EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0112

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-fondi operattivi u l-programmi operazzjonali fis-settur tal-frott u l-ħaxix mir-riforma tal-2007 ’l hawn_x000b_

/* COM/2014/0112 final */

52014DC0112

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-fondi operattivi u l-programmi operazzjonali fis-settur tal-frott u l-ħaxix mir-riforma tal-2007 ’l hawn_x000b_ /* COM/2014/0112 final */


WERREJ

1........... Ir-riforma tal-2007........................................................................................................ 3

2........... Strateġiji nazzjonali għal programmi operazzjonali sostenibbli..................................... 4

3........... Żvilupp tas-settur: kwistjonijiet rilevanti ..................................................................... 5

4........... Organizzazzjonijiet tal-produtturi................................................................................. 5

5........... Fondi operattivi u appoġġ finanzjarju mill-UE għall-programmi operazzjonali............ 8

5.1........ Nefqa totali taħt il-programmi operazzjonali u l-għajnuna finanzjarja mill-UE ........... 9

5.2........ Għajnuna finanzjarja nazzjonali u r-rimborż mill-UE................................................. 10

6........... Programmi operazzjonali: miżuri u tipi ta’ azzjonijiet implimentati............................ 10

7........... Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu mill-Istati Membri tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom . 12

7.1........ Progress miksub fir-rigward tal-għanijiet stabbiliti għall-programmi operazzjonali.... 12

7.2........ Dgħufijiet fl-immaniġġar tal-istrateġiji nazzjonali...................................................... 14

7.2.1..... Dgħufijiet fl-istabbiliment tal-istrateġiji nazzjonali.................................................... 14

7.2.2..... Dgħufijiet fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali........................... 14

8........... Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet..................................................................... 14

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-fondi operattivi u l-programmi operazzjonali fis-settur tal-frott u l-ħaxix mir-riforma tal-2007 ’l hawn

("Rapport dwar ir-reġim tal-frott u l-ħaxix")

1.           Ir-riforma tal-2007

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) saru l-bażi tar-reġim tal-UE għas-settur tal-frott u l-ħaxix fir-riforma tal-1996. L-għan kien li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi minkejja konċentrazzjoni akbar tad-domanda, u li t-tħassib ambjentali jiġi integrat fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u l-ħaxix. Għall-ewwel darba, il-POs setgħu jirċievu appoġġ mill-UE fil-forma ta’ kontribuzzjoni għall-fondi operattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali.

Ir-riforma tal-2007 kellha l-għan li ssaħħaħ aktar il-POs. Saret disponibbli għalihom firxa aktar wiesgħa ta’ għodod sabiex ikunu jistgħu jipprevjenu u jimmaniġġaw il-kriżijiet fis-suq. Inħolqu inċentivi sabiex jinkoraġġixxu fużjonijiet bejn il-POs, l-assoċjazzjonijiet tal-POs (APOs) u l-kooperazzjoni transnazzjonali. Tqiegħdet enfasi speċjali fuq il-protezzjoni tal-ambjent, u l-POs ġew mitluba jinkludu livell minimu ta’ nfiq ambjentali fil-programmi operazzjonali tagħhom.

Għall-ewwel darba, l-Istati Membri kellhom jistabbilixxu strateġija nazzjonali għal programmi operazzjonali sostenibbli, u li tintegra qafas ambjentali speċifiku.

Ir-riforma tal-2007 neħħiet ukoll ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur u ddiżakkoppjat l-għajnuna għall-frott destinat għall-ipproċessar. L-għajnuna biex gruppi ta’ produtturi jiġu inkoraġġuti jistabbilixxu ruħhom u jagħmlu investimenti sabiex isiru POs maturi fi żmien ħames snin kienet limitata għall-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara, għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, u għall-Gżejjer minuri tal-Eġew.

Dan ir-rapport huwa konformi mal-Artikolu 184(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007[1]. Huwa bbażat prinċipalment fuq l-informazzjoni li pprovdew l-Istati Membri (SM) dwar l-implimentazzjoni tal-iskema tal-UE dwar il-frott u l-ħaxix fit-territorju tagħhom u, b’mod partikolari, fuq l-informazzjoni fir-rapporti annwali u r-rapporti ta’ evalwazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni[2]. Dawn huma bbażati prinċipalment fuq id-dejta għall-perjodu 2008-2010[3].

Ir-riforma tal-PAK 2020 ma tintroduċix bidliet maġġuri fir-reġim tal-UE għas-settur tal-frott u l-ħaxix, billi l-appoġġ tal-UE għadu jingħata lill-POs biss permezz tal-programmi operazzjonali, b’żewġ eċċezzjonijiet importanti: (a) l-assoċjazzjoni tal-POs issa tista’ twaqqaf fond operattiv, bil-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-POs assoċjati u l-għajnuna finanzjarja mill-UE u (b) l-estensjoni tas-sett ta’ strumenti għall-prevenzjoni u l-immaniġġar ta’ kriżijiet (CPM)[4]. Emenda oħra importanti hija ċ-ċaqliq tal-għajnuna tal-UE lil gruppi ta’ produtturi mill-ewwel għat-tieni pilastru u li din issir disponibbli għall-Istati Membri kollha[5].

2.           Strateġiji nazzjonali għal programmi operazzjonali sostenibbli

Wara r-riforma tal-2007, 23 Stat Membru stabbilixxew strateġiji nazzjonali għal programmi operazzjonali sostenibbli (NSs), li jinkludu qafas nazzjonali għall-azzjonijiet ambjentali (NEF)[6]. L-NEFs kollha implimentaw l-emendi kollha meħtieġa mill-Kummissjoni[7]. Madankollu, il-proċedura ta’ valutazzjoni mill-Kummissjoni, tal-NEFs proposti mill-Istati Membri kif ukoll ir-reviżjoni tal-proposti wara t-talbiet għall-emendi min-naħa tal-Kummissjoni kienu jirrappreżentaw piż amministrattiv importanti kemm għad-dipartimenti tal-Kummissjoni kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011[8] jistabbilixxi rekwiżiti preċiżi rigward il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni (M&E) tal-programmi operazzjonali mill-POs u tal-NSs mill-Istati Membri li jinkludu indikaturi komuni tal-prestazzjoni[9], u rapporti annwali mill-Istati Membri. Dawn ir-rekwiżiti jqisu r-rakkomandazzjonijiet li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri għamlet ftit qabel ir-riforma tal-2007[10].

Ir-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni għall-Istati Membri kienu jinkludu t-twettiq ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-NS tagħhom fl-2012.

Sabiex tiżgura l-koerenza tas-sistema ta’ M&E, il-Kummissjoni żviluppat fehim komuni tar-rekwiżiti ta’ M&E dwar il-programmi operazzjonali u l-NSs[11]. Dan kien akkumpanjat minn żviluppi ta’ softwer, inkluż sistema għall-applikazzjoni ta’ kontrolli awtomatiċi dwar il-kwalità tad-dejta għar-rapporti annwali tal-Istati Membri u database tar-rapporti annwali mill-2004, li tippermetti li jsiru analiżijiet ad hoc. Siti elettroniċi ġodda dwar ir-reġim tal-frott u l-ħaxix fuq is-sit elettroniku ‘Europa’ tal-Kummissjoni jagħtu aċċess pubbliku għall-NSs, għan-NEFs u għar-rapporti dwar l-evalwazzjonijiet tal-2012[12].

3.           Żvilupp tas-settur: kwistjonijiet rilevanti

Fil-perjodu 2003-2010 kien hemm tnaqqis żgħir u gradwali fl-erja totali tal-UE b'uċuħ ta' frott u ħaxix (-6 %) u tnaqqis aktar qawwi fin-numru ta’ azjendi agrikoli b'raba b'uċuħ ta' frott u ħaxix (-39.1 %). Dawn kienu aktar qawwija mit-tnaqqis fl-erja agrikola totali użata (E.A.U.) u n-numru totali ta’ azjendi agrikoli (-0.7 % u -20.0 % rispettivament).

Xejriet simili seħħew fl-UE-15 (-6.3 % għall-erja miżrugħa bil-frott u l-ħaxix u -26.3 % għall-azjendi tal-frott u l-ħaxix) u fl-UE-12 (-5.1 % u -47.7 %). B’mod ġenerali, kien hemm żieda fl-erja medja miżrugħa bil-frott u l-ħaxix għal kull azjenda (sa 1.9, 3.0 u 0.8 ettari, rispettivament, fl-UE-27, UE-15 u UE-12), bħala riżultat tal-konċentrazzjoni tal-produzzjoni f’numru aktar baxx ta’ azjendi[13].

Fil-perjodu 2004-2010, kien hemm ukoll tnaqqis żgħir fil-volum tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix fl-UE (tnaqqis ta’ -3 % fil-produzzjoni medja tal-frott u l-ħaxix fil-perjodu 2008-2010 meta mqabbel mal-perjodu 2004-2006). Fl-istess perjodu, il-valur tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix, bil-prezzijiet attwali, żdied daqsxejn (żieda ta’ +6.5 % fil-valur medju tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix fil-perjodu 2008-2010, meta mqabbel mal-perjodu 2004-2006)[14].

L-inċertezzi persistenti fis-suq rigward ċerti prodotti huma żvilupp rilevanti ieħor wara r-riforma tal-2007. Tfaċċaw kriżijiet fis-suq fl-2009 (eż. il-ħawħ u n-nuċiprisk, it-tadam) u fl-2011 (il-kriżi tal-E. coli, li warajha seħħet kriżi ġdida fis-suq tal-ħawħ u n-nuċiprisk).

Fl-aħħar nett, f’diversi Stati Membri, jista' jkun li l-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008 affettwat il-konsum domestiku tal-frott u l-ħaxix (li rriżulta f’domanda aktar baxxa), l-aċċess għas-swieq tal-esportazzjoni u l-kreditu, l-ispejjeż tal-input u fatturi oħra[15] li setgħu influwenzaw il-prestazzjoni tal-POs u l-programmi operazzjonali tagħhom.

4.           Organizzazzjonijiet tal-produtturi

Fl-2010, kien hemm 1 599 PO rikonoxxuti fi 23 Stat Membru[16]. Jistgħu jinstiltu xi konklużjonijiet preliminari rigward l-impatt possibbli tar-riforma tal-2007[17]:

Żieda fir-rata ta’ organizzazzjoni. Fil-perjodu 2008-2010, is-sehem mill-valur totali tal-produzzjoni ta’ frott u ħaxix tal-UE kummerċjalizzat mill-POs/APOs kompla jiżdied. Fl-2010, ir-rata ta’ organizzazzjoni kienet ta’ madwar 43.0 % (43.9 % jekk jiġu inklużi wkoll il-gruppi tal-produtturi).

Tabella 1: Settur tal-frott u l-ħaxix — Rata ta’ organizzazzjoni skont l-Istat Membru (2010)

Skeda:  Gruppi tal-produtturi  Organizzazzjonijiet tal-produtturi

Sors: EC-DGAGRI-C.2 — kalkoli mid-dejta trażmessa mill-Istati Membri (Rapporti Annwali 2010).

(a) Attrattività akbar tal-POs. Is-sehem tal-produtturi totali tal-frott u l-ħaxix li huma membri ta’ POs kompla jiżdied (minn 10.4 % fl-2004 għal 16.5 % fl-2010).

(b) Attrattività akbar tal-APOs. Meta mqabbel mas-sitwazzjoni prevalenti qabel ir-riforma, fil-perjodu 2008-2010 mhux biss kien hemm żieda aktar mgħaġġla fl-għadd ta’ APOs (55 fl-2010) iżda wkoll żieda sostanzjali fin-numru u s-sehem ta’ POs li huma membri tal-APOs (459 u 28.7 %, rispettivament, fl-2010).

Madankollu, f’diversi Stati Membri:

· ir-rata ta’ organizzazzjoni għadha baxxa (ara t-Tabella), b’POs li huma żgħar kemm fin-numru ta’ membri produtturi kif ukoll fil-valur totali tal-produzzjoni tas-suq, u

· numru limitat biss ta’ produtturi tal-frott u l-ħaxix huma membri ta’ PO. Għalhekk, ħafna mill-produtturi huma esklużi mill-benefiċċji diretti tar-reġim tal-UE għas-settur tal-frott u l-ħaxix[18].

Barra minn hekk, minkejja l-progress li sar fil-livell nazzjonali, f’xi Stati Membri għad hemm differenzi reġjonali sinifikanti fil-livell ta’ organizzazzjoni tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix. Eżempju ta’ dan huwa l-Italja, fejn ir-rata nazzjonali relattivament għolja ta’ organizzazzjoni (madwar 47%) hija r-riżultat tar-rata għolja ta’ organizzazzjoni ta’ ċerti reġjuni fit-Tramuntana u l-organizzazzjoni baxxa ta’ diversi reġjuni oħra[19].

Fatturi differenti jistgħu jillimitaw l-iżvilupp tal-POs f’ċerti reġjuni, jew saħansitra fi Stati Membri sħaħ[20]. Dawn jinkludu mudelli soċjoloġiċi relatati storikament, bħan-nuqqas ta’ fiduċja reċiproka, atteġġjament ta' suspett sistematiku u t-tentazzjoni li jittieħed vantaġġ mill-isforzi ta’ ħaddieħor mingħajr ma wieħed iħallas il-prezz (imġiba opportunistika). L-ekonomija griża tista’ tkun ukoll raġuni oħra għan-nuqqas ta’ sħubija f’POs: l-evażjoni tat-taxxi (b’mod partikolari l-VAT) twassal biex bdiewa mhux organizzati jiksbu profitt akbar (bħala parti mill-ekonomija griża) minn dawk li huma parti minn POs u li huma obbligati jirrispettaw il-qafas legali. Barra minn hekk, bosta produtturi jbigħu esklussivament fis-swieq lokali jew reġjonali jew permezz ta’ bejgħ dirett, u għalhekk huma inqas ikkonċernati mill-benefiċċji li jistgħu jagħtuhom il-POs.

Ostakolu possibbli ieħor għall-iżvilupp tal-POs huwa l-kumplessità tal-proċeduri għall-ksib tar-rikonoxximent bħala PO, għall-approvazzjoni ta’ programm operazzjonali u, suċċessivament, għall-aċċess għall-għajnunijiet finanzjarji pubbliċi[21]. Din il-kumplessità tista’ tiskoraġġixxi produtturi żgħar li ma jkollhomx il-kompetenzi meħtieġa jew li jqisu li l-vantaġġi tal-adeżjoni mar-reġim huma aktar baxxi mill-ispejjeż amministrattivi involuti.

Fattur ieħor li jnaqqas l-attrattività tal-POs jista’ jkun il-perċezzjoni tal-produtturi dwar il-fatt li hemm riskji għoljin ħafna li jitilfu l-għajnuniet finanzjarji pubbliċi, li jistgħu jqiegħdu s-sopravivenza ta’ PO f’periklu. Għalhekk, ir-rispett tal-kriterji tar-rikonoxximent, speċjalment in-numru minimu ta’ membri, il-kontroll demokratiku, it-tqegħid fis-suq tal-prodotti u l-esternalizzazzjoni, huwa ta' importanza fundamentali biex PO iżżomm ir-rikonoxximent tagħha[22].

5.           Fondi operattivi u appoġġ finanzjarju mill-UE għall-programmi operazzjonali

5.1.        Nefqa totali taħt il-programmi operazzjonali u l-għajnuna finanzjarja mill-UE

Il-POs fis-settur tal-frott u l-ħaxix jistgħu jistabbilixxu fond operattiv, li għandu jintuża biss biex jiffinanzja programmi operazzjonali approvati mill-Istati Membri. Il-fond huwa ffinanzjat mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri tal-PO jew mill-PO nnifisha u minn għajnuna finanzjarja mill-UE[23].

Rigward l-għajnuna finanzjarja mill-UE, japplika limitu massimu doppju[24]:

(1) il-limitu massimu tagħha huwa stabbilit għal 4.1 % tal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata tal-PO (dak il-perċentwal jista’ jiżdied għal 4.6 % jekk l-ammont li jaqbeż 4.1 % jintuża biss għal miżuri ta’ prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet); u

(2) din ma tistax tkun ogħla minn 50 % tan-nefqa attwali mġarrba, limitu massimu li jista’ jiżdied għal 60 % f’ċerti każijiet, pereżempju fil-każ ta' programmi operazzjonali li jiġu sottomessi minn POs fl-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara (għal miżuri li jibqgħu għaddejjin sal-aħħar tal-2013), fi Stati Membri fejn il-POs jikkumerċjalizzaw inqas minn 20 % tal-produzzjoni ta’ frott u ħaxix, jew fir-reġjuni l-aktar imbiegħda.

Tabella 2: Nefqa totali taħt il-programmi operazzjonali u l-għajnuna finanzjarja mill-UE (2004-2010)

Didaskalija: Nefqa totali (€m)  Għajnuna finanzjarja mill-UE (€m)

Sors: EC-AGRI-C.2 — kalkoli mid-dejta trażmessa mill-Istati Membri (Rapporti Annwali 2004-2010).

It-Tabella 2 turi li, bir-riforma tal-2007, kien hemm żieda sostanzjali fin-nefqa totali fil-programmi operazzjonali u fl-għajnuna finanzjarja relatata mill-UE.

Jistgħu jinstiltu xi konklużjonijiet preliminari rigward l-impatt possibbli tar-riforma tal-2007[25]:

· kemm in-numru kif ukoll is-sehem tal-POs li implimentaw programm operazzjonali żdiedu bir-riforma (madwar 3/4 tan-numru totali ta’ POs rikonoxxuti fil-perjodu 2008-2010);

· iż-żieda fin-nefqa għall-programmi operazzjonali, inkluż l-għajnuna finanzjarja mill-UE, hija assoċjata ma’ żieda kemm fin-numru kif ukoll fid-daqs ekonomiku medju (valur tal-prodotti kummerċjalizzati) tal-POs bi programm operazzjonali;

· anki bir-riforma tal-2007, l-għajnuna finanzjarja globali mill-UE għadha taħt il-limitu massimu ta’ 4.1 % tal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata tal-POs ikkonċernati, u għadha tammonta għal perċentwal żgħir ħafna (1.1–1.3 %) tal-valur totali tal-produzzjoni ta’ frott u ħaxix fl-UE.

· L-akbar POs (madwar 18 % tal-POs kollha, b’fatturat ta’ aktar minn € 20 m) jirċievu madwar 70 % tal-għajnuna finanzjarja mill-UE. Tali distribuzzjoni asimetrika tal-għajnuna mill-UE hija inerenti fil-mekkaniżmu tal-appoġġ, li jiżdied aktar ma jiżdied il-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata.

5.2.        Għajnuna finanzjarja nazzjonali u r-rimborż mill-UE

Fuq il-bażi tal-Artikolu 103e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-Kummissjoni awtorizzat ċertu Stati Membri sabiex iħallsu għajnuna finanzjarja nazzjonali (NFA) lil POs li joperaw f’reġjuni fejn il-livell ta’ organizzazzjoni[26] tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix huwa partikolarment baxx. Fuq talba tal-Istati Membri kkonċernati, l-NFA mogħtija ġiet irrimborżata b’mod parzjali mill-UE[27].

Fil-perjodu 2008-2010, sitt Stati Membri biss (ES, HU, IT, PT, RO u SK) użaw dan l-istrument, b’għajnuna annwali totali medja ta’ € 12.2 m, li ġiet irrimborżata b'mod parzjali mill-UE. Għalkemm Stati Membri oħra għandhom reġjuni li jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-NFA (grad baxx ta’ organizzazzjoni), huma għażlu li ma jagħmlux użu minnha. Dan jista’ jkun parzjalment minħabba li l-Istati Membri jridu jiffinanzjaw l-għajnuna kollha mogħtija, jew parti minnha.

Qabel ma l-Kummissjoni tawtorizza l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja nazzjonali jew ir-rimborż parzjali tagħha, isiru kontroverifiki mad-dejta minn talbiet preċedenti u mir-rapporti annwali. Meta jiġu identifikati inkonsistenzi, il-proċedura tiġi sospiża sakemm jiġu korretti l-iżbalji (fir-rapporti annwali u/jew fit-talba għall-NFA). Il-ħeffa tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni tiddependi fuq il-prontezza tal-Awtoritajiet Nazzjonali biex jikkoreġu l-inkonsistenzi misjuba. Il-proċedura attwali hija twila u ineffiċjenti għall-awtoritajiet nazzjonali. F’ċertu każijiet, l-Istati Membri qed idumu b'mod konsiderevoli biex jibagħtu informazzjoni preċiża. Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni għandha data ta' skadenza biex tapprova d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ NFA, din l-iskadenza dejjem tiġi estiża minħabba l-ħtieġa ta’ kjarifiki, korrezzjonijiet u spjegazzjonijiet. It-talbiet għar-rimborż tal-NFA isegwu l-istess proċedura.

6.           Programmi operazzjonali: miżuri u tipi ta’ azzjonijiet implimentati

It-Tabella 4 tindika li, fil-perjodu 2008-2010, in-nefqa annwali għall-programmi operazzjonali (medja ta’ € 1 252.1 m) kienet tirrigwarda prinċipalment azzjonijiet ta' titjib tal-kummerċjalizzazzjoni (24.0 % tat-total) u azzjonijiet ambjentali (23.8 %), segwiti minn azzjonijiet għall-produzzjoni ta’ pjanijiet (22.2 %) u għat-titjib jew iż-żamma tal-kwalità tal-prodotti (20.3 %).

L-użu tal-istrumenti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet kien baxx ħafna (€ 35.6 m; 2.8 % tan-nefqa annwali totali medja), u saħansitra aktar baxx għat-taħriġ u s-servizzi ta’ konsulenza jew għar-riċerka u l-produzzjoni sperimentali.

Rigward it-tipi ta’ azzjonijiet implimentati fil-programmi operazzjonali (OPs) fil-perjodu 2008-2009:

· In-nefqa għall-investimenti fiżiċi (fil-bini tal-POs jew fl-azjendi tal-membri tal-POs) kienet tammonta, bħala medja, għal € 517.5 m (41.3 % tan-nefqa totali għall-OPs). Dawn kienu mmirati prinċipalment lejn il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti (15.9 % tan-nefqa totali; f’64.1 % tal-OPs) u l-ippjanar tal-produzzjoni (15.4 %; f’56.6 % tal-OPs), segwiti mit-titjib jew iż-żamma tal-kwalità tal-prodotti (5.6 %; f’29.6 % tal-OPs). Bħala medja, l-investimenti fiżiċi għal skopijiet ambjentali[28] kienu jammontaw għal 3.0 % tan-nefqa totali (u kienu inklużi f’34.5 % tal-OPs).

Tabella 4: Nefqa għal programmi operazzjonali ddedikati għal miżuri differenti u n-numru ta’ POs li inkludew miżuri differenti fil-programmi operazzjonali tagħhom (medja 2008-2010)

|| Nefqa || POs ikkonċernati

|| €m || % tan-nefqa totali || Numru || % tat-total

Azzjonijiet immirati lejn l-ippjanar tal-produzzjoni || 277,9 || 22,2% || 924 || 77.8 %

Azzjonijiet immirati lejn it-titjib u ż-żamma tal-kwalità tal-prodotti || 254,7 || 20,3% || 1 097 || 92.4 %

Azzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-kummerċjalizzazzjoni || 300,9 || 24,0% || 1 009 || 85.0 %

Riċerka u produzzjoni sperimentali || 10,7 || 0,9% || 130 || 11.0 %

Taħriġ u servizzi ta’ konsulenza || 22,8 || 1,8% || 388 || 32.7 %

Strumenti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet || 35,6 || 2,8% || 192 || 16.2 %

Azzjonijiet ambjentali || 298,3 || 23,8% || 1 103 || 92.9 %

Azzjonijiet oħra || 51,0 || 4,1% || 1 063 || 89.6 %

Programmi operazzjonali kollha || 1 252,1 || 100,0% || 1 187 || 100.0 %

Sors: EC-AGRI-C.2 — kalkoli mid-dejta pprovduta mill-Istati Membri (Rapporti Annwali 2008-2010).

· Azzjonijiet ambjentali ġew implimentati fi 92.9 % tal-OPs, b’nefqa annwali totali medja ta’ € 298.3 m, li tikkorrispondi għal 23.8 % tan-nefqa annwali totali medja għall-OPs. It-tipi ta’ azzjonijiet prinċipali li ġew implimentati kienu jirrigwardaw it-tnaqqis u l-immaniġġar tal-iskart (€ 78.0 m; f’34.2 % tal-OPs) u l-produzzjoni integrata (€ 72 m; f’25.4 % tal-OPs) li flimkien kienu jkopru madwar 2/3 tan-nefqa totali għall-azzjonijiet ambjentali, segwiti mill-investiment fiżiku għal skopijiet ambjentali (€ 38.1 m; f’34.5 % tal-OPs).

F’Awwissu 2012, ġie abbandunat l-appoġġ għall-azzjonijiet ambjentali relatati mal-immaniġġar tal-imballaġġ, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dawk l-azzjonijiet. Dan huwa mistenni li jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ambjentali aktar kost-effettivi, u li jnaqqas l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni tar-reġim tal-Unjoni[29].

· L-użu (baxx ħafna) tal-istrumenti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet (CPM) kien jirrigwarda prinċipalment l-assigurazzjoni tal-uċuħ maħsuda (nefqa annwali medja ta’ € 13.9 m f’67 OP), il-promozzjoni u l-komunikazzjoni (€ 11.9 m f’60 OP) u l-irtirar ta’ prodotti (€ 8.3 m fi 73 OP). Il-ħsad bikri, in-nuqqas ta’ ħsad, it-taħriġ u l-istabbiliment ta’ fondi mutwi tista’ tgħid li ma ntużawx. Apparti r-raġuni tal-kumplessità tal-proċeduri, raġuni possibbli oħra għall-użu baxx ħafna tal-istrumenti għas-CPM tista’ tkun id-daqs żgħir ta’ bosta POs: minħabba l-volumi baxxi tal-prodotti koperti, l-ammont baxx ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq u/jew il-mezzi finanzjarji limitati għad-dispożizzjoni tagħhom, il-POs iż-żgħar iqisu l-għodod attwali għas-CPM bħala mhux effettivi, jew sempliċement bħala mhux attraenti.

7.           Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu mill-Istati Membri tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom

19-il Stat Membru bagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar l-evalwazzjoni tal-2012 tal-istrateġija nazzjonali tagħhom.

Ir-rapporti jipprovdu l-ewwel valutazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-effetti tal-programmi operazzjonali li ġew implimentati wara r-riforma tal-2007, u jindikaw id-dgħufijiet identifikati fl-immaniġġar ta’ wħud mill-NSs.

7.1.        Progress miksub fir-rigward tal-għanijiet stabbiliti għall-programmi operazzjonali

Jistgħu jiġu misluta l-konklużjonijiet li ġejjin mill-analiżi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-2012 mibgħuta mill-BE, CY, ir-CZ, id-DK, il-DE, ES, FR, l-HU, l-IT, il-NL, l-AT, il-PT u r-UK[30]:

(1) Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-programmi operazzjonali qegħdin jikkontribwixxu b'mod pożittiv għal għanijiet ewlenin bħall-promozzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-membri tal-POs, l-assigurazzjoni li l-produzzjoni tkun aġġustata skont id-domanda (f’termini ta’ kwalità u kwantità) u t-titjib tal-kompetittività tal-POs.

(2) F’xi Stati Membri, il-programmi operazzjonali qegħdin jikkontribwixxu wkoll sabiex iżidu l-valur kummerċjali tal-prodotti kummerċjalizzati mill-POs (eż. CY, CZ, DE, HU, IT, UK) u jippromwovu l-konċentrazzjoni tal-provvista (eż. CY, CZ, DK, ED, HU, IT, PT).

(3) Ir-raġunijiet għaliex il-programmi operazzjonali fi Stati Membri oħra ftit li xejn qegħdin jikkontribwixxu sabiex iżidu l-valur kummerċjali tal-prodotti kummerċjalizzati mill-POs jew jippromwovu l-konċentrazzjoni tal-provvista jistgħu jinkludu s-saħħa baxxa persistenti tan-negozjar tal-POs eżistenti fil-katina tad-distribuzzjoni minħabba n-numru u d-daqs żgħir tagħhom f’xi Stati Membri kkonċernati (eż. PT) u r-rata diġà għolja ta’ organizzazzjoni miksuba mis-settur fi Stati Membri oħra kkonċernati (eż. NL).

(4) Il-programmi operazzjonali jidhru li qegħdin jikkontribwixxu ftit jew xejn għall-għanijiet li ġejjin fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri:

– L-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni. Fuq il-bażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni, dan probabbilment għandu aktar x’jaqsam ma’ fatturi esterni, bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-input (eż. BE-VL, FR), jew id-diffikultajiet involuti fil-ħolqien ta' stimi u rapporti dwar il-bidliet fl-ispejjeż, fost affarijiet oħra minħabba n-nuqqas ta’ għarfien tas-sitwazzjoni fil-linja bażi, milli ma' tħassib prinċipali għall-POs u/jew il-membri tagħhom.

– L-istabbilizzar tal-prezzijiet tal-produtturi. Uħud mir-rapporti (eż. ES, FR, IT) jindikaw li dan huwa dovut prinċipalment għall-effikaċja baxxa ta’ ċerti strumenti disponibbli għall-immaniġġar u l-prevenzjoni ta’ kriżijiet u/jew l-użu ta’ dawk l-istrumenti minn numru limitat wisq ta’ POs.

– It-titjib tal-attrattività tal-POs. Ir-rapporti jindikaw raġunijiet differenti għat-tkabbir limitat jew saħansitra tnaqqis fis-sħubija, bħal-livell għoli ħafna ta’ organizzazzjoni li diġà nkiseb fis-settur (eż. BE-VL), ir-rekwiżiti stretti ħafna stabbiliti għas-sħubija f’PO (eż. NL) u saħansitra n-nuqqas ta’ ċarezza ta’ ċerti regoli stabbiliti mil-leġislazzjoni tal-UE (eż. UK).

– Ftit jew xejn qed issir kontribuzzjoni għal ċertu għanijiet ambjentali, bħall-preservazzjoni tal-pajsaġġ, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-preservazzjoni tal-kwalità tal-arja u t-tnaqqis tal-produzzjoni tal-iskart. Filwaqt li f’xi każijiet dan huwa minħabba l-adozzjoni baxxa jew non-eżistenti ta’ azzjonijiet iddedikati mill-POs jew mill-membri tagħhom (eż. DK), f’każijiet oħra dan huwa minħabba li xi wħud minn dawn l-għanijiet ma kinux fost il-prijoritajiet tan-NEFs (eż. CY, CZ, PT). Barra minn hekk, għal ċerti Stati Membri (eż. BE, ES, FR, NL), ir-rapport dwar l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-2012 jindika li ma hemm l-ebda evidenza ċara li l-programmi operazzjonali qegħdin jikkontribwixxu għal dawk l-għanijiet ambjentali.

7.2.        Dgħufijiet fl-immaniġġar tal-istrateġiji nazzjonali

7.2.1.     Dgħufijiet fl-istabbiliment tal-istrateġiji nazzjonali

Ir-rapporti identifikaw żewġ dgħufijiet importanti fl-SN ta’ wħud mill-Istati Membri:

· Ġiet adottata firxa wiesgħa wisq ta’ għanijiet, minflok konċentrazzjoni fuq għadd żgħir ta' prijoritajiet. Dan wassal biex numru kbir ta’ miżuri u tipi ta’ azzjonijiet jiġu magħżula bħala eliġibbli għall-appoġġ. Waħda mir-raġunijiet għal dan kienet li l-partijiet interessati ma kinux involuti biżżejjed fid-definizzjoni tal-SN. Minħabba f’hekk, il-POs implimentaw b’mod effettiv biss numru żgħir ta’ miżuri u tipi ta’ azzjonijiet, li kkontribwixxew biss għal ċertu għanijiet jew, inkella, l-appoġġ pubbliku kien mifrux fuq numru kbir ħafna ta’ azzjonijiet immirati lejn għanijiet differenti, li r-riżultat u l-impatt tagħhom kienu diffiċli biex jinftiehmu.

· Kien hemm nuqqas ta' miri preċiżi ffissati minn qabel għall-għanijiet differenti li ġew stabbiliti. Din kienet waħda mid-diffikultajiet prinċipali għall-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-2012, minħabba n-nuqqas ta’ parametri ta' referenza li magħhom seta’ jiġi vvalutat, b’mod mhux arbitrarju, it-twettiq tal-miżuri.

7.2.2.     Dgħufijiet fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali

Ir-rapporti minn diversi Stati Membri jindikaw li diffikultà ewlenija għall-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-2012 kienet in-numru kbir ta’ rekords ħżiena tal-indikaturi tal-prestazzjoni fir-rapporti annwali tal-POs. Dan mhux biss xekkel ċertu analiżi iżda rriskja wkoll li jimmina l-validità tal-konklużjonijiet mill-evalwazzjoni.

Dan jidher li huwa r-riżultat ta’ żewġ dgħufijiet importanti li jirrigwardaw is-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati: (a) in-nuqqas ta’ miżuri ta' prevenzjoni biex il-POs jiġu megħjuna jifhmu, jikkalkulaw sewwa u jużaw ċerti indikaturi tal-prestazzjoni definiti minn qabel u (b) in-nuqqas ta’ kontrolli mill-amministrazzjoni nazzjonali dwar id-dejta rreġistrata mill-POs fir-rapporti annwali tagħhom u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-indikaturi tal-prestazzjoni.

Dan jissuġġerixxi li f’ċertu Stati Membri, l-enfasi tqiegħdet essenzjalment jew esklussivament fuq l-indikaturi tal-eżekuzzjoni finanzjarja (in-nefqa), u li ftit li xejn ingħatat attenzjoni lil indikaturi li jistgħu jgħinu sabiex jitkejjel il-progress lejn l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija nazzjonali.

8.           Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Fil-perjodu 2008-2010, f'livell tal-UE, kien hemm xejriet pożittivi rigward ir-rata ta’ organizzazzjoni tas-settur tal-frott u l-ħaxix, is-sehem tal-produtturi totali tal-frott u ħaxix li huma membri ta’ POs u n-numru ta’ POs li huma membri ta’ APOs.

Ir-rapporti annwali u r-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-2012 joffru wkoll stampa aktar kuntrastanti.

Kwistjoni kruċjali hija l-livell, li għadu qed jibqa' baxx b'mod persistenti, jew in-nuqqas, ta’ organizzazzjoni f’ċertu Stati Membri. Dan jeħtieġ analiżi bir-reqqa sabiex jiġu identifikati, fejn ikun xieraq, miżuri addizzjonali maħsuba biex jinkoraġġixxu mhux biss żieda ulterjuri fil-livell tal-organizzazzjoni tal-produtturi fl-UE kollha iżda wkoll tnaqqis fl-iżbilanċ tal-organizzazzjoni tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix fi ħdan l-UE.

Livell baxx jew in-nuqqas ta’ organizzazzjoni jfissru wkoll li l-biċċa l-kbira tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix ma jagħmlux parti minn PO, u b’hekk ma jibbenefikawx direttament minn għajnuna speċifika tal-UE għas-settur. Dan il-proporzjon huwa l-aktar għoli f’xi Stati Membri tan-Nofsinhar u f’xi Stati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 u wara. Dawn il-produtturi, ħafna drabi l-aktar produtturi żgħar, lanqas biss jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi li jistgħu jipprovdu l-POs, għandhom saħħa ta’ negozjar dgħajfa ħafna fi ħdan il-katina tal-provvista u huma aktar esposti għar-riskji marbuta mal-globalizzazzjoni tas-suq u t-tibdil fil-klima. Iż-żieda fir-rata ta’ organizzazzjoni tas-settur tal-frott u l-ħaxix tibqa’ kruċjali speċjalment fl-Istati Membri fejn l-organizzazzjoni għadha baxxa ħafna. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ ukoll li jiġu esplorati miżuri li jistimolaw forom ta’ kooperazzjoni li jgħinu lill-POs u lill-produtturi mhux organizzati sabiex ilaħħqu aħjar ma’ dawk l-isfidi.

Il-programmi operazzjonali jistgħu jikkontribwixxu aktar lejn għanijiet importanti bħat-titjib tal-attrattività tal-POs, iż-żieda fil-valur kummerċjali tal-prodotti, l-ottimizzar tal-ispejjeż tal-produzzjoni, u l-istabbilizzar tal-prezzijiet tal-produtturi.

L-użu (baxx ħafna) tal-istrumenti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet (CPM) kixef il-limiti ta’ ċertu strumenti eżistenti. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li jsir titjib tal-istrumenti ta’ prevenzjoni u ta' ġestjoni ta’ kriżijiet.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, in-nefqa relatata ma' miżuri ‘strateġiċi’, bħar-riċerka u l-produzzjoni sperimentali, għadha negliġibbli. Għalhekk, jista’ jkun rilevanti li tiġi msaħħa l-applikazzjoni tar-riżorsi disponibbli fuq ċerti miżuri ta’ prijorità, li għandhom impatt akbar fuq il-kompetittività, l-istabilità tal-introjtu u d-domanda tas-suq.

Il-kumplessità tar-regoli u n-nuqqas ta’ ċertezza legali ġew indikati wkoll bħala dgħufijiet tar-reġim attwali. Is-simplifikazzjoni u l-assigurazzjoni tal-qafas legali jridu jkunu prijorità f’reviżjoni futura, anki sabiex titnaqqas il-burokrazija għall-bdiewa u l-awtoritajiet maniġerjali.

Fl-aħħar nett, jista' jkun li l-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda għas-settur teħtieġ l-allokazzjoni mill-ġdid ta’ xi riżorsi finanzjarji mingħajr ma jiżdiedu l-ammonti globali disponibbli għas-settur sabiex tiġi żgurata n-newtralità tal-baġit fi ħdan il-miżuri tas-suq fl-ewwel pilastru.

Sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet imsemmija hawn fuq, ir-reġim attwali tal-UE dwar il-frott u l-ħaxix għandu jiġi rivedut sabiex jiġi żgurat li l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkun iffukat aħjar, biex dan ikun jista’ jilħaq l-għanijiet ġenerali stabbiliti għar-riforma tal-2007[31] u l-PAK 2020 fl-Istati Membri kollha.

Il-Kummissjoni għandha tibni fuq ir-riżultati ta’ dan ir-rapport u fuq id-dibattitu li jmiss, sabiex aktar tard tippreżenta proposti leġislattivi bl-għan li ssir reviżjoni tal-iskema ta’ għajnuna tal-Unjoni għas-settur tal-frott u l-ħaxix.

[1]               Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

[2]               Rapporti mibgħuta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 97(b) u l-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).

[3]                      Għal xi Stati Membri, ir-rapporti annwali għall-2010 għadhom meqjusa bħala provviżorji. Huwa probabbli li jsiru xi emendi wara li jitwettqu kontrolli dwar il-kwalità tad-dejta mill-Kummissjoni.

[4]               Ġew inklużi żewġ strumenti ġodda għas-CPM: (a) investimenti li jagħmlu l-ġestjoni tal-volumi li jitqiegħdu fis-suq aktar effiċjenti u (b) it-tħawwil mill-ġdid ta’ ġonna tas-siġar tal-frott fejn dak ikun neċessarju wara tneħħija obbligatorja għal raġunijiet ta’ saħħa jew fitosanitarji skont ordnijiet mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru. Barra minn hekk, l-iskambju tal-aħjar prattiki ġie miżjud mal-miżuri ta’ taħriġ eżistenti.

[5]               Il-Politika Agrikola Komuni hija magħmula minn żewġ pilastri: miżuri tas-suq u pagamenti diretti (l-ewwel pilastru) u l-politika ta’ żvilupp rurali (it-tieni pilastru).

[6]                      L-Artikolu 103f tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. L-Estonja, il-Litwanja, il-Lussemburgu u s-Slovenja huma eżentati mill-obbligu li jistabbilixxu strateġija nazzjonali billi m’għandhomx POs rikonoxxuti.

[7]               L-Artikolu 103f(1), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

[8]               ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.

[9]               Fl-NS tagħhom l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw indikaturi addizzjonali, li jirriflettu l-ħtiġijiet nazzjonali jew reġjonali, il-kundizzjonijiet u l-għanijiet speċifiċi għall-programmi operazzjonali.

[10]             Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 8/2006 (ĠU C 282, 20.11.2006, p. 32).

[11]             Id-dokumenti, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, jinkludu linji gwida dwar l-indikaturi komuni tal-prestazzjoni, mudell ġdid għar-rapport annwali li jrid jintbagħat mill-Istati Membri u linji gwida dwar l-evalwazzjoni tal-2012 tal-NSs mill-Istati Membri.

[12]             Ara http://ec.europa.eu/agriculture/fruit-and-vegetables/country-files/index_en.htm.

[13]             Sors: EC-DGAGRI-C.2 — kalkoli mir-riżultati tal-Isħarriġ tal-Eurostat dwar l-Istruttura tal-Farms mill-2003 sal-2010. Innota tajjeb: it-tnaqqis fin-numru tal-azjendi kien parzjalment ikkawżat minn bidla fil-metodoloġija, billi f’6 Stati Membri (CZ, DE, LU, PL, SK u UK) il-limitu għall-inklużjoni fl-Istħarriġ tal-Istruttura tal-Farms (FSS) żdied bejn l-2007 u l-2010, bl-esklużjoni tal-azjendi b’E.A.U. żgħira.

[14]             Sors: EC-DGAGRI-C.2 — kalkoli mir-riżultati tal-Istatistika Annwali tal-Eurostat dwar l-Għelejjel u l-Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura mill-2004 sal-2010. Innota tajjeb: ix-xejra ’l isfel ikkalkulata għall-volum tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix bejn iż-żewġ perjodi (2004-2006 u 2008-2010) setgħet kienet affettwata mill-ħsad tajjeb ħafna li kien irreġistrat fl-2004.

[15]             Dawn huma effetti/theddidiet li jissemmew, pereżempju, mir-rapporti dwar l-evalwazzjoni tal-2012 tal-Istrateġija nazzjonali għal programmi operazzjonali sostenibbli nnotifikati mill-HU, l-IT u l-PT.

[16]             L-Estonja, il-Lussemburgu, il-Litwanja u s-Slovenja m’għandhomx POs rikonoxxuti.

[17]             Ara t-Tabella 1 fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni għad-dettalji.

[18]             Ċerti produtturi mhux organizzati jibbenefikaw mir-reġim attwali tal-UE. Huma jistgħu jikkumerċjalizzaw il-prodotti tagħhom permezz tal-POs mingħajr ma jkunu membri u jieħdu vantaġġ, bi ħlas, minn ċerti servizzi pprovduti mill-POs (eż. aċċess għall-faċilitajiet ta’ ħażna u kummerċjalizzazzjoni, miżuri għall-ġestjoni ta’ kriżijiet).

[19]             Ara t-Tabella 2 fid-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni għad-dettalji.

[20]             Studju li sar dan l-aħħar dwar il-kooperattivi tal-UE (li jinkludi wkoll il-POs u l-APOs), u li ġie ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, jidentifika xi wħud mill-ostakoli kulturali u ekonomiċi għall-iżvilupp ta’ inizjattivi konġunti bejn il-bdiewa (Ara Bijmans, J et alt (2013): Support for farmers' cooperatives: final report. Il-Kummissjoni Ewropea - disponibbli mis-sit elettroniku http://ec.europa.eu/agriculture/external-studies/2012/support-farmers-coop/fulltext_en.pdf).

[21]             Dawn jinkludu s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna u l-kompilazzjoni ta’ rapport annwali dettaljat, li huwa għodda essenzjali għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-iskema dwar il-frott u l-ħaxix iżda li, mill-banda l-oħra, huwa wkoll piż amministrattiv.

[22]             Matul il-perjodu 2004-2010, il-maġġoranza tal-każijiet ta' irtirar tar-rikonoxximent seħħew fi ES (148), FR (94) u l-IT (43). Bħala perċentwal fuq in-numru totali ta’ POs, l-irtirar tar-rikonoxximent kien partikolarment għoli fis-SI, l-IE, il-FI u l-BG.

[23]             L-Artikolu 103b tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

[24]             L-Artikolu 103d tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

[25]             Ara t-Tabelli 3 u 4 fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni għad-dettalji.

[26]             Il-grad ta’ organizzazzjoni tal-produtturi huwa definit bħala l-proporzjon bejn il-valur tal-produzzjoni ta’ frott u ħaxix miksuba fir-reġjun u kummerċjalizzata mill-POs, l-APOs u l-PGs u l-valur totali tal-produzzjoni ta’ frott u ħaxix miksuba fir-reġjun. L-NFA hija addizzjonali għall-fondi operattivi tal-POs u hija ugwali għal massimu ta’ 80 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri tal-PO jew tal-PO nnifisha għall-fond operattiv tagħha.

[27]             Dan huwa possibbli biss f’reġjuni fejn il-POs jikkummerċjalizzaw inqas minn 15 % tal-valur tal-produzzjoni ta’ frott u ħaxix, u fejn il-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix tirrappreżenta mill-anqas 15 % tal-produzzjoni agrikola totali tagħhom.

[28]             L-investimenti fiżiċi għal skopijiet ambjentali huma investimenti f’assi fissi li huma mistennija li jwasslu għal benefiċċji sostanzjali f’termini ta’ tnaqqis fl-użu tal-inputs u/jew tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu.

[29]             Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 755/2012 tas-16 ta’ Awwissu 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż speċifiċi tal-azzjonijiet ambjentali skont programmi operattivi ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix (ĠU L 223, 21.8.2012, p. 6).

[30]             Il-Kapitolu 5 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jagħti ħarsa ġenerali dwar l-effetti tal-programmi operazzjonali fit-13-il Stat Membru kkonċernati. Ir-rapporti mibgħuta minn Stati Membri oħra (il-Bulgarija, il-Finlandja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Isvezja) ma jipprovdux risposta ċara għall-mistoqsijiet kollha tal-evalwazzjoni rigward l-effikaċja tal-programmi operazzjonali. Ir-raġunijiet huma n-numru żgħir ħafna ta’ programmi operazzjonali approvati skont ir-reġim il-ġdid (eż. PO waħda biss bi programm operazzjonali fil-Bulgarija u r-Rumanija) u n-nuqqas ta’ dejta affidabbli dwar l-effetti ta’ dawn il-programmi.

[31]             F’dan ir-rigward ara l-premessa 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1182/2007 (ĠU L 273, 17.10.2007, p. 1), li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew integrati fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

Top