52012DC0226


Titolu u referenza

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE

/* COM/2012/0226 final */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE

1. INTRODUZZJONI

Matul dawn l-aħħar snin, il-qagħda tar-Rom[1] kompliet issir iktar iċ-ċentru tal-attenzjoni politika fl-Ewropa. Ir-Rom – l-akbar minoranza fl-Ewropa b'popolazzjoni ta' bejn l-10 u t-12-il miljun ruħ – huma ħafna drabi l-vittmi ta' razziżmu, diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali u jgħixu f'faqar kbir mingħajr aċċess għas-servizzi tas-saħħa u akkomodazzjoni deċenti. Ħafna nisa u tfal Rom huma l-vittmi ta' vjolenza, sfruttament u traffikar tal-bnedmin[2], inkluż fi ħdan il-komunitajiet tagħhom stess. Ħafna tfal Rom jiġru fit-toroq minflok imorru l-iskola. Livelli ta' edukazzjoni li għadhom lura u diskriminazzjoni fis-swieq tax-xogħol wasslu għal qgħad u rati ta’ inattività għoljin jew impjiegi ta' kwalità baxxa, ta' ħiliet baxxi u b’pagi baxxi għar-Rom. Dan jikkawża telf ta' potenzjal li jirrendi l-isforzi biex jiġi żgurat it-tkabbir aktar diffiċli[3]. Integrazzjoni aħjar tar-Rom hija għalhekk ħtieġa kemm morali kif ukoll ekonomika, li barra minn hekk se teħtieġ bidla fil-mentalità tal-maġġoranza tan-nies kif ukoll tal-membri tal-komunitjiet tar-Rom.

L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija u l-kompetenzi li jbiddlu l-qagħda ta' popolazzjonijiet emarġinati, għaldaqstant l-azzjoni għall-appoġġ tar-Rom tinsab l-ewwel u qabel kollox f'idejhom. Biex tappoġġjahom fl-indirizzar ta' din is-sitwazzjoni, l-UE poġġiet għad-dispożizzjoni firxa wiesgħa ta' strumenti legali, ta' politika u finanzjarji. Minkejja li ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, il-bżonnijiet u s-soluzzjonijiet meħtieġa jvarjaw ħafna madwar l-Ewropa, il-valuri komuni ta' libertà ta' moviment u drittijiet fundamentali u għanijiet komuni ta' stabbiltà politika, prosperità ekonomika, koeżjoni soċjali u solidarjetà bejn l-Istati Membri jsejħu għal rwol Ewropew fil-politiki għall-integrazzjoni tar-Rom. Barra minn hekk, sfidi persistenti rigward l-integrazzjoni sħiħa tar-Rom li huma ċittadini tal-UE fis-soċjetajiet tagħhom għandhom impatt dirett fuq ir-relazzjonijiet usa' tal-UE ma' pajjiżi terzi, pereżempju rigward il-ħtiġiet tal-viża applikati minn uħud minn dawn għaċ-ċittadini ta' ċerti Stati Membri[4].

Kien għalhekk li fil-5 ta' April 2011 il-Kummissjoni Ewropea adottat Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020[5], li jsejjaħ lill-Istati Membri biex iħejju jew jirrevedu l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom[6] sabiex jindirizzaw b'mod iktar effettiv l-isfidi tal-integrazzjoni tar-Rom u jagħmlu progress kostanti biex itejbu s-sitwazzjoni b'mod tanġibbli sal-aħħar ta' dan id-deċennju. L-approvazzjoni tal-Qafas mill-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet tal-UE[7] indikat li l-inklużjoni tar-Rom hija prijorità importanti għall-Istati Membri kollha, minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja.

L-għan tal-Qafas tal-UE huwa li jgħin lill-Istati Membri biex jagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja taċ-ċittadini Rom billi jbiddlu l-approċċ għall-inklużjoni tagħhom. Id-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni kif ukoll f'oqsma oħra abbażi ta' oriġini razzjali jew etnika hija diġà pprojbita mil-liġi tal-UE, iżda l-leġiżlazzjoni waħedha mhix biżżejjed: L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżviluppaw u jimplimentaw approċċ integrat u sostenibbli li jgħaqqad l-isforzi madwar oqsma differenti, inklużi l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni.

Għall-ewwel darba l-qafas tal-UE jindirizza l-inklużjoni tar-Rom fil-livell tal-UE u jorbotha b'mod ċar mal-istrateġija Ewropa 2020[8]. l-emarġinazzjoni ekonomika u soċjali persistenti tar-Rom hija relevanti b'mod dirett għall-istrateġija. Tlieta minn ħames miri ewlenin tal-Ewropa 2020 huma marbuta direttament mal-miri tal-Qafas tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Rom: il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, żieda fil-livelli tal-impjieg, u tnaqqis fit-tluq bikri mill-iskola filwaqt li tiżdied l-attendenza fl-edukazzjoni terzjarja. Għal Stati Membri b'popolazzjoni Rom akbar biex isir progress suffiċjenti lejn il-miri tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni tal-Ewropa 2020 se jeħtieġ li s-sitwazzjoni tar-Rom tiġi indirizzata espliċitament u malajr.

Il-fondi tal-UE (b’mod partikolari l-Fondi Strutturali) jistgħu jkunu għodda qawwija biex titjieb is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika ta' gruppi żvantaġġati, bħar-Rom, iżda ftit wisq mill-EUR 26.5 biljun allokati biex jappoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri fil-qasam tal-inklużjoni soċjali għall-perjodu 2007-2013 qed jibbenefikaw minnhom il-komunitajiet żvantaġġati Rom.

Il-Kummissjoni Ewropea mpenjat ruħha biex tevalwa l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom u biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li huwa l-għan ta' din il-Komunikazzjoni. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll il-firxa wiesgħa ta' kontributi li saru mis-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra u l-kontribuzzjonijiet magħmula fil-qafas tal-laqgħa straordinarja tal-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom li saret fi Brussell fit-22 ta’ Marzu 2012.

L-adozzjoni ta’ Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom se tagħti kontribut fit-twettiq ta' differenza reali fil-ħajja tal-popolazzjoni Rom. Fil-fażi li jmiss, l-isforzi għandhom jiffukaw fuq l-implimentazzjoni bbażata fuq pjanijiet ta' azzjoni b'miżuri speċifiċi li jaqblu mal-miri għall-inklużjoni tar-Rom, appoġġati minn skeda ċara u finanzjament xieraq.

2. VALUTAZZJONI TAL-ISTRATEġIJI NAZZJONALI

Sa Marzu 2012 l-Istati Membri kollha kienu ppreżentaw Strateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom jew sett korrispondenti ta’ miżuri politiċi fi ħdan il-politiki usa' tagħhom għall-inklużjoni soċjali. Xi wħud minnhom għażlu li jirrevedu l-istrateġiji eżistenti fid-dawl tal-Qafas tal-UE, filwaqt li oħrajn żviluppaw l-ewwel strateġiji nazzjonali tagħhom. L-istrateġiji nazzjonali jvarjaw skont id-daqs tal-popolazzjoni Rom u l-isfidi li l-Istati Membri jeħtieġ jindirizzaw[9].

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tiffoka fuq l-evalwazzjoni tal-approċċi tal-Istati Membri lejn l-erba' oqsma ewlenin tal-edukazzjoni, l-impjiegi, is-servizzi tas-saħħa u l-akkomodazzjoni, u fuq kif inhuma indirizzati r-rekwiżiti strutturali (il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-monitoraġġ, l-antidiskriminazzjoni, u t-twaqqif ta' punt ta' kuntatt nazzjonali) kif ukoll il-finanzjament. F'kull taqsima, tabella sommarja jindika l-Istati Membri li jipproponu li jdaħħlu miżuri speċifiċi meħtieġ mill-Qafas tal-UE[10]. L-Istati Membri li mhumiex elenkati ma indikawx miżuri bħal dawn u jeħtiġilhom jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet speċifiċi, jekk huma rilevanti għall-popolazzjoni Rom tagħhom.

Abbażi tal-valutazzjoni, sett ta’ rakkomandazzjonijiet ta' politika f’kull taqsima jindika l-prijoritajiet li l-Istati Membri għandhom ikomplu jindirizzaw, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika għandhom jiġu integrati fil-qafas globali fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni.

2.1. L-Erba' Oqsma Ewlenin

1. L-Edukazzjoni

L-għan tal-UE hu li tiżgura li t-tfal Rom kollha mill-inqas ilestu l-iskola primarja u jkollhom aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità [11] .

L-Istati Membri kollha jirrikonoxxu l-importanza tal-edukazzjoni, u ħafna minnhom stabbilixxew miri li ġeneralment imorru lil hinn mill-istandard minimu tat-tlestija ta’ skola primarja stabbilita fil-Qafas tal-UE, li jkopru firxa usa ta’ edukazzjoni mill-kindergarten[12] sal-iskola sekondarja u anke edukazzjoni terzjarja.

Skont il-liġijiet nazzjonali, it-tfal fl-UE li għandhom l-età tal-iskola jridu jattendu l-iskola primarja. Madankollu, mill-inqas 10% tat-tfal Rom li għandhom minn 7 snin sa 15-il sena f''għadd ta' Stati Membri ġew identifikati, fi stħarriġ reċenti mwettqa mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, li ma jmorrux skola[13]. Bħala l-ewwel pass biex jakkwistaw ħiliet bażiċi, l-Istati Membri għandhom ifittxu jżidu r-rati tal-attendenza. B'mod partikolari, sabiex jiżdied l-għadd ta' dawk li jlestu l-edukazzjoni primarja, l-Istati Membri għandhom iżidu l-għadd ta' dawk li jinkitbu fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, it-taħriġ tal-għalliema u medjaturi, u l-inklużjoni ta' studenti Rom fl-edukazzjoni tradizzjonali.

Miżuri bl-għan li jonqos it-tluq mill-iskola fl-edukazzjoni sekondarja huma ppjanati f’diversi Stati Membri, filwaqt li xi Stati Membri jipprevedu li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-istudenti Rom fl-edukazzjoni terzjarja.

Miżuri biex jiżdied il-ksib edukattiv tat-tfal

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE | L-Istati Membri li indirizzawhom[14] |

L-approvazzjoni tal-għan ġenerali | BE, BG, CZ, DK, DE, EE, IE, EL, ES, IT, CY, LV, LT, LU, HU, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI, UK |

Għanijiet konkreti biex jonqos id-distakk fl-edukazzjoni | BE, BG, CZ, EL, ES, IT, CY, LU, HU, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI, UK |

Jitwessa' l-aċċess għal edukazzjoni u kurata' kwalità għat-tfulija bikrija | CZ, EL, ES, IT, CY, LV, HU, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI |

Miżuri biex ikun żgurat li t-tfal Rom ilestu għall-inqas l-edukazzjoni primarja | BE, BG, DE, EE, IE, EL, ES, FR, IT, LV, LU, HU, NL, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK |

Jonqos it-tluq mill-iskola sekondarja | BG, CZ, IE, EL, ES, FR, IT, HU, AT, PL, PT, RO, SK, FI, UK |

Tiżdied l-edukazzjoni terzjarja | CZ, ES, IT, HU, PT, FI |

Miżuri mmirati għall-prevenzjoni tas-segregazzjoni | CZ, EL, ES, HU, PL, RO, SK |

Miżuri ta’ appoġġ | BE, CZ, EE, IE, ES, IT, CY, LV, LT, HU, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK |

Diversi Stati Membri jipprovdu miżuri ta' appoġġ addizzjonali, bħal programmi ta' istruzzjoni u tagħlim fil-lingwa tar-Rom, programmi ta' appoġġ għat-tagħlim, bħal ngħidu aħna appoġġ għat-tagħlim wara l-ħinijiet tal-iskola jew klassijiet riparatorji, edukazzjoni tal-ġenituri, inkluża l-medjazzjoni, u tixrid ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-edukazzjoni.

Eżempji ta' azzjonijiet li jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom fl-edukazzjoni

Filwaqt li tinvolvi assistenti u medjaturi Rom, is-Slovenja tfittex li tinkludi lit-tfal Rom kemm jista' jkun kmieni fil-proċessi edukattivi (preprimarja). Bi kwalità aħjar ta' taħriġ għall-fornituri tal-edukazzjoni u aktar netwerks ta’appoġġ għat-tagħlim, ir-rata tat-tlestija għal tfal Rom fl-edukazzjoni inġenerali ser titjieb b'mod sinifikanti (f' Ljubljana, medja ta' 54.3% fl-edukazzjoni sekondarja kontra 18.7% għar Rom). Barra minn hekk, qed tingħata attenzjoni għall-promozzjoni tal-kultura u l-patrimonju tar-Rom. Spanja qiegħda twaqqaf programmi ġodda ta' medjazzjoni biex jgħinu jonqos it-tluq kmieni mill-iskola u l-assenteiżmu (fl-edukazzjoni primarja, l-għan huwa li dan jitnaqqas minn 22.5% illum għal 15% sal-2015 u sa 10% sal-2020). Il-mudell Kauhajoki fil-Finlandja huwa bbażat fuq tliet għalliema li ġejjin minn sfond Rom. Għalliema tal-kindergarten jipprovdu appoġġ għat-tfal u għall-familji li jipparteċipaw f' edukazzjoni tat-tfulija bikrija; assistenti għall-bżonnijiet speċjali jipprovdu appoġġ għal tfal li jattendu l-iskola komprensiva; u amministraturi tal-każ jjagħtu appoġġ lil adulti żgħażagħ fi studji ulterjuri u t-tfittxija għal impjieg. |

Barra minn hekk, l-appoġġ għall-kultura u l-istorja tar-Rom fil-kurrikulu ġenerali jissemma f'numru kbir ta' dokumenti. B’mod ġenerali, il-maġġoranza tal-istrateġiji jenfasizzaw li fehim aħjar tal-kultura hu meħtieġ għall-ġlieda kontra l-isterjotipi.

Bħala parti minn approċċ integrat, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw, bħala prijorità fil-qasam tal-edukazzjoni li: tiġi eliminata s-segregazzjoni skolastika u l-użu ħażin tal-edukazzjoni għal bżonnijiet speċjali; tiġi infurzata bis-sħiħ l-edukazzjoni obbligatorja u tingħata promozzjoni lit-taħriġ vokazzjonali; tiżdied ir-reġistrazzjoni għal edukazzjoni bikrija u l-kura tat-tfal żgħar; jitjieb it-taħriġ tal-għalliema u l-medjazzjoni fl-iskejjel; tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-ġenituri dwar l-importanza tal-edukazzjoni. |

2. L-impjiegi

L-għan tal-UE huwa li jonqos id-distakk fl-impjiegi bejn ir-Rom u l-bqija tal-popolazzjoni[15] .

L-Istati Membri kollha jirrikonoxxu l-ħtieġa li jnaqqsu d-distakk fl-impjiegi bejn ir-Rom u dawk li mhumiex Rom. Biex jagħmlu dan, hemm bżonn jiġi nkoraġġit approċċ integrat fl-Istati Membri kollha, partikolarment f'dawk b'popolazzjoni Rom iktar kbira jew fejn din id-differenza hija aktar sinifikanti. Barra minn hekk, il-politiki ta’ inklużjoni attiva[16] għandhom jilħqu wkoll lir-Rom. Barra minn hekk, sabiex jinkisbu riżultati tanġibbli, jeħtieġ li l-Istati Membri jiddeskrivu l-għanijiet tagħhom f’termini ta’ miri kwantifikabbli sostnuti b'dejta referenzjarja sabiex il-progress ikun jista' jiġi mmonitorjat.

Notevolment f'dawk l-Istati Membri b’persentaġġ ogħla ta’ Rom, din il-popolazzjoni ġeneralment tinsab f'żoni rurali.. L-istrateġija ta' dawn l-Istati Membri għandha tqis din id-distribuzzjoni ġeografika, tidentifika attivitajiet xierqa li r-Rom jistgħu jipparteċipaw fihom (kemm fis-settur agrikolu kif ukoll dak mhux) u tiżgura opportunitajiet reali ta' impjiegi għar-Rom.

Miżuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE | L-Istati Membri li indirizzawhom |

L-approvazzjoni tal-għan ġenerali | L-Istati Membri kollha |

Għanijiet konkreti għat-tnaqqis tad-distakk fl-impjiegi | BG, CZ, EL, ES, FR, HU, PL, PT, RO, SI, SK, FI |

Miżuri ġenerali fi ħdan il-prinċipju tat-trattament indaqs għat-tnaqqis tad-distakk fl-impjiegi | DK, DE, EE, IE, FR, CY, LV, LU, NL, AT, PL, SE |

Miżuri addizzjonali jew speċifiċi għar-Rom[17] | BG, CZ, IE, ES, HU, AT, PT, RO, SI, SK, FI, SE |

Aċċess għall-mikrokreditu Ħaddiema taċ-ċivil fis-settur pubbliku Servizzi personalizzati: | IE, EL, ES, FR, IT, HU, PT, RO, SK, FI IE IE, IT, HU, PT, RO, FI, SE |

Approċċ integrat | BG, CZ, ES, HU, SI, SK, FI, UK |

Il-miżuri ssuġġeriti fil-Qafas tal-UE, bħal li jiġi pprovdut aċċess għall-mikrokreditu, li jiġu impjegati ħaddiema taċ-ċivil ikkwalifikati fis-settur pubbliku u jingħataw servizzi personalizzati u medjazzjoni ġew indirizzati biss minn uħud mill-Istati Membri. Diversi miżuri speċifiċi jipprevedu miżuri speċifiċi oħra biex jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju tar-Rom għas-suq tax-xogħol, inkluż pereżempju taħriġ vokazzjonali u fuq il-post tax-xogħol, jew jiġi ffaċilitat l-aċċess gћall-kura tat-tfal. Bosta Stati Membru qed jippjanaw miżuri apparti dawk proposti fil-Qafas tal-UE.

Eżempji ta' azzjonijiet li jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom fid-dinja tax-xogħol

Spanja għandha l-għan li żżid ir-rata tal-impjiegi fost il-popolazzjoni Rom minn 44% (fl-2011) għal 50% fl-2015 u 60% fl-2020, bl-għan speċifiku għall-impjieg tan-nisa Rom. Il-programmi ser jipprovdu l-ħiliet neċessarji u fl-istess ħin jiffaċilitaw aċċess għal programmi ta' taħriġ ordinarju biex wieħed jikseb impjieg. L-Awstrija tippromwovi l-aċċess taż-żgħażagħ Rom minn komunitajiet Awstrijaka u immigranti fis-suq tax-xogħol permezz tal-proġett Thara li jinkludi xogħol fil-komunità, kowċing u taħriġ. Il-proġett Thara preċedenti (2011-2012) kien iffukat fuq l-aċċess tar-Rom ċittadini u immigranti għall-impjiegi, li kien jilħaq 107 Rom u 56 parteċipant mill-amministrazzjoni pubblika u s-soċjetà ċivili. Bi tkomplija fuq ir-riżultati miksuba l-proġett attwali jimmira b'mod aktar speċifiku lejn l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol inkluż l-appoġġ gћal impjieg indipendenti. Il-Bulgarija għandha l-għan li sal-2015 iżżid il-livell tar-Rom fix-xogħol, l-aktr permezz ta' appoġġ mill-FSE, billi torganizza korsijiet ta' taħriġ għal aktar minn 28 000 persuna Rom qiegħda u impjegata sabiex ittejjeb il-kapaċità tagħhom ta' impjegabilità kif ukoll il-kwalifiki u billi tħarreġ 1 500 persuna fil-maniġment u l-intraprenditorija. |

Żieda fil-parteċipazzjoni tar-Rom fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri li għandhom popolazzjonijiet kbar Rom se tissarraf f’benefiċċji ekonomiċi ċari, b' mod partikolari fi żminijiet ta' tbatija ekonomika.

Bħala parti minn approċċ integrat, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw, bħala prijorità, fil-qasam tax-xogħol: jipprovdu assistenza mfassla apposta fit-tfittxija għax-xogħol u fis-servizzi tax-xogħol; jagħtu sostenn lil skemi ta' xogħolijiet pubbliċi tranżnazzjonali ikkombinati mal-edukazzjoni kif ukoll lil-intrapriżi soċjali li jimpjegaw lir-Rom jew jipprovdulhom servizzi speċifiċi; jagħtu appoġġ lill-ewwel esperjenza tax-xogħol u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol; jeliminaw l-ostakli, inkluża d-diskriminazzjoni, għad-dħul (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol, speċjalment għan-nisa; jipprovdu appoġġ iktar b'saħħtu għal impjieg indipendenti u għall-intraprenditorija. |

3. Is-servizzi tas-saħħa

L-għan tal-UE huwa li jitnaqqas id-distakk fl-istatus tas-saħħa bejn ir-Rom u l-bqija tal-popolazzjoni.

Għalkemm l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa huwa universali fl-Istati Membri kollha, fir-realtà r-Rom mhux kollha għandhom aċċess għal dawn is-servizzi daqs il-bqija tal-popolazzjoni. Il-maġġoranza tal-Istati Membri qed jimmiraw biex itejbu l-aċċess għall-kura tas-saħħa għar-Rom permezz ta’ attivitajiet ta' komunikazzjoni u metodi oħra. Xi Stati Membri inkludew miżuri biex inaqqsu l-inugwaljanzi ta' saħħa bejn il-popolazzjoni rom u dik mhux Rom li jinvolvu firxa ta' azzjonijiet preventivi li jmorru lil hinn minn dawk enfasizzati fil-Qafas tal-UE. Madankollu, ftit Stati Membri biss iddentinixxew approċċ komprensiv biex itejbu s-saħħa tar-Rom.

Bosta Stati Membri diġà daħħlu fis-seħħ jew qed jikkunsidraw programmi li jinvolvu Rom ikkwalifikati bħala medjaturi sabiex jitjieb l-aċċess għall-kura tas-saħħa. Dawn huma inizjattivi milqugħa ħafna. Madankollu, dawn il-miżuri jeħtieġ li jiġu ssupplimentati minn azzjonijiet oħra biex ikollhom impatt sinifikanti fuq differenzi ta' saħħa bejn ir-Rom u l-bqija tal-popolazzjoni.

Il-ħtieġa għal approċċ sistematiku u integrat għas-saħħa ġiet identifikata bħala sfida ewlenija. Din teħtieġ koordinazzjoni bejn is-settur tas-saħħa u setturi oħra – partikolarment l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-impjiegi u l-antidiskriminazzjoni.

Miżuri biex jitjiebu s-servizzi tas-saħħa

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE | L-Istati Membri li indirizzawhom |

L-approvazzjoni tal-għan ġenerali | BG, CZ, IE,, EL, ES, FR, IT, HU, RO, SI, SK, SE |

Għanijiet konkreti għat-tnaqqis tad-distakk fis-saħħa | BG, CZ, IE, EL, ES, FR, IT, HU, RO, SI, SK |

Miżuri ġenerali li jiddependu minn strutturi eżistenti biex jonqos id-distakk fis-saħħa | DK, DE, EE, FR, CY, LV, LU, NL, AT, PL, PT, SE |

Aċċess għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità speċjalment għat-tfal u għan-nisa | EE, EL, ES, FR, IT, HU, PL, SK, SE |

Miżuri addizzjonali[18] | BE, BG, CZ, EE, ES, HU, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK |

Diversi Stati Membri jenfasizzaw il-ħtieġa li jkun hemm attenzjoni speċjali fuq is-saħħa tat-tfal u tan-nisa[19]. Xi Stati Membri jsemmu l-importanza tat-taħriġ għall-professjonisti tas-saħħa biex jaħdmu man-nies minn sfondi soċjokulturali differenti.

Eżempji ta' azzjonijiet li jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom fis-servizzi tas-saħħa

L-Ungerija timmira li tħarreġ 2 000 mara Rom bl-għajnuna tal-Fond Soċjali Ewropew u tiffaċilita l-kisba ta' esperjenza prattika rigward is-servizzi soċjali u tal-benessri tat-tfal u tal-ħarsien tat-tfal, kif ukoll ħaddiema soċjali għall-appoġġ tal-familja, żviluppaturi tal-komunità, faċilitaturi tal-impjiegi u medjaturi fis-servizzi tas-saħħa. L-Irlanda għamlet disponibbli firxa wiesgħa ta' servizzi tas-saħħa mmirati għall-Vjaġġaturi, bħal Unitajiet tas-Saħħa għall-Vjaġġaturi u Proġetti rigward Servizzi tas-Saħħa Primarja (inklużi medjaturi tas-saħħa u infermiera mill-qasam tas-saħħa pubblika għall-Vjaġġaturi). Mill-1994'l hawn, xi Vjaġġaturi nisa ġew imħarrġa bħala medjaturi tas-saħħa fil-komunità biex jiżviluppaw kura tas-saħħa primarja bbażata fuq il-valuri tal-komunitajiet tal-Vjaġġaturi. Fir-Rumanija, sabiex jiżdied l-aċċess tal-poplu Rom għas-servizzi tas-saħħa pubbliċi, sal-2011 il-gvern kien impjega madwar 450 medjatur tas-saħħa. Ir-rwol tagħhom huwa li jiffaċilitaw id-djalogu bejn ir-Rom u l-istituzzjonijiet mediċi u l-persunal mediku. Dawn jappoġġjaw attivament nies Rom fil-proċess ta' ksib tad-dokumenti ta' identifikazzjoni, l-assigurazzjonijiet tas-saħħa, ir-reġistrazzjoni fuq il-listi tat-tobba tal-familja u jagħmlu lill-ommijiet konxji tad-diversi kwistjonijiet ta' saħħa. Billi dan kien jirrappreżenta prattika pożittiva, għan wieħed għall-inklużjoni tar-Rom huwa li sal-2020 l-għadd ta' medjaturi tas-saħħa jiżdied b’25%. |

Madankollu, jeħtieġ li dawn l-impenji jiġu msaħħaħ b'limiti ta' żmien ċari għall-implimentazzjoni tagħhom u billi jistabbilixxu miri miżurabbli hekk li l-progress ikun jista' jiġi segwit. Barra minn hekk, ħafna Stati Membri jeħtieġ jallokaw mezzi finanzjarji aktar ċari biex inaqqsu inugwaljanzi tas-saħħa.

Bħala parti minn approċċ integrat, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw, bħala prijorità fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa: l-estensjoni ta' kopertura u servizzi tas-sigurtà soċjali bażiċi u tas-saħħa (ukoll permezz tal-indirizzar tar-reġistrazzjoni mal-awtoritajiet lokali); it-titjib tal-aċċess tar-Rom, flimkien gruppi vulnerabbli oħra, għal servizzi bażiċi, ta' emerġenza u speċjalizzati; it-tnedija ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar spezzjonijiet mediċi regolari, kura kemm ta' qabel kif ukoll ta' wara t-twelid, l-ippjanar tal-familja u t-tilqim tal-immunità; l-iżgurar li l-miżuri tas-saħħa preventiva jilħqu lir-Rom, u b’mod partikolari n-nisa u t-tfal; it-titjib l-kundizzjonijiet ta' għajxien b' iffukar fuq l-insedjamenti segregati. |

4. L-akkomodazzjoni u s-servizzi essenzjali

L-għan tal-UE huwa li tagħlaq id-distakk bejn il-proporzjon tar-Rom li għandhom aċċess għall-akkomodazzjoni u għall-utilitajiet pubbliċi u dak tal-bqija tal-popolazzjoni.

Għalkemm l-Istati Membri kollha jaqblu mal-ħtieġa li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni ta' ħafna Rom, ftit qed jipproponu miżuri konkreti bħala parti minn approċċ integrat biex jittrattaw is-sitwazzjoni. Miżuri indipendenti li mhumiex parti minn approċċ komprensiv ta' akkomodazzjoni inklużi miżuri oħra ta' akkumpanjament fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi u kura tas-saħħa jistgħu ma jiksbux riżultati dejjiema. L-Istati Membri għalhekk huma mħeġġa jikkunsidraw iwessgħu l-ambitu tal-interventi għall-akkomodazzjoni, l-ippjanar urban u l-iżvilupp rurali u jagħmluhom parti minn tali pjani komprensivi. Xi Stati Membri, speċjalment dawk b'popolazzjoni relattivament żgħira ta' Rom, qed jindirizzaw l-isfidi tal-akkomodazzjoni tar-Rom fi ħdan l-istrutturi eżistenti. Diversi Stati Membri qed jindirizzaw l-aċċess għall-akkomodazzjoni, inkluża l-akkomodazzjoni soċjali.

Miżuri biex titjieb is-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE | L-Istati Membri li indirizzawhom |

L-approvazzjoni tal-għan ġenerali | (L-Istati Membri kollha (minbarra LT) |

Għanijiet konkreti biex inaqqsu d-distakk fl-aċċess għall-akkomodazzjoni u l-utilitajiet pubbliċi | (L-Istati Membri kollha (minbarra LT) |

Miżuri ġenerali li jserrħu fuq l-istrutturi eżistenti | DK, DE, EE, LV, LU, NL, AT, SE |

Aċċess għal-akkomodazzjoni, inkluża l-akkomodazzjoni soċjali | BG, CZ, DK,DE, IE, ES, IT, CY, HU, AT, PT, SI, SK, SE, |

Jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni mhux sedentarja | BE, IE, FR, AT,UK |

Approċċ integrat | CZ, ES, FR, HU, PT, RO, FI, |

Ftit Stati Membri biss qed jippjanaw miżuri speċifiċi li jippromwovu l-aċċess mhux diskriminatorju għall-akkomodazzjoni. Il-maġġoranza tal-Istati Membri bi Vjaġġaturi jinkludu miżuri speċifiċi għal popolazzjonijiet mhux sedentarji. L-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll tal-komunitajiet lokali Rom u dawk mhux Rom huwa essenzjali għall-Istati Membri sabiex isibu soluzzjonijiet sostenibbli.

Eżempji ta' azzjonijiet li jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom fl-akkomodazzjoni

Fir-Renju Unit, l-awtoritajiet reġjonali ta' Wales stabbilew miżuri speċifiċi biex itejbu l-akkomodazzjoni u l-aċċess tar-Rom u tal-Vjaġġaturi għas-servizzi. Il-finanzjament disponibbli lill-awtoritajiet lokali mill-gvern ta’ Wales li jippermetti għat-tiġdid u l-ħolqien ta' siti ġodda żdied minn 75% għal 100%. Fl-Ungerija, għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali ta' dawk li jgħixu f’ambjenti segregati, se jiġu implimentati programmi integrati mmirati biex jittejbu l-kundizzjonijiet soċjali, komunitarji, edukattivi, tas-servizzi tas-saħħa, tal-impjiegi u tal-akkomodazzjoni bl-użu ta' riżorsi kemm tal-FSE kif ukoll tal-FEŻR. Minbarra t-twaqqif ta’ ċentri tal-komunità biex jipprovdu servizzi iġjeniċi u servizzi oħra għall-abitanti, se jkunu mmirati wkoll il-ħtiġiet tagħhom ta' akkomodazzjoni, inkluża l-akkomodazzjoni soċjali. Fi Franza, bosta awtoritajiet lokali żviluppaw "insertion villages" "villaġġi ta' inseriment" sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ persuni żvantaġġjati, inklużi r-Rom, li jgħixu f'insedjamenti illegali. Proġetti bħal dawn se jiġu replikati minn awtoritajiet lokali oħra bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. |

B'kunsiderazzjoni għall-importanza tal-livell lokali għall-kwistjonijiet tal-akkomodazzjoni, l-Istati Membri huma mistiedna biex jippromwovu l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità u investimenti territorjali integrati appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni[20].

Bħala parti minn approċċ integrat, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw, bħala prijorità fil-qasam tal-akkomodazzjoni li: jippromwovu d-desegregazzjoni; jiffaċilitaw approċċi ta' akkomodazzjoni integrati lokali b'attenzjoni speċjali għall-utilità pubblika u għall-infrastrutturi tas-servizzi soċjali; fejn applikabbli, itejbu d-disponibbiltà, l-affordabbiltà u l-kwalità tal-akkomodazzjoni soċjali u siti ta' waqfien b'aċċess għal servizzi affordabbli bħala parti minn approċċ integrat. |

- 2.2. Valutazzjoni tar-Rekwiżiti Strutturali

L-Qafas tal-UE jsejjaħ lill-Istati Membri sabiex isegwu approċċ immirat konformi mal-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-inklużjoni tar-Rom, u jiżguraw li l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom tagħhom ikunu konsistenti mal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma Nazzjonali fil-qafas Ewropa 2020.

5. Il-mobilizzazzjoni tal-livell reġjonali/lokali u tas-soċjetà ċivili

Il-Qafas tal-UE enfasizza l-ħtieġa għal djalogu kontinwu mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll mas-soċjetà ċivili tar-Rom fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji nazzjonali.

Filwaqt li bosta Stati Membri jenfasizzaw proġetti lokali jew inizjattivi meħuda mill-awtoritajiet lokali jew reġjonali sabiex jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom, huma biss ftit li espliċitament jipprevedu l-mobilizzazzjoni ta' dawn l-awtoritajiet fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji. Barra minn hekk, ftit hemm indikazzjoni tal-involviment jew konsultazzjoni ma' dawn l-atturi pubbliċi lokali fit-tfassil tal-istrateġiji. Fi ftit każijiet, l-Istati Membri ma jidentifikawx miżuri ċari fil-livell nazzjonali, iżda programmi konkreti huma implimentati fil-livelli reġjonali u lokali.

Fir-rigward tas-soċjetà ċivili, diversi Stati Membri għamlu konsultazzjonijiet wiesgħa ma’ rappreżentanti tar-Rom u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tad-dokumenti ta' politika tagħhom, għalkemm il-kontributi li rċevew ma kinux dejjem aċċettati.

Il-mobilizzazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE | L-Istati Membri li indirizzawhom |

Il-konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali jew ir-Rom/ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili meta tfasslet l-istrateġija | BE, BG, DK, DE, EE, IE, ES, FR, IT, LV, HU, NL, AT,, PL, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK |

L-involviment ippjanat tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni | BE, BG, CZ, DE, IE, EL, ES, FR, CY, LV, LT, AT, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK |

L-involviment ippjanat tar-Rom/tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni | BE, BG, DE, IE, EL, ES, FR, LV, HU, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK |

Madankollu, ħafna Stati Membri naqsu li jispjegaw kif jaraw il-koperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali fuq naħa waħda, u mas-soċjetà ċivili kif ukoll mal-komunitajiet Rom fuq l-oħra, fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tagħhom. L-Istati Membri jeħtieġ jagħmlu aktar sforzi biex verament jinvolvu kemm l-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll is-soċjetà ċivili fl-istadji kollha tal-istrateġiji nazzjonali.

Bħala parti minn approċċ integrat, l-Istati Membri għandhom, bħala prijorità: jinvolvu mill-qrib, skont il-kompetenzi speċifiċi tagħhom, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, fir-reviżjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji; jinvolvu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi r-Rom, fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji; jiżguraw li jkun hemm koordinazzjoni bejn il-livelli differenti ta' governanza involuti fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji; jintegraw bħala element ewlieni l-inklużjoni tar-Rom fl-aġenda reġjonali u lokali; jużaw il-Fond Soċjali Ewropew biex isaħħu l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tar-Rom. |

6. Monitoraġġ u l-evalwazzjoni effettivi tal-implimentazzjoni tal-politika

Il-Qafas tal-UE jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu fl-istrateġiji tagħhom metodi sodi ta' monitoraġġ biex jivvalutaw l-impatt tal-azzjonijiet rigward l-inklużjoni tar-Rom u mekkaniżmu ta' reviżjoni biex jiġu adattati l-istrateġiji.

Diversi Stati Membri jirrikonoxxu l-ħtieġa għal sistema soda ta’ monitoraġġ u xi wħud minnhom qed iħabirku biex idaħħlu fis-seħħ tali sistema jew mill-inqas qed jippjanaw biex jiżviluppaw waħda. Xi Stati Membri rnexxielhom jittestjaw approċċ territorjali għall-monitoraġġ tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni, partikolarment f' dawk l-oqsma fejn id-deprivazzjoni hija aktar ħarxa. Madankollu, jinħtieġu sforzi sostanzjali biex jintlaħqu l-aspettativi stipulati mill-Qafas tal-UE u biex ikun żgurat rappurtaġġ xieraq dwar l-inklużjoni soċjoekonomika tar-Rom fil-qafas tal-proċess Ewropa 2020, fejn xieraq.

Monitoraġġ u implimentazzjoni

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE | L-Istati Membri li indirizzawhom |

Monitoraġġ qawwi sabiex jiġi evalwat l-impatt | IE, LV, PT, SK |

Mekkaniżmu ta' reviżjoni għall-adattament tal-istrateġija | BG, IE, EL, ES, LV, SK, FI, SE |

Bħala parti minn approċċ integrat l-Istati Membri għandhom: jiżviluppaw jew jagħmlu użu minn sistemi robusti eżistenti ta' monitoraġġ billi jiffissaw linja ta' referenza, indikaturi xierqa u u miri miżurabbli f’kollaborazzjoni, fejn possibbli, mal-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika; jiżguraw li kull programm jipprevedi l-evalwazzjoni tar-relevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-impatt tiegħu. |

7. L-antidiskriminazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali

Il-Qafas tal-UE jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra r-Rom imma li dawn jiġu ttrattati daqs kwalunkwe persuna oħra b'aċċess indaqs għad-drittijiet fundamentali kollha stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

L-Istati Membri kollha ffukaw fuq il-promozzjoni tal-anti-diskriminazzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-istrateġiji tagħhom. F’diversi strateġiji, taqsima speċifika jew kapitlu huwa ddedikat biex titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet fundamentali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem (inkluża l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin).

Miżuri għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u non-diskriminazzjoni

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE | L-Istati Membri li indirizzawhom |

Sforzi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u nondiskriminazzjoni | BE, BG, CZ, DK, DE, EE, IE, EL, ES, FR, IT, CY, LV, LT, LU, HU, NL, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI, SE, UK |

Li jiġi ndirizzat in-nuqqas tar-reġistrazzjoni tar-Rom fir-reġistri nazzjonali tal-popolazzjoni u n-nuqqas ta' karti tal-identità, fejn applikabbli, huma prerekwiżiti assoluti sabiex jiġi żgurat aċċess indaqs għas-servizzi pubbliċi. Dan għandu jiġi indirizzat b'mod urġenti u kif xieraq minn dawk l-Istati Membri fejn dan huwa sfida.

L-intensifikar tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u r-razziżmu, inklużi dawk il-forom li jaffettwaw il-poplu Rom, irid ikun parti minn strateġija qawwija f’kull Stat Membru. Dan għandu jkun ibbażat fuq osservanza sħiħa tal-liġijiet tal-UE[21] u dawk nazzjonali minn kulħadd u fuq is-sensibilizzazzjoni dwar l-interess tas-soċjetà rigward l-integrazzjoni tar-Rom. Opportunitajiet għal inkontri interkulturali jistgħu jappoġġjaw din is-sensibilizzazzjoni u jiffaċilitaw biex titwarrab l-istigmatizzazzjoni.

It-tfal Rom huma grupp partikolarment vulnerabbli rigward l-aċċess għad-drittijiet fundamentali, li huwa rarament indirizzat barra fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa. Diversi strateġiji jiddedikaw attenzjoni speċifika għas-sitwazzjoni tan-nisa Rom, għalkemm jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

Għadd sinifikanti ta' Rom li jgħixu fl-Istati Membri huma ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legali, li jiffaċċjaw l-istess sfidi bħall-emigranti li ġejjin minn barra l-UE. Dawn m’għandhomx jiġu diskriminati, iżda għandhom igawdu l-istess drittijiet bħal dawk mogħtija lil migranti li mhumiex fl-UE.

Bħala parti minn approċċ integrat, l-Istati Membri għandhom, bħala prijorità: jiżguraw li r-Rom kollha jkunu rreġistrati mal-awtoritajiet xierqa; isaħħu l-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni inkluża d-diskriminazzjoni multipla; jibnu l-għarfien pubbliku rigward il-benefiċċji komuni li jirriżultaw mill-inklużjoni tar-Rom; jiġġieldu xogħol tat-tfal u jindirizzaw b'mod iktar effettiv it-traffikar tal-bnedmin, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali. |

8. Punti ta' kuntatt nazzjonali

Il-Qafas tal-UE talab lill-Istati Membri biex jaħtru punt ta' kuntatt nazzjonali għal Strateġija Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Rom mal-awtorità nazzjonali biex jikkoordinaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Kollha segwew din it-talba u issa għandhom punti ta' kuntatt nazzjonali, ħafna minnhom fuq livell għoli[22]. L-identifikazzjoni ċara tal-awtoritajiet ta' koordinazzjoni fis-27 Stat Membru kollha hija titjib meta mqabbel mal-passat u indikatur qawwi tar-rieda politika biex jindirizzaw l-isfidi tal-integrazzjoni tar-Rom[23]. Fl-istess ħin, għandha tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn punti nazzjonali ta' kuntatt u l-awtoritajiet inkarigati mill-finanzjament u responsabbli għall-implimentazzjoni.

Punti ta' kuntatt nazzjonali

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE | L-Istati Membri li indirizzawhom |

Ħatra ta' punt ta' kuntatt nazzjonali | L-Istati Membri kollha |

Il-miżuri kollha għandhom jidħlu fis-seħħ sabiex il-punt nazzjonali tal-kuntatt ikun jista' jikkoordina politiki għall-inklużjoni tar-Rom b'mod effettiv.

2.3. Valutazzjoni tal-finanzjament tal-miżuri

Il-Qafas tal-UE talab lill-Istati Membri biex jallokaw biżżejjed fondi minn baġits nazzjonali, li jiġu kkumplimentati, fejn xieraq, b'finanzjament tal-UE u internazzjonali, għal miżuri rigward l-inklużjoni tar-Rom. Il-valutazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali turi li ħafna Stati Membri naqsu milli jallokaw biżżejjed riżorsi baġitarji għall-inklużjoni tar-Roma. Ftit Stati Membri biss identifikaw ir-riżorsi baġitarji u l-ammonti konkreti għal miżuri politiċi dwar l-inklużjoni tar-Rom.

Biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ politiki għall-inklużjoni tar-Rom, bosta Stati Membri qed jippjanaw li jiddependu l-aktar fuq fondi tal-UE, speċjalment fuq il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Għalkemm jeżistu possibbiltajiet ta' appoġġ għal gruppi vulnerabbli, bħar-Rom, fl-ambitu tal-politika għall-iżvilupp rurali, il-maġġoranza tal-istrateġiji ma jagħmlu l-ebda referenza għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). L-allokazzjonijiet baġitarji għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom għandhom isegwu approċċ territorjali li jindirizza l-bżonnijiet speċifiċi taż-żoni ġeografiċi l-aktar milquta mill-faqar jew gruppi mmirati fl-ogħla riskju ta' diskriminazzjoni u esklużjoni, b'attenzjoni speċjali għal komunitajiet emarġinati bħal dawk tar-Rom[24].

Għall-allokazzjoni tal-fondi

Miżuri meħtieġa mill-Qafas tal-UE | L-Istati Membri li indirizzawhom |

L-ebda indikazzjoni ta' finanzjament | IE, FR, CY, LU, NL, AT, FI, UK |

L-ebda allokazzjonijiet tal-baġit | BE, DK, DE, EE, ES |

Indikazzjoni tal-allokazzjoni tal-fondi mill-baġits nazzjonali | BG, EL, LV, LT, HU, PL, RO, SI, SK, SE |

Indikazzjoni ta' allokazzjoni ta' finanzjament internazzjonali/tal-UE | CZ, EL, LV, LT, HU, PL, PT, RO, SI, SK |

L-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar użu u użu aħjar tal-fondi tal-UE għall-inklużjoni tar-Rom bħala parti mill-isforzi tagħhom li jtejbu r-rata tagħhom tal-assorbiment.

Sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni sostenibbli tal-istrateġiji tagħhom rigward l-inklużjoni tar-Rom, l-Istati Membri għandhom juru impenn ċar biex jiżguraw il-finanzjament tal-istrateġiji sal-2020, u b'hekk jirriflettu r-rieda politika tagħhom biex jindirizzaw l-inklużjoni tar-Rom. |

3. L-ISFIDI TAL-PAJJIżI TA' TKABBIR

Il-Qafas tal-UE jenfasizza li l-objettivi tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom huma ugwalment relevanti għall-pajjiżi ta' tkabbir. L-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom ta' dawn il-pajjiżi jeħtieġ jiġu riveduti skont dawn l-objettivi u jirriflettu l-approċċ komprensiv meħtieġ mill-Qafas tal-UE. Dan huwa enfasizzat b'mod ċar fl-Istrateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012[25] tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni qiegħda ssegwi l-iżviluppi mill-qrib fir-rapporti ta' progress annwali tagħha. Barra li jiffokaw fuq l-erba' oqsma ewlenin tal-Qafas tal-UE, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija jridu jkunu partikolarment attenti biex jiffaċilitaw l-aċċess għal dokumenti personali u r-reġistrazzjoni mal-awtoritajiet lokali[26]. L-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tat-tkabbir jeħtieġ li jibqgħu impenjati biex jieħdu passi konkreti fl-oqsma relatati kollha[27].

Għadd ta' miżuri huma diġà ffinanzjati fil-pajjiżi kandidati taħt il-komponent tal-iżvilupp tar-riżorsi umani tal-Istrument għall-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni (IPA). Pajjiżi benefiċjarji għandhom sezzjoni ddedikata għal gruppi vulnerabbli u r-Rom fil-Programm Operazzjonali tagħhom, li jippromwovi l-inklużjoni soċjali, inkluż it-taħriġ, gwida għall-karriera, u attivitajiet għat-titjib tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.

Sabiex tkompli tgħin lil dawn il-pajjiżi ta' tkabbir fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom, il-Kummissjoni ħadet passi biex ittejjeb l-użu tal-IPA sabiex dawn jindirizzaw l-inklużjoni tar-Roma fil-livell nazzjonali u reġjonali b’mod aktar strateġiku u orjentat lejn ir-riżultati[28].

L-integrazzjoni aħjar tar-Rom hija kwistjoni ta' ġustizzja soċjali u biex ikunu żgurati soċjetajiet iktar inklużivi fil-pajjiżi tat-tkabbir. Din tifforma parti mill-valuri komuni tal-UE li l-pajjiżi ta' tkabbir jiġu mħeġġa li jħaddnuhom bħala parti mill-perkors lejn l-adeżjoni. Madankollu, is-sitwazzjoni attwali tar-Rom li jgħixu f' kundizzjonijiet foqra fil-pajjiżi tat-tkabbir kellha konsegwenzi f'dik li hija żjieda fin-numru ta’ Rom li jemigraw temporanjament lejn l-Istati Membri tal-UE taħt ir-reġim ħieles mill-viża u anke li japplikaw għall-asil[29]. Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża, li huwa wieħed mill-akbar kisbiet lejn l-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent fl-UE. Il-pajjiżi tat-tkabbir jeħtieġ iżidu l-isforzi biex ikomplu jintegraw iċ-ċittadini Rom tagħhom. Dan għandu jinkludi wkoll soluzzjonijiet sostenibbli għal refuġjati u persuni spostati internament, li ħafna minnhom huma Rom[30].

4. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni rigward l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom turi li l-Istati Membri qed jagħmlu sforzi biex jiżviluppaw approċċ komprensiv lejn l-integrazzjoni tar-Rom. Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir fil-livell nazzjonali. L-inklużjoni soċjoekonomika tar-Rom tibqa' l-ewwel u qabel kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u se jkunu jeħtieġu sforzi ikbar biex jassumu r-responsabiltajiet tagħhom, billi jadottaw miżuri aktar konkreti, miri espliċiti għal riżultati miżurabbli, fondi mmirati b'mod ċar fuq il-livell nazzjonali kif ukoll sistema nazzjonali soda ta' monitoraġġ u evalwazzjoni.

Biex jilqgħu l-isfidi identifikati u biex titwettaq l-integrazzjoni effettiva tal-minoranzi Rom, l-Istati Membri, l-aktar dawk b'popolazzjoni Rom imdaqqsa, jeħtieġ partikolarment li:

- Ikomplu d-djalogu bilaterali regolari mal-Kummissjoni u l-partijiet interessati relevanti sabiex

- jiżguraw li l-Istrateġiji Nazzjonali u l-pjanijiet ta' azzjoni jkunu koerenti mal-liġijiet u l-politiki tal-UE u mas-sitwazzjoni speċifika nazzjonali, inklużi l-politiki tradizzjonali u r-riformi fis-settur pubbliku, u jqisu l-impatti tal-kriżi ekonomika;

- jiżguraw l-użu effettiv tal-fondi kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej;

- jippromwovu u jissorveljaw l-implimentazzjoni konkreta l-istrateġiji.

- Jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali u lokali

Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tkun koerenti ma' pjanijiet reġjonali u lokali. L-awtoritajiet reġjonali u lokali huma indispensabbli għall-bidla u għandhom ikunu kompletament involuti meta l-istrateġiji jiġu riveduti u implimentati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippromwovi aktar skambji ta' esperjenzi u netwerking fost l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

- Jaħdmu mill-qrib mas-soċjetà ċivili

Is-soċjetà ċivili, u partikolarment l-organizzazzjonijiet tar-Rom, m’għandhomx jitqiesu bħala riċevituri passivi tal-bidla, iżda għandhom ikunu msejħa biex ikollhom rwol attiv fil-ħolqien tagħha. Huma jrid ikollhom rwol kruċjali biex jinvolvu lill-poplu Rom u fil-bini tal-fiduċja bejn l-maġġoranzi u l-minoranzi. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fir-reviżjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom.

- Jallokaw riżorsi finanzjarji proporzjonati

L-Istati Membri għandhom bżonn jallokaw biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, minħabba li dan jirrifletti l-ambizzjonijiet tal-Istati Membri. Barra mill-finanzjament nazzjonali, l-azzjonijiet inklużi f'dawn l-istrateġiji ser jiffurmaw ukoll parti min-negożjati għall-Fondi Strutturali u għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Il-Qafas tal-Politika ta' Koeżjoni propost mill-Kummissjoni jinkludi allokazzjoni minima għall-inklużjoni soċjali u l-faqar, aċċess aħjar għall-fondi u titjib fil-koordinazzjoni u l-integrazzjoni tagħhom, u prijorità ta' investiment iddedikata għall-integrazzjoni ta' komunitajiet emarġinati bħar-Rom u rekwiżiti ta' kondizzjonalità ex-ante, li jagħmlu l-investimenti tal-Fondi Strutturali kondizzjonali fuq l-eżistenza ta' Strateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom skont il-Qafas tal-UE.

- Jimmonitorjaw it-trasformazzjoni u jippermettu l-aġġustament tal-politika

Il-Programmi ta' Riforma Nazzjonali fis-simestru Ewropew se jiġu mgħarbla għall-koerenza mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom u, fejn xieraq, se jsiru referenzi speċifiċi għall-integrazzjoni tar-Rom fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, sabiex l-Istati Membri rilevanti jiġu ggwidati lejn aktar progress. Fil-futur, fi proporzjon mal-popolazzjonijiet Rom tagħhom, l-Istati Membri se jkunu mitluba biex jindirizzaw b'mod sistematiku l-kwistjoni tal-inklużjoni tar-Rom fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

Barra minn hekk, id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż ma' din il-komunikazzjoni jinkludi sommarju tal-punti ewlenin li jgħinu lill-Istati Membri biex inaqqsu d-distakki bejn il-poplu Rom u l-maġġoranza tal-popolazzjoni. Il-valutazzjoni dettaljata se titqassam lill-Istati Membri fil-kuntest ta' djalogu magħhom.

L-Istati Membri huma mistiedna wkoll biex jaqsmu mal-Kummissjoni s-sejbiet tal-monitoraġġ tagħhom tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji rispettivi tagħhom.

L-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE se tkompli l-istħarriġ tagħha madwar l-UE u se tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tgħinhom jiżviluppaw sistemi ta' monitoraġġ b'saħħithom.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-kapaċità ta' mobilizzazzjoni fi ħdan l-Istati Membri. Għal dan il-għan, ser jitwaqqaf netwerk ta punti ta' kuntatt nazzjonali tal-Istati Membri kollha tal-UE biex jaqsmu r-riżultati tal-miżuri tagħhom li jindirizzaw l-inklużjoni tar-Rom, jiskambjaw l-aħjar prattiki u ssir reviżjoni mill-pari tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji tagħhom. Il-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom se tkompli tipprovdi forum għall-partijiet interessati biex jiskambjaw il-fehmiet tagħhom.

Il-Kummissjoni se tirrevedi kull sena l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif ukoll fi ħdan il-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020.

- Ġlieda konvinċenti kontra d-diskriminazzjoni

L-Istati Membri jeħtieġ jiżguraw li fit-territorji tagħhom il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni tkun infurzata b'mod effettiv. Meta jirrappurtaw fl-2013 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Ugwaljanza Razzjali[31], il-Kummissjoni se tindirizza kwistjonijiet legali b’enfasi partikolari fuq dawk l-aspetti rilevanti għall-integrazzjoni tar-Rom.

[pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] It-terminu "Rom" qed jintuża' hawn, kif ukoll minn għadd ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u gruppi rappreżentattivi tar-Rom fl-Ewropa, biex jirreferi għal gruppi differenti (bħar-Rom, Sinti, Kale, Żingari, Romanichel, Boyash, Ashkali, Eġizzjani,Yenish, Dom, Lom.) u jinkludi wkoll Vjaġġaturi, mingħajr ma jiċħad l-ispeċifiċitajiet u varjetajiet ta' stili ta' ħajja u sitwazzjonijiet ta' dawn il-gruppi.

[2] Evalwazzjoni tal-Europol dwar it-Theddida tal-Kriminalità Organizzata 2011, p.26.

[3] L-ispejjeż ekonomiċi tal-esklużjoni tar-Rom, il-Bank Dinji, April 2010 http://siteresources.worldbank.org/EXTROMA/Resources/Economic_Costs_Roma_Exclusion_Note_Final.pdf

[4] Ara, pereżempju, it-tħassib espress mill-Kanada wara għadd dejjem jikber ta' applikazzjonijiet għall-asil ippreżentati minn ċittadini ta' ċerti Stati Membri.

[5] Il-Komunikazzjoni "Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma sal-2020", COM(2011)173 tal-5 ta' April 2011. L-Opinjoni tal-Kunitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "It-tisħiħ tal-awtonomija soċjali u l-integrazzjoni taċ-ċittadini Rom fl-Ewropa", CESE 998/2011 tas-16 ta' Ġunju 2011 u l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020", CdR 247-2011 tal-14 ta' Diċembru 2011 it-tnejn jagħtu appoġġ qawwi lill-Qafas tal-UE.

[6] F'din il-komunikazzjoni, it-terminu 'strateġija' għandu jinftiehem li jkopri ż-żewġ settijiet integrati ta' miżuri u strateġiji a' politika.

[7] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, EUCO23/11 tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2011, li segwew il-Konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020, 106665/11 tad-19 ta' Mejju 2011.

[8] http://ec.europa.eu/europe2020/index_en.htm

[9] Malta ma adottatx Strateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom minħabba li m'hemmx numru sinifikanti tal-populazzjoni tar-Rom fit-territorju.

[10] It-tabelli sommarji fl-erba’ oqsma tal-politika konsistentement jindirizzaw żewġ settijiet ta' kwistjonijiet: l-għanijiet , jiġifieri jekk l-istrateġiji jikkonfermawx l-għan ġenerali tal-UE fil-qasam partikolari stabbilit mill-Qafas tal-UE u jekk dawn jiffissawx miri konkreti, speċifiċi u kwantifikabbli; u miżuri (kemm dawk tradizzjonali u speċifiċi għar-Rom).

[11] L-għanijiet tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom ġew stabbiliti fil-Komunikazzjoni "Qafas tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom strateġiji nazzjonali sa l-2020", COM (2011) 173 tal-5 ta' April 2011.

[12] Il-Prevenzjoni tal-Esklużjoni Soċjali permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020 – L-Iżvilupp tat-Tfulija Bikrija u l-Inklużjoni tal-familji Rom – rapport uffiċjali tal-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom taħt il-Presidenza Belġjana, żviluppat mill-UNICEF u mill-Osservatorju Soċjali Ewropew b'kollaborazzjoni mas-Servizz ta' Ppjanar Federali Belġjan għall-Integrazzjoni Soċjali, 2011. http://www.ecdgroup.com/pdfs/Preventing-Social-Exclusion.pdf.

[13] Mill-inqas 10% tat-tfal Rom li għandhom minn 7 sa 15-il sena fil-Greċja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, l-Italja u Franza kienu identifikati fl-istħarriġ li ma jmorrux skola: huma kienu jew għadhom jew fil-klassijiet preprimarji, jew mhux fis-sistema edukattiva, qabżu s-sena, waqfu jmorru l-iskola kompletament jew kienu diġà jaħdmu. Dan il-proporzjon huwa l-ogħla fil-Greċja, b'iktar minn 35% tat-tfal Rom ma jmorrux skola ( The situation of Roma in 11 EU Member States; Survey results at a glance. L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Bank Dinji, Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, 2012).

[14] L-Istati Membri huma inklużi jekk l-istrateġiji rispettivi tagħhom jirreferu għat-tip ta’miżuri elenkati fit-tabella.

[15] Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, in-numru ta' Rom li jgħidu li kienu qegħda kien tal-anqas id-doppju ta' dawk li mhumiex Rom. Fl-Italja, fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovakkja sa erba' jew saħansitra ħames darbiet iktar minn dawk li mhumiex Rom qalu li huma qiegħda ( The situation of Roma in 11 EU Member States; Survey results at a glance. L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Bank Dinji, Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, 2012).

[16] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE dwar l-inklużjoni attiva ta' dawk esklużi mis-suq tax-xogħol (ĠU L 307/11 tat-18/11/2008).

[17] Miżuri speċifiċi bil-għan li jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju għar-Rom għas-suq tax-xogħol, inkluż pereżempju taħriġ vokazzjonali u fuq il-post tax-xogħol, medjazzjoni, jiġi ffaċilitat l-aċċess gћall-kura tat-tfal, eċċ.

[18] Dawn il-miżuri jimmiraw is-saħħa preventiva, bħat-titjib fir-rati ta' tilqim u kampanji fuq stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa fost ir-Rom, kif ukoll is-saħħa riproduttiva (eż. il-prevenzjoni ta’ tqala taż-żgħażagħ). Miżuri li ma jippermettux imġiba preġudikata tal-professjonisti tas-saħħa huma msemmija wkoll minn bosta Stati Membri.

[19] Bi prijorità fuq is-saħħa riproduttiva u l-kura preventiva inkluż tilqim għal immunità aħjar.

[20] Elementi għal Qafas Strateġiku Komuni 2014-2020 , Dokument ta' Ħidma tal-Persunal (2012) 61 finali, l-14 ta' Marzu 2012.

[21] Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19/07/2009). Id-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328 6/12/2008).

[22] Ara l-punti nazzjonali tal-kuntatt fi: http://ec.europa.eu/justice/discrimination/roma/national-strategies/index_en.htm.

[23] Fil-Greċja, il-ħatra tal-punt ta' kuntatt nazzjonali huwa previst għat-tieni nofs tal-2012.

[24] Il-Kummissjoni Ewropea qed tikkollabora mal-Bank Dinji sabiex tiżviluppa metodoloġija kartografika, kif ukoll mapep li jidentifikaw il-faqar u l-esklużjoni għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 jew minn dakinhar. Fl-2011, in-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Ippjanar Spazjali sejjaħ għal proposti mmirati biex jiżviluppaw mapep tal-faqar u l-esklużjoni għal uħud mill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE qabel l-2004. Fi tmiem l-2011, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li fil-perjodu ta’ programmar li jmiss, l-Istati Membri jippreżentaw il-kontribuzzjoni tal-Kuntratti ta' Sħubija u l-programmi operattivi tagħhom fil-ġlieda kontra l-faqar billi jiffokaw l-isforzi tagħhom lejn żoni ġeografiċi speċifiċi jew gruppi mmirati.

[25] COM(2011) 666.

[26] Id-Dikjarazzjoni ta' Żagreb tas-27 ta' Ottubru 2011, approvata fil-Konferenza dwar il-Provvediment ta' Dokumentazzjoni u Reġistrazzjoni tal-Istatus Ċivili fix-Xlokk tal-Ewropa.

[27] Dan l-impenn jinkludi: il-ħolqien jew ir-reviżjoni ta' pjanijiet u programmi ta' azzjoni ġenerali u speċifiċi rilevanti fl-erba' oqsma ewlenin, jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dokumenti personali u r-reġistrazzjoni; it-trawwim ta' edukazzjoni bikrija fit-tfulija u t-tnaqqis ta' tluq kmieni mill-iskola għar-Rom; jiġu stimulati l-impjiegi għar-Rom fis-settur pubbliku u privat; il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa, u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni tar-Rom, partikolarment dawk li jgħixu f'insedjamenti informali.

[28] L-implimentazzjoni hija mmonitorjata permezz tal-mekkaniżmu tal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) u tar-rapporti annwali dwar il-progress; il-konklużjonijiet operazzjonali se jiġu segwiti fl-2012 f’laqgħat tal-Kumitati FSA.

[29] SEC(2011) 695 u SEC(2011) 1570.

[30] Il-proċess ta' Sarajevo (id-Dikjarazzjoni ta' Belgrad tas-7 ta' Novembru 2011) jinkludi Programm Reġjonali Konġunt ta' EUR 584 miljun dwar din il-kwistjoni.

[31] Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19/07/2009).

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet