52012DC0173


Titolu u referenza

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi

/* COM/2012/0173 final */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi

Introduzzjoni

L-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv għandha l-mira li sal-2020 ikun hemm impjegati 75 % tan-nies ta' bejn l-etajiet ta' 20 u 64[1]. Biex tintlaħaq din il-mira, l-impjiegi fl-UE jridu jiżdiedu bi 17,6 miljun impjieg fuq iċ-ċifra preżenti. Iżda, matul il-kriżi, ir-rata tal-impjiegi niżlet għal 68,9 % (3Q2011)[2], u l-qgħad baqa' konsistentement ogħla minn 9,5 % mill-bidu tal-2010, u f'Jannar 2012 laħaq l-10,2 %. Minkejja li ġew irreġistrati żidiet fl-impjiegi ta' 1,5 miljun sa nofs l-2011, dawn ftit li xejn kellhom effett li jpattu għat-telf ta' 6 miljun impjieg li ġarrbet l-UE mill-2008 'l hawn. Id-deċelerazzjoni tat-tkabbir min-nofs tal-2011 'l hawn, bi prospett inqas favorevoli għall-2012[3], u diverġenzi dejjem jikbru bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, komplew kabbru l-isfida fir-rigward tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar.[4]

Barra riċessjoni prevista f'ċerti pajjiżi, u kriżi tad-dejn sovran imtawla, l-attivitajiet ekonomiċi fl-Ewropa qegħdin jissawru mill-ġdid minn trasformazzjonijiet strutturali fuq medda itwal ta' żmien, bħalma huma l-ħtieġa li l-ekonomija tinbidel f'waħda favur l-ambjent, li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; it-tixjiħ demografiku, flimkien ma' flussi komplessi tal-popolazzjoni, u tibdil teknoloġiku mgħaġġel flimkien mal-emerġenza ta' ekonomiji kbar. Dawn it-tibdiliet strutturali jaffettwaw lis-swieq tax-xogħol b'modi diversi, u se jkomplu jaffettwawhom, partikolarment fil-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi. Is-swieq tax-xogħol dinamiċi u inklużivi, fejn in-nies ikollhom il-ħiliet adattati, huma essenzjali jekk irridu li b'rieħet dawn l-iżviluppi tiżdied, flok tonqos, il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea.

L-Artikolu 3 tat-Trattat jistabbilixxi bħala miri tal-UE l-impjieg għal kulħadd u l-koeżjoni soċjali. Dawn il-miri għadhom kwistjonijiet ewlenin li jinkwetaw liċ-ċittadini tal-UE, u qegħdin fil-qalba ta’ Ewropa 2020. Il-prospetti għaż-żidiet tal-impjiegi jiddependu, fil-parti l-kbira, fuq il-kapaċità tal-UE li tiġġenera t-tkabbir ekonomiku permezz ta' politiki makroekonomiċi, industrijali u tal-innovazzjoni xierqa. Fl-istess ħin, it-tisħiħ tat-tkabbir li jġib miegħu abbundanza ta' impjiegi jirrikjedi wkoll politiki dwar l-impjieg li jiġġeneraw kundizzjonijiet favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi, li jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet pożittivi, iżidu l-provvista ta' ħaddiema u jtejbu t-tlaqqigħ, ġeografiku u tal-ħiliet, mal-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol. Barra milli jikkontribwixxu għall-irkupru fi żmien qasir, dawn il-politiki tal-impjieg jiffurmaw ukoll parti mill-investimenti soċjali essenzjali li jimpedixxu akkumulazzjoni ta' spejjeż soċjali u fiskali akbar f'terminu ta' żmien twil[5]. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2012 tal-UE jitlob azzjoni determinata biex iżżid il-ħolqien tal-impjiegi u tiżgura rkupru b'abbundanza ta' xogħol, u dan il-messaġġ ittenna b'mod qawwi mill-Mexxeja tal-Istati u tal-Gvernijiet waqt il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2012[6].

Din il-Komunikazzjoni dwar il-politika tfittex li tikkomplementa l-prijoritajiet dwar l-impjiegi tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir bi gwida tal-politiki fuq terminu ta' żmien medju għat-tħaddim tal-miri dwar l-impjiegi ta’ Ewropa 2020. Hija tkompli tibni fuq il-Linji Gwida[7] dwar l-Impjiegi, tistabbilixxi l-azzjonijiet li jeħtieġu enfasi partikolari fil-kuntest attwali u timmira li tibni l-fiduċja fost l-atturi kollha u li tiġġenera l-fiduċja biex jinbdew ir-riformi meħtieġa tal-impjiegi. Filwaqt li tagħmel hekk, qiegħda tirreaġixxi wkoll għas-sejħa tal-Kunsill Ewropew[8] li tappoġġa l-governanza ekonomika ġdida b'monitoraġġ iżjed mill-qrib tal-politiki dwar l-impjiegi u soċjali, b'mod partikolari fejn dawn jistgħu jkollhom impatt fuq l-istabbiltà makroekonomika u fuq it-tkabbir[9].

Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn sensiela ta' Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal, li jagħtu d-dettalji ta' kif il-politiki dwar l-impjiegi jinkroċjaw ma' għadd ta' oqsma politiċi oħra għall-appoġġ ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Meta jitqies kollu kemm hu, dan il-“Pakkett dwar l-Impjiegi”, mhux biss jagħti spinta 'l quddiem lill-inizjattiva ewlenija ta’ Ewropa 2020 dwar "Ħiliet u impjiegi ġodda", iżda jgħin ukoll biex jagħti r-riżultati, permezz ta' sinerġiji mtejba, fir-rigward ta' inizjattivi ewlenija, bħall-"Aġenda Diġitali għall-Ewropa", "Unjoni tal-Innovazzjoni", "Żgħażagħ Attivi", "Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza", "Politika Industrijali għall-Era tal-Globalizzazzjoni", u "Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali". Il-Pakkett dwar l-Impjiegi juri wkoll kif il-baġit tal-UE, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġa r-riforma tas-swieq tax-xogħol u jgħin biex jirriżulta l-investiment meħtieġ fil-kuntest ta' tnaqqis ekonomiku.

Filwaqt li d-dinamiċi tas-swieq tax-xogħol jeħtieġ li jkunu ġġenerati b'mod ewlieni f'livell nazzjonali, din il-Komunikazzjoni tibda tħaddem il-lievi tal-UE għas-sostenn ta' rkupru li jġib abbundanza ta' impjiegi, billi tindirizza ż-żewġ naħat ta' domanda u provvista tas-suq tax-xogħol u timxi lejn il-ħolqien ta' suq tax-xogħol Ewropew ġenwin.

1.           IS-SOSTENN TAL-ĦOLQIEN TAL-IMPJIEGI

Is-sostenn tal-ħolqien tal-impjiegi u tal-allokazzjoni jew l-allokazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema għandu jkollhom fil-mira t-tkabbir ta' attivitajiet, setturi u negozji sostenibbli, b'mod partikolari fost l-SMEs[10]. Il-politika trid tkompli timmira lejn it-titjib kemm fil-produttività kif ukoll fl-impjiegi, b'hekk tikkontribwixxi għal allokazzjoni tar-riżorsi umani li tikkorrispondi għall-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali kif inhuma identifikati fl-Istrateġija Ewropa 2020, u toħloq bilanċ tajjeb bejn is-setturi kummerċjabbli u dawk mhux kummerċjabbli. Għandha ittejjeb ukoll il-qagħda tas-swieq tax-xogħol għal gruppi li huma aktar vulnerabbli, bħaż-żgħażagħ, in-nisa, dawk li għandhom inqas ħiliet, ħaddiema avvanzati fl-età, kif ukoll dawk li jagħmlu parti minn minoranza. B'riflessjoni tal-isfidi strutturali ekonomiċi ewlenin li qed tiffaċċja l-Ewropa, il-miżuri trasversali jridu jkunu komplementati minn azzjoni speċifika f'setturi b’potenzjal partikolarment b'saħħtu ta' impetu għat-tkabbir b'abbundanza ta' impjiegi.

1.1.        Ngħaġġlu l-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomija kollha billi ninkoraġġixxu d-domanda għax-xogħol

Il-politiki dwar l-impjiegi jgħinu fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet tajbin għall-ħolqien tal-impjiegi. Filwaqt li jagħmlu hekk, jistgħu jimmobilizzaw is-sostenn[11] tal-baġit tal-UE (u b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew). Barra miżuri favur in-naħa tal-provvista, bħalma huma ħiliet u investiment fl-attivazzjoni, u servizzi ta' tqabbil tal-ħaddiema mal-impjiegi, hemm ukoll għadd ta' strumenti li jkollhom impatt pożittiv fuq id-domanda għall-ħaddiema:

– Sussidji mmirati lejn impjegaturi li jiffavorixxu l-impjegar ta' nies ġodda. Is-sussidji għall-impjegar intużaw b'mod wiesa' mill-Istati Membri bħala mod biex jittaffew l-effetti ta' qgħad li jġibu l-kriżijiet ekonomiċi, u normalment ikunu mmirati lejn gruppi żvantaġġati. Biex jinħolqu l-inċentivi mixtieqa, is-sussidji għall-impjegar għandhom jimmotivaw lill-impjegaturi biex jimpjegaw nies ġodda, u b'hekk joħloq impjiegi li kieku ma kinux jinħolqu mod ieħor. Jekk il-miżuri jkunu mmirati lejn gruppi vulnerabbli bħalma huma ż-żgħażagħ jew dawk li jkunu ilhom żmien twil qiegħda, dan jista' jkollu effetti pożittivi, partikolarment meta s-sussidji għall-impjegar ikunu kkumbinati ma' sforzi addizzjonali biex jgħinu lill-popolazzjoni fil-mira.

– Tnaqqis tad-differenzi fit-taxxi fuq ix-xogħol b'mod baġitarju newtrali permezz ta' tibdil lejn taxxi ambjentali[12], fuq il-konsum jew fuq il-proprjetà, b'monitoraġġ xieraq tal-effetti tad-distribuzzjoni mill-ġdid. F'ħafna Stati Membri hemm lok għat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi li jagħmlu l-akbar parti mid-differenzi fit-taxxi. Jekk ikun hemm tnaqqis għall-iżjed gruppi żvantaġġati - speċjalment għal dawk li għandhom pagi baxxi - dan mistenni li jkollu impatti pożittivi għall-impjieg tagħhom anki fuq medda twila ta' żmien, għalhekk din hija għodda ppreferita għat-tkabbir tad-domanda għax-xogħol. B'danakollu, it-tfassil u l-implimentazzjoni jridu jitħejjew bl-attenzjoni biex ma jkunx hemm effett negattiv fuq il-prospetti ta' impjieg ta' gruppi li jkunu ineliġibbli (għal ftit). Barra minn hekk, jista' jkun hemm spejjeż li ma jirrendu xejn jekk it-tnaqqis ma jkunx immirat sew.

– Il-promozzjoni u l-appoġġ ta' min jaħdem għal rasu, impriżi tal-ekonomija soċjali u għat-twaqqif ta' negozji ġodda. Dawk li jkunu qed ifittxu impjieg, li huma motivati li jistabbilixxu u jmexxu n-negozji tagħhom jista' jkollhom jegħlbu ħafna tfixkil, li jinkludi nuqqas ta' ħiliet professjonali jew kummerċjali, jew nuqqas ta' possibbiltajiet ta' konsulenza esperta, u d-diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzjament. L-inkoraġġiment ta' mentalità imprenditorjali, aktar disponibbiltà ta' servizzi ta' sostenn għat-twaqqif ta' negozji u ta' mikrofinanzjament , kif ukoll skemi li jdawru l-benefiċċji tal-qgħad f'għotjiet għat-twaqqif ta' negozji, għandhom rwol importanti ta' għajnuna għal min irid jaħdem għal rasu u fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda. Is-sostenn għandu jkun immirat lejn gruppi li għandhom l-aktar potenzjal, (bħalma huma ħaddiema qiegħda li jkollhom ħiliet professjonali, in-nisa jew iż-żgħażagħ), u għandu jiddependi fuq kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi tal-impjiegi, u dawk li jipprovdu l-appoġġ għan-negozji u l-finanzi. L-atturi fl-ekonomija soċjali u l-impriżi soċjali huma muturi importanti tal-ħolqien ta’ impjiegi inklużivi u tal-innovazzjoni soċjali u jeħtieġu appoġġ speċifiku, inkluż permezz tal-akkwist pubbliku u l-aċċess għall-finanzjament.

– It-trasformazzjoni ta' xogħol informali jew mhux iddikjarat għal xogħol regolari. Ix-xogħol mhux iddikjarat huwa illegali. Għandu wkoll implikazzjonijiet serji għall-baġit minħabba tnaqqis fid-dħul mit-taxxi u mill-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali. Għandu impatt negattiv fuq il-produttività u fuq l-istandards tax-xogħol, l-iżvilupp tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja. Jirrappreżenta biss bażi dgħajfa għad-drittijiet tal-pensjoni u għall-aċċess għall-kura tas-saħħa. Il-prevenzjoni tax-xogħol mhux iddikjarat u l-azzjonijiet kontra tiegħu bl-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2009/52/KE li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali, apparti milli tgħin lill-ħaddiema li mhumiex iddikjarati biex jintegraw fis-swieq tax-xogħol regolari, tgħin fil-proċess ta' konsolidazzjoni fiskali billi toħloq kundizzjonijiet ekwi għan-negozji u ttejjeb il-kwalità tal-impjiegi. Tinħtieġ kooperazzjoni mtejba fost l-Istati Membri.

– It-tkabbir tal-porzjon tal-paga li effettivament tidħol fil-bwiet tal-ħaddiema. Il-benefiċċji mogħtija fil-post tax-xogħol jintużaw minn bosta Stati Membri biex itaffu l-faqar ta' min ikollu impjieg jew biex jinkoraġġixxu lin-nies biex jibdew jaħdmu. Karatteristiki komuni ta' skemi li jżidu mal-qliegħ tal-ħaddiema jinkludu li jkunu mmirati lejn individwi jew unitajiet domestiċi bi qliegħ baxx, u tnaqqis gradwali tagħhom hekk kif il-qligħ jibda jiżdied. Il-paga ogħla li tidħol fil-bwiet tal-ħaddiema tirrappreżenta inċentiv għall-ħaddiema li ma għandhomx wisq ħiliet filwaqt li, għal ċertu livell ta' paga, l-impjegatur jimla iktar faċilment il-pożizzjonijiet vakanti jekk il-pressjoni tal-pagi tkun imtaffija. Iżda fit-tfassil tal-benefiċċji tax-xogħol, għandhom jiġu evitati n-nases tal-pagi baxxi. Jinkisbu effetti pożittivi meta jkun hemm disparitajiet ta' qligħ siknifikanti fl-iżjed livell baxx tad-distribuzjoni tal-qligħ.

– L-immodernizzar tas-sistemi li jiffissaw il-pagi biex dawn jallinjaw il-pagi ma' żviluppi fil-produttività u jrawmu l-ħolqien tal-impjiegi. Il-mekkaniżmi li jiffissaw il-pagi biex jiżguraw li t-tkabbir reali fil-pagi jiġi rifless fl-iżviluppi fil-produttività u l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali, huma prekundizzjoni għall-iżgurar li t-tkabbir fil-prodott jkun tradott adegwatement fi tkabbir fid-domanda għall-ħaddiema u fl-aħħar mill-aħħar f’ħolqien ta’ impjiegi. F’konformità mal-prattiki nazzjonali tan-negozjar kollettiv, l-iżviluppi fil-pagi għandhom iqisu l-pożizzjoni kompetittiva tal-Istati Membri. Għalkemm jista’ jkun hemm bżonn ta’ moderazzjoni jew aġġustament fil-pagi f’ċerti setturi jew Stati Membri, żidiet immirati, li jgħinu biex tinżamm id-domanda totali, jistgħu jkunu fattibbli fejn il-pagi jkunu waqgħu lura sinifikattivament meta mqabbla mal-iżviluppi fil-produttività.

1.2.        L-isfruttament tal-potenzjal tas-setturi ewlenin għall-ħolqien tal-impjiegi

L-Ewropa tal-lum qed tiffaċċja bidliet strutturali li ġew identifikati fl-Istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari t-tranżizzjoni lejn ekonomija favur l-ambjent, b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti, it-tixjiħ demografiku tas-soċjetà tagħna u l-bidliet mgħaġġla fit-teknoloġija. Biex tindirizza dawn l-isfidi u tbiddilhom f'opportunitajiet, l-ekonomija tagħna teħtieġ bidla fundamentali f'dawn l-10 snin li ġejjin. It-trasformazzjoni tal-ekonomija fuq dawn il-linji se żżid il-kompetittività u tipprovdi sorsi importanti ta' tkabbir u ta' impjiegi, kif ukoll tkun qed tindirizza l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali. L-SAT 2012 jidentifika tliet oqsma ewlenin li kull wieħed minnhom joffri potenzjal importanti għall-ħolqien tal-impjiegi.

– Iż-żieda fl-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika kienet pożittiva tul ir-riċessjoni, u huwa previst li se tkompli bil-qawwa. Is-setturi tal-użu effiċjenti tal-enerġija u tal-enerġija rinovabbli biss jistgħu joħolqu ħames miljun impjieg sal-2020[13]. L-evoluzzjoni tas-swieq għall-prodotti u s-servizzi, il-politika dwar l-R&D u l-innovazzjoni, oqfsa regolatorji ġodda u strumenti bbażati fuq is-swieq se jwasslu l-istrutturi industrijali u ekonomiċi tagħna għal użu iktar effiċjenti tar-riżorsi, u jwasslu għal definizzjoni mill-ġdid ta' ħafna impjiegi kważi fis-setturi kollha. Filwaqt li setturi li jipproduċu ħafna emissjonijiet tal-karbonju se jiffaċċjaw l-isfida ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u li tuża r-riżorsi b’mod effikaċi b’ħafna impjiegi f’dan is-settur ikollhom jinbidlu, se jinħolqu impjiegi f'setturi ekoloġiċi u li jużaw ftit karbonju, u dan jaffettwa b'mod differenti lil territorji diversi. Jekk it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti fil-bidu se tkun ta’ benefiċċju għall-ħaddiema b’ħafna ħiliet, is-setturi tal-manifattura u tas-servizzi mtejba u sostenibbli x'aktarx maż-żmien jipprovdu għadd ta' impjiegi għal ħaddiema ta' ħiliet medji, u l-ħaddiema ta' ftit ħiliet u ħaddiema avvanzati fl-età se jkollhom jaddattaw ruħhom. Swieq tax-xogħol ta' sostenn u viżjoni tal-ħtiġijiet f'ħiliet huma essenzjali għas-sostenn u l-iżvilupp ta' ekonomija ekoloġika u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti, kif inhu dokumentat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż[14]. Il-maniġment b'suċċess ta' tranżizzjoni daqshekk kbira tirrikjedi l-isforzi konġunti tal-UE u tal-Istati Membri.

– L-impjiegi fis-setturi tas-saħħa u tal-kura soċjali tal-UE qegħdin jiżdiedu b'rata mgħaġġla minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni u t-tkabbir tas-servizzi biex jintlaħqu b'mod iżjed effikaċi l-kundizzjonijiet tal-kwalità u biex jissodisfaw id-domanda li dejjem qed tikber għall-kura personalizzata u servizzi soċjali professjonali. Id-daqs u t-tkabbir mgħaġġel ta' dawn is-setturi (id-doppju taż-żidiet ġenerali fl-impjiegi) jagħti ħjiel li dan se jibqa’ mutur ewlieni fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda fis-snin li ġejjin. Biex dan il-potenzjal ta' ħolqien tal-impjiegi jiġi sfruttat, jeħtieġ li s-setturi jegħlbu għadd ta' sfidi. Dawn jinkludu n-nuqqas li dejjem qed jikber ta' professjonisti fil-qasam tas-saħħa, ħaddiema fis-settur tas-saħħa li qegħdin jikbru fl-età u għadd insuffiċjenti ta' rekluti ġodda biex jieħdu post dawk li qed jirtiraw, l-emerġenza ta' xejriet ġodda fil-kura tas-saħħa biex jindirizzaw kundizzjonijiet kroniċi multipli, l-użu li dejjem qed jiżdied tat-teknoloġiji li jirrikjedu taħlitiet ta' ħiliet ġodda, u żbilanċi fil-livelli tal-ħiliet u fl-iskemi tax-xogħol. Barra minn hekk, ir-reklutaġġ u ż-żamma tal-ħaddiema huma mfixkla minn kundizzjonijiet ta' xogħol impenjattivi kif ukoll minn pagi baxxi li jiżdiedu bil-mod. Iż-żamma ta' provvista u kwalità adegwati ta' servizzi tas-saħħa u soċjali b'baġit li dejjem qed ikun iżjed limitat huwa sfida kemm f'termini soċjali kif ukoll tal-impjiegi, u jinsab dokumentat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż[15]. Barra minn hekk, bħala konsegwenza ta' tibdiliet fl-istruttura tal-familja u dawk demografiċi, u tal-ħtieġa ta' bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja, qegħdin jinħolqu servizzi ġodda li jkopru meded wesgħin ta' attivitajiet u dawn jipprovdu wkoll sors ta’ ħolqien ta' impjiegi, iddokumentati ukoll fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż dwar liema tnediet konsultazzjoni pubblika[16].

– Tibqa’ tikber id-domanda għall-professjonisti tat-Teknoloġija tal-Informatika. L-impjiegi tal-prattikanti tat-Teknoloġija tal-Informatika żdiedu b'madwar 3 % fis-sena, u d-domanda għall-ħaddiema hija ikbar mill-għadd ta' ħaddiema disponibbli. L-iżvilupp u l-użu ta' applikazzjonijiet fit-Teknoloġija tal-Informatika se jsiru kruċjali biex jagħtu spinta lill-kompetittività internazzjonali tan-negozji Ewropej u, permezz ta' hekk, biex jiżdiedu l-impjiegi. Iridu jsiru sforzi kbar fl-edukazzjoni, kif ukoll fil-politiki dwar il-ħiliet tal-ħaddiema, u fl-infrastruttura biex il-kumpaniji u l-ħaddiema Ewropej isiru iżjed litterati u kompetenti fit-Teknoloġija tal-Informatika, kif inhu deskritt fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż[17].

1.3.        Jintużaw il-fondi tal-UE għall-ħolqien tal-impjiegi

Il-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni (il-FSE, il-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni) kif ukoll il-FAEŻR u l-FEMS huma sorsi importanti ta' investiment li jistimulaw it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Dawn jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni. Għal bejn l-2014 u l-2020, il-Kummissjoni pproponiet li tallinja mill-qrib dawn l-istrumenti finanzjarji mal-miri ta’ Ewropa 2020[18]. Huwa kruċjali li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jutilizzaw ir-riżorsi disponibbli kemm jista' jkun u bihom biex jiksbu l-aqwa riżultati, sabiex l-Ewropa tkun tista’ tiżviluppa u tirrealizza l-potenzjal ekonomiku tagħha, b’żied ta’ impjiegi kif ukoll ta’ produttività.

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) barra milli jikkofinanza l-miżuri ta' attivazzjoni tas-suq tax-xogħol, inklużi s-sussidji biex jiġu impjegati l-ħaddiema, korsijiet ta' taħriġ professjonali u imprenditorjali u skemi ta' mikrofinanzjament, ifassal u jintroduċi l-politiki dwar l-impjieg madwar l-UE. Għall-perjodu ta' bejn l-2014 u l-2020, il-Kummissjoni pproponiet ishma minimi tal-FSE li jirrappreżentaw volum ta' mill-inqas EUR 84 biljun, biex jindirizzaw il-prijoritajiet tal-investiment bħall-aċċess għall-impjieg għal min qed ifittex ix-xogħol u nies qiegħda, l-integrazzjoni sostenibbli ta' żgħażagħ li telqu mill-iskola, li huma qiegħda jew li mhux qed isegwu xi taħriġ (NEETs) fis-suq tax-xogħol anki permezz ta' "garanziji għaż-żgħżagħ”, l-impjieg indipendenti, l-intraprenditorija u l-ħolqien tan-negozju, kif ukoll l-investimenti fl-edukazzjoni u fl-inklużjoni soċjali u l-bini tal-kapaċitajiet fl-amministrazzjoni pubblika.

Il-kontribut tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-ħolqien tal-impjiegi, bejn l-2014 u l-2020, se jissaħħaħ permezz tal-konċentrazzjoni proposta ta’ riżorsi fuq l-iżvilupp u l-innovazzjoni fir-riċerka teknoloġika, fuq żieda fil-kompetittività tal-SMEs u appoġġ għall-bidla għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, inkluża l-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u l-użu tal-enerġija b’mod effikaċi. Il-FEŻR se jinvesti wkoll fis-settur tat-Teknoloġija tal-Informatika u se jikkumplementa l-finanzjament tal-FSE fil-promozzjoni tal-impjiegi u fis-sostenn tal-mobbiltà tal-ħaddiema, pereżempju billi jiffinanzja l-infrastruttura tas-servizzi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tal-impjiegi u fis-sostenn tal-impjiegi indipendenti u l-ħolqien tan-negozji. Se jappoġġa wkoll l-investiment fl-infrastruttura marbuta mas-saħħa u dik soċjali.

Il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress tipprovdi l-appoġġ għal min jaħdem għal rasu u għall-mikrokumpaniji billi tipprovdi l-garanziji u l-investimenti ffinanzjati għall-intermedjarji tal-mikrofinanza madwar l-UE. Din hija mistennija li ssostni sa EUR 500 miljun ta' mikrokreditu bil-fondi fil-perjodu ta’ bejn l-2007 u l-2013, u l-Kummissjoni pproponiet li testendiha għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020 biex tindirizza segmenti tas-suq li mhumiex moqdijin biżżejjed u biex iżżid l-aċċess għall-finanzjament għall-impriżi soċjali. Id-disponibbiltà tal-mikrofinanzi hija appoġġata wkoll minn għadd ta' strumenti rotattivi kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew mill-Fond Soċjali Ewropew.

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG), li l-Kummissjoni wkoll ipproponiet li għandu jkompli fil-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020, jgħin fil-maniġment tal-proċessi ta' ristrutturazzjoni billi jikkofinanzja t-taħriġ mill-ġdid ta' ħaddiema għal ħiliet ġodda u miżuri ta' tfittxija ta' xogħol għal dawk il-ħaddiema affettwati minn sensji bil-massa minħabba t-tibdil fix-xejriet tal-kummerċ globali.

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jappoġġa d-diversifikazzjoni tal-impjiegi f’attivitajiet mhux agrikoli u fl-iżvilupp ta’ negozji rurali żgħar, inkluż permezz ta’ investiment fil-ħiliet, it-trasferiment tal-għarfien u għajnuna tal-bidu għal bdiewa żgħażagħ.

Il-Fond Ewropew għas-Sajd, li bejn l-2014 u l-2020 għandu jiġi inkorporat f’Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) uniku, jappoġġa t-tranżizzjoni lejn sajd sostenibbli, kif ukoll id-diversifikazzjoni tal-ekonomiji lokali, inkluż permezz ta’ taħriġ u appoġġ għan-negozji ż-żgħar.

IL-ĦOLQIEN TAL-IMPJIEGI

Il-Kummissjoni tipproponi:

– Sensiela ta' Azzjonijiet Ewlenin għall-Impjiegi għall-Ekonomija Ekoloġika;

– Pjan ta' Azzjoni dwar l-Impjiegi fil-qasam tal-Kura tas-Saħħa;

– Sensiela ta' Azzjonijiet Ewlenin għall-Impjiegi fit-Teknoloġija tal-Informatika,

li kull waħda minnhom hija annessa ma' din il-Komunikazzjoni u deskritta f'aktar dettall fid-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal korrispondenti.

Il-Kummissjoni tniedi:

– konsultazzjoni dwar il-potenzjal għal impjiegi ta' kwalità fis-servizzi personali u tal-familja;

– konsultazzjoni dwar it-twaqqif ta' pjattaforma fil-livell tal-UE bejn spettorati tax-xogħol u korpi oħra ta' infurzar li jaħdmu kontra x-xogħol mhux iddikjarat, bil-mira li tittejjeb il-kooperazzjoni, li jkun hemm skambju tal-aħjar prassi u li jiġu identifikati prinċipji komuni għall-ispezzjonijiet sa tmiem l-2012;

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex:

–           imexxu 'l quddiem mingħajr dawmien lill-Istrateġija Ewropa 2020, u filwaqt li jibnu fuq l-orjentazzjonijiet politiċi ta' din il-komunikazzjoni, jadottaw approċċ ambizzjuż u politiki favur il-ħolqien tal-impjiegi bħala parti mill-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Impjiegi (fil-Programmi Nazzjonali tagħhom ta' Riforma).

2.           INĠEDDU D-DINAMIKA TAS-SWIEQ TAX-XOGĦOL

Is-swieq tax-xogħol jistgħu jkunu dinamiċi biss jekk il-politiki dwar l-impjiegi jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet li jżidu l-produttività u l-kwalità tal-impjiegi, jekk il-forza tax-xogħol ikollha l-ħiliet xierqa, u jekk in-nies ikunu mobbli biżżejjed li jirreaġixxu għax-xejriet ġeografiċi tal-impjiegi li jirrikjedu l-ħaddiema. L-Istrateġija Ewropa 2020 tenfasizza b'mod partikolari r-riforma tas-swieq tax-xogħol, l-iżvilupp tal-kapital uman u l-mobbiltà ġeografika biex il-forza tax-xogħol tal-UE tkun armata aħjar għat-tibdil u biex toffri l-opportunitajiet ta' impjieg.

2.1.        Nirriformaw is-swieq tax-xogħol

Il-prinċipji komuni tal-UE ta' flessikurtà għadhom stadju politiku importanti fil-bini ta' swieq tax-xogħol dinamiċi, li jfittxu li jqabbdu sew lill-Istati Membri fit-triq ta' riformi strutturali integrati tas-swieq tax-xogħol. Il-flessikurtà tiġbor għadd ta' politiki tas-suq tax-xogħol (arranġamenti kuntrattwali, miżuri attivi tas-swieq tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja, u sistemi ta' ħarsien soċjali), b'mod integrat u konsistenti, biex tagħti spinta kemm lill-flessibbiltà kif ukoll lis-sigurtà, u ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-swieq tax-xogħol għall-proċessi ta' aġġustament ekonomiku.

Matul il-kriżi, għadd ta' Stati Membri wettqu riformi strutturali importanti tas-swieq tax-xogħol, u ħadu miżuri temporanji biex isalvaw l-impjiegi. Iżda jidher ċar li l-progress lejn iżjed flessibbiltà u sigurtà kien moderat u irregolari. Fi sfond ta' diffikultajiet baġitarji, id-dibattitu kurrenti fl-UE dwar il-flessikurtà fil-kuntest tal-inizjattiva ewlenija Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda (An Agenda for New Skills and Jobs) wasslet għall-identifikazzjoni ta' għadd ta' miżuri meħtieġa biex jgħinu lis-swieq tax-xogħol jaġġustaw b'reazzjoni għall-kriżi u għall-isfidi strutturali fil-kuntest tal-Ewropa 2020[19].

Kull pass ieħor fir-riformi strutturali tas-swieq tax-xogħol għandu jindirizza l-aspetti notevolment dawn li ġejjin:

2.1.1.     L-Assikurazzjoni tat-tranżizzjonijiet fis-swieq tax-xogħol u swieq tax-xogħol inklużivi

– Nużaw il-flessibbiltà interna biex jitnaqqsu l-insikurtà u l-ispejjeż fiskali. Il-kriżi wriet li fi żminijiet ta' tnaqqis ekonomiku l-flessibbiltà interna tista' tkun effettiva ħafna bħala mezz li jinżammu l-impjiegi u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-aġġustamenti. L-użu ta' kontijiet tal-ħin tax-xogħol jew ta' banek tas-sigħat, arranġamenti ta' ħinijiet tax-xogħol qosra (short-time working arrangements - STWA) u negozjar kollettiv li jiftaħ il-klawżoli dwar xi kundizzjonijiet tax-xogħol, għenu biex salvaw l-impjiegi u l-kompetittività tal-kumpaniji billi evitaw is-sensji jew ipposponewhom. Minkejja li l-STWAs ħafna drabi naqqsu xi ftit jew wisq il-produttività, b'danakollu għenu biex salvaw il-ħiliet, l-impjiegi u l-fiduċja, u b'mod ġenerali swew inqas mill-ispejjeż marbutin mal-benefiċċji tal-qgħad. Iżda minħabba li l-kapaċità fiskali għall-finanzjament ta' dan it-tip ta' skema bħalissa hija mnaqqsa iżjed milli kienet sentejn ilu, id-djalogu soċjali fuq livell ta' kumpaniji u livelli ogħla minn hekk sar għandu rwol iżjed importanti biex jgħin li jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet għall-flessibbiltà interna.

– Pagi li huma diċenti u sostenibbli u l-evitar tan-nassa tal-pagi baxxi. Anki qabel ma kien hemm il-kriżi, li wieħed ikollu impjieg mhux dejjem kien garanzija kontra l-faqar, u fl-UE r-rata tan-nies li għalkemm jaħdmu huma foqra għadha ogħla minn 8 %. Ir-riskju tal-faqar minkejja l-impjieg għadu għoli, partikolarment f'pajjiżi fejn id-distribuzzjoni tar-rati tal-pagi mhijiex ekwa u l-paga minima hija baxxa, fost dawk li huma impjegati b'kuntratti temporanji u li jiġu minn unitajiet domestiċi fejn ma hemmx biżżejjed persuni fl-impjieg, jew familji b'ġenitur wieħed[20]. L-istabbiliment ta' pagi minimi f'livelli xierqa jista' jgħin biex jiġi evitat il-faqar, li dejjem qed jiżdied, ta' min ikun impjegat[21], u huwa fattur importanti li jiżgura kwalità tajba ta' impjiegi. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fil-preżent għandhom pagi minimi stabbiliti jew statutorji jew vinkolanti b'xi mod ieħor, jew applikabbli b'mod ġenerali[22]. L-impatt tal-paga minima kemm fuq id-domanda kif ukoll fuq il-provvista jista' jvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor, dan jiddependi kemm fuq il-livell li jkun ġie ffissat kif ukoll fuq politiki u istituzzjonijiet oħra tas-swieq tax-xogħol. Il-pagi bażiċi għandhom ikunu jistgħu jiġu aġġustati b’mod suffiċjenti, bl-involviment tal-imsieħba soċjali biex jirriflettu l-iżviluppi ekonomiċi ġenerali. Il-pagi minimi differenzjati, kif inhuma diġà applikati f'ħafna Stati Membri, jistgħu, f'dan il-kuntest, ikunu mezz effettiv li jżomm d-domanda għall-ħaddiema f'livell tajjeb.

– Niżguraw li t-tranżizzjonijiet jagħtu frott. Il-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol tirrikjedi s-sigurtà fit-tranżizzjonijiet fl-impjiegi. Karriera tul il-ħajja li tkun karatterizzata minn għadd ta' tibdiliet ta' xogħol, kultant 'il fuq, iżda wkoll orizzontali u anki 'l isfel, illum il-ġurnata hija realtà għal ħafna ħaddiema, u b'mod partikolari għall-ħaddiema żgħażagħ. Il-kwalità tat-tranżizzjonijiet tiddetermina l-kwalità tal-karriera ta' ħaddiem. Is-sigurtà matul il-karriera, anki waqt it-tranżizzjonijiet minn status għal ieħor fis-suq tax-xogħol (pereżempju mit-taħriġ għall-impjieg, mil-liv tal-maternità għall-impjieg, tranżizzjonijiet lejn ix-xogħol indipendenti u l-intraprenditorija, eċċ.), hija essenzjali biex tipprovdi l-mezzi meħtieġa mill-individwi biex iżommu l-impjegabbiltà tagħhom u jieħdu riżultati tajbin mit-tranżizzjonijiet. Ċerti oqsma tistħoqqilhom attenzjoni partikolari: it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għax-xogħol fejn hemm evidenza li turi li l-apprendistati u skemi ta' taħriġ jistgħu jkunu mezzi tajbin bħala ċavetta għad-dinja tax-xogħol, iżda hemm ukoll eżempji ripetuti ta' skemi ta' taħriġ li qegħdin jintużaw ħażin, l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, billi jingħataw pagi ndaqs, faċilitajiet xierqa għall-kura tat-tfal, titwarrbu kull diskriminazzjoni[23] u d-diżinċentiv tal-benefiċċji għat-taxxa, li jiskoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa, u t-titwil kemm jista' jkun tal-liv tal-maternità u tal-ġenituri, u tranżizzjonijiet ta' ħaddiema li huma avvanzati fl-età fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-pensjoni u t-titwil tas-snin ta' xogħol, li jirrikjedu miżuri komprensivi, bħalma huma l-inċentivi tal-benefiċċji għat-taxxa, aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja permezz ta' gwidi għall-karriera u taħriġ, arranġamenti ta' ħinijiet flessibbli ta' xogħol għal min ikollu bżonn, u postijiet tax-xogħol sikuri u fejn m’hemmx theddid għas-saħħa tal-ħaddiema.

– Responsabbiltajiet reċiproki għall-appoġġ tat-tranżizzjonijiet mill-qgħad għall-impjieg. Il-livelli għoljin kurrenti ta' qgħad jirrikjedu li l-iskemi tal-benefiċċji tal-qgħad li jagħtu sostenn fit-tranżizzjoni mill-qgħad lura għax-xogħol, għandhom ikunu adattabbli biżżejjed biex jistimolaw ritorn bla dewmien lejn l-impjieg sostenibbli. Matul il-kriżi l-kopertura tal-benefiċċji tal-qgħad ġiet estiża f’ċerti każijiet, biex tinkludu ċerti gruppi li qabel ma kinux imħarsa, b'mod partikolari l-ħaddiema temporanji, u kien hemm estensjoni tad-drittijiet f'sitwazzjonijiet oħra. B’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni baġitarja mwegħra f’ħafna mill-Istati Membri, huwa essenzjali li dawn jinżammu sakemm il-kriżi jibqa' jkollha impatt. Fejn ma hemmx ħafna domanda għall-ħaddiema, it-tneħħija tal-benefiċċji tista' żżid ir-riskju tal-faqar mingħajr ma żżid l-għadd ta' nies qiegħda li jagħmlu t-tranżizzjoni lejn l-impjieg. Il-miżuri ta' attivazzjoni għandu jkollhom għan doppju li jżommu l-inċentivi biex il-qiegħda jidħlu fix-xogħol filwaqt li jiżguraw introjtu, billi jipprovdu l-għajnuna personalizzata għat-tiftix ta' xogħol u jħarsu lin-nies qiegħda mill-periklu tal-faqar.

– Niżguraw arranġamenti kuntrattwali xierqa biex tiġi evitata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. Id-drittijiet assoċjati mal-arranġamenti kuntrattwali huma fattur ieħor li jagħmel il-kwalità tat-tranżizzjonijiet fraġili. Il-provi juru li l-biċċa l-kbira tal-impjiegi maħluqa f'dawn l-aħħar snin (anki qabel il-kriżi) kienu bbażati fuq kuntratti temporanji u forom irregolari oħrajn ta' impjieg[24]. Dan żied il-fluwidità tas-suq tax-xogħol u ppermetta lill-kumpaniji li jaddattaw lill-ħaddiema għal forom ġodda ta' produzzjoni u organizzazzjoni ta' xogħol. Żewġ Direttivi stabbilixxew[25] ix-xogħol part-time u x-xogħol għal terminu ta' żmien fiss fuq il-bażi tal-prinċipju tat-trattament ugwali, filwaqt li Direttiva[26] iżjed riċenti tfittex li tirregola x-xogħol ta' aġenti temporanji b'mod simili. Preferenza ċara tal-impjegaturi għal dan it-tip ta' relazzjoni kuntrattwali hija minħabba l-ispejjeż ħafna ogħla ta' flus li jitħallsu lill-impjegati b'kuntratti mingħajr żmien fiss/regolari meta jagħlaq il-kuntratt tagħhom. Barra minn hekk, f'ħafna każi dawn l-impjiegi ma jservux ta' tarġa li twassal għal forom ta' xogħol aktar permanenti. Għaldaqstant jinħtieġu riformi meqjusa u bbilanċjati fil-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi biex tissewwa s-segmentazzjoni jew biex jintemm l-użu eċċessiv ta' kuntratti mhux regolari u l-abbuż ta' xogħol indipendenti falz. B'mod iżjed ġenerali, kull tip ta' arranġament kuntrattwali għandu jagħti l-aċċess għal nukleu ta' drittijiet (inklużi drittijiet tal-pensjoni) u inklużi l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, għall-ħarsien soċjali, u għall-ħarsien finanzjarju f'każ ta' sensja mingħajr ħtija, lill-impjegati minn meta jiġi ffirmat il-kuntratt.

– Nantiċipaw ir-ristrutturar ekonomiku. Minkejja kundizzjonijiet tas-suq avversi, ħafna kumpaniji fl-UE u l-forzi tax-xogħol tagħhom, fil-parti l-kbira, wettqu proċessi kreattivi ta' ristrutturar li kienu kostruttivi, effettivi u strumentali biex jillimitaw it-telf ta' impjiegi, permezz ta' arranġamenti innovattivi, spiss bl-appoġġ tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-UE. Tabilħaqq, tul dawn l-aħħar sentejn kien hemm domanda qawwija biex jitfaslu miżuri biex jappoġġaw l-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi bejn il-kumpaniji u l-impjiegi. Dawn il-miżuri jinkludu bidliet fil-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi u l-prattiki kummerċjali marbutin mar-ristrutturar korporattiv, kif ukoll taħriġ xieraq u politiki ta' attivazzjoni li, flimkien ma' sistemi tal-benefiċċji tal-qgħad imfasslin tajjeb, jgħinu lill-ħaddiema li jisfaw bla impjieg biex isibu impjiegi u professjonijiet oħra. Il-Kummissjoni se tkompli tibni fuq ir-reazzjoni għall-Green Paper tagħha dwar ir-ristrutturar[27] biex ixxerred l-aħjar prassi u tiżgura segwitu xieraq).

– Niżviluppaw it-tagħlim tul il-ħajja bħala mezz ta' sigurtà fl-impjieg. L-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, kemm f'sitwazzjonijiet ta' impjieg kif ukoll ta' qgħad, huwa essenzjali biex tinżamm l-impjegabbiltà. F'dan ir-rigward, l-impenn tal-impjegatur li jħarreġ lill-forza tax-xogħol tiegħu, b'mod partikolari lill-ħaddiema bi ftit ħiliet u dawk li huma relattivament anzjani, huwa essenzjali. Għan-nies qiegħda, partikolarment dawk ta' ftit ħiliet u l-gruppi vulnerabbli, huma essenzjali l-gwida għall-karriera individwalizzata u t-taħriġ f'ħiliet li huma rilevanti għas-suq. Iżda teknoloġiji ġodda flimkien mal-globalizzazzjoni naqqsu dejjem iżjed ix-xogħol li jirrikjedi ħiliet ta' livell medju, u dan qajjem il-ħtieġa għal politiki dwar it-tagħlim mill-ġdid ta' ħiliet ġodda għall-ħaddiema b'ħiliet ta' livell medju. Ir-riċessjoni għaġġlet il-polarizzazzjoni fl-impjiegi (billi eliminat l-impjiegi li jirrikjedu ħiliet medji), bir-riskju li l-qasma bejn impjiegi ta' kwalità baxxa u dawk ta' kwalità għolja dejjem tikber, u b'hekk ġew limitati l-opportunitajiet għall-mobbiltà fil-karrieri, u dan irid jiġi indirizzat.

– Noffru l-opportunitajiet liż-żgħażagħ. L-iżjed li qegħdin ibatu minħabba l-kriżi ekonomika u l-problemi strutturali tas-suq tax-xogħol huma ż-żgħażagħ Ewropej, kif ġie stabbilit reċentement fl-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ[28]. Il-Kummissjoni tikkonferma mill-ġdid l-impenn tagħha li tindirizza l-livelli drammatiċi ta' qgħad taż-żgħażagħ, anki billi timmobilizza l-finanzjament tal-UE disponibbli[29]. Bi tweġiba għal sejħa tal-Kunsill Ewropew[30], l-appoġġ tat-tranżizzjoni għax-xogħol, pereżempju permezz ta' garanziji għaż-żgħażagħ, miżuri ta' attivazzjoni mmirati lejn iż-żgħażagħ, il-kwalità tal-iskemi tat-taħriġ[31], u l-mobbiltà taż-żgħażagħ għandhom ikunu prijoritizzati.

2.1.2.     Nimmobilizzaw l-atturi kollha għal implimentazzjoni aħjar

– Nirrinfurzaw id-djalogu soċjali. Is-suċċess tal-politiki dwar l-impjiegi jiddependi b'mod kruċjali fuq li jkun hemm kunsens dwar ir-riformi. F'ħafna każi, ir-responsabbiltà tat-tfassil u l-implimentazzjoni ma tkunx f'idejn il-gvernijiet waħedhom, iżda tkun ukoll f'idejn l-imsieħba soċjali. Karatteristika komuni tal-pajjiżi fejn is-swieq tax-xogħol kienu l-iżjed reżiljenti għall-kriżi hija l-importanza li tingħata lid-djalogu soċjali. Fl-ewwel fażi tal-kriżi, il-kontribut tal-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet interni tal-flessikurtà kien fundamentali biex itaffi x-xokk li kkawżat ir-riċessjoni. Huwa essenzjali li tiġi stabbilita strateġija ta' riformi komuni li jlestu l-kundizzjonijiet għal ħolqien sostenibbli ta' impjiegi ta' kwalità fil-ġejjieni, u fejn l-imsieħba soċjali jkollhom rwol attiv fil-livelli kollha fit-tħejija u fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi. F'għadd dejjem jikber ta' kumpaniji, dan il-kontribut ħa s-sura ta' ftehimiet transnazzjonali bejn il-kumpaniji, li permezz tagħhom jingħataw reazzjonijiet li jkun sar qbil dwarhom, f'livell Ewropew, għall-isfidi kkawżati mill-kriżi, u jitwaqqfu l-mekkaniżmi li jindirizzaw it-tibdil. Il-ftehimiet transnazzjonali bejn il-kumpaniji diġà jkopru aktar minn 10 miljun impjegat; jeħtieġ li r-rwol tagħhom ikun iżjed rikonoxxut u appoġġat.

– Niddefinixxu mill-ġdid is-servizzi ewlenin u ċentrali tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (SPI). L-SPI huma l-implimentaturi ewlenin tal-politiki ta' attivazzjoni li jgħinu fit-tmexxija bla intoppi tat-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Biex iwettqu xogħolhom b'mod komprensiv, l-SPI jridu jinbidlu f'"aġenziji tal-ġestjoni tat-tranżizzjoni" billi jipproduċu taħlita ġdida tal-funzjonijiet "attivi" u "passivi" li jappoġġaw it-tranżizzjonijiet sostenibbli tul il-karriera tal-ħaddiema. Il-komponenti ewlenin għandhom ikunu l-aktar l-intelliġenza tas-suq tax-xogħol, miżuri tas-suq tax-xogħol attivi u preventattivi kif ukoll appoġġ għall-impjegabbiltà minn stadju bikri, it-twassil ta' servizzi individwalizzati, l-użu tas-servizzi elettroniċi u l-iżvilupp ta' sħubiji b'saħħithom, b'mod partikolari ma' servizzi oħra tal-impjiegi, anki fi Stati Membri oħra.

– Niġbru r-riżorsi tagħna flimkien u niffukaw fuq sħubiji effettivi. Fi żminijiet meta l-fondi għall-investiment huma skarsi, il-ġbir flimkien tar-riżorsi finanzjarji u materjali huwa essenzjali daqs il-ġbir tal-atturi għal għan komuni. Eżempju wieħed jista' jkun il-ġbir tar-riżorsi minn gruppi ta' impjegaturi. Billi jingħaqdu flimkien fuq il-bażi ta' ħtiġijiet simili ta' reklutaġġ u taħriġ, gruppi ta' SMEs jistgħu jegħlbu l-inkapaċità individwali tagħhom li jiġbdu l-persunal ikkwalifikat u jistabbilixxu politiki konġunti dwar ir-riżorsi umani. Is-sħubiji fil-livell xieraq territorjali jistgħu jgħinu lit-tranżizzjonijiet jirnexxu billi jinkludu servizzi tal-impjiegi tas-setturi pubbliċi, privati u tat-tielet settur, tal-organizzazzjonijiet tas-sigurtà soċjali, tal-muniċipji u tal-gvernijiet reġjonali, ta' dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, tal-NGOs, tal-istituzzjonijiet tal-assistenza soċjali eċċ. Il-kompożizzjoni tas-sħubiji għandha tiġi ddeterminata skont il-komplementarjetajiet tal-forniment tas-servizz, kif ukoll skont l-allokazzjoni kosteffikaċi tar-riżorsi.

IR-RIFORMI TAS-SWIEQ TAX-XOGĦOL

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex:

– Mingħajr dewmien imexxu 'l quddiem l-Istrateġija Ewropa 2020 u, billi jibnu fuq l-orjentazzjonijiet politiċi ta' din il-komunikazzjoni, jadottaw approċċ ambizzjuż u politiki għal riformi tas-swieq tax-xogħol bħala parti mill-Pjanijiet Nazzjonali tagħhom għall-Impjiegi (Il-Programmi ta' Riforma Nazzjonali).

Il-Kummissjoni se:

– Tressaq proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għall-Iskemi tat-Taħriġ sa tmiem l-2012, fuq il-bbażi ta' konsultazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni[32];

– Tressaq proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Garanziji għaż-Żgħażagħ sal-aħħar tal-2012 u tappoġġa l-miżuri ta' attivazzjoni mmirati lejn iż-żgħażagħ fil-kuntest tal-Iskemi ta' Garanziji għaż-Żgħażagħ.

– Tiżviluppa aktar azzjoni biex ixxerred l-prassi tajba u tippromwovi d-diskussjoni dwar il-Ftehimiet Transnazzjonali bejn il-Kumpaniji.

– Sa tmiem l-2012 telabora, flimkien man-netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi pjan ta' azzjoni Ewropew għat-twassil ta' servizzi rilevanti u effettivi tal-impjiegi fil-prattika u l-implimentazzjoni reali tagħhom f’termini tal-mudelli, l-għanijiet u l-kompiti tal-SPI fid-dawl tal-miri ta’ Ewropa 2020;

– Tfassal forom ġodda ta' impjieg, bħall-ġbir tar-riżorsi bejn min iħaddem, u tirrapporta dwar prijoritajiet komuni għal reazzjonijiet politiċi korrispondenti biex tappoġġa azzjonijiet li jirrendu lill-organizzazzjonijiet iżjed aġili u kapaċi jirrispondu għall-isfidi filwaqt li jagħtu spinta 'l quddiem liż-żamma fit-tul tal-impjiegi u lill-ħolqien tal-impjiegi.

2.2.        Ninvestu fil-ħiliet

L-Osservatur tal-Postijiet Vakanti tal-UE jindika li l-ħiliet ta’ livell għoli għadhom importanti, anki minħabba għadd dejjem jikber ta' postijiet ta' impjieg vojta li għalihom ma hemmx il-ħiliet rilevanti disponibbli[33]. Il-ħtiġijiet tal-ħiliet fis-swieq tax-xogħol tal-UE jridu jiġu antiċipati, u n-nuqqasijiet ta' qbil magħhom iridu jiġu indirizzati malajr. Huwa meħtieġ li l-ħaddiema jingħataw il-ħiliet meħtieġa għall-impjiegi biex ikun jista’ jsir ħolqien tal-impjiegi. L-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jridu jifhmu biċ-ċar x'inhuma l-ħtiġijiet biex ikunu jistgħu jantiċipaw aħjar it-tibdil ekonomiku u jindirizzaw in-nuqqas ta' tlaqqigħ bejn il-ħiliet u l-impjiegi. Minkejja l-livelli għolja ta' qgħad, in-nuqqasijiet ta’ ħiliet ġew identifikati f'setturi u/jew reġjuni speċifiċi. In-nuqqas ta' qbil bejn il-ħiliet disponibbli u l-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol jikkonċernaw lill-Istati Membri kollha, iżda ma jaffettwawhomx bl-istess mod. Biex jindirizzaw dawn l-isfidi, bosta pajjiżi bdew it-twaqqif ta' strateġiji u għodda nazzjonali biex jindirizzaw dan in-nuqqas ta' tlaqqigħ bejn il-ħiliet u l-impjiegi. F'livell Ewropew, inbeda t-twaqqif ta' għadd ta' azzjonijiet u strumenti mħabbra fl-inizjattiva ewlenija ta’ Ewropa 2020 "Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda". Madwar l-UE, il-Fond Soċjali Ewropew huwa sors ewlieni ta' investimenti fil-ħiliet, bi EUR 30 biljun mill-FSE ipprogrammati għall-ħiliet u għat-tagħlim tul il-ħajja fil-perjodu ta' bejn l-2007 u l-2013.

2.2.1.     Nimmonitorjaw aħjar il-ħiliet meħtieġa

Għadd ta' strumenti tal-UE ġew żviluppati biex jipprevedu u jantiċipaw il-ħiliet meħtieġa: L-Osservatur tal-Postijiet Vakanti fl-Ewropa jipprovdi t-tagħrif dwar postijiet vakanti u tensjonijiet fi żmien qasir fis-suq tax-xogħol, filwaqt li s-Cedefop żviluppa b'mod regolari l-previżjonijiet fuq medda twila ta' żmien u min-naħa tiegħu l-Eurofound jipprovdi t-tagħrif essenzjali mill-istħarriġ tal-impjegaturi u tal-ħaddiema dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, element wieħed min-nuqqas ta' tlaqqigħ bejn l-impjiegi u l-ħiliet. Dan l-aħħar il-Kummissjoni appoġġat ukoll it-twaqqif ta' Kunsilli Ewropej dwar Ħiliet marbuta mas-Setturi, biex tikseb għarfien aktar dettaljat tal-ħtiġijiet fil-livell settorjali.

Iżda l-Ewropa għad ma għandhiex perspettiva komprensiva tal-ħiliet li teħtieġ. Il-Panorama tal-Ħiliet tal-UE, li se tinbeda sal-aħħar tal-2012, hija l-ewwel pass lejn il-konverġenza tal-għodod kollha eżistenti ta' antiċipazzjoni. Il-Panorama se tipprovdi perspettiva ġenerali unika tas-sejbiet Ewropej, nazzjonali u settorjali, dwar il-prospetti fi żmien qasir sa dak medju, tal-ħtiġijiet ta' impjiegi u ħiliet hekk kif jevolvu sal-2020. Il-Panorama se tgħin fl-identifikazzjoni ta' nuqqasijiet ta' ħiliet emerġenti f'impjiegi speċifiċi transettorjali jew fis-setturi. Hija se tkun riżorsa għall-osservatorji tal-ħiliet f'livelli nazzjonali, reġjonali jew settorjali u għall-professjonisti tal-edukazzjoni u fl-għoti ta’ gwida fil-karriera, kif ukoll konsulenti dwar l-impjiegi u s-servizzi. Il-kooperazzjoni fost il-korpi tal-UE li jwettqu l-previżjonijiet u l-istħarriġ, bħall-Eurofound u s-Cedefop se tittejjeb ukoll. Billi jiffokaw l-analiżi tagħhom b'mod aktar sistematiku fuq kull pajjiż, huma jżidu l-fehim tal-iżviluppi nazzjonali u jinformaw l-aġenda tar-riforma strutturali ta’ Ewropa 2020. Il-konverġenza tal-għodod u l-istrumenti se tibqa’ l-aqwa prijorità biex tindirizza b'mod iżjed effikaċi l-ħtiġijiet għall-ħiliet.

2.2.2.     Nirrikonoxxu aħjar il-ħiliet u l-kwalifiki

Għodda tal-UE bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) jew is-CV Europass ġiet stabbilita biex tgħin lil dawk li jiċċaqilqu minn istituzzjoni edukattiva għal oħra, minn kumpanija għal oħra, minn settur jew pajjiż għal ieħor madwar l-Ewropa u tiffaċilita t-trasparenza tal-ħiliet u l-kwalifiki. Fuq il-bażi tal-iżviluppi tal-QEK, trid tiġi inkluża referenza għal-livell Ewropew tal-kwalifiki fil-kwalifiki individwali kollha fl-Ewropa. Il-qafas nazzjonali tal-kwalifiki għandu jinfetaħ ukoll għall-kwalifiki maħruġin fil-livell tas-settur ekonomiku. Is-CV Europass se tkun ikkomplementata b’Passaport tal-Ħiliet, li jkun fih deskrizzjoni ġenerali tal-ħiliet ta' persuna, indipendentement minn kif ġew żviluppati dawn il-ħiliet.

2.2.3.     Sinerġija aħjar bejn id-dinja tal-edukazzjoni u dik tax-xogħol

Kooperazzjoni mill-qrib bejn id-dinja tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol, kemm f'livell politiku kif ukoll f'livell ta' ħidma, hija essenzjali biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ bejn il-ħiliet u l-impjiegi. F'livell politiku, hija meħtieġa l-kooperazzjoni bejn il-korpi rilevanti tal-Kunsill (EPSCO u EYC) permezz tal-Kumitati (EMCO, Il-Kumitat dwar l-Edukazzjoni) biex jiġi żgurat it-tfassil ta' politiki li jagħtu frott.

F'livell operazzjonali, jinħtieġu sinerġiji biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol. Mod kif nistgħu nimxu 'l quddiem huwa permezz ta' studji tul ċikli ta' żmien qasir fil-livelli terzjarji li jkunu mmirati partikolarment lejn dawk il-ħiliet li huma meħtieġa f'setturi fejn ġew identifikati nuqqasijiet ta' ħiliet.

Barra minn hekk, l-Alleanzi tal-Għarfien diġà qed jibnu kooperazzjoni aktar strutturata bejn l-universitajiet u l-kumpaniji, u qed joħolqu kurrikuli ġodda li jippromwovu l-intraprenditorija, is-soluzzjoni tal-problemi u l-ħsieb kreattiv. L-alleanzi bejn id-dinja tal-edukazzjoni u l-kumpaniji fuq livell tal-UE għandhom jespandu biex jinkludu l-fornituri tal-edukazzjoni vokazzjonali u tat-taħriġ biex jittraduċu l-analiżi tal-Kunsilli dwar il-Ħiliet marbutin mas-Setturi f'kurrikuli u metodi ta' taħriġ prattiċi.

Il-klassifikazzjoni multilingwi Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi u l-Impjiegi (Skills, Competences and Occupations) (ESCO) li fil-preżent qed tiġi żviluppata, għandha tgħin ukoll biex tippromwovi l-kooperazzjoni bejn is-swieq tax-xogħol u s-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ billi din torbot il-ħiliet u l-kompetenzi mal-impjiegi. Barra minn hekk, ir-rabta bejn l-għodda tal-ħiliet bħalma huma s-CV Ewropea u l-passaporti tal-ħiliet, inkluż il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, se jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet lejn is-swieq tax-xogħol u fihom stess.

Dawn l-għodod u l-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn sforzi għall-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, b’żieda tal-kwantità, il-kwalità u r-rilevanza tal-provvista tal-ħiliet. Il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva fit-tieni nofs tal-2012 biex tuża l-edukazzjoni u t-taħriġ biex tiġġenera t-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività.

NINVESTU FIL-ĦILIET

Sabiex tindirizza n-nuqqasijiet ta' tlaqqigħ bejn ħiliet u impjiegi fl-UE u ttejjeb l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet, il-Kummissjoni se:

– Tfittex, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-imsieħba soċjali, li s-Cedefop u l-Eurofound jikkomplementaw l-għarfien tagħhom f'livelli tal-UE u settorjali, b'għarfien aktar sod speċifiku għall-pajjiżi, u li tiġi rinfurzata l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet;

– tniedi Panorama tal-Ħiliet fl-UE, ibbażata notevolment fuq l-Osservatur tal-Postijiet Vakanti fl-Ewropa sal-aħħar tal-2012;

– tibda fażi ġdida fir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet bi gwida għal indikazzjoni sistematika ta' livelli tal-Qafas Ewropew ta' Kwalifiki fil-kwalifiki ġodda kollha li se jinħolqu fl-UE, u komplementarjetajiet aktar sodi mal-Qafas tal-Kwalifiki għall-Edukazzjoni Għolja;

– mill-2013 'il quddiem tiżgura li mill-inqas kwart mill-kwalifiki li jinħarġu ta' kull sena jkollhom referenza għal-livell Ewropew tal-kwalifiki li jilħqu;

– tniedi l-Passaport Ewropew tal-Ħiliet sa tmiem l-2012;

– tappoġġa t-twaqqif ta' netwerk ta' rappreżentanti mis-setturi tal-impjiegi u tal-edukazzjoni biex jappoġġaw il-governanza tal-ħiliet.

2.3.        Lejn suq tax-xogħol Ewropew

Il-maġġoranza tas-swieq tax-xogħol Ewropej huma karatterizzati minn koeżistenza ta' livelli persistentement għolja ta' qgħad f'ħafna oqsma u postijiet vakanti li għalihom hemm nuqqas ta' ħaddiema, f'reġjuni jew setturi li qegħdin jikbru ħafna[34]. In-nuqqasijiet ta’ tlaqqigħ strutturali bejn il-provvista ta' ħaddiema u d-domanda għalihom huma komuni. Kif kien enfasizzat fl-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir tal-2012[35] il-mobbiltà tal-ħaddiema madwar l-Ewropa għandha rata baxxa wisq[36] meta mqabbla mad-daqs ġenerali tas-swieq tax-xogħol tal-UE u l-popolazzjonijiet attivi korrispondenti, bir-riżultat li dan ifixkel l-aġġustamenti fl-allokazzjoni ta' riżorsi li jistgħu jsostnu t-tkabbir ekonomiku u ż-żidiet fl-impjiegi. It-tisħiħ tal-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol Ewropew u l-assigurazzjoni ta' tlaqqigħ effettiv bejn id-domanda u l-provvista tal-ħaddiema huma kruċjali biex l-opportunitajiet kollha ta' impjieg jiġu sfruttati. F'dan ir-rigward, il-mobbiltà ma tfissirx biss li l-ħaddiema jmorru fejn hemm l-impjiegi, jew li jkollhom aċċess għal impjiegi aħjar; iżda hija assoċjata wkoll ma' titjib fil-ħiliet ġeneriċi u okkupazzjonali u żżid l-adattabbiltà u l-impjegabbiltà.

2.3.1.     Inneħħu x-xkiel legali u prattiku għall-moviment ħieles tal-ħaddiema

Għad hemm tfixkil kbir għall-mobbiltà tal-ħaddiema fl-UE. Xi diffikultajiet huma kulturali, bħalma huma l-lingwi jew l-alloġġament jew id-diskriminazzjoni, u dawn għandhom għeruq fil-fond fis-soċjetà u huma diffiċli li jintgħelbu f'terminu ta' żmien qasir. Mill-parti tiegħu, it-tfixkil minħabba l-lingwi jista' jintgħeleb bil-finanzjament ta' skemi ta' taħriġ immirati fuq il-lingwi barranin għall-ħaddiema mobbli. Dan jeħtieġ azzjoni biex joħloq attitudnijiet aktar miftuħa lejn l-opportunitajiet kollha li toffri l-mobbiltà madwar l-Ewropa. B'danakollu, il-ħaddiema li jkunu lesti li jaħdmu u jgħixu barra jiffaċċjaw diffikultajiet oħra[37] li huma marbuta mal-eżerċizzju tad-drittijiet li jingħataw skont il-liġi tal-UE u appoġġ inadegwat għall-mobbiltà ġeografika fl-UE. Minkejja li hemm "aquis" leġiżlattiv wiesa’[38], iċ-ċittadini Ewropej għadhom jiffaċċjaw tfixkil amministrattiv u prattiku meta jaqsmu l-fruntieri:

– F'disa' Stati Membri għad hemm fis-seħħ ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess ħieles għas-suq tax-xogħol għall-ħaddiema mill-Bulgarija u mir-Rumanija, minkejja l-impatt pożittiv ġenerali li kellha l-mobbiltà tal-ħaddiema minn dawn il-pajjiżi fuq l-ekonomija ta' dawk il-pajjiżi li rċivewhom[39]. Filwaqt li tirrikonoxxi d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tax-xogħol sal-31 ta' Diċembru 2013 skont it-Trattat tal-Adeżjoni, il-Kummissjoni ttenni l-importanza ta' tħejjija ftit ftit għall-applikazzjoni sħiħa tal-liġi tal-UE dwar il-moviment ħieles għall-ħaddiema Bulgari u Rumeni.

– Ir-restrizzjoni għall-aċċess għal ċerti pożizzjonijiet fis-servizz pubbliku lil nies ta' nazzjonalità tal-pajjiż skont l-Artikolu 45(4) tat-TFUE. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja konsistentement saħqet li din l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv u tkopri biss pożizzjonijiet li jinvolvu parteċipazzjoni diretta jew indiretta fl-eżerċizzju ta' poteri mogħtija mil-liġi pubblika u kompiti maħsuba biex jissalvagwardjaw l-interessi ġenerali tal-Istat jew ta' awtoritajiet pubbliċi oħra[40]. Dawn il-kriterji għandhom jiġu evalwati f’kull każ għalih.

– In-nuqqas ta' rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali għadu problema reali għall-funzjonament effikaċi tas-Suq Uniku u b'mod partikolari għall-moviment ħieles u l-mobbiltà tal-ħaddiema. Fid-19 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għall-modernizzazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali[41] biex b’hekk tadattaha għal swieq tax-xogħol li qed jevolvu. Il-proposta tintroduċi Karta Professjonali Ewropea għall-professjonisti li jiċċaqilqu spiss u tipprovdi aċċess aħjar għas-servizzi tal-informazzjoni tal-gvern elettroniku.

– Il-biża’ tat-telf ta' drittijiet marbutin mas-sigurtà soċjali u mal-pensjoni għadu problema ewlenija għall-ħaddiema u dawk li jkunu qegħdin ifittxu x-xogħol u li jkunu qegħdin jikkunsidraw li jmorru f'pajjiż Ewropew ieħor. Aspett maġġuri huwa d-dritt ta' min qed ifittex ix-xogħol fi Stat Membru ieħor li jżomm l-intitolament għall-benefiċċji tal-qgħad għal aktar minn tliet xhur. Minkejja li l-liġi tal-UE tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jestendu d-dritt għal dan l-intitolament għall-massimu ta' sitt xhur, dan id-dritt għadu mhuwiex assigurat mill-prattiki nazzjonali rispettivi.

– Barra minn hekk, ħafna ħaddiema mobbli għadhom ma jafux x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Il-Kummissjoni ttenni l-ħtieġa li tkun iggarantita l-applikazzjoni korretta tar-Regolamenti[42] dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, billi dawn jagħmlu enfasi partikolari fuq l-obbligi tal-Istati Membri li jipprovdu għajnuna attiva liċ-ċittadini fl-infurzar tad-drittijiet tagħhom[43]. B'mod ġenerali, jekk ma jiġux applikati r-regoli eżistenti tal-UE, il-Kummissjoni se jkollha tistudja mekkaniżmi ta' rinfurzar addizzjonali biex jinkiseb il-moviment ħieles għall-ħaddiema b'mod reali. L-għarfien inadegwat dwar id-drittijiet tal-UE u l-aċċess diffiċli għall-għajnuna meta d-drittijiet jinkisru, ukoll jibqgħu kwistjonijiet iktar mifruxa. Fil-qafas tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni u l-istati Membri qed jaħdmu id f’id biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni u servizzi bla ħlas ta’ għajnuna bħal Pariri tal-Ewropa Tiegħek u Solvit permezz tal-portal l-Ewropa Tiegħek.

– It-tfixkil ikkawżat mit-taxxi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE li jsiefru lejn Stat Membru ieħor temporanjament jew b'mod permanenti biex jaħdmu, u dawk li jaqsmu l-fruntieri kuljum għax-xogħol, iżid xkiel sinifikanti għall-mobbiltà tal-ħaddiema fl-UE. Dan it-tfixkil huwa magħmul minn firxa sħiħa ta' diffikultajiet pereżempju biex jakkwistaw l-allowances, il-ħelsien u t-tnaqqis mit-taxxi fil-pajjiż fejn jaħdmu jew rati tat-taxxa progressivament ogħla li japplikaw għan-nies mhux residenti, u problemi ta' tassazzjoni doppja.

2.3.2.     Intejbu t-tlaqqigħ tal-impjiegi ma' dawk li qegħdin ifittxu xogħol transkonfinali

Billi hemm biss 25 000 impjegatur irreġistrat u jsibu impjieg/jiġu reklutati madwar 150 000 persuna fis-sena, l-għodda tas-Servizzi Ewropej għall-Impjiegi (EURES) għadha ma għamlitx użu sħiħ tal-potenzjal ta' impjieg dirett tagħha. Il-Kummissjoni għaldaqstant biħsiebha tiffoka lill-EURES fuq it-tlaqqigħ, il-lokalizzazzjoni u r-reklutaġġ, biex b'hekk jilħaq lil kemm jista’ jkun persuni u jkollu l-akbar kapaċità ta' kopertura permezz ta' self-services innovattivi fil-lingwi Ewropej kollha u interoperabbiltà semantika sħiħa fl-iskambju ta' postijiet vakanti u dejta tas-CVs[44]. B'riżultat ta' dan, il-EURES se jkun jista’ jagħti aċċess iżjed faċli u immedjat għall-postijiet vakanti fl-UE, filwaqt li joffri provvista li dejjem tinbidel ta' kandidati lill-impjegaturi, minn fejn dawn ikunu jistgħu jsibu l-ħiliet li jeħtieġu biex ikabbru n-negozju tagħhom.

Il-EURES se jitwessa’ wkoll permezz ta' skemi mmirati ta' mobbiltà għall-ħaddiema li jappoġġaw tipi ta' xogħol li għalihom ma hemmx biżżejjed ħaddiema u gruppi speċifiċi ta' ħaddiema li għandhom tendenza kbira li jiċċaqilqu, kif ukoll swieq tax-xogħol nazzjonali li qegħdin jilqgħu jew li se jilqgħu ħaddiema Ewropej. F'dan ir-rigward il-EURES se jagħmel użu sħiħ tal-analiżi tal-postijiet vakanti u r-reklutaġġ, żviluppata mill-Kummissjoni permezz ta' għodod differenti bħalma huma l-Osservatorju Ewropew tal-Pożizzjonijiet Vakanti[45] u l-Bulettin Ewropew dwar il-Mobbiltà fix-Xogħol[46]. Konsultazzjoni regolari mal-partijiet interessati rilevanti, bħall-imsieħba soċjali u s-servizzi għall-impjiegi, tkompli tgħin lill-EURES biex tindirizza l-pożizzjonijiet vakanti li għalihom hemm nuqqas ta’ ħaddiema u li dwarhom ġew identifikati diffikultajiet ta’ reklutaġġ.

L-għan huwa li l-EURES isir punt ta' dħul u l-ewwel għażla naturali għal kull ċittadin jew ħaddiem residenti legalment u kull min qed ifittex ix-xogħol u kull impjegatur li jkunu qed jaħsbuha li jaħdmu jew jirreklutaw f'pajjiż Ewropew ieħor, biex b'hekk tittejjeb l-effiċjenza tas-suq tax-xogħol Ewropew[47].

2.3.3.     Inqisu l-impatti tal-migrazzjoni lejn l-UE u 'l barra mill-UE

Minħabba li l-ħtiġijiet għall-ħaddiema fl-iżjed setturi ekonomiċi dinamiċi se jogħlew b'mod sinifikanti minn issa sal-2020, filwaqt li dawk involuti f’attivitajiet li jirrikjedu ftit ħiliet se jibqgħu jonqsu, hemm possibbiltà kbira li ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema biex jimlew il-postijiet li jeħtieġu ħiliet bi kwalifiki li huma speċifikati għal xogħlijiet partikolari. Fuq medda qasira ta' żmien, il-mobbiltà fl-Ewropa tista' tgħin biex jittaffew nuqqasijiet speċifiċi ta' ħaddiema u/jew ta' qbil bejn l-impjiegi u l-ħaddiema fl-UE-27. Fuq medda itwal ta' żmien, u b'mod partikolari minħabba l-iżvilupp demografiku tal-UE, l-immigrazzjoni ekonomika minn ċittadini ta' pajjiż terz għandha tiġi kkunsidrata b'mod ewlieni għas-suq tax-xogħol tal-UE. Iżda livelli ta' qgħad li baqgħu għolja b'mod persistenti f'ħafna Stati Membri affettwaw l-aċċettazzjoni tal-pubbliku tal-immigrazzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li għadd ta' Stati Membri qegħdin jiffaċċjaw l-emigrazzjoni mill-UE ta' ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet minħabba l-kriżi ekonomika.

LEJN SUQ TAX-XOGĦOL EWROPEW

Il-moviment ħieles tal-ħaddiema

Il-Kummissjoni se:

– Tressaq proposta leġiżlattiva sa tmiem l-2012 biex issostni l-ħaddiema mobbli (tagħrif u pariri) fl-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mit-Trattat u r-Regolament 492/2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni[48].

– Fl-2012, se tagħti spinta ġdida lill-ħidma fuq id-Direttiva dwar it-trasferibbiltà tal-pensjonijiet li tistabbilixxi standards minimi għall-ksib u l-preżervazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni supplementari.

– Tkompli ttejjeb il-portal l-Ewropa Tiegħek biex ikun hemm punt ta’ aċċess wieħed biss għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-UE u aċċess faċli għal servizzi ta’ għajnuna personalizzata bħal Pariri tal-Ewropa Tiegħek u Solvit.

– Teżamina l-miżuri tat-taxxa għall-ħaddiema transfruntiera bil-għan li tipproponi miżuri mmirati lejn it-tneħħija tal-ostakoli tat-taxxa li jiffaċċjaw il-ħaddiema impjegati minn xi ħadd u dawk dipendenti, iżda anki minn dawk f’impjieg indipendenti u l-pensjonanti.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex:

– Jadottaw il-proposta tal-Kummissjoni għall-immodernizzar tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, biex b’hekk ikompli jiġi ffaċilitat r-rikonoxximent wisq meħtieġ tal-kwalifiki professjonali.

– Ikabbru l-għarfien tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-UE kontra d-diskriminazzjoni u dwar l-ugwaljanza tas-sessi u l-moviment ħieles tal-ħaddiema u jiftħu u jiffaċilitaw l-aċċess għal nies ta' nazzjonalitajiet tal-UE għal pożizzjonijiet fis-setturi pubbliċi tagħhom skont il-liġi tal-UE kif inhi interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

– Jerġgħu jikkunsidraw il-bżonn li jinżammu r-restrizzjonijiet eżistenti fuq l-aċċess ħieles għas-suq tax-xogħol minn ħaddiema Bulgari u Rumeni sal-aħħar tal-perjodu ta' tranżizzjoni.

– Jesportaw il-benefiċċji tal-qgħad għal perjodu massimu ta' sitt xhur għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu x-xogħol li jkunu intitolati għal dawn il-benefiċċji u li jkunu sejrin joqogħdu fi Stat Membru ieħor biex ifittxu x-xogħol, skont l-Artikolu 64 tar-Regolament 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali.

– Joħolqu kanali ta' komunikazzjoni aktar effikaċi mal-ħaddiema mobbli biex dawn ikollhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom meta jmorru minn pajjiż għal ieħor fl-Ewropa.

– Jiffaċilitaw l-osservanza tat-taxxi billi jfittxu aktar konformità fil-formoli għall-irkupru u d-dikjarazzjoni tat-taxxa, billi jittraduċu l-informazzjoni għal lingwi uffiċjali oħra tal-UE u jużaw iktar it-teknoloġiji tal-informatika.

Is-Servizzi Ewropej tal-Impjieg (EURES)

Il-Kummissjoni tipproponi:

Li tittrasforma s-Servizzi Ewropej għall-Impjiegi (EURES) fi strument Ewropew komprensiv ta' impjieg f'konformità mal-miri ta’ Ewropa 2020, billi:

– Tpoġġih f'pożizzjoni li jintuża bħala għodda Ewropea ta' lokalizzazzjoni u ta' reklutaġġ, li tissodisfa l-ħtiġijiet ekonomiċi filwaqt li tissodisfa l-obbligu legali li tiġi żgurata t-trasparenza tal-postijiet vakanti b'għodda elettronika ta' tlaqqigħ tal-ħaddiema mal-impjiegi, u dan jinkludi l-applikazzjonijiet tal-internet għall-mowbajls biex ikunu żgurati l-ikbar kopertura u disponibbiltà possibbli;

– Fl-2013 tintroduċi s-self-service elettroniku innovattiv "Match and Map" (Qabbel u Sib) li b'mod immedjat jipprovdi lill-utenti l-pożizzjonijiet ġeografiċi fuq mappa tal-offerti tax-xogħol Ewropej li jaqblu mal-profili tal-utenti u fl-istess ħin jagħtu lura l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet għaliex impjiegi u ħiliet ma jaqblux, flimkien ma' informazzjoni korrispondenti dwar fejn ikunu disponibbli l-opportunitajiet ta' tagħlim tal-ħiliet meħtieġa.

Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri biex itejbu l-użu tagħhom tal-EURES:

– Billi jiżguraw li l-postijiet vakanti rilevanti kollha mis-servizzi għall-impjieg kollha jsiru aċċessibbli b'mod sistematiku f'livell nazzjonali u permezz tal-EURES f'livell Ewropew;

– Jissorveljaw u jtejbu l-kwalità tad-dejta dwar il-pożizzjonijiet vakanti li tiġi skambjata fis-sistema tal-EURES;

– Jaħdmu biex jaslu għal interoperabbiltà aħjar fl-Ewropa kollha tal-pożizzjonijiet vakanti u CVs imtejba, u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ESCO (Qafas Ewropew ta' Kapaċitajiet, Kompetenzi u Xogħol);

– Li jdaħħlu l-EURES bħala servizz miftuħ għall-atturi rilevanti kollha tas-suq tax-xogħol.

Il-Migrazzjoni

Il-Kummissjoni tipproponi:

– li qabel it-tmiem tal-2012 tibda konsultazzjoni fejn tistieden li ssir diskussjoni wiesgħa mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, u mal-partijiet interessati dwar x'għandu jkun ir-rwol tal-politiki tal-UE fir-rigward tal-opportunitajiet tal-migrazzjoni ekonomika.

3.           IT-TITJIB TAL-GOVERNANZA TAL-UE

Is-Semestru Ewropew kien l-ewwel pass fl-approċċ il-ġdid li qed jiġi adottat f'livell tal-UE, li permezz tiegħu l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE qegħdin ifittxu li jsaħħu l-koordinazzjoni fiskali u ekonomika u jfasslu politika ekonomika koerenti. Is-Semestru huwa wkoll il-metodu effettiv ta' governanza għall-monitoraġġ u l-iggwidar tal-implimentazzjoni ta' azzjonijiet li jappoġġaw il-miri ta’ Ewropa 2020. Barra minn hekk, il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali reċentement issaħħet permezz tas-"six-pack", it-“two-pack” propost u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-governanza u l-koordinazzjoni mtejba tal-impjiegi fl-UE saru essenzjali għal mill-inqas żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni hi li l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, il-qgħad u l-ispiża tax-xogħol għandhom rwol fl-istabbiltà makroekonomika, u jitqiesu fir-regolament il-ġdid dwar il-prevenzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi u tat-tiswija tagħhom. It-tieni raġuni hi li l-kriżi wriet aktar biċ-ċar l-interdipendenza tal-ekonomiji tal-UE u s-swieq tax-xogħol, u enfasizzat il-ħtieġa li l-governanza ġdida ekonomika għandha tmur id f'id ma' koordinazzjoni msaħħa tal-politiki dwar l-impjiegi u dawk soċjali, konformi mal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi stabbilita mit-Trattat.

3.1.        Sorveljanza multilaterali mtejba tikkomplementa r-rappurtaġġ u l-koordinazzjoni nazzjonali rinforzati

Il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2011 irrikonoxxa l-importanza li koordinazzjoni ekonomika rinfurzata tiġi kkumplementata b'monitoraġġ imtejjeb tal-politiki dwar l-impjiegi u soċjali[49]. Dan l-impenn politiku reġa' ġie kkonfermat mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2012, li għamel sejħa għat-tħejjija ta' "Pjanijiet Nazzjonali għall-Impjiegi" li jistabbilixxu inizjattivi komprensivi dwar l-impjiegi, mill-Istati Membri.

Bħala parti integrali mill-Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Stat Membru, il-"Pjan Nazzjonali għall-Impjiegi" għandu jipprovdi riżultat ewlenin fir-rigward tal-gwida dwar l-impjiegi mogħtija mill-Kunsill Ewropew, fl-indirizz ta' dgħufiji strutturali tas-suq tax-xogħol u bl-għan li jagħmel impatt fuq terminu ta' żmien minn qasir għal medju fuq l-impjiegi. Il-pjanijiet għandhom jinkludu skeda ċara ta' kif se tiġi introdotta l-aġenda tar-riforma multiannwali fit-12-il xhar li ġejjin.

Barra milli jissodaw il-fokus tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma dwar it-titjib tar-riżultati fl-impjiegi, il-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Impjiegi għandhom iservu wkoll biex itejbu l-koordinazzjoni tal-politiki dwar l-impjiegi f'livell tal-UE. Pressjoni reċiproka miżjuda f'livell tal-UE tista' tappoġġa l-implimentazzjoni u tgħin biex jinżamm il-fokus. Il-lieva ewlenija għall-pressjoni reċiproka tibqa' l-possibbiltà li l-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi kif inhu previst fit-Trattat. Biex jissoda l-koordinazzjoni tal-politiki, il-Kumitat dwar l-Impjiegi din is-sena adotta metodi ġodda ta' ħidma, b'sensiela ta' reviżjonijiet mill-pari li se jippermettu li l-Kumitat jasal għal pożizzjoni multilaterali dwar l-implimentazzjoni tar-riformi, li se tinfluwenza l-valutazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill. Is-sorveljanza multilaterali tista' wkoll tiġi mtejba aktar b'sistema ta' monitoraġġ tas-suq tax-xogħol imsejsa fuq dejta oġġettiva u bi skema ta' traċċar ta' pajjiżi li ma jikkonformawx mar-rakkomandazzjonijiet speċifikati għalihom. Din tkun tippermetti sorveljanza kontinwa, trasparenti u kompleta tal-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-impjiegi u l-progress tagħhom lejn il-miri ewlenin ta’ Ewropa 2020.

3.2.        Nirrinfurzaw l-involviment tal-imsieħba soċjali

L-imsieħba soċjali jista' jkollhom rwol importanti fil-livell nazzjonali fid-definizzjoni tar-regoli tas-swieq tax-xogħol jew fl-iffissar tal-pagi, u jinfluwenzaw b'mod qawwi lil politiki strutturali oħra permezz ta' konsultazzjonijiet tripartiti, pereżempju fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Huma importanti wkoll fl-implimentazzjoni ta' miżuri bħal apprendistati u tagħlim tul il-ħajja effettiv. F'livell tal-UE, l-imsieħba soċjali attwalment qegħdin jieħdu sehem fi djalogu biennali makroekonomiku, apparti li jieħdu sehem f'konsultazzjonijiet dwar proposti leġiżlattivi rilevanti u li darbtejn fis-sena jieħdu sehem fi skambju ta' opinjonijiet fl-ogħla livell politiku fis-Summit Soċjali Tripartitiku[50]. Kemm id-djalogu makroekonomiku u kemm is-Summits Soċjali Tripartitiċi jikkostitwixxu opportunitajiet importanti għall-involviment tal-imsieħba soċjali, anki fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Iżda hemm lok għal aktar titjib tal-mekkaniżmi għall-involviment tal-imsieħba soċjali fil-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi u dwar l-impjiegi fil-livell tal-UE, partikolarment qabel is-Semestru Ewropew[51].

Filwaqt li l-awtonomija tad-djalogu soċjali hija żgurata u l-prattiki nazzjonali huma rispettati (skont l-Artikoli 152 u 153§5 TFUE) biex il-governanza ekonomika Ewropea ssir effettiva u inklużiva, l-involviment tal-imsieħba soċjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi jrid ikun proporzjonat mal-iżviluppi fil-mekkaniżmi ta' sorveljanza u koordinazzjoni. Il-mekkaniżmi għall-iffissar tal-pagi huma każ validu, minħabba li tqajjem għadd ta' kwistjonijiet marbutin mal-pagi fir-rakkomandazzjonijiet[52] tal-2011 li huma speċifiċi għall-pajjiżi, u minħabba li l-evoluzzjoni tal-ispejjeż nazzjonali għal kull unità ta’ ħidma qiegħda tiġi ssorveljata fil-kuntest tal-prevenzjoni u tat-tiswija tal-iżbilanċi makroekonomiċi[53].

3.3.        Insaħħu r-rabta bejn il-politiki u l-finanzjament

Ma jkunx possibbli li jinbnew swieq tax-xogħol dinamiċi u inklużivi, li jitnaqqas it-tqabbil ħażin, li jiġu aġġornati l-ħiliet u li tiżdied il-mobbiltà ġeografika mingħajr investiment finanzjarju sinifikanti fil-kapital uman. Għalhekk, fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali għal bejn l-2014 u l-2020, il-Kummissjoni pproponiet allokazzjonijiet minimi għall-Fond Soċjali Ewropew f'kull tip ta' reġjun, li jwasslu għal total għall-UE ta' mill-inqas EUR 84 biljun. Minbarra l-valutazzjoni (mill-ġdid) meħtieġa tal-prijoritajiet nazzjonali baġitarji fil-kuntest ta' konsolidazzjoni fiskali intelliġenti, ikkoordinata permezz tas-Semestru Ewropew, l-allinjament mill-qrib tal-baġit tal-UE mal-istrateġija Ewropa 2020 fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, irid jinħataf bħala okkażjoni biex jiżdied u jittejjeb l-użu tal-finanzjament tal-UE biex isostni l-isforzi għar-riforma tal-Istati Membri[54].

Dan jitlob rabta mill-qrib tal-prijoritariet tal-Kuntratti ta' Sħubija u tal-Programmi Operazzjonali ta' wara l-2013 li jibbenefikaw mis-sostenn tal-FSE bl-orjentazzjonijiet ipprovduti fil-kuntest tal-governanza ekonomika tal-UE, u b'mod partikolari tal-governanza mtejba tal-politiki dwar l-impjiegi. Fl-istess ħin il-Kummissjoni qed tippromwovi koordinazzjoni u integrazzjoni mtejba tal-fondi li għandhom jiġu koperti mill-Kuntratti ta' Sħubija, inklużi l-FSE u l-FEŻR, kif ukoll il-FAEŻR u l-FEMS. Dan l-approċċ jimmira li jtejjeb is-sinerġiji kemm hu possibbli, anki mill-perspettiva tal-impjiegi.

Ir-reviżjoni msaħħa tal-pari tal-implimentazzjoni tar-riformi u tal-iskambju tal-aħjar prassi li se jiffurmaw parti mir-rwol il-ġdid tal-Kumitat tal-Impjiegi, għandha tinkludi wkoll valutazzjoni tal-effikaċja tal-isforz ta' investiment relatat bil-għan li dan ikompli jittejjeb fejn hemm bżonn.

Il-Kummissjoni tipproponi:

li tirrinforza l-koordinazzjoni u s-sorveljanza multilaterali fil-qasam tal-politiki tal-impjiegi billi:

– tippubblika sistema ta' valutazzjoni komparattiva b'indikaturi tal-impjiegi magħżulin flimkien mal-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi u fuq bażi annwali. Is-sistema se titfassal bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri u tkun ibbażata fuq il-Qafas Konġunt ta' Valutazzjoni u l-Osservatur tal-Prestazzjoni tal-Impjiegi eżistenti li jidentifika l-isfidi ewlenin għall-impjiegi u li huwa żviluppat flimkien mal-Istati Membri.

– sal-aħħar tal-2012 bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri u l-atturi kollha rilevanti, tiżviluppa tabella ta' valutazzjoni biex issegwi l-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Impjiegi, bħala parti mill-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Riforma, mill-Istati Membri, għall-ewwel darba bħala parti mill-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013 (Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi).

li ssaħħaħ l-involviment tal-imsieħba soċjali tal-UE fis-Semestru Ewropew billi:

– tistabbilixxi involviment effettiv tal-imsieħba soċjali tal-UE dwar il-prijoritajiet stateġiċi ewlenin fil-qasam tal-politiki dwar l-impjiegi i) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew biex isir skambju tal-ideat dwar il-prijoritajiet għat-tkabbir u l-impjiegi, u ii) qabel il-laqgħat tar-rebbiegħa tal-Kunsilli ECOFIN u EPSCO. Il-laqgħa tal-EPSCO tkun tinvolvi l-Presidenza tal-Kunsill;

– mingħajr ħsara għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali mogħtija permezz tal-Artikolu 152 tat-Trattat, tistabbilixxi format tripartitiku tal-UE għall-monitoraġġ u għall-iskambju tal-ideat dwar l-iżviluppi fil-pagi meta mqabbla mal-produttività, l-inflazzjoni u d-domanda interna, il-qgħad u l-inugwaljanzi tal-introjtu.

li ssaħħaħ ir-rabta bejn il-politiki dwar l-impjiegi u l-istrumenti finanzjarji rilevanti billi:

– fit-tħejjija ta' Kuntratti ta' Sħubija u Programmi Operattivi għal bejn l-2014 u l-2020, tirrifletti mill-qrib il-prijoritajiet tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, u b'mod partikolari tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Impjiegi, inkluż il-qafas ta' prestazzjoni tagħhom, filwaqt li tqis ir-rakkommandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet rilevanti tal-Kumitat tal-Impjiegi, li huma speċifiċi għall-pajjiżi.

– fejn jeħtieġ, u fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi kif previsti fl-Artikolu 21 tar-regolament dwar id-dispożizzjonijiet komuni għall-Fondi CSF, tirrevedi l-Kuntratti ta' Sħubija u l-Programmi Operattivi.

– tqis il-valutazzjoni li tirriżulta mill-qafas tal-prestazzjoni tal-fondi fit-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma matul il-perjodu bejn l-2014 u l-2020.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex:

– permezz tal-Kumitat tal-Impjiegi, tħejji l-mekkaniżmi għal sorveljanza multilaterali rinfurzata fil-qasam tal-impjiegi;

– jiddiskutu u jadottaw dawn il-mekkaniżmi ġodda fil-qafas tal-Kumitat tal-Impjiegi, bil-mira li jiġu approvati b'mod bikri mill-Kunsill u għall-implimentazzjoni sħiħa waqt is-Semestru Ewropew tal-2013;

– jagħmlu użu sħiħ mill-finanzjament li jkun ipprovdut b'amministrazzjoni konġunta mill-2014 'il quddiem fi ħdan il-Fond Soċjali Ewropew biex isostni l-investimenti fi sfidi ewlenija identifikati tal-impjiegi.

Konklużjoni

L-għanijiet ta' din il-komunikazzjoni huma li turi l-iktar mezzi effettivi fil-qagħda attwali biex tintlaħaq il-mira tal-impjiegi li hemm f’Ewropa 2020 u b’hekk tirrinforza d-dimensjoni tal-impjiegi tal-Istrateġija għat-Tkabbir ta’ Ewropa 2020. Il-komunikazzjoni tfittex li dan tagħmlu billi tipprovdi gwida sostantiva rilevanti fil-kuntest tal-Pjanijiet Nazzjonali tal-Impjiegi tal-Istati Membri, u billi tissuġġerixxi modi biex tissaħħaħ id-dimensjoni tal-impjiegi fil-governanza tal-UE:

- Il-Kummissjoni tipproponi gwida għall-politika dwar l-appoġġ tal-ħolqien tal-impjiegi u riformi tas-swieq tax-xogħol, filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-investiment, u tistieden lill-Kunsill biex jadotta approċċ ambizzjuż għal dan l-għan.

- Il-Kummissjoni tissottolinea biex tindirizza n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet mal-impjiegi u ttejjeb l-mobbiltà tal-ħaddiema utneħħi t-tfixkil għal suq tax-xogħol ġenwin Ewropew.

- Il-Kummissjoni tipproponi mezzi kif issaħħaħ is-sorveljanza multilaterali, ittejjeb l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-governanza tax-xogħol u tkompli tallinja l-politika u l-finanzjament sabiex timmassimizza r-riżultati fir-rigward tal-impjieg milħuqin permezz ta’ strumenti tal-baġit tal-UE.

ANNESS

It-tliet pjanijiet ta’ azzjoni f’dan l-anness (sett ta’ azzjonijiet ewlenin fir-rigward tal-impjieg għall-Ekonomija Ekoloġika, pjan ta’ azzjoni għall-Forza tax-Xogħol fis-settur tas-Saħħa tal-UE u sett ta’ azzjonijiet ewlenin għall-Impjiegi fis-settur tal-ICT) huma proposti f’konformità mat-Taqsima 1.2 “L-isfruttament tal-potenzjal tas-setturi ewlenin għall-ħolqien tal-impjiegi” f’din il-Komunikazzjoni. Dawn huma sostnuti wkoll minn Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal differenti

Sensiela ta' Azzjonijiet Ewlenin għall-Impjiegi għall-Ekonomija Ekoloġika

Bħala reazzjoni għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-EPSCO ta' Diċembru 2010 dwar "Employment Policies for a competitive, low-carbon, resource efficient and green economy" (Politiki tal-Impjieg għal ekonomija kompetittiva, b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti u li hi ekoloġika), qegħdin jitressqu sensiela ta' azzjonijiet ewlenija dwar l-impjiegi bil-għan li tinkiseb b'suċċess it-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika.

Il-Kummissjoni se:

1. Tippromwovi l-inklużjoni tal-impjiegi ekoloġiċi fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Impjiegi

- billi taħdem flimkien mal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) biex ikomplu jibnu fuq l-indikaturi dwar l-impjiegi ekoloġiċi u jiżguraw monitoraġġ konsistenti tal-miżuri ta' riforma;

- billi tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-allokazzjoni u taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema permezz ta' politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol u t-tagħlim tul il-ħajja, anki billi tinkorpora dawn ir-reazzjonijiet politiċi fl-istrateġiji ta' żvilupp reġjonali, urban jew lokali, skont kif ikun xieraq;

- billi, fis-Semestru Ewropew tal-2013, tenfasizza d-dimensjoni tal-impjiegi li tittratta l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa. B'mod partikolari, l-Istati Membri se jitħeġġu li jagħmlu aktar użu mit-taxxi ambjentali u d-dħul mill-ETS biex inaqqsu t-tassazzjoni fuq il-ħaddiema.

2. Issaħħaħ l-intelliġenza fil-ħiliet ekoloġiċi

- billi tiżgura li l-istrumenti ta' antiċipazzjoni tal-ħiliet fil-livell tal-UE (l-istħarriġ tal-Panorama tal-Ħiliet tal-UE, tal-ESCO, tas-CEDEFOP u tal-EUROFOUND eċċ.) ikopru l-ħtiġijiet emerġenti għal ħiliet ekoloġiċi;

- billi fl-2013 torganizza sensiela ta' azzjonijiet ta' tagħlim reċiproku b'atturi rilevanti tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari dwar l-introduzzjoni tad-dimensjoni tal-ħiliet u t-taħriġ fl-istrateġiji iżjed wesgħin għat-tkabbir ekoloġiku nazzjonali (Programm ta' Tagħlim Reċiproku tad-DĠ EMPL) u dwar il-modi u l-mezzi ta' ħidma mad-dinja kummerċjali biex jidderieġu lil dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol u dawk li huma mhedda mis-sensji lejn impjiegi ekoloġiċi emerġenti (djalogu PES ma' PES);

- billi tippromwovi iżjed użu ta' skemi standardizzati ta’ ċertifikazzjoni tal-ħiliet permezz tal-Programm Enerġija Intelliġenti tal-Ewropa (Intelligent Energy Europe Programme) fl-2013/2014.

3. Tippromwovi iżjed użu tal-istrumenti finanzjarji tal-UE għal investimenti ekoloġiċi intelliġenti

- billi taħdem mal-Bank Ewropew tal-Investiment biex ikabbar iżjed il-kapaċità li jsellef il-finanzjament għal inizjattivi pubbliċi u privati fil-qasam tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u tal-enerġija rinovabbli;

- billi tħeġġeġ lill-Istati Membri biex fil-programmi operazzjonali sostnuti mill-FSE għas-snin bejn l-2014 u l-2020 jindirizzaw il-ħtiġijiet għat-taħriġ ekoloġiku u l-kapaċità tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi li jgħinu fit-tranżizzjonijiet għas-suq tax-xogħol ekoloġiku; u għall-iffukar tar-riżorsi tal-FEŻR fuq l-użu effikaċi tal-enerġija u l-investiment fl-enerġiji rinnovabbli, skont il-proposta tal-Kummissjoni;

- billi, fil-kuntest tal-Faċilità Mikrofinazjarja "Progress", tniedi forum għall-partijiet interessati dwar il-mikrofinanzjament u l-intraprenditorija soċjali fl-2013 biex tħajjar lill-intermedjarji finanzjarji lokali biex jippromwovu l-attivitajiet imprenditorjali fl-ekonomija ekoloġika;

- billi timmira lejn inizjattivi innovattivi li jindirizzaw l-intersezzjoni bejn l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-impjieg inklużiv permezz tal-opportunità ta' esperimentazzjoni soċjali li jagħti PROGRESS.

4. Tibni sħubiji bejn l-atturi tas-suq tax-xogħol

- billi tappoġġa l-proġetti ta' kooperazzjoni soċjali fuq impjiegi ekoloġiċi u tranżizzjonijiet lejn ekonomija ekoloġika fi ħdan is-Sejħa għall-Proposti PARES 2013 għal proġetti innovattivi bejn is-Servizzi tal-Impjiegi;

- billi taħdem flimkien mal-Imsieħba Soċjali Ewropej fuq mezzi li jiffaċilitaw il-bidla għal ekonomija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju permezz ta' inizjattivi speċifiċi fil-programm ta' ħidma tagħhom għal bejn l-2012 u l-2014;

- billi tqajjem l-għarfien dwar l-aħjar inizjattivi u attivitajiet bipartiti u tripartiti għall-impjiegi ekoloġiċi permezz tal-pubblikazzjoni ta' manwal ta' prattiki tajba fl-2013.

Pjan ta' Azzjoni għall-Forza tax-Xogħol tal-UE fil-Qasam tal-Kura tas-Saħħa

Biex tappoġġa lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi li jiffaċċja s-settur tal-kura tas-saħħa u konformi mal-impenn tal-Istati Membri li jaħdmu id f'id f'dan il-qasam, kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2010, il-Kummissjoni tipproponi Pjan ta' Ħidma li fih l-azzjonijiet elenkati hawn taħt.

Il-Kummissjoni se:

1. Ittejjeb l-ippjanar u l-previżjonijiet fl-UE dwar il-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa

- billi, sal-aħħar tal-2012, toħloq pjattaforma Ewropea magħmula minn Stati Membri u organizzazzjonijiet professjonali billi tniedi azzjoni konġunta ta' tliet snin tal-UE dwar il-previżjoni u l-ippjanar fi ħdan il-Programm tas-Saħħa biex ikun hemm skambju ta' prattiki tajba, tiżviluppa metodoloġiji ta' previżjoni dwar il-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa u ppjanar effettiv tal-forza tax-xogħol u ttejjeb id-dejta madwar l-UE dwar il-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa;

- billi sal-2014 tiżviluppa gwida dwar l-iskambju ta' kapaċitajiet tal-edukazzjoni u taħriġ fil-professjonijiet tas-saħħa biex tagħmel l-aħjar użu tal-kapaċitajiet eżistenti bbażat fuq studju li għandu jinbeda fl-2013, li jelenka l-kapaċitajiet tal-Istati Membri għall-edukazzjoni u t-taħriġ fis-settur tas-saħħa, b'mod partikolari fl-universitajiet li jispeċjalizzaw fil-mediċina u fl-iskejjel għall-infermiera;

2. Tipprevedi b'mod aħjar il-ħtiġijiet tal-ħiliet fis-settur tal-kura tas-saħħa

- billi tappoġġa l-ħolqien ta' Kunsill Ewropew tal-Ħiliet dwar il-prattika tal-infermiera u ħaddiema li jagħtu l-kura fl-2013 biex ikun hemm analiżi aħjar tal-ħtiġijiet għall-ħiliet f'dawn il-professjonijiet, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-proposta għall-modernizzazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali

- billi trawwem is-sħubiji bejn dawk li jipprovdu t-taħriġ edukattiv/vokazzjonali u impjegaturi fis-settur tal-kura tas-saħħa permezz tal-ħidma bi prova ta' Alleanza ta' Ħiliet marbutin ma' Settur li għandha titwaqqaf fl-2013;

- billi tippromwovi l-iskambju ta' prattiki tajba dwar l-iżvilupp professjonali kontinwu, biex jiġu aġġornati l-ħiliet u l-kompetenzi u li jgħin biex jinżamm il-persunal fis-settur tal-kura tas-saħħa permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, permezz ta' reviżjoni u elenkar ta' sistemi u prattiki nazzjonali li għandhom isiru fl-2013;

- billi sal-2014 tiżviluppa r-rakkomandazzjonijiet għall-ħtiġijiet ta' taħriġ ta' assistenti fil-kura tas-saħħa, li jinkludu l-appoġġ edukattiv għall-carers informali bbażat fuq analiżi tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa mingħand l-assistenti fil-kura tas-saħħa, permezz tal-istabbiliment netwerk ta’ esperti u bażi ta’ dejta bi prova għall-tal-assistenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa;

3. Tistimula l-iskambju dwar ir-reklutaġġ u ż-żamma ta' ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa

- billi sal-2013 tniedi elenkar ta' strateġiji innovattivi u effettivi ta' reklutaġġ u żamma fis-settur tal-kura tas-saħħa bil-għan li jkun hemm skambji ta' prattiki tajba fost l-Istati Membri permezz tal-ħruġ ta' sejħa għall-offerti għall-elenkar u permezz ta' studju dwar azzjoni konġunta mal-Istati Membri;

4. Tappoġġa r-reklutaġġ etiku tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa

- Billi tappoġġa l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-kodiċi tal-prattika tajba tal-il-Kodiċi ta’ Prattika Globali tal-WHO għar-reklutaġġ Internazzjonali tal-Persunal fil-qasam tal-Kura tas-Saħħa permezz tal-iżvilupp ta' approċċ komuni

Sensiela ta' Azzjonijiet Ewlenin għall-Impjiegi fit-Teknoloġija tal-Informatika

Sar progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħiliet diġitali, "e-Skills for the 21st Century"[55]. Issa hemm qbil ġenerali qawwi dwar il-ħtieġa ta' strateġija dwar il-ħiliet diġitali msejsa fuq kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-imsieħba soċjali biex tisfrutta l-potenzjal ta' impjegabbiltà tat-teknoloġiji tal-informatika.     

Il-Kummissjoni se: 1. Twaqqaf sħubiji magħmulin minn bosta partijiet interessati biex – - Ittejjeb l-identifikazzjoni ta' nuqqasijiet ta' tlaqqigħ fis-suq tax-xogħol bejn id-domanda u l-provvista ta' profili ta' impjieg marbutin mat-teknoloġija tal-informatika – - timmobilizza l-organizzazzjonijiet u n-netwerks li joffru t-tfassil, il-forniment u ċ-ċertifikazzjoni ta' inizjattivi ta’ taħriġ fil-ħiliet tat-teknoloġija tal-informatika, b'mira speċjali fuq l-impjegabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni ta' kompetenzi informali; – - tappoġġa kampanji ta’ għarfien (Il-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Diġitali[56], Get Online Week), u tippromwovi l-karrieri fit-teknoloġija tal-informatika biex tiġbed u tinvolvi liż-żgħażagħ u lil dawk li jiġu kklassifikati taħt profili li mhumiex rappreżentati kif xieraq, bħan-nisa, il-ħaddiema li waslu f'nofs il-karriera tagħhom u l-gruppi vulnerabbli; 2. Issaħħaħ il-qafas Ewropew tal-ħiliet diġitali – - billi sal-2013 toħloq taqsima speċjalizzata li tiffoka fuq il-karrieri fit-teknoloġija tal-informatika fil-websajt tal-Panorama tal-Ħiliet Ewropej; – - billi fl-2012 tiddefinixxi aħjar il-qafas Ewropew tal-Ħiliet Diġitali żviluppat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN)[57] biex sal-2013 jipprovdi deskritturi tal-kompetenzi diġitali u għodda ta' awtovalutazzjoni għal dawk kollha li qegħdin jitgħallmu, li se tiġi integrata fil-Passaport Ewropew tal-Ħiliet ġejjieni; – - billi fl-2013 tiżviluppa l-linji gwida Ewropej għat-tagħlim diġitali bbażat fuq il-ħtiġijiet tal-kummerċ u fuq l-aħjar prattiki li jinkludu inizjattivi mmexxija mill-industrija; – - billi tippromwovi kwalifiki bbażati fuq ċikli ta' żmien qasir, kemm fl-edukazzjoni għolja, kif ukoll fl-edukazzjoni vokazzjonali u fit-taħriġ, biex jipprovdu ħiliet diġitali li huma ffokati u applikati; 3. Issostni żieda fil-forza tax-xogħol ta' ħaddiema li għandhom kwalifiki għolja fit-Teknoloġija tal-Informatika – - billi matul l-2012 tiżviluppa tikketti ta' kwalità għat-taħriġ fit-Teknoloġija tal-Informatika bbażat fuq l-industrija u għaċ-ċertifikazzjoni li tkun kompatibbli mal-Qafas Ewropew ta' Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET); u fl-2013 tiżviluppa proġett bi prova li jipprovdi topografija interattiva taċ-ċertifikazzjonijiet tal-industrija tat-Teknoloġija tal-Informatika u test tal-awtovalutazzjoni onlajn għal dawk li jaħdmu fit-Teknoloġija tal-Informatika; – - billi tippromwovi s-sinerġiji bejn l-azzjonijiet fl-oqsma tal-ħiliet fit-Teknoloġija tal-Informatika, l-intraprenditorija u l-cloud computing fil-kuntest tal-pjan ta' ħidma ġejjieni tal-UE dwar il-cloud computing; – - tkompli tiżviluppa l-inizjattiva tal-UE dwar it-tmexxija diġitali mnedija fl-2012 biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-imprendituri, tal-maniġers, tal-ħaddiema fit-Teknoloġija tal-Informatika u utenti b'ħiliet avvanzati, b'mira speċjali fuq in-negozji ġodda u l-SMEs; 4. Tippromwovi iżjed użu tal-istrumenti finanzjarji tal-UE għall-investimenti fil-ħiliet fit-Teknoloġija tal-Informatika – - billi tħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu t-taħriġ diġitali fis-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ tagħhom u jagħtu spinta lill-inklużjoni diġitali permezz ta' programmi operattivi sostnuti mill-FSE fis-snin ta’ bejn l-2014 u l-2020

[1]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, COM(2010) 2020 tat-3 ta’ Marzu 2010, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010.

[2]               Reviżjoni ta’ kull tliet xhur dwar is-Sitwazzjoni fl-UE tal-Impjieg u dik Soċjali, Marzu 2012

[3]               Skont il-Previżjoni Interim ta’ Frar 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni: l-UE jidher li se tesperjenza PDG li se jistaġna fl-2012, u ż-żona tal-euro se tintlaqat minn reċessjoni mhix ħarxa.

[4]               Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż, dwar ix-xejriet u l-isfidi tas-Suq tax-Xogħol.

[5]               Kif ġie osservat fi stqarrija tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012, "It-tkabbir u l-impjiegi jerġgħu jibdew biss jekk insegwu approċċ konsistenti u wiesa', li jikkombina konsolidazzjoni fiskali intelliġenti li tippreserva l-investiment fit-tkabbir tal-ġejjieni, politiki makroekonomiċi sodi u strateġija tal-impjiegi attiva li tippreserva l-koeżjoni soċjali".

[6]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta'ºMarzuº2012.

[7]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-Impjiegi

[8]               Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2011

[9]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembruº2012.

[10]             L-SMEs ħolqu 85 % tat-tkabbir nett tal-impjiegi matul il-perjodu ta' bejn l-2002 u l-2010.

[11]             Għandha tiġi żgurata konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li wieħed jiftakar fil-possibbiltajiet previsti f’dawn ir-regoli għall-għajnuna fir-rigward tal-impjiegi, ara b’mod partikolari l-Artikoli 15,16, 40-42 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, id-9 ta’ Awwissu 2008, L214

[12]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan Direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (COM(2011) 112) juri li l-użu ta' dħul mill-irkantar tal-konċessjonijiet tal-ETS u t-tassazzjoni tas-CO2 biex titnaqqas l-ispiża tax-xogħol għandu jkollu impatti pożittivi fuq l-impjiegi.

[13]             Fuq il-bażi ta’ mudelli differenti, sal-2020, l-implimentazzjoni ta’ miżuri individwali għall-użu effikaċi tal-enerġija tista’ twassal għall–ħolqien jew iż-żamma ta’ żewġ miljun impjieg ekoloġiku, filwaqt li hu stmat li l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija rinnovabbli jista’ joħloq tliet miljun impjieg. Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż L-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward tal-impjiegi li joffri t-tkabbir ekoloġiku.

[14]             Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż L-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward ta' impjiegi li joffri t-tkabbir ekoloġiku.

[15]             Dokument ta' Ħidma tal-Persunal meħmuż, dwar Pjan ta' azzjoni dwar il-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa tal-UE.

[16]             Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż L-Isfruttament tal-potenzjal fir-rigward tal-impjiegi li joffru s-servizzi personali u tal-unitajiet domestiċi.

[17]             Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż, l-Isfruttament tal-potenzjal għall-impjiegi li toffri t-Teknoloġija tal-Informatika.

[18]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, Baġit għal Ewropa 2020 – L-ewwel Parti, COM(2011) 500 tad-29 ta’ Ġunju 2011.

[19]             Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż, Swieq tax-xogħol miftuħa, dinamiċi u inklużivi.

[20]             L-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa 2011; Ix-xogħol huwa biżżejjed biex wieħed ma jkunx fqir? Mekkaniżmi u politika dwar il-faqar ta’ dawk li għandhom impjieg fl-UE

[21]             OECD, ninsabu f’qagħda ta’ diviżjoni: għaliex qed tkompli tiżdied l-inugwaljanza, 2011

[22]             http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/Minimum_wage_statistics. Il-livelli tal-pagi minimi huma bejn it-30 % u l-50 % tal-qligħ medju gross ta’ kull xahar.

[23]             Permezz tal-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol

[24]             http://ec.europa.eu/eures/home.jspLabour market and social trends.

[25]             Id-Direttiva 97/81/KE dwar ix-xogħol part-time, id-Direttiva tal-Kunsill 99/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar xogħol għal żmien fiss

[26]             Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija

[27]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X'tgħallimna mill-esperjenza reċenti?" COM(2012) 7 tas-17 ta’ Jannar 2012.

[28]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ COM(2011) 933, tal-20 ta’ Diċembru 2011.

[29]             Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż, L-Implimentazzjoni tal-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ: l-ewwel passi li ttieħdu jippreżenta rapport interim ta' miżuri li ttieħdu riċentement mill-Istati Membri biex jikkumbattu l-qgħad taż-żgħażagħ. Fi Frar 2012, gruppi ta' ħidma tal-Kummissjoni għamlu żjarat fit-tmien Stati Membr li għandhom l-ogħla rati ta' qgħad taż-żgħażagħ. Ir-riżultati ta' dawn il-missjonijiet se jiġu integrati fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma.

[30]             L-istqarrija tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2012.

[31]             Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż, Qafas ta' Kwalità għall-Iskemi ta' Taħriġ.

[32]             Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż Qafas ta’ Kwalità għall-Iskemi ta’ Taħriġ

[33]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, abbozz ta’ Rapport Konġunt dwar l-Impjieg, COM(2011) 815, il-kurva ta’ Beveridge curve paġna 7.

[34]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Rapport Annwali tat-Tkabbir 2012, abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, COM(2011) 815 tat-23 ta’ Novembru 2011

[35]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir 2012, COM (2011) 815 tat-23 ta’ Novembru, 2011.

[36]             Fl-2010, kien hemm biss 2,8 % tal-popolazzjoni Ewropea tal-età tax-xogħol (15-64) jgħixu fi Stat Membru mhux ta' twelidhom (Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE)

[37]             Ġunju 2010 Ewrobarometru Speċjali dwar "Geographical and labour market mobility"

[38]             Il-libertà li wieħed ifittex l-impjieg fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE hija rikonoxxuta wkoll fl-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

[39]             Rapport dwar il-Funzjonament tal-Arranġamenti Tranżitorji dwar il-Moviment Ħieles tal-Ħaddiema mill-Bulgarija u r-Rumanija, COM(2011) 729 tal-11 ta’ Novembru 2011

[40]             B'mod partikolari fil-Każ C-290/94.

[41]             Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (COM(2011) 883) tad-19 ta’ Diċembru 2011

[42]             Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, u r-Regolament (KE) 987/2009 tal-Parlament u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009

[43]             L-intitolament to kull persuna li tgħix u ssiefer liberament fl-UE għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għall-vantaġġi soċjali skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali huwa wkoll rikonoxxut speċifikament fl-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

[44]             http://ec.europa.eu/eures/home.jsp

[45]             http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=955&langId=en.

[46]             http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=955&langId=en

[47]             Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż, dwar ir-Riforma tal-EURES biex jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020

[48]             Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, 27.5.2011, L141, p 1

[49]             Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2011 u l-Konklużjoni tal-Kunsill (EPSCO) tal-1 ta’ Diċembru 2011

[50]             Fl-2012, il-Kummissjoni se tipproponi li taġġorna d-Deċiżjoni 2003/174 li tistabbilixxi Samit Tripartitiku Soċjali, bi qbil ma' dispożizzjonijiet fit-TFUE.

[51]             Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-EPSCO tal-1 ta' Diċembru 2011, il-punt 9.5.

[52]             Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2011 dwar il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma

[53]             Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011

[54]             Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu għas-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, COM(2011) 615.

[55]             Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħiliet diġitali għas-seklu 21, ta' Ottubru 2010, http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/ict/files/reports/eskills21_final_report_en.pdf

[56]             Ara http://eskills-week.ec.europa.eu

[57]             Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN)

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet