52012PC0363


Titolu u referenza

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali

/* COM/2012/0363 final - 2012/0193 (COD) */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1 Kuntest ġenerali

Il-frodi u l-attivitajiet illegali relatati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni joħolqu problema serja għad-detriment tal-baġit tal-Unjoni u għalhekk tal-kontribwenti. L-għan tal-baġit tal-Unjoni biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u biex ikunu ġġenerati t-tkabbir u l-impjiegi, ikun mhedded jekk il-flus jintużaw ħażin. Dan jgħodd speċjalment fi żminijiet ta’ konsolidazzjoni fiskali u ta’ responsabbiltà u ta’ riformi strutturali għat-tkabbir. Skont ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2010 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni[1], is-suspett ta’ frodi jammonta għal madwar EUR 600 miljun kull sena min-naħa tad-dħul u n-nefqa, minkejja l-qafas legali fis-seħħ. Jista’ jiġi assunt li l-ammont reali huwa saħansitra ogħla, il-għaliex mhux il-każijiet kollha jinqabdu u huma rrappurtati.

L-Unjoni trid tħares il-flus tal-kontribwenti bl-aktar mod effiċjenti, bl-użu tal-possibbiltajiet kollha offruti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-ħsara lill-baġit tal-UE titlob għal azzjoni biex tkun żgurata protezzjoni ekwivalenti u effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluża l-liġi kriminali safejn ikun meħtieġ. Minkejja l-iżvilupp tal-acquis tal-UE f'dan il-qasam li jinkludi l-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus[2], l-Istati Membri adottaw regoli diverġenti u bħala konsegwenza ħafna drabi livelli diverġenti ta' protezzjoni fi ħdan is-sistemi legali nazzjonali tagħhom. Din is-sitwazzjoni turi li ma hemm ebda protezzjoni ekwivalenti għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u li l-miżuri kontra l-frodi ma laħqux il-livell meħtieġ ta’ deterrenza.

Pereżempju, rigward il-frodi, l-Istati Membri inkludew id-definizzjonijiet ta’ dan ir-reat kriminali f’ħafna forom differenti ta’ leġiżlazzjoni, li jvarjaw mil-liġi kriminali ġenerali, li tista’ tinkludi reati speċifiċi jew ġeneriċi, sal-kodiċi tat-taxxa kriminali.[3] Diverġenza simili tidher fir-rigward tal-livell ta' sanzjonijiet, li huma applikabbli għal dawn il-forom ta’ reati fl-Istati Membri differenti:[4]

SM || Sanzjonijiet

AT || Priġunerija sa 6 xhur (§ 146 StGB), 3 snin (§ 147 (1) u (2) StGB), 10 snin (§§ 147 (3), 148 StGB); Priġunerija sa 3 risp. 5 snin u multa sa darbtejn l-ammont tal-evażjoni (§ 7 AEG)

BE || Priġunerija minn xahar sa 5 snin (l-Artikolu 450 Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul), priġunerija minn xahrejn sa 3 snin (l-Artikolu 451 Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul) u multi (l-Artikoli 259, 260 u 261 tal-Liġi Ġenerali dwar id-dwana u d-dazju tas-sisa).

BG || Priġunerija minn sena sa 8 snin (l-Artikolu 209, 210 CC), Priġunerija minn 3 sa 10 snin (l-Artikolu 211 CC), Priġunerija minn 2 sa 8 snin (l-Artikolu 212 CC), Priġunerija minn 3 sa 10 snin (l-Artikolu 212(3) CC)

CY || Priġunerija ta’ 5 snin (l-Artikolu 300 CC), Priġunerija sa 3 snin jew multa li ma taqbiżx EUR 5 125,80 jew it-tnejn

CZ || Priġunerija sa sentejn (§209 - 212 CC)

DK || Priġunerija ta’ mhux aktar minn sena u 6 xhur (l-Artikolu 279 tal-Kodiċi Penali) (l-Artikolu 289A tal-Kodiċi Penali), 8 snin f'każi aggravati

EE || Multa jew priġunerija sa 3 snin (§209 tal-Kodiċi Penali), 5 snin ((§210 tal-Kodiċi Penali)

FI || Multa jew priġunerija minn 14-il ġurnata sa sentejn (Kap.36, it-Taqsima 1 CC), (Kap.29, it-Taqsima 1 CC) (Kap.29, it-Taqsima 5 CC), 4 xhur sa 4 snin f'każ aggravat

FR || Priġunerija sa massimu ta' 5 snin u multa ta’ EUR 375 000 (l-Artikolu minn 313-1 sa 313-3 cc), il-massimu ta’ 7 snin u multa ta' EUR 750 000 f’każ aggravat

DE || Priġunerija ta’ mhux aktar minn 5 snin jew multa (§263 GCC)

EL || Bejn għaxart ijiem u 5 snin, 3 xhur sa 5 snin (l-Artikolu 386(1) CC), sentejn sa 5 snin f’każ aggravat

HU || Priġunerija sa sentejn (§318 CC), 5 snin (§314 CC).

IR || Priġunerija ta’ mhux aktar minn 5 snin (it-Taqsima 42 tal-Att tal-2001)

IT || Priġunerija minn 6 xhur sa 3 snin u multa minn EUR 51 sa EUR 1 032,00 (l-Artikolu 640.1 C.P), priġunerija minn sena sa 6 snin (l-Artikolu 640 bis C.P)

LV || Priġunerija għal perjodu li ma jaqbiżx it-3 snin, jew iż-żamma f’kustodja, jew jingħata servizz fil-komunità, jew multa li ma taqbiżx għal sittin darba l-paga minima ta’ xahar (EUR 17 074,20) (it-Taqsima 177 tal-Liġi Kriminali)

LT || Servizz fil-Komunità jew multa, jew ir-restrizzjoni tal-libertà, jew arrest, jew priġunerija għal perjodu sa 3 snin (l-Artikolu 182 CC) jew sa 8 snin (għal reat kriminali serju)

LU || Priġunerija minn xahar sa sena jew multa minn EUR 500 sa EUR 30 000 (l-Artikolu 490 CC), Priġunerija minn xahar sa sena jew multa minn EUR 500 sa EUR 10 000 (l-Artikolu 498 CC)

MT || Priġunerija minn 4 xhur sa sena (l-Artikolu 298(1) CC), Priġunerija għal perjodu li ma jaqbiżx 18-il xahar u l-ħlas ta’ multa minn EUR 2 329,37 sa EUR 34 940,60 (l-Artikolu 298C CC), Priġunerija minn 7 xhur sa sentejn (l-Artikolu 308 CC), Priġunerija minn xahar sa 6 xhur jew multa (l-Artikolu 309 CC)

NL || Priġunerija ta’ mhux aktar minn sena, (l-Artikolu 328 KP), sentejn (l-Artikolu 334 KP), 3 snin (l-Artikolu 360 KP), 4 snin (l-Artikoli 227, 326 KP) jew 6 snin (l-Artikoli 225, 336, 359 KP) jew multi sa EUR 76 000

PL || Priġunerija għal perjodu ta’ bejn 3 xhur u 5 snin (l-Artikolu 297 tal-Kodiċi Penali)

PT || Priġunerija sa 3 snin jew multa (l-Artikolu 217 CC)

RO || Priġunerija bejn 6 xhur u 12-il sena (l-Artikolu 215 CP) (Każ Bażiku)

SI || Priġunerija għal mhux inqas minn 3 xhur u mhux aktar minn 3 snin (l-Artikolu 229 KZ-1), Priġunerija għal mhux iktar minn 3 snin (l-Artikolu 211 KZ-1), Priġunerija għal mhux aktar minn 5 snin (l-Artikolu 228 KZ-1), Multa jew Priġunerija għal mhux iktar minn 3 snin (l-Artikolu 231 KZ-1)

SK || Priġunerija sa sentejn (it-Taqsima 221 CC), Priġunerija minn sena sa 5 snin (it-Taqsima 222-225)

ES || Priġunerija minn 6 xhur sa 3 snin (l-Artikolu 252 CC)

SE || Priġunerija sal-massimu ta’ sentejn (Kap. 9, it-Taqsima 1 tal-Kodiċi Penali)

UK || Kundanna sommarja: priġunerija ta’ mhux aktar minn 12-il xahar, sa multa jew it-tnejn (it-Taqsima 1 l-Att kontra l-Frodi tal-2006); Il-kundanna bbażata fuq l-akkuża: priġunerija ta’ mhux aktar minn 10 snin, sa multa jew it-tnejn

Tali devjazzjonijiet għandhom impatt negattiv fuq l-effettività tal-politiki tal-Unjoni biex iħarsu l-interessi finanzjarji tagħha, kif muri fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta. Ir-reati komuni fl-Istati Membri kollha jnaqqsu r-riskji ta’ prassi diverġenti, għax jiżguraw interpretazzjoni uniformi u mod omoġenju biex jintlaħqu l-ħtiġijiet kollha tal-prosekuzzjoni neċessarji. Huma jsaħħu wkoll l-effett deterrenti u jinfurzaw il-potenzjal tal-infurzar tad-dispożizzjonijiet relevanti, u jnaqqsu l-inċentiv lill-awturi potenzjali tar-reati li jmorru f’ġurisdizzjonijiet aktar klementi fl-Unjoni biex jeżerċitaw l-attivitajiet illegali intenzjonati tagħhom.

Il-protezzjoni ekwivalenti tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni hija wkoll kwistjoni ta’ kredibilità għall-istituzzjonijiet, il-korpi, u l-organi tal-Unjoni, u li tkun żgurata l-eżekuzzjoni leġittima tal-baġit. Għalhekk, mhux biss il-frodi fis-sens strett tagħhom għandhom ikunu koperti minn din il-proposta, iżda wkoll forom oħra ta’ aġir illegali relatati ma’ frodi li permezz tagħhom il-baġit tal-UE jiġi mminat, inkluża l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u t-tfixkil tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku. L-element deċiżiv huwa li qed isir profitt għad-dannu tal-baġit tal-UE, u għalhekk għad-dannu tal-kontribwenti kollha.

Raġuni oħra għal proposta ta’ strument legali ġdid hija l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri konkreti biex jiġi implimentat l-approċċ strateġiku ġenerali tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-frodi. Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi din id-Direttiva.

1.2 Il-kuntest legali

L-ewwel elementi ta’ protezzjoni li tagħti l-liġi kriminali lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni ġew introdotti fl-1995 bil-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea u bil-protokolli li jakkumpanjawha (minn hawn ’il quddiem imsejħa kollettivament “il-Konvenzjoni PIF”).[5] Il-konvenzjoni PIF kienet sussegwentement irratifikata minn, u daħlet fis-seħħ kważi fl-Istati Membri kollha.[6] Miżuri ġenerali relevanti tal-liġi kriminali tal-Unjoni jinkludu d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/JHA tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà konnessi mal-Kriminalità,[7] li l-Kummissjoni pproponiet li tibdel b’Direttiva dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea[8] għall-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw fiha.

Dan il-qafas kien ikkomplimentat b’miżuri ġenerali tal-Unjoni dwar il-liġi kriminali fil-ġlieda kontra ċerti attivitajiet illegali li jagħmlu ħsara b’mod partikolari lill-ekonomija leċita, bħall-ħasil tal-flus[9] u l-korruzzjoni[10], li - għalkemm mhumiex speċifiċi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – jikkontribwixxu għall-ħarsien tagħhom.

F’Mejju 2011, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi[11], akkumpanjata minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.[12] Dawn id-dokumenti juru l-frammentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-definizzjonijiet tal-kriminalità u s-sanzjonijiet kriminali li żviluppaw f’kull parti tal-UE skont il-qafas legali attwali. Id-dokumenti jistipulaw wkoll li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra l-liġi kriminali bħala wieħed mill-elementi sabiex titjieb din il-qagħda.

Il-Komunikazzjoni "Lejn politika kriminali Ewropea" ta’ Settembru 2011[13] tfassal proposta għal qafas ġenerali ta’ kontenut u ta’ struttura dwar il-liġi kriminali tal-UE, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tal-leġiżlazzjoni kriminali tal-UE, jiġifieri l-ħtieġa li l-liġi kriminali tal-UE ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju u proporzjonat fir-rigward tal-għanijiet tagħha.

Korp ta’ liġi amministrattiva żviluppa gradwalment fil-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 jistipula r-regoli amministrattivi rigward l-attivitajiet illegali għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni[14], appoġġati minn regoli amministrattivi settorjali[15]. Minbarra l-istrumenti orizzontali li huma speċifikament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni msemmija hawn fuq, għadd ta’ strumenti amministrattivi tal-liġi tal-Unjoni fihom dispożizzjonijiet rilevanti dwar attivitajiet illegali li jaffettwaw il-finanzi pubbliċi tal-Unjoni.[16]

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

2.1 Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

Il-Kummissjoni kkonsultat il-partijiet interessati f'għadd ta' okkażjonijiet. Il-Kummissjoni kkonsultat b’mod partikolari akkademiċi tal-liġi kriminali fil-25 ta’ Ottubru 2011 kif ukoll uffiċjali tal-gvern mill-Istati Membri f'laqgħa apposta fis-6 ta’ Diċembru 2011. Rappreżentanti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew wkoll attendew. L-opinjonijiet tas-servizzi ta' prosekuzzjoni tal-Istati Membri nġabru permezz ta’ kwestjonarji u ta’ diskussjoni fil-Forum tal-Prosekuturi Ġenerali msejjaħ mill-Eurojust fl-Aja fit-23 ta' Ġunju 2011 u ieħor fis-16 ta’ Diċembru 2011. Il-Kummissjoni ltaqgħet ukoll ma' rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kontribwenti f'laqgħa tal-esperti miżmuma fil-25 ta' Jannar 2012.

L-esperti enfasizzaw in-nuqqasijiet sinifikanti tal-qafas legali eżistenti għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan kien il-każ speċifiku rigward iż-żmien fuq perjodi ta' preskrizzjoni għall-prosekuzzjonijiet. L-esperti akkademiċi enfasizzaw l-importanza tal-prinċipju fejn il-liġi kriminali għandha tintuża biss bħala l-aħħar soluzzjoni, bl-attenzjoni dovuta għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Billi l-liġi kriminali tikkostitwixxi mekkaniżmu iebes ħafna ta’ kontroll soċjali li jaffettwa profondement il-libertajiet ċivili fundamentali, trid tintuża bħala miżura tal-aħħar u tkun implimentata b'mod li jipproteġi l-interessi fundamentali filwaqt li jirrispetta l-libertajiet ċivili u ċ-ċittadini li jibbenefikaw minnhom. L-esperti mill-Istati Membri kienu ġeneralment favur l-objettiv imfittex mill-Kummissjoni, jiġifieri l-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti u l-interessi fundamentali li huma denji tal-istess protezzjoni madwar l-Unjoni Ewropea. Fost il-prattikanti, kien hemm il-perċezzjoni mifruxa komuni li liġi kriminali ċara li tipprovdi kundizzjonijiet indaqs hija rilevanti, u li din għandha tkun ikkumplimentata minn miżuri fil-qasam proċedurali biex twieġeb għan-nuqqasijiet li huma identifikaw f'dan il-kuntest. Il-punt tal-aħħar huwa rifless fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni li jipprevedi inizjattiva separata dwar il-miżuri proċedurali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fl-2013. L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kontribwenti esprimiet appoġġ qawwi għall-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tissalvagwardja aħjar l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mill-abbuż illegali, kif ukoll għall-approċċ tagħha biex tistabbilixxi qafas dwar il-liġi kriminali, komprensiv u li jiskoraġġixxi, għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

2.2 Il-valutazzjoni tal-Impatt

Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tal-impatt dwar politiki alternattivi, wara li kkunsidrat ir-riżultat ta’ studju estern li tlesta fi Frar 2012.[17] Wara li kkunsidrat l-opzjonijiet possibbli, il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkudiet li għandha tkun ippreferuta soluzzjoni li b'mod partikolari tista' testendi t-tip ta' wħud mir-reati relatati mal-frodi, tintroduċi sanzjonijiet minimi u tarmonizza l-limitazzjoni statutorja.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1         Il-bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 325(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 325 jistabbilixxi l-kompetenza tal-UE biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa fl-oqsma ta’ prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-frodi u kwalunkwe attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li "jaġixxu bħala deterrent". L-Artikolu 325(4) jipprevedi l-proċedura leġiżlattiva sabiex ikunu adottati l-miżuri neċessarji bl-iskop li joffru protezzjoni effettiva u ekwivalenti. Huwa jipprovdi wkoll bażi legali sabiex jiġu lleġiżlati l-oqsma tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-frodi u l-attivitajiet illegali l-oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. It-terminu frodi f’dan il-kuntest għandu jinftiehem f’sens wiesa’, inklużi ċerti reati kriminali relatati ma’ frodi.

Il-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni hija qasam ta’ politika speċifiku ħafna, kif jindika t-tqegħid ta’ dispożizzjoni f'kapitolu speċjali msemmi “l-ġlieda kontra l-frodi” fit-titolu "id-dispożizzjonijiet finanzjarji" fit-Trattat. Anki, it-terminu "deterrent" ma tidher imkien ieħor fit-Trattat. Dan juri li f’dan il-qasam speċifiku, l-Unjoni għandha firxa wiesgħa ta’ għodda għad-dispożizzjoni tagħha. Din il-pekuljarità hija msaħħa aktar bl-Artikolu 310(6) tat-TFUE li diġà fl-ewwel artikolu tat-Titolu dwar id-dispożizzjonijiet finanzjarji jenfasizza l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-attivitajiet illegali li qed jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ("għandhom jikkumbattu").

L-iskop tal-Artikolu 325 huwa li jipproteġi l-interess uniku li dwaru hija din il-politika prijoritarja, jiġifieri l-finanzi pubbliċi tal-Unjoni, kull meta għandhom jinġabru jew jintefqu.

· Il-ħarsien tal-finanzi pubbliċi tal-Unjoni huwa interess ta’ solidarjetà fil-livell tal-Unjoni li huwa differenti mill-interessi finanzjarji nazzjonali f’daqqa tal-Istati Membri. Għal dawn ir-raġunijiet, it-Trattat jagħti lill-Unjoni setgħat qawwija biex tadotta "miżuri" li "jaġixxu bħala deterrent" u "jkunu effettivi" (l-Artikolu 325(1)) u "jagħtu protezzjoni ekwivalenti" (l-Artikolu 325(4))[18]. Id-deterrent, il-protezzjoni effettiva u ekwivalenti jħaddnu b’mod naturali u storiku (ara l-Konvenzjoni PIF tal-1995) dimensjoni ta’ liġi kriminali. Hija meħtieġa liġi kriminali sabiex ikun hemm effett preventiv f’dan il-qasam, fejn it-theddida ta’ sanzjonijiet bil-liġi kriminali, u l-effett tagħhom fuq ir-reputazzjoni tal-awturi potenzjali tar-reat jistgħu jitqiesu inċentiv qawwi ħalli ibda biex, ma jitwettqux atti illegali. Għalhekk l-Artikolu 325 jagħti s-setgħa li dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali jidħlu fis-seħħ fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-attakki illegali li jistgħu jkunu previsti minn kull angolu, li ma kienx il-każ tal-Artikolu 280 (4) korrispondenti fit-Trattat tal-KE.

· L-interessi finanzjarji tal-Unjoni mhumiex definiti mit-Trattat innifsu, iżda huwa ċar mill-kliem b’tifsira usa’ minn "baġit", li huwa użat bnadi oħra fit-Trattat (per eż. l-Artikolu 310(1), it-tieni subparagrafu) li l-fondi kollha mmaniġġati minn jew għan-nom tal-Unjoni huma koperti[19].

Din il-proposta tissostitwixxi l-proposta għal Direttiva dwar il-protezzjoni bil-liġi kriminali tal-interessi finanzjarji tal-Komunità.[20]

3.2         Is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u r-rispett għad-drittijiet fundamentali.

Huwa meqjus li hemm il-ħtieġa għal azzjoni tal-Unjoni li tkun imsejsa fuq il-fatturi li ġejjin:

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jirrigwardaw assi u obbligazzjonijiet ġestiti minn jew għan-nom tal-Unjoni. Għalhekk, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma min-natura tagħhom, u mill-bidu, imqiegħda fil-livell tal-Unjoni. Fihom infushom, huma saħansitra aktar "iċċentrati madwar l-Unjoni" milli qasam li jkun suġġett għall-armonizzazzjoni tar-regoli fl-Istati Membri. Huma iktar paragunabbli fil-forma u fis-sustanza mar-regoli dwar l-awtoprotezzjoni tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, bħal fit-termini tas-sigurtà fiżika jew tas-sigurtà informatika. Bħala riżultat, ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod raġonevoli mill-Istati Membri weħidhom. It-Trattat inniffsu, konformi ma’ din il-valutazzjoni, jippreżumi fl-Artikoli 310(6) u 325(1) u (4) tat-TFUE l-ħtieġa ta’ azzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni li tistipula miżuri ekwivalenti u ta’ deterrent biex ikunu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-attivitajiet illegali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 48 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, il-Kummissjoni Ewropea hija kompletament responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa kollha tal-baġit tal-Unjoni.

L-Unjoni hija fl-aħjar pożizzjoni biex tħares l-interessi finanzjarji tagħha, filwaqt li tqis ir-regoli speċifiċi tal-UE li japplikaw għal dan il-qasam. Dawn jinkludu r-regoli baġitarji tar-Regolament Finanzjarju, ir-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji bil-liġi amministrattiva, u r-regoli settorjali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji f’oqsma varji ta’ politika li jistgħu jiġu affettwati. Dan japplika wkoll għad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jistgħu saħansitra jiġu aktar simili. Ir-rekwiżit ġenerali tas-sussidjarjetà għal-leġiżlazzjoni tal-UE għandu jingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tal-liġi kriminali. Dan ifisser li l-UE tista’ tilleġiżla biss jekk l-għan ma jistax jintlaħaq b'mod aktar effettiv minn miżuri fil-livell nazzjonali jew il-livell reġjonali u lokali iżda li, pjuttost minħabba li l-iskala jew l-effetti tal-miżura proposta, dan jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni. L-Unjoni biss qiegħda f'pożizzjoni biex tiżviluppa approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni li b'effett torbot fl-Istati Membri, u biex għalhekk toħloq qafas legali li jikkontribwixxi sabiex jintgħelbu d-dgħufijiet tas-sitwazzjoni attwali, inkluż b’mod partikolari n-nuqqas ta’ ekwivalenza li mhux konsistenti mal-objettivi tat-Trattat stabbiliti fl-Artikolu 325(4) tat-TFUE.

Il-proposta hija rilevanti għad-drittijiet u l-prinċipji li ġejjin tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: id-dritt għal-libertà u l-ħajja tal-familja (bil-possibbiltà ta’ priġunerija għal min jinstab ħati), il-libertà li wieħed jagħżel impjieg u jmexxi negozju (bil-possibbiltà ta’ skwalifika għal min jinstab ħati), id-dritt għall-proprjetà (bil-possibbiltà li jitwaqqfu n-negozji li jkunu kkommettew reati), multi hekk kif jinstabu ħatja kif ukoll il-konfiska, il-legalità u l-proporzjonalità ta’ reati kriminali (minħabba li d-definizzjonijiet tar-reati ġodda huma stipulati), id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat darbtejn (minħabba l-interazzjoni mas-sistemi amministrattivi tas-sanzjonijiet). Dawn l-interferenzi huma ġġustifikati minħabba li jservu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni (ara l-Artikolu 52 paragrafu 1 tal-Karta), u b'mod partikolari sabiex jipprovdu miżuri effettivi u li jiskuraġġixxu biex ikunu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ titjib fejn jidħlu livelli ta’ irregolaritajiet u frodi, u l-ineffettività tal-miżuri attwali skont il-Konvenzjoni PIF, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri tal-liġi kriminali sabiex jiġu miġġielda kif ukoll evitati l-frodi u l-attivitajiet illegali relatati. Ġie żgurat bir-reqqa li dawn il-miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv u għalhekk huma proporzjonati.

3.3 L-għażla tal-istrumenti

Sabiex jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali armonizzati fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li l-Istati Membri jitħallielhom ċertu grad ta’ flessibbiltà rigward kif jistgħu jimponu dispożizzjonijiet iktar stretti, Direttiva hija l-istrument xieraq.

3.4 Id-dispożizzjonijiet speċifiċi

L-Artikolu 1: Is-suġġett – din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta, u b’mod partikolari tapplika biss għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-Artikolu 2: Id-definizzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – din id-dispożizzjoni tistipula d-definizzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li tapplika f’kull parti l-istrument. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat[21] li hemm rabta diretta bejn, fuq naħa l-ġbir tad-dħul mit-taxxa fuq il-valur miżjud skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni, u fuq in-naħa l-oħra d-disponibilità għall-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ġaladarba kwalunkwe nuqqas fil-ġbir tal-ewwel waħda, joħloq tnaqqis fit-tieni. Il-frodi fuq it-Taxxa tal-Valur Miżjud għandhom għalhekk ikunu kkunsidrati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE u għalhekk huma koperti minn din id-Direttiva proposta.

L-Artikolu 3: Il-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni – din id-dispożizzjoni tipprovdi d-definizzjoni ta’ imġieba qarrieqa li għandha titqies bħala reat fl-Istati Membri.

L-Artikolu 4: Ir-reati relatati ma’ frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni – din id-dispożizzjoni għandha x’taqsam mal-attivitajiet illegali fil-kuntest ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-frodi.

Tistipula li agir diżonest ta’ offerenti għal akkwist pubbliku għandu jkun kriminalizzat fl-Istati Membri. Tkopri aġir l-istess bħal ta’ frodi, fejn l-informazzjoni vera, li hija bbażata fuq informazzjoni mogħtija mhux kif suppost minn awtoritajiet pubbliċi, tingħata lil korp li jsejjaħ għall-offerti matul proċedura ta’ għoti. Tali dispożizzjoni diġà teżisti f’għadd ta’ Stati Membri, iżda l-livell tas-sanzjonijiet ivarjaw konsiderevolment (pereżempju, minn ġurnata waħda priġunerija fi Stat wieħed, għal minimu ta’ tliet snin ħabs f'ieħor[22]). Ġie stmat li n-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni effiċjenti dwar dan il-punt jinvolvi annwalment EUR 40 miljun telf għall-baġit tal-Unjoni[23]. L-immanuvrar tal-offerti bejn l-offerenti diġà huwa suġġett għal azzjoni ta’ infurzar u għal sanzjonijiet fil-livell ta’ Unjoni u ta’ Stati Membri, u se jibqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

L-Artikolu 4 jipprevedi wkoll id-definizzjoni ta’ korruzzjoni li għandha tkun inkriminata fl-Istati Membri, ibbażata prinċipalment fuq il-Konvenzjoni PIF u l-Protokolli tagħha,. Il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea tal-1995 u l-Protokolli tagħha u l-ġurisprudenza relevanti jindikaw li l-d-definizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-korruzzjoni attiva u passiva jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar. Kuntrarju għall-Konvenzjoni PIF, mhux se jkun meħtieġ li l-aġir ikun fi “ksur tar-responsabbiltajiet uffiċjali” sabiex jiġi kopert mid-dispożizzjoni. Dispożizzjoni speċifika hija meħtieġa hawnhekk, ladarba l-korruzzjoni hija problema partikolarment serja fil-qasam tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Artikolu 4 jipprevedi wkoll għal definizzjoni ta’ miżapproprjazzjoni, li tkopri l-aġir ta’ uffiċjali pubbliċi li ma jikkostitwix frodi f’sens aktar strett, u li jikkonsisti f’miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi kuntrarju għall-iskop previst, bl-intenzjoni li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Saret referenza skont id-Direttiva għal leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus fir-rigward tal-ħasil ta’ flus tar-rikavat minn reati kriminali, sabiex tali ħasil il-flus jkun reat fl-Istati Membri. Dan se jiżgura li l-istess sistema ta’ sanzjonijiet tapplika għar-reati kriminali kollha kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-Artikolu jagħti d-definizzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi, li tinkludi mhux biss il-persuni li għandhom kariga leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja jew inkella għandhom kariga fis-servizz pubbliku f'isem l-Unjoni jew fi Stati Membri, iżda wkoll persuni li għandhom tali funzjoni f’pajjiżi terzi. L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jeħtieġu protezzjoni anki fil-każ ta’ korruzzjoni attiva u passiva, jew il-miżapproprjazzjoni tal-fondi, fir-rigward ta’ persuni f’pajjiżi terzi sal-punt meta jiġġestixxu l-fondi tal-Unjoni.

L-Artikolu 5: L-istigazzjoni, l-għajnuna u l-kompliċità, t-tentattiv– din hija dispożizzjoni li tapplika għar-reati kollha msemmija hawn fuq, li tirrikjedi li l-Istati Membri jikkriminalizzaw wkoll forom ta’ preparazzjoni u parteċipazzjoni f’reati ta’ dan it-tip. Ir-responsabbiltà kriminali għat-tentattiv hija eskluża għall-maġġoranza tar-reati, ladarba d-definizzjonijiet tar-reat inkwistjoni diġà jkopru l-elementi tal-attentat.

L-Artikolu 6: Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi – din hija dispożizzjoni applikabbli għar-reati kollha msemmija hawn fuq, li tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi, filwaqt li jiġi eskluż li responsabbiltà bħal din hija alternattiva għal dik tal-persuni fiżiċi.

L-Artikolu 7: Il-pieni għall-persuni fiżiċi – din hija dispożizzjoni applikabbli għar-reati kollha msemmija hawn fuq, li teħtieġ li l-Istati Membri japplikaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u tistipula ċertu sett minimu ta’ sanzjonijiet kriminali għal persuni fiżiċi. Il-pieni previsti huma fi proporzjon ma’ skont kemm ikun serju r-reat u huma konformi mas-sanzjonijiet attwalment previsti fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Artikolu 7 jikkjarifika wkoll ċerti aspetti dwar ir-relazzjoni bejn id-Direttiva u l-pieni dixxiplinarji deċiżi minħabba raġunijiet oħra.

L-Artikolu 8: Il-firxiet ta’ priġunerija minima – dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għar-reati kollha msemmija hawn fuq, u jitolbu ċerti termini minimi ta’ priġunerija għal reati partikolarment serji, ibbażati fuq limiti stabbiliti għal kull reat. L-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet minimi se tiżgura konsistenza f’kull parti tal-Unjoni fir-rigward ta’ sanzjonijiet li japplikaw fi kwalunkwe Stat Membru għal tip ta’ aġir partikolari, bil-konsegwenza li se jipproteġu b’mod effettiv u ekwivalenti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fl-Unjoni kollha kemm hi. Il-kriminalità ekonomika – inklużi l-frodi – hija tipikament qasam fejn is-sanzjonijiet kriminali jista' jkollhom l-effettt ta’ deterrent, ġaladarba l-kriminali potenzjali huma mistennija li qabel jidħlu għal attività kriminali jagħmlu ċertu kalkolu tar-riskju. L-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet minimi hija konsegwentement ikkunsidrata neċessarja sabiex madwar l-Ewropa jintlaħqu deterrenti effettivi. Is-sanzjoni minima ta’ sitt xhur tibqa' proporzjonali mal-gravità tar-reati u tiżgura wkoll li l-Mandat ta' Arrest Ewropew jista’ jiġi maħruġ u applikat għar-reati elenkati fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew[24], b’hekk ikun żgurat li l-kooperazzjoni ġudizzjarja u għall-infurzar tal-liġi tkun kemm jista' jkun effiċjenti.

L-Artikolu 9: It-tip ta’ sanzjonijiet minimi għall-persuni ġuridiċi – din hija dispożizzjoni simili għall-Artikolu 7, li tapplika għal sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi.

L-Artikolu 10: L-iffriżar u l-konfiska – din hija dispożizzjoni li tapplika għar-reati kollha msemmija hawn fuq, li teħtieġ li jkun hemm mezzi għall-iffriżar u għall-konfiska tar-rikavati u tal-istrumenti ta’ dawn ir-reati.

L-Artikolu 11: Il-ġurisdizzjoni – din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ territorjalità u personalità. Din tapplika għar-reati kollha msemmija hawn fuq, u li teħtieġ li jkun hemm bażi ta’ kompetenza għall-awtoritajiet ġudizzjarji li tippermettilhom jibdew investigazzjonijiet, imexxu prosekuzzjonijiet u jtellgħu l-qorti każijiet marbuta mal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Quddiem il-fatt li din id-Direttiva ma tippermettix il-prosekuzzjoni ta’ dawk id-drabi ta’ frodi fejn l-Istati Membri ma jistgħux jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni se jaqsmu evidenza mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar l-aġir frodulenti mwettaq barra t-territorju tal-Unjoni minn ċittadini mhux tal-UE, u se jikkooperaw bl-għan li titwettaq il-prosekuzzjoni ta’ dan l-aġir f’dawn il-pajjiżi mill-awtoritajiet kompetenti.

L-Artikolu 12: Il-preskrizzjoni tar-reati għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – din hija dispożizzjoni li tapplika għar-reati kollha msemmija hawn fuq, li teħtieġ li jiġi stabbilit perjodu minimu ta’ preskrizzjoni, kif ukoll dispożizzjoni dwar il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar tal-pieni wara l-kundanna definittiva.

L-Artikolu 13: L-irkupru – din id-dispożizzjoni tiċċara li din id-Direttiva ma taffettwax l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-irkupru ta’ somom mħallsa rregolarment bħala konsegwenza tar-reati inklużi f'din id-Direttiva, irrispettivament wkoll mid-dispożizzjoni tal-preskrizzjoni kriminali inkluża fl-Artikolu 12.

L-Artikolu 14: Interazzjoni ma’ atti legali oħra applikabbli tal-Unjoni – din hija dispożizzjoni li tiċċara l-interazzjoni bejn sistemi ta’ sanzjonijiet amministrattivi u kriminali.

L-Artikolu 15: Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea (l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi) – din hija dispożizzjoni li mill-qrib tirrifletti d-dispożizzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif inkluż fit-Tieni protokoll tal-Konvenzjoni PIF. L-inklużjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija meħtieġa minħabba r-revoka tal-Konvenzjoni u l-Protokolli tagħha bl-Artikolu 16.

L-Artikolu 16: Ir-revoka tal-konvenzjonijiet tal-liġi kriminali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea – din hija dispożizzjoni li tħassar il-Konvenzjoni PIF tal-1995 u l-Protokolli tagħha.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja immedjata għall-Unjoni. L-għan tagħha huwa, madankollu, li jiġi evitat it-telf ikkawżat mill-attivitajiet illegali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi jiżdied id-deterrent u billi jseħħ infurzar aktar effettiv permezz tal-liġi kriminali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, kif ukoll biex ikun iffaċilitat l-irkupru f’każijiet fejn it-telf ikkawżat mill-attivitajiet illegali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu diġà seħħew.

2012/0193 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 325(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri[25],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma tolqotx biss il-ġestjoni tal-approprjazzjonijiet tal-baġit, iżda testendi għall-miżuri kollha li jaffettwaw negattivament jew jheddu li jaffettwaw negattivament l-assi tagħha, u dawk tal-Istati Membri saħansitra meta huma ġew mfassla biex jappoġġaw jew jistabbilizzaw l-ekonomija jew il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri b’rilevanza għall-politiki tal-Unjoni.

(2)       Sabiex tkun assigurata protezzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-liġi kriminali fl-Istati Membri għandha tkompli tikkomplementa l-protezzjoni permezz tal-liġi amministrattiva u ċivili għal tipi ta’ komportament mill-aktar serju relatat mal-frodi f'dan il-qasam, filwaqt li jkunu evitati inkonsistenzi, kemm fi ħdan kif ukoll fost dawn l-oqsma tal-liġi.

(3)       Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni issejjaħ għal definizzjoni komuni ta’ frodi li tkopri aġir frodulenti fir-rigward kemm tan-nefqa u tad-dħul għad-detriment tal-baġit tal-UE.

(4)       Il-frodi li jaffettwaw t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) jnaqqsu l-irċevuti tat-taxxa tal-Istati Membri u sussegwentement l-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi ta’ valutazzjoni tal-VAT tal-Istati Membri. Kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja[26], hemm rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni, u d-disponibilità għall-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi korrispondenti, ġaladarba kwalunkwe nuqqas fil-ġbir tal-ewwel waħda, joħloq potenzjalment tnaqqis fit-tieni waħda. Id-Direttiva għaldaqstant tkopri dħul li ġej mill-irċevuti tal-VAT fl-Istati Membri.

(5)       Għandu jittieħed inkonsiderazzjoni l-impatt sostanzjali fuq l-interessi finanzjarji tal-UE li jirriżulta mit-tnaqqis illegali tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u t-twettiq tal-limiti stabbiliti f’din id-Direttiva għandu jinqara fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, skont in-natura speċifika u l-metodoloġija użata biex ikunu kkalkulati dawn ir-riżorsi proprji, inkluż it-trattament differenzjat tal-Istati Membri.

(6)       L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jistgħu jiġu affettwati negattivament fejn l-offerenti individwali jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet kontraenti jew lil dawk li joħorġu l-offerta, abbażi ta’ informazzjoni miksuba mhux kif suppost direttament jew indirettament, mill-korp li joħroġ l-offerti, bl-iskop li jevitaw jew jgħawġu r-regoli applikabbli għall-akkwist pubbliku jew għall-proċedura tal-għotjiet. Dan l-aġir huwa simili ħafna għal frodi, iżda ma għandux neċessarjament jikkostitwixxi reat sħiħ ta’ frodi min-naħa tal-offerent, ladarba l-offerta pprovduta tista’ tkun kompletament konformi mal-ħtiġijiet kollha. L-immanuvrar tal-offerti bejn dawk li jitfgħu l-offerti jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u l-liġijiet nazzjonali ekwivalenti; huwa suġġett għal azzjoni pubblika ta’ infurzar u għal sanzjonijiet fl-Unjoni kollha u għandu jibqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(7)       Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus hija applikabbli bis-sħiħ għal ħasil tar-rikavat minn reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva. Referenza magħmula għal din il-leġiżlazzjoni għandha tiżgura li s-sistema ta’ sanzjonijiet mdaħħla minn din id-Direttiva tapplika għar-reati kriminali kollha kontra l-interess finanzjarju tal-Unjoni.

(8)       Il-korruzzjoni tikkostitwixxi theddida partikolarment serja kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li tista' f'ħafna każijiet tkun relatata wkoll ma’ aġir frodulenti. Il-kriminalizzazzjoni partikolari f’dan il-qasam hija għalhekk meħtieġa. Għandu jkun assigurat li r-reati rilevanti huma koperti bid-definizzjoni, irrispettivament jekk l-aġir huwiex fi ksur tar-responsabbiltajiet uffiċjali jew le. Fir-rigward ta’ reati ta’ korruzzjoni passiva u miżapproprjazzjoni, teżisti l-ħtieġa li tiġi inkluża definizzjoni dwar l-uffiċjali pubbliċi li tkopri l-uffiċjali rilevanti kollha, kemm jekk maħtura, eletti, jew impjegati abbażi ta’ kuntratt, jekk ikollhomx uffiċċju formali, kif ukoll persuni li jeżerċitaw il-funzjoni li jipprovdu servizz f’isem il-gvern u korpi pubbliċi oħra liċ-ċittadini, jew għall-interess pubbliku b’mod ġenerali, mingħajr ma jkollhom uffiċċju formali, bħall-kuntratturi involuti fl-immaniġġar tal-fondi tal-UE.

(9)       L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jistgħu jkunu affettwati negattivament minn ċertu tip ta’ aġir ta' uffiċjal pubbliku li jimmira li juża ħażin il-fondi jew l-assi, kuntrarju għall-iskop previst, u bl-intenzjoni li jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk hemm bżonn li tkun introdotta definizzjoni preċiża tar-reati li tkopri aġir bħal dan.

(10)     Xi reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma fil-prattika spiss relatati mill-qrib mar-reati koperti mill-Artikolu 83(1) tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bbażata fuq dan l-Artikolu. Għalhekk għandha tiġi żgurata koerenza ma’ din il-leġiżlazzjoni fil-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet.

(11)     Il-għaliex l-interessi finanzjarji tal-Unjoni tista’ ssirilhom ħsara jew jiġu mhedda wkoll mill-komportament ta’ persuni ġuridiċi, dawn għandhom ikunu responsabbli għar-reati kriminali mwettqa f’isimhom kif definit f'din id-Direttiva.

(12)     Sabiex ikunu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod ekwivalenti permezz ta’ miżuri li għandhom jaġixxu bħala deterrent fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri għandhom ukoll jipprevedu ċerti tipi u livelli minimi ta' sanzjonijiet meta jitwettqu r-reati kriminali definiti f'din id-Direttiva. Il-livell ta’ sanzjonijiet m’għandux imur lil hinn minn dak li huwa proporzjonali għar-reati, u livell limitu espress fi flus, li skontu ma tkunx meħtieġa kriminalizzazzjoni, għandu għalhekk jiġu introdott.

(13)     Din id-Direttiva ma taffettwax l-applikazzjoni proprja u effikaċi tal-miżuri dixxiplinarji. Is-sanzjonijiet li ma jistgħux jiġu assimilati mal-pieni kriminali jistgħu jitqiesu skont il-liġi nazzjonali meta persuna tinqatgħalha s-sentenza għal wieħed mir-reati definiti skont din id-Direttiva f’każijiet individwali; għal sanzjonijiet oħra, il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jkun rispettat bis-sħiħ. Din id-Direttiva ma tikkriminalizzax aġir li mhux ukoll suġġett għal sanzjonijiet dixxiplinarji jew miżuri oħra dwar ksur ta’ dmirijiet uffiċjali, f’każijiet fejn tali sanzjonijiet dixxiplinarji jew miżuri oħra jistgħu jiġu applikati lill-persuni kkonċernati.

(14)     Is-sanzjonijiet għal persuni fiżiċi f'każijiet aktar serji għandhom jipprevedu firxa ta’ priġunerija. Dawn il-każijiet serji għandhom jiġu definiti billi jkun hemm referenza għal ċertu minimu ta' dannu globali, mfisser fi flus, li l-aġir kriminali bilfors li kkawża fil-baġit tal-Unjoni u possibilment xi baġit ieħor. L-introduzzjoni ta’ firxa minima u massima ta’ priġunerija hija meħtieġa sabiex ikun garantit li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jitħarsu l-istess f’kull parti tal-Ewropa. Is-sanzjoni minima ta’ sitt xhur tiżgura li Mandat ta' Arrest Ewropew jista’ jiġi maħruġ u mwettaq għar-reati elenkati fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, b’hekk ikun żgurat li l-kooperazzjoni ġudizzjarja u għall-infurzar tal-liġi tkun kemm jista' jkun effiċjenti. Is-sanzjonijiet se jservu wkoll bħala deterrent qawwi għal kriminali potenzjali, li jkollhom effett f’kull parti tal-Ewropa. Aktar sanzjonijiet severi għandhom jiġu imposti għall-każijiet fejn ir-reat kien imwettaq fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali skont it-tifsira tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI[27].

(15)     Minħabba b'mod partikolari l-mobbiltà tal-kriminali u r-rikavat li jirriżulta minn attivitajiet illegali għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif ukoll minħabba l-investigazzjonijiet kumplessi transkonfinali li din tinvolvi, l-Istati Membri kollha għandhom jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom u jistipulaw ir-regoli dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu dawn l-attivitajiet.

(16)     Sabiex ikun hemm koerenza fil-liġi tal-Unjoni u jkun issalvagwardjat il-prinċipju li ħadd ma jista jiġi kkastigat darbtejn għall-istess kawża, hemm bżonn li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn il-pieni skont din id-Direttiva u l-miżuri amministrattivi relevanti skont il-liġi tal-Unjoni. Id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi amministrattivi, ta’ pieni u ta’ multi skont il-liġi tal-Unjoni.

(17)     Bla ħsara għal obbligi oħra skont il-liġi tal-Unjoni, hemm il-ħtieġa ta’ dispożizzjonijiet xierqa għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex tkun żgurata azzjoni effettiva kontra r-reati kriminali definiti f'din id-Direttiva li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(18)     Il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea tas-26 ta’ Lulju 1995[28] u l-Protokolli tagħha tas-27 ta’ Settembru 1996[29] u tad-29 ta’ Novembru 1996[30] għandhom jiġu mħassra u mibdula b’din id-Direttiva.

(19)     L-implimentazzjoni kif suppost ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri tinkludi l-ipproċessar tad-dejta personali fost l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-iskambju tagħha bejn l-Istati Membri minn banda, u mill-banda l-oħra bejn il-korpi kompetenti tal-Unjoni. L-ipproċessar tad-dejta personali fil-livell nazzjonali bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkun rregolat mil-liġi nazzjonali li tirrispetta l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Dejta Personali tat-28 ta’ Jannar 1981 u l-Protokoll addizzjonali tagħha (ETS Nru 181). L-iskambju tad-dejta personali bejn l-Istati Membri għandu jissodisfa r-rekwiżiti tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/977/ĠAI[31]. Sa fejn id-dejta personali hija pproċessata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mill-korpi u mill-organi, huma għandhom ikunu konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta[32] u mar-regoli applikabbli dwar il-kunfidenzalità tal-investigazzjonijiet ġudizzjarji.

(20)     L-effett dissważiv intenzjonat fl-applikazzjoni tal-pieni tal-liġi kriminali jeħtieġ kawtela partikolari fir-rigward tad-drittijiet fundamentali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod speċjali d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, il-protezzjoni tad-dejta personali, il-libertà li wieħed jagħżel impjieg u d-dritt għax-xogħol, il-libertà li wieħed ikollu negozju, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ ġudizzju jew piena doppja fi proċeduri kriminali għall-istess reat kriminali. Din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għal dawn id-drittijiet u prinċipji u għandha tiġi implimentata kif meħtieġ.

(21)     Din id-Direttiva se tapplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija tal-immunitajiet li jinsabu fit-Trattat, fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fit-testi li jimplimentawh, jew fid-dispożizzjonijiet simili inkorporati fil-liġi nazzjonali.

(22)     Din id-direttiva hija bla ħsara għar-regoli u għall-prinċipji ġenerali tal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-applikazzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi skont iċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull każ individwali.

(23)     Ladarba l-għan ta' din id-Direttiva ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri weħidhom, u għalhekk jista' minħabba raġunijiet ta’ skala u effetti jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-għan.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Titolu I: Is-suġġett u d- definizzjoni

Artikolu 1 Is-suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi tiddefinixxi r-reati kriminali u s-sanzjonijiet.

Artikolu 2 Id-definizzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “l-interessi finanzjarji tal-Unjoni” tfisser id-dħul u n-nefqa kollha koperti minn, akkwistati permezz, jew minħabba:

(a) il-baġit tal-Unjoni;

(b) il-baġits tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi stabbiliti skont it-Trattati jew il-baġits immexxija u ssorveljati minnhom.

Titolu II: Reati kriminali fl-oqsma tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Artikolu 3 Il-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-aġir li ġej, meta jsir intenzjonalment, huwa punibbli bħala reat kriminali:

(c) fejn tidħol nefqa, kull att jew omissjoni li għandhom x'jaqsmu ma:

(i)      l-użu jew il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, inkorretti jew mhux kompluti, li jkollhom bħala effett il-miżapproprjazzjoni jew iż-żamma bla dritt ta' fondi mill-baġit tal-Unjoni jew minn baġits amministrati mill-Unjoni, jew għan-nom tagħha,

(ii)     in-nuqqas ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni fi ksur ta' obbligu speċifiku, bl-istess effett, jew

(iii)     l-użu ħażin tal-obbligazzjonijiet jew tan-nefqa għal skopijiet oħra għajr dawk li għalihom ġew mogħtija;

(d) fir-rigward ta’ dħul, kull att jew omissjoni li għandhom x'jaqsmu ma:

(i)      l-użu jew il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, inkorretti jew mhux kompluti, li jkollhom bħala effett it-tnaqqis illegali tar-riżorsi tal-baġit jew baġits tal-Unjoni amministrati mill-Unjoni, jew għan-nom tagħha,

(ii)     in-nuqqas ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni fi ksur ta' obbligu speċifiku, bl-istess effett, jew

(iii)     l-użu ħażin ta' xi benefiċċju miksub legalment, bl-istess effett.

Artikolu 4 Ir-reati kriminali relatati ma’ frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

1.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe għoti ta’ informazzjoni, jew li ma tingħatax tali informazzjoni, lill-entitajiet jew awtoritajiet kontraenti jew li joħorġu l-offerta f’akkwist pubbliku jew fi proċedura tal-għotjiet fejn hemm involuti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, minn kandidati jew offerenti, jew minn persuni responsabbli jew involuti fit-tħejjija tat-tweġibiet tas-sejħiet għall-offerti jew tal-applikazzjonijiet għall-għotjiet minn dawk li jipparteċipaw, meta jitwettqu intenzjonalment u bil-għan li tiġi maħruba jew li tiġi mgħawġa l-applikazzjoni tal-eliġibbiltà, l-esklużjoni, l-għażla jew il-kriterji għall-għoti, huma punibbli bħala reat kriminali.

2.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ħasil tal-flus kif definit fl-Artikolu 1 (2) tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[33] li jinvolvi proprjetà li tiġi mir-reati li huma koperti minn din id-Direttiva, ikun punibbli bħala reat kriminali.

3.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-aġir li ġej, meta jsir intenzjonalment, huwa punibbli bħala reat kriminali:

(a)     l-azzjoni ta’ uffiċjal pubbliku, li direttament jew permezz ta' intermedjarju, jitlob jew jirċievi vantaġġi ta’ kwalunkwe tip, għalih jew għal parti terza, jew jaċċetta wegħda ta’ vantaġġ bħal dan, li jaġixxi jew jonqos milli jaġixxi skont dmirijietu jew fil-kapaċità tal-funzjonijiet tiegħu b'tali mod li jagħmel ħsara jew li x'aktarx jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni (il-korruzzjoni passiva);

(b)     l-azzjoni ta’ kull min iwiegħed jew jagħti, direttament jew permezz ta' intermedjarju, vantaġġ ta’ kwalunkwe tip lil uffiċjal pubbliku għalih innifsu jew għal parti terza sabiex huwa jaġixxi jew jastjeni milli jaġixxi skont dmirijietu jew fil-kapaċità tal-funzjonijiet tiegħu b'tali mod li jagħmel ħsara jew li x'aktarx jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni (il-korruzzjoni attiva).

4.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-att intenzjonali minn uffiċjal pubbliku biex jikkommetti jew juża fondi, jew jawtorizza jew juża l-assi, kuntrarju għall-iskop li għalih kienu intenzjonati u bl-iskop li jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni, hija punibbli bħala offiża kriminali (miżapproprjazzjoni).

5.           Għall-għan ta’ dan l-Artikolu, "uffiċjal pubbliku" tfisser:

(a)     kwalunkwe persuna li teżerċita funzjoni ta’ servizz pubbliku għall-Unjoni jew fl-Istati Membri jew pajjiżi terzi billi jkollu kariga leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja;

(b)     kwalunkwe persuna oħra li teżerċita kariga fis-servizz pubbliku għall-Unjoni jew fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi, li ma għandhiex din il-kariga, li tipparteċipa fl-amministrazzjoni jew fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Titolu III: Dispożizzjonijiet ġenerali li għandhom x’jaqsmu ma’ reati kriminali fl-oqsma tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Artikolu 5 L-istigazzjoni, l-għajnuna u l-kompliċità, t-tentattiv

1.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li l-inċitazzjoni, l-għajnuna jew il-kompliċità fir-reati kriminali msemmija fit-Titolu II huma punibbli bħala reat kriminali.

2.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-tentattiv biex jitwettaq ir-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4, il-paragrafu 4, huwa punibbli bħala reat kriminali.

Artikolu 6  Ir-responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi

1.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għal kwalunkwe reat kriminali msemmi fit-Titolu II li jkun twettaq għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi waħedha jew bħala parti minn korp tal-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, abbażi ta':

(a) setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b) awtorità li jieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika; jew

(c) awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.           L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għan-nuqqas ta’ sorveljanza jew kontroll minn xi persuna msemmija f’paragrafu 1 li tkun ħalliet jitwettaq, kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija Titolu II għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika, mill-persuna taħt l-awtorità tagħha.

3.           Ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika skont il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex teskludi l-proċedimenti kriminali kontra l-persuni fiżiċi li jkunu l-awturi tar-reati kriminali msemmija fit-Titolu II jew kriminalment responsabbli skont l-Artikolu 5.

4.           Għall-għan ta' din id-Direttiva, “persuna ġuridika” għandha tfisser kwalunkwe entità li jkollha personalità ġuridika skont il-liġi applikabbli, minbarra l-Istati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat u l-organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

Artikolu 7 Il-pieni għall-persuni fiżiċi

1.           Fir-rigward tal-persuni naturali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reati kriminali li jissemmew fit-Titolu II għandhom ikunu punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonali u dissważivi, kif ukoll b’multi u bi priġunerija, kif speċifikat fl-Artikolu 8.

2.           F’każijiet ta’ reati minuri li jinvolvu danni ta’ anqas minn EUR 10 000 u vantaġġi ta’ anqas minn EUR 10 000, u li ma jinvolvux ċirkustanzi partikolarment serji, l-Istati Membri jistgħu minflok il-pieni kriminali jipprovdu mod ieħor.

3.           Il-paragrafu 1 jkun bla ħsara għat-twettiq tal-poter dixxiplinarju mill-awtoritajiet kompetenti kontra uffiċjali pubbliċi.

4.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet ta’ natura oħra, li ma jistgħux jiġu assimilati ma’ pieni kriminali, u li huma diġà imposti fuq l-istess persuna għall-istess aġir, jistgħu jitqiesu meta tingħata sentenza lil dik il-persuna għal reat kriminali msemmi fit-Titolu II.

Artikolu 8 Il-limiti stabbiliti għall-priġunerija

1.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati kriminali kif imsemmija fl-Artikoli 3 u 4, paragrafi 1 u 4, li jinvolvu vantaġġ jew dannu ta’ mill-inqas EUR 100 000, għandhom ikun punibbli bi:

(d) piena minima ta’ mill-inqas 6 xhur priġunerija;

(e) piena massima ta’ mill-inqas 5 snin priġunerija.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati kriminali kif imsemmija fl-Artikolu 4, paragrafi 2 u 3, li jinvolvu l-vantaġġ jew id-dannu ta’ mill-inqas EUR 30 000, għandhom ikun punibbli bi:

(f) piena minima ta’ mill-inqas 6 xhur priġunerija;

(g) piena massima ta’ mill-inqas 5 snin priġunerija.

2.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li r-reati kriminali li jissemmew fit-Titolu II ikunu punibbli b'piena massima ta’ mill-inqas 10 snin priġunerija fejn ir-reat kien imwettaq fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali, skont it-tifsira tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841.

Artikolu 9

It-tip ta’ sanzjonijiet minimi għall-persuni ġuridiċi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika li tkun meqjusa responsabbli skont Artikolu 6 tiġi soġġetta għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

(a) l-esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji pubbliċi jew l-għajnuna pubblika;

(b) l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta' attivitajiet kummerċjali;

(c) it-tqegħid taħt is-sorveljanza tal-qorti;

(d) l-istralċ ġudizzjarju;

(e) l-għeluq temporanju jew permanenti ta' stabbilimenti li ntużaw biex isir ir-reat.

Artikolu 10 L-iffriżar u l-konfiska

L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat u tal-mezzi strumentali tar-reati msemmija fit-Titolu II skont id-Direttiva …/…/... [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea][34].

Artikolu 11 Il-ġurisdizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom għar-reati kriminali msemmija fit-Titolu II fejn:

(a) ir-reat ikun twettaq totalment jew parzjalment fit-territorju tagħhom; jew

(b) min iwettaq ir-reat ikun ċittadin tagħhom.

2.           Għall-każ imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ġurisdizzjoni tagħhom ma tkunx subordinata għall-kundizzjoni li l-prosekuzzjoni tista’ biss tinbeda wara li jkun sar rapport mill-vittma fil-post ta’ fejn ikun twettaq ir-reat, jew denunzja mill-Istat tal-post ta’ fejn ikun sar ir-reat.

3.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġurisdizzjoni tagħhom tinkludi sitwazzjonijiet fejn reat jitwettaq permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni li kien hemm aċċess għaliha mit-territorju tagħhom.

Artikolu 12 Il-preskrizzjoni tar-reati għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw perjodu ta’ preskrizzjoni li fih l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, il-proċess tal-qorti u d-deċiżjoni ġudizzjarja fuq ir-reati li hemm referenza għalihom fit-Titolu II, u fl-Artikolu 5, ikunu jistgħu jitwettqu għal mill-inqas ħames snin minn meta jkun seħħ ir-reat.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi interrott u jerġa’ jibda mill-ġdid fuq kwalunkwe att ta’ awtorità nazzjonali kompetenti, inkluż b’mod partikolari l-bidu effettiv ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni, sa mill-inqas 10 snin miż-żmien minn mindu jkun seħħ ir-reat.

3.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-infurzar ta’ pieni imposti wara kundanna definittiva għal reat kriminali kif imsemmi fit-Titolu II, u fl-Artikolu 5, għal perijodu suffiċjenti ta' żmien li ma għandux ikun inqas minn 10 snin minn meta saret il-kundanna definittiva.

Artikolu 13 L-irkupru

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-irkupru tas-somom imħallsa meta mhux dovut, meta jkunu kkummissjonati r-reati kriminali msemmija fit-Titolu II.

Artikolu 14 L-interazzjoni ma’ atti legali oħra applikabbli tal-Unjoni

L-applikazzjoni ta’ miżuri amministrattivi, ta’ pieni u ta’ multi kif stabbilit fil-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95[35], jew fil-liġi nazzjonali adottata skont l-obbligu speċifiku tal-liġi tal-Unjoni, ikunu bla ħsara għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe proċedimenti kriminali mibdija abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni korretta u effettiva tal-miżuri amministrattivi, ta’ pieni u ta’ multi li ma jistgħux jitqabblu mal-proċedimenti kriminali, stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali.

Titolu IV: Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 15

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea (l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi)

1.           L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw ma’ xulxin fil-ġlieda kontra r-reati kriminali li hemm referenza għalihom fit-Titolu II. Għal dan l-għan il-Kummissjoni għandha tagħti assistenza teknika u operattiva billi l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jista’ jkollhom bżonn jħaffu l-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet tagħhom.

2.           L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jagħmlu skambju ta’ informazzjoni mal-Kummissjoni sabiex ikun aktar faċli li jiġu stabbiliti l-fatti u biex tkun żgurata azzjoni effettiva kontra r-reati kriminali li hemm referenza għalihom fit-Titolu II. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom f’kull każ speċifiku jieħdu kont tas-segretezza investigattiva u tal-protezzjoni tad-dejta. Għal dan il-għan, Stat Membru, meta jagħti informazzjoni lill-Kummissjoni, jista’ jistipula kondizzjonijiet speċifiċi li jkopru l-użu tal-informazzjoni, kemm jekk għall-Kummissjoni jew għal Stat Membru ieħor li jingħata din l-informazzjoni.

Artikolu 16 Ir-revoka tal-konvenzjonijiet tal-liġi kriminali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea

Il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea tas-26 ta’ Lulju 1995, inklużi l-protokolli tagħha tas-27 ta’ Settembru 1996, tad-29 ta' Novembru 1996 u tad-19 ta’ Ġunju 1997, għandhom jiġu revokati b'effett minn [il-jum tal-applikazzjoni skont l-Art. 17 (1) it-tieni subparagrafu].

Artikolu 17 It-traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn ..., il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet minn …

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, jeħtieġ ikun hemm referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jistabbilixxu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’ din id-Direttiva.

Artikolu 18 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19 Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               COM(2011) 595 finali, u d-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ akkumpanjament SEC (2011) 1107, 1108 u 1109 finali.

[2]               Il-Konvenzjoni tas-26 ta' Lulju 1995, (ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49) (frodi); L-Ewwel Protokoll tas-27 ta’ Settembru 1996 (ĠU C 313, 23.10.1996, p. 2) u l-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1997 (ĠU C 195, 25.6.1997) (korruzzjoni); Il-protokoll tad-29 ta’ Novembru 1996 (ĠU C 151, 20.5.1997, p. 2) (l-interpretazzjoni tal-qorti); It-Tieni Protokoll tad-19 ta' Ġunju 1997 (ĠU C 221, 19.7.1997, p. 12) (il-ħasil tal-flus).

[3]               Ara r-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni PIF f’COM(2004) 709 finali, tal-25.10.2004 u COM(2008) 77 finali tal-14.2.2008.

[4]               It-tabella hija silta misluta minn prospett aktar komprensiva, anki għal reati oħra, mill-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja din il-proposta għal Direttiva. It-tabella għandha tagħti stampa approssimattiva tas-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri sa Diċembru 2011.

[5]               Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna hawn fuq.

[6]               It-tieni Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea u l-protokolli tagħha, 14.2.2008, COM(2008) 77 finali, fit-Taqsima 4.1. Aktar Stati Membri minn dak iż-żmien irratifikaw il-Konvenzjoni u l-protokolli tagħha. Ir-Repubblika Ċeka biss għadha ma rratifikathiex, iżda bdiet il-proċedura kostituzzjonali interna biex isir dan.

[7]               ĠU L 68, 15.3.2005, p. 49.

[8]               COM(2012) 85 finali tat-12.3.2012.

[9]               Id-Direttiva 91/308/KEE, li mbagħad ġiet revokata u sostitwita bid-Direttiva 2005/60/KE tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

[10]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6.6.2011 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' rappurtaġġ tal-UE kontra l-korruzzjoni, C(2011) 3673 finali.

[11]             COM(2011)293 finali, 26.5.2011.

[12]             SEC(2011)621 finali, 26.5.2011.

[13]             COM(2011)573 finali, 20.9.2011.

[14]             ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

[15]             Pereżempju, fil-qasam tal-agrikoltura, ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa, ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

[16]             Għal ħarsa ġenerali ta’ dawn l-istrumenti ara: Studju dwar il-qafas legali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE bil-liġi kriminali RS 2011/07, 4 ta’ April 2012, p. 22.

[17]             Il-Kuntratt speċifiku Nru JUST/2011/EVAL/FW/1023/A4 - Studju dwar il-qafas legali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-liġi kriminali.

[18]             Ibid.

[19]             Ara wkoll bħala referenza d-definizzjoni fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95.

[20]             COM(2001) 272 finali tat-23.5.2001, kif emendata fil-COM(2002) 577 finali tas-16.10.2002.

[21]             Is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011 f’C-539/09, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja (ĠU 2012, C 25, p. 5).

[22]             Studju dwar il-qafas legali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE bil-liġi kriminali RS 2011/07, 4 ta’ Mejju 2012, p. 74.

[23]             Ibidem, p. 150.

[24]             ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

[25]             ĠU C , , p. .

[26]             Każ C-539/09 – ĠU C 25/08 tat-28 ta’ Jannar 2012.

[27]             ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42.

[28]             ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48.

[29]             ĠU C 313, 23.10.1996, p. 1.

[30]             ĠU C 151, 20.5.1997, p. 1.

[31]             ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

[32]             ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[33]             ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

[34]             Wara l-proposta għandha tiġi adottata COM(2012) 85.

[35]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet