52012DC0741


Titolu u referenza

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib – it-tieni rapport ta’ impatt tajjeb (“soft landing”)

/* COM/2012/0741 final */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

WERREJ

Mandat......................................................................................................................................... 3

Struttura....................................................................................................................................... 3

1........... L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib.......................... 3

1.1........ L-iżviluppi tas-suq sal-lum............................................................................................... 3

1.1.1..... Il-produzzjoni tal-ħalib.................................................................................................... 3

1.1.2..... Il-prezzijiet tal-ħalib tal-UE mal-ħruġ mill-azjenda agrikola............................................... 4

1.1.3..... Il-prezzijiet, il-livelli tal-ħażniet u l-esportazzjonijiet tal-prodotti tal-ħalib............................ 4

1.1.4..... L-istimi tal-marġnijiet tal-azjendi agrikoli tal-ħalib fl-UE.................................................... 5

1.2........ Il-prospetti tas-suq fuq perjodu ta’ żmien medju.............................................................. 5

2........... It-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tal-kwoti tal-ħalib........................................................ 7

2.1........ Il-produzzjoni tal-ħalib ipparagunata mal-limiti massimi tal-kwoti...................................... 7

2.2........ L-evoluzzjoni fil-prezzijiet tal-kwoti tal-ħalib.................................................................... 7

3........... Rimarki ta’ konklużjoni................................................................................................... 8

ANNESS I. IL-PRODUZZJONI TAL-ĦALIB U L-IŻVILUPPI FIL-PREZZIJIET................... 10

ANNESS II. IL-PROSPETTI FUQ PERJODU TA’ ŻMIEN MEDJU FIS-SETTUR TAL-ĦALIB     11

ANNESS III. IL-PRODUZZJONI TAL-ĦALIB META PPARAGUNATA MAL-KWOTA.... 15

ANNESS IV. L-IŻVILUPPI FIL-PREZZIJIET TAL-KWOTI TAL-ĦALIB TAL-UE............... 17

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib – it-tieni rapport ta’ impatt tajjeb (“soft landing”)

Mandat

L-Artikolu 184(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) jistipula li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2012 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib, flimkien, jekk ikunu meħtieġa, ma’ proposti adattati. L-ewwel l-hekk imsejjaħ rapport ta’ “soft landing” ġie ppubblikat fit-8 ta’ Diċembru 2010 bil-COM(2010) 727 finali, filwaqt li r-rapport preżenti jikkostitwixxi t-tieni rapport tas-sensiela.

Struttura

Dan ir-rapport jikkonsisti minn tliet partijiet: l-ewwel waħda tiddeskrivi l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq għall-ħalib tal-baqar minn nofs l-2010 (id-data tat-tmiem tal-ewwel rapport ta’ “soft landing”) u tispjega fil-qosor il-prospetti fuq perjodu ta’ żmien medju, it-tieni taqsima teżamina kif seħħet it-tneħħija gradwali tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib filwaqt li r-rimarki tal-aħħar ġew ippreżentati fit-tielet kapitolu.

1.           L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib

1.1.        L-iżviluppi tas-suq sal-lum

Il-volatilità – għalkemm mhux sal-punt osservat fl-2007-2009 – baqgħet tippersisti fis-suq tal-ħalib sa tmiem l-2010. Hija naqset xi ftit fl-2011 u sa issa fl-2012. Il-prezzijiet fl-2010 u fl-2011 varjaw f’livelli għoljin, biex wasslu għal żieda fil-produzzjoni u korrezzjoni tal-prezz fl-ewwel nofs tal-2012. Il-prezzijiet reġgħu bdew jiċċaqilqu ’l fuq fit-tielet trimestru tal-2012.

1.1.1      Il-produzzjoni tal-ħalib

Il-forniment tal-ħalib tal-baqra fl-UE żdied b’mod konsistenti tul dawn l-aħħar tliet snin: + 1,4 % fl-2010, + 2 % fl-2011 u xi 1,5 % fl-ewwel seba’ xhur tal-2012 meta pparagunat mal-istess perjodu fl-2011.

Il-produzzjoni tal-ħalib espandiet ukoll fir-reġjuni fornituri tal-ħalib prinċipali tad-dinja: il-produzzjoni kollha flimkien tal-Istati Uniti tal-Amerika (USA), tan-New Zealand, tal-Awstralja u tal-Arġentina żdiedet b’5,3 % matul l-2010-2011. Din ix-xejra qed tkompli fl-2012, għalkemm qed jiġi osservat xi tnaqqis fl-USA wara l-mewġa ta’ sħana ta’ dan is-sajf. Meta pparagunata mal-istess perjodu tal-2011, il-produzzjoni tal-ħalib fl-2012 żdiedet bi + 2,8 % fl-USA, bi + 11,4 % fin-New Zealand (sa Lulju biss), bi + 4,7 % fl-Awstralja u bi + 5,9 % fl-Arġentina fl-ewwel tmiem xhur tal-2012 (ara l-grafika 1 fl-Anness I).

1.1.2.     Il-prezzijiet tal-ħalib tal-UE mal-ħruġ mill-azjenda agrikola

Il-prezzijiet medji tal-ħalib tal-UE mal-ħruġ mill-azjenda agrikola żdiedu b’mod kostanti minn April sa Novembru 2010. Huma baqgħu madwar 33 c/kg sa April 2011 u reġgħu żdiedu għal 35,1 c/kg f’Novembru 2011 bħala medja peżata għall-UE-27 (ara l-grafika 2 fl-Anness I). F’Diċembru 2011, f’Jannar u fi Frar 2012 tfaċċat korrezzjoni staġjonali, li kienet tammonta għal – 2 %. Għal finijiet ta’ paragun, il-korrezzjoni staġjonali kienet ta’ - 3 % fil-bidu tal-2010 u ta’ - 1 % fil-bidu tal-2011.

Madankollu, fl-2012, ix-xejra ’l isfel kompliet sas-sajf, billi ġiet issuperata x-xejra staġjonali u billi kien hemm reazzjoni għall-pressjoni minn żieda fil-provvista tal-ħalib fl-UE u barra mill-UE. Il-prezz medju tal-ħalib tal-UE mal-ħruġ mill-azjenda agrikola l-aktar riċenti huwa stmat li jlaħħaq 31,3 c/kg għal Awwissu 2012, li huwa 9,5 % taħt il-prezz medju ta’ Lulju 2011, imma 1,2 % ogħla minn dak ta’ Lulju 2010 u 27 % ogħla mil-livell l-aktar baxx ta’ Mejju 2009.

Kemm il-prezzijiet spot tal-ħalib kif ukoll il-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib l-iktar reċenti u disponibbli fiż-żmien meta tfassal ir-rapport kienu qed jindikaw rkupru fil-futur qrib, li għandu jiġi segwit fi stadju sussegwenti minn prezzijiet ogħla tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola.

1.1.3.     Il-prezzijiet, il-livelli tal-ħażniet u l-esportazzjonijiet tal-prodotti tal-ħalib

Minħabba rkupru sinifikanti fil-prezzijiet fl-2010 u fil-parti l-kbira tal-2011 flimkien ma’ sensiela ta’ żviluppi favorevoli tas-suq, ma kien hemm l-ebda xiri sfurzat ta’ intervent fil-perjodu 2010-12 u l-ħażniet pubbliċi huma battala kemm għall-butir kif ukoll għat-trab tal-ħalib xkumat. Is-76 000 t ta’ butir u l-257 000 t ta’ trab tal-ħalib xkumat li nxtraw għall-ħażniet pubbliċi matul il-kriżi tal-2009 kienu rilaxxati lura lis-suq, parti minnhom b’sejħa miftuħa għall-offerti, parti minnhom bl-iskema tal-persuni l-iktar fil-bżonn, mingħajr ma ddisturbaw is-suq.

L-irkupru fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib fl-2010 kien dovut għal żieda fid-domanda, b’mod partikolari mill-ekonomiji emerġenti u għal provvisti limitati mill-Emisferu tan-Nofsinhar. L-istess sitwazzjoni kienet tipprevali fl-ewwel nofs tal-2011. Imma minn nofs l-2011 il-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib ġew taħt pressjoni wara żieda fid-disponibbiltà tal-prodotti tal-ħalib mir-reġjuni fornituri prinċipali tal-ħalib tad-dinja. Pressjoni ’l isfel kompliet fl-ewwel xhur tal-2012 sakemm il-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib tal-UE sabu livell tal-qiegħ f’madwar 120 % tal-prezz ta’ intervent (virtwali) fi tmiem Mejju. F’Ġunju, il-prezzijiet bdew jiżdiedu u l-iżviluppi sad-data tat-tfassil tar-rapport preżenti komplew ikunu ’l fuq, b’mod partikolari minħabba tnaqqis fid-disponibbiltà tal-ħalib mill-US wara mewġa ta’ sħana bla preċedent u tnaqqis simultanju fil-produzzjoni tal-ħalib fl-UE wkoll, filwaqt li l-Emisferu tan-Nofsinhar kien fl-istaġun xitwi – ta’ produzzjoni baxxa – tiegħu.

L-esportazzjonjiet tal-UE żdiedu fl-2010 u fl-2011 għall-prodotti tal-ħalib prinċipali kollha, bl-eċċezzjoni tal-butir/taż-żejt tal-butir u tat-trab tal-ħalib intier. L-esportazzjonijiet tal-UE kienu partikolarment dinamiċi għat-trab tal-ħalib xkumat. Sa issa, fl-2012, ġiet ikkonfermata prestazzjoni tajba fl-esportazzjoni, inkluż irkupru evidenti tal-esportazzjonijiet tal-butir li, fuq bażi kumulattiva, issuperaw il-livelli tal-2011 fl-ewwel seba’ xhur tal-2012. Dan inkiseb mingħajr rifużjonijiet tal-esportazzjoni.

1.1.4.     L-istimi tal-marġnijiet tal-azjendi agrikoli tal-ħalib fl-UE

Fuq il-bażi tad-dejta tan-Netwerk tad-Dejta tal-Kontabbiltà Agrikola (FADN), matul il-parti l-kbira tal-2011, żieda fil-kostijiet operattivi tpaċiet b’żieda fil-prezzijiet tal-ħalib. Fl-ewwel trimestru tal-2012, il-marġnijiet tal-ħalib fl-UE naqsu wara li naqsu l-prezzijiet tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola filwaqt li xorta baqgħu ’l fuq minn dawk tal-ewwel trimestru tal-2011.

Skont l-ewwel stimi għat-tieni trimestru tal-2012, l-ispejjeż għall-għalf mixtri żdiedu b’6 % filwaqt li l-kostijiet operattivi totali naqsu bi ftit (- 2 %) minħabba tnaqqis sinifikanti fil-kostijiet tal-enerġija (- 10 %). L-indiċi tal-marġni gross niżel bi 17 % minħabba tnaqqis ta’ 8 % fil-prezz tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola. L-indiċi tal-marġni gross issa qiegħed 24 % taħt dak tat-tieni trimestru tal-2011, li kien it-tieni l-ogħla sa mill-2007 (sena ta’ referenza għall-UE-27).

Is-sitwazzjoni tvarja minn Stat Membru għall-ieħor u wkoll fi ħdan l-Istati Membri, skont is-sistema ta’ biedja tal-ħalib magħżula u skont it-taħlita ta’ prodotti użati mis-settur tal-ħalib.

1.2.        Il-prospetti tas-suq fuq perjodu ta’ żmien medju

Il-prospetti tas-suq fuq perjodu ta’ żmien medju għall-UE ġew simulati b’verżjoni modifikata tal-mudell Aglink-Cosimo fuq is-suppożizzjoni li ma kien hemm l-ebda bidla fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) wara d-deċiżjonijiet tal-Kontroll tas-Saħħa u l-ebda bidla fil-politiki kummerċjali. Din il-perspettiva mhijiex maħsuba sabiex tikkostitwixxi tbassir tal-iżviluppi futuri tas-suq, imma pjuttost sabiex tiddeskrivi x’jista’ jiġri b’sett speċifiku ta’ suppożizzjonijiet u ta’ ċirkustanzi, li kienu ġġudikati plawżibbli fiż-żmien meta saru l-projezzjonijiet. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-projezzjonijiet li ġew ippreżentati f’dan ir-rapport huma provviżorji u jistgħu jvarjaw mill-valuri finali, li għandhom jiġu ppubblikati sa Novembru 2012.

Is-suq dinji u l-ambjent tal-politika huma bbażati fuq l-OECD-FAO Agricultural Outlook 2012-2021, adattati skont projezzjonijiet makroekonomiċi iktar reċenti minn Settembru 2012. Uħud mill-iktar muturi importanti tal-projezzjonijiet tas-suq huma l-prospetti għal tkabbir tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-UE (tnaqqis ċkejken fl-2012, segwit minn irkupru ekonomiku sussegwenti), id-deprezzament preżunt tal-Euro matul l-ewwel tliet snin tal-perjodu tal-projezzjoni segwit minn apprezzament fl-2014 u fl-2015, u aġġornament tal-projezzjonijiet tal-prezzijiet tas-suq dinji tal-OECD u tal-FAO għall-prodotti tal-ħalib li jinkorpora l-impatt tan-nixfa tal-2012 fl-US u f’xi pajjiżi Ewropej. Fil-każ li waħda minn dawn il-projezzjonijiet/suppożizzjonijiet ma timmaterjalizzax, dan għandu jaffettwa l-projezzjonijiet li jirriżultaw b’mod sinifikanti. Barra minn hekk, l-istess bħal fi kwalunkwe mudell ieħor fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil, l-aspettattivi għal volatilità ikbar tal-prezzijiet ma ġewx inkorporati fil-mudell Aglink-Cosimo.

Fuq il-bażi ta’ dawn il-projezzjonijiet, il-prospetti fuq perjodu ta’ żmien medju għas-swieq tal-ħalib jidhru favorevoli. Espansjoni kontinwa tad-domanda dinjija, li tirriżulta minn tkabbir fil-popolazzjoni u fl-ekonomija globali, flimkien ma’ preferenza dejjem ikbar għall-prodotti tal-ħalib (anki minħabba konsum per capita li qed jikber) mistennija jkunu l-muturi prinċipali. Domanda sostnuta għall-importazzjonijiet, partikolarment mill-pajjiżi emerġenti, għandu jkollha impatt pożittiv fuq il-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib, biex b’hekk jitkabbar il-potenzjal tal-esportazzjoni tal-UE. Madankollu, huwa previst li l-ishma tas-suq tal-UE se jonqsu xi ftit għall-maġġoranza tal-prodotti tal-ħalib, minħabba rata ogħla ta’ żieda fl-esportazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn.

Huwa previst li mill-2012 ’il quddiem il-produzzjoni tal-ħalib tal-UE se tkompli tiżdied b’rata ta’ tkabbir moderat imma li tibqa’ taħt ir-rata ta’ tkabbir potenzjali pprovduta mit-tneħħija gradwali tal-iskema tal-kwoti tal-ħalib (ara l-grafika 3 u l-grafika 4 fl-Anness II). Huwa previst li l-produzzjoni tal-ħalib tal-UE se tirreġistra żieda kumulattiva ta’ madwar 8 % mill-2009 sal-2022, filwaqt li l-ħalib ikkunsinnat lill-imħaleb għandu jiżdied b’madwar 10 %. Sal-aħħar sena tal-kwoti (2014-15), huwa previst li l-kunsinni tal-ħalib tal-UE jkunu madwar 6 % taħt il-kwota. Huwa previst li l-iskadenza tal-iskema tal-kwoti tal-ħalib se jkollha impatt limitat fuq il-kunsinni tal-ħalib fil-livell aggregat tal-UE.

Il-projezzjonjiet għall-ġobon u għall-prodotti tal-ħalib frisk huma pjuttost pożittivi (ara l-grafika 5 fl-Anness II). Huwa previst li l-produzzjoni tal-UE tal-prodotti tal-ħalib frisk (inklużi l-ħalib għax-xorb, il-krema, il-jogurts, eċċ.) se tiżdied bi kważi 8 % (mill-2009 sal-2022) u tal-ġobon bi kważi 10 %. Il-prospetti għad-domanda kemm fis-suq domestiku kif ukoll f’dak dinji jidhru pożittivi, u minkejja EUR li qed tissaħħaħ lejn it-tieni parti tal-perjodu tal-projezzjoni, domanda sostanzjali fis-suq dinji għandha tippermetti żieda progressiva tal-esportazzjonijiet tal-UE. Madankollu, minħabba żviluppi iktar dinamiċi fis-suq dinji l-UE gradwalment se titlef sehem mis-suq dinji, għalkemm dan xorta se jibqa’ jammonta għal madwar 31 % tal-esportazzjonijiet globali fl-2022.

Il-produzzjoni tat-trab tal-ħalib intier fl-UE mistennija tibqa’ relattivament stabbli fuq perjodu ta’ żmien qasir (ara l-grafika 6 fl-Anness II). Il-prospetti għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien medju huma sostnuti minn żieda fid-domanda dinjija, immexxija miċ-Ċina. Is-sehem tal-UE fl-esportazzjonijiet globali mistenni jonqos b’mod gradwali għal 14 % sal-2020 (minn 25 % fl-2009).

Huwa previst li l-produzzjoni tat-trab tal-ħalib xkumat fl-UE se tiżdied b’madwar 28 % matul il-prospettiva kollha (ara l-grafika 7 fl-Anness II). Domanda globali qawwija għall-importazzjonijiet għandha tikkontribwixxi għal suq ibbilanċjat, li jixpruna prospettiva favorevoli għall-esportazzjonijiet. L-UE għandha tara s-sehem mis-suq dinji tagħha jilħaq kważi 31 % tal-esportazzjonijiet globali fl-2022.

Il-prospettiva tindika stabbilità kontinwata tas-suq għall-butir, li tirriżulta minn kundizzjonijiet pożittivi tas-suq tul il-perjodu tal-projezzjoni, bi prezzijiet fuq livelli relattivament għoljin u b’domanda soda tal-UE (ara l-grafika 8 fl-Anness II).

2.           It-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tal-kwoti tal-ħalib

2.1.        Il-produzzjoni tal-ħalib ipparagunata mal-limiti massimi tal-kwoti

Wara d-deċiżjoni li jiżdiedu l-kwoti tal-ħalib bi 2 % fl-1 ta’ April 2008, il-ftehim tal-Kontroll tas-Saħħa ta’ Novembru 2008 wassal għal żieda annwali fil-kwoti tal-ħalib b’1 % fuq ħames snin konsekuttivi, li bdew fl-1 ta’ April 2009, flimkien ma’ aġġustament tal-fattur ta’ korrezzjoni tax-xaħam li rriżulta f’żieda de facto oħra ta’ 1 % fil-kwoti. Għad fadal żieda annwali waħda ta’ 1 % (fl-1 ta’ April 2013) sakemm is-sistema tal-kwoti tiskadi fl-1 ta’ April 2015 [1].

Sena wara l-oħra, il-kwoti tal-ħalib gradwalment qed isiru inqas rilevanti, għaliex il-produzzjoni effettiva tal-ħalib qiegħda tkun inqas minn dawn il-limiti fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Fis-sena tal-kwoti 2010-11, ħames Stati Membri biss qabżu l-kwota tal-ħalib tagħhom, filwaqt li l-produzzjoni globali tal-UE kienet 6 % taħt il-kwota. Skont in-notifiki rċevuti mill-Istati Membri, ġie stmat li s-sena tal-kwoti 2011-12 intemmet b’kunsinni tal-ħalib tal-UE ta’ madwar 4,7 % taħt il-kwota u sitt Stati Membri biss qabżu l-kwoti nazzjonali tagħhom (ara l-Anness III). L-għadd ta’ Stati Membri li qabżu l-kwoti tagħhom jibqa’ limitat u l-produzzjoni żejda kkonċernata tammonta għal inqas minn 0,2 % tal-ħalib kollu kkunsinnat jew kopert b’bejgħ dirett.

Wara tnaqqis żgħir fil-kunsinni tal-ħalib fl-2009, prezzijiet favorevoli tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola u kundizzjonijiet tajba tat-temp taw lok għal żieda fil-livelli ta’ produzzjoni kemm fl-2010 kif ukoll fl-2011. Meta ż-żieda fil-produzzjoni – mhux biss fl-UE imma fir-reġjuni fornituri tal-ħalib kollha madwar id-dinja – eżerċitat pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola, il-produzzjoni tal-ħalib bdiet tirrispondi bi tnaqqis fix-xhur sussegwenti. Dawk l-iżviluppi juru li r-reazzjoni tal-produzzjoni qed tissawwar gradwalment skont is-sinjali tas-suq imma li wkoll li l-kundizzjonijiet tat-temp huma parteċipant reali fis-suq tal-ħalib.

Billi l-kwoti tal-ħalib isiru dejjem inqas rilevanti, il-provvista tal-ħalib tal-UE tkun tista’ tirreaġixxi aħjar għall-opportunitajiet tas-suq, ir-reazzjoni tal-bdiewa għas-sinjali tal-prezzijiet tkun inqas mgħawġa u jkunu jistgħu jinkisbu gwadanni fl-effiċjenza permezz ta’ ristrutturar.

2.2.        L-evoluzzjoni fil-prezzijiet tal-kwoti tal-ħalib

Il-prezz tal-kwota tal-ħalib suppost qiegħed jonqos hekk kif qed tiqsar ħajjet l-iskema tal-kwoti u dan huwa effettivament il-każ fil-parti l-kbira tal-Istati Membri fejn il-prezz tal-kwota huwa baxx ħafna jew huwa ugwali għal żero (ara l-Anness IV).

Fl-Istati Membri li l-kunsinni tal-ħalib tagħhom huma ferm taħt il-limiti massimi tal-kwota, il-prezz tal-kwota diġà huwa baxx ħafna jew ugwali għal żero, u ma hija mistennija l-ebda bidla fundamentali qabel ma tiskadi l-iskema tal-kwoti.

Madankollu, fl-Istati Membri li l-kunsinni tal-ħalib tagħhom huma qrib il-limiti massimi tal-kwota u f’għadd limitat ta’ Stati Membri li l-kunsinni tal-ħalib tagħhom jaqbżu l-limiti massimi tagħhom, il-prezz tal-kwota jiddependi mill-aspettattivi ta’ imposta fuq l-ammont żejjed. Fil-ġejjieni, huwa previst li x-xiri tal-kwoti se jinżel iktar lejn iż-żero, b’varjazzjonijiet minħabba produzzjoni żejda okkażjonali f’kundizzjonijiet favorevoli tat-temp u bi prezzijiet remunerattivi tal-ħalib.

3.           Rimarki ta’ konklużjoni

Il-prospetti fuq perjodi ta’ żmien medju u twil huma favorevoli għas-settur tal-ħalib skont it-tkabbir tal-popolazzjoni u l-ġibda għad-dieta tal-Punent fl-ekonomiji emerġenti. Dan madankollu ma jevitax varjazzjonijiet tas-suq fuq perjodu ta’ żmien qasir. L-iżviluppi fil-prezzijiet mill-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport dwar “soft landing” juru tendenza lejn livelli ogħla b’xi tlugħ u nżul tul il-kurva. F’din tal-aħħar, id-diffikultajiet attwali li qed iġarrbu l-bdiewa tal-ħalib f’ċerti żoni milquta b’mod iktar serju miż-żieda fil-prezz tal-għalf ma jistgħux jaħbu l-istampa kumplessivament pożittiva tas-settur.

Eventwalment, il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda jiddependi fuq firxa kbira ta’ fatturi, li jvarjaw minn parametri ekonomiċi għal deċiżjonijiet ta’ politika. F’dan ir-rigward, l-hekk imsejjaħ Pakkett tal-Ħalib[2], li ilu applikabbli bis-sħiħ mit-3 ta’ Ottubru 2012, joffri għodod għall-operaturi fil-katina tal-provvista tal-ħalib sabiex il-provvista tagħhom tkun konformi mas-suq.

Kemm l-evoluzzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib meta pparagunata mal-kwoti tal-ħalib kif ukoll ix-xejra ’l isfel fil-prezzijiet tal-kwoti juru li s-“soft landing” qiegħda fit-triq it-tajba. Fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri, il-kwoti ma għadhomx iktar rilevanti biex tiġi limitata l-produzzjoni u l-prezz tal-kwota diġà laħaq iż-żero jew qed javviċinah.

Fid-dawl ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhi meħtieġa l-ebda bidla fil-qafas eżistenti, li ilu jipprovdi ċertezza lill-produtturi tal-ħalib sa mill-2008 u li qed juri l-effiċjenza tiegħu sabiex tiġi żgurata tneħħija gradwali mingħajr xkiel lejn sistema mingħajr kwoti.

Minbarra l-kunċett innifsu ta’ “soft landing”, qed jiġi espress xi tħassib fir-rigward taż-żoni rurali fejn il-produzzjoni tal-ħalib għandha rwol ċentrali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-iskadenza tal-kwoti tal-ħalib. F’dan ir-rigward, l-inklużjoni tas-settur tal-ħalib fl-hekk imsejħa “sfidi ġodda” tat-tieni pilastru tal-PAK qed tagħti iktar appoġġ lill-bdiewa tal-ħalib biex jitħejjew għat-tmiem tal-kwoti.

Il-proposti għar-riforma tal-PAK jinkludu strumenti li jistgħu jtaffu l-impatti potenzjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarġet sejħa miftuħa għall-offerti għal analiżi minn esperti indipendenti tal-iżviluppi futuri fis-settur tal-ħalib mill-2015 ’il quddiem u se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2014 dwar it-tħaddim konkret tad-dispożizzjonijiet tal-Pakkett tal-Ħalib[3], li se tivvaluta, b’mod partikolari, l-effetti fuq il-produtturi tal-ħalib u fuq il-produzzjoni tal-ħalib f’reġjuni żvantaġġati b’rabta mal-għan ġenerali li tinżamm il-produzzjoni f’reġjuni bħal dawn u li tkopri l-inċentivi potenzjali sabiex il-bdiewa jiġu mħeġġa jidlu fi ftehimiet konġunti dwar il-produzzjoni.

Annessi:            I.          L-iżvilupp tal-prezz tal-ħalib

II.         Il-prospetti fuq perjodu ta’ żmien medju fis-settur tal-ħalib

III.        Il-produzzjoni tal-ħalib meta pparagunata mal-kwota

IV.        L-iżviluppi fil-prezzijiet tal-kwoti tal-ħalib tal-UE

ANNESS I.     IL-PRODUZZJONI TAL-ĦALIB U L-IŻVILUPPI FIL-PREZZIJIET

Grafika 1        L-iżviluppi fil-forniment tal-ħalib

Grafika 2        L-iżviluppi fil-prezz tal-ħalib

ANNESS II.   IL-PROSPETTI FUQ PERJODU TA’ ŻMIEN MEDJU FIS-SETTUR TAL-ĦALIB

Grafika 3        L-iżviluppi fil-provvista tal-ħalib tal-baqra u fil-merħliet tal-ħalib, 2000-2022

Grafika 4        Il-kunsinni tal-ħalib u l-użu tal-kwoti għall-ħalib tal-baqra

Grafika 5        L-iżviluppi fis-suq tal-ġobon, 2000-2022

Grafika 6        L-iżviluppi fis-suq tat-trab tal-ħalib intier, 2000-2022

Grafika 7        L-iżviluppi fis-suq tat-trab tal-ħalib xkumat, 2000-2022

Grafika 8        L-iżviluppi fis-suq tal-butir, 2000-2022

ANNESS III.  IL-PRODUZZJONI TAL-ĦALIB META PPARAGUNATA MAL-KWOTA

ANNESS IV.  L-IŻVILUPPI FIL-PREZZIJIET TAL-KWOTI TAL-ĦALIB TAL-UE

[1]               Ħlief għall-Italja, li għaliha ġiet applikata ż-żieda kumulattiva antiċipata (frontloaded) ta’ 5 % fl-1 ta’ April 2009.

[2]               Ir-Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

[3]               Ara l-Artikolu 184(9) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS (KE) Nru 1234/2007, kif ġie inserit mill-hekk imsejjaħ Regolament (UE) Nru 261/2012 dwar il-Pakkett tal-Ħalib.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet