52012SC0278


Titolu u referenza

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-ISTIMA TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument Abbozz ta' proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 273/2004 dwar il-prekursuri tad-droga

/* SWD/2012/0278 final */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Dikjarazzjoni: Dan is-sommarju eżekuttiv jorbot biss lis-servizzi tal-Kummissjoni involuti fit-tħejjija tiegħu u ma jippreġudikax il-forma finali ta’ xi deċiżjoni li tista' tittieħed mill-Kummissjoni.

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Abbozz ta' Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 273/2004 dwar il-prekursuri tad-droga

1.           Definizzjoni tal-problema

1.1.        Għaliex hija problema l-prevenzjoni ineffettiva tad-dirottament tal-anidride aċetiku?

Il-prekursuri tad-drogi huma kimiċi li għandhom firxa wiesgħa ta’ użi leġittimi, iżda jistgħu wkoll jiġu użati ħażin għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi. Sabiex ikun evitat id-dirottament tagħhom ‑ għall-produzzjoni illegali tad-droga minflok għall-kummerċ legali ‑ ġie stabbilit qafas regolatorju speċifiku (kemm fil-livell internazzjonali[1] u kemm fl-UE[2]) sabiex ikunu identifikati t-tranżazzjonijiet suspettużi.

Il-prevenzjoni ineffettiva tad-dirottament tal-Anidride Aċetiku (AA), il-prekursur ewlieni tad-droga għall-produzzjoni tal-eroina, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni applikabbli tas-suq intern dwar il-prekursuri tad-droga ġiet identifikata bħala l-akbar problema matul l-aħħar snin[3]. L-AA, dirottat mill-kummerċ legali tiegħu fl-Ewropa, jiġi ttraffikat lejn l-Afganistan, li hu s-sors globali ewlieni tal-eroina, li minnha l-Ewropa biss tikkonsma kważi 20%.

Il-kawżi ewlenin tal-problema u tal-konsegwenzi tagħha jidhru hawn taħt:

KAWŻA || PROBLEMA || KONSEGWENZI DIRETTI || KONSEGWENZI INDIRETTI

Fl-2008, fl-UE twaqqfu jew ġew sekwestrati 241 tunnellata ta’ AA, li kienu jkunu biżżejjed biex jiġu prodotti bejn 150 u 223 tunnellata ta’ eroina, li jammontaw għal madwar 50% tal-produzzjoni Afgana fis-sena. Anke jekk l-istatistika fl-2009-2010 wriet tnaqqis sinifikanti ta' AA imwaqqaf jew sekwestrat fl-UE[4], bosta Stati Membri, kif ukoll il-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi (INCB), iħossu li l-mekkaniżmi tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 għall-kontroll tal-AA ma humiex biżżejjed.

1.2.        Min jintlaqat?

L-Istati Membri jintlaqtu meta jiġu biex iwettqu azzjonijiet ta’ infurzar kif ukoll fejn jidħlu l-ispejjeż li jirriżultaw mill-użu tal-eroina. Barra minn hekk, il-pubbliku jħallas ukoll il-prezz tal-kriminalità relatata mad-droga.

Iċ-ċittadini tal-UE jiġu affettwati mill-provvista tal-eroina prodotta mill-AA dirottat kif ukoll mill-kriminalità relatata mad-droga.

Il-kumpaniji li jipproduċu jew jikkummerċjalizzaw l-AA jistgħu jesperjenzaw (attentati) ta’ dirottament fi kwalunkwe stadju tal-maniġġ tas-sustanza. Apparti milli jħarsu l-istabbilimenti u l-proċessi tagħhom kontra s-serq, dawn għandhom jirreġistraw l-istabbilimenti tagħhom mal-awtoritajiet u jridu jkunu viġilanti biex jevalwaw b’mod kritiku jekk il-klijenti tagħhom jużawx is-sustanza biss għall-iskopijiet leċiti li jkunu ġew iddikjarati[5]. It-tranżazzjonijiet suspettużi għandhom jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet. L-utenti aħħarin (li jixtru l-AA biss għal skopijiet ta' produzzjoni) ikollhom obbligi aktar limitati: ma jkollhomx għalfejn jirreġistraw iżda jkunu jridu jipprovdu dikjarazzjoni mill-klijent meta jagħmlu l-ordnijiet.

