52012DC0203


Titolu u referenza

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Ewwel Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE "Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva" Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u Apparat Konness: Perspettivi Passati u Futuri

/* COM/2012/0203 final */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

WERREJ

1. Introduzzjoni – Sfond għal dan ir-rapport 2

2. Applikazzjoni tad-Direttiva 3

2.1. Il-pajjiż tal-oriġini, iċ-ċirkolazzjoni libera u l-libertà tal-espressjoni 3

2.2. Għanijiet tal-politika pubblika. il-protezzjoni tal-minorenni u l-inċitament għall-mibegħda 4

2.3. Servizzi tal-midja awdjoviżiva għal kulħadd: l-aċċessibbiltà 4

2.4. Libertà tal-espressjon: id-dritt għall-informazzjoni 4

2.5. Diversità kulturali il-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej u indipendenti 5

2.6. Komunikazzjonijiet kummerċjali 5

2.7. Inizjattivi awtoregolatorji 8

3. L-iżviluppi teknoloġiċi reċenti u l-espansjoni tas-suq tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva fl-Ewropa 8

4. Konklużjonijiet 10

1. INTRODUZZJONI – SFOND GħAL DAN IR-RAPPORT

L-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva, l-"AVMSD” (Audiovisual Media Services Directive), jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta, regolarment, rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan huwa l-ewwel rapport ta' applikazzjoni dwar l-AVMSD u jkopri l-perjodu bejn l-2009 u l-2010[1].

L-ewwel parti tar-rapport tħares retrospettivament lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva, inklużi kwistjonijiet dwar l-effikaċja ta' regoli kwalitattivi dwar ir-reklamar f’settur fejn l-offerta u r-reazzjonijiet tal-individwi għar-reklamar qed jinbidlu. Fejn il-valutazzjoni tidentifika lok għal titjib, dan ma jdgħajjifx il-loġika ta’ intervent tal-AVMSD iżda jesiġi mezzi aktar effettivi. Għaldaqstant, ir-rapport iservi ta' pedament għat-tisħiħ tal-bażi ta' evidenza lejn dak il-għan.

It-tieni parti tindirizza b'mod prospettiv l-influwenza ta' tibdiliet teknoloġiċi importanti dwar il-qafas regolatorju hekk kif ix-xandir tradizzjonali u l-internet jikkonverġu b’mod rapidu .

L-AVMSD għandha l-għan li tiżgura ċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva bħala strument tas-suq intern li jirrifletti d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni li jinsab fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea filwaqt li tiżgura l-ħarsien ta' għanijiet importanti tal-politika pubblika.

L-AVMSD tiddefinixxi sensiela ta’ rekwiżiti minimi li jiżguraw l-istess kundizzjonijiet u jippermettu ċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva madwar l-Ewropa. F’xi każijiet, l-AVMSD tarmonizza l-kunċetti (eż. spot ta’ reklamar) filwaqt li f'każijiet oħra, ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu r-rekwiżiti speċifiċi fid-dawl taċ-ċirkustanzi u t-tradizzjonijiet nazzjonali (eż. Il-kontenut ta' ħsara għall-minorenni).

Kumplessivament, il-qafas regolatorju Ewropew għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva qeda sew liċ-ċittadini u n-negozji.

Għan-negozji, dan ipprovda l-qafas legali stabbli li kien meħtieġ sabiex il-fornituri tas-servizzi tal-midja jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħhom. Sa mill-ħolqien tiegħu, il-qafas regolatorju ppermetta lis-suq li jikber minn għadd żgħir ta’ fornituri tas-servizzi għal aktar minn 7 500 xandara llum. Dan ippermetta wkoll l-iżvilupp u t-tkabbir tas-servizzi ta' vidjow fuq talba ("video-on-demand"). Stima tas-servizzi fuq talba fl-UE, mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti, hija ta' mill-inqas, 650 skont iċ-ċifri ta' Jannar 2012.

Fi Frar 2012[2] l-għadd ta' servizzi ta' vidjows fuq talba onlajn[3] (esklużi servizzi televiżi ta' ripetizzjoni tal-programmi, servizzi ta' aħbarijiet biss, programmi tal-adulti, trejlers ta' films, programmi ta' xiri mid-dar u servizzi ta' ditti kummerċjali bħal YouTube, Dailymotion u iTunes) huwa stmat li, fl-UE, ilaħħaq il-251.

Mill-perspettiva taċ-ċittadini, l-aċċess għall-kanali u l-għażla ta’ servizzi awdjoviżivi żdied b’mod sinifikanti. Fl-2009, il-ħin li t-telespettaturi jaraw it-televiżjoni żdied fi kważi l-Istati Membri kollha, bil-medja ta’ kuljum li tvarja bejn 145 minuta fl-Awstrija u 265 minuta fl-Ungerija.

L-aħħar reviżjoni tad-Direttiva (2005-2007) kienet bi tweġiba għal konverġenza tas-servizzi awdjoviżivi kollha u dawk ipprovduti fuq talba fi ħdan il-qafas regolatorju. L-isfida issa hija li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi tas-suq u mudelli kummerċjali ġodda li jiżguraw li l-qafas regolatorju jkompli jipprovdi l-kundizzjonijiet xierqa għat-tkabbir u l-kisba tal-miri tal-politika pubblika.

Bi tweġiba għat-talba tal-Kunsill Ewropew li, sal-2015, jiġi żviluppat pjan direzzjonali għal suq diġitali uniku veru fl-Ewropa u bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi tal-Unjoni u l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa bħala inizjattiva ewlenija tagħha, il-Kummissjoni Ewropea se tvara dibattitu dwar l-isfidi u l-opportunitajiet tal-konverġenza.

2. APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA

L-AVMSD hija strument tas-suq intern li tgħaqqad id-dritt li jiġu pprovduti servizzi awjdoviżivi mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-protezzjoni ta' għanijiet importanti ta’ interess pubbliku.

Fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-AVMSD, sa tmiem l-2011 waslu notifiki minn total ta’ 23 Stat Membru, li għoxrin minnhom kienu traspożizzjonijiet sħaħ. Tliet Stati Membri għad iridu jagħmlu xi tibdliet għal-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jikkonformaw mad-Direttiva. Miżuri kkomunikati minn żewġ Stati Membri għadhom qed jiġu eżaminati. Sa tmiem l-2011, kienu għadhom pendenti seba' proċeduri ta’ ksur għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni.

Fl-2011 il-Kummissjoni kitbet dwar kwistjonijiet differenti lil 24 Stat Membru sabiex tikseb informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom tad-Direttiva AVMS Dan l-eżerċizzju kien segwit minn laqgħat mal-Istati Membri kkonċernati.

2.1. Il-pajjiż tal-oriġini, iċ-ċirkolazzjoni libera u l-libertà tal-espressjoni (Artikoli 2, 3 u 4)

Ir-regoli tas-suq intern flimkien mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni jsibu l-applikazzjoni prattika tagħhom fil-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini tal-Artikolu 2 tal-AVMSD. Is-servizzi li jkunu konformi mal-liġi tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti l-fornituri tagħhom, jistgħu jiċċirkolaw liberament fl-Ewropa mingħajr il-bżonn li jsir it-tieni kontroll mill-Istat Membru riċevitur.

Madankollu, din il-libertà taċ-ċirkolazzjoni tas-servizzi mhijiex mingħajr limiti. Fid-Direttiva hemm previsti klawsoli ta' salvagwardja għall-pajjiż riċevitur biex jipproteġu l-interessi tas-soċjetà ta’ importanza kbira, bħall-protezzjoni tal-minorenni u l-projbizzjonijiet fuq l-inċitament għall-mibegħda. Fil-prattika, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri ta’ salvagwardja fejn xandira televiżiva li toriġina fi Stat Membru ieħor tikser manifestament, serjament u gravement ir-regoli tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-minorenni jew l-inċitament għall-mibegħda. Dispożizzjoni simili teżisti fir-rigward tas-servizzi fuq talba.

Il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu huma elementi essenzjali tas-soċjetajiet demokratiċi u huma espliċitament rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala element tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ma' dawn il-prinċipji fundamentali meta tintuża l-possibbiltà offruta mill-Artikolu 4(1) tal-AVMSD li jiġu applikati regoli aktar stretti għal fornituri taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Dawn il-konsiderazzjonijiet iffurmaw ukoll il-bażi tad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi dwar leġiżlazzjoni ġdida dwar il-midja fir-rigward tal-obbligu ta' kopertura bilanċjata u r-regoli dwar kontenut offensiv. Kienu miftiehma wkoll xi modifiki, bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi, dwar dispożizzjonijiet oħra li setgħu jikkostitwixxu ksur tal-AVMSD u/jew ir-regoli dwar iċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi u l-istabbilment[4].

2.2. Għanijiet tal-politika pubblika. il-protezzjoni tal-minorenni u l-inċitament għall-mibegħda (Artikoli 6, 12 u 27)

Il-projbizzjoni ta' inċitament għall-mibegħda bbażata fuq ir-razza, is-sess, ir-reliġjon jew in-nazzjonalità hija għan ewleni tal-politika pubblika li hija indirizzat mill-AVMSD. Matul il-perjodu ta' referenza, din id-dispożizzjoni ġiet applikata fir-rigward tax-xandir ripetut mill-kanal bis-satellita Al Aqsa, taħt ġurisdizzjoni Franċiża, tal-materjal ta' inċitament għall-mibegħda anti-Semitika.

Il-Kummissjoni intervjeniet u r-regolatur Franċiż ordna lill-fornitur Franċiż ta' kapaċità satellitari Eutelsat iwaqqaf ir-ritrażmissjoni ta' Al Aqsa TV, li waqaf jittrażmetti tali programmi fl-Ewropa.

2.3. Servizzi tal-midja awdjoviżiva għal kulħadd: l-aċċessibbiltà (Artikolu 7)

L-aċċessibilità tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva għaċ-ċittadini kollha tal-UE hija għan ewlieni ulterjuri indizzat mill-AVMSD billi tesiġi aċċess dejjem aħjar għal persuni neqsin mis-smigħ u mid-dawl. L-Istati Membri kollha introduċew regoli għal dak l-għan. Madankollu,l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli tirrifletti d-diversità tal-kundizzjonijiet tas-suq. Filwaqt li xi Stati Membri għandhom regoli statutorji jew awtoregolatorji dettaljati ħafna, oħrajn għandhom biss dispożizzjonijiet ġenerali ħafna jew jillimitaw l-obbligu ta' aċċessibbiltà għas-servizzi ta' xandara tas-servizz pubbliku.

2.4. Libertà tal-espressjon: id-dritt għall-informazzjoni (Artikoli 14 u 15)

Sabiex jiżguraw id-dritt għal informazzjoni tal-pubbliku fir-rigward ta' avvenimenti ta' importanza kbira, l-Istati Membri jistgħu jfasslu lista ta' avvenimenti li huma jqisu bħala ta' importanza ewlenija għas-soċjetà tagħhom. Il-lista ta' avvenimenti u l-miżuri għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni.

Il-FIFA u l-UEFA ressqu ilment quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-listi ta' avvenimenti ta' importanza kbira tal-Belġju u r-Renju Unit. Dan kien jikkonċerna l-inklużjoni f'dawn il-listi tat-turnew finali kollu tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA u l-Kampjonat Ewropew tal-UEFA.

Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet il-possibbiltà li tillimita l-libertajiet fundamentali għal raġunijiet dominanti ta’ interess pubbliku, li f’dan il-każ huwa d-dritt għall-informazzjoni tal-pubbliku bħala element tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni[5].

Il-Qorti Ġenerali eżaminat bir-reqqa l-elementi mressqa quddiemha u rrikonoxxiet il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-listi ta' avvenimenti ta' importanza kbira tal-Belġu u tar-Renju Unit fir-rigward tal-inklużjoni tat-turnew finali kollu tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA u l-Kampjonat Ewropew tal-UEFA.

2.5. Diversità kulturali il-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej u indipendenti (Artikoli 13, 16 u 17)

Sabiex tiġi promossa d-diversità kulturali, ix-xandara għandhom jirriżervaw il-maġġoranza tal-ħin ta’ trażmissjoni tagħhom għal xogħlijiet Ewropej. Ix-xandara għandhom ukoll jirriżervaw tal-anqas 10 % tal-ħin tax-xandir tagħhom jew tal-baġit għall-ipprogrammar għal xogħlijiet Ewropej minn produtturi indipendenti. Obbligu simili jeżisti fir-rigward tas-servizzi ta' vidjow fuq talba. Il-Kummissjoni tirrapporta perjodikament dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-obbligi.

L-aħħar rapport[6] juri li madwar l-UE, il-ħin medju tax-xandir għax-xogħlijiet Ewropej żdied minn 62.6 % fl-2007 għal 63.2 % fl-2008. Bejn l-2005 u l-2008 dan baqa' stabbli f’livell sodisfaċenti. Is-sehem medju tax-xogħlijiet indipendenti mxandra mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni Ewropej kollha naqas ftit fl-2008 (34,9 %) meta mqabbel mal-2007 (35,3 %). Ix-xejra ġenerali fuq perjodu medju ta' żmien (2005-2008) turi wkoll xejra negattiva żgħira għal xogħlijiet indipendenti. Madankollu, ir-riżultati miksuba jixhdu l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-Artikolu 17.

Xi Stati Membri inkludew regoli aktar stretti jew addizzjonali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom billi esiġew proporzjon ogħla ta' xogħlijiet Ewropej, xogħlijiet jew produzzjonijiet indipendenti fil-lingwa uffiċjali tal-pajjiż[7]. Il-leġiżlazzjoni Spanjola, pereżempju, tesiġi li x-xandara jirriżervaw perċentwali tad-dħul operattiv tagħhom għall-finanzjament minn qabel ta' films ċinematografiċi Ewropej u films maħduma għat-televiżjoni; 60 % ta’ dak il-finanzjament huwa riżervat gћall-produzzjoni ta' xogħlijiet f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta' Spanja. Dan l-obbligu ġie kkontestat quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja[8]. Il-Qorti kkonfermat li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri biex jiddefendu u jippromwovu lingwa uffiċjali waħda jew aktar bħala parti mill-politika kulturali tagħhom.

2.6. Komunikazzjonijiet kummerċjali (Artikoli 10, 11 u 19 sa 25)

Il-proporzjon ta' spots ta' reklamar u tax-xiri minn fuq it-televiżjoni ma jistax jaqbeż 12-il minuta fis-siegħa. L-applikazzjoni ta' din ir-regola tat lok għal diskussjonijiet dwar il-kunċett ta' spots ta' reklamar. Il-monitoraġġ tal-prattiki ta' reklamar fi Spanja enfasizza l-użu ta’ formats kummerċjali speċjali, ċarament promozzjonali, imsejħa “anuncios publicitarios de patrocinio”, “microespacios”, “spots ta' kummerċjalizzazzjoni ”, “spots ta' telepromozzjoni ” u “spots ta' trasformazzjoni” li, skont l-awtoritajiet Spanjoli, ma jammontawx għal spots ta' reklamar u għalhekk ma jaqgħux taħt ir-regola tat-12-il minuta.

B’konformità mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti sabet li spot ta’ reklamar huwa kwalunkwe tip ta' reklamar mxandar bejn il-programmi jew matul il-waqfiet, sakemm mhuwiex kopert b’xi forma oħra ta’ reklamar espressament irregolat mill-AVMSD jew sakemm ma jesiġix , minħabba l-mod kif ikun ippreżentat, tul ta' żmien itwal minn dak ta' spots ta' reklamar, bil-kundizzjoni li applikazzjoni tar-restrizzjonijiet preskritti għal spots ta' reklamar, mingħajr ġustifikazzjoni valida, tammonta għal żvantaġġ għall-forma ta' reklamar ikkonċernata[9]. Fi kliem ieħor, il-Qorti adottat interpretazzjoni uniformi u wiesgħa tal-kunċett ta’ “spot tar-reklamar” skont il-fini tal-Artikolu 23 tal-AVMSD, li huwa li jipproteġi lit-telespettatur minn ammont eċċessiv ta’ reklamar.

Il-Kummissjoni mmonitorjat prattiki ta' reklamar fi tmien Stati Membri matul il-perjodu ta' referenza. F'għadd ta’ Stati Membri il-limitu ta' 12-il minuta ta' spots ta' reklamar huwa miksur regolarment. Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, intbagħtu ittri amministrattivi lill-Istati Membri kkonċernati u għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet. Il-Kummissjoni biħsiebha tkompli l-monitoraġġ tal-konformità tal-Istati Membri mar-regola tat-12-il minuta u, jekk ikun meħtieġ, tibda proċeduri ta' ksur[10].

Il-monitoraġġ tal-prattiki ta' reklamar żvela wkoll għadd ta’ kwistjonijiet fil-qasam tal-komunikazzjonijiet kummerċjali fir-rigward tal-isponsorizzazzjoni, awtopromozzjoni u t-tqegħid tal-prodott. Dan juri ħtieġa li jiġu ċċarati r-regoli li jirregolaw diversi forom ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali.

Għall-ewwel darba, l-implimentazzjoni tad- dispożizzjonijiet kwalitattivi dwar ir-reklamar kienet immonitorjata separatament matul il-perjodu ta' referenza. Id-dispożizzjonijiet rilevanti jikkonċernaw r-reklamar tal-alkoħol, id-diskriminazzjoni bejn is-sessi u r-reklamar mmirat lejn il-minorenni. L-analiżi tal-kontenut tqieset bħala l-aktar metodoloġija xierqa[11].

Fl-Istati Membri mmonitorjati, ir-reklamar tal-alkoħol jirrappreżenta bejn 0,8 % u 3% tal-attività globali tar-reklamar fuq servizzi tal-midja awdjoviżiva abbażi tal-għadd totali ta' spots imxandra matul il-perjodu mmonitorjat. Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti tal-AVMSD, instabu verament ftit każijiet ċari ta' ksur. Madankollu, proporzjon sinifikanti, aktar minn 50 %, ta' spots ta' reklamar jinkludi elementi li jistgħu jiġu marbuta ma' xi karatteristiċi pprojbiti mill-AVMSD, għalkemm fid-dawl tar-rekwiżiti dettaljati tal-AVMSD dawn ma laħqux ikkostitwixxew vjolazzjoni ċara.

Fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-AVMSD dwar ir-reklamar tal-alkoħol, 22 Stat Membru stabbilixxew regoli kemmxejn aktar stretti għar-reklamar tal-alkoħol[12], li jinvolvu kanali, prodotti reklamati jew perjodi ta’ ħin.

L-AVMSD tirregola wkoll reklamar immirat għat-tfal. Il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma għandhomx jikkawżaw ħsara fiżika jew morali lill-minorenni. Dan ifisser li ma għandhomx: iħajru direttament lill-minorenni biex jixtru jew jikru prodott jew servizz billi jiġi sfruttat in-nuqqas ta' esperjenza jew il-kredulità tagħhom; ma għandhomx jinkoraġġixxu direttament lill-minorenni biex jipperswadu lill-ġenituri tagħhom jew oħrajn li jixtru l-oġġetti jew is-servizzi li qed jiġu reklamati; jisfruttaw il-fiduċja speċjali li l-minorenni jqiegħdu fil-ġenituri, fl-għalliema jew f'persuni oħrajn; jew juru, mingħajr raġuni, minorenni f'sitwazzjonijiet perikolużi.

Analiżi tal-kontenut tal-100 spot ta' reklamar imxandra l-aktar uriet li rarament ġew miksura d-dipożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-minorenni fir-reklamar. Kif inhu l-każ fir-reklamar tal-alkoħol, minħabba l-kliem dettaljat tad-dispożizzjonijiet rilevanti, ftit huma l-każijiet ta' ksur tal-AVMSD. Madankollu, jidher li ta' spiss jintużaw tekniki ta’ reklamar immirat għall-minorenni fir-reklamar fuq it-televiżjoni.

Ħames Stati Membri jipprojbixxu r-reklamar fi programmi tat-tfal. Erba' Stati Membri jimponu projbizzjoni parzjali jew restrizzjonijiet oħra fuq ir-reklamar fi programmi tat-tfal jew matul perjodi speċifiċi ta’ ħin jew għal prodotti speċifiċi, u seba' Stati Membri jipprojbixxu l-wiri ta' logos ta' sponsorizzazzjoni fi programmi tat-tfal[13].

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jidher xieraq li fl-2013 tiġi aġġornata l-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar fuq it-televiżjoni fid-Direttiva tat-“Televiżjoni Mingħajr Fruntieri”[14]. L-esperjenza miksuba fi ħdan il-Pjattaforma tal-UE dwar in-Nutrizzjoni u l-Forum dwar is-Saħħa u l-Alkoħol kif ukoll il-ħidma mwettqa fuq ir-reklamar komportamentali se jkunu kkunsidrati f’dan l-aġġornament. Aktar investigazzjonijiet huma meħtieġa sabiex jiġi vvalutat l-impatt ta' komunikazzjonijiet kummerċjali, partikolarment għal xarbiet alkoħoliċi, fuq il-minorenni fir-rigward tal-esponiment u l-imġiba tal-konsumatur, u l-effikaċja tar-restrizzjonijiet tad-Direttiva fil-kisba tal-protezzjoni meħtieġa, filwaqt li jitqies il-proporzjoni tal-benefiċċju/spiża tal-attivitajiet ta' monitoraġġ. Il-Kummissjoni se tibda r-riċerka neċessarja fl-2013.

Kwistjoni oħra indirizzata permezz tal-AVMSD fil-qasam tal-komunikazzjonijiet kummerċjali hija d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Tali diskriminazzjoni hi pprojbita. Aspett ieħor ta’ diskriminazzjoni hija l-assoċjazzjoni sistematika ta’ ċerta kategorija tal-popolazzjoni bi rwoli jew attitudnijiet speċifiċi. Saret analiżi tad-diskriminazzjoni sesswali u l-isterjotipi tas-sessi fl-aktar 100 spot ta' reklamar imxandra fi tmien Stati Membri. Instabet rappreżentazzjoni sterjotipata tar-rwoli tas-sessi f'21 % sa 36 % tal-ispots analizzati. Madankollu, f’xi Stati Membri għadd ta’ karigi, professjonijiet jew prodotti huma iktar sistematikament assoċjati ma’ sess speċifiku milli fi Stati Membri oħra. Fl-ebda pajjiż, fost dawk mistħarrġa, mhuma eskluż tali rappreżentazzjonijiet sterjotipati.

L-Istati Membri u l-partijiet interessati qajmu l-kwistjoni dwar jekk ix-xandir transkonfinali tar-reklamar tal-imħatri huwiex kopert minn dawk l-oqsma kkoordinati mill-AVMSD. L-għan tal-Artikolu 1(1)(h) huwa li jkopri kull forma ta' komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva ddefinita bħala 'immaġini bil-ħoss jew mingħajru li huma mfasslin biex jippromwovu, direttament jew indirettament, il-prodotti, is-servizzi jew ix-xbiha ta’ entità fiżika jew ġuridika li tkun qed twettaq attività ekonomika'. Madankollu, l-AVMSD ma tapplikax għal servizzi tal-imħatri bħala tali.

2.7. Inizjattivi awtoregolatorji (Artikolu 4(7))

Fattur ieħor importanti tal-AVMSD hija r-referenza għal mezzi alternattivi ta' regolamentazzjoni permezz ta’ inizjattivi awtoregolatorji/koregolatorji, partikolarment fil-qasam tar-reklamar. Dawn is-sistemi għandhom jiġu aċċettati b’mod wiesa' mill-partijiet interessati ewlenin fl-Istati Membri kkonċernati u jipprovdu għal infurzar effettiv. Fl-Istati Membri kollha, minbarra tnejn, jeżistu skemi awtoregolatorji jew koregolatorji jew ġew inklużi direttament dispożizzjonijiet ta' inkoraġġiment fil-leġiżlazzjoni tal-midja[15].

Għar-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel għat-tfal, ġew promossi wkoll prattiki awtoregolatorji fil-livell tal-UE permezz tal-Pjattaforma tal-UE għal Azzjoni fuq id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa. Il-Pjattaforma kisbet total ta' aktar minn 300 impenn mill-partijiet interessati[16]. Il-komunikazzjoni kummerċjali responsabbli għal xorb alkoħoliku tammonta wkoll għal 25 % tal-aktar minn 200 impenn meħuda minn membri tal-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa. Għaldaqstant, l-awtoregolamentazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar ta' xorb alkoħoliku tjiebet sostanzjalment f'termini ta' servizzi tal-midja u Stati Membri koperti. Ħidma ulterjuri se jkollha tistabbilixxi l-kontribuzzjoni li jipprovdu dawn l-inizjattivi sabiex jintlaħaq il-livell ta' protezzjoni meħtieġ u jekk tkunx meħtieġa l-introduzzjoni ta' definizzjonijiet komuni biex jirrinfurzaw l-effikaċja tagħhom. Evalwazzjoni tal-Pjattaforma għal Azzjoni fuq id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa[17] kkonkludiet li inizjattivi tal-partijiet interessati fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar uriet progress tajjeb, iżda li l-impatt tagħhom jista’ jkompli jissaħħaħ aktar. Fil-kuntest ta' dawn il-pjattaformi, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ definizzjoni ta’ limiti aktar stretti ta' età u udjenza għar-reklamar u kummerċjalizzazzjoni u parametri aktar konsistenti dwar in-nutrizzjoni fost il-kumpaniji. L-Istati Membri għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fit-tfassil ta' approċċi awtoregolatorji mmexxija mill-industrija, partikolarment fir-rigward tal-amministrazzjoni effiċjenti u b'riżorsi biżżejjed tal-kodiċijiet u t-trattament tal-ilmenti.

Fil-qasam aktar speċifiku ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi fi programmi tat-tfal, fir-rigward tal-ikel ħelu, xaħmi jew mielaħ jew xorb, l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-fornituri tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva sabiex jiżviluppaw kodiċi ta’ kondotta fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li mhumiex xierqa fi programmi tat-tfal.

3. L-IżVILUPPI TEKNOLOġIċI REċENTI U L-ESPANSJONI TAS-SUQ TAS-SERVIZZI TAL-MIDJA AWDJOVIżIVA FL-EWROPA

It-tfaċċar tat-TV Konnessa jew Ibrida li tintegra l-Internet u l-karatteristiċi tal-Web 2.0 fir-riċevituri moderni tat-televiżjoni jimmarkaw stadju ġdid tal-konverġenza tal-Internet u t-TV. Filwaqt li xi fornituri joffru għadd limitat ta' applikazzjoni mingħajr ebda aċċess reali għall-Internet, oħrajn joffru aċċess miftuħ għal kontenut awdjoviżiv fuq l-Internet.

Diversi operaturi Amerikani ewlenin huma fil-proċess li jvaraw is-servizzi tagħhom fl-UE u t-tfaċċar ta' dawk il-pjattaformi ġodda bla dubju se jżid il-pressjoni kompetittiva fuq il-ħolqien, finanzjament u bejgħ ta' xogħlijiet tal-UE.

Is-servizzi tat-TV Konnessa bħalissa huma operattivi fil-Ġermanja u l-Italja u waslu biex jiġu introdotti fi Franza u r-Renju Unit. Bħalissa, l-użu ta’ TV Konnessa għadu limitat. Għalkemm ħafna settijiet tat-TV li qed jinbiegħu issa huma konnessibbli, bejn 20 % u 30 % biss huma fil-fatt onlajn. Hekk kif aktar ċittadini qed jkollhom aċċess għal veloċitajiet ogħla tal-internet, u qed jiżdied l-apparat konness u l-kontenut disponibbli, jista’ jkun mistenni li t-TV Konnessa ser tikber relattivament malajr matul il-ftit snin li ġejjin.

Minbarra t-TV b’xandir tradizzjonali, apparat konness inklużi tablets, smart phones u konsowls jipprovdi wkoll aċċess lill-konsumaturi għal servizzi ta' vidjow fuq talba permezz ta' applikazzjonijiet u servizzi televiżivi ta' ripetizzjoni tal-programmi mill-pjattaformi ta' xandir ibridu/broadband tax-xandara stess. Stimi jipprevedu li sa tmiem l-2011 kien hemm 47 miljun apparat domestiku attiv u konness fl-Ewropa inklużi settijiet tat-TV konnessi, konsowls tal-logħob, kaxxi tad-dekoders awtonomi, players ta' diski Blu-ray u kaxxi tad-dekoders għat-TV bi ħlas[18].

L-opportunitajiet li qed jinfetħu u l-isfidi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni għal TV Konnessa huma sostanzjali: il-kisba tal-istess kundizzjonijiet, kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni, aċċess għal pjattaformi sottostanti, spejjeż tal-bidla fil-fornitur u l-esklussività tal-fornitur, kontroll fuq reklamar u l-kontenut, l-impatt dwar l-effikaċja tal-miżuri li jippromwovu xogħlijiet Ewropej, kwistjonijiet tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali[19], il-protezzjoni tal-minorenni, il-protezzjoni tad-dejta u l-litteriżmu medjatiku ta’ gruppi vulnerabbli.

Din l-evoluzzjoni teknoloġika tista' twassal, għall-konsegwenza li l-fruntieri bejn ix-xandir u l-forniment "over the top" ta’ kontenut awdjoviżiv ma jibqgħux ċari. Il-qafas regolatorju stabbilit mill-AVMSD se jkollu jiġi ttestjat fil-konfront ta' xejriet li qed jevolvu fir-rigward tat-telespettaturi u l-forniment. Hemm bżonn li jinżamm livell konsistenti ta' protezzjoni madwar ambjenti tal-midja awdjoviżiva differenti filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet rispettivi tagħhom. Studji riċenti jindikaw li l-konsumaturi jbatu minn detriment sostanzjali meta jużaw kontenut diġitali, inkluża midja awdjoviżiva, speċjalment minħabba problemi fl-aċċess għall-kontenut, informazzjoni mhux ċara jew nieqsa, u kontenut ta' kwalità baxxa[20]. It-telespettaturi jkollhom ukoll aspettattivi għoljin fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-kontenut tax-xandir tat-televiżjoni u tas-servizzi VOD u dawk ta’ repetizzjoni assoċjati[21]. Għall-forniment fuq talba, id-Direttiva diġà tipprovdi l-istess livelli għolja ta' protezzjoni fuq għadd ta' kwistjonijiet inkluża l-identifikazzjoni ta' fornitur tas-servizz, il-projbizzjoni sħiħa fuq l-inċitament għall-mibegħda u l-istandards kwalitattivi għal komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva.

Element importanti li qed jimxi 'l quddiem huwa dak tal-livell tal-litteriżmu medjatiku. Il-litteriżmu medjatiku huwa l-ħila li wieħed jaċċessa, jifhem u jevalwa kritikament l-aspetti differenti tal-midja u l-kontenut medjatiku u jikkomunika f'diversi kuntesti. Monitoraġġ għall-Kummissjoni matul il-perjodu ta’ referenza[22] sab li 28 % tal-popolazzjoni tal-UE għandha livell bażiku ta’ fehim kritiku, 41 % għandha livell medju u 31 % għandha livell avvanzat.

Parti sinifikanti tal-popolazzjoni (75 %-80 %) jidher li kellha fehma pjuttost kritika tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva u hija konxja tal-eżistenza tar-regolamentazzjoni f'dak il-qasam. Madankollu, hemm partijiet tal-popolazzjoni (offlajn, żgħażagħ, persuni bi dħul baxx) fejn il-livell ta’ litteriżmu medjatiku u għarfien regolatorju huwa ċarament ħafna inqas. Fir-rigward tal-gruppi ta' età iżgħar u l-perċezzjoni tagħhom dwar ir-reklamar, l-istudju kkonkluda li l-età hija fattur wieħed involut fl-identifikazzjoni tar-reklamar, iżda mhuwiex l-uniku wieħed. Il-litteriżmu fir-reklamar jgħin liż-żgħażagħ jirrikonoxxu l-intenzjoni tal-bejgħ, imma l-identifikazzjoni ta' tekniki aktar sottili hija aktar kumplessa u ġeneralment il-biċċa l-kbira tat-tfal ma għandhomx din il-ħila.

Fid-dawl ta' dak ta' hawn fuq, l-iżviluppi teknoloġiċi jeħtieġu li jkunu segwiti mill-qrib. Diġà saru diskussjonijiet preliminari mal-Grupp ta' Ħidma tal-Awtoritajiet Regolatorji tal-UE fil-qasam tas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u l-Kumitat ta’ Kuntatt. Dibattitu ulterjuri mal-partijiet interessati għandu jgħin biex tiġi fformulata politika Ewropea ta' reazzjoni sabiex jiġu massimizzati l-opportunitajiet għaċ-ċittadini u għas-settur awdjoviżiv Ewropew u biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' politika li jitqajmu mit-TV Konnessa.

Il-Kummissjoni se tapprofondixxi l-analiżi tagħha fix-xhur li ġejjin u se tvara proċess ta' konsultazzjoni usa’ fid-dawl ta' dokument ta' politika dwar it-TV konnessa.

4. KONKLUżJONIJIET

Kollox ma' kollox, il-qafas regolatorju Ewropew għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva laħaq il-bilanċ ġust u qeda tajjeb liċ-ċittadini kif ukoll lin-negozji.

Madankollu, xi punti jeħtieġu l-attenzjoni, partikolarment fil-qasam ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi, fejn bosta mill-kwistjonijiet involuti għandhom ikomplu jiġu monitorjati u evalwati sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tar-regoli fid-dawl tal-għan tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-minorenni f'ambjenti differenti tal-midja awdjoviżiva. L-aġġornament previst tal-Komunikazzjoni Interpretattiva, dwar ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar fuq it-televiżjoni fid-Direttiva tat-“Televiżjoni Mingħajr Fruntieri”, se jipprovdi kjarifika dwar kwistjonijiet speċifiċi f'dan il-qasam.

Jeħtieġu aktar sforzi biex jinħolqu skala, appoġġ u l-aħjar prattika għall-kodiċijiet ta' kondotta dwar komunikazzjonijiet kummerċjali mhux xierqa għall-ikel b'livell għoli ta' xaħam, melħ jew zokkor immirat għat-tfal. L-effikaċja ta' dawn il-kodiċijiet ta’ kondotta għandhom ikunu vvalutati aktar.

Żviluppi teknoloġiċi prevedibbli jistgħu jċajpru l-linji bejn ix-xandir u l-forniment "over the top" ta’ kontenut awdjoviżiv. Bħala riżultat, il-qafas regolatorju attwali stabbilit bl-AVMSD jista' jinħtieġ li jiġi ttestjat fil-konfront ta' xejriet li qed jevolvu fir-rigward tat-telespettaturi u l-forniment filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tal-politika relatati bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-livell ta’ litteriżmu medjatiku.

Peress li l-impatt possibbli fuq is-suq u l-qafas regolatorju mhuwiex għalkollox ċar, għandha ssir valutazzjoni sħiħa tas-sitwazzjoni attwali u futura. Il-Kummissjoni varat dibattitu miftuħ mal-partijiet interessati dwar forniment "over-the-top" ta’ kontenut awdjoviżiv u se tapprofondixxi din l-analiżi fix-xhur li ġejjin fid-dawl ta' dokument ta' politka dwar it-TV Konnessa.

[1] L-iżviluppi fl-2011 ġew koperti fejn xieraq.

[2] Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew.

[3] Films ta' rappurtaġġ jew dawk qosra, programmi ta’ katalgi televiżivi, animazzjoni, dokumentarji, taħriġ, mużika u arkivji.

[4] http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=SPEECH/11/6&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en.

[5] Każijiet T-385/07, T-55/08 u T-68/08, FIFA/UEFA/Kummissjoni, 17.2.2011.

[6] COM(2010) 450.

[7] Ara d-dokument tal-Kumitat ta' Kuntatt .http://ec.europa.eu/comm/avpolicy/reg/tvwf/contact_comm/index_en.htm

[8] Każ C-222/07, UTECA, 5.3.2009.

[9] Każ C-281/09, Kummissjoni/Spanja, 24.11.2011.

[10] Għar-riżultati tal-attività preċedenti ta' monitoraġġ, ara r-rapporti ta' applikazzjoni disponibbli fuq is-sit: http://ec.europa.eu/avpolicy/reg/tvwf/implementation/reports/index_en.htm. L-Istati Membri kollha se jkunu ġew immonitorjati sa tmiem l-2012.

[11] L-analiżi tal-kontenut hija teknika tar-riċerka għad-deskrizzjoni oġġettiva, sistematika u kwantiattiva tal-kontenut tal-manifest ta' komunikazzjoni. Għal aktar dettalji ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal.

[12] Ara d-dokument tal-Kumitat ta' Kuntatthttp://ec.europa.eu/comm/avpolicy/reg/tvwf/contact_comm/index_en.htm .

[13] Ara d-dokument tal-Kumitat ta' Kuntatt http://ec.europa.eu/comm/avpolicy/reg/tvwf/contact_comm/index_en.htm

[14] ĠU C 102, 28/4/2004, p. 2, ara l-Anness

[15] Ara d-dokument tal-Kumitat ta' Kuntatthttp://ec.europa.eu/comm/avpolicy/reg/tvwf/contact_comm/index_en.htm.

[16] http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/platform/platform_db_en.htm

[17] http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/docs/evaluation_frep_en.pdf

[18] IHS Source Digest.

[19] Ara wkoll il-Green Paper dwar distribuzzjoni onlajn ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, COM (2011) 427 fin.

[20] Europe Economics: Digital Content Services for Consumers: Assessment of Problems Experienced by Consumers (2011):

http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/files/empirical_report_final_-_2011-06-15.pdf;

Riżultat Dettaljati tal-Istħarriġ:

http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/files/empirical_report_final_appendix_9_2011-06-15.pdf

[21] Ipsos MORI, Protecting Audiences in a Converged World , Jannar 2012.

[22] Istitut Teknoliġiku Daniż u Assoċjazzjoni Ewropea għall-Interessi tat-Telespettaturi, Testing and Refining Criteria to assess Media Literacy levels in Europe , April 2011.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet