EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0417
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL AND THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE Security Industrial Policy Action Plan for an innovative and competitive Security Industry
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Politika tal-Industrija tas-Sigurtà Pjan ta' Azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Politika tal-Industrija tas-Sigurtà Pjan ta' Azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva
/* COM/2012/0417 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Politika tal-Industrija tas-Sigurtà Pjan ta' Azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva /* COM/2012/0417 final */
1. Introduzzjoni Parti mit-tħassib ewlieni ta' kull
soċjetà hija li din tingħata s-sigurtà. M'hemm l-ebda qasam
tal-politika li ma għandux komponent kruċjali dwar is-sigurtà.
Ambjent bla periklu u sigur huwa s-sies ewlieni li fuqu tinbena kull soċjetà
stabbli. Industrija kompetittiva tas-sigurtà bbażata fl-UE li toffri
soluzzjonijiet għal aktar sigurtà, tista' tagħti kontribut
sostanzjali lir-reżiljenza tas-soċjetà Ewropea. L-industrija tas-sigurtà tirrappreżenta
settur b'potenzjal sinifikanti gћat-tkabbir u l-impjiegi. Matul
l-aħħar 10 snin, is-suq globali tas-sigurtà kiber kważi
b'10 darbiet minn ~EUR 10 biljun għal suq b'daqs ta'
~EUR 100 biljun fl-2011. Bosta studji juru li fl-UE kif ukoll madwar
id-dinja, is-suq tas-sigurtà se jibqa' jkollu rata ta' tkabbir li tkun lil hinn
mill-medja tat-tkabbir tal-PDG[1]. Bi tweġiba għal dan il-potenzjal
sinifikanti ta' tkabbir tas-suq, il-Kummissjoni poġġiet l-industrija
tas-sigurtà bħala waħda mill-partijiet essenzjali tal-inizjattiva
ewlenija tal-UE 2020 "Politika Industrijali Integrata
għall-Era tal-Globalizzazzjoni – Nagħrfu r-Rwol Ċentrali
tal-Kompetittività u s-Sostenibbiltà"[2].
Fiha, il-Kummissjoni ħabbret it-tnedija ta' inizjattiva ddedikata
għal Politika tal-Industrija tas-Sigurtà. Dan il-Pjan ta' Azzjoni huwa l-ewwel pass ta'
din l-inizjattiva ddedikata. L-għan globali huwa li
jissaħħaħ it-tkabbir u jiżdiedu l-impjiegi fl-industrija
tas-sigurtà tal-UE. Bis-saħħa tal-livell li
għandhom fl-iżvilupp teknoloġiku, ħafna kumpaniji
(tas-sigurtà) tal-UE xorta għadhom minn ta' quddiem nett fid-dinja f'bosta
segmenti tas-settur tas-sigurtà. Madanakollu, evoluzzjonijiet riċenti u
tbassiriet tas-suq juru li l-ishma fis-suq ta' kumpaniji Ewropej fis-suq
globali mistennija jonqsu b'mod kostanti fis-snin li ġejjin. It-tbassiriet
tal-industrija u studji indipendenti jipprevedu li s-sehem fis-suq
tal-kumpaniji tal-UE fis-settur tas-sigurtà jista' jonqos bi kwint minn madwar
25 % tas-suq dinji fl-2010 għal 20 % fl-2020, jekk ma titnieda
l-ebda azzjoni li ssaħħaħ il-kompetittività tal-industrija
tas-sigurtà tal-UE. Il-kumpaniji tal-Istati Uniti li jmexxu s-suq
xorta għadhom fuq quddiem fit-tekonoloġija, u barra minn hekk, dawn
jibbenefikaw ukoll minn qafas legali armonizzat u minn suq intern sod. Dan mhux
biss jagħtihom bażi rassiguranti iżda anke
l-benefiċċju ta' marka kummerċjali tal-Istati Uniti li tkun
tista' tingħaraf b'mod ċar, u dan wera li għandu
vantaġġ tassew kbir meta mqabbel ma' kumpaniji tal-UE f'termini ta'
kompetizzjoni internazzjonali. Dan in-nuqqas ta' "marka kummerċjali
tal-UE" simili huwa kritiku speċjalment jekk wieħed iqis li
fil-ġejjieni s-swieq ċentrali tat-teknoloġiji tas-sigurtà mhux
se jkunu fl-Ewropa iżda f'pajjiżi emerġenti fl-Asja, l-Amerika
t'Isfel u l-Lvant Nofsani. Il-pajjiżi Asjatiċi qed jimlew il-vojt
teknoloġiku li jiddistakkahom mill-kumpaniji tal-UE b'rata li kulma jmur
qed tiżdied. Mingħajr vantaġġ teknoloġiku,
il-kumpaniji tal-UE se jkollhom jaffaċċjaw kompetizzjoni ħarxa,
anki bl-iżvantaġġ tal-kost tal-produzzjoni li l-kumpaniji tal-UE
jġarrbu ta' spiss. L-għan primarju tal-Kummissjoni huwa
għalhekk li tistabbilixxi funzjonament aħjar tas-Suq Intern Ewropew
tat-teknoloġiji tas-sigurtà. Kundizzjonijiet favorevoli tas-Suq Intern,
żieda fil-kompetizzjoni u tnaqqis fil-kostijiet tal-produzzjoni billi
jiġu sfruttati l-ekonomiji ta' skala, huma essenzjali wkoll biex
tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-industrija tas-sigurtà tal-UE
f'dawk il-pajjiżi emerġenti li jirrappreżentaw il-ġejjieni
tas-settur tas-sigurtà. Għandha ssir enfasi speċjali fuq
l-appoġġ għall-SMEs waqt l-isforzi tagħhom biex
jaċċessaw is-swieq internazzjonali f'pajjiżi terzi. Il-Forum Ewropew għar-Riċerka u
l-Innovazzjoni fis-Sigurtà (ESRIF), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni[3] sussegwenti, diġà
indirizza għadd minn dawn il-kwistjonijiet. Għas-settur tal-ICT,
il-promozzjoni tas-sigurtà hija parti integrali mit-tagħmir u l-prodotti
li qed jiġu offruti mill-kumpaniji tal-ICT u hija importanti
għall-kompetittività fil-ġejjieni. Din se tkun indirizzata wkoll
fl-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà fuq l-Internet li jmiss.
Madanakollu sal-lum, ma kienx hemm approċċ konsistenti fl-UE biex
l-industrija tas-sigurtà tal-UE ssir aktar kompetittiva u innovattiva. Kif urew studji attwali u opinjonijiet
tal-partijiet interessati[4],
il-pressjoni tal-kompetizzjoni globali se timmira l-manifattura tal-prodotti u
t-teknoloġiji iktar milli s-servizzi, peress li dawk jiffurmaw
il-maġġoranza vasta tal-potenzjal tal-esportazzjoni fl-industrija
tas-sigurtà. Għalhekk dan il-Pjan ta' Azzjoni ma jkoprix is-servizzi
tas-sigurtà persè (eż. il-persunal tas-sigurtà fuq il-post), iżda lil
dawk is-servizzi tas-sigurtà biss li għandhom x'jaqsmu mal-installazzjoni
u l-manutenzjoni tat-tagħmir tas-sigurtà. Il-Kummissjoni se tuża l-għodod
kollha disponibbli għaliha biex toħloq Suq Intern reali
għat-Teknoloġiji tas-Sigurtà, u għalhekk se tipprovdi bażi
soda għall-industrija tas-sigurtà tal-UE bil-ħsieb li dawn jiksbu
ishma fi swieq emerġenti. Il-Kummissjoni se tiżgura li kull
inizjattiva meħuda għall-iżvilupp tas-Suq Intern
għat-teknoloġiji tas-sigurtà jirrispettaw il-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni
tad-dejta personali. 2. L-Industrija u s-Suq
tas-Sigurtà tal-UE Huwa stmat li s-suq globali tas-sigurtà jiswa
madwar EUR 100 biljun (ċifra tal-2011) b'madwar 2 miljun
persuna impjegati madwar id-dinja. Huwa stmat li s-suq tas-sigurtà tal-UE
għandu valur tas-suq fil-firxa minn EUR 26 biljun sa
EUR 36,5 biljun b'madwar 180 000 impjegat (ċifri tal-2011). Madankollu, bħalissa ma hemmx definizzjoni
ċara tal-industrija tas-sigurtà, u klassifikazzjoni metedoloġika ta'
din l-industrija tixxekkel minn għadd ta' fatturi: ·
L-industrija tas-sigurtà mhix koperta persè
min-nomenklaturi statistiċi ewlenin (in-NACE, il-Prodcom, eċċ.). ·
Il-produzzjoni ta' oġġetti relatati
mas-sigurtà hija moħbija taħt firxa wiesgħa ta' intestaturi.
L-istatistika għal dawn l-intestaturi ma tagħmilx differenza bejn
attivitajiet relatati mas-sigurtà u oħrajn li mhumiex relatati
mas-sigurtà. ·
Fuq livell Ewropew, l-industrija nnifisha ma
tipprovdi l-ebda sors tad-dejta tal-istatistika. ·
Min-naħa tal-provvista, ix-xerrejja
tat-tagħmir u tas-sistemi tas-sigurtà jistgħu joqogħdu lura
milli jagħtu informazzjoni dwar in-nefqiet fis-sigurtà. Bħala rimedju għan-nuqqas ta' dejta
dwar l-industrija tas-sigurtà u s-suq tagħha, il-Kummissjoni se
toħloq bażi empirika li minnha jkunu jistgħu jinkisbu ċifri
iktar affidabbli dwar is-swieq tas-sigurtà. Koperazzjoni
mal-assoċjazzjonijiet ewlenin tal-kummerċ hija essenzjali għal
impriża bħal din. Madanakollu l-industrija tas-sigurtà tal-UE
b'mod wiesa' tista' tinqasam f'dawn is-setturi li ġejjin[5]: ·
is-sigurtà tal-avjazzjoni; ·
is-sigurtà marittima; ·
is-sigurtà konfinali; ·
il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika; ·
l-intelliġenza kontra t-terrur (inklużi
ċ-ċiber-sigurtà u l-komunikazzjoni); ·
il-ġestjoni tal-kriżijiet/il-protezzjoni
ċivili; ·
il-protezzjoni tas-sigurtà fiżika; u ·
l-ilbies protettiv. Is-suq tas-sigurtà
għandu tliet karatteristiċi distintivi: (1)
Huwa suq tassew frammentat, maqsum skont
il-fruntieri nazzjonali u anke reġjonali. Is-sigurtà,
waħda mill-iżjed oqsma sensittivi tal-politika, hija qasam li fih
l-Istati Membri jsibuha bi tqila jċedu l-prerogattivi nazzjonali
tagħhom. (2)
Huwa suq istituzzjonali. Fil-biċċa l-kbira, is-suq tas-sigurtà għadu suq istituzzjonali,
jiġifieri ix-xerrejja huma awtoritajiet pubbliċi. Anke f'oqsma li
fihom huwa suq kummerċjali, il-ħtiġijiet tas-sigurtà
għadhom imfassla ħafna bil-leġiżlazzjoni. (3)
Huwa għandu dimesjoni soċjetali
qawwija. Filwaqt li s-sigurtà hija waħda
mill-iżjed ħtiġijiet essenzjali għall-bniedem, din hija
wkoll qasam sensittiv. Il-miżuri u t-teknoloġiji tas-sigurtà
jistgħu jħallu impatt fuq id-drittijiet fundamentali u ħafna
drabi joħolqu biża' li tista' tiddgħajjef il-privatezza. 3. Il-Problemi ewlenin li
taffaċċja l-Industrija tas-sigurtà tal-ue Dawn it-tliet karatteristiċi distintivi
tas-suq tas-sigurtà jiddeterminaw it-tliet problemi ewlenin li
taffaċċja l-industrija tas-sigurtà tal-UE: (1)
Il-frammentazzjoni tas-suq tas-sigurtà tal-UE Il-problema ewlenija hija n-natura tassew
frammentata (eż: in-nuqqas ta' proċeduri armonizzati
taċ-ċertifikazzjoni u standards) tas-suq tas-sigurtà tal-UE.
Effettivament, approċċi diverġenti wasslu biex inħolqu
mill-anqas 27 suq differenti tas-sigurtà, li kull wieħed minnhom
jinqasam f'għadd kbir ta' setturi tas-sigurtà. Dan ma joħloqx biss sitwazzjoni pjuttost
unika fir-rigward tas-Suq Intern, iżda jħalli wkoll impatt
konsiderevolment negattiv kemm fuq in-naħa tal-forniment (l-industrija)
kif ukoll fuq in-naħa tad-domanda (ix-xerrejja pubbliċi u privati
tat-teknoloġiji tas-sigurtà). Dan joħloq ostakli kbar
għad-dħul fis-suq, u l-ekonomiji ta' skala jagħmilhom tassew
diffiċli, jekk mhux impossibbli. Barra minn hekk, dan joħloq nuqqas
ta' kompetittività fost il-fornituri u użu subottimu tal-finanzi
pubbliċi. (2)
Id-diskrepanza bejn ir-riċerka u s-suq Waqt li jkunu qed isiru l-R&D fuq
teknoloġiji ġodda, ħafna drabi jkun tassew diffiċli
għall-industrija tas-sigurtà bbażata fl-UE biex tbassar jekk
fl-aħħar hux se jkun hemm kummerċjalizzazzjoni, jew anke biex
tikseb xi tip ta' riassigurazzjoni jekk fuq kollox hux se jkun hemm suq.
Filwaqt li din hija problema mifruxa li tista' tinstab fost ħafna setturi
industrijali, din hija partikolarment pertinenti għall-industrija
tas-sigurtà, li jkollha taffaċċja l-iżjed suq istituzzjonali. Dan wassal għal għadd ta'
konsegwenzi negattivi: pereżempju, li ma jiġux esplorati xi
kunċetti tal-R&D li huma potenzjalment promettenti, ikun ifisser li
ċerti teknoloġiji li jistgħu jtejbu s-sigurtà taċ-ċittadini
ma jkunux disponibbli għan-naħa tad-domanda. (3)
Id-dimensjoni soċjetali
tat-teknoloġiji tas-sigurtà L-aċċettazzjoni soċjetali ta'
prodotti u teknoloġiji ġodda hija sfida ġenerali fost setturi
industrijali differenti. Madanakollu, hemm għadd ta'
speċifiċitajiet li jiddistingwu t-teknoloġiji tas-sigurtà minn
oqsma oħra. Jista' jkun li t-teknoloġiji tas-sigurtà
jikkonċernaw direttament jew indirettament xi drittjiet fundamentali,
pereżempju d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja,
il-protezzjoni tad-dejta personali, il-privatezza jew id-dinjità umana. Il-problemi assoċjati
mal-aċċettazzjoni soċjetali tat-teknoloġiji tas-sigurtà
jwasslu għal għadd ta' konsegwenzi negattivi. Għall-industrija,
dan ifisser ir-riskju li din tinvesti f'teknoloġiji li l-pubbliku ma
jaċċettax u li allura tkun investiet
għalxejn.Għan-naħa tad-domanda, dan ifisser li din tkun sfurzata
tixtri prodott inqas kontroversjali li madanakollu ma jissodisfax
il-ħtiġijiet kollha tas-sigurtà. 4. Jiġu indirizzati
l-Problemi Il-Kummissjoni identifikat għadd ta'
azzjonijiet ewlenin tal-politika biex iżżid il-kompetittività
tal-industrija tas-sigurtà L-azzjonijiet ewlenin tal-politika
jikkonċernaw: ·
Tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq, billi: jinħolqu standards fl-UE/internazzjonali, jiġu
armonizzati il-proċeduri ta' valutazzjoni
tal-konformità/ċertifikazzjoni fl-UE għat-teknoloġiji
tas-sigurtà u jiġu sfruttati aħjar sinerġiji bejn
it-teknoloġiji tas-sigurtà u dawk tad-difiża. ·
Titnaqqas id-diskrepanza bejn ir-riċerka u
s-suq, billi: jiġu allinjati l-programmi ta'
finanzjament u sfruttati iżjed ir-rotot tad-Drittijiet ta' Proprjetà
Intellettwali (IPR), kif ukoll l-użu sħiħ tal-Akkwist pubbliku
prekummerċjali (PCP) fil-kuntest tar-riċerka tas-sigurtà
fil-Horizon 2020[6]. ·
Integrazzjoni aħjar tad-dimensjoni
soċjetali, billi jiġu assessjati sew
l-impatti soċjali inklużi l-impatti fuq id-drittijiet fundamentali, u
billi joħloq mekkaniżmi biex jiġi eżaminat l-impatt
soċjetali matul il-fażi tal-R&D. 4.1. Tingħeleb il-frammentazzjoni
tas-suq 4.1.1. Standardizzazzjoni L-istandards għandhom rwol
maġġuri fid-diframmentazzjoni tas-swieq u jgħinu lill-industrija
tikseb l-ekonomiji ta' skala. L-istandards huma wkoll ta' importanza kbira
għan-naħa tad-domanda, notevolment fejn jidħlu l-interoperabbiltà
tat-teknoloġiji użati minn dawk li jagħtu l-ewwel rispons,
l-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi, eċċ. Barra minn hekk,
l-istandards huma essenzjali biex tiġi żgurata kwalità uniformi
fid-dispożizzjoni tas-servizzi tas-sigurtà. Il-ħolqien ta' standards
fl-UE u l-promozzjoni tagħhom fuq livell dinji, huma komponent vitali
tal-kompetittività globali tal-industrija tas-sigurtà tal-UE. Madanakollu, fil-qasam tas-sigurtà
jeżistu biss ftit standards mal-UE kollha. Standards nazzjonali
diverġenti joħolqu ostakli kbar biex jinħoloq suq intern reali
għas-sigurtà, u għalhekk ixxekklu l-kompetittività
għall-industrija tal-UE. Jekk l-UE trid tikkontribwixxi b'mod sinifikanti
fil-ħolqien ta' standards globali, ikun pass kwintessenzjali li
jingħelbu dawn id-diverġenzi nazzjonali. Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha
dwar Viżjoni Strateġika għal Standards Ewropej, diġà
ħabbret il-ħtieġa li jitħaffu l-isforzi għal
standardizzazzjoni fil-qasam tas-sigurtà[7].
Għaldaqstant il-Kummissjoni fl-2011 tat mandat lil-Organizzazzjonijiet
Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex jagħtu ħarsa
ġenerali dettaljata lill-istandards eżistenti internazzjonali,
Ewropej u nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà, kif ukoll biex jistabbilixxu lista
ta' diskrepanzi fl-istandardizzazzjoni. F'dawn l-oqsma li ġejjin ġew
identifikati diskrepanzi kbar: –
Kimiċi, Bijoloġiċi,
Radjoloġiċi, Nukleari u tal-Isplussivi – standards minimi
għad-ditezzjoni, kif ukoll standards għat-teħid tal-kampjuni,
inkluż fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni; –
Sigurtà konfinali – standards komuni tekniċi u
ta' interoperabbiltà għas-sistemi awtomatiċi tal-kontrol konfinali,
kif ukoll standards għall-identifikaturi bijometriċi; u –
Immaniġġjar tal-kriżi/ Protezzjoni
ċivili – standards għall-interoperabbiltà tal-komunikazzjoni, kif
ukoll għall-interoperabbiltà tal-kmand u l-kontroll, inkluż
l-interoperabbiltà organizzattiva, kif ukoll in-notifika massa
tal-popolazzjoni. Azzjoni 1: Imsejsa fuq dawn il-prijoritjiet tal-bidu, il-Kummissjoni se titlob
lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex joħolqu
pjanijiet direzzjonali konkreti u dettaljati għall-istandardizzazzjoni.
Dawn il-pjanijiet direzzjonali għall-istandardizzazzjoni għandhom
jiffukaw fuq il-ġenerazzjoni li jmiss tal-għodod u
t-teknoloġiji. Sabiex jagħmlu dan, se jkunu essenzjali l-involviment
tal-utent finali u l-industrija tas-sigurtà, u l-koerenza politika. Perjodu ta'
implimentazzjoni: minn nofs l-2012 4.1.2. Il-proċeduri ta' valutazzjoni
tal-konformità/ċertifikazzjoni Bħalissa, għat-teknoloġiji
tas-sigurtà, ma hemm l-ebda sistema ta' ċertifikazzjoni mifruxa fl-UE
kollha. Is-sistemi nazzjonali jvarjaw ħafna bejniethom, u għalhekk
jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-frammentazzjoni tas-suq
tas-sigurtà. Il-Kummissjoni identifikat oqsma li fihom[8], fil-fażi tal-bidu,
jagħmel l-iżjed sens jekk tinħoloq sistema ta'
ċertifikazzjoni fl-UE kollha, li tibda minn: –
it-tagħmir tal-iskrinjar (id-ditezzjoni)
fl-ajruporti; u –
is-sistemi tal-alarms[9] Fir-rigward tat-tagħmir tal-iskrinjar
fl-ajruporti, jeżisti qafas sħiħ ta' leġiżlazzjoni
tal-UE, li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-prestazzjoni ta' tagħmir
bħal dan[10].
Madanakollu, din il-leġiżlazzjoni ma fihiex il-mekkaniżmu
meħtieġ għall-valutazzjoni tal-konformità, li permezz
tiegħu ċ-ċertifikazzjoni tat-tagħmir tal-iskrinjar fi Stat
Membru wieħed tkun rikonoxxuta b'mod reċiproku f'kull Stat Membru
ieħor. In-nuqqas ta' standards armonizzati u ta' valutazzjoni
tal-konformità li torbot legalment tat-tagħmir tal-iskrinjar fl-ajruporti
fuq livell ta' UE, joħloq frammentazzjoni tas-Suq Intern. Fejn jidħlu s-sistemi tal-alarms,
diġà jeżistu xi standards Ewropej tal-prestazzjoni. Barra minn hekk,
jeżisti s-CertAlarm, mekkaniżmu taċ-ċertifikazzjoni mmexxi
mill-industrija. Madanakollu, din is-sistema għandha l-problema li hija mmexxija
mill-privat u li l-awtoritajiet tal-Istati Membri mhumiex obbligati
jaċċettaw iċ-ċertifikati stabbiliti fl-iskema. Fil-ġejjieni, prodotti
ċċertifikati abbażi ta' sistema ta' ċertifikazzjoni fl-UE
jistgħu jirċievu "Tikketta tas-Sigurtà tal-UE", simili
għall-immarkar CE li jintuża fil-qasam tas-sikurezza
tal-prodotti. Kif jissuġġerixxi l-Forum Ewropew
għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fis-Sigurtà, tikketta bħal din
tista' tkun siġill tal-kwalità għal prodotti tas-sigurtà
(immanifaturati u vvalidati fl-UE). B'mod konservattiv huwa stmat li għal
dawn iż-żewġ kategoriji ta' prodotti l-industrija tkun tista'
tiffranka l-ispejjeż tal-eżaminar u ċ-ċertifikazzjoni, sa
EUR 29 miljun fis-sena. L-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta'
ċertifikazzjoni għas-sistemi tal-iskrinjar fl-ajruporti u
għas-sistemi tal-alarms għandu jkollu effett pożittiv ukoll fuq
il-ħolqien ta' identità Ewropea iżjed ċara għal dawn
it-teknoloġiji, possibbilment "marka tal-UE". Din
il-"marka" għandha tikkontribwixxi biex tiżdied
il-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE fir-rigward tal-kompetituri tagħhom
l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Azzjoni 2: Soġġetti għal analiżi dettaljata tal-valutazzjoni
tal-impatt u konsultazzjoni mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni tressaq
żewġ proposti leġiżlattivi: waħda li tistabbilixxi
sistema armonizzata ta' ċertifikazzjoni fl-UE kollha
għat-tagħmir tal-iskrinjar (l-intraċċar) fl-ajruporti; u
oħra li tistabbilixxi sistema armonizzata ta' ċertifikazzjoni fl-UE
kollha għas-sistemi tal-alarms. L-għan huwa li jinkiseb
ir-rikonoxximent reċiproku tas-sistemi ta' ċertifikazzjoni. Perjodu ta'
implimentazzjoni: nofs l-2012 – tmiem l-2014 4.1.3. L-isfruttament ta' sinerġiji
bejn it-teknoloġiji tas-sigurtà u dawk tad-difiża Wieħed jista' jiddistingwi b'mod ċar
bejn suq tas-sigurtà (ċivili) u suq tad-difiża (militari).
Madanakollu, l-eżistenza ta' dawn iż-żewġ swieq separati
tista' minnha nnifisha titqies frammentazzjoni. Sa ċertu punt, din
il-frammentazzjoni hija normali, jekk wieħed iqis li l-bażi
industrijali li tforni lil dawn iż-żewġ swieq mhix kollha
identika u li l-utenti finali huma differenti, l-oqsma ta' applikazzjoni huma
differenti, u daqstant ieħor huma r-rekwiżiti. Madanakollu, din
il-frammentazzjoni tinħass 'il fuq, fil-livell tal-R&D u
l-iżvilupp tal-kapaċità, u tinħass 'l isfel fil-livell
tal-istandardizzazzjoni. Xi drabi, din twassal għal dupplikazzjoni
tal-isforzi tal-R&D u għall-impossibbiltà li jintużaw l-ekonomiji
ta' skala billi l-istandards huma differenti f'dawn iż-żewġ
swieq. Fir-rigward tal-R&D, bħalissa qed
jitfittxu sinerġiji ċivili-militari mal-Aġenzija Ewropea
għad-Difiża (EDA) permezz tal-Koperazzjoni Qafas Ewropea.
Permezz ta' din il-koperazzjoni, qed issir koordinazzjoni kontinwa bejn it-Tema
tas-Sigurtà tas-Seba' Programm Kwadru (FP7) u l-attivitajiet ta' riċerka
dwar id-difiża tal-EDA. L-għan huwa li tinħoloq sinkronija bejn
din ir-riċerka biex jiġu evitati dupplikazzjonijet u li jinkiseb
gwadann minn sinerġiji possibbli. Il-Kummissjoni beħsiebha tissokta u
twessa' din il-koperazzjoni permezz tal-Horizon 2020. Fir-rigward ta' iżjed koperazzjoni
upstream, filwaqt li koperazzjoni bħal din tkun siewja fid-dawl ta' pjanar
iżjed sinkronizzat tal-kapaċità, il-Kummissjoni tqis li fil-qasam
tas-sigurtà ċivili hemm multitudni ta' awtoritajiet pubbliċi
involuti, tant li bħalissa mhux possibbli li jsir pjanar komuni
tal-kapaċità mal-qasam tad-difiża, fejn normalment ikun hemm attur
wieħed biss għal kull Stat Membru, jiġifieri il-ministeri
nazzjonali tad-difiża. Fir-rigward tal-koperazzjoni downstream,
il-Kummissjoni tqis li l-ħolqien ta' "standards ibridi",
jiġifieri standards li japplikaw kemm għat-teknoloġija
tas-siġurtà ċivili u kif ukoll għat-teknoloġija
tad-difiża, għandu jitwettaq f'oqsma fejn it-teknoloġiji huma
l-istess u l-oqsma tal-applikazzjoni huma tassew simili. Il-Kummissjoni qed
tqis numru ta' oqsma promettenti għal "standards ibridi"
bħal dawn, inklużi radju definit b'softwer u ċerti
ħtiġijiet teknoloġiċi għal sistemi tal-vetturi
tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (eż: it-teknoloġiji
tas-sense and avoid u l-ħtiġijiet tal-airworthiness). Biss biss,
għar-radju definit b'softwer huwa stmat li l-istandards ibridi
jistgħu jwasslu għal żieda ġenerali fil-bejgħ ta'
EUR 1 biljun. Azzjoni 3: Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea
għad-Difiża, beħsiebha toħroġ mandati ta'
standardizzazzjoni lill-Organizzazzjonijiet Ewropej
għall-Istandardizzazzjoni għal "standards ibridi". L-ewwel
mandat għandu jinħareġ dalwaqt għar-radju definit
b'softwer. Perjodu ta'
implimentazzjoni: minn nofs l-2012 4.2. Titnaqqas id-diskrepanza bejn
ir-riċerka u s-suq 4.2.1. L-allinjament tal-programmi ta'
finanzjament u l-isfruttar tar-rotot tal-IPR Il-proposta tal-Kummissjoni
għall-Horizon 2020 toħloq rabta mill-qrib ma' għadd ta'
oqsma tal-politika, notevolment mal-affarijiet interni. Għal dan
l-għan, il-Horizon 2020 jipprevedi regoli speċifiċi tal-IPR
għar-riċerka dwar is-sigurtà, li jħallu lill-Kummissjoni u
l-Istati Membri tagħha biex mhux biss ikollhom aċċess
għall-għarfien tal-proġetti tar-riċerka dwar is-sigurtà,
iżda wkoll biex – b'mod ġust u raġonevoli – jużaw dak
l-għarfien f'akkwist pubbliku sussegwenti[11]. Dan għandu jwasslu biex l-awtoritajiet
nazzjonali jisfruttaw b'mod dirett u iżjed malajr ir-riżultati
tar-riċerka dwar is-sigurtà u biex tinħoloq koperazzjoni mill-qrib
mal-utenti finali, ħafna minnhom pubbliċi, u għalhekk
jiżdiedu ħafna l-isforzi biex tingħeleb id-diskrepanza bejn
ir-riċerka u s-suq fil-qasam tas-sigurtà. Barra minn hekk, iż-żewġ
komponenti tal-Fond għas-Sigurtà Interna, propost għall-perjodu
finanzjarju li jmiss, li rispettivament għandhom x'jaqsmu mal-fruntieri
ta' barra u l-visa u l-koperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u
l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-immaniġġjar tal-kriżi,
jipprevedu l-possibbiltà ta' azzjonijiet finanzjati mill-Unjoni biex jiġu
eżaminati u vvalidati r-riżultati li joħorġu
mill-proġetti tal-UE tar-riċerka dwar is-sigurtà[12]. Sabiex din il-possibbiltà tintuża b'mod
effettiv, ir-regoli speċifiċi tal-IPR għar-riċerka dwar
is-sigurtà, li jħallu lill-Kummissjoni tuża dawn l-IPRs għal
raġunijiet ġusti u raġonevoli, huma meħtieġa ħalli
tkun tista' tisfrutta r-riżultati tar-riċerka dwar is-sigurtà
fl-eżaminar u l-validazzjoni sussegwenti. Fejn huma meħtieġa
l-kapaċitajiet tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tikkonsidra li tinforza
mill-ġdid dawn il-miżuri ta' eżaminar u validazzjoni billi
jinxtraw prototipi għall-UE, jekk ikun xieraq. Azzjoni 4: Il-Kummissjoni se tuża bis-sħiħ ir-reġoli
l-ġodda tal-IPR stabbiliti għar-riċerka dwar is-sigurtà
fil-Horizon 2020[13],
b'mod partikolari permezz tal-possibbiltà li jagħtu ż-żewġ
programmi speċifiċi tal-Fond għas-Sigurtà Interna biex jiġu
eżaminati u vvalidati r-riżultati li joħorġu
mill-proġetti tal-UE tar-riċerka dwar is-sigurtà. Perjodu ta'
implimentazzjoni: mill-bidu tal-2014 4.2.2. L-akkwist pubbliku
prekummerċjali Il-PCP[14]
huwa għodda tassew siewja biex tingħeleb id-diskrepanza bejn
ir-riċerka u s-suq. Il-Kummissjoni diġà enfasizzat l-importanza
tagħha fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Unjoni
għall-Innovazzjoni[15],
b'mod partikolari fl-oqsma li fihom hemm suq istituzzjonali jew suq li
fil-biċċa l-kbira huwa mmexxi bil-legiżlazzjoni, jekk
wieħed iqis li akkwist pubbliku ta' prodotti u servizzi innovattivi huwa
vitali biex titjieb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi
fi żmien ta' limitazzjonijiet baġitarji.Eventwalment, il-PCP
għandu jippermetti l-utenti pubbliċi jaqdu rwol iżjed
ċentrali fiċ-ċiklu tal-innovazzjoni billi jixtru
teknoloġiji innovattivi. Ix-xerrejja pubbliċi għandhom
jaġixxu ta' "aġenti għal bidla". Madanakollu, sal-lum, ftit biss mill-Istati
Membri użaw l-iskemi tal-PCP fil-qasam tas-sigurtà. Fuq livell ta' UE,
fit-Tema tas-Sigurtà tal-FP7, fis-sejħa tal-2011 iddaħħlet skema
preoperattiva ta' validazzjoni li taġixxi bħala prekursur għal
skema futura possibbli tal-PCP. Il-Horizon 2020 fih strument
speċifiku tal-PCP li għandu jgħin bil-bosta biex jingħelbu
ostakli prattiċi relatati mal-implimentazzjoni tal-PCP. Abbażi tal-esperjenza tal-US SBIR[16], preżunzjoni bi prova li
r-rata annwali ta' tkabbir tiżdied b'1 % minħabba
l-appoġġ tal-R&D permezz ta' skema tal-PCP, tista' twassal biex
mil-lum sal-2020 l-industrija tas-sigurtà tagħmel EUR 2 biljun
bejgħ iżjed[17]. Azzjoni 5: L-istrument tal-PCP li jissemma fil-Horizon 2020, il-Kummissjoni
beħsiebha tużah kollu u talloka parti sinifikanti mill-baġit
għar-riċerka dwar is-sigurtà għal dan l-istrument. Dan
l-approċċ innovattiv ta' finanzjament għandu jqarreb
ir-riċerka lejn is-suq billi sa mill-bidu nett tal-proġett
tar-riċerka jgħaqqad flimkien l-industrija, l-awtoritajiet
pubbliċi u l-utenti finali. Is-sigurtà konfinali u s-sigurtà
tal-avjazzjoni, il-Kumissjoni tqishom bħala l-aktar oqsma promettenti
għall-impriża tal-PCP. Il-Kummissjoni
se tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex iniedu inizjattivi
simili fuq livell nazzjonali skont il-liġi rilevanti tal-UE dwar l-akkwist
pubbliku. Perjodu ta'
implimentazzjoni: mill-bidu tal-2014 4.2.3. L-aċċess għas-swieq
internazzjoni tal-akkwist pubbliku Tradizzjonalment is-suq tal-UE tal-akkwist
pubbliku huwa wieħed miftuħ ħafna. Madanakollu, sħabna
fil-kummerċ mhumiex dejjem miftuħa daqsna. Madwar id-dinja, kwart
biss tas-suq dinji tal-akkwist pubbliku huwa miftuħ għall-kompetizzjoni
internazzjonali. Il-Kummissjoni proponiet Regolament[18] biex tgħin ħalli
jinfetħu s-swieq dinjin tal-akkwist pubbliku u biex tiżgura li
n-negozji Ewropej ikollhom aċċess ġust għalihom. Dan
ir-Regolament huwa mistenni jipprovdi numru ta' għodod li se jiżguraw
li jintlaħqu dawn l-għanijiet. Azzjoni 6: Il-Kummissjoni se tuża l-istrumenti kollha li għandha biex
lill-industrija tas-sigurtà tagħha tiżguralha aċċess
ġust għas-swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku. Minħabba
li t-teknoloġiji tas-sigurtà għandhom natura sensittiva, se
tingħata attenzjoni kbira lir-regolamenti rilevanti dwar l-esportazzjoni. Perjodu ta'
implimentazzjoni: minn tmiem l-2013 4.2.4. Il-limitazzjoni tar-responsabbiltà
ta' parti terza (TPLL) Sabiex tegħleb id-diskrepanza bejn
ir-riċerka u s-suq, b'mod partikolari sabiex tiżgura li t-theddida
tar-responsabbiltà ma tiskoraġġixxix l-industrija tas-sigurtà milli
toħloq, tħaddem u tikkumerċjalizza teknoloġiji u servizzi
li jistgħu jsalvaw il-ħajjiet, wara
l-11 ta' Settembru 2001 l-Istati Uniti daħħlu l-Att
tal-Istati Uniti dwar is-Sikurezza. L-Att tal-Istati Uniti dwar is-Sikurezza
jipprovdi limitazzjonijiet tar-responsabbiltà legali għall-fornituri ta'
teknoloġiji u servizzi kontra t-terroriżmu. Fi swieq ta' pajjiżi
terzi, din il-leġiżlazzjoni tista' tagħti vantaġġ
kompetittiv lill-kumpaniji tal-Istati Uniti li jmexxu s-suq fuq il-kumpaniji
tal-UE. Huwa evidenti li l-Att tal-Istati Uniti dwar
is-Sikurezza tnissel mill-kuntest legali speċifiku tal-Istati Uniti, li
fih azzjoni kollettiva hija karatteristika rikorrenti. Filwaqt li mhemmx
ħsieb li fl-Ewropa jiġi stabbilit ekwivalenti għall-Att
tal-Istati Uniti dwar is-Sikurezza, madanakollu huwa meħtieġ li
jinftehem u li jiġi studjat kemm il-kwistjonijiet tar-responsabbiltà
jiskoraġġixxu l-industrija milli tqiegħed fis-suq
teknoloġiji u servizzi promettenti. Fost il-partijiet interessati tal-industrija
ma jeżisti ebda kunsens ġenerali fuq din il-kwistjoni u għadha
ma saritx analiżi legali bir-reqqa dwar il-kompatibbiltà ma' regolamenti
nazzjonali jew tal-UE. Azzjoni 7: Il-Kummissjoni nediet sejħa għall-offerti għal studju
kbir li janalizza l-implikazzjonijiet legali u ekonomiċi tal-limitazzjoni
tar-responsabbiltà ta' parti terza. Dan l-istudju se janalizza wkoll
alternattivi possibbli għat-TPLL kif introdotti fl-Att tas-Sigurtà
tal-Istati Uniti, bħal pereżempju fond volontarju
għall-industrija, rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, eċċ. Dan
l-istudju se jqis l-implikazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali. Perjodu ta'
implimentazzjoni: l-2012 – nofs l-2013 4.3. Integrazzjoni aħjar
tad-dimensjoni soċjetali 4.3.1. "Verifika" tal-impatt
soċjetali matul il-fażi tal-R&D Integrazzjoni aħjar tad-dimensjoni
soċjetali fl-attivitajiet tal-industrija tas-sigurtà jgħin biex
tonqos l-inċertezza tal-aċċettazzjoni soċjetali. Din
għandha tippermetti użu effiċjenti tal-investiment fl-R&D,
kif ukoll tħalli n-naħa tad-domanda tixtri prodotti li jissodisfaw
ir-rekwiżiti tagħha kollha tas-sigurtà u li fl-istess waqt
taċċettahom is-soċjetà. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonsidra
li l-impatt tad-drittijiet soċjetali u fundamentali għandu diġà
jitqies permezz ta' involviment soċjetali qabel u matul il-fażi
tal-R&D. Dan jippermetti li jiġu indirizzati kwistjonijiet
soċjetali fil-bidu tal-proċess. Il-Kummissjoni diġà qed tieħu
ħsieb għadd ta' attivitajiet bil-ħsieb li tinkludi d-dimensjoni
soċjetali fit-Tema tas-Sigurtà tal-FP7. Fid-dawl tal-Horizon 2020,
madanakollu issa huwa l-waqt biex jiġu kkonsolidati dawn l-isforzi
ħalli s-soċjetà tiġi involuta fir-riċerka u l-innovazzjoni
u ħalli l-verifika tal-impatt soċjetali ssir iżjed sistematika. Il-Kummissjoni se tinvolvi s-soċjetà, u
l-verifika tal-impatt soċjetali se tagħmilha parti obbligatorja, fejn
xieraq, tal-proġetti futuri tagħha tar-riċerka dwar is-sigurtà[19]. Il-Kummissjoni se "tivverifika"
speċifikament l-impatt soċjetali tat-teknoloġiji l-ġodda
fl-iskemi tagħha tal-PCPs tas-sigurtà msemmija hawn fuq. 4.3.2. Privatezza fid-disinn u privatezza
prestabbilita matul il-fażi tad-disinn Fuq naħa, huwa tassew diffiċli li
l-kunsiderazzjonijiet soċjetali jissarrfu fi ħtiġijiet
teknoloġiċi, li huwa kkumplikat iżjed bil-varjetà wiesgħa
ta' prodotti tas-sigurtà fis-suq. Fuq in-naħa l-oħra,
il-kwistjonijiet soċjetali relatati mas-sigurtà jvarjaw b'mod
konsiderevoli fost l-Istati Membri. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li
l-aħjar mod kif għandha timxi 'l quddiem huwa billi ddaħħal
il-kunċett tal-"privatezza fid-disinn" u l-"privatezza
prestabbilita"[20]
fil-fażi tad-disinn. Għal dan il-għan, l-operatur ekonomiku li
jixtieq ikollu l-proċess tal-produzzjoni tiegħu awditjat bħala
li għandu "privatezza fid-disinn", irid jissodisfa numru ta'
ħtiġijiet definiti bi standard xieraq tal-UE. Dan l-istandard ikun
volontarju. Madanakollu l-Kummissjoni hija konvinta li jkun hemm pressjoni
qawwija bejn il-kumpaniji stess biex isegwu l-istandard li għandu jikseb
valur simili ta' rikonoxximent bħal pereżempju l-istandard ta'
ġestjoni ISO 9000[21]. Azzjoni 8: Il-Kummissjoni se toħroġ mandat lill-Organizzazzjonijiet
Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex joħolqu standard mibni fuq
l-iskemi eżistenti tal-ġestjoni tal-kwalità, iżda applikati
għall-ġestjoni ta' kwistjonijiet tal-privatezza matul il-fażi
tad-disinn. Perjodu ta'
implimentazzjoni: nofs l-2012 – nofs l-2015 5. Monitoraġġ Il-monitoraġġ tal-miżuri
tal-politika mħabbra se jsir minn grupp iddedikat ta' esperti stabbilit
mill-Kummissjoni. Dan il-grupp se jgħaqqad l-atturi rilevanti kollha
fil-qasam tas-sigurtà. Dan il-grupp se jiltaqa' mill-anqas darba
fis-sena biex jissorvelja l-proċess. 6. Konklużjoni Dan huwa l-ewwel Pjan ta' Azzjoni
mill-Kummissjoni li speċifikament huwa mmirat għall-industrija
tas-sigurtà. L-oriġinalità ma tinsabx biss fil-miżuri mħabbra,
iżda anki l-komprensività tal-approċċ, mill-fażi
tal-R&D sal-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, hija novità.
Skont il-valutazzjonijiet futuri, l-oqsma possibbli li jmiss
għall-armonizzazzjoni jistgħu jinkludu s-setturi tat-trasport bl-art
u bil-baħar, kif ukoll li jiġu indirizzati t-TPLL. Għandu jitfakkar li l-Azzjonijiet kollha
elenkati f'dan id-dokument huma relatati mill-qrib mar-rieda tal-Istati Membri
li jikkoperaw mal-istituzzjonijiet Ewropej, il-kopri
għall-istandardizzazzjoni, il-partijiet interessati pubbliċi u
privati, biex tingħeleb il-frammentazzjoni fis-swieq tas-sigurtà tal-UE.
Għaldaqstant il-Kummissjoni tħeġġeġ l-Istati Membri
biex jappoġġaw lill-Kummissjoni fl-inizjattiva tagħha biex
iżżid il-kompetittività tal-kumpaniji tas-sigurtà tal-UE u biex
tnaqqas l-ostakli eżistenti għal dħul fis-suq. Il-Kummissjoni hija konvinta li l-miżuri
tal-politika msemmija f'dan il-Pjan ta' Azzjoni se jagħtu sehem bil-qawwa
biex tittejjeb il-kompetittività tal-Industrija Ewropea tas-Sigurtà.
Il-Kummissjoni għandha l-għan li toħloq bażi ewlenija
għall-industrija tas-sigurtà tal-UE li minnha tkun tista' tikber lejn
swieq ġodda u emerġenti, fejn fil-futur jista' jkun mistenni tkabbir
kbir għas-suq tas-sigurtà. Dan it-tkabbir fl-UE u barra minnha, irid
jaħdem id f'id mar-riinfurzar tal-miżuri mmirati lejn integrazzjoni
aħjar tad-dimensjoni soċjetali fl-attivitajiet tal-industrija
tas-sigurtà. Il-privatezza fid-disinn u r-rispett lejn id-drittijiet
fundamentali jrid ikollhom sehem bħala aspett ewlieni fit-teknoloġiji
kollha tas-sigurtà tal-UE. [1] Kull ċifra u studju li jissemmew f'dan il-Pjan ta'
Azzjoni huma ddettaljati aktar fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li hemm
ma' dan il-Pjan ta' Azzjoni. [2] COM(2010) 614 finali. [3] COM(2009) 691 finali. [4] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal. [5] Din il-lista mhix eżawrjenti, ħarsa
ġenerali iżjed dettaljata dwar id-diversi setturi u
t-teknoloġiji li dawn jinkludu, tista' tinstab fl-SWD. [6] COM(2011) 809 finali. [7] COM(2011) 311 finali. [8] Dettalji dwar ir-raġunament u l-kriterji
għall-għażla tal-oqsma mmirati jistgħu jinstabu fl-SWD. [9] Għandu jiġi nnutat li s-sistemi tal-alarms
jirrappreżentaw segment ta' importanza kbira, b'daqs tas-suq ta'
EUR 4,5 biljun jew 50 % tas-suq fiżiku tas-sigurtà. [10] Ara r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (KE)
Nru 272/2009 u (UE) Nru 185/2010. [11] COM(2011) 810 finali. [12] COM(2011) 750 u 753 finali. [13] Madanakollu l-adozzjoni ta' dawn ir-regoli xorta hija
soġġetta għal approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew u
mill-Parlament Ewropew. [14] Hawnhekk, il-PCP ifisser approċċ
għall-forniment tas-servizzi tal-R&D, li fih l-IPR ma jappartjenix
(esklussivament) għall-awtorità kontraenti. Ara
COM(2007) 799 finali. [15] COM(2010) 546 finali. [16] SBIR tfisser "Innovazzjoni u Riċerka minn
Negozji Żgħar" (Small Business Innovation and Research) u hija
programm tal-Istati Uniti li jappoġġa l-innovazzjoni fl-SMEs li
jużaw skema tal-PCP. [17] Ara l-SWD. [18] COM(2012) 124 finali. [19] Ħlief l-oqsma "li mhumiex adattati",
bħal pereżempju r-riċerka dwar teknoloġija bażika u
l-proġetti dwar tbassir u xenarji. [20] Għal aktar dettalji dwar il-privatezza fid-disinn, ara l-SWD. [21] COM(2012) 11.