2.           Analiżi tas-sussidjarjetà

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 dwar il-prekursuri tad-droga huwa bbażat fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE (li qabel kien l-Artikolu 95 TKE). Ir-Regolament stipula rekwiżiti komuni għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-droga, u dan sabiex tkun żgurata l-libertà tal-kummerċ leċitu ta’ dawn il-kimiki fl-UE. Għalkemm l-Art. 10 tar-Regolament jitlob lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri nazzjonali b’mod li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kompiti tagħhom ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ, kwalunkwe reviżjoni ġenerali tal-mekkaniżmu ta' kontroll u ta’ monitoraġġ tkun trid tiġi adottata fil-livell Ewropew sabiex ma jinħolqux ostakli bla bżonn lill-kummerċ leċitu tal-prekursuri tad-droga fl-UE.

3.           Objettivi

L-objettivi ta’ politika ġenerali

· Li tikkontribwixxi fil-ġlieda globali kontra t-traffiku illeċitu tad-drogi. Il-prevenzjoni tad-dirottament tal-prekursuri tad-droga huwa element importanti li permezz tiegħu l-UE tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988.

· L-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil-każ tal-prekursuri tad-drogi, billi jiġi żgurat li l-operaturi jkunu suġġetti għal regoli armonizzati fl-UE filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn għall-intrapriżi u għall-awtoritajiet kompetenti.

L-objettivi speċifiċi tal-politika

· Il-prevenzjoni tat-tentattivi ta’ dirottament fis-suq intern tal-UE, hekk li jitrażżan is-sehem ta’ AA dirottat li jkun oriġina mill-UE għall-produzzjoni ta’ drogi illeċiti, jiġifieri l-eroina.

· Jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq li jirriżultaw minn kontroll mhux armonizzat tal-prekursuri tad-droga fl-UE u b’hekk jiġu limitati l-ispejjeż għall-operaturi involuti fil-katina tal-valur tal-prekursuri tad-droga.

L-objettivi tal-politika operazzjonali

· Li jonqsu t-tentattivi ta' dirottament u ta' sekwestri fl-UE.

· Li jkun introdott standard ta’ kontrolli uniformi, effikaċi u effiċjenti tal-prekursuri tad-droga fis-suq intern tal-UE.

4.           Għażliet ta’ Politika

Għażla 1: ebda azzjoni: Il-leġiżlazzjoni tal-UE tibqa’ kif inhi (l-għażla bażika)

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 ma jiġix immodifikat. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ikomplu bl-isforzi tagħhom biex titjieb l-implimentazzjoni tar-regoli attwali. L-Istati Membri, jekk iħossu l-ħtieġa, ikunu jistgħu jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali ulterjuri skont l-Artikolu 10 tar-Regolament, suġġetti għal notifika u għal skrutinju skont id-Direttiva 98/34/KE.

Għażla 2: obbligi ta’ rappurtar aktar b’saħħithom

L-obbligi ta’ rappurtar għall-operaturi jissaħħu biex jitkattar l-għarfien tal-Istati Membri, hekk li jkun hemm titjib fl-ispezzjonijiet fil-mira u f’attivitajiet oħra marbuta mal-infurzar. Ikunu jistgħu jiġu applikati żewġ subgħażliet, separatament jew flimkien: (a) it-tkabbir tal-frekwenza u (b) it-twessigħ tal-ambitu tar-rappurtar.

Għażla 3: obbligi aktar b’saħħithom għall-operaturi marbuta mad-dikjarazzjonijiet mill-klijent mill-utenti aħħarin

L-operaturi mhux se jitħallew jikkunsinnaw sustanzi skedati fil-kategorija 2 sakemm id-dikjarazzjoni mill-klijent, li tkun waslet mal-ordni, ma tkunx mimlija sew u sakemm dawn ma jkunux ivverifikaw li l-utent aħħari għandu motivi ġenwini għall-ordni tiegħu. Jekk meħtieġ, l-operaturi ikollhom jinvolvu l-awtoritajiet tagħhom. Il-verifika tat-tagħrif tkun trid tiġi dokumentata. Barra minn hekk, mas-sustanzi kkunsinnati tkun trid tiġi pprovduta kopja id-dikjarazzjoni mill-klijent. L-għażla tista' tissaħħaħ billi jitnaqqas jew jitneħħa l-limitu tal-kwantitajiet minimi previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament. Jistgħu jiġu differenzjati żewġ subgħażliet: l-obbligi japplikaw għall-AA biss (a) jew għas-sustanzi tal-kategorija 2 kollha (b).

Għażla 4: l-operaturi jintalbu jinnotifikaw sistematikament lill-utenti aħħarin ġodda lill-awtoritajiet għal verifika

L-operaturi li jqiegħdu sustanzi skedati fil-kategorija 2 fis-suq jista’ jkollhom jinnotifikaw sistematikament l-ordnijiet kollha mill-utenti aħħarin li jkunu klijenti ġodda lill-awtoritajiet, u jitħallew jikkunsinnaw biss wara li jkunu rċevew il-ftehim tal-awtoritajiet. L-awtoritajiet ikunu jridu jivverifikaw il-mottivi leġittimi tal-utenti aħħarin, jekk meħtieġ billi jikkooperaw mal-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor. L-għażla tista' tissaħħaħ billi jitnaqqas jew jitneħħa l-limitu tal-kwantitajiet minimi previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament. Jistgħu jiġu differenzjati żewġ subgħażliet: l-obbligi japplikaw għall-AA biss (a) jew għas-sustanzi tal-kategorija 2 kollha (b).

Għażla 5: tintalab ir-reġistrazzjoni tal-utenti aħħarin u jissaħħu r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni

L-utenti aħħarin tas-sustanzi skedati fil-kategorija 2 jintalbu jirreġistraw. In-numru ta’ reġistrazzjoni ikun irid jiġi inkluż f'kull dikjarazzjoni mill-klijent hekk li l-operaturi jkunu jistgħu jivverifikaw li l-ordnijiet huma leġittimi. L-awtoritajiet ikollhom jivverifikaw in-negozji tal-utenti aħħarin qabel ir-reġistrazzjoni sabiex jaraw li n-numru tar-reġistrazzjoni hu wieħed leġittimu. Il-leġiżlazzjoni Ewropea tkun tispeċifika rekwiżiti u kundizzjonijiet aktar dettaljati għall-għoti, ir-rifjut u l-irtirar tar-reġistrazzjoni tal-utenti aħħarin (u tal-operaturi inġenerali). L-għażla tkun tista' tissaħħaħ billi jitnaqqas jew jitneħħa l-limitu tal-kwantitajiet minimi previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament, u/jew billi jipprevedi eżenzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ utenti aħħarin, bħal universitajiet jew istituzzjonijiet ta' riċerka. Jistgħu jiġu differenzjati żewġ subgħażliet: l-obbligi japplikaw għall-AA biss (a) jew għas-sustanzi tal-kategorija 2 kollha (b).

Għażla 6: l-AA titmexxa mill-kategorija 2 għall-kategorija 1

L-AA titmexxa minn kategorija 2 għall-kategorija 1, li jkun ifisser li dawk kollha involuti fil-kummerċ u l-użu tal-AA ikunu jridu jiksbu liċenzja qabel ma jakkwistaw jew joħorġu l-AA fis-suq, u jkollhom jikkonformaw mar-rekwiżiti l-oħra kollha tal-operaturi liċenzjati.

5.           Valutazzjoni tal-Impatti

L-ispejjeż miż-żieda fil-piżijiet amministrattivi skont l-għażliet differenti ġew ikkwantifikati u huma mqassra fit-tabella komparattiva fit-Taqsima 6. Il-benefiċċji huma deskritti abbażi tal-kwalità.

5.1.        Għażla 1: ebda azzjoni

L-ebda piż amministrattiv addizzjonali ma jiġi impost fil-livell Ewropew sew fuq l-intrapriżi kif ukoll fuq l-awtoritajiet kompetenti, imma tkun mistennija żieda fil-piżijiet amministrattivi fil-livell nazzjonali kemm-il darba l-Istati Membri jintroduċu miżuri nazzjonali kumplimentari.

Fejn tidħol l-effettività fil-prevenzjoni ta’ dirottament, l-istatistika riċenti ta’ kunsinni sekwestrati u mwaqqfa indikaw tnaqqis evidenti, li jissuġġerixxi li l-isforzi biex titjieb l-implimentazzjoni diġà ġabet titjib tanġibbli f’dik li hi l-effettività tal-leġiżlazzjoni attwali biex tipprevjeni d-dirottament.

Min-naħa l-oħra, il-punti dgħajfa identifikati tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 se jibqgħu hemm – anke jekk dawn jistgħu jitnaqqsu permezz ta’ implimentazzjoni aħjar. L-Istati Membri xorta jistgħu jaraw il-ħtieġa li jadottaw aktar miżuri nazzjonali biex isaħħu l-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi[6]. Din tista’ taħdem kontra l-objettiv biex jitħares is-suq intern. Fl-aħħar nett, il-kritika internazzjonali li l-UE (kondiviża wkoll minn xi Stati Membri) tibqa’ "inattiva" minkejja l-appelli kontinwi biex issaħħaħ il-kontroll tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tagħha se tibqa’ hemm.

5.2.        Għażla 2: obbligi ta’ rappurtar aktar b’saħħithom

Fejn tidħol l-effettività fil-prevenzjoni ta’ dirottament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistennew li jkollhom għarfien aħjar tal-flussi tal-kummerċ legali. Dan jista’ jwassal biex jiġu individwati aktar faċilment xejriet kummerċjali mhux tas-soltu li jindikaw dirottament. Madankollu, sabiex tkun tista’ titqabbel id-dejta kummerċjali mill-operaturi kollha fl-UE, irid jinġabar ammont kbir ħafna ta' dejta li tkun trid titqabbel bejn il-fruntieri interni tal-UE. Anki din il-kontroverifika madwar l-UE tista’ tirriżulta ineffettiva minħabba li 0.2% biss tal-produzzjoni totali tal-AA tiġi dirottata, tant li l-approċċ "ivverifika t-tranżazzjonijiet kollha" huwa inqas promettenti minn azzjonijiet immirati u bbażati fuq ir-riskju.

L-Istati Membri forsi jibqgħu tal-fehma li biex jissaħħaħ il-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-droga jkun hemm bżonn li jiġu adottati aktar miżuri nazzjonali. Dan jaħdem kontra l-objettiv li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern.

5.3.        Għażla 3: obbligi aktar b’saħħithom għall-operaturi marbuta mad-dikjarazzjonijiet mill-konsumatur mill-utenti aħħarin

Il-kalkolu tal-ispejjeż għal din l-għażla jiddistingwi żewġ xenarji (dettaljati fit-tabella ta’ ħarsa ġenerali fit-taqsima 6). Fl-ewwel xenarju, anki llum, l-operaturi jagħmlu negozju biss ma’ klijenti li jafuhom u li jkunu vverifikawhom. Għalhekk, l-obbligu prinċipali skont l-għażla 3, il-verifika tad-dikjarazzjoni mill-konsumatur, ċertament titqies bħala xi ħaġa li baqgħet kif kienet. L-uniċi spejjeż amministrattivi addizzjonali jkunu dawk ta’ meta tintbagħat kopja tad-dikjarazzjoni mill-konsumatur. L-operaturi jkunu jistgħu jivverifikaw huma stess lill-klijenti tagħhom, sabiex ma jkun hemm l-ebda spejjeż addizzjonali għall-awtoritajiet.

Skont it-tieni xenarju, 30% tal-operaturi għadhom mhumiex jaġixxu b’mod ideali u b'hekk ikollhom iżidu l-isforzi tagħhom. Barra minn hekk, wieħed jassumi li madwar 10% tad-dikjarazzjonijiet mill-klijent kollha jkunu jeħtieġu verifika mill-awtoritajiet, għaliex l-operaturi ma jkunux jistgħu jivverifikawhom għalkollox huma.

Fejn tidħol l-effettività fil-prevenzjoni ta’ dirottament, l-għażla 3 tista’ żżid ir-responsabbilità tal-operaturi meta jiġu biex jagħżlu l-klijenti tagħhom. Anke jekk l-operaturi diliġenti jkunu diġà wettqu l-verifiki meħtieġa, il-kjarifika tat-test legali tispiċċa twassal għal viġilanza ogħla tal-operaturi u żżid ukoll in-numru ta' każijiet fejn l-operaturi ikollhom jikkuntattjaw lill-awtoritajiet tagħhom.

Il-benefiċċji għas-suq intern jkunu probabbilment simili għal tal-għażla 1: L-Istati Membri kapaċi jibqgħu jikkunsidraw li jkun hemm bżonn li jadottaw aktar miżuri nazzjonali biex jissaħħaħ il-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi, xi ħaġa li tkun ta’ ħsara għas-suq intern.

5.4.        Għażla 4: l-operaturi jintalbu jinnotifikaw sistematikament lill-utenti aħħarin ġodda lill-awtoritajiet għal verifika

Fejn tidħol l-effettività fil-prevenzjoni ta’ dirottament, l-għażla 4 għandha tiffoka l-isforzi tal-operaturi fuq klijenti ġodda – b’mod partikolari dawk li jiddikjaraw li huma utenti aħħarin li ma jkollhomx numru ta' reġistrazzjoni, li fil-każ tagħhom huwa aktar diffiċli li wieħed jivverifika l-motivi ġenwini meta jagħmlu ordni. In-notifikazzjoni sistematika tal-klijenti ġodda kollha lill-awtoritajiet tippermettilhom iwettqu verifiki xierqa kollha. Jekk ikun hemm bżonn, dawn ikunu jistgħu jipprevjenu u/jew jissorveljaw it-twassil tal-kunsinna. Madankollu, li r-responsabbiltà tingħadda lill-awtoritajiet, li fl-aħħar mill-aħħar jiddeċiedu dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali potenzjali ġodda, kapaċi taħdem kontra l-inċentiv ta’ viġilanza min-naħa tal-operaturi stess.

Bħalma l-għażla 4 se żżid l-għarfien tal-awtoritajiet fuq parti mill-utenti aħħarin, din probabbilment tnaqqas il-probabbiltà li l-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali addizzjonali. Madankollu, xi wħud xorta jkunu jistgħu jikkunsidraw l-għażla 4 bħala waħda insuffiċjenti u jadottaw aktar miżuri ta' kontroll, xi ħaġa li tkun ta' ħsara għas-suq intern.

5.5.        Għażla 5: tintalab ir-reġistrazzjoni tal-utenti aħħarin u jissaħħu r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni

Fejn tidħol l-effettività fil-prevenzjoni ta’ dirottament ir-reġistrazzjoni tippermetti lill-Istati Membri jivverifikaw il-motivi ġenwini tal-utenti aħħarin qabel l-ewwel ordni. Dan ikun jippermetti li l-operaturi jivverifikaw aktar faċilment lill-klijenti tagħhom, minħabba li d-dikjarazzjoni mill-konsumatur tkun tinkludi numru ta’ reġistrazzjoni uffiċjali.

L-għażla 5 iżżid bil-kbir l-għarfien tal-awtoritajiet fuq l-utenti aħħarin kollha u dan jista’ jnaqqas sew mill-probabbiltà li l-Istati Membri jqisu li huwa meħtieġ li jiġu adottati aktar miżuri nazzjonali. L-għażla 5 għalhekk tkun effettiva ħafna biex tippriserva s-suq intern.

5.6.        Għażla 6: l-AA titmexxa mill-kategorija 2 għall-kategorija 1

Fejn tidħol l-effettività fil-prevenzjoni ta’ dirottament, il-benefiċċji huma mistennija li jkunu simili jew ogħla minn dawk tal-għażla 5, minħabba li l-utenti aħħarin u l-operaturi tal-AA kollha jkunu jaqgħu taħt is-sistema stretta ta' liċenzji taħt il-kontroll dirett tal-awtoritajiet. Dan iwassal ukoll biex titnaqqas bil-kbir il-probabbiltà li l-Istati Membri jadottaw aktar miżuri nazzjonali, hekk li l-għażla 6 tkun effettiva ħafna għall-preservazzjoni tas-suq intern.

6.           Tqabbil tal-Għażliet

It-tabella 1[7] tiġbor l-informazzjoni dwar il-benefiċċji mistennija (f’dik li hi effettività biex jinkisbu l-objettivi operattivi) u l-ispejjeż għal kull waħda mis-(sub)għażliet.

L-għażliet 4a u 5a għandhom l-aktar proporzjon favorevoli bejn spejjeż u benefiċċji. L-għażla 4a tidher l-aħjar waħda inkwantu tal-ispejjeż totali għall-awtoritajiet u l-kumpaniji meħuda flimkien. Madankollu, meta wieħed jinjora l-ispejjeż "ta' darba" għar-reġistrazzjoni tal-utenti aħħarin eżistenti kollha fl-għażla 5a, id-differenzi fl-ispejjeż annwali kontinwi huma inqas evidenti: L-għażla 5a hija inqas iebsa għall-kumpaniji, filwaqt li l-għażla 4a hija inqas ta’ piż fuq l-awtoritajiet.

Apparti l-ispejjeż annwali iktar baxxi għall-kumpaniji, l-għażla 5a kienet ġiet appoġġata mill-maġġoranza tal-Istati Membri matul il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati. L-għażla 5a għandha wkoll tissodisfa aħjar il-kritika espressa fil-livell internazzjonali li fl-UE ma jeżistix kontroll sistematiku tal-utenti aħħarin tal-AA.

Fid-dawl tal-ispejjeż relattivament baxxi ta’ kull għażla minnhom b’rabta mal-valur ġenerali tas-suq tal-produzzjoni tal-AA Ewropea, mhuwiex mistenni impatt tanġibbli fuq il-kompetittività tal-industrija Ewropea.[8]

Tabella 1: Tabella komparattiva dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji

Għażla || Benefiċċji/Effettività || Sspejjeż għall-kumpaniji: || Spejjeż għall-awtoritajiet || Total tal-ispejjeż

Għall-prevenzjoni ta’ dirottament || Ħarsien tas-suq internazzjoanli

1 || 0 || 0 || € 0 Riskju ta’ suq frammentat || € 0 || € 0

2 || 2a || 0 || 0 || € 5.6 miljun/sena || € 1 miljun/sena || € 6.6 miljun/sena

|| 2b || 0 || 0 || € 1.5 miljun/sena || € 0.3 miljun/sena || € 1.8 miljun/sena

|| 2a+2b || 0 || 0 || € 11.4 miljun/sena || € 2.1 miljun/sena || € 12.5 miljun/sena

3 || 3a (AA biss) || + || 0 || Xen. 1 100% (jibqa’ kollox kif kien) Scen. 2: (70% jibqa’ kollox kif kien): || € 0.2 miljun/sena € 4.7 miljun/sena || Xen. 1: (ebda involviment mill-awtorità) Xen. 2: (awtoritajiet involuti f’10% tal-każijiet) || € 0 € 0.2 miljun/sena || Xen. 1: Xen. 2: || € 0.2 miljun/sena € 4.9 miljun/sena

|| 3b || + || 0 || Xen. 1: Xen. 2: || € 1 miljun/sena € 26.3 miljun/sena || Xen. 1: Xen. 2: || € 0 € 1.2 miljun/sena || Xen. 1: Xen. 2: || € 1 miljun/sena € 27.5 miljun/sena

4 || 4a (AA biss) || +[+] || ++ || € 0.04 miljun/sena || € 0.005 miljun/sena || € 0.05 miljun/sena

|| 4b || +[+] || ++ || € 0.5 miljun/sena || € 0.03 miljun /sena || € 0.53 miljun/sena

5 || 5a (AA biss) || ++ || +++ || Xen. alternattiv: (ħlasijiet għar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji) || € 0.16 miljun + € 0.01 miljun/sena € 0.55 miljun + € 0.06 miljun/sena || Xen.. alternattiv: || € 0.39 miljun +€ 0.05 miljun/sena € 0 || Xen. alternattiv: || € 0.55 miljun + € 0.06 miljun/sena € 0.55 miljun + € 0.06 miljun/sena

|| 5b || ++ || +++ || Xen.. alternattiv: (ħlasijiet għar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji) || € 0.5 miljun + €0.07 miljun/sena € 2.3 miljun + € 0.3 miljun/sena || Xen. alternattiv: || € 1.8 miljun + € 0.2 miljun/sena € 0 || Xen.. alternattiv: || € 2.3 miljun + € 0.3 miljun/sena € 2.3 miljun + € 0.3 miljun/sena

6 || (AA biss) || +++ || +++ || [jew: inkl. il-kummerċ estern Xen. alternattiv: (ħlasijiet għal-liċenzjar tal-kumpaniji) || € 0.3 miljun + € 0.2 miljun/sena + 0.5 miljun/sena] € 2.0 miljun + € 0.3 [jew + 0.9] miljun/sena || [jew: inkl. il-kummerċ estern Xen. alternattiv: || € 1.7 miljun + € 0.1 miljun/sena + 0.4 miljun/sena] € 0 || [jew inkl. il-kummerċ estern. Xen. alternattiv: || € 2.0 miljun + € 0.3 miljun/sena + 0.9 miljun/sena] € 2.0 miljun + € 0.3 [jew + 0.9] miljun/sena

L-alternattivi preferuti jkollhom effetti fuq l-SMEs, li jiġu f'kuntatt mal-AA primarjament bħala utenti aħħarin. Matul il-konsultazzjoni, l-għażla 5 ġiet it-tieni għażla preferuta (wara dik fejn jinżamm l-istatus quo). Dan ir-riżultat jikkorrispondi ma’ din l-analiżi li l-għażla 5 tkun ta’ inqas piż fuq l-intrapriżi.

L-ebda waħda mill-għażliet ppreferiti ma tipprevedi l-esklużjoni ġenerali tal-mikrokumpaniji, minħabba li dan jispiċċa jiffaċilita l-possibilità ta’ evażjoni mill-kontrolli tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, il-mikrokumpaniji jibbenefikaw mill-limiti eżistenti fil-leġiżlazzjoni[9]. Fl-aħħar nett, fl-għażla 5a tkun prevista protezzjoni speċifika tal-mikroSMEs biex timpedixxi lill-Istati Membri milli jimponu spejjeż ta’ reġistrazzjoni fuq il-mikroSMEs[10] sabiex jirkupraw l-ispejjeż tagħhom stess.

7.           Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

Il-Kummissjoni:

· Il-ġbir, l-analiżi u r-rappurtar tal-istatistika annwali tal-Istati Membri dwar il-kunsinni sekwestrati jew imwaqqfa.

· Monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali addizzjonali tal-Istati Membri.

· Sostenn fl-implimentazzjoni tar-Regolament emendat (l-aġġornament tal-linji gwida eżistenti, l-għodda tal-e-learning, dokument bi FAQ, eċċ)

· L-implimentazzjoni ta' bażi tad-dejta li qed jiġi żviluppat biex jiffaċilita l-ġbir u l-analiżi tal-istatistika.

· Ħames snin wara l-implimentazzjoni tal-emendi leġiżlattivi: evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni emendata issir b'konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati.

L-Istati Membri:

· Attivitajiet ta’ monitoraġġ kontinwu dwar l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni.

[1]               Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi, disponibbli fi: http://www.incb.org/pdf/e/conv/1988_convention_en.pdf

[2]               Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 u għall-Art. 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi.

[3]               Rapport tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti dwar il-prekursuri tad-droga (COM (2009) 709 finali), disponibbli f’: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2009:0709:FIN:en:PDF

[4]               33 tunnellata fl-2009 u 21 tunnellata fl-2010.

[5]               L-AA tintuża legalment bħala aġent aċetilatizzanti fl-industrija tal-kimika, tar-ritratti u dik farmaċewtika. Tintuża fil-produzzjoni tal-plastik, tat-tessili, taż-żebgħa, tal-aġenti fotokimiċi, tal-fwejjaħ, tal-isplussivi u tal-aspirina.

[6]               Pereżempju: Il-Belġju, l-Ungerija u l-Italja jitolbu li l-operaturi tagħhom jinnotifikaw kull tranżazzjoni ta’ AA lill-awtoritajiet qabel ma tintbagħat ordni.

[7]               L-ispejjeż totali f'din it-tabella huma bbażati fuq it-total eżatt tal-komponenti individwali. Għalhekk ma jikkorrispondux bis-sħiħ mat-totali (imqarrba) tal-komponenti f’din it-tabella.

[8]               L-ispejjeż totali meħuda flimkien ta’ kull għażla minnhom ((€ 0.05 miljun għall-Għażla 4a u € 0.06 miljun għall-Għażla 5a) huma limitati ħafna b’rabta mal-valur totali tas-suq Ewropew tal-AA (> € 257 miljun/sena). Barra minn hekk, l-ispejjeż ta’ darba ta’ € 0.16 miljun għall-kumpaniji u ta’ € 0.29 miljun għall-awtoritajiet huma baxxi meta paragunati.

[9]               L-Art. 6 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 jipprevedi li l-kumpaniji b’bejgħ/xiri tal-AA ’l isfel mill-kwantitajiet annwali ta’ 100 l jiġu esklużi mill-biċċa l-kbira tal-obbligi fil-leġiżlazzjoni.

[10]             L-effetti tal-mogħdija tal-ispejjeż tal-awtoritajiet lill-kumpaniji ġew ikkalkulati bħala "xenarju alternattiv" fl-għażla nru 5.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet