EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0033

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Li tindirizza l-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu

/* COM/2014/033 final */

52014DC0033

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Li tindirizza l-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu /* COM/2014/033 final */


1.           Introduzzjoni

Il-possibbiltà għaċ-ċittadini li jesprimu r-rieda politika tagħhom billi jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-vot, li huwa wieħed mid-drittijiet politiċi fundamentali taċ-ċittadinanza, hija parti min-nisġa tad-demokrazija stess. L-Unjoni Ewropea nnifisha hija bbażata fuq il-valur tar-rispett għad-demokrazija[1]. Kull cittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni[2]. Il-Kummissjoni tqis bħala prijorità li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja demokratika tal-Unjoni[3]. Id-drittijiet politiċi taċ-ċittadini tal-UE kienu prominenti matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, iddedikata għall-promozzjoni ta' dibattitu u s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet li jiġu maċ-ċittadinanza tal-UE.

Wieħed mill-ostakli li jħabbtu wiċċhom miegħu ċ-ċittadini tal-UE minn ċerti Stati Membri bħala atturi politiċi fl-Unjoni, identifikat fir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE[4], hija li jitilfu d-dritt li jivvutaw (“jitneħħielhom id-dritt għall-vot”) fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom ladarba jkunu residenti f'pajjiż ieħor għal ċertu perjodu ta’ żmien, anke meta jkunu residenti fi Stat Membru ieħor. Bħala konsegwenza, dawn iċ-ċittadini ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet nazzjonali, la fl-Istat Membru ta’ oriġini u lanqas fl-Istat Membru ta’ residenza.

Skont l-Artikolu 4(2) tat-TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom. Għalhekk, hija kwistjoni għal kull Stat Membru, filwaqt li jiġi rispettat il-valur tar-rispett għad-demokrazija, komuni għall-Istati Membri kollha, li jiddeċiedi huwa biss dwar il-kompożizzjoni tal-elettorat għall-elezzjonijiet nazzjonali tiegħu.

Madankollu, irid jitqies li l-politiki nazzjonali li jwasslu għat-tneħħija tad-dritt għall-vot liċ-ċittadini jistgħu jitqiesu li jillimitaw it-tgawdija tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE, bħad-dritt tal-libertà ta' moviment u ta' residenza fl-UE, li huwa dritt fundamentali ta’ kull ċittadin tal-UE. Dan imur kontra l-premessa kostituttiva taċ-ċittadinanza tal-UE, jiġifieri li din tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u li hija mfassla biex tagħti drittijiet addizzjonali liċ-ċittadini tal-UE, filwaqt li f’dan il-każ l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu jista’ jwassal għal telf ta’ dritt ta’ parteċipazzjoni politika.

Politiki bħal dawn imorru kontra x-xejra globali kurrenti li ċittadini mhux residenti jitħallew jivvutaw.[5] Barra minn hekk, iċ-ċittadini tal-UE residenti fi Stat Membru ieħor jistgħu jżommu rabtiet mill-qrib matul ħajjithom mal-pajjiż ta' oriġini tagħhom u jkomplu jiġu direttament milquta minn atti adottati mil-leġiżlatura hemmhekk (pereżempju ħlas ta' taxxi, drittijet għall-pensjoni). B’mod partikulari, l-aċċess mifrux għal xandiriet televiżivi bejn il-fruntieri[6] u d-disponibbiltà tal-internet u teknoloġiji ta’ komunikazzjoni mobbli oħra bbażati fuq l-internet, inkluża l-midja soċjali, jagħmluha aktar faċli minn qatt qabel li wieħed jibqa' f'kuntatt mal-politika lokali barra mill-pajjiż u li jieħu sehem fl-iżviluppi soċjali u politiċi hemmhekk.

Il-petizzjonijiet rikorrenti, il-mistoqsijiet mill-Membri tal-Parlament Ewropew u l-korrispondenza mill-pubbliku ġenerali jiżvelaw li ċ-ċittadini tal-UE huma kkonċernati b’dak li huma jqisu bħala nuqqas fid-drittijiet politiċi tagħhom. Ġeneralment, l-Ewropej jaħsbu li ċ-ċittadini tal-UE ma għandhomx jitilfu d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż ta' nazzjonalità tagħhom sempliċement minħabba li jkunu marru jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE[7].

Għal dawn ir-raġunijiet, — fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-2010 — il-Kummissjoni ħabbret li se tniedi diskussjoni biex tidentifika l-għażliet politiċi biex tevita li ċ-ċittadini tal-UE jitilfu d-drittijiet politiċi tagħhom minħabba li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu (l-azzjoni 20).

Bħala segwitu, il-Kummissjoni kitbet lil ċerti Stati Membri, u spjegat il-fehmiet tagħha dwar l-impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-UE li jirriżulta mit-tneħħija tad-drittijiet għall-vot u staqsiet għall-kontribuzzjonijiet tagħhom għal riflessjoni komuni dwar is-suġġett. It-tweġibiet ipprovdew kjarifiki dwar il-liġijiet u l-politiki kurrenti u dwar dibattiti fil-livell nazzjonali.

Fid-19 ta’ Frar 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni flimkien organizzaw smigħ konġunt dwar iċ-ċittadinanza tal-UE. Il-parteċipanti, fosthom iċ-ċittadini affettwati tal-UE, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-esperti enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu vvalutati mill-ġdid il-politika eżistenti li jneħħu d-drittijiet għall-vot liċ-ċittadini — u l-ġustifikazzjonijiet li huma bbażati fuqhom — fid-dawl tal-iżviluppi kurrenti lejn parteċipazzjoni demokratika aktar inklużiva fl-UE.

Fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2013 "Ċittadini tal-UE: id-drittijiet tagħkom, il-futur tagħkom"[8] il-Kummissjoni enfasizzat li l-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja demokratika tal-UE fil-livelli kollha hija l-essenza taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Għaldaqstant, hija ħabbret li kienet se tipproponi modi kostruttivi biex tippermetti liċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor sabiex jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja demokratika tal-UE billi jżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (l-azzjoni 12).

Din il-Komunikazzjoni tagħti effett lil dan l-impenn. Hija tibbaża fuq ir-riżultat ta’ dibattiti kontinwi fil-livell nazzjonali u tal-UE, li jinvolvu s-soċjetà ċivili, l-akkademiċi u ċ-ċittadini tal-UE infushom. Hija għandha l-għan li tissuġġerixxi modi kostruttivi biex issaħħaħ id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jipparteċipaw f'ħajja demokratika tal-Unjoni u d-dritt tagħhom għal moviment liberu, billi tillimita l-konsegwenzi fuq il-politiki, miżuri u prattiki amministrattivi nazzjonali ta’ tneħħija tad-drittijiet għall-vot, li għandhom jiġu esplorati f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn Rakkomandazzjoni li tipproponi soluzzjonijiet inklużivi u proporzjonali għal dan l-għan.

2.           Is-Sitwazzjoni Attwali fl-Istati Membri

Ħafna mill-Istati Membri għandhom regoli li jċaħħdu liċ-ċittadini mid-drittijiet għall-vot tagħhom għal raġunijiet ta’ kundanni kriminali għal offiżi serji jew għal raġunijiet ta’ telf ta’ kapaċità ġuridika marbutin ma’ problemi ta’ saħħa mentali u persuni b’diżabilitajiet intellettwali.

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, f'ħames Stati Membri r-reġimi legali li huma attwalment applikabbli jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stati Membri oħrajn jistgħu jitilfu d-dritt tagħhom għall-vot sempliċiment fuq il-bażi li huma ilhom residenti barra mill-pajjiż għal ċertu perjodu ta’ żmien.[9] Il-karatteristiċi ewlenin ta' dawn ir-reġimi jistgħu jitqassru kif ġej:

Fid-Danimarka, iċ-ċittadini Daniżi li jħallu l-pajjiż jitħallew jibqgħu fir-reġistru elettorali jekk huma jirreġistraw l-intenzjoni tagħhom li jirritornaw fi żmien sentejn[10] — regola li tirrifletti r-rekwiżit minqux fil-Kostituzzjoni ta’ residenza permanenti bħala prekundizzjoni għal votazzjoni fl-elezzjonijiet nazzjonali.[11] Xi votanti[12] jitqiesu li għandhom residenza permanenti fid-Danimarka irrispettivament minn jekk jgħixux barra mill-pajjiż.

Bl-istess mod, iċ-ċittadini Irlandiżi li jitilqu mill-Irlanda huma permessi li jibqgħu fir-reġistru elettorali biss jekk huma jirreġistraw l-intenzjoni tagħhom li jirritornaw fi żmien 18-il xahar[13]. Madankollu, fil-kuntest tal-pjan tagħha għal riforma kostituzzjonali, fl-2013 il-Konvenzjoni Kostituzzjonali tal-Irlanda eżaminat il-kwistjoni li tneħħi din il-limitazzjoni u ssuġġeriet, fir-rapport tagħha sottomess lill-Gvern Irlandiż fil-25 ta’ Novembru 2013[14], li tagħti liċ-ċittadini Irlandiżi d-dritt għall-vot fl-ambaxxati Irlandiżi għall-elezzjonijiet presidenzjali mingħajr din il-limitazzjoni. Il-Gvern Irlandiż huwa mistenni li jippubblika t-tweġiba tiegħu għar-rapport f’Marzu 2014.

Iċ-ċittadini Ċiprijotti jitilfu d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali jekk ma jkunux residenti f’Ċipru matul is-sitt xhur immedjatament qabel dawn l-elezzjonijiet, sakemm ma jkunux residenti barra minn pajjiżhom għax ikunu qed jistudjaw jew jaħdmu temporanjament hemm, jew għal raġunijiet ta’ saħħa[15].

Skont il-Kostituzzjoni Maltija, iċ-ċittadini Maltin jitilfu d-dritt tagħhom li jivvutaw jekk ma jkunux residenti hemmhekk għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur f’perjodu ta’ tmintax-il xahar immedjatament qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali[16].

Iċ-ċittadini Brittaniċi jitilfu d-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet parlamentari tar-Renju Unit jekk ma jkunux ġew irreġistrati biex jivvutaw b'indirizz fir-Renju Unit f'xi ħin fil-15-il sena preċedenti[17]. Matul dawn l-aħħar snin, il-gvernijiet u l-parlamenti suċċessivi qiesu li, fil-prinċipju, din ir-restrizzjoni hija meħtieġa u ġustifikata. Din ir-restrizzjoni kienet ikkontestata quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li, skont il-ġurisprudenza preċedenti, ma ħassitx li kien kuntrarju għall-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem[18]. Il-kompatibbiltà ta' din ir-regola għadha ma ġietx stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[19].

Ftit Stati Membri jimponu ċerti kundizzjonijiet oħrajn biex iżommu d-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali.

Iċ-ċittadini Ġermaniżi residenti barra mill-pajjiż huma eliġibbli li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali sakemm dawn jissodisfaw waħda mill-kunidizzjonijiet li ġejjin: i) li kienu residenti fil-Ġermanja għal perjodu mhux interrott ta' mill-inqas tliet xhur wara li jkunu għalqu l-erbatax-il sena u dan il-perjodu ma jmurx lura aktar minn 25 sena; jew ii) li jkunu familjari, personalment u direttament, mas-sitwazzjoni politika fil-Ġermanja u jkunu affettwati minnha[20].

Il-liġi Awstrijaka[21] teħtieġ liċ-ċittadini li japplikaw qabel ma jħallu l-pajjiż sabiex jibqgħu rreġistrati fir-reġistru elettorali u biex iġeddu din l-applikazzjoni kull għaxar snin, — tiġdid li jista’ jsir b’mezzi elettroniċi. L-awtoritajiet huma obbligati li jagħmlu liċ-ċittadini li jgħixu barra mill-pajjiż konxji mit-tneħħija tagħhom mir-reġistru elettorali u jiżguraw il-pubbliċità dwar id-dritt taċ-ċittadini barra mill-pajjiż biex jirreġistraw fir-reġistru.

3.           Il-Perspettiva tal-Kunsill tal-Ewropa

L-Istati għandhom id-dritt sovran li jiddeterminaw, b’konformità man-normi internazzjonali li huma marbutin bihom, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju miċ-ċittadini tagħhom tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali, inklużi l-kundizzjonijiet li jeħtieġu residenza fil-pajjiż. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ivvalutat tali kundizzjonijiet ta’ residenza fid-dawl tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem[22] u aċċettat, fil-każijiet kollha li eżaminat s’issa, li fil-prinċipju, mhumiex restrizzjoni arbitrarja tad-dritt għall-vot[23]. Il-Qorti elenkat il-fatturi li jistgħu jiġġustifikaw dawn il-kundizzjonijiet:[24]

· is-suppożizzjoni li ċittadin li mhuwiex residenti huwa inqas direttament jew kontinwament ikkonċernat bil-problemi ta' kuljum tal-pajjiż u għandu anqas għarfien minnhom;

· li ma jkunx prattikabbli għall-kandidati li jippreżentaw il-kwistjonijiet liċ-ċittadini barra minn pajjiżhom u li dawn tal-aħħar ma għandhom l-ebda influwenza fuq l-għażla tal-kandidati jew fuq il-formulazzjoni tal-programmi elettorali tagħhom;

· ir-rabta mill-qrib bejn id-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet parlamentari u li jiġu affettwati direttament mill-atti ta’ korpi politiċi eletti; u

· it-tħassib leġittimu li tiġi llimitata l-influwenza fl-elezzjonijiet ta’ ċittadini li jgħixu barra mill-pajjiż fuq kwistjonijiet li, avolja huma fundamentali, primarjament jaffettwaw persuni li jgħixu fil-pajjiż.

Madankollu, dawn il-ġustifikazzjonijiet għandhom jitqiesu kontra l-prinċipji li jsaħħu l-parteċipazzjoni politika. Kif rikonoxxut mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, "Id-dritt għall-vot mhuwiex privileġġ. Fis-seklu 21, is-suppożizzjoni fi Stat demokratiku trid issir favur l-inklużjoni [...] Kwalunkwe tbegħid ġenerali, awtomatiku u indiskriminat mill-prinċipju tal-vot universali għandi r-riskju li jimmina l-validità demokratika tal-leġiżlatura eletta b'dan il-mod u l-liġijiet li tippromulga.”[25]

Skont il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja), fejn hemm limitu ta’ żmien stabbilit għaż-żamma tad-dritt għall-vot wara li ċittadin jemigra, huwa preferibbli li s-sitwazzjoni tiġi "kkunsidrata mill-ġdid” mal-iskadenza tal-perjodu minfolk ma d-dritt għall-vot purament u sempliċement jintilef. L-Istati jistgħu jpoġġu ċerti restrizzjonijiet formali fuq id-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini residenti barra mill-pajjiż, bħar-rekwiżit li jirreġistraw fuq reġistru elettorali, li normalment jibqa’ validu biss għal perjodu limitat. Dan jippermetti l-esklużjoni ta' persuni bla ebda rabtiet mal-pajjiż ta' oriġini filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità[26].

Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat l-eżistenza ta’ xejra kurrenti li ċ-ċittadini li mhumiex residenti jitħallew jivvutaw. Hi u tirrevedi l-liġijiet tal-Istati li huma membri tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Qorti sabet li “l-qawmien ta' teknoloġiji ġodda u trasport orħos ippermetta li l-migranti jżommu livell ogħla ta’ kuntatt mal-Istat ta' nazzjonalità tagħhom milli kien ikun possibbli għal ħafna migranti erbgħin, anke tletin, sena ilu. Dan wassal għal għadd ta' Stati […] li jemendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom biex jippermettu għall-ewwel darba lil dawk li mhumiex residenti li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali." Għaldaqstant, hija kkonkludiet li hemm xejra ċara favur il-permess għall-vot għaċ-ċittadini li mhumiex residenti, anke jekk għadu ma jeżisti l-ebda approċċ Ewropew komuni[27].

4.           Il-Kuntest tal-UE

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, meta kwistjoni taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri – bħad-definizzjoni tal-għamla tal-elettorat għall-elezzjonijiet nazzjonali – l-Istati Membri xorta jridu jeżerċitaw dik il-kompetenza skont il-liġi tal-UE, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta’ kull ċittadin tal-UE li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u għaldaqstant jevita kull diskriminazzjoni ċara jew moħbija fuq il-bażi tan-nazzjonalità[28].

F’dan ir-rigward, il-Qorti, pereżempju, irrikonoxxiet, fir-rigward tal-elezzjonijiet Ewropej, li kriterju marbut mar-residenza fil-prinċipju mhuwiex xieraq biex jiddetermina min għandu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat, filwaqt li għamlitha ċara li dan il-kriterju ma għandux jirriżulta fi ksur tal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-UE, b’mod partikulari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni[29].

Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-kompożizzjoni tal-elettorat għall-elezzjonijiet huma differenti. Billi, bħalissa, l-ebda Stat Membru ma għandu politika ġenerali li tagħti liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn residenti fit-territorju tiegħu d-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali[30], iċ-ċittadini tal-UE li jitneħħielhom id-dritt għall-vot normalment jispiċċaw mingħajr dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali f'kull Stat Membru. Madankollu, billi l-Unjoni għadha ma użatx il-possibbiltà tal-Artikolu 25 tat-TFUE li tikkumplimenta l-lista ta' drittijiet li jgawdu minhom iċ-ċittadini tal-Unjoni, il-liġi tal-UE ma tistax tiggarantixxi lil ċittadin tal-UE li trasferiment tar-residenza tiegħu lejn Stat Membru ieħor se tkun kompletament newtrali fir-rigward tad-dritt tiegħu li jivvota fl-elezzjonijiet nazzjonali.[31]

Madankollu, din is-sitwazzjoni tista’ tirriżulta fi tfixkil mit-tgawdija sħiħa tad-drittijiet u l-benefiċċji li ġġibilhom iċ-ċittadinanza tal-UE fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

L-ewwel nett, is-sitwazzjoni attwali tista' tinħass inkompatibbli mal-premessa kostituttiva taċ-ċittadinanza tal-UE.

Skont l-Artikolu 20 tat-TFUE, l-istatus taċ-ċittadinanza tal-Unjoni jiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u mhux jissostitwixxiha. Id-drittijiet ewlenin marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE għandhom jingħataw liċ-ċittadini tal-UE flimkien ma' dawk li ġejjin miċ-ċittadinanza nazzjonali tagħhom. Wieħed ma għandux jistenna li l-eżerċizzju tad-drittijiet marbut maċ-ċittadinanza tal-Unjoni jirriżulta mit-telf tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali, li huwa ġeneralment marbut maċ-ċittadinanza nazzjonali.

It-tieni, politiki nazzjonali tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot jistgħu jinfluwenzaw il-mod kif iċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

Pereżempju, dawn iċ-ċittadini jistgħu jqisu li ma jiddikjarawx iċ-ċaqliq tagħhom lill-awtoritajiet amministrattivi sabiex jiżguraw li ma jitilfux id-drittijiet politiċi tagħhom fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

It-tielet, il-politiki tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot iwasslu għal nuqqas fid-drittijiet politiċi taċ-ċittadini tal-UE kkonċernati li huwa inkonsistenti mal-isforzi biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.

Għalkemm iċ-ċittadini tal-UE li jitneħħewlhom id-drittijiet għall-vot iżommu d-dritt li jeleġġu l-membri tal-Parlament Ewropew, dawn ma għandhomx id-dritt li jipparteċipaw fil-proċessi nazzjonali li jwasslu għall-kompożizzjoni tal-gvernijiet nazzjonali, li l-Membri tagħhom jiffurmaw il-Kunsill, il-koleġiżlatur l-ieħor tal-Unjoni, u dan huwa inkonsistenti mal-isforzi biex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-involviment taċ-ċittadini fl-isfera pubblika nazzjonali u Ewropea.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ssuġġeriet xi għażliet li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskju ta' tneħħija tad-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini tal-UE li sempliċiment jagħmlu użu mid-dritt tagħhom għal moviment liberu.

Dawn l-għażliet huma mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kummissjoni bħala l-gwardjana tat-Trattati u għar-regoli tat-Trattat dwar id-dritt għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

5.           Għażliet biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot

5.1.        Għażliet mhux xierqa minn perspettiva tal-UE

Waħda mill-għażliet imressqa f’dawn l-aħħar snin biex tirrimedja t-telf tad-drittijiet politiċi fil-pajjiż ta’ oriġini hija n-naturalizzazzjoni fil-pajjiż ta’ residenza, li twassal għall-akkwist tad-drittijiet politiċi hemmhekk. Madankollu, il-promozzjoni tan-naturalizzazzjoni fil-pajjiż ospitanti bħala mezz biex jiżdiedu d-drittijiet politiċi tikkontradixxi r-rwol taċ-ċittadinanza tal-UE bħala l-mezz primarju għall-promozzjoni tar-rispett għall-identità nazzjonali u d-diversità, u tiżgura l-ugwaljanza tat-trattament irrispettivament min-nazzjonalità. Barra minn hekk, din l-għażla ma tikkunsidrax il-kumplessità tal-mobilità fl-UE. L-individwi jistgħu jgħixu f’diversi pajjiżi għal perjodi itwal jew iqsar— eventwalment anke jirritornaw lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Huma ma jistgħux ikunu mistennija jakkwistaw nazzjonalitajiet multipli jew suċċessivi biex iżommu d-drittijiet politiċi biss.

Għażla oħra, notevolment promossa mill-akademiċi[32], tkun li jitwaqqaf djalogu strutturat jew metodu miftuħ ta' koordinazzjoni biex l-Istati Membri jitħeġġu jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku — fuq bażi bilaterali jew multilaterali — tad-drittijiet għall-vot għaċ-ċittadini tagħhom li jgħixu fi Stati Membri oħrajn (speċjalment pajjiżi tal-viċinat jew dawk li jkollhom rabtiet b'saħħithom magħhom). Madankollu, dan l-approċċ jirriżulta fi frammentazzjoni u drittijiet għall-vot asimetriċi għaċ-ċittadini tal-UE madwar l-UE[33].

5.2.        Soluzzjonijiet xierqa fil-qafas tal-UE

5.2.1.     Soluzzjonijiet proporzjonati ta' terminu qasir

Ir-regoli li bħalissa huma applikabbli f'ċerti Stati Membri huma bbażati fuq il-preżunzjoni li li tkun residenti barra mill-pajjiż għal tul ta' żmien partikulari jfisser li l-konnessjoni mal-proċess politiku fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom tkun intilfet. Madankollu, din il-preżunzjoni mhijiex korretta f’kull każ individwali. Għaldaqstant, jista’ jkun xieraq li ċ-ċittadini b'riskju li jitneħħielhom id-dritt għall-vot jinagħataw il-possibbiltà li juru l-interess kontinwu tagħhom fil-ħajja politika fl-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini.

Illum jeżistu possibbiltajiet għal ċittadini tal-UE sabiex jibqgħu konnessi mal-ħajja politika fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u x-xejriet kurrenti huma lejn aktar strateġiji inklużivi għall-parteċipazzjoni politika. Flimkien mal-importanza ewlenija tad-dritt għall-moviment liberu fl-UE, din turi li għandhom jitpoġġew fis-seħħ soluzzjonijiet proporzjonati ta' terminu qasir. Dawn għandhom jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini tal-UE biex jiddeċiedu huma stess is-saħħa tar-rabtiet li jżommu mal-pajjiż ta’ oriġini.

Fir-rigward ta’ kriterji xierqa li jagħtu evidenza ta’ dawn ir-rabtiet, azzjoni pożittiva min-naħa tal-individwi bħall-applikazzjoni tagħhom li jibqgħu reġistrati fir-reġistru elettorali għandha titqies biżżejjed għal dan l-għan – u jidher li tkun l-aktar soluzzjoni sempliċi u l-anqas waħda skomda għaċ-ċittadini stess.

L-Istati Membri li jillimitaw id-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi esklużiva ta' kundizzjoni ta’ residenza għandhom jippermettu liċ-ċittadini tagħhom li jużaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza fl-Unjoni Ewropea li jżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw jekk juru interess kontinwu fil-ħajja politika fl-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, inkluż permezz ta’ applikazzjoni biex jibqgħu rreġistrati fir-reġistru elettorali.

Il-possibbiltà li ċ-ċittadini jintalbu applikazzjoni biex jibqgħu reġistrati fir-reġistru elettorali għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jitolbu liċ-ċittadini tagħhom li jġeddu dawn l-applikazzjonijiet f'intervalli xierqa, b'hekk jikkonfermaw il-persistenza ta' dan l-interess.[34]

F'każijiet fejn l-Istati Membri jippermettu liċ-ċittadini tagħhom residenti fi Stat Membru ieħor li jżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali permezz ta’ applikazzjoni biex jibqgħu rreġistrati fir-reġistru elettorali, dawn l-Istati Membri jistgħu jwaqqfu arranġamenti proporzjonati ta’ akkumpanjament, bħal applikazzjoni mill-ġdid f’intervalli xierqa.

Biex jiġi mminimizzat il-piż għal ċittadini barra minn pajjiżhom, is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tagħhom li jirreġistraw jew li jibqgħu reġistrati fir-reġistri elettorali għandha tkun possibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi.

L-Istati Membri li jippermettu liċ-ċittadini tagħhom residenti fi Stat Membru ieħor li jżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali permezz ta’ applikazzjoni jew ta’ applikazzjoni mill-ġdid biex jibqgħu rreġistrati fir-reġistru elettorali għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet rilevanti kollha jistgħu jiġu sottomessi b'mod elettroniku.

Fl-aħħar nett, huwa importanti li tiġi żgurata informazzjoni xierqa dwar iċ-ċittadini li jiċċaqalqu lejn jew li huma residenti fi Stat Membru ieħor dwar il-kundizzjonijiet biex iżommu d-drittijiet tal-vot tagħhom. Din l-informazzjoni tista’ tkun disponibbli f’fuljetti, xandiriet u informazzjoni mmirata minn konsulati, ambaxxati u organizzazzjonijiet ta’ espatrijati.

L-Istati Membri li jipprovdu għat-telf tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali miċ-ċittadini tagħhom residenti fi Stat Membru ieħor għandhom jinfurmawhom b’mezzi xierqa u b'mod f'waqtu dwar il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti prattiċi biex iżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali.

Viżjoni ta' terminu itwal

Din ir-riflessjoni dwar it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini tal-UE billi jiġu trattati l-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot ma għandhiex tipprevjeni riflessjoni ta' terminu itwal dwar kif jiġi rimedjat in-nuqqas fil-parteċipazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-livell nazzjonali u, fejn rilevanti, dak reġjonali. Fil-fatt, l-għoti tad-drittijiet għall-vot fil-pajjiż ospitanti hija ppreżentata f’dibattiti kurrenti anke bħala kontribut lejn it-titjib tal-parteċipazzjoni politika ta’ ċittadini tal-UE li tneħħewlhom id-drittijiet għall-vot li jispiċċaw mingħajr dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali f'kull parti tal-UE.

B’mod ċar, din hija kwistjoni ħafna usa', — waħda li tikkontribwixxi biex jingħata effett sħiħ lid-dritt ta’ kull ċittadin li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, tagħti lok lil ċittadini mobbli tal-UE biex jintegraw aħjar fil-pajjiż ospitanti tagħhom u ssaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-UE.

Kif imħabbar fir-Rapport tal-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, huwa xieraq li tiġi eżaminata din il-kwistjoni fil-kuntest tar-riflessjonijiet usa’ li jmiss dwar il-futur tal-UE.

6.           Konklużjoni

Meta wieħed iqis id-djalogu politiku dwar it-tneħħija tad-drittijiet għall-vot mal-partijiet interessati rilevanti kollha, l-atturi istituzzjonali u s-soċjetà ċivili u b’reazzjoni għall-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE infushom, kif intqal fil-konsultazzjonijiet pubbliċi u d-Djalogi maċ-ċittadini dwar il-futur tal-UE, il-Kummissjoni qed tissuġġerixxi soluzzjonijiet xierqa. Ir-raġunament tal-politiki kurrenti tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot għandu jiġi vvalutat mill-ġdid fid-dawl tar-realtajiet soċjoekonomiċi u teknoloġiċi, l-istat preżenti ta’ integrazzjoni Ewropea u x-xejriet kurrenti lejn parteċipazzjoni politika inklużiva. Ir-rwol fundamentali taċ-ċittadinanza tal-UE huwa ta’ rilevanza f’dan ir-rigward biex jippermetti li ċ-ċittadini jiġu trattati bħala membri ugwali u vvalutati tal-komunità, kemm fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom kif ukoll fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom.

Din il-Komunikazzjoni tidentifika soluzzjonijiet kostruttivi possibbli li hija tissuġġerixxi lill-Istati Membri kkonċernati biex jesplorawhom. Fir-Rakkomandazzjoni li takkumpanjaha, il-Kummissjoni tipproponi approċċi inklużivi u proporzjonati lejn id-drittijiet politiċi taċ-ċittadini li jeżerċitaw id-drittijiet ta’ moviment liberu tagħhom, fuq il-bażi tal-premessa li dawn iċ-ċittadini għandu jkollhom is-setgħa li jiddeterminaw huma stess jekk iżommux interess qawwi fil-ħajja politika tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-iżviluppi lejn l-indirizzar tal-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu meta jirrappurtaw dwar il-progress lejn iċ-ċittadinanza effettiva tal-UE.

[1]               L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

[2]               L-Artikolu 10(3) tat-TUE.

[3]               Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Tħejjija għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014: aktar titjib fit-twettiq demokratiku u effiċjenti tagħhom" tat-12 ta' Marzu 2013 (COM(2013) 126) u Rakkomandazzjoni dwar "It-tisħiħ tal-kondotta demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew" tat-12 ta' Marzu 2013 (C(2013) 1303).

[4]               COM(2010)603.

[5]               Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-7 ta' Mejju 2013 fil-kawża Shindler v. ir-Renju Unit, il-paragrafi 110 u 115.

[6]               Iffaċilitata bid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja awdjoviżiva),

[7]               Kważi żewġ terzi (65 %) tal-Ewropej iqisu mhux ġustifikat li ċ-ċittadini tal-UE residenti f’pajjiż tal-UE li mhux il-pajjiż ta' oriġini tagħhom jitilfu d-drittijiet għall-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali: L-istħarriġ tal-Ewrobarometru 2012 nru 364 dwar "Id-drittijiet elettorali", http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_364_en.pdf. Din kienet il-fehma ta' proporzjon similment għoli ta’ dawk li wieġbu (62 %) għal konsultazzjoni pubblika onlajn dwar iċ-ċittadinanza tal-UE: Konsultazzjoni Pubblika tal-2012 "Ċittadini tal-UE — id-drittijiet tagħkom, il-futur tagħkom", http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/report_eucitizenship_consultation_en.pdf.

[8]               COM(2013) 269.

[9]               Ċipru, id-Danimarka, l-Irlanda, Malta u r-Renju Unit.

[10]             L-Artikolu 2(3) tal-Kapitolu I, il-Parti I, tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Parlamentari Nru 271 tat-13 ta’ Mejju 1987, kif emendat l-aħħar fl-2009.

[11]             Il-paragrafu 29 tal-Parti IV tal-Att Kostituzzjonali tal-5 ta’ Ġunju 1953.

[12]             Prinċipalment diplomatiċi, impjegati ta’ aġenziji pubbliċi jew kumpaniji privati, jew organizzazzjonijiet internazzjonali jew organizzazzjonijiet Daniżi għall-għajnuna, studenti li jistudjaw barra mill-pajjiż, jew persuni li jgħixu barra mill-pajjiż għal raġunijiet ta’ saħħa.

[13]             L-Artikolu 11(3) lit a) tal-Parti II tal-Att Elettorali Nru 23 tal-1992.

[14]             Il-Ħames Rapport sottomess lil Oireachtas huwa disponibbli fuq https://www.constitution.ie/Default.aspx

[15]             L-Artikolu 5 tal-Att 72/1979 u l-Artikolu 11 tal-Att 40/1980, kif emendat l-aħħar bl-Att 4(i)/2003).

[16]             Il-paragrafu 57 tal-Kostituzzjoni, kif emendat bl-Att LVIII.1974.23.

[17]             It-Taqsima 1(3) lit c) tal-Att dwar ir-Rappreżentazzjoni tal-Poplu tal-1985, kif emendat mill-Att dwar il-Partiti Politiċi u r-Referendum tal-2000.

[18]             Il-kawża Shindler, iċċitata hawn fuq.

[19]             Din ir-regola ġiet ikkontestata miċ-ċittadini quddiem il-qrati nazzjonali: dawn il-kontestazzjonijiet kienu bla suċċess. Madankollu, s'issa, ma ġiet indirizzata l-ebda mistoqsija preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

[20]             L-Artikolu 1, il-21 Att li jemenda l-Att dwar l-Elezzjonijiet Federali tas-27 ta’ April 2013, il-Gazzetta tal-Liġi Federali I p. 962. Din il-liġi ġiet adottata wara sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża li, wara li vvalutat il-liġi nazzjonali applikabbli qabel, kienet iddeċidiet li l-uniku kriterju preċedenti ta’ soġġorn ta’ tliet xhur fi kwalunkwe żmien fil-Ġermanja bħala kundizzjoni għal ċittadini mhux residenti li jżommu d-dritt għall-vot ma kienx xieraq, fih innifsu, biex juri li l-persuni kkonċernati huma familjari mas-sitwazzjoni politika nazzjonali u affettwati minnha. Minflok, il-Qorti kienet għamlet enfasi, b’mod partikulari, fuq jekk il-persuni kinux familjari mas-sistema politika mhux biss permezz ta’ informazzjoni miksuba permezz ta’ midja moderna iżda anke b'mod dirett, pereżempju permezz ta' sħubija ma' assoċjazzjonijiet jew partiti, u fuq jekk l-Istat setax jimponi dazji fuqhom; Is-Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2012 (2 BvC 1/11 u 2 BvC 2/11, il-paragrafi 44, 45, 47, 50, 52, 56.

[21]             L-Artikoli 2(3) u 2a(1) tal-Att dwar ir-Reġistru Elettorali 1973.

[22]             L-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 jagħti d-dritt għal elezzjonijiet ħielsa billi jimponi fuq il-partijiet kontraenti obbligu li “jżommu elezzjonijiet liberi f’intervalli xierqa b’votazzjoni sigrieta, taħt kundizzjonijiet li jiżguraw l-espressjoni libera tal-opinjoni tal-poplu fl-għażla tal-leġislatura".

[23]             L-aktar riċentement fil-Kawża Shindler, iċċitata hawn fuq.

[24]             Ara b’mod partikulari s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 1999, Hilbe v Liechtenstein, u l-Kawża Shindler, iċċitata hawn fuq, il-para. 105

[25]             Il-kawża Shindler, iċċitata hawn fuq, il-para. 103

[26]             Ir-Rapport dwar il-Votazzjoni Barra mill-Pajjiż, l-24 ta’ Ġunju 2011 (CDL-AD (2011) 022), il-paragrafi 72 u 76.

[27]             Il-kawża Shindler, iċċitata hawn fuq, il-paragrafi 110, 115.

[28]             Il-Kawża C-403/03, Schempp, il-para. 19.

[29]             Il-Kawża C-300/04, Eman and Sevinger, il-paragrafi 55 u 61.

[30]             L-uniċi eċċezzjonijiet huma l-possibbiltà għaċ-ċittadini Irlandiżi u għaċ-ċittadini ta’ Ċipru u ta' Malta (meqjsuin bħala "Ċittadini kwalifikanti tal-Commonwealth”) li jivvutaw fl-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali fir-Renju Unit u l-possibbiltà għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li jivvutaw fl-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali fl-Irlanda.

[31]             Skont l-Artikolu 25 (2) tat-TFUE, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, jista' jadotta dispożizzjonijiet biex isaħħaħ jew biex iżid id-drittijiet li jgawdu minnhom iċ-ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikolu 20 (2) tat-TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet jidħlu fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

[32]             J. Shaw, E.U. citizenship and political rights in an evolving European Union, Fordham L. Rev., Vol. 75 2549, 2567 (2007).

[33]             Iċ-ċittadini ta’ Stati Membri li jneħħu d-drittijiet għall-vot jistgħu jakkwistaw id-dritt għall-vot f’xi Stati Membri oħrajn jew kollha kemm huma, imma ma jkun hemm l-ebda garanzija ta’ tali dritt għaċ-ċittadini tat-23 Stat Membru li ma jneħħux id-drittijiet għall-vot.

[34]             Din hija s-sistema fl-Awstrija, fejn tali applikazzjoni mill-ġdid hija meħtieġa kull għaxar snin.

Top