rom kif ukoll ta’ dawk li mhumiex huwa essenzjali.
Minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi pubbliċi, speċjalment
billi d-djar huma kompetenza tal-muniċipalitajiet f’ħafna Stati
Membri, għandu jsir użu aħjar mill-fondi disponibbli
mill-FEŻR. 3.5. Il-ġlieda
kontra d-diskriminazzjoni b’mod konvinċenti Il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni huwa
wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-Unjoni Ewropea tagħna.
Tlettax-il sena wara l-adozzjoni tad-direttivi importanti tal-UE kontra
d-diskriminazzjoni fl-2000, id-diskriminazzjoni kontra r-Rom għadha
mifruxa[27].
M’hemmx post għal dan fl-Unjoni Ewropea. Ħafna drabi, is-sitwazzjoni
tan-nisa Rom[28]
hija agħar minn dik tal-irġiel Rom, minħabba t-tendenza li
jħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni multipla. Is-sitwazzjoni
tat-tfal Rom ħafna drabi tqajjem tħassib addizzjonali[29]. Problemi speċifiċi tar-Rom ġeneralment
mhumiex minħabba lakuni fil-leġiżlazzjoni, iżda aktar
minħabba l-implimentazzjoni tagħha. Sabiex tissaħħaħ
il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-leġiżlazzjoni
għandha tiġi kkombinata mal-miżuri finanzjarji u ta’ politika.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (l-artikoli 2.1 sa 2.5) tipproponi miżuri
speċifiċi ulterjuri lill-Istati Membri, inkluż l-azzjoni
pożittiva biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni. Din
ir-Rakkomandazzjoni għandha timmarka l-bidu ta' sforzi politiċi iktar
b’saħħithom mill-Istati Membri kollha biex tintemm
id-diskriminazzjoni kontra r-Rom u tiżgura l-kwalità fil-prattika.
Ir-rapporti ta’ progress li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni
tal-istrateġiji ta’ integrazzjoni nazzjonali tar-Rom se jistudjaw
bir-reqqa l-oqsma enfasizzati fir-Rakkomandazzjoni. Ir-rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar
l-applikazzjoni tad-direttivi dwar l-Ugwaljanza jikkonfermaw li l-Istati Membri
għandhom jagħmlu użu aħjar tal-possibbiltà li jadottaw
miżuri jew jikkompensaw għall-iżvantaġġi (azzjoni
pożittiva). Dawn il-miżuri jistgħu jiġġieldu b’mod
utli d-diskriminazzjoni kontra r-Rom. L-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin jista’
jgħin ukoll biex tissolva l-problema tad-diskriminazzjoni u
l-esklużjoni soċjali tar-Rom. In-nisa u t-tfal l-iktar li
qegħdin f'riskju li jsiru vittmi. Tinħtieġ attenzjoni ugwali
fil-prevenzjoni tat-traffikar, fil-protezzjoni, l-assistenza u
l-appoġġ tal-vittmi, u biex jiġi involut kull min jista’
jgħin biex tiġi indirizzata din il-problema: l-ispetturi
tas-saħħa, il-pulizija, l-esperti tal-edukazzjoni u l-professjonisti
legali. L-Istrateġija tal-UE lejn l-Eliminazzjoni tat-Traffikar
tal-Bnedmin 2012-2016, għenet lill-Istati Membri jħarsu l-obbligi
tagħhom skont id-Direttiva 2011/36/UE kontra t-traffikar. Ħafna Stati Membri
ħadu inizjattivi biex iqajmu għarfien dwar il-kultura u l-istorja
Rom; b’mod partikolari, fi snin reċenti, għadd minnhom li qed
jiżdied organizzaw attivitajiet biex ifakkru l-Olokawst tar-Rom.
Fl-aħħar nett, għandhom jittieħdu miżuri effettivi
biex jiġi miġġieled id-diskors retoriku u ta’ mibegħda
fl-Istati Membri kollha. F’xi Stati Membri, il-korpi għall-promozzjoni
tat-trattament ugwali kellhom rwol attiv partikolari biex iqajmu għarfien,
jirrapportaw jew imexxu ’l quddiem każijiet tal-vittmi
tad-diskriminazzjoni Rom (eż. il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka,
il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja,
ir-Rumanija, Spanja u l-Isvezja). Kif propost fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill
dwar il-miżuri effettivi ta’ integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri,
ix-xogħol u l-kapaċità istituzzjonali tal-korpi
għall-promozzjoni tat-trattament ugwali għandhom jiġu
msaħħa, u d-djalogu regolari bejn il-Punti ta’ Kuntatti Nazzjonali Rom
u dawn il-Korpi għandhom jitkomplew, kif diġà nbdew mill-Kummissjoni.
Barra minn hekk, f’diversi Stati Membri,
l-għodod effettivi jridu jiġu żviluppati biex jagħtu
s-setgħa lir-Rom. Eżempju fil-qasam ta’ kontra d-diskriminazzjoni Is-Slovakkja – L-emenda tal-Att kontra d-Diskriminazzjoni introduċiet miżuri temporanji ta’ rikonoxximent (azzjoni pożittiva) li tista’ tiġi adottata għal raġunijiet ta’ etniċità fl-oqsma kollha protetti mill-Att, jiġifieri l-impjieg, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, is-sigurtà soċjali u l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi. Hemm in-nuqqasijiet fl-Istati Membri kważi
kollha meta jiġu għall-ġlieda effettiva kontra
d-diskriminazzjoni. Din m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala
politika indipendenti, iżda għandha tiġi integrata fil-politiki
kollha. Għandha tingħata attenzjoni addizzjonali lill-komunikazzjoni
pubblika li tista’ tippromwovi l-benefiċċji tad-diversità u biex din
tiġi aċċettata fis-soċjetà. Barra minn hekk, l-Istati
Membri jridu juru tmexxija politika ċara u jiżguraw li l-ebda
manifestazzjoni ta’ razziżmu mhi se tiġi tollerata fit-territorji
tagħhom. 3.6. L-iżgurar
ta’ appoġġ finanzjarju għal politiki sostenibbli L-integrazzjoni tar-Rom hija sfida fit-tul.
Il-politiki u l-miżuri bil-għan tal-integrazzjoni tar-Rom iridu jkunu
sostenibbli fit-tul. Il-Qafas tal-UE jistieden lill-Istati Membri biex jallokaw
finanzjament suffiċjenti mill-baġits nazzjonali, u biex jagħmlu
użu tajjeb mill-finanzjament internazzjonali u tal-UE. Fis-snin reċenti, il-volum tal-fondi li
l-Istati Membri jimmiraw lejn l-integrazzjoni tar-Rom żdied b’mod
sinifikanti. Filwaqt li m’hemmx dubju dwar il-progress f’termini ta’ impenn u
ppjanar, jibqa’ jkun hemm il-problemi fl-implimentazzjoni. Il-pajjiżi b’popolazzjoni
kbira tar-Rom għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi kbar
fl-użu tal-fondi tal-UE. Il-gravità tal-problemi fl-oqsma tal-politika
unika u l-interdipendenzi tagħhom titlob approċċ integrat, li
jikkombina investimenti fl-impjieg, fl-edukazzjoni, fil-kura
tas-saħħa, u fid-djar, permezz ta’ fondi differenti. Fil-perjodu bejn l-2007-2013, l-użu potenzjali
tal-fondi tal-UE għadu ma ġiex eżawrit b’mod sħiħ biex
jappoġġa l-integrazzjoni tar-Rom. Ir-raġunijiet huma varji:
id-diffikultajiet biex jinstab kofinanzjament nazzjonali u biex jiġu
kkombinati l-fondi, l-istrutturi amministrattivi kumplessi żżejjed,
in-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva u ta’ kompetenza, l-użu
insuffiċjenti tal-assistenza teknika għall-użu tal-fondi tal-UE,
u l-kooperazzjoni fqira bejn l-awtoritajiet u r-Rom. Għalkemm l-adozzjoni
tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom hija pass kbir
fil-provvediment tal-qafas għall-inklużjoni tar-Rom, l-esperjenza
turi li l-allinjament bejn il-politiki ġenerali u speċifiċi tar-Rom
u l-finanzjament għandu jiġi mtejjeb aktar, il-bini fuq
monitoraġġ aħjar tar-riżultati u l-impatt fuq l-interventi
ffinanzjati mill-UE. Fejn hu rilevanti, dan l-approċċ integrat jista’
jiġi msaħħaħ iktar billi jiġi introdott
approċċ territorjali, li jiffoka fuq l-iktar mikroreġjuni
żvantaġġati. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni
tal-2014-2020, sar sforz biex jiġu indirizzati dawn id-defiċjenzi,
billi jiġi żgurat li sehem xieraq tal-baġit tal-politika ta’
koeżjoni jkun allokat għall-investiment fil-kapital uman, l-impjieg u
l-inklużjoni soċjali. Għall-perjodu tal-2014-2020, EUR 343
biljun ġew allokati lill-Istati Membri mill-Fondi Strutturali u ta’
Koeżjoni. Mill-inqas EUR 80 biljun minn dawn se jiġu
allokati għall-investiment fil-kapital uman, l-impjieg u l-inklużjoni
soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Ġie
deċiż li f’kull pajjiż, mill-inqas 20% (meta mqabbel mas-sehem
attwali ta’ madwar 17%) tal-FSE jrid jiġi allokat għall-ġlieda
kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar, jiġifieri madwar EUR
16-il biljun. Ġiet stabbilita prijorità ta’ investiment speċifiku
għall-integrazzjoni tal-komunitajiet marġinalizzati bħar-Rom.
Persuni żvantaġġati, inklużi r-Rom, se jibbenefikaw ukoll
minn miżuri ffinanzjati skont il-prijoritajiet ta’ investiment tal-FSE li
jimmiraw lejn l-edukazzjoni bikrija ta’ kwalità għat-tfal, it-tnaqqis u
l-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola, il-promozzjoni tal-aċċess
għall-impjieg u t-tisħiħ tal-impjieg
taż-żgħażagħ permezz ta’ garanzija
taż-żgħażagħ. Biex jiżguraw li l-FSE jilħaq
l-benefiċjarji fil-mira, huwa meħtieġ li l-oqfsa istituzzjonali
u regolatorji jkunu diġà fis-seħħ. L-Istati Membri jistgħu
jtejbu l-kwalità ta’ kif jużaw dawn il-fondi tal-UE billi jiskambjaw
l-aħjar prattiki, permezz ta’ djalogu permanenti mal-partijiet
interessati, l-evalwazzjonijiet u l-osservazzjonijiet minn studji
akkademiċi. Fir-rigward tal-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) il-prijorità ta’
investiment taħt l-objettiv tematiku tal-promozzjoni tal-inklużjoni
soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kull diskriminazzjoni,
jippermetti r-riġenerazzjoni tal-appoġġ fiżiku, ekonomiku u
soċjali tal-komunitajiet deprivati fiż-żoni rurali u urbani. Dan
jista’ jiġi użat biex jitkompla t-tip ta’ skemi integrati tad-djar
għall-benefiċċju tal-komunitajiet marġinalizzati,
inklużi r-Rom, li bdew mill-finanzjament tal-FEŻR fil-perjodu
2007-2013. Prijoritajiet oħrajn ta’ investiment bħal fil-qasam
tal-infrastruttura tal-edukazzjoni, tas-saħħa u dik soċjali
jistgħu jappoġġaw l-investimenti fil-hardware biex jimplimentaw
l-għanijiet ta’ integrazzjoni tar-Rom, inkluż l-involviment tar-Rom fl-azzjonijiet
integrati. L-appoġġ tal-FEŻR għall-bliet li jindirizzaw
sfidi soċjali u demografiċi bħala parti mill-istrateġiji
sostenibbli integrati tal-iżvilupp urban jista’ jkun rilevanti wkoll. Bħala parti mill-mekkaniżmu ta’
kondizzjonalità ex-ante għall-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020,
il-qafas nazzjonali tal-inklużjoni tar-Rom irid ikun stabbilit meta
l-fondi jkunu pprogrammati għall-integrazzjoni tar-Rom. Dan jistabbilixxi
rabta diretta bejn il-qafas ta’ politika tal-UE u l-finanzjament u għandu
l-għan li jimmassimizza l-effettività tal-finanzjament. Fin-negozjati mal-Istati Membri dwar il-Ftehim ta’
Sħubija, il-Kummissjoni tiżgura li l-isfidi
għall-inklużjoni tar-Rom identifikata fis-Semestru Ewropew huma
adegwatament riflessi fil-prijoritajiet ta’ finanzjament tal-programmi futuri.
Barra minn hekk, biex jittejbu l-kompetenzi u l-kapaċitajiet
amministrattivi, l-Istati Membri jistgħu jużaw għotjiet globali
biex jafdaw il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ xi partijiet
tal-programmi tagħhom mal-korpi intermedjarji b’esperjenza ppruvata u
t-tagħrif dwar dan[30].
F’bosta Stati Membri, parti kbira tal-komunitajiet
Rom marġinalizzati jgħixu f’zoni rurali. Huwa għalhekk li
l-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri dwar il-possibiltajiet eżistenti
biex jappoġġaw l-integrazzjoni tal-gruppi żvantaġġati,
inkluż ir-Rom, skont il-politika tal-iżvilupp rurali mill-Fond
Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Fi ħdan
il-qafas tad-djalogu informali dwar il-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi
għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, is-servizzi tal-Kummissjoni
staqsew lill-Istati Membri l-iktar ikkonċernati biex iqajmu l-Punti ta’
Kuntatti Nazzjonali Rom tagħhom fid-diskussjoni[31]. Barra minn hekk, il-possibilitajiet ta’
finanzjament tal-programm Erasmus+ għandhom jiġu eżawriti b’mod
sħiħ[32]. Is-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka
u l-Iżvilupp[33]
jipprovdi wkoll opportunitajiet ulterjuri biex jissaħħu l-politiki
koerenti u kosteffiċjenti f’dan il-qasam. Il-Bulgarija –
Il-muniċipalità ta’ Kavarna huwa eżempju ta’ investiment
fl-integrazzjoni tal-Istrateġiji tal-Iżvilupp Lokali.
Il-muniċipalità ta’ Kavarna investiet fi żvilupp tal-infrastruttura,
tejbet l-aċċess tat-tfal Rom għall-edukazzjoni bikrija u l-kura
ta’ kwalità, l-edukazzjoni tas-saħħa u l-kooperazzjoni ma’ bliet
oħrajn u impjegati privati li jippromwovu l-impjieg Rom.
Id-diversifikazzjoni tar-riżorsi, miżuri sistematiċi u l-impenn
politiku qawwi tat-tmexxija muniċipali kkontribwew għall-kisba ta’
riżultati fl-oqsma kollha tal-politika (li jvarjaw minn kwalità mtejba
tas-servizzi pubbliċi, il-kisba mtejba tal-iskola, it-tnaqqis tar-rata
tal-mortalità u ż-żieda fl-impjiegi tar-Rom kemm fis-settur privat kif
ukoll f’dak pubbliku). Il-Fondi Ewropej għall-Istruttura u l-Investiment
għenu wkoll biex jiżguraw is-sostenibbiltà tar-riżultati billi
jipprovdu EUR 3.1 miljun għall-investimenti fl-infrastruttura fiżika
u l-kapital uman. Spanja – Fi
ħdan il-Programm Operattiv tal-FSE dwar il-Ġlieda kontra
d-Diskriminazzjoni, l-organizazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ Fundación
Secretariado Gitano kellha r-rwol prinċipali fl-integrazzjoni
soċjali u tax-xogħol tal-persuni Rom bħala korp intermedju
tal-programm. L-implimentazzjoni permezz tal-organizzazjoni mhux governattiva
bħala korp intermedju wriet li hija kruċjali għall-ġestjoni
effiċjenti u effettiva tal-finanzjament tal-UE, l-isħubiji b’saħħithom,
operazzjonali u fit-tul stabbiliti mal-kumpaniji privati, il-flessibbiltà u
l-adattazzjoni tal-programm għall-bżonnijiet soċjali ġodda
u l-proġetti ta’ innovazzjoni soċjali u l-implimentazzjoni.
Fir-rigward tal-PO kollu, in-numru ta’ ftehimiet mal-entitajiet u
l-organizzazzjonijiet kiber għal 1400 ftehim attiv, inkluż in-negozji
b’domanda għall-impjegati (71%), l-amministrazzjonijiet pubbliċi
(20%) u l-entitajiet tat-Tielet Settur (9%). Suċċess dejjiemi jinkiseb biss meta
l-investimenti fl-edukazzjoni jkunu akkompanjati mill-investimenti fl-impjieg u
d-djar, bil-Komunitajiet Rom bħala mira espliċita iżda mhux
esklussiva. It-tħaddin tal-approċċ multisettorjali, ta’ diversi
partijiet interessati u l-approċċ ta’ fondi multipli (li huwa
ffaċilitat bil-ġenerazzjoni l-ġdida tal-Fondi tal-UE) huwa
ewlieni għall-inklużjoni tar-Rom. Fl-istess ħin, biex jiġu
indirizzati l-bżonnijiet lokali u jinbnew il-kapaċitajiet ta’ NGOs
żgħar, iridu jiġu żgurati opportunitajiet ta’ finanzjament
mhux kompetittivi għal proġetti lokali żgħar. Għotjiet
globali għandhom jiġu promossi, speċjalment f’dawk l-Istati
Membri b’iktar kapaċitajiet amministrattivi limitati. Fil-kuntatti
tagħha mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi
lill-awtoritajiet lokali u r-rappreżentanti tar-Rom biex jaħdmu
flimkien mill-bidu fuq l-istrateġiji tal-inklużjoni lokali. 4. Pajjiżi
tat-tkabbir Hemm madwar 10-12-il miljun Rom fl-Ewropa, li
minnhon xi 4 miljuni jinsabu fit-Turkija u 1 miljun fil-Balkani tal-Punent. Ir-Rom
huma ħafna drabi vittmi tar-razziżmu, id-diskriminazzjoni u
l-esklużjoni soċjali u jgħixu f’faqar kbir, mingħajr
aċċess suffiċjenti għall-kura tas-saħħa,
l-edukazzjoni u t-taħriġ, id-djar u l-impjiegi. Il-pajjiżi ta’
tkabbir għalhekk jeħtiġilhom ikattru l-isforzi tagħhom biex
jintegraw iktar mal-popolazzjoni Rom tagħhom, inklużi
r-refuġjati u l-persuni spustati internament, li ħafna minnhom huma Rom.
L-esklużjoni tar-Rom għandha konsegwenzi f’termini ta’ għadd
akbar ta’ Rom li jemigraw temporanjament lejn l-Istati Membri tal-UE b’reġim
mingħajr l-obbligu tal-viża u dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq
il-liberalizzazzjoni tal-viża, li huwa kisba kbira lejn l-integrazzjoni
tal-Balkani tal-Punent[34]
fl-UE. Il-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-pajjiżi kollha ta’ tkabbir
biex tirrevedi l-progress fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom lejn
l-inklużjoni tar-Rom. Fil-perjodu 2007-2013, ġew provduti iktar
minn EUR 100 miljun ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni skont l-Istrument
għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) biex jappoġġaw
l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tar-Rom fil-pajjiżi ta’
tkabbir, inklużi d-djar. Biex jittejjeb il-koordinament, l-effiċjenza
u l-viżibbiltà tal-appoġġ finanzjarju għall-inklużjoni
tar-Rom skont l-IPA II il-ġdid, azzjonijiet imfassla apposta se jkomplu
jiġu ffinanzjati skont il-programmi nazzjonali rilevanti permezz ta’
approċċ settorjali u bħala parti mill-envelopp globali tal-IPA
(“faċilità tal-inklużjoni tar-Rom”). Dan se jiġi akkumpanjat
minn monitoraġġ rigoruż li jinvolvi l-gvernijiet u l-partijiet
interessati kollha inkluża s-soċjetà ċivili. Sabiex tappoġġa l-pajjiżi ta’
tkabbir f’dawn l-isforzi kollha, il-Kummissjoni se: –
Tkompli tappoġġa u torganizza flimkien ma’
kull pajjiż nazzjonali sessjonijiet ta’ segwitu għas-"seminars
tal-inklużjoni tar-Rom" tal-2011 bil-monitoraġġ
rigoruż tal-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet operazzjonali
milħuqa flimkien; –
Iżżid u timmira aħjar l-azzjonijiet
tal-IPA II permezz tal-“faċilità tal-inklużjoni tar-Rom” biex
tiffinanzja l-miżuri enfasizzati fid-Dokumenti ta’ Strateġija
tal-Pajjiż jew maqbula fis-seminars nazzjonali u biex ittejjeb
il-kooperazzjoni mal-partijiet interessati esterni; il-finanzjament li jimxi
mill-appoġġ għall-politika tal-iżvilupp u l-bini
tal-istituzzjoni għall-azzjonijiet li direttament jagħmlu impatt fuq
il-ħajjiet tal-persuni individwali Rom, b’fokus parikolari fuq
l-edukazzjoni, id-djar u l-inklużjoni soċjali; –
Tagħti premjijiet lill-NGOs
għall-proġetti innovattivi u ta’ suċċess
għall-inklużjoni tar-Rom. Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib
l-iżviluppi fil-pajjiżi ta’ tkabbir fir-rapporti ta’ progress
annwali, u se tappoġġa l-pajjiżi ta’ tkabbir biex
jittraduċu l-impenn politiku għall-inklużjoni tar-Rom f’attivitajiet
konkreti u dejjiema fuq dan. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar
il-miżuri effettivi tal-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri hija rilevanti
għall-pajjiżi ta’ tkabbir, billi tifforma parti integrali mill-acquis
tal-UE. Il-pajjiżi ta’ tkabbir għandhom bżonn ukoll jieħdu
azzjonijiet mmirati biex jitneħħa d-distakk bejn ir-Rom u l-bqija
tal-popolazzjoni fl-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjieg, il-kura
tas-saħħa u d-djar, akkumpanjati minn politiki trażversali ta’ rilevanza
partikolari għal dawn il-pajjiżi bħall-provvediment
tad-dokumenti personali u t-tisħiħ tal-involviment tal-awtoritajiet
lokali u reġjonali u d-djalogu mal-organizzazzjonijiet ċivili. Id-deċenju tal-Inklużjoni tar-Rom[35] kien ta’ ispirazzjoni
kbira għall-Qafas tal-UE. Kellu rwol pożittiv ħafna
fl-immobilizzar tas-soċjetà ċivili u fl-iżgurar
tat-tranżizzjoni mingħajr intoppi tal-pajjiżi ta’ tkabbir
fil-Qafas tal-UE. Ix-xogħol tal-koalizzjonijiet ċivili kkoordinati u appoġġati
mis-Segretarjat għad-Deċenju tal-Inklużjoni tar-Rom wera wkoll
valur addizzjonali b’saħħtu. 5. konklużjonijiet
– it-triq 'il quddiem Il-qafas tal-UE tal-2011 fassal proċess
fit-tul. Huwa jitlob impenn politku kontinwu mill-partijiet interessati kollha
biex jagħmlu differenza fil-ħajja tal-persuni Rom sal-2020. L-ewwel pass f’din it-triq twila ttieħed meta
kull Stat membru żviluppa l-istrateġija nazzjonali tal-integrazzjoni
tar-Rom. L-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji bdew issa. B’segwitu tal-gwida tal-Kummissjoni, l-Istati
Membri bdew jistabbilixxu l-prekundizzjonijiet importanti strutturali li huma indispensabbli
biex jimplimentaw b’suċċess l-istrateġiji tagħhom[36]. Għall-ewwel
darba, l-Istati Membri kollha tal-UE taw bidu għall-istrateġiji
tal-inklużjoni tar-Rom u ħafna mill-proġetti mwettqa mill-Istati
Membri kollha tal-UE juru li l-inklużjoni tar-Rom hija possibbli. Bħala t-tieni pass, bidla tanġibbli
fis-sitwazzjoni tar-Rom tinkiseb biss jekk l-Istati Membri: ·
Juru rieda politika u determinazzjoni biex
jibqgħu fit-triq li twassal għar-riżultati mistennija għar-Rom
f’livell lokali sal-2020 u b’mod persistenti jonoraw l-impenji li ħadu
fl-ogħla livelli politiċi; ·
Jgħaqqdu l-leġiżlazzjoni
mal-miżuri finanzjarji u politiċi; Itejbu u jsaħħu
l-istrutturi li jiżguraw implimentazzjoni effettiva tal-istrateġiji
nazzjonali tar-Rom, b’mod partikolari f’termini ta’ governanza, kooperazzjoni
mal-partijiet interessati u l-monitoraġġ. Dawn l-istrutturi hemm
bżonn li jiġu ankrati sew fl-amministrazzjonijiet nazzjonali
għas-snin li ġejjin; ·
Flimkien mal-Kummissjoni, jiżguraw
il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-użu effettiv tal-Fondi
Ewropew għall-Istruttura u l-Investiment skont il-qafas regolatorju rilevanti
għall-immaniġġjar kodiviż; ·
Jipparteċipaw b’mod attiv fin-netwerk
tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali Rom u jipprovdu l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali
Rom tagħhom b’mandat adegwat u r-riżorsi; ·
Jimmonitorjaw il-progress u jinformaw
lill-Kummissjoni, fid-dawl tar-rapporti annwali tal-Kummissjoni. Il-Qafas tal-UE u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill
dwar il-miżuri effettivi ta’ integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri witta
t-triq lejn l-inklużjoni tar-Rom. L-UE se tkompli tipprovdi tmexxija
politika u se tagħti appoġġ prattiku lill-isforzi tal-Istati
Membri, inkluż permezz tal-fondi tal-UE. Madankollu, dan bħalissa
huwa biss il-bidu u l-Kummissjoni se twettaq ir-rwol tagħha biex tiżgura
li din it-triq tkompli tiġi segwita. B’mod partikolari hija se: ·
Tipprovdi gwida annwali tal-politika
fl-istrateġija tal-Ewropa 2020, toħroġ rakkomandazzjonijiet
speċifiċi għar-Rom u għall-pajjiżi speċifiċi
fejn xieraq, u permezz ta’ rapporti tal-progress fl-oqsma enfasizzati
fir-Rakkomandazzjoni, li se jiġu eżaminati dwar in-neċessità ta’
reviżjoni jew aġġornament sal-1 ta’ Jannar 2019; ·
Tipprovdi appoġġ metodoloġiku u
trawwem skambju ta’ esperjenza u prattika tajba fin-netwerk tal-Punti ta’
Kuntatt Nazzjonali Rom; ·
Tkompli djalogu regolari mas-soċjetà
ċivili, tappoġġa l-NGOs fil-livell lokali permezz
tal-proġett Pilota tal-Parlament Ewropew, u tinvolvi s-soċjetà
ċivili fil-monitoraġġ tal-progress; ·
Tippromwovi l-użu tal-fondi disponibbli tal-UE[37] u
ssaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet fil-livelli kollha
biex tuża l-fondi tal-UE b’mod effiċjenti; ·
Tipprovdi appoġġ speċifiku
għal-livell lokali billi: tagħmel aċċessibbli
faċilment (onlajn) l-informazzjoni dwar il-fondi disponibbli tal-UE
għall-inklużjoni soċjali; tipproċedi fuq analiżi
tal-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali fi 8 Stati Membri f’termini ta’
tqajjim ta’ għarfien u kooperazzjoni transnazzjonali; u
ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħhom; ·
F’kooperazzjoni mal-Istati Membri u, fejn xieraq,
organizzazzjonijiet oħrajn, inkluż il-Bank Ewropew tal-Investiment u
l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, tiżviluppa
inizjattivi biex il-finanzjament ikollu miri aħjar għall-miżuri
integrati u mainstream għall-inklużjoni tar-Rom matul il-bidu
tal-perjodu tal-programmazzjoni 2014-2020. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni
tal-esperjenza matul dan il-perjodu, tesplora modi biex tkompli ttejjeb
l-effettività u l-integrazzjoni tal-appoġġ finanzjarju tal-UE
għall-inklużjoni tar-Rom wara l-2020, inkluż il-faċilità speċifika. Fl-aħħar nett, l-integrazzjoni tar-Rom se
tiddependi wkoll minn sforzi kontinwi mis-soċjetà ċivili tar-Rom biex
jinvolvu ruħhom mal-popolazzjoni integrata, kif ukoll fuq l-azzjonijiet
konġunti mill-partijiet interessati kollha u l-awtoritajiet reġjonali,
l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-akkademiċi, il-knejjes u s-settur
privat. L-ewwel snin ta’ implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE
juri li l-azzjoni favur l-integrazzjoni tar-Rom hija attiva fl-Istati Membri
kollha. Hija għandha tkun il-pedament għal aktar bini ta’ sforzi
konġunti u għall-kisba ta’ progress sinifikanti sal-2020. [1] COM(2011) 173 finali ĠU L 76/68, 22.3.2011 [2] Konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew EUCO 23/11 tat-23 u
l-24 ta’ Ġunju 2011, wara l-Konklużjonijiet
tal-Kunsill għall-Impjieg, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u
l-Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) dwar Qafas tal-UE
għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom fl-2020,
106665/11 tad-19 ta’ Mejju 2011. [3] Malta ma adottatx
l-Istrateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom billi ddikjarat
li ma hemmx popolazzjoni sinifikanti tar-Rom fit-territorju tagħha,
għalkemm se tindirizza l-integrazzjoni tar-Rom jekk ikun hemm bżonn. [4] F’din il-komunikazzjoni t-terminu
“strateġiji” jkopri s-settijiet integrati tal-miżuri u l-istrateġiji
politiċi. [5] Fl-2013 il-Kunsill Ewropew
ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti
għall-inklużjoni tar-Rom għall-Bulgarija, ir-Repubblika
Ċeka, l-Ungerija, is-Slovakkja u r-Rumanija. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jindirizzaw l-implimentazzjoni
tal-Istrateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Rom fil-qafas
tal-politiki orizzontali kif ukoll bħala żviluppi speċifiċi
tal-politika fil-qasam tal-edukazzjoni u l-impjieg għar-Rom. [6] Rakkomandazzjoni tal-Kunsill
tad-9 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri ta’ integrazzjoni
tar-Rom effettivi fl-Istati Membri, ĠU C 378, 14.12.2013, 01. [7] Regolament tal-Kunsill li
jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013.
ĠU L 347/884 20.12.2013 [8] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li
jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond
ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u
l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet
ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali,
il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew
għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006. ĠU L 347,
20.12.2013 [9] Inkluż ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew
u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006. ĠU L 347, 20.12.2013 [10] Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE)
tas-7 ta’ Jannar 2014 dwar il-kodiċi
tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta’ Fondi Strutturali u ta'
Investiment Ewropej; C(2013) 9651. [11] Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u
li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006. ĠU L 347, 20.12.2013 [12] Rakkomandazzjoni tal-Kunsill
tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija
għaż-Żgħażagħ, 2013/C 120/01. [13] Bħall-Kunsill tal-Ewropa, il-bank ta’ Żvilupp
tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Bank Dinji, in-Nazzjonijiet Uniti, il-UNICEF,
l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Fondazzjoni
għas-Soċjetà Miftuħa. [14] Il-proġett ROMACT li ġie mniedi f’Ottubru 2013
f’madwar 40 muniċipalità f’5 Stati Membri, jimmira li jibni rieda politika
u impenn kontinwu lejn il-politika f’livell lokali, li jsaħħaħ
il-parteċipazzjoni demokratika u t-tisħiħ tal-komunitajiet
lokali tar-Rom, bil-għan li jassisti d-disinn u l-implimentazzjoni
tal-proġetti bl-appoġġ tal-fondi nazzjonali u tal-UE. [15] Il-programm ROMED, iffinanzjat mill-Programm fil-qasam
tat-Tagħlim tul il-Ħajja, imniedi fl-2011, sal-ġurnata tal-lum
ħarreġ kważi 1,300 medjatur fil-qasam tal-iskola, il-kultura u
s-saħħa. Għall-2013-2014, il-medjazzjoni qed tiffoka fuq
l-istabbiliment tal-kuntatti mal-awtoritajiet lokali (muniċipalitajiet,
skejjel, eċċ.). [16] Is-segregazzjoni fl-iskejjel
integrati li jattendu fihom ir-Rom: SK:
58%, HU: 45%, EL: 35%, CZ: 33%, BG: 29%, RO: 26%, FR: 24%, ES: 10%, IT: 8%, PT:
7%, PL:3%. – is-segregazzjoni fi skejjel speċjali: It-tfal Rom li jattendu skejjel speċjali prinċipalment
mar-Rom: CZ: 23%, SK: 20%, FR: 18%,
BG: 18%, eċċ. Sors: FRA, L-Edukazzjoni:
Is-sitwazzjoni tar-Rom fi 11-il Stat Membru. Taħriġ tar-Rom – Fokus
fuq id-dejta (li se ssir fl-2014). [17] Le
Défenseur des Droits, Bilan d'application de la circulaire
interministérielle du 26 août 2012 relative à l'anticipation et à
l'accompagnement des opérations d'évacuation des campements illicites août 2012
– mai 2013 (juin 2013). [18] Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012
dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali fil-qasam
Ewropew taż-żgħażagħ (ĠU C
398/1, 22.12.2012) tinkoraġixxi l-użu
tal-istrumenti għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki miksuba
permezz tal-esperjenzi tat-tagħlim. [19] FRA, Il-Faqar u l-Impjieg:
Is-sitwazzjoni tar-Rom fi 11-il Stat Membru, Stħarriġ dwar ir-Rom – Fokus
fuq id-dejta (li se jsir fl-2014). [20] Fost l-Istati Membri
mistħarrġa, 21% tan-nisa Rom kellhom impjieg bi ħlas meta
mqabbla ma' 35 % tal-irġiel Rom. FRA, Analiżi ta' FRA Stħarriġ tar-Rom fuq
is-Sessi (Settembru
2013). [21] Sehem tar-Rom li esperjenzaw
diskriminazzjoni fl-aħħar ħames snin meta fittxew
ix-xogħol: CZ 74%, EL 68%, IT
66%, FR 65%, PL 64%, PT 56%, HU 51%, SK 49%, BG 41%, RO 39%, ES 38%. FRA, Il-Faqar u
l-Impjieg: Is-sitwazzjoni tar-Rom fi 11-il Stat Membru. Stħarriġ dwar
ir-Rom – Fokus fuq id-dejta (li se jsir
fl-2014). [22] Pereżempju, 59% tan-nisa Rom fil-Bulgarija, 47% fir-Rumanija
u 38% fil-Greċja qalu li ma kellhom l-ebda assigurazzjoni medika meta
mqabbla ma’ 22% tan-nisa mhux Rom fil-Bulgarija u r-Rumanija, u 7% tan-nisa
mhux Rom fil-Greċja. Analiżi tal-FRA tal-Istħarriġ tal-FRA
tar-Rom skont is-Sess (Settembru 2013). [23] Fil-pubblikazzjoni tagħha “Poverty and social
exclusion in the WHO European Union: Health systems respond.”
http://www.navarra.es/NR/rdonlyres/D4DFA3BA-F54F-40DE-8C5F-9F24A003868E/233965/2_Spain_06Feb09casopublicado2010.pdf [24] 42% tar-Rom li ġew mistħarrġa qalu li huma
jew ma kellhomx ilma tal-pajp jew dranaġġ jew elettriku fid-dar
tagħhom. FRA, Is-sitwazzjoni tar-Rom fi 15-il Stat Membru u l-Kroazja (2013). [25] Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Yordanova
u oħrajn v. il-Bulgarija Nru 25446/06, kawża
tal-24 ta’ April 2012,) ikkonkludiet li għalkemm ir-Rom
ikkonċernati għexu f’post illegali, l-iżgumbrament tagħhom
kien ksur tal-artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani (dwar
il-ħajja privata u l-proprjetà privata): id-djar tagħhom,
għalkemm mibnija hemmhekk b’mod illegali, kellhom jiġu kkunsidrati
bħala l-proprjetà tagħhom u d-deċiżjoni biex jiġu
żgumbrati kienet sproporzjonata. “Fil-kuntest tal-Artikolu 8,
f’każijiet bħal dan, l-ispeċifità tal-applikanti bħala
grupp soċjali u l-bżonnijiet tagħhom trid tkun waħda
mill-fatturi rilevanti fil-valutazzjoni tal-proporzjonalità li l-awtoritajiet
nazzjonali qegħdin fid-dmir li jagħmlu.”
Din il-pożizzjoni meħuda mill-Qorti f'Yordanova kienet
ikkonfermata u żviluppata iktar f’kawża iktar reċenti
fil-kawża Winterstein u oħrajn v. Franza (il-Qorti Ewropea
tad-Drittijiet tal-bniedem, Nru 27013/07
tas-17 ta’ Ottubru 2013. Vjolazzjoni simili tal-Konvenzjoni
Ewropea tad-Drittijiet Umani (l-artikolu 8) ġiet osservata mid-Difensur
Pubbliku tad-Drittijiet tas-SK (Ombudswoman) fl-eżaminazzjoni tagħha
tal-iżgumbrament furzat u l-likwidazzjoni tal-komunità tar-Rom imwettqa
fl-2012 f’Kosice, is-Slovakkja (rapport tat-23 ta’ Lulju 2013). [26] Nota ta' gwida fuq l-implimentazzjoni ta' interventi
integrati dwar id-djar favur komunitajiet marġinalizzati taħt
il-FEŻR tat-28 ta' Jannar 2011. http://ec.europa.eu/regional_policy/information/search/detail.cfm?LAN=EN&id=354&lang=en [27] Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u
lir-Rapport Konġunt tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva
tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta
l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament
mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (“Id-Direttiva
għall-Ugwaljanza tar-Razza”) u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/79/KE
tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza
fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (“Direttiva għall-Ugwaljanza
fl-Impjieg”). [28] Il-Parlament Ewropew ġibed
l-attenzjoni wkoll għas-sitwazzjoni tan-nisa Rom fir-Riżoluzzjoni
tiegħu dwar l-Aspetti tal-Ġeneru tal-Qafas Ewropew
għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom adottata
fl-10 ta’ Diċembru 2013. [29] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni
L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ. C(2013)778
tal-20 ta’ Frar 2013 li jipprovdi gwida ta’ politika biex
tgħin lill-UE u lill-Istati Membri jiffokaw fuq l-investiment soċjali
ta’ suċċess lejn it-tfal. [30] Regolament (UE) Nru 1303/2013
tas-17 ta’ Diċembru 2013 op. cit. [31] L-Istati Membri ġew mitluba jistiednu l-Punti ta’
Kuntatt Nazzjonali Rom biex jipparteċipaw fil-korpi tax-xogħol li
jiddiskutu l-Programmi tal-Iżvilupp Rurali tal-futur, kif ukoll
fil-Kumitati tal-Monitoraġġ futuri ta’ dawn il-programmi. [32] Il-programm Erasmus + jibbenefika minn 40% ta’ żieda
fil-baġit tiegħu (jiġifieri EUR 14.7 biljun) fil-perjodu
2014-2020. B’mod partikolari, il-proġetti ta’ kooperazzjoni
tranżnazzjonali fil-qasam tal-isħubiji strateġiċi
(Azzjoni Ewlenija II) u l-inizjattivi prospettivi (Azzjoni Ewlenija III)
jgħinu biex jiżviluppaw approċċi ġodda u innovattivi
biex jindirizzaw l-isfidi edukattivi ffaċċati mill-komunitajiet Rom. [33] http://romani.humanities.manchester.ac.uk/migrom/ [34] Kif ġie rrakomandat mill-Kummissjoni fir-Raba’
Rapport dwar il-Monitoraġġ ta’ wara l-Liberalizzazzjoni tal-Viża
għall-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (l-Albanija,
il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava
tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja) COM(2013) 836 finali, skont
id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2010. [35] Flimkien mas-seba’ Stati Membri tal-UE dawn
il-pajjiżi ta’ tkabbir li ġejjin huma membri tal-Għaxar Snin
tal-Inklużjoni tar-Rom: l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li
kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja. [36] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew,
il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni Passi
’l quddiem għall-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali
għall-Integrazzjoni tar-Rom (COM(2013)454
tas-26 ta’ Ġunju 2013. [37] Inkluż permezz tan-netwerk EURom, magħmul
mir-rappreżentanti tat-tnax-il Stat Membru bil-għan li jippromwovi
l-użu tal-Fondi Strutturali biex itejbu l-effettività tal-politika li
jimmira lejn ir-Rom u jippromwovi l-inklużjoni soċjali.