Linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE fis-settur tal-assigurazzjoni, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-236/09 (Test-Achats) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU C 11, 13.1.2012, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE fis-settur tal-assigurazzjoni, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-236/09 (Test-Achats)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2012/C 11/01
1. INTRODUZZJONI
1. L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat- 13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ (sic) merkanzija u servizzi [1] (minn issa ’l quddiem "id-Direttiva") jirregola l-użu ta’ fatturi attwarjali li għandhom x’jaqsmu mas-sess fl-għoti tal-assigurazzjoni u ta’ servizzi finanzjarji oħrajn relatati. L-Artikolu 5(1) jipprovdi li, għall-kuntratti ġodda konklużi wara l- 21 ta' Diċembru 2007, l-użu tas-sess ta’ dak li jkun bħala fattur attwarjali biex jinħadmu l-primjums u l-benefiċċji ma jridx jirriżulta f’differenzi fil-primjums u fil-benefiċċji tal-individwi (minn issa 'l quddiem "ir-regola unisex"). L-Artikolu 5(2) jipprovdi għal deroga minn din ir-regola billi jippermetti lill-Istati Membri jżommu differenzi proporzjonati fil-primjums u fil-benefiċċji tal-individwi fil-każijiet fejn l-użu tas-sess tal-individwu jkun fattur determinanti fl-istima tar-riskju, fuq il-bażi ta’ dejta attwarjali u statistika rilevanti u preċiża.
2. F’sentenza li tat fl- 1 ta’ Marzu 2011 [2] (minn issa ’l quddiem "is-sentenza Test-Achats"), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (minn issa ’l quddiem "Il-Qorti tal-Ġustizzja") ddikjarat l-Artikolu 5(2) invalidu b’effett mill- 21 ta’ Diċembru 2012. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li jagħmilha possibbli li l-Istati Membri jżommu bla limiti ta’ żmien eżenzjoni mir-regola unisex stabbilita fl-Artikolu 5(1), l-Artikolu 5(2) imur kontra l-ilħuq tal-għan li l-irġiel u n-nisa jiġu ttrattati l-istess meta jinħadmu l-primjums u l-benefiċċji tal-assigurazzjoni, li huwa l-iskop tad-Direttiva kif iddefinit mil-leġiżlatur fis-settur tal-assigurazzjoni, u huwa għalhekk inkompatibbli mal-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
3. Bħalissa, l-Istati Membri kollha kemm huma jippermettu li jsir divrenzjar fil-każ ta' mill-inqas tip wieħed ta' assigurazzjoni. B’mod partikulari, fl-Istati Membri kollha kemm huma l-assiguraturi jitħallew jużaw is-sess ta' dak li jkun bħala fattur għall-evalwazzjoni tar-riskji sabiex tinħareġ assigurazzjoni fuq il-ħajja [3]. Għalhekk, is-sentenza Test-Achats se jkollha implikazzjonijiet fl-Istati Membri kollha.
4. Dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-konformità mas-sentenza Test-Achats fil-livell nazzjonali. Madanakollu, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija bla ħsara għal kwalunkwe interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lill-Artikolu 5 fil-ġejjieni.
2. LINJI GWIDA
5. Mill- 21 ta’ Diċembru 2012 ’il quddiem, ir-regola unisex li tinsab fl-Artikolu 5(1) trid tiġi applikata mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ eċċezzjoni meta jinħadmu l-primjums u l-benefiċċji tal-individwi fil-kuntratti l-ġodda.
2.1. L-impatt tas-sentenza Test-Achats – il-kuntratti milqutin
2.1.1. L-Artikolu 5(1) irid jiġi applikat mingħajr derogi mill- 21 ta’ Diċembru 2012 ’il quddiem
6. Fis-sentenza Test-Achats, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva "għandha tiġi kkunsidrata bħala invalida wara li jiskadi perijodu tranżitorju xieraq" li jintemm fil- 21 ta’ Diċembru 2012 [4]. Dan ifisser li minn dik id-data ’l quddiem ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1) iridu jiġu applikati mingħajr derogi.
2.1.2. L-Artikolu 5(1) japplika biss għall-kuntratti l-ġodda
7. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni jrid jiġi interpretat skont l-objettiv tad-Direttiva, kif espress fl-Artikolu 5(1), li jipprovdi li r-regola unisex tapplika biss għall-kuntratti l-ġodda konklużi wara li għalaq iż-żmien biex tiġi trasposta d-Direttiva, jiġifieri wara l- 21 ta' Diċembru 2007. Kif spjegat fil-Premessa 18 tad-Direttiva, l-objettiv ta’ din ir-regola huwa li jiġi evitat li jkun hemm aġġustament mill-ġdid tas-suq f’daqqa. Is-sentenza Test-Achats la tibdel dan l-objettiv u lanqas ma tolqot l-applikabbiltà tar-regola unisex għall-kuntratti l-ġodda biss, kif stabbilit fl-Artikolu 5(1). Is-sentenza Test-Achats tfisser li din ir-regola trid tiġi applikata mingħajr l-ebda eċċezzjoni għall-kuntratti l-ġodda li jiġu konklużi mill- 21 ta’ Diċembru 2012 ’il quddiem, minħabba li minn dik id-data l-Artikolu 5(2) ikun invalidu.
8. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-ħtieġa li jkun hemm applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju tal-ugwaljanza jitolbu li t-termini ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea li ma jagħmlu l-ebda referenza espliċita għal-liġi tal-Istati Membri għall-fini li jiġu ddeterminati t-tifsira u l-kamp tal-applikazzjoni tagħha jridu normalment jiġu interpretati b'mod indipendenti u uniformi madwar l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi [5].
9. Id-Direttiva la tiddefinixxi l-kunċett ta’ "kuntratt ġdid" u lanqas ma fiha xi referenza għal-liġijiet nazzjonali rigward x’tifsira trid tiġi applikata għal tali termini. Dan il-kunċett għandu għaldaqstant jitqies, għall-fini tal-applikazzjoni tad-Direttiva, bħala li jiddenota kunċett awtonomu tal-liġi tal-Unjoni Ewropea li jrid jiġi interpretat b’mod uniformi madwar l-Unjoni kollha kemm hi. Din l-interpretazzjoni uniformi tikkorrispondi mal-għan li d-Direttiva trid tilħaq fil-qasam tal-assigurazzjoni, li hu li timplimenta r-regola unisex, wara li jgħaddi l-perjodu ta’ tranżizzjoni. Il-kunċett ta’ "kuntratt ġdid" imsemmi fl-Artikolu 5(1) huwa essenzjali għall-implimentazzjoni fil-prattika ta’ din id-dispożizzjoni. Jekk ikun hemm interpretazzjonijiet diverġenti dwar dan il-kunċett, fuq il-bażi tal-liġjiet nazzjonali dwar il-kuntratti, dan jista’ jwassal mhux biss biex ikun hemm perjodi differenti ta’ tranżizzjoni li jtawlu l-applikazzjoni komprensiva tar-regola unisex iżda wkoll biex jinħolqu kundizzjonijiet li jvarjaw għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Sitwazzjoni bħal din timmina l-objettiv li trid tilħaq id-Direttiva, jiġifieri li, mill-istess data espressa fl-Artikolu 5(1) tagħha [6], jiġi ggarantit b’mod komprensiv li n-nisa u l-irġiel jiġu ttrattati l-istess fl-Istati Membri kollha kemm huma fejn jidħlu l-primjums u l-benefiċċji tal-assigurazzjoni għall-individwi.
10. L-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(1) titlob li ssir distinzjoni ċara bejn il-ftehimiet kuntrattwali eżistenti u dawk ġodda. Din id-distinzjoni trid tissodisfa l-ħtieġa li jkun hemm iċ-ċertezza legali u trid tkun imsejsa fuq kriterji li jevitaw interferenza eċċessiva fid-drittijiet eżistenti u li jħarsu l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet kollha. Dan il-metodu huwa konformi mal-objettiv tad-Direttiva li ma tħallix li jkun hemm aġġustament mill-ġdid tas-suq f’daqqa billi tillimita l-applikazzjoni tar-regola unisex għall-kuntratti l-ġodda biss.
11. Hekk, skont l-Artikolu 5(1), ir-regola unisex tapplika kull meta (a) isir ftehim kuntrattwali li jkun jirrikjedi l-għoti tal-kunsens mill-partijiet kollha, inkluż meta ssir emenda għal kuntratt eżistenti u (b) l-aħħar għoti tal-kunsens min-naħa ta’ parti li jkun meħtieġ biex jiġi konkluż dak il-ftehim iseħħ mill- 21 ta’ Diċembru 2012 ’il quddiem.
12. Konsegwentement, dawn li ġejjin [7] għandhom jitqiesu bħala ftehimiet kuntrattwali ġodda, u għalhekk iridu jikkonformaw mar-regola unisex:
(a) il-kuntratti konklużi għall-ewwel darba mill- 21 ta’ Diċembru 2012 ’il quddiem [8]. Għaldaqstant, l-offerti magħmulin qabel il- 21 ta' Diċembru 2012 iżda li jiġu aċċettati minn dik id-data ’l quddiem iridu jikkonformaw mar-regola unisex;
(b) il-kuntratti bejn partijiet konklużi mill- 21 ta’ Diċembru 2012 ’il quddiem bil-għan li jestendu kuntratti li jkunu ġew konklużi qabel dik id-data, u li kieku kienu jiskadu.
13. Għall-kuntrarju, is-sitwazzjonijiet li ġejjin [9] m’għandhomx jitqiesu bħala li jikkostitwixxu ftehim kuntrattwali ġdid:
(a) il-proroga awtomatika ta’ kuntratt li kien diġà jeżisti jekk ma jingħata l-ebda avviż minn qabel, e.g. avviż ta’ kanċellazzjoni, sa ċerta data skont it-termini ta’ dak il-kuntratt li kien diġà jeżisti;
(b) l-aġġustamenti magħmulin għal elementi individwali ta’ kuntratt eżistenti, bħal bidliet fil-primjums, fuq il-bażi ta’ parametri ddefiniti minn qabel, fejn ma jkunx meħtieġ il-kunsens ta’ min fuq ismu tkun maħruġa l-polza [10];
(c) it-teħid, minn min fuq ismu tkun maħruġa l-polza, ta’ poloz kumplementari jew ta’ kontinwazzjoni li t-termini tagħhom ikunu ġew miftehmin f’kuntratti konklużi qabel il- 21 ta' Diċembru 2012, fejn dawn il-poloz ikunu attivati b'deċiżjoni unilaterali min-naħa ta' min fuq ismu tkun maħruġa l-polza [11];
(d) is-sempliċi trasferiment ta’ portafoll tal-assigurazzjoni mingħand assiguratur għal għand ieħor li ma jkollux għalfejn jibdel l-istejtus tal-kuntratti li jkunu inklużi f’dak il-portafoll.
2.2. Prattiki relatati mal-ġeneru li jibqgħu jistgħu jsiru
14. L-Artikolu 5(1) jipprojbixxi kwalunkwe riżultat li jġib miegħu differenzi fil-primjums u fil-benefiċċji tal-individwi kaġun tal-użu tal-ġeneru bħala fattur meta jinħadmu l-primjums u l-benefiċċji. Ma jipprojbixxix, iżda, l-użu tal-ġeneru bħala fattur biex jiġu kklassifikati r-riskji b’mod ġenerali. Tali użu huwa permess li jsir meta jinħadmu l-primjums u l-benefiċċji fil-livell aggregat, dment li ma jwassalx għal divrenzjar fil-livell individwali. Wara s-sentenza Test-Achats, għalhekk, jibqa’ possibbli li jinġabru, jinħażnu u jintużaw l-istejtus tal-ġeneru ta’ dak li jkun jew tagħrif relatat mal-ġeneru f’dawk il-limiti, i.e.:
— l-allokazzjoni tar-riservi u l-iffissar tal-prezzijiet interni : l-assiguraturi jibqgħu jistgħu jiġbru u jużaw l-istejtus tal-ġeneru għall-valutazzjoni interna tar-riskji, notevolment biex ifasslu dispożizzjonijiet tekniċi skont ir-regoli tas-solvenza fil-qasam tal-assigurazzjoni u biex jimmoniterjaw il-kompożizzjoni tal-portafoll tagħhom mill-perspettiva aggregata rigward l-iffissar tal-prezzijiet.
— l-iffissar tal-prezzijiet tar-riassigurazzjoni : il-kuntratti tar-riassigurazzjoni huma kuntratti bejn assiguratur u riassiguratur. Jibqa’ possibbli li fl-iffissar tal-prezzijiet ta' dawn il-prodotti jibqa' jintuża l-ġeneru, dment li dan ma jwassalx għal divrenzjar fuq il-bażi tal-ġeneru fil-livell individwali.
— l-immarkitjar u r-riklamar : skont l-Artikolu 3(3), id-Direttiva ma tapplikax għall-kontenut tal-midja u tal-pubbliċità, u l-Artikolu 5(1) jindirizza biss il-kalkolu tal-primjums u l-benefiċċji tal-individwi. Għalhekk, jibqa’ possibbli li l-assiguraturi jużaw l-immarkitjar u r-riklamar biex jinfluwenzaw il-kompożizzjoni tal-portafoll tagħhom e.g. billi jimmiraw ir-riklamar tagħhom lejn l-irġiel jew lejn in-nisa. Madanakollu, l-assiguraturi ma jistgħux jirrifjutaw l-aċċess għal prodott speċifiku lil xi ħadd fuq il-bażi tal-ġeneru tiegħu, ħlief jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 4(5) [12].
— is-sottoskrizzjoni ta’ assigurazzjonijiet fuq il-ħajja u fuq is-saħħa : ir-regola unisex tfisser li l-primjums u l-benefiċċji ma jistgħux ikunu differenti fil-każ ta’ żewġ individwi li jieħdu l-istess polza tal-assigurazzjoni, sempliċiment minħabba li l-ġeneru tagħhom ikun differenti. Madanakollu, hemm fatturi oħrajn ta’ riskju, e.g. l-istat tas-saħħa jew ir-rekord tas-saħħa fil-familja, li fuq il-bażi tagħhom jista' jsir divrenzjar u li biex jivvalutawhom l-assiguraturi jridu jagħtu kas tal-istejtus tal-ġeneru, fid-dawl ta' ċerti differenzi fiżjoloġiċi li jeżistu bejn l-irġiel u n-nisa [13].
15. Il-Kummissjoni tqis ukoll li, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, jibqa’ l-possibbiltà li l-assiguraturi joffru prodotti tal-assigurazzjoni (jew possibbiltajiet fil-kuntratti) skont il-ġeneru ta' dak li jkun sabiex jiġu koperti kundizzjonijiet li jkunu jikkonċernaw esklużivament jew primarjament lill-irġiel jew lin-nisa [14]. Madanakollu, din il-possibbiltà hija eskluża fil-każ tat-tqala u tal-maternità, fid-dawl tal-mekkaniżmu speċifiku ta’ solidarjetà maħluq mill-Artikolu 5(3).
2.3. L-użu ta’ fatturi oħrajn biex jiġu kklassifikati r-riskji
2.3.1. Fatturi li jikkorrelataw mal-ġeneru – il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni indiretta
16. Is-sentenza Test-Achats tindirizza biss l-użu tal-ġeneru bħala fattur biex jiġu kklassifikati r-riskji u mhux l-ammissibbiltà ta’ fatturi oħra li jużaw l-assiguraturi. Madanakollu, skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva, tkun qed issir diskriminazzjoni indiretta fejn fatturi ta’ riskju li jidhru newtrali jqiegħdu persuni ta’ sess wieħed fi żvantaġġ partikulari. Kuntrarju għad-diskriminazzjoni diretta, id-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi ġġustifikata jekk l-għan ikun leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq ikunu xerqin u meħtiġin.
17. Għalhekk, l-użu ta’ fatturi ta’ riskju li jistgħu jkunu korrelatati mal-ġeneru jibqa’ possibbli, dment li waħedhom ikunu tassew fatturi ta’ riskju [15].
2.3.2. Fatturi li ma jikkorrelatawx mal-ġeneru
18. Is-sentenza Test-Achats tindirizza biss l-użu tal-ġeneru bħala fattur fil-kuntest fejn il-leġiżlatur ikun iqis is-sitwazzjonijiet rispettivi tal-irġiel u tan-nisa bħala kumparabbli. Ma taffettwax l-użu ta’ fatturi oħrajn tal-klassifikazzjoni tar-riskji, bħall-età u d-diżabbiltajiet, li bħalissa mhumiex irregolati fil-livell tal-UE.
19. Fis-sentenza Test-Achats, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrimarka li "(…) il-prinċipju ta’ trattament ugwali jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat" u li "l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-suġġett u l-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni (…)" [16].
20. L-użu tal-età u tad-diżabbiltajiet jibqa’ permess bil-proposta għal Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali [17], minħabba li ma jkunx ikkunsidrat bħala diskriminatorju. Fejn il-leġiżlatur jipprovdi li, f’ċerti kundizzjonijiet, prattika speċifika ma tkunx diskriminatorja, dan ma joħloqx deroga mill-prinċipju tat-trattament indaqs f’sitwazzjonijiet kumparabbli (li ma tistax tiġi aċċettata ħlief għal perjodu tranżitorju). Huwa pjuttost il-każ li dan jikkonforma mal-prinċipju tat-trattament indaqs minħabba li jagħraf li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni mhumiex kumparabbli u għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti (jew li, minkejja li huma kumparabbli, teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva biex jiġu ttrattati b’mod differenti).
2.4. L-assigurazzjoni u l-pensjonijiet tal-irtirar
21. Xi prodotti tal-assigurazzjoni, bħall-annwalitajiet, jikkontribwixxu għad-dħul tal-pensjoni. Madanakollu, id-Direttiva tkopri biss l-assigurazzjonijiet u l-pensjonijiet li huma privati, volontarji u separati mir-relazzjoni bejn min iħaddem u l-impjegat, minħabba li x-xogħol u l-impjiegi huma esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni tagħha b'mod espliċitu [18]. It-trattament indaqs tan-nisa u tal-irġiel fejn jidħlu l-pensjonijiet tal-irtirar huwa kopert mid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) [19].
22. Xi skemi tal-pensjonijiet tal-irtirar jipprovdu għall-pagament ta’ benefiċċju f’għamla speċifika, bħall-annwalitajiet. Fejn dan ikun il-każ, l-iskema inkwistjoni taqa’ taħt id-Direttiva 2006/54/KE, anki jekk tkun tiddependi fuq assiguratur biex il-benefiċċju jitħallas. Għall-kuntrarju, jekk l-impjegat individwali jkollu jikkonkludi kuntratt tal-assigurazzjoni direttament mal-assiguratur mingħajr l-involviment ta’ min iħaddmu, ngħidu aħna biex jaqleb somma f’daqqa għal annwalità, is-sitwazzjoni taqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva. L-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 2006/54/KE jeskludi b’mod speċifiku mill-kamp tal-applikazzjoni tagħha l-kuntratti tal-assigurazzjoni konklużi mill-ħaddiema li min iħaddem ma jkunx parti għalihom.
23. L-Artikolu 9(1)(h) tad-Direttiva 2006/54/KE jippermetti li jkunu ffissati livelli differenti ta’ benefiċċji għall-irġiel u għan-nisa meta dan ikun iġġustifikat minn fatturi attwarjali tal-kalkolu. Skont il-Kummissjoni s-sentenza Test-Achats m’għandha l-ebda implikazzjonijiet legali għal din id-dispożizzjoni, li tapplika fil-kuntest – differenti u distint b’mod ċar – tal-pensjonijiet tal-irtirar u li hija wkoll miktuba b’mod differenti ħafna mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva. Tabilħaqq, skont l-Artikolu 9(1)(h) tad-Direttiva 2006/54/KE, l-iffissar ta’ benefiċċji differenti għall-irġiel u għan-nisa mhux meqjus diskriminatorju meta jkun iġġustifikat permezz ta’ dejta attwarjali.
3. MONITERAĠĠ TAL-LINJI GWIDA
24. l-Istati Membri jridu jaraw x’inhuma l-konsegwenzi li jirriżultaw mis-sentenza Test-Achats u jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom qabel il- 21 ta’ Diċembru 2012 sabiex jiġi żgurat li l-assiguraturi japplikaw ir-regola unisex, kif titlob is-sentenza. Il-Kummissjoni se timmoniterja s-sitwazzjoni sabiex tiżgura li, wara dik id-data, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-assigurazzjoni tkun tikkonforma għal kollox mas-sentenza fuq il-bażi tal-kriterji ffissati minn dawn il-linji gwida.
25. Il-Kummissjoni tixtieq tħeġġeġ lis-settur tal-assigurazzjoni, li huwa industrija kompetittiva u innovattiva, biex iwettaq l-aġġustamenti meħtiġin u joffri prodotti unisex attraenti lill-konsumaturi mingħajr impatt mhux iġġustifikat fuq il-livelli ġenerali tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni se tibqa’ b’għajnejha miftuħin sabiex issegwi l-evoluzzjoni tas-suq tal-assigurazzjoni bil-għan li taqbad kwalunkwe għoli mhux iġġustifikat tal-prezzijiet li jiġi attribwit lis-sentenza Test-Achats, inkluż fid-dawl tal-għodod li huma disponibbli skont il-liġi dwar il-kompetizzjoni [20], fil-każ ta' allegazzjonijiet ta' mġiba antikompetittiva.
26. Fl-2014 il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tas-sentenza Test-Achats fil-liġijiet nazzjonali u fil-prattika fil-qasam tal-assigurazzjoni, fil-kuntest ta’ rapport aktar ġenerali dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.
[1] ĠU L 153M, 7.6.2006, pp. 294–300.
[2] Is-sentenza tal- 1 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża C-236/09, ĠU C 130, 30.4.2011, p. 4.
[3] Għal aktar tagħrif dwar il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u dwar il-prattiki tal-assiguraturi, ara l-Annessi 1 u 2.
[4] Il-punt 33 tas-sentenza.
[5] Dan ġie kkonfermat m’ilux wisq fis-sentenza li tat il-Qorti tal-Ġustizzja fit- 18 ta’ Ottubru 2011 fil-Kawża C-34/10, Oliver Brüstle v. Greenpeace e.V., il-punt 25. Ara wkoll il-Kawża 327/82 Ekro [1984] Ġabra 107, il-punt 11; il-Kawża C-287/98 Linster [2000] Ġabra I-6917, il-punt 43; il-Kawża C-5/08 Infopaq International [2009] Ġabra I-6569, il-punt 27; u l-Kawża C-467/08 Padawan [2010] Ġabra I-0000, il-punt 32.
[6] Definizzjoni limitata ħafna tal-kunċett ta’ kuntratt ġdid li tħalli l-possibbiltà li l-ġeneru ta’ dak li jkun jintuża bħala fattur biex jiġu vvalutati r-riskji, b’mod li dan ikollu impatt fuq il-primjums u l-benefiċċji tal-individwi, tipperikola l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 5(1) biex tali użu jiġi eskluż "l-iżjed tard" malli jgħaddi l-perjodu ta’ tranżizzjoni. Barra minn hekk, ikun impossibbli li differenzi bejn l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni jiġu rrikonċiljati mal-esiġenza li jkun hemm interpretazzjoni indipendenti u uniformi ta’ dawn it-termini, li huma essenzjali għall-kamp tal-applikazzjoni u għat-tifsira tad-Direttiva.
[7] Dawn is-sitwazzjonijiet huma lista mhux eżawrijenti ta’ eżempji u ġew identifikati fuq il-bażi tar-rilevanza prattika tagħhom.
[8] Ngħidu aħna, jekk persuna assigurata tiddeċiedi li taqleb għal ma’ fornitur ieħor biex tgawdi mir-regola unisex.
[9] Dawn is-sitwazzjonijiet huma lista mhux eżawrijenti ta’ eżempji u ġew identifikati fuq il-bażi tar-rilevanza prattika tagħhom.
[10] Ngħidu aħna, żieda fil-primjum b'persentaġġ ibbażat fuq kemm ikun saru pretensjonijiet.
[11] Ngħidu aħna meta l-persuna assigurata tkun tixtieq iżżid l-ammont investit permezz ta’ prodott tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja.
[12] Skont din id-dispożizzjoni, jista’ jkun hemm differenzi fit-trattament jekk il-provvista tal-oġġetti u tas-servizzi esklużivament jew primarjament lil membri ta’ sess wieħed tkun iġġustifikata permezz ta’ għan leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan ikunu xerqin u meħtiġin.
[13] Ngħidu aħna, rekord ta’ kanċer tas-sider fil-familja ma jwassalx għall-istess riskji għas-saħħa f’raġel u f’mara (u biex issir valutazzjoni tal-impatt ikun hemm bżonn li jkun magħruf jekk il-persuna tkunx mara jew raġel). Is-simna żejda hija fattur ta' riskju li jitkejjel billi jitqabbel il-qies tal-qadd ma’ dak tal-ġenbejn, u r-relazzjoni bejn iż-żewġ qisien mhix l-istess fin-nisa u fl-irġiel. Fl-Anness 3 tiġi pprovduta lista b’aktar eżempji.
[14] Ngħidu aħna l-kanċer tal-prostata, tas-sider jew tal-utru.
[15] Ngħidu aħna, jibqa’ possibbli li fil-qasam tal-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur isir divrenzjar fil-prezzijiet li jkun imsejjes fuq il-kobor tal-magna tal-karozza, anki jekk statistikament l-irġiel isuqu karozzi b’magni aktar qawwijin. Dan ma jkunx il-każ jekk id-divrenzjar ikun imsejjes fuq il-kobor jew il-piż tal-persuna fil-qasam tal-assigurazzjoni fuq il-vetturi bil-mutur.
[16] Ara l-punti 28 u 29 tas-sentenza Test-Achats.
[17] COM(2008) 426 finali. B’kuntrast mad-Direttiva, il-proposta ma fihiex prinċipju ġenerali bħalma hi r-regola unisex, skont liema regola l-użu tal-età u tad-diżabbiltajiet m’għandhomx jirriżultaw fi primjums jew benefiċċji differenti. L-objettiv tad-dispożizzjoni rilevanti huwa pjuttost li jiġi rrikonoxxut li, ngħidu aħna, tnejn min-nies ta’ età differenti mhumiex f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja u li, għaldaqstant, differenzi proporzjonati fil-mod kif jiġu ttrattati li jkunu msejsin fuq valutazzjoni serja tar-riskji ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni.
[18] Il-premessa 15 u l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva. Il-kuntratti dwar is-saħħa u l-inċidenti għall-gruppi huma għalhekk ukoll esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva.
[19] ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
[20] Ir-Regolament ta’ Eżenzjoni Sħiħa ta’ bħalissa (ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 267/2010 tal- 24 ta’ Marzu 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni (ĠU L 83, 30.3.2010, p. 1), fih eżenzjoni li tippermetti lill-assiguraturi jaqsmu bejniethom ċerti tipi ta’ dejta permezz ta’ kumpilazzjonjiet, tabelli u studji konġunti taħt ċerti kundizzjonijiet. Ma jagħtix, b’mod partikulari, eżenzjonijiet lill-ftehimiet dwar primjums kummerċjali. Ir-Regolament ta' Eżenzjoni Sħiħa se jiskadi fil- 31 ta’ Marzu 2017 u l-Kummissjoni se tirrevedih minn qabel sabiex tivvaluta jekk ikunx għadu ġġustifikat li jiġi mtawwal aktar.
--------------------------------------------------
ANNESS 1
L-użu tal-ġeneru bħala fattur tal-klassifikazzjoni skont il-liġi nazzjonali (a)
Sorsi: Implementation of the Insurance Gender Directive, Group Consultatif 2009, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor: (1) Stħarriġ li s-Civic Consulting għamel fost l-awtoritajiet kompetenti (2) Intervisti li s-Civic Consulting għamel mal-awtoritajiet kompetenti, mal-entitajiet responsabbli mill-kwistjonijiet tal-ugwaljanza u mal-assoċjazzjonijiet ta’ dawk li joperaw fis-settur. Noti: (a) It-tabella turi għal liema prodotti finanzjarji l-leġiżlazzjoni f’kull Stat Membru tippermetti l-użu tal-ġeneru ta’ dak li jkun bħala fattur tal-klassifikazzjoni skont l-Art. 5(2) tad-Direttiva dwar il-Ġeneru. (b) Tabelli unisex dwar il-mortalità fil-każ ta’ annwalitajiet li jirriżultaw minn pensjonijiet iffinanzjati b’mod obbligatorju. (c) Is-sess ta’ dak li jkun jista’ jiġi kkunsidrat mill-assiguraturi biex jagħmlu l-kalkoli tagħhom iżda ma jistax iwassal għal differenza bejn il-primjums għall-irġiel u dawk għan-nisa. n.a: mhux disponibbli.
Pajjiż | Assigurazzjoni fuq il-ħajja | Assigurazzjoni privata fuq is-Saħħa | Self għall-ipoteki | Assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur | Assigurazzjoni fuq l-ivvjaġġar | Diżabilità Assigurazzjoni kontra d-diżabbiltajiet/fuq id-dħul finanzjarju | Kreditu tal-konsumatur | Prodotti ta' annwalità | Assigurazzjoni kontra l-inċidenti | Karti tal-kreditu | Kontijiet ta’ depożitu | Assigurazzjoni fuq is-self | Assigurazzjoni fuq id-dar | Assigurazzjoni għall-protezzjoni privata | Assigurazzjoni kontra l-kura għal żmien twil | Assigurazzjoni kontra l-mard gravi |
L-Awstrija | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
Il-Belġju | Iva | Le (2) | Le (2) | Le | Le (2) | Le | Le (2) | Iva | Le (2) | Le (2) | Le (2) | Le (2) | Le (2) | Le (2) | Le (2) | Le |
Il-Bulgarija | Iva | Iva | n.a | Le | n.a | n.a | n.a | Iva | Le | n.a | n.a | n.a | n.a | n.a | n.a. | Iva |
Ċipru | Iva | Le | Le (2) | Le | Le (2) | Le | Le (2) | Iva | Iva | Le (2) | Le (2) | n.a | Le (2) | Le (2) | Le | Le |
Ir-Repubblika Ċeka | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. |
Id-Danimarka | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
L-Estonja | Iva (1) | Iva (1) | n.a. | Le | n.a. | n.a. | n.a. | Iva (1) (b) | Iva (1) | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | Le | n.a. |
Il-Finlandja | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
Franza | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
Il-Ġermanja | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
Il-Greċja | Iva (1) | n.a. | n.a. | Iva (1) | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | Iva (1) | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | Iva (1) |
L-Ungerija | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
L-Irlanda | Iva | Iva | n.a. | Iva | n.a. | Iva | n.a. | Iva | Le | n.a | n.a | n.a | n.a | n.a | Iva | Iva |
L-Italja | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
Il-Latvja | Iva | Iva | n.a | Le | n.a. | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | Iva | Iva |
Il-Litwanja | Iva | Iva | n.a | Le | n.a. | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | Iva |
Il-Lussemburgu | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
Malta | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. |
Il-Pajjiżi l-Baxxi | Iva (2) | Le | Le (c) | Le | Le (c) | Le (2) (c) | Le (c) | Le (2) (c) | Le | Le (c) | Le (c) | Le (c) | Le (c) | Le (c) | Le (c) | Le (c) |
Il-Polonja | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
Il-Portugall | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
Ir-Rumanija | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. |
Is-Slovakkja | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
Is-Slovenja | Iva | Iva | n.a | Le | n.a. | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | n.a. | Iva | Iva |
Spanja | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
L-Iżvezja | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
Ir-Renju Unit | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | Iva | n.a. | Iva | Iva | n.a. | n.a. | Iva | Iva | Iva | Iva | Iva |
--------------------------------------------------
ANNESS 2
Użu rrappurtat tal-fatturi għall-valutazzjoni tar-riskji, prodott bi prodott (fuq il-bażi tal-frekwenza tal-użu rrappurtat minn dawk li għandhom interess fis-settur)
++ = Irrappurtat li jintuża spiss (minn 50% jew aktar tal-assoċjazzjonijiet ta' dawk li joperaw fis-settur, l-assoċjazzjonijiet attwarjali u l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet responsabbli mill-kwistjonijiet tal-ugwaljanza kollha li ħadu sehem fl-istħarriġ).
+ = Irrappurtat li jintuża kultant (minn bejn 10% u 50% tal-assoċjazzjonijiet ta' dawk li joperaw fis-settur, l-assoċjazzjonijiet attwarjali u l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet responsabbli mill-kwistjonijiet tal-ugwaljanza kollha li ħadu sehem fl-istħarriġ).
o = Irrappurtat li jintuża rarament (minn inqas minn 10% tal-assoċjazzjonijiet ta' dawk li joperaw fis-settur, l-assoċjazzjonijiet attwarjali u l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet responsabbli mill-kwistjonijiet tal-ugwaljanza kollha li ħadu sehem fl-istħarriġ).
Fil-każ li l-frekwenza tal-użu rrappurtat wasslet għal devjazzjonijiet bejn it-tliet gruppi li fuqhom hija msejsa l-valutazzjoni (l-assoċjazzjonijiet ta’ dawk li joperaw fis-settur/l-assoċjazzjonijiet attwarji/l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet responsbabli mill-kwistjonijiet tal-ugwaljanza), il-valutazzjoni li turi t-tabella tirrappreżenta r-riżultati taż-żewġ gruppi li jaqgħu fl-istess kategorija.
Il-kategoriji tal-prodotti jistgħu jinkludu varjetà ta’ tipi differenti ta’ prodotti offruti fis-suq. Prodotti marbutin flimkien m’humiex koperti (e.g. it-tagħqid ta’ kont kurrenti ma’ prodott tal-assigurazzjoni).
Noti: [*] [**]
Kategorija tal-prodott | Definizzjoni tal-kategorija tal-prodott | Fatturi |
| | Is-Sess | L-Età | Id-Diżabilità |
Prodotti tal-assigurazzjoni
Assigurazzjoni privata fuq is-saħħa | Assigurazzjoni privata fuq is-saħħa – assigurazzjoni li tkopri r-riskji għas-saħħa, minbarra s-sistema nazzjonali tal-ħarsien tas-saħħa (jew għal min mhux kopert minnha) | ++ | ++ | ++ |
Assigurazzjoni kontra l-mard gravi | Assigurazzjoni kontra l-mard gravi – polza tal-assigurazzjoni li tħallas benefiċċju jekk lill-assigurat tinstablu marda gravi speċifikata waqt it-terminu tal-polza | ++ | ++ | ++ |
Assigurazzjoni kontra d-diżabbiltà/għall-protezzjoni tad-dħul finanzjarju | Assigurazzjoni kontra d-diżabbiltà/għall-protezzjoni tad-dħul finanzjarju – assigurazzjoni li tipprovdi pagamenti biex jagħmlu tajjeb għal dħul finanzjarju li jintilef meta l-assigurat ma jkunx jista’ jaħdem minħabba li jkun sar diżabbli. | ++ | ++ | ++ |
Assigurazzjoni fuq il-ħajja | Assigurazzjoni fuq il-ħajja – assigurazzjoni li tipprovdi, b’mod partikulari, pagament lill-assigurat jekk dan jilħaq età stipulata jew pagament lill-benefiċjarji tal-assigurat jekk dan imut | ++ | ++ | ++ |
Prodotti ta' annwalità | Prootti ta’ annwalità (inklużi l-pensjonijiet privati) – assigurazzjoni li tipprovdi pagamenti regolari fil-futur billi l-assigurat iħallas somma f'daqqa jew sensiela ta’ pagamenti regolari qabel ma tibda titħallas l-annwalità | ++ | ++ | + |
Assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur | Assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur – assigurazzjoni għall-karozzi privati li jkopru għall-inqas ir-responsabbiltà fir-rigward tal-partijiet terzi | ++ | ++ | + |
Assigurazzjoni fuq l-ivvjaġġar | Assigurazzjoni fuq l-ivvjaġġar – assigurazzjoni temporanja li tkopri, għal kemm idum il-vjaġġ biss, għall-inqas l-ispejjeż mediċi u potenzjalment it-telf finanzjarju jew telf ieħor li l-assigurat jista’ jġarrab waqt li jkun qed jivvjaġġa. | + | ++ | + |
Assigurazzjoni kontra l-inċidenti | Assigurazzjoni kontra l-inċidenti – assigurazzjoni li tkopri telf ikkaġunat minn inċident tal-ġisem jew spejjeż ta’ trattament mediku li jkun meħtieġ wara inċident tal-ġisem | + | + | + |
Assigurazzjoni kontra l-kura għal żmien twil | Assigurazzjoni kontra l-kura għal żmien twil – polza tal-assigurazzjoni li tkopri l-ispejjeż tal-kura għal żmien twil li jmur lil hinn minn perjodu ddeterminat minn qabel li ma jkunx kopert b'assigurazzjoni fuq is-saħħa | + | + | + |
Assigurazzjoni fuq is-self/assigurazzjoni għall-protezzjoni tal-pagamenti | Assigurazzjoni fuq is-self/assigurazzjoni għall-protezzjoni tal-pagamenti – assigurazzjoni li tipproteġi l-pagamenti ta’ kull xahar tas-self jekk min f'ismu jkun ittieħed is-self jitlef ix-xogħol, ikollu inċident jew jimrad | + | + | + |
Assigurazzjoni fuq id-dar | Assigurazzjoni fuq id-dar – polza tal-assigurazzjoni fuq il-proprjetà li tkopri telf li jseħħ f'binjiet privati u fil-kontenut tagħhom | o | + | o |
Assigurazzjoni għall-protezzjoni privata | Assigurazzjoni għall-protezzjoni privata – assigurazzjoni li tipprovdi protezzjoni kontra pretensjoni minn parti terza, i.e., il-pagament tipikament isir lil xi ħadd li jġarrab telf kaġun tal-assigurat | o | + | o |
Prodotti bankarji/ta’ self [1]
Self għall-ipoteki | Self għall-ipoteki – selfa ggarantita minn proprjetà | o | + | o |
Kreditu tal-konsumatur [2] | Kreditu tal-konsumatur – selfa għal żmien qasir lil konsumaturi biex jinxtraw oġġetti, inklużi l-kontijiet tal-kreditu fi ħwienet li jbiegħu bl-imnut, is-selfiet personali, ix-xiri bin-nifs, iżda esklużi l-karti tal-kreditu | o | + | o |
Karti tal-kreditu | Karti tal-kreditu – karti li lil min f’ismu jkunu maħruġin jintitolawh jixtri oġġetti u servizzi fuq il-bażi tal-wegħda li jħallas għal dawn l-oġġetti jew servizzi aktar tard | o | + | o |
Kont ta’ depożitu | Kont ta’ depożitu – kont kurrenti jew ta’ tfaddil, jew tip ieħor ta’ kont tal-bank, f’istituzzjoni bankarja li tippermetti li min f’ismu jkun il-kont jiddepożita u jiġbed il-flus | o | o | o |
[*] L-età u s-sess tal-individwi kultant jintużaw fis-sistema tal-evalwazzjoni tal-kreditu u dan jista’ jaffettwa l-provvista tal-prodotti bankarji/tas-self.
[**] Il-kreditu tal-konsumatur jinkludi l-finanzjament għall-vetturi bil-mutur u s-selfiet personali.
--------------------------------------------------
ANNESS 3
Eżempji ta’ prattiki relatati mal-ġeneru li jibqgħu jistgħu jitħaddmu wara s-sentenza Test-Achats – sottoskrizzjoni fuq il-ħajja jew fuq is-saħħa
Il-proċess tas-sottoskrizzjoni huwa l-valutazzjoni li l-assiguratur jagħmel dwar ir-riskju li jkun jippreżenta applikant qabel ma jkun jista’ jiġi integrat fi grupp ta’ riskji assigurati. Dan huwa separat mill-prezz bażiku ta’ prodott tal-assigurazzjoni u huwa mfassal biex jagħti kas tal-profil tar-riskju ta’ kull individwu. Jekk applikant partikulari jkun jippreżenta riskju ogħla għall-grupp iddeterminat minn qabel ta' riskji standard li għandu jkun allokat għalihom, l-assiguratur ġeneralment jitlob primjum addizzjonali minħabba r-riskju ("gradazzjoni"). Biex jiġbru tagħrif dwar il-fatturi ta’ riskju l-assiguraturi jużaw il-formoli tal-applikazzjoni, li jvarjaw minn lista’ ta’ mistoqsijiet sempliċi (sottoskrizzjoni ssimplifikata) għal kwestjonarju ddettaljat ħafna dwar is-saħħa tal-individwu. Il-livell tad-dettall li jintalab jiddependi minn diversi fatturi, inklużi l-prodott inkwistjoni u l-ammont assigurat. Dan il-proċess jista’ jkun jinkludi wkoll eżami mediku.
Din il-lista fiha eżempji ta’ prattiki tal-assigurazzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-ġeneru u li huma permessi skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, u li għalhekk m’humiex affettwati mis-sentenza Test-Achats. B’mod ġenerali, jibqa’ possibbli li d-differenzi fiżjoloġiċi bejn l-irġiel u n-nisa jiġu riflessi fil-mistoqsijiet u fit-testijiet, kif ukoll fl-interpetazzjoni tar-riżultati mediċi. L-eżempji ta’ hawn taħt huma bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola ċerti aspetti li mhumiex koperti mid-Direttiva.
Il-formoli tal-applikazzjoni | L-assiguraturi jistgħu jiġbru tagħrif dwar l-istejtus tal-ġeneru ta’ dak li jkun u jistaqsu mistoqsijiet dwar mard li hu speċifiku għal ġeneru partikulari. Il-formoli tal-applikazzjoni jista' jkun fihom mistoqsijiet rilevanti differenti għal kull ġeneru (ħlief mistoqsijiet dwar it-tqala). Ngħidu aħna, ir-rekord tas-saħħa fil-familja huwa fattur ta’ riskju li huwa partikularment rilevanti għal ċerti prodotti, bħall-assigurazzjoni kontra l-mard gravi. Mara bi storja ta’ kanċer tas-sider fil-familja ġeneralment tintalab tħallas primjum addizzjonali minħabba r-riskju, li ma jkunx il-każ fir-rigward ta’ mara li ma jkollhiex tali storja fil-familja minħabba li dan huwa fattur ewlieni għar-riskju li mara tiżviluppa din il-marda. Madanakollu, m’hemm l-ebda raġuni biex jiġi applikat tali primjum addizzjonali fil-każ ta’ raġel bl-istess storja fil-familja, minħabba li l-probabbiltà li jaqbdu kanċer tas-sider hija baxxa ħafna. |
It-testijiet mediċi | It-testijiet mediċi li individwu jintlalab jagħmel mhumiex bilfors l-istess għall-irġiel u għan-nisa, u jibqa’ possibbli li jintużaw testijiet differenti skont il-ġeneru ta’ dak li jkun sabiex isir l-iskrining għall-assigurazzjoni meta jkun meħtieġ (mammografija, skrining għall-kanċer tal-prostata, eċċ.) L-assiguraturi jistgħu wkoll jibqgħu jużaw limiti divrenzjati skont il-ġeneru għall-ittestjar, sabiex dawn jirriflettu l-probabbiltajiet differenti ta’ mard qabel it-test. Ngħidu aħna, il-mard iskemiku tal-qalb huwa primarjament mard maskili li jaħkem matul is-snin ewlenin li fihom isiru l-kuntratti tal-assigurazzjoni, u l-inċidenza tiegħu hija baxxa ħafna fin-nisa qabel il-menopawża. L-ittestjar għall-mard iskemiku tal-qalb huwa għalhekk bil-wisq aktar effettiv fl-irġiel milli fin-nisa. Jekk jingħata kas ta’ dan il-fattur, jista’ jiġi evitat li jsiru testijiet mhux meħtiġin. |
L-interpetazzjoni tar-riżultati tat-testijiet mediċi Valuri referenzjali differenti Pronjożijiet differenti għall-istess marda | Il-valuri referenzjali/il-pronjożijiet mediċi jistgħu jkunu differenti bejn l-irġiel u n-nisa, u għalhekk jeħtieġ li jingħata kas tal-ġeneru waqt l-interpretazzjoni tar-riżultati mediċi, e.g. l-emoglobina hija test komuni biex tiġi identifikata l-anemija. Il-firxiet normali mhumiex l-istess għall-irġiel u għan-nisa, li jfisser li raġel u mara li jippreżentaw l-istess riżultat assolut ma jkunux fl-istess sitwazzjoni mill-perspettiva medika. Għalhekk, huwa normali li r-riżultati jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-firxiet differenti għall-irġiel u għan-nisa.livelli għoljin tal-kreatinina huma indikazzjoni ta’ mard tal-kliewi. Il-valuri referenzjali mhumiex l-istess għall-irġiel u għan-nisa: l-irġiel għandhom livelli ogħla ta' kreatinina minħabba li għandhom massa akbar ta’ muskoli skeletriċi.il-valur pronostku tal-ematurja (il-preżenza ta' ċelloli tad-demm fl-awrina) ivarja bejn l-irġiel u n-nisa, minħabba li n-nisa jista' jkollhom riżultati pożittivi foloz kaġun tat-tnixxija tal-mestrwazzjoni.l-iskrining għall-mard koronarju tal-qalb isir l-aktar b’testijiet li jinvolvu l-eżerċizzju. Minħabba li n-nisa żgħażagħ għandhom probabbiltà ta’ qabel it-test li jkollhom mard koronarju tal-qalb ħafna iktar baxxa mill-irġiel, ir-riżultati pożittivi jridu jiġu interpretati b’mod li jagħti kas tal-ġeneru ta' dak li jkun, minħabba li tali testijiet li jsiru fuq nisa żgħażagħ aktar iwasslu għal riżultati pożittivi foloz milli riżultati li jkunu jindikaw mard veru.l-istess marda jista’ jkollha effetti differenti skont il-ġeneru ta’ dak li jkun. Dan, ngħidu aħna, huwa l-każ tas-Sindrome ta’ Alport, li huwa għamla li tintiret ta’ infjammazzjoni tal-kliewi. It-tendenza hi li n-nisa li jkunu jbatu b’din il-marda ħafifa jkollhom medja normali tal-għomor, u l-uniku sintomu li jkollhom tkun l-ematurja, filwaqt li l-irġiel x’aktarx iġarrbu telf tas-smigħ, diżordnijiet fil-vista u kliewi li ma jiffunzjonawx tajjeb sa ma jkunu għalqu l-50.Għalhekk, l-assiguraturi jistgħu jiddivrenzjaw id-deċiżjoni tagħhom rigward is-sottoskrizzjoni skont il-firxiet normali kkategorizzati skont il-ġeneru kif irrakkomandat mill-professjoni medika. Anki l-kundizzjonijiet u l-fatturi ta’ riskju li jħallu impatt fuq iż-żewġ sessi iżda li huma assoċjati ma’ serjetà jew effetti differenti jistgħu jibqgħu jiġu ddivrenzjati waqt il-proċess tas-sottoskrizzjoni. |
Id-differenzi fiżiċi | Dawn huma differenzi fiżiċi bejn l-irġiel u n-nisa (ngħidu aħna f’termini ta’ massa tal-muskoli skeletriċi) li jispjegaw għaliex il-valuri referenzjali, u għaldaqstant il-limiti użati biex jiġi stabbilit x’inhu normali u x’mhux, m’humiex l-istess (ara l-kategorija ta’ qabel din). Ngħidu aħna, l-irġiel u n-nisa ġeneralment jipproċessaw l-alkoħol b’mod differenti u, fuq pariri mediċi, il-gvernijiet ġeneralment jiffissaw il-linji gwida dwar il-konsum bla periklu tal-alkoħol f’livelli differenti għaż-żewġ ġeneri. Livell partikulari ta’ konsum li jkun fil-limitu tax-xorb bla periklu għal ġeneru wieħed jista’ jkun barra mil-limitu tax-xorb bla periklu u jġib miegħu riskju kliniku għal-ġeneru l-ieħor. |
Il-benefiċċji | Tnejn min-nies li jinstab li jkollhom l-istess marda mhux bilfors jingħataw l-istess trattament, minħabba li l-ġeneru tagħhom jista’ jinfluwenza t-trattament li medikament ikun instab li huwa l-aħjar għalihom. Ngħidu aħna, xi kanċers (e.g. il-kanċer tal-kliewi) jistgħu jagħmlu użu mill-ormoni biex jinfirxu, u t-trattament bl-ormoni biex ma il-kanċer ma jitħalliex jikber jista’ jkun jiddependi minn ormoni li jkunu speċifiċi għal ġeneru jew ieħor. Għalhekk, raġel jew mara jippreżentaw pretensjonjiet differenti, fil-parametri tal-kuntratt tal-assigurazzjoni tagħhom, biex ikopru t-trattament mediku. |
--------------------------------------------------
| Fuq |