52012DC0537


Titolu u referenza

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE

/* COM/2012/0537 final */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE

1.           Riżors li fil-biċċa l-kbira tiegħu mhux sfruttat għall-Istrateġija UE 2020

Fil-qalba tan-nisġa soċjali tagħna, il-kultura tifforma l-identitajiet, l-aspirazzjonijiet u r-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn u mad-dinja. Tifforma wkoll il-postijiet u l-pajsaġġi fejn ngħixu, l-istili ta' ħajja li niżviluppaw. Il-patrimonju, l-arti viżivi u l-irreċtar, iċ-ċinema, il-mużika, il-pubblikazzjoni, il-moda jew id-disinn jimmanifestaw ruħhom b'mod qawwi fil-ħajja ta' kuljum, iżda l-kontribut li s-setturi kulturali u kreattivi[1] jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku fl-UE għadu mhux kompletament rikonoxxut. Barra minn hekk, il-globalizzazzjoni u l-bidla diġitali ġabu magħhom sfidi kbar iżda l-adattamenti meħtieġa għadhom iridu jiġu promossi biex jippermettu lil dawn is-setturi biex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom u lill-eċċellenza fit-tul tal-Ewropa biex tiġi valorizzata aħjar bħala vantaġġ komparattiv fix-xena dinjija. Din il-Komunikazzjoni tipproponi strateġija biex tisfrutta aktar il-potenzjal ta' dawn is-setturi fl-UE biex jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

Setturi bi tkabbir għoli

Il-prestazzjoni ekonomika tas-setturi kulturali u kreattivi hija rikonoxxuta: fl-UE huma jammontaw għal 3,3 % tal-PDG u jimpjegaw 6,7 miljun persuna (3 % tal-impjiegi globali)[2].

Iċ-ċifri huma wkoll importanti jekk wieħed jikkunsidra l-industriji tal-moda[3] u dawk ta' kwalità superjuri[4], li jiddependu fuq input qawwi kulturali u kreattiv. Kull wieħed jammonta għal 3 % tal-PDG tal-UE u jimpjega ħames miljun persuna u miljun persuna rispettivament, bl-impjiegi fl-industriji ta' kwalità superjuri li huma mistennija jilħqu ż-żewġ miljuni sal-2020[5].

Bejn l-2008 u l-2011, l-impjiegi fis-setturi kulturali u kreattivi rriżultaw aktar reżiljenti milli fl-ekonomija tal-UE kollha kemm hi[6], b’rati ta' tkabbir li jvarjaw madankollu bejn is-subsetturi. Din it-tendenza hija saħansitra aktar interessanti minħabba li xi setturi għandhom perċentwal ogħla ta' impjieg taż-żgħażagħ mill-bqija tal-ekonomija.

F’xi każijiet, fil-livell lokali u reġjonali, l-investimenti strateġiċi f'dawn is-setturi taw riżultati spettakolari. B'mod partikolari, il-festivals u l-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura jipproduċu benefiċċji ekonomiċi importanti, xi kultant b'ingranaġġ ta' aktar minn għaxar darbiet għal kull euro investit.

Katalizzaturi għall-innovazzjoni

Peress li jinsabu f'salib it-toroq bejn l-arti, il-kummerċ u t-teknoloġija, is-setturi kulturali u kreattivi jinsabu f'pożizzjoni strateġika biex jixkattaw riperkussjonijiet f'industriji oħrajn. Huma jinkoraġġixxu l-kontenut għal applikazzjonijiet tal-ICT, u b'hekk joħolqu domanda għal affarijiet elettroniċi sofistikati għall-konsumatur u apparat tat-telekomunikazzjoni. Il-kultura u l-kreattività għandhom ukoll impatti diretti fuq setturi bħat-turiżmu u huma integrati fl-istadji kollha tal-katina tal-valur ta’ setturi oħrajn bħall-industriji tal-moda u dawk ta' kwalità superjuri, fejn l-importanza tagħhom bħala assi sottostanti prinċipali qiegħda dejjem tiżdied[7].

B'mod aktar ġenerali, dawn is-setturi għandhom impatt fuq l-innovazzjoni f'industriji oħrajn. Kif enfasizzat fl-Unjoni tal-Innovazzjoni[8], l-innovazzjoni hija mmexxija dejjem aktar minn fatturi mhux teknoloġiċi bħall-kreattività, id-disinn u l-proċessi organizzattivi ġodda jew il-mudelli ta' negozji. Hija tiddependi ħafna minn ekosistemi kreattivi li fihom il-kwalità u d-diversità tas-sħubijiet f’setturi differenti u t-tipi ta’ parteċipanti huma deċiżivi. L-aktar eżempju ovvju huwa l-użu usa' tad-disinn fl-industriji tal-manifattura, li jżid il-valur tal-prodotti, tas-servizzi, tal-proċessi u tal-istrutturi tas-suq. Id-ditti li jonfqu d-doppju tal-ammont medju fuq inputs kreattivi huma 25 % aktar probabbli li jintroduċu innovazzjonijiet ta' prodotti[9].

Dan il-potenzjal katalittiku jista' jikkostitwixxi wkoll riżors fundamenti għall-innovazzjoni soċjali u għal tweġibiet għall-isfidi soċjetali ewlenin bħat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, it-tibdiliet demografiċi jew id-diversità kulturali[10]. Pereżempju, fi sħubija mas-settur tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, is-setturi kulturali u kreattivi jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tat-taħlit tal-ħiliet fl-oqsma tal-kreattività u l-intraprenditorija, il-ħsieb kritiku, it-teħid ta' riskju u l-impenn, xi ħaġa li hija meħtieġa għall-kompetittività tal-UE fis-soċjetà tal-għarfien.

Element ewlieni fil-kompetizzjoni globali u s-setgħa moderata

Is-sħab internazzjonali tal-Ewropa diġà jinvestu ħafna fis-setturi kulturali u kreattivi. L-Istati Uniti ilhom jinvestu fihom għal għexieren ta' snin kemm bħala setturi ekonomiċi strateġiċi kif ukoll bħala għodda biex jaffermaw il-preżenza tagħhom globalment. Oħrajn, bħaċ-Ċina, il-Korea t'Isfel jew l-Indja, ukoll qegħdin jagħmlu investimenti enormi biex ikabbru l-potenzjal ekonomiku u s-"setgħa moderata" tagħhom. Biex jagħmlu dan, huma jidħlu f'kompetizzjoni globali għat-talenti kreattivi. Pereżempju, fiċ-Ċina, l-investiment pubbliku fil-kultura kiber bi 23 % fis-sena mill-2007, u hemm pjanijiet biex is-sehem tal-PDG tas-setturi jiżdied minn 2,5 % għal 5-6 % sal-2015[11].

Filwaqt li l-industriji Ewropej tal-moda u dawk ta' kwalità superjuri jikkontribwixxu dejjem aktar għall-esportazzjonijiet tal-UE[12] u għall-promozzjoni tal-eċċellenza Ewropea fid-dinja, il-potenzjal ta' setturi oħrajn, bħaċ-ċinema jew il-mużika, għadu mhux qed jiġi sfruttat b'mod strateġiku barra mill-pajjiż. L-isfida qiegħda kemm fiż-żieda tal-esportazzjonijiet għall-benefiċċju tal-ekonomija tal-UE, kif ukoll fil-ħolqien ta' immaġni dinamika ta' Ewropa attraenti u kreattiva li hi miftuħa għall-kulturi u t-talenti minn madwar id-dinja.

2.           Indawru l-isfidi f'opportunitajiet ta' tkabbir ġdid u impjiegi

Is-setturi kulturali u kreattivi huma ffaċċjati b’ambjent li qed jinbidel b'ritmu mgħaġġel minħabba l-bidla diġitali u l-globalizzazzjoni, u dan qiegħed iwassal għall-emerġenza ta' parteċipanti ġodda, il-koeżistenza ta’ strutturi kbar ħafna ma' mikroentitajiet, trasformazzjoni progressiva tal-ktajjen tal-valuri u l-imġiba u l-aspettattivi li dejjem jevolvu tal-konsumaturi. Filwaqt li dawn il-bidliet joffru opportunitajiet kbar f'dak li jikkonċerna l-kostijiet ta' produzzjoni iktar baxxi jew mezzi ġodda ta' distribuzzjoni, huma jeħtieġu azzjoni f'livelli differenti.

F'dan il-kuntest li dejjem jinbidel, l-aċċess għall-finanzi għadu diffikultà kbira: is-settur bankarju ma għandux l-ispeċjalizzazzjoni meħtieġa biex janalizza l-mudelli ta' negozji f'dawn is-setturi u ma jivvalutax b'mod adegwat l-assi intanġibbli tagħhom. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika tkompli tagħmel din is-sitwazzjoni aktar kritika fil-mument proprju meta l-investimenti huma meħtieġa jadattaw.

Dawn is-setturi huma kkaratterizzati wkoll minn frammentazzjoni għolja fil-linji nazzjonali u lingwistiċi. Filwaqt li d-diversità kulturali li tirriżulta hija ċertament ta' gwadann għall-Ewropa, din twassal għal ċirkulazzjoni transnazzjonali limitata u subottimali tax-xogħlijiet u l-operaturi kulturali u kreattivi fi ħdan l-UE u barra milll-UE, żbilanċi ġeografiċi u - sussegwentement - għażla limitata għall-konsumaturi.

Id-dinamika qawwija sseħħ fil-marġnijiet bejn diversi setturi (pereżempju, permezz ta' aktar konnessjonijiet bejn il-logħob, il-films u l-mużika) u ma’ industriji oħrajn (pereżempju l-moda, l-industriji ta' kwalità superjuri jew it-turiżmu). Madankollu, is-setturi u l-politiki ta' spiss għadhom organizzati f'sajlos settorjali, u b'hekk jillimitaw il-kamp tal-applikazzjoni għas-sinerġiji u l-emerġenza ta' soluzzjonijiet u negozji ġodda.

Dawn l-isfidi kollha jaffettwaw is-setturi diversi b’modi differenti, imma jeħtieġu reazzjoni strateġika komprensiva li tinvolvi lill-parteċipanti kollha mil-livell lokali sal-livell tal-UE.

3.           Il-ħtieġa ta’ strateġija b’diversi livelli – l-irwol tal-Istati Membri

Approċċ olistiku għal strateġiji integrati

Minkejja d-diversità kbira fil-kuntesti nazzjonali u reġjonali, l-iżvilupp tal-istrateġiji li jkollhom suċċess u li kapaċi jdawru l-isfidi msemmija hawn fuq f'opportunitajiet ta' tkabbir u impjiegi ġodda fl-UE normalment isegwi l-istess mudell ta' passi loġiċi[13].

Bħala regola ġenerali l-istrateġiji li jkollhom suċċess fis-setturi kulturali u kreattivi jibnu fuq l-immappjar sħiħ u l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi kulturali u kreattivi ta' territorju partikulari. Huma strateġiji olistiċi, li jeħtieġu sħubijiet bejn id-dipartimenti diversi (il-kultura, l-industrija, l-ekonomija, l-edukazzjoni, it-turiżmu, l-ippjanar territorjali eċċ.) u li jinvolvu l-pubbliku u l-partijiet interessati kollha fil-qasam pubbliku u dak privat sabiex jiżdied is-sens ta’ sjieda. L-istrateġiji jridu jkunu wkoll sostnuti mir-riċerka sabiex jiżguraw effettività, effiċjenza u sostenibbiltà. Għal kull kwistjoni rilevanti - mill-iżvilupp tal-ħiliet għall-aċċess għall-finanzi jew l-aċċess għas-swieq dinjija eċċ. - dawn l-istrateġiji jidentifikaw x'jista' jiġi indirizzat permezz ta' politiki u strumenti ġeneriċi u x'jeħtieġ approċċ partikolari. Dan japplika għal-livelli kollha ta’ tmexxija: il-livell lokali, dak reġjonali, dak nazzjonali sal-livell Ewropew.

Fis-snin reċenti, filwaqt li xi Stati Membri, reġjuni u bliet, bħar-Renju Unit, l-Estonja, il-Wallonja, il-Puglia, Barċellona, Amsterdam biex insemmu xi wħud, irnexxielhom jisfruttaw il-potenzjal straordinarju tas-setturi kulturali u kreattivi bħala mezz biex jippromwovu l-iżvilupp soċjoekonomiku u progressivament żviluppaw strateġiji ad hoc, oħrajn għadhom biss fil-bidu. Fejn kien hemm strateġiji, dawn għandhom it-tendenza li jiffokaw fuq it-tisħiħ ta’ dawn is-setturi u s'issa mhux fuq sħubijiet stimulanti u riperkussjonijiet fuq setturi oħrajn.

Motivaturi ewlenin tal-politika

Sabiex ikun hemm reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati, hemm bżonn ta' azzjoni miftiehma b’mod partikolari fl-oqsma prinċipali li ġejjin.

L-indirizzar tal-bżonnijiet għall-ħiliet li qegħdin jinbidlu

Hemm bżonn ta' sħubijiet iktar b’saħħithom bejn is-setturi kulturali u kreattivi, is-sħab soċjali u l-edukazzjoni u dawk li jipprovdu t-taħriġ, kemm permezz ta’ taħriġ inizjali kif ukoll permezz ta' żvilupp professjonali kontinwu. Dan għandu jipprovdi lis-setturi b'taħlita ta' ħiliet meħtieġa għal intraprenditorija kreattiva f'ambjent li qiegħed jinbidel b'ritmu mgħaġġel. Barra minn hekk, xi setturi huma kkonfrontati b'nuqqas ta' impjegati b'ħiliet u snajjiet tekniċi u tradizzjonali, minħabba li ż-żgħażagħ b’mod partikolari huma inqas attirati biex jitgħallmu tali ħiliet.

Il-ħiliet kreattivi għandhom jiġu mgħallma minn età bikrija, sabiex jistabbilixxu l-pedamenti għal riforniment kostanti ta' talenti kreattivi u biex jistimulaw id-domanda għal kontenuti u prodotti kreattivi aktar diversi u sofistikati. F'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja, il-ħiliet u l-kompetenzi kreattivi jistgħu jgħinu fir-reazzjoni għat-tibdiliet fir-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol.

L-isħubijiet mal-edukazzjoni jistgħu wkoll jikkontribwixxu għal ambjent stimulanti ta' tagħlim, jgħinu lil dawk li qegħdin jitgħallmu, notevolment dawk li għandhom diffikultajiet, jiksbu ħiliet bażiċi u jiżviluppaw il-kompetenzi meħtieġa għall-ħajja professjonali futura tagħhom, biex b'hekk itejbu l-impjegabbiltà tagħhom. Inizjattivi kreattivi u kulturali fil-livell lokali jistgħu jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-komunitajiet marġinalizzati u joffru opportunitajiet għall-persuni f'viċinati li huma l-aktar fil-bżonn.

It-titjib fl-aċċess għall-finanzi

Id-daqs żgħir tan-negozji kulturali u kreattivi, l-inċertezza dwar id-domanda għall-prodotti tagħhom, il-kumplessità tal-pjanijiet kummerċjali tagħhom u n-nuqqas ta' assi tanġibbli huma ta' xkiel għall-kisba ta’ finanzjament estern. Filwaqt li l-finanzjament tal-ekwità, "angel investment", il-kapital ta' riskju u l-garanziji huma possibilitajiet ta' finanzjament alternattiv, fil-maġġoranza tagħhom dawn ma tantx jiġu użati. Hemm ukoll evidenza aneddottali ta' lakuna fis-suq għall-finanzjament għal operazzjonijiet tal-esportazzjoni.

Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet finanzjarji jeħtieġu jżidu l-għarfien tagħhom tal-potenzjal ekonomiku ta' dawn is-setturi u jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom biex jevalwaw in-negozji li jiddependu fuq assi intanġibbli. B’mod parallel, l-intraprendituri f’dawn is-setturi għandhom jiġu appoġġati biex jifhmu aħjar ir-rekwiżiti tal-ippjanar tan-negozju u l-allokazzjoni tal-fondi biex jiffinanzjaw l-attivitajiet u t-tkabbir tagħhom.

It-tkabbir tas-suq: sħubijiet ġodda u mudelli ta' negozji

L-istituzzjonijiet u s-servizzi kulturali u dawk tal-arti jeħtieġu jsaħħu l-kapaċità għall-iżvilupp tal-udjenza tagħhom, jaħtfu opportunitajiet ġodda (partikolarment fil-fruntieri) u jirreaġixxu għall-bidliet fl-imġiba u l-aspettattivi tal-udjenza. Qegħdin jitfaċċaw servizzi ġodda li jisfruttaw il-possibbiltajiet offruti mill-ICT u l-forniment tas-servizzi onlajn, li joffru modi biex jiġu indirizzati aħjar id-domandi tal-konsumaturi għal aċċess għal varjetà wiesgħa ta' kontenuti u prodotti u għal partiċipazzjoni akbar fil-proċess kreattiv. Dawn l-approċċi u s-servizzi ġodda għandhom jissarrfu wkoll fi flussi ġodda ta' dħul.

Biex jagħtu spinta ’l quddiem lill-ħolqien, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni fuq il-pjattaformi kollha b'kontenut diġitali, is-setturi kulturali u kreattivi għandhom jidħlu fi sħubijiet strateġiċi u ġusti ma' setturi oħrajn li jistgħu jwasslu għal mudelli innovattivi ta' negozji, li permezz tagħhom ikun hemm aċċess għall-kontenut f'modi differenti, u jinkiseb bilanċ bejn id-dħul tad-detenturi tad-dritt u l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-kontenut u għall-għarfien, biex b'hekk jiġi promoss l-litteriżmu medjatiku u dak kulturali. F'dak il-kuntest, il-potenzjal sħiħ tal-Europeana[14], l-unika pjattaforma ta' aċċess li jorbot il-kollezzjonijiet diġitali tal-libreriji, il-mużewijiet u l-arkivji Ewropej, għandu jiġi sfruttat dejjem aktar bħala bażi għal ekosistema ġdida tal-applikazzjonijiet u l-prodotti diġitali li għandhom fil-mira tagħhom it-turiżmu, l-edukazzjoni, il-ħolqien u l-kultura.

L-espansjoni fil-firxa internazzjonali

Huma meħtieġa politiki dwar l-internazzjonalizzazzjoni intelliġenti u l-promozzjoni tal-esportazzjoni sabiex jippermettu lil maġġoranza wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet u kumpaniji żgħar li joperaw f’ambjent globali u jilħqu udjenzi u swieq ġodda madwar id-dinja. Huwa neċessarju li jiġu identifikati l-aktar servizzi effettivi ta' appoġġ, li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal swieq barranin, li jissaħħu d-djalogi regolatorji u li jiġu vvalutati l-faċilitajiet possibbli għall-kondiviżjoni tar-riskju. Il-ġbir tar-riżorsi u aktar kooperazzjoni bejn il-parteċipanti diversi fl-UE jistgħu jiġu esplorati aktar biex jippromwovu preżenza kreattiva u kulturali tal-Ewropa aktar b'saħħitha fix-xena dinjija u immaġni Ewropea attraenti li tqarreb l-eċċellenza tagħna fil-qasam tal-patrimonju mal-kreattività vibranti l-aktar reċenti.

It-tisħiħ tal-fertilizzazzjoni transsettorjali

Is-setturi kulturali u kreattivi jeħtieġu ambjenti multidixxiplinarji fejn jistgħu jiltaqgħu ma' negozji minn industriji oħrajn. Kwalunkwe intervent pubbliku bil-għan li jkompli jiżviluppahom jeħtieġ fertilizzazzjoni transsettorjali. Dan jeħtieġ l-iżvilupp u l-ittestjar ta' strumenti u politiki li jappoġġaw in-negozji b'mod aħjar li għandhom l-għan li jiffaċilitaw ir-rabtiet u r-riperkussjonijiet transsettorjali. Dan jimplika t-trawwim ta' bidla fost is-setturi nnifishom filwaqt li jiżdiedu ħiliet u kompetenzi ġodda f'industriji oħrajn u viċi versa.

Dan jeħtieġ ukoll aktar kooperazzjoni bejn politiki differenti, li jħaddnu b'mod partikolari l-affarijiet ekonomiċi, l-industrija, l-edukazzjoni, it-turiżmu, l-innovazzjoni, l-iżvilupp urban u reġjonali u l-ippjanar territorjali.

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-Istati Membri, fil-livelli territorjali kollha u bl-involviment - fejn xieraq - tal-partijiet interessati pubbliċi u privati relevanti kollha, huma mistiedna biex:

- Jivvalutaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-CCS[15] għal tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli u jintegrawhom aktar fl-istrateġiji tagħhom għall-iżvilupp fil-livelli kollha, b'mod partikolari fil-kuntest ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti[16]

- Isaħħu l-kooperazzjoni madwar is-CCS u ma' setturi oħrajn bħall-ICT, it-turiżmu, eċċ., inkluż permezz ta' inizjattivi konġunti biex irawmu l-komprensjoni madwar is-setturi u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' mentalità aktar miftuħa, innovattiva u intraprenditorjali fl-ekonomija

- Jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw it-twaqqif ta’ pjattaformi, netwerks u raggruppamenti bejn il-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha li huma rilevanti għas-CCS

- Jinkoraġġixxu sħubijiet strutturati bejn is-CCS, is-sħab soċjali u t-tipi kollha ta' dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-apprendistati

- Jippromwovu r-rikonoxximent tal-kwalifiki f’edukazzjoni informali u mhux formali u taħriġ f'oqsma li huma rilevanti għas-CCS

- Itejbu l-prontezza tal-investituri tal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-prontezza tal-investimenti tas-CCS, u joħolqu strumenti speċifiċi ta' inġinerija finanzjarja, u b'mod partikolari jiggarantixxu skemi, inkluż permezz ta' użu adegwat tal-Programm Ewropa Kreattiva u l-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni

- Jappoġġaw is-CCS fl-esplorazzjoni u l-ittestjar ta' strateġiji għall-iżvilupp ta' udjenza ġdida u mudelli ta' negozji li huma rilevanti fil-bidla diġitali

- Jappoġġaw id-diġitalizzjoni tal-kontenut kulturali u l-iżvilupp ta' pjattaformi onlajn b'konformità mar-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-istat tal-UE

- Jinkoraġġixxu lis-CCS biex jesploraw u jsaħħu l-preżenza tagħhom fis-swieq internazzjonali, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' sħubijiet internazzjonali u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

4.           Il-valur miżjud għall-azzjoni fil-livell tal-UE

Huwa ċar li l-UE għandha rwol biex tgħin tistabbilixxi l-ambjent it-tajjeb u tappoġġa din l-aġenda ta' adattament.

Il-promozzjoni tal-ambjent regolatorju t-tajjeb

Bħala parti mill-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa, l-UE qiegħda tistabbilixxi qafas tal-politika tal-SMEs għall-UE u l-Istati Membri tagħha bl-għan li ttejjeb l-approċċ ġenerali lejn l-intraprenditorija[17]. Dan huwa partikolarment rilevanti għas-setturi kulturali u kreattivi fejn l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi huma predominanti.

Filwaqt li tiffoka fuq il-ħtieġa li jkun hemm progress fil-kisba ta' Suq Uniku Ewropew diġitali li huwa integrat b'mod sħiħ, il-Komunikazzjoni “Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali”[18] tistabbilixxi pjan għal inizjattivi biex jitwassal Qafas tad-DPI tal-UE li jippremja l-isforzi kreattivi u jiffaċilita l-attivitajiet transkonfinali fis-suq intern. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni adottat proposti leġiżlattivi dwar ix-xogħlijiet orfni[19] u l-immaniġġar tad-drittijiet kollettivi[20]. Minn mindu ħarġet il-Green Paper dwar id-Distribuzzjoni Onlajn tax-Xogħlijiet Awdjoviżivi fl-UE, il-valutazzjoni tas-settur awdjoviżiv qiegħda titmexxa 'l quddiem[21]. Il-Kummissjoni qiegħda trawwem proċess ta' medjazzjoni mal-partijiet interessati dwar l-imposti fuq l-ikkuppjar privat. Ix-xogħol huwa wkoll previst li jtejjeb l-evalwazzjoni tal-assi intanġibbli, kwistjoni kruċjali għall-aċċess għal finanzjament privat.

Għal dawk is-setturi kulturali u kreattivi li jiddependu fuq id-ditti u l-lealtà tal-klijenti, il-modernizzazzjoni u l-adattament tas-sistema tal-marki kummerċjali huma kruċjali. Fil-kuntest tal-Osservatorju tal-UE dwar il-ksur tad-DPI, huma meħtieġa analiżi aħjar ta' dejta affidabbli dwar il-valur u l-ksur tad-DPI, skambju tal-aħjar prassi u sensibilizzazzjoni sabiex jiġġieldu l-falsifikazzjoni u l-piraterija b’mod effettiv u effiċjenti. F'dan l-isfond, il-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-pjattaformi tal-Internet fil-kuntest tal-Memorandum ta' Qbil dwar il-bejgħ ta' oġġetti ffalsifikati permezz tal-Internet, li tfittex li tnaqqas, f'livell pan-Ewropew, l-offerta ta' oġġetti kulturali mhux oriġinali fuq l-internet[22].

Skont l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[23], li tinkludi azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-ostakoli għall-iżvilupp tas-swieq onlajn tal-Ewropa, ċerti aspetti tal-inizjattivi dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku jistgħu jikkontribwixxu għal sfruttament aħjar u aċċess għal assi kulturali.

Waħda mill-azzjonijiet ta' prijorità stabbiliti mill-Komunikazzjoni dwar il-futur tal-VAT[24] hija reviżjoni tal-istruttura attwali tar-rati tal-VAT. Skont wieħed mill-prinċipji li jiggwidaw din ir-reviżjoni, oġġetti u servizzi simili għandhom ikunu soġġetti għall-istess rata tal-VAT u l-progress fit-teknoloġija għandu jiġi kkunsidrat, sabiex l-isfida ta’ konverġenza bejn l-ambjent onlajn u dak fiżiku tiġi indirizzata.

Għal suq diġitali effiċjenti li joffri wkoll opportunitajiet ġodda lis-setturi kulturali u kreattivi, il-Kummissjoni se tkompli timplimenta l-inizjattivi stipulati fil-pjan ta' azzjoni dwar is-Suq Uniku Diġital għall-kummerċ elettroniku u s-servizzi onlajn[25], li jinkludu inizjattiva dwar il-proċeduri ta' "Avviż u azzjoni" u inizjattiva dwar in-newtralità tan-netwerk.

Fil-kuntest tal-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat[26], se tiġi kkusidrata eżenzjoni minn notifika għall-għajnuna fis-settur kulturali. Barra minn hekk, l-appoġġ għall-innovazzjoni, inkluż fl-innovazzjoni mhux teknoloġika, se jiġi kkunsidrat fir-reviżjoni li jmiss tal-qafas tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

It-tħaffif tal-iskambju ta' prassi tajbin u ta' tagħlim bejn il-pari

Inizjattivi fil-livell tal-UE jistgħu jħaffu l-pass tal-adattament, irawmu d-disseminazzjoni ta’ prassi tajbin u jtejbu n-netwerking fi ħdan is-setturi kulturali u kreattivi. Mill-adozzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura[27] fl-2007, l-awtoritajiet nazzjonali bdew jikkooperaw f'dan il-qasam. Inħatar Grupp ta' Esperti biex jiddiskuti u jivvalida l-aħjar prassi nazzjonali jew reġjonali u jagħmel proposti għal inizjattivi ta' kooperazzjoni. Il-grupp ippubblika manwal dwar l-użu strateġiku tal-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE biex irawwem il-potenzjal tal-kultura għall-iżvilupp lokali, reġjonali u nazzjonali, b'mod partikolari billi jikkontribwixxi għall-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti[28]. Il-grupp issa sejjer jiffoka fuq l-internazzjonalizzazzjoni u l-istrateġiji tal-esportazzjoni. Eżempju ieħor huwa l-Pjattaforma ta' Tagħlim Politiku stabbilita taħt l-Alleanza tal-Industriji Kreattivi Ewropej[29], sabiex tippromwovi l-iskambji u l-kooperazzjoni f'appoġġ aħjar għan-negozji, l-aċċess għall-finanzjament u l-eċċellenza u l-kooperazzjoni tar-raggruppamenti.

Il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tappoġġa t-tagħlim bejn il-pari fost l-amministrazzjonijiet tal-ibliet, biex tippermetti lil dawk li jfasslu l-politika fuq livell lokali biex jaqsmu u jqabblu l-esperjenza dwar l-impatt tal-kultura fir-riġenerazzjoni soċjali u ekonomika tal-ibliet.

Lejn l-2020: L-immobilizzar ta' firxa wiesgħa ta' għajnuniet finanzjarji kemm speċifiċi kif ukoll ġeneriċi

Il-proposti tal-Kummissjoni għall-programmi u l-istrumenti għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali l-ġdid 2014-2020, notevolment Ewropa Kreattiva[30], Erasmus għal kulħadd[31], il-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni[32], Orizzont 2020[33], COSME[34] u Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa[35] jistgħu jagħtu kontribut deċiżiv biex jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri tas-setturi kulturali u kreattivi u jsaħħu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-Istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir.

Il-Programm Ewropa Kreattiva għandu l-għan li jippromovi d-diversità kulturali u lingwistika fl-Ewropa u jsaħħaħ il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi. Hu se:

- Jappoġġa n-netwerking transkonfinali, is-sħubija u l-attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari biex isaħħaħ il-kapaċità tas-setturi li joperaw lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u li jgħinu jirreaġixxu għall-isfidi bħall-bidla diġitali, il-globalizzazzjoni u s-swieq frammentati Ewropej.

- Iwaqqaf Faċilità Finanzjarja speċifika, li tipprovdi garanziji biex l-aċċess għas-self mill-banek ikun aktar faċli għall-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet iż-żgħar; din il-faċilità, inkluża fl-Istrument Finanzjarju ta' Dejn tal-ġejjieni għall-SMEs flimkien mal-faċilitajiet ta' Orizzont 2020 u ta' COSME, se tfittex ukoll li tikseb impatt sistemiku fuq is-settur finanzjarju, billi ttejjeb il-kapaċità tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jaċċessaw proġetti kulturali u kreattivi, tiġbor l-għarfien attwalment limitat bejn il-fruntieri nazzjonali, u tappoġġa inizjattivi li għandhom l-għan li jsaħħu l-prontezza tal-investimenti fis-setturi.

- Jappoġġa azzjonijiet għall-bini tal-kapaċitajiet immirati għall-iżvilupp tal-udjenza u għall-ittestjar ta' mudelli ta' negozji

- Jappoġġa miżuri biex jgħin lis-setturi joperaw internazzjonalment

Il-Programm Erasmus għal kulħadd se jappoġġa l-investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, kemm bħala mobbiltà tat-tagħlim, kif ukoll bħala sħubijiet għall-innovazzjoni u l-appoġġ politiku Bħala parti mill-isforz tagħha biex tippromwovi l-kooperazzjoni għall-innovazzjoni, il-programm se jappoġġa sħubijiet fuq skala kbira (Alleanzi tal-Għarfien) bejn l-edukazzjoni superjuri u n-negozji u sħubijiet bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u n-negozji (Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali). Dan jipprovdi opportunitajiet importanti għal sħubijiet bejn is-setturi kulturali u kreattivi u s-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Huma u jibnu fuq l-opportunitajiet wiesgħa diġà pprovduti[36], il-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni se jkomplu jappoġġaw l-investimenti fis-setturi kulturali u kreattivi, sabiex jimmassimizzaw il-kontribut tal-kultura bħala għodda għall-iżvilupp lokali u reġjonali, ir-riġenerazzjoni urbana, l-iżvilupp rurali, l-impjegabbiltà u l-inklużjoni soċjali. Eżempji ta' investimenti jistgħu jinkludu r-riċerka, l-innovazzjoni, il-kompetittività tal-SMEs u l-intraprenditorija fl-industriji kulturali u kreattivi, jew il-protezzjoni u t-titjib tal-patrimonju kulturali u l-pajsaġġi[37]. Barra minn hekk, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali se jissokta bl-appoġġ tiegħu għat-titjib tal-patrimonju kulturali rurali u għat-titjib fl-aċċess għas-servizzi kulturali f'żoni rurali billi jipprovdi appoġġ għall-investiment u t-taħriġ lin-negozji kulturali u kreattivi, u jistimula wkoll l-iżvilupp tan-netwerking u r-raggruppament tagħhom, b'mod partikolari permezz ta' LEADER[38].

F’dan il-kuntest, l-użu ta’ strumenti speċifiċi ta' inġinerija finanzjarja se jkun imħeġġeġ aktar, inkluż fir-rigward tas-setturi kulturali u kreattivi. Fil-viżjoni tagħha għall-politika ta' Koeżjoni għall-ġejjieni, il-Kummissjoni ppuntat lejn dawn is-setturi fil-kuntest tal-iżvilupp ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għall-iżvilupp lokali u reġjonali[39]. Dan jeħtieġ integrazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-istrateġiji fil-livelli lokali/reġjonali u dawk fil-livelli nazzjonali. Il-fokus issa għandu jkun fuq il-valutazzjoni tal-potenzjal tas-setturi fl-istrateġiji tal-iżvilupp reġjonali fid-definizzjoni li ġejja tal-Ftehimiet tas-Sħubijiet u l-Programmi tal-Iżvilupp Operattivi u Rurali, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-rabtiet dinamiċi bejn l-assi kulturali tradizzjonali, l-iżvilupp ta' negozji kreattivi u r-reazzjoni għall-isfidi soċjali u ambjentali, u l-preferenza ta' taħlita aħjar ta’ investimenti fl-infrastruttura u fil-kapital uman[40].

Il-programm COSME għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi u l-SMEs tal-UE u jinkoraġġixxi kultura intraprenditorjali. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi azzjonijiet sabiex trawwem l-iżvilupp ta' raggruppamenti ta' klassi dinjija u netwerks tan-negozji, u tħaffef l-emerġenza ta' industriji kompetittivi bbażati fuq l-attivitajiet transsettorjali, li hija partikolarment rilevanti għas-setturi kulturali u kreattivi. Qegħdin jiġu proposti azzjonijiet konkreti biex jinkoraġġixxu mudelli ġodda ta' negozji u l-użu kummerċjali ta' ideat kreattivi li jwasslu biex l-oġġetti u s-servizzi personalizzati u dawk adattati għall-użi u l-utenti speċifiċi jissodisfaw id-domanda tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġu żviluppati azzjonijiet li jgħaqqdu u jżidu l-ħiliet u l-kompetenzi fl-oqsma tad-disinn, tal-kreattività u tal-manifattura.

Il-programm Orizzont 2020 se jirregola l-appoġġ tal-UE fl-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u se jippromwovi l-isfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-politiki tal-innovazzjoni, tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku. Dan għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività fuq medda ta' industriji u setturi emerġenti, li huma ta' rilevanza partikolari għas-setturi kulturali u kreattivi. Hu se jappoġġa l-iżviluppi teknoloġiċi fir-rigward ta' dawn is-setturi, bħat-teknoloġiji innovattivi għall-ħolqien u l-użu ta' kontenut kreattiv u materjali innovattivi għall-industriji kreattivi. Il-programm Orizzont 2020 se jesplora wkoll forom ġodda ta' innovazzjoni, bħall-innovazzjoni soċjali u l-kreattività, sabiex itejjeb id-dinamiċi interkulturali pożittivi fl-Ewropa u ma' sħab internazzjonali.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandha l-għan li tagħti spinta lit-trasport, l-enerġija u n-netwerks diġitali tal-Ewropa. Hija se tipprovdi finanzjament sostenibbli lill-Europeana u se tappoġġa attivitajiet relatati bħall-mekkaniżmi għall-iskambju ta' informazzjoni dwar id-drittijiet u l-liċenzjar jew iċ-ċentri ta' kompetenza dwar id-diġitizzazzjoni u l-preżervazzjoni tal-patrimonju kulturali diġitali.

Fil-livell internazzjoni, id-djalogu politiku bejn l-UE u pajjiżi terzi, kemm fil-livell bilaterali kif ukoll fil-livell reġjonali, jista' jintuża biex iżid il-fiduċja u jiftaħ opportunitajiet għal sħubijiet ta' gwadann għal kulħadd, li jinkludu wkoll is-setturi kulturali u kreattivi[41]. Permezz tal-kooperazzjoni, il-kultura se tkompli tkun vettur essenzjali tal-iżvilupp soċjoekonomiku u tat-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, is-soċjetà ċivili u elementi ewlenin oħrajn ta' tmexxija tajba[42].

Il-Kummissjoni se:

- Tkompli ttejjeb il-qafas regolatorju tal-UE għas-CCS

- Tinnegozja mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill il-proposti tagħha għall-istrumenti tal-finanzjament tal-UE għall-2014-2020, u tħejji l-implimentazzjoni tagħhom

- Tappoġġa l-iskambju ta’ prassi tajba fi ħdan l-UE

L-azzjonijiet fuq il-medda iqsar fil-livell tal-UE biex jappoġġaw il-motivaturi ewlenin ta' politika

Fuq il-medda iqsar, l-isforzi magħmula fl-Istati Membri, fil-livelli kollha territorjali, se jitlestew minn għadd ta’ inizjattivi tal-UE biex jappoġġaw l-emerġenza ta' ekosistemi kreattivi bejn is-setturi fi stadji diversi tal-katina ta’ valur:

- L-indirizzar tal-bżonnijiet għall-ħiliet li qegħdin jinbidlu

L-Alleanzi tal-Għarfien qegħdin jiġu ttestjati bejn l-edukazzjoni superjuri u n-negozji biex jippromwovu l-innovazzjoni. Alleanza bejn iċ-Ċinema u l-Industrija għall-Għarfien u t-Tagħlim[43] se tirrapporta fuq xogħolha fl-2013.

L-UE qiegħda tiffinanzja l-ewwel fażi tal-Kunsill għall-Ħiliet Settorjali Ewropew fis-setturi awdjoviżivi u dawk ta' prestazzjoni diretta[44], u qiegħda tiffinanzja wkoll Kunsill għall-Ħiliet Settorjali Ewropew fis-settur tat-tessuti, l-ilbies u l-ġilda[45] sabiex jiġu analizzati l-ħiliet meħtieġa.

Sal-aħħar tal-2013, Grupp ta' Esperti mill-Istati Membri stabbilit fil-qafas tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura se jipproduċi rapport dwar il-promozzjoni ta' Sħubijiet Kreattivi bejn l-iskejjel u n-negozji u l-organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi.

- It-titjib fl-aċċess għall-finanzi

Fil-qafas tal-Alleanza tal-Industriji Kreattivi Ewropej, l-UE qiegħda tiffinanzja żewġ sħubijiet dwar aċċess aħjar għall-finanzi (FAME u C-I Factor) sal-2014.

Il-Fond ta' Garanzija tal-Produzzjoni MEDIA[46] qed jiffaċilita l-aċċess tal-produtturi tal-film għal sorsi privati ta’ finanzjament.

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-possibbiltà li twaqqaf Fond ta’ Garanzija simili għan-negozji tal-moda.

Taħt l-istrateġija tad-DPI, il-Kummissjoni se tifformola proposti ta' politika li għandhom l-għan li jtejbu l-isfruttament ekonomiku tad-DPI[47].

- It-tkabbar fis-suq

Fl-2012, il-Kummissjoni se:

- Tiffinanzja azzjoni preparatorja dwar iċ-ċirkulazzjoni tal-films Ewropej fl-era diġitali[48]

- Tiffinanzja proġett pilota dwar l-użi innovattivi tal-ICT fis-CCS[49]

- Tiffinanzja Netwerk Tematiku dwar mudelli ġodda ta' negozji għall-pubblikazzjoni fl-era diġitali[50]

- Torganizza skambju Ewropew ta' konferenza prattika[51] dwar l-iżvilupp tal-udjenza

- Tadotta rakkomandazzjoni dwar il-films Ewropej fl-era diġitali

Sal-aħħar tal-2012, Grupp ta' Esperti mill-Istati Membri stabbilit fil-qafas tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura se jipproduċi rapport dwar il-politiki u l-prassi t-tajba tal-istituzzjonijiet pubbliċi biex jippromwovi aċċess aħjar għall-kultura u partiċipazzjoni fiha.

Fl-2013, il-Kummissjoni se:

- Tappoġġa l-produzzjoni ta’ għodod aktar qawwija u interattivi għall-industriji kreattivi u tantiċipa x-xejriet tal-ġejjieni fir-riċerka u fl-innovazzjoni permezz tal-interazzjoni bejn u fis-segmenti differenti ta' dawn l-industriji[52].

- Tvara Proġett Pilota WORTH biex tistimula l-appoġġ u l-pariri orjentati lejn is-suq lill-SMEs fil-moda jew fis-settur tal-oġġetti personali bbażati fuq id-disinn, sabiex tiżviluppa prodotti u servizzi kreattivi ġodda permezz ta' kooperazzjoni mad-disinjaturi.

L-inizjattivi taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew[53] u l-Kapitali Ewropej tal-Kultura[54] se jkomplu jiġu użati bħala laboratorji għall-iżvilupp tal-udjenza u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini.

- Tespandi l-firxa internazzjonali

Fl-2012-2013 il-Kummissjoni se torganizza f'pajjiżi terzi avvenimenti speċifiċ ta’ tlaqqigħ biex jappoġġaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs permezz tar-raggruppamenti, inkluż għas-CCS.

Il-kooperazzjoni dwar is-CCS taħt il-Proġett tal-Kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina bħala fażi ta' ttestjar għal kooperazzjoni msaħħa f'dan il-qasam għandha tkompli.

Id-djalogi politiċi dwar il-kultura mas-sħab emerġenti se jiffokaw fuq l-ambjent għal kooperazzjoni u skambji fis-CCS.

Il-Kummissjoni wkoll se:

- Tittestja l-fattibbiltà tal-qsim tar-riskju ta' skemi ta' assigurazzjoni tal-kreditu tal-esportazzjonijiet eżistenti għall-SMEs

- Tesplora f'konsultazzjoni mill-qrib mal-EEAS metodi u mezzi biex issaħħaħ il-kultura fir-relazzjonijiet esterni

Fl-2013, Grupp ta' Esperti mill-Istati Membri, stabbilit fil-qafas tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura se jipproduċi manwal dwar l-istrateġiji ta' appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tas-CCS.

- Issaħħaħ il-fertilizzazzjoni transsettorjali

Mill-2012, il-Kummissjoni bdiet:

- Trawwem ir-rabtiet transsettorjali, taħt l-Alleanza tal-Industriji Kreattivi Ewropej

- Tappoġġa tliet dimostraturi fuq skala kbira b'appoġġ għat-turiżmu kulturali taħt l-Alleanza tal-Industriji Mobbli u tal-Mobilità Ewropej

Fl-2012-2013, hija ser ukoll:

- Tistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Innovazzjoni tas-Servizz biex jipprovdi appoġġ konsultattiv lill-organizzazzjonijiet reġjonali dwar l-innovazzjoni tas-servizz u l-kreattività għall-promozzjoni tal-bidla industrijali

- Tippubblika Gwida Intelliġenti dwar kif tista' tuża aħjar il-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni biex tikkapitalizza mill-innovazzjoni tas-servizz, partikolarment rilevanti għas-CCS

- Tibda tiffinanzja proġett pilota li jappoġġa żewġ reġjuni tradizzjonalment industrijali fit-tranżizzjoni tagħhom lejn "Distretti Kreattivi Ewropej"[55]

- Tirrevedi l-isfidi u l-għażliet tal-miżuri biex issaħħaħ il-kompetittività tal-industriji tal-moda u dawk ta' kwalità superjuri tal-UE u tqis b'mod xieraq id-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal korrispondenti.

- Tivvaluta r-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu ppreżentati mill-Bord Ewropew ta' Tmexxija fid-Disinn fl-2012 u tifformula pjan ta’ azzjoni biex tħaffef l-fehim dwar id-disinn fil-politiki ta’ innovazzjoni

- Tiżviluppa u tittestja l-moduli ta' taħriġ tal-Inizjattiva Ewropea dwar l-Eċċellenza tar-Raggruppamenti biex tippromwovi r-rwol tal-kreattività, il-ħiliet kreattivi u s-setturi kreattivi għall-bidla tal-attivitajiet tradizzjonalment industrijali

- Tvara konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar ir-rilevanza tat-twaqqif ta' Alleanza Ewropea tal-Esperjenza Ekonomika, biex trawwem interazzjoni transsettorjali bejn is-CCS, id-divertiment, l-isport u t-turiżmu u tappoġġa l-iżvilupp ta’ katini ta’ valur industrijali ġodda

5.           Is-sorveljanza tal-progress

L-użu tal-potenzjal sħiħ tas-CCS jista' jkun ta' kontribut kbir għat-tkabbir u l-impjiegi u jħaffef il-bidla lejn soċjetà ta' innovazzjoni bbażata fuq l-għarfien. Sabiex tirrealizza dan il-potenzjal, hija meħtieġa azzjoni, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u fil-livell tal-UE, biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-istrateġija b’diversi livelli ddelineata hawn fuq, billi tiffoka fuq il-medda qasira u l-medda itwal b'mod partikolari fuq il-ħames motivaturi ewlenin ta' politika: l-iżvilupp tal-ħiliet; it-titjib fl-aċċess għall-finanzi; il-promozzjoni ta' mudelli ġodda ta' negozji u t-tkabbir tal-udjenzi; l-iffaċilitar ta' kooperazzjoni ma' setturi u politiki oħrajn; u l-espansjoni fil-firxa internazzjonali Din l-istrateġija se tippromwovi wkoll il-kooperazzjoni mas-sħab tal-UE. Dan se jiddependi mill-appoġġ ta' istituzzjonijiet Ewropej oħrajn u partijiet interessati.

Sabiex tissorvelja l-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-qafas eżistenti għall-kooperazzjoni, li huwa l-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni tal-Kultura.

[1]               Li jkopri partikolarment l-arkitettura, l-arkivji u l-libreriji, l-artiġjanat artistiku, il-mezzi awdjoviżivi (inklużi l-films, it-televiżjoni, il-logħob tal-kompjuter u l-multimedja), il-wirt kulturali, id-disinn (inkluż id-disinn tal-moda), il-festivals, il-mużika, l-arti viżivi u l-irreċtar, il-pubblikazzjoni u r-radju

[2]               Rapport tal-2010 dwar il-Kompetittività Ewropea Sorsi oħra stmawha ogħla f'4,5 % tal-PDG u 8,5 miljun persuna impjegata (TERA Consultants, 2010).

[3]               Inklużi d-disinn, il-manifattura ta' materjali u oġġetti tal-moda, u d-distribuzzjoni tagħhom

[4]               Li jkopru partikolarment moda ta' kwalità superjuri, ġojjellerija u arloġġi, aċċessorji, oġġetti tal-ġilda, fwejjaħ u kożmetiċi, għamara u tagħmir tad-dar, karozzi, dgħajjes, kif ukoll il-gastronomija, il-lukandi u d-divertiment

[5]               Competitiveness of the EU fashion Industries, Idea Concult, 2012; The value of the cultural and creative industries to the European economy, Frontier Economics, 2012

[6]               Sors: Eurostat (EU-LFS)

[7]               Kif muri fil-"fast fashion", li twassal fis-suq diversi kollezzjonijiet ġodda kull sena

[8]               COM(2010) 546

[9]               Creating Innovation: Do the creative industries support innovation in the wider economy?, NESTA 2008

[10]             Sostenuto – Culture as a factor of economic and social innovation, 2012 KEA European Affairs – Study on the impact of culture on creativity, 2009

[11]             It-12-il Pjan fuq Ħames Snin taċ-Ċina (2011 – 2015)

[12]             Pereżempju 62 % tal-affarijiet kollha mmanifatturati minn marki ta' kwalità superjuri Ewropej jinbiegħu barra l-Ewropa u l-valur tal-esportazzjonijiet tagħhom huwa stmat li hu EUR 260 biljun (eż. madwar 10 % tal-esportazzjonijiet Ewropej kollha).

[13]             Ara http://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/documents/120505-cci-policy-handbook.pdf

[14]             www.europeana.eu

[15]             Tfisser setturi kulturali u kreattivi

[16]             Ara paġna 10

[17]             http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/

[18]             COM(2011) 287

[19]             COM(2012) 372

[20]             COM(2011) 289

[21]             COM(2011) 427

[22]             http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/stakeholders/index_en.htm#maincontentSec2

[23]             COM(2010) 245

[24]             COM(2011) 851

[25]             COM(2011) 942

[26]             COM(2012) 209

[27]             COM(2007) 242

[28]             http://ec.europa.eu/culture/news/cci_en.htm

[29]             https://www.howtogrow.eu/ecia/

[30]             COM(2011) 785

[31]             COM(2011) 788

[32]             http://ec.europa.eu/regional_policy/what/future/proposals_2014_2020_en.cfm

[33]             COM(2011) 809

[34]             COM(2011) 834

[35]             COM(2011) 665

[36]             Studju dwar il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp lokali u reġjonali, 2010

[37]             SWD(2012) 61, parti II

[38]             http://enrd.ec.europa.eu/leader/en/leader_en.cfm

[39]             http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/c/document_library/get_file?uuid=a39fd20b-9fbc-402b-be8c-b51d03450946&groupId=10157

[40]             Ibid.

[41]             Id-djalogi dwar il-politika jistgħu b'mod partikolari jiġu appoġġati taħt l-Istrument ta' Sħubija (PI)

[42]             Objettivi bħal dawn se jkunu appoġġati kemm taħt kooperazzjoni ġeografika kif ukoll taħt dik tematika permezz tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), l-Istrument Ewropew ta' Sħubat (ENI), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ)

[43]             http://ec.europa.eu/education/higher-education/ka1_en.htm

[44]             http://www.pearle.ws/en/projects/detail/16

[45]             http://europeanskillscouncil.t-c-l.eu/eng/

[46]             http://ec.europa.eu/culture/media/programme/overview/funding/index_en.htm

[47]             http://ec.europa.eu/enterprise/policies/innovation/policy/intellectual-property/index_en.htm

[48]             http://ec.europa.eu/culture/media/programme/overview/digitaldistrib/prepaction/index_en.htm

[49]             http://ec.europa.eu/culture/news/12062012-pilotproject-eac10_en.htm

[50]             WP ICT PSP 2012, p.19

[51]             http://ec.europa.eu/culture/news/20120316-conference-audience_en.htm

[52]             WP ICT PSP 2013, pp. 10, 81-85

[53]             http://ec.europa.eu/culture/our-programmes-and-actions/label/european-heritage-label_en.htm

[54]             http://ec.europa.eu/culture/our-programmes-and-actions/capitals/european-capitals-of-culture_en.htm

[55]             http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=5782&lang=en

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet