52012DC0082


Titolu u referenza

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI IL-MATERJA PRIMA SSIR DISPONIBBLI GĦALL-BENESSERI TAL-EWROPA FIL-ĠEJJIENIPROPOSTA GĦAL SĦUBIJA EWROPEA TAL-INNOVAZZJONI DWAR IL-MATERJA PRIMA

/* COM/2012/082 final */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

IL-MATERJA PRIMA SSIR DISPONIBBLI GĦALL-BENESSERI TAL-EWROPA FIL-ĠEJJIENI

PROPOSTA GĦAL SĦUBIJA EWROPEA TAL-INNOVAZZJONI DWAR IL-MATERJA PRIMA

INTRODUZZJONI

L-importanza strateġika ta' provvista sostenibbli tal-materja prima lill-UE – għall-industriji tagħha u s-soċjetà kollha kemm hi – kienet rikonoxxuta tajjeb minn dokumenti differenti ta' politika strateġika bħall-Inizjattiva tas-Swieq tal-Materja Prima[1] propost mill-Kummissjoni Ewropea, Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati [2] u Rapport mill-PE[3]. L-Istrateġija Ewropea 2020 enfasizzat l-importanza ta' din il-kwistjoni kemm fl-inizjattivi Ewlenin tal-"Politika Industrijali"[4] u anke f'dawk tal-"Effiċjenza tar-Riżorsi"[5]. Barra minn hekk, l-importanza tal-użu effiċjenti tar-riżosti kien enfasizzat fil-"Pjan Direzzjonali dwar l-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi" assoċjat[6]. Dawn id-dokumenti jsemmu b'mod ċar l-isfidi u r-riskji l-ġodda relatati mal-iskarsezzi fil-provvista u ta' użu ineffiċjenti tar-riżorsi li l-UE taffaċċja fid-dawl tal-kompetizzjoni globali li qed tiżdied għall-materja prima. B'mod paradossali, għal xi deċennji, l-Ewropa rat li r-rwol tagħha bħala fornitur tal-materja prima kien qed kulma jmur jitnaqqas. Il-kumplessità u l-urġenza tal-materji in kwistjoni jagħmluha ċara ħafna li kontinwazzjoni ta' "noperaw bħas-soltu" m'għadhiex alternattiva għall-Ewropa.

Hawn hu fejn tibda taħdem l-innovazzjoni. Fis-Seklu 21 qed toħroġ paradigma ġdida li tixħet l-attenzjoni fuq l-innovazzjoni bħala forza li tmexxi 'l quddiem u li, s'issa, baqgħet fil-biċċa l-kbira tagħha mhux mittiefsa fl-Ewropa fil-qasam tal-materja prima. Fl-2010, il-Kummissjoni stabbilixxiet, bħala parti mill-Inizjattiva Ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni[7], il-qafas xieraq tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni (EIPs). Sħubijiet bħal dawn jitniedu f'każijiet meta s-saħħa magħquda ta' sforzi pubbliċi u privati fuq livelli reġjonali, nazzjonali u ta' UE fl-innovazzjoni u l-R&D, u l-miżuri min-naħa tad-domanda, huma meħtieġa biex jintlaħqu l-miri soċjetali iżjed malajr u b'mod ikbar effiċjenti. Dan hu l-każ għall-materja prima hekk kif ippreżentat f'din il-Komunikazzjoni.

Din is-Sħubija se timmira lejn materja prima li mhix agrikola jew li mhix tal-enerġija, inkluża, iżda mhux biss, il-lista tal-UE tal-materja prima kritika[8]. Għalhekk din tkopri wkoll oħrajn metalliċi, tal-minerali industrijali, materjali tal-kostruzzjoni u kif ukoll materja prima industrijali oħra bħall-gomma naturali u l-injam. Ħafna minn dawn il-materjali huma inputs vitali għal teknoloġiji innovattivi li joffru applikazzjonijiet ta' teknoloġija nadifa u li jħarsu l-ambjent. Huma essenzjali wkoll għall-manifattura ta' ligi kruċjali, prodotti ġodda u innovattivi li s-soċjetà moderna tal-lum teħtieġ, bħal ngħidu aħna l-batteriji għall-karozzi elettriċi, is-sistemi fotovoltajiċi u tagħmir ieħor għat-turbini tar-riħ, li jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-enerġija li tiġġedded. L-għan komuni ta' din is-Sħubija jkun li sal-2020, l-Ewropa tkun imxiet ħafna 'l quddiem fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-importazzjonijiet tagħha fuq il-materja prima. Dan se jinkiseb billi jiżdiedu l-innovazzjonijiet li jiżguraw provvisti sikuri u sostenibbli kemm tal-materja prima primarja u anke sekondarja jew jipprevenu l-ħela tal-materja prima ewlenija matul iċ-ċiklu ta' ħajjitha.

Din il-proposta tikkonsidra wkoll it-tagħlimiet li nkisbu mill-kuntest tal-EIP bi prova "Xjuħija Attiva u b'Saħħitha". Din tibni wkoll fuq bosta inputs mill-Istati Membri, komunitajiet ta' riċerka u partijiet interessati oħrajn miġbura fil-kuntest ta' laqgħat differenti, workshops, u avvenimenti u kif ukoll f'konsultazzjoni pubblika li ġiet organizzata matul l-2010 u l-2011.

OPPORTUNITAJIET GħAL INNOVAZZJONI MATUL IL-KATINA TAL-VALUR TAL-MATERJA PRIMA

Għal bosta snin fl-UE, l- esplorazzjoni u l-immeppjar ġeoloġiċi bażiċi kienu qed isiru minn stħarriġiet ġeoloġiċi nazzjonali li jkollhom joperaw fir-restrizzjonijiet tal-oqfsa u r-regolamenti nazzjonali. Sal-lum, il-benefiċċji sħaħ ta' koordinazzjoni xierqa jew anke ta' integrazzjoni ta' wħud mill-attivitajiet tas-27 stħarriġ ġeoloġiku differenti tal-UE għadhom ma nkisbux. Madanakollu, ħsieb innovattiv imsejjes fuq iżjed netwerking u koperazzjoni jista' jwassal biex l-affarijiet jimxu 'l quddiem. Jekk jinħolqu standards Ewropej, ikun faċilitat il-ħolqien ta' bażi ġeoloġika uniformi tal-UE tal-konoxxenza, u jistgħu jwasslu għal iżjed żvilupp u użu kost-effikaċja, ta' teknoloġiji moderni meħtieġa, bħalma huma sistemi ta' informazzjoni dwar riżorsi bis-satellita u sistemi avvanzati tal-kompjuter għal immudellar 4D.

Matul l-aħħar 50 sena, is-sehem tal-UE fit- tħaffir globali tal-minjieri naqas sostanzjalment. Dan wassal għal tnaqqis fl-ispeċjalizzazzjonijiet u l-ħiliet essenzjali. Madanakollu t-tali ħiliet huma meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà waqt l-attivitajiet tat-tħaffir tal-minjieri u biex tintlaħaq il-ħtieġa potenzjali li qed tikber biex isir tħaffir iżjed fil-fond, f'żoni iżjed remoti u taħt kundizzjonijiet iżjed diffiċli (eż: taħt qiegħ il-baħar, fir-reġjun Artiku). Filwaqt li standards għoljin għal tekniki ta' estrazzjoni iktar sikuri u li jħarsu iżjed l-ambjent joħolqu sfidi ġodda, dawn joħolqu wkoll opportunitajiet ġodda tas-suq. Dan jgħin wkoll biex jonqos ir-riskju ta' inċidenti maġġuri fis-settur tat-tħaffir tal-minjieri. Madanakollu, dawn l-ispeċjalizzazzjonijiet u l-ħiliet mhumiex meħtieġa biss għall-estrazzjoni, iżda matul il-katina tal-valur kollha (l-esplorazzjoni, l-ipproċessar, ir-riċiklaġġ, is-sostituzzjoni).

Anke jekk l-Ewropa, b'mod sħiħ, għamlet progress sinifikanti, b'mod partikolari fejn jidħol ir-riċiklaġġ tal-iskart, hemm iżjed x'jista' jsir biex ikun evitat il-ħela ta' materja prima ta' valur f'kull stadju taċ-ċiklu ta' ħajjitha. Applikazzjoni sħiħa tal-ewwel passi tal-Ġerarkija Ewropea tal-Iskart (il-prevenzjoni, segwita mill-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ) tista' tevita telf irrimedjabbli ta' riżorsi ta' valur u toħloq opportunitajiet ġodda ta' xogħol u negozju fl-UE.

L-innovazzjoni tista' tkun mezz b'saħħtu biex jirnexxu dawn l-isfidi. Speċjalizzazzjonijiet fl-inġinerija u l-ipproċessar żviluppaw f'oqsma oħra li qed joħorġu bħalma huma r-robotika u teknoloġiji ewlenin ta' appoġġ (KETs) oħrajn. L-introduzzjoni ta' operazzjonijiet u awtomazzjoni avvanzati kkontrollati bir-remote fil-minjieri ta' taħt l-art u l-użu innovattiv tal-bijolessija biex ikunu estratti n-nikil u metalli oħra b'mod kost-effikaċi u li jħares l-ambjent, jagħmlu t-tħaffir tal-minjieri fl-UE iżjed kompetittiv u sostenibbli. Tekniki ġodda ta' monitoraġġ inkluż l-użu ta' teknoloġiji bis-satellita jistgħu jipprevenu milli jseħħu inċidenti maġġuri. L-innovazzjoni hi importanti ħafna wkoll fl-istadju tal- ipproċessar , għax fih huma meħtieġa soluzzjonijiet teknoloġiċi avvanzati għal immaniġġjar effiċjenti tal-ilma, il-konsum tal-enerġija u r-riċiklaġġ (bħal pereżempju fil-każ ta' materja prima kritika bħall-indju u l-gallju li huma dderivati minn metalli bażiċi).

Iżjed ma l-UE tavvanza fl-iżviluppar ta' dan l-approċċ innovattiv, iżjed tkun tista' t-tieħu r-rwol ta' tmexxija biex tintroduċi fl-Ewropa u f'pajjiżi terzi, teknoloġiji ġodda li jħarsu l-ambjent u li huma effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Dan jista' jkollu effett sekondarju pożittiv ieħor permezz tat-tixrid tal-aqwa prattiċi, li mbagħad jikkontribwixxi fil-priżervazzjoni aħjar tal-ambjent tad-dinja kollha. Immaniġġar sostenibbli tal-materja prima u li hu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, żieda fil-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, u l-ġbir u ċ-ċaqliq ta' materjali li ġejjin mill-injam, jistgħu jikkontribwixxu mhux biss biex ma jkunx hemm aktar telfien tal-bijodiversità u biex jonqsu mad-dinja kollha l-emissjonijiet tal-Gass tal-Effett Serra iżda anke biex tkun assigurata provvista ta' materja prima u biex tiġi indirizzata l-iskarsezza fl-Ewropa ta', pereżempju, fajber ibbażat fuq l-injam, għar-riċiklaġġ.

Iż-żieda kbira ħafna fil-bejgħ ta' tagħmir modern tal-komunikazzjoni – bħalma huma l-mowbajls u l-laptops – li għandu tendenza ta' rata għolja ta' sostituzzjoni, ħolqot potenzjal kbir ħafna ta' skart ta' valur ("il-minjieri Urbani tagħna"). Daż-żmien, mowbajl ikun fih iżjed minn 40 materja prima differenti, bħalma huma l-kobalt, il-gallju, il-platinu, u elementi rari tad-dinja. Daż-żmien, kull ċittadin fl-UE jiġġenera madwar 17-il kg ta' skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) kull sena, ċifra li hi mbassra li tiżdied għal 24 kg sal-2020[9]. Madanakollu, ir- riċiklaġġ ta' elementi rari tad-dinja minn tagħmir elettroniku pereżempju, hu bħalissa sfida mil-lat teknoloġiku iżda anke mil-lat ekonomiku. Ġbir separat tal-iskart għandu jiġi mħeġġeġ iżjed u s-swieq għandhom bżonn is-sapport biex jimxu 'l quddiem. Barra minn hekk, il-prevenzjoni ta' esportazzjonijiet illegali u ta' trattament mhux xieraq tal-iskart, tista' twassal għal bosta benefiċċji ambjentali u għal rkupru ta' materjali ta' valur (eż: skart tal-metall, karta rkuprata għar-riċiklaġġ).

Tekniki ġodda ta' riċiklaġġ li huma kost-effikaċja u li jħarsu l-ambjent, u l-aqwa prattiċi għall-ġbir u t-trattament tal-iskart, joffru l-possibbiltà ta' titjib fir-riċiklaġġ ta' materja prima ewlenija. Bħala illustrazzjoni, l-iżvilupp riċenti ta' adeżivi speċjali li fihom informazzjoni kkodifikata abbażi tal-identifikaturi kimiċi uniċi jista' jikkontribwixxi fil-ġlieda kontra t-traffiku illegali u s-serq ta' prodotti u skart tal-metall. Apparti dan, xi Stati Membri żiedu sostanzjalment ir-rati tagħhom tal-ġbir u r-riċiklaġġ billi introduċew strumenti ekonomiċi xierqa li jinkludu anke skemi ta' responsabbiltà tal-produttur biex jagħtu sapport lill-ġbir separat, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.

Barra minn hekk, bosta applikazzjonijiet jistrieħu fuq materja prima ewlenija li bħalissa hi ferm diffiċli, jew saħansitra impossibbli, biex tiġi sostituta minħabba l-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi speċifiċi tagħha. Is- sostituzzjoni tista' tintuża kemm biex jiġu żviluppati materjali alternattivi f'ċerti applikazzjonijiet, jew biex tieħu post dawn l-applikazzjonijiet b'teknoloġija ekwivalenti li ma tistrieħx fuq materja prima ewlenija. Pereżempju, l-iżvilupp ta' supertrażmettituri ta' temperatura għolja taċ-ċeramika jista' jieħu post il-kalamiti permanenti fit-turbini tar-riħ li bħalissa jużaw elementi rari tad-dinja bħalma huma n-neodimju u d-disprożju.

Fi ftit kliem, l-eżempji ta' hawn fuq juru li:

- l-innovazzjoni hi kundizzjoni neċessarja biex l-Ewropa terġa' tikseb rwol u preżenza fl-użu effiċjenti tar-riżorsi u fil-provvista sostenibbli tal-materja prima, li mingħajrhom is-sostenibbiltà tal-ekonomija kollha tagħha tiddgħajjef.

- l-innovazzjoni hi meħtieġa biex iżżomm u ttejjeb il-kompetittività tal-industrija tal-UE u biex tiżgura użu effiċjenti tar-riżorsi fl-Unjoni Ewropea

- l-innovazzjoni hi meħtieġa matul il-katina tal-valur kollha tal-materja prima, u allura teħtieġ approċċ komprensiv biex tindirizza l-isfidi differenti li l-UE se taffaċċja fis-snin li ġejjin.

Is-sitwazzjoni ssejjaħ għal sforzi mmirati ta' innovazzjoni u riċerka, teknoloġiji ta' skoperti ġodda u approċċi multidixxiplinari biex jimtlew id-diskrepanzi fl-għarfien tagħna.

IL-VALUR MIżJUD TAS-SħUBIJA EWROPEA GħALL-INNOVAZZJONI FIL-MATERJA PRIMA

Is-sapport li diġà qed jingħata mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew lill-materja prima tal-UE u l-istrateġiji għal effiċjenza tar-riżorsi mressqa mill-Kummissjoni, juru li qed jikber l-għarfien tal-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi li jissemmew hawn fuq, kemm fuq livell Ewropew u anke fuq livell nazzjonali. Koperazzjoni mill-qrib fl-UE bejn il-korpi pubbliċi, iżda anke bejn l-atturi pubbliċi u privati, tipprovdi l-impetu meħtieġ biex jingħelbu l-ostakoli maġġuri.

Dawn l-ostakli jinkludu (ara anke t-taqsima 1.3 tal-Anness):

- Massa kritika insuffiċjenti lejn għan wieħed;

- Koperazzjoni insuffiċjenti bejn l-Istati Membri f'dominji differenti relatati mal-materja prima;

- Nuqqas ta' approċċ integrat dwar il-katini tal-valur mill-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-materja prima, id-disinn tal-prodott u l-użu sakemm tispiċċa;

- Koperazzjoni limitata ħafna bejn l-organizzazzjonijiet nazzjonali tar-riċerka u frammentazzjoni għolja taż-Żona Ewropea tar-Riċerka f'dan il-qasam;

- Rwol ġeopolitiku sottożviluppat tal-UE li jiżgura aċċess lil kumpaniji Ewropej għal materja prima fid-dinja filwaqt li jirrispetta sakemm possibbli l-istandards Ewropej dwar l-ambjent.

Il-valur miżjud reali tal-EIP (is-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni) ikun għalhekk biex tipprovdi pjattaforma bil-għan li jingħaqdu l-politiki u l-atturi rilevanti fuq livell ta' Komunità, iżda li ma tiħux post il-proċess legali tat-teħid ta' deċiżjonijiet li jeżisti fuq livell ta' UE.

Kamp ta’ applikazzjoni u għanijiet

Din l-EIP tikkontribwixxi għas-sigurtà ta' nofs iż-żmien u iżjed fit-tul ta' provvista sostenibbli tal-materja prima (inkluż materja prima kritika, minerali industrijali u materjali li ġejjin mill-injam) li hi meħtieġa biex tissodisfa l-bżonnijiet fundamentali ta' soċjetà moderna effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Hi kontribuzzjoni essenzjali għall-kompetittività tal-industriji Ewropej, għall-effiċjenza li żdiedet tar-riżorsi fl-UE, u għall-iżvilupp ta' attivitajiet ġodda ta' riċiklaġġ ibbażati fl-Ewropa.

L-EIP għandha mira ġenerali li titnaqqas id-dipendenza tal-importazzjoni Ewropea fuq il-materja prima li hija kritika għall-industriji tal-Ewropa. Dan it-tnaqqis se jinkiseb billi l-Ewropa tingħata flessibbiltà u alternattivi biżżejjed fil-provvista ta' materja prima importanti, filwaqt li tkun ikkonsidrata l-importanza li jitnaqqsu l-impatti ambjentali negattivi ta' ftit mill-materjali matul iċ-ċiklu ta' ħajjithom, sabiex l-Ewropa tkun fuq quddiem nett fid-dinja fejn jidħlu l-kapaċitajiet relatati mal-esplorazzjoni, l-estrazzjoni, l-ipproċessar, ir-riċiklaġġ u s-sostituzzjoni sal-2020. Bħala parti mill-Pjan Strateġiku ta' Implimentazzjoni (SIP), l-EIP hija mistennija li tistabbilixxi miri ta' impatt sabiex jitkejjel is-suċċess tagħha, pereżempju fejn jidħlu t-tnaqqisiet maġġuri fid-dipendenza tal-importazzjoni ta' ċerta materja prima mill-iżjed kritika.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi xi miri konkreti speċifiċi biex din il-mira tintlaħaq sa mhux aktar tard mill-2020, fosthom:

- strumenti Ewropej standardizzati tal-istatistika għall-istħarriġ dwar riżorsi u riservi (fl-art u fil-baħar) u mappa ġeoloġika 3D;

- sistema dinamika tal-immudellar li tgħaqqad xejriet fil-provvista u d-domanda ma' riservi ekonomiċi sfruttabbli u analiżi sħiħa taċ-ċiklu tal-ħajja li tinkludi assessjar tal-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali ta' bosta xenarji;

- sa 10 azzjonijiet pilota innovattivi (eż: impjanti ta' dimostrazzjoni) għall-esplorazzjoni, l-estrazzjoni u l-ipproċessar, il-ġbir u r-riċiklaġġ;

- sostituti għal mill-inqas tliet applikazzjonijiet ewlenin ta' materja prima kritika jew skarsa;

- Netwerk ta' Ċentri ta' Riċerka, Edukazzjoni u Taħriġ dwar Tħaffir Sostenibbli tal-Minjieri u Immaniġġjar tal-Materjali (M³), filwaqt li tkun żgurata koordinazzjoni xierqa possibbilment mal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) - il-Komunità ta' Għarfien u Innovazzjoni (KIC) dwar esplorazzjoni, estrazzjoni, ipproċessar u riċiklaġġ sostenibbli;

- tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-materjali u fil-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' materja prima ta' valur minn flussi ta' skart, b'fokus speċifiku fuq il-materjali li jħallu impatt potenzjalment negattiv fuq l-ambjent;

- ikunu identifikati opportunitatjiet u jiġu żviluppati ideat ġodda għal materja prima u prodotti innovattivi b'potenzjal tas-suq;

- strateġija proattiva tal-UE f'organizzazzjonijiet multilaterali u f'relazzjonijiet bilaterali, bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, l-Awstralja fl-oqsma differenti li l-EIP tkopri.

Dawn il-miri jħallu lok għal segwitu u moniteraġġ xierqa tal-funzjonament tal-EIP; inklużi x-xogħol li jrid isir u r-riżultati miksuba.

Mekkaniżmi

Il-valur miżjud tal-EIP hu li din tapplika mekkaniżmi innovattivi maġġuri[10] inklużi l-kategoriji wesgħin li ġejjin, biex jitwettqu l-għanijiet komuni (kif jissemma hawn fuq fit-taqsima 3.1):

- Jingħata sapport lill-iżvilupp ta' innovazzjonijiet; kemm dawk ibbażati fuq it-teknoloġija kif ukoll dawk li mhumiex, bħalma huma kombinazzjonijiet ġodda ta' prodotti-servizzi, servizzi ġodda, disinn aħjar tal-prodotti sabiex ikun żgurat ir-riċiklaġġ tagħhom fi tmiem iċ-ċiklu ta' ħajjithom, disinn immexxi mill-utent, għodod ġodda tal-politika għal riċerka u innovazzjoni;

- Tkun stimulata l-eċċellenza fil-bażi xjentifika u jsir investiment fil-persuni (il-ħiliet);

- Jingħata sapport lill-azzjoni u/jew il-koperazzjoni regulatorji innovattivi immirati, mal-Istati Membri biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-qafas regolatorju li jħarsu l-innovazzjoni;

- Issir promozzjoni tal-istandardizzazzjoni mmirata u l-istrumenti tal-akkwist pubbliku;

- Jingħaqdu l-għodod tal-politika u l-organizzazzjonijiet (dawk li jfasslu l-politika, aġenziji, industrija, riċerkaturi) li jaħdmu fuq in-naħa tal-provvista u fuq in-naħa tad-domanda ħalli jitħaffef il-ħin biex l-innovazzjonijiet jaslu fis-suq u biex jixterdu.

L-istrumenti ta' hawn fuq jistgħu jintużaw fuq in-naħa tal-provvista jew fuq in-naħa tad-domanda tas-suq. Iżda, fuq kull naħa jrid ikun assigurat monitoraġġ xieraq tar-riżultati.

In-naħa tal-provvista: Nazzjonali Stati Membri u reġjuni jiffinanzjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) Ħiliet u taħriġ fi Stati Membri Internazzjonali (livell ta’ UE) l-Eureka, il-Eurostars, l-ERANet Programmi qafas tal-UE l-FP7 (Cooperation, PPPs, Cost, JTIs, ERANet, ESFRI...) l-EIT KICs is-CIP Għodod tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) Fondi Strutturali | Ix-xjenza, l-RTDI | In-naħa tad-domanda: Nazzjonali Regolament (inkl. implimentazzjoni regolatorja) Akkwist fi Stati Membri u reġjuni Internazzjonali (livell ta' UE) Standards/ Ittikkettjar Regulament (inkl. implimentazzjoni regolatorja) Akkwist pubbliku Trasferiment ta' proprjetà intellettwali (IP) u għarfien Moniteraġġ tas-suq Internazzjonali (id-dinja kollha) Politika kummerċjali Djalogu dwar il-politika | Is-suq, il-konsumaturi |

Fuq in-"naħa tal-provvista", l-investimenti f'riċerka dwar it-tħaffir tal-minjieri, is-sostituzzjoni, l-effiċjenza tar-riżorsi u r-riċiklaġġ iridu jkunu allinjati aħjar mal-għanijiet komuni tas-Sħubija għall-Innovazzjoni sabiex tinħoloq il-massa kritika meħtieġa, għax l-ebda programm nazzjonali jew Ewropew ta' riċerka ma jista' jkopri l-aspetti kollha u l-investimenti u r-riskji tar-riċerka huma kbar wisq għal ħafna kumpaniji privati. Dan jitlob li jkun hemm involviment b'saħħtu tan-netwerks eżistenti (eż: ERANET fil-materjali, il-Pjattaforma tat-Teknoloġija Ewropea dwar ir-Riżorsi Minerali Sostenibbli, il-Pjattaforma Teknoloġika tas-Settur ibbażat fuq il-Foresti u ETPs oħrajn) u l-promozzjoni ta' netwerks ġodda ta' riċerkaturi u organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw, kemm dawk pubbliċi u kif ukoll dawk privati, fl-Ewropa. Għall-programm futur tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE, Horizon 2020, il-Kummissjoni pproponiet għan speċifiku sabiex tiġi indirizzata l-isfida soċjali ta' "azzjoni klimatika, użu effiċjenti ta' riżorsi u materja prima".

Filwaqt li l-Ewropa kellha ftit tradizzjoni fil-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni f'dan il-qasam, hemm iżjed potenzjal sinifikanti fuq in-naħa tad-domanda[11] biex jinġiebu prodotti u servizzi ġodda fis-suq. Li jitħaffef il-ħin biex l-innovazzjonijiet jaslu fis-suq hu partikolarment importanti għall-SMEs. Għaldaqstant, din l-EIP għandha tinċentiva innovazzjoni kemm min-naħa tal-provvista u anke min-naħa tad-domanda, fejn possibbli u suppost permezz ta' għodod bħal-leġiżlazzjoni, l-akkwist pubbliku, l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, l-IPR, u l-istandards. Innovazzjoni relatata mal-politiki ta' Produzzjoni u Konsum Sostenibbli għandha tkun partikolarment rilevanti. Fl-Ewropa diġà jeżistu inċentivi għal akkwist pubbliku sostenibbli u li jħares l-innovazzjoni, u jistgħu jkunu stabbiliti netwerks tax-xerrejja pubbliċi[12] tat-tip tal-Inizjattiva tas-Suq Ewlieni, u l-użu usa' tal-kriterju tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku tal-UE[13] jista' jkun applikat f'din l-EIP biex jippromwovi t-teħid u t-tixrid ta' (eko)innovazzjonijiet.

Pakketti ta' ħidma

Imsejsa fuq inputs mingħand il-partijiet interessati u dawk li jfasslu l-politika, l-azzjonijiet possibbli li jridu jittieħdu nġabru taħt ħames titli jew "pakketti ta' ħidma" (WPs). Dawn id-WPs, li se jinkludu azzjonijiet kemm fuq in-naħa tal-provvista u anke fuq in-naħa tad-domanda, ma jaħdmux fuq bażi awtonoma u ta' esklussività reċiproka. Minflok, id-WPs individwali jinteraġġixxu ma' xulxin u anke b'xi trikkib intenzjonat bejniethom. Barra minn hekk, dawn jistgħu jkunu adattati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet li jinbidlu u biex jaħtfu opportunitajiet ġodda.

L-istruttura tal-governanza se tinkoraġġixxi koperazzjoni, sabiex jitneħħew id-differenzi bejn il-politiki, is-setturi, id-distanza ġeografika u l-kulturi organizzattivi. Pereżempju, uħud mit-teknoloġiji għat-tħaffir tal-minjieri jistgħu jiġu applikati wkoll fir-riċiklaġġ, jew viċeversa. Dan ikun mod ukoll biex tiġi introdotta koperazzjoni aħjar bejn kumpaniji kbar u SMEs, u kif ukoll bejn l-SMEs stess, pereżempju permezz ta' raggruppamenti reġjonali.

Dawn li ġejjin huma l-pakketti ta' ħidma għall-EIP proposti (deskrizzjoni dettaljata ta' kull WP hi mogħtija fit-taqsima 2 tal-Anness):

Oqsma ta' politika ffokati fuq it-teknoloġija

WP 1 – Jiġu żviluppati teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi għal provvista sostenibbli u sikura tal-materja prima; l-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ. Biex jikkumplimenta l-iżvilupp fit-teknoloġija, dan id-WP għandu għan li joħloq pjanijiet ta' standardizzazzjoni għal dawn l-oqsma, filwaqt li jikkonsidra l-ispejjeż tan-negozji.

WP 2 – Jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli għas-sostituzzjoni xierqa tal-materjali kritiċi u skarsi. L-ewwel sett ta' azzjonijiet ta' prijorità jistgħu joħorġu mil-lista ta' materja prima kritika u mill-applikazzjonijiet li huma l-iżjed ekonomikament importanti u ekoloġikament sensittivi.

Oqsma ta' politika li mhumiex iffokati fuq it-teknoloġija

WP 3 – Jittejbu l-qafas regolatorju Ewropew tal-materja prima, il-bażijiet tal-għarfien u l-infrastruttura. Dan id-WP għandu l-għan li jibni u jistandardizza dejta ġeoloġika, u li jidentifika u jpartat l-aqwa prattiċi li jiddefinixxu politiki għall-minerali, l-ippjanar tal-art u l-irregolar tagħha fl-Istati Membri. Dan jagħti wkoll sapport lil azzjonijiet li jippromwovu l-eċċellenza u l-ħiliet tekniċi meħtieġa fl-Ewropa.

WP 4 – Jittejbu l-kundizzjonijiet tal-qafas regolatorju, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta' eċċellenza u prevenzjoni, preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ permezz ta' inizjattivi pubbliċi (eż: tal-akkwist) u privati. Dan id-WP għandu għan li jottima l-valur miżjud tal-materja prima, itejjeb il-profitabbiltà u jnaqqas l-ispiża tar-riċiklaġġ billi jżid l-effiċjenza fil-ġbir, l-issortjar u r-riċiklaġġ ta' materja prima ta' valur minn flussi ta' skart. Dan japplika wkoll politiki ta' standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni tal-prodott u kif ukoll strumenti ekonomiċi għal dan il-għan.

Koperazzjoni internazzjonali – approċċ orizzontali

WP 5 - Jingħaraf il-lok fis-suq globali li jagħti aċċess sikur għall-materja prima u li jippromwovi l-użu ta' teknoloġiji tal-estrazzjoni u l-ipproċessar li jħarsu l-ambjent, u jiġu trattati r-riċerka u l-innovazzjoni biex jittejbu l-bażi ta' għarfien, il-politika kummerċjali u d-djalogu dwar il-politika ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, bħalma huma l-Unjoni Afrikana, l-OECD, il-Bank Dinji, il-G20, u f'relazzjonijiet bilaterali. Attenzjoni partikolari se tingħata lill-possibbiltà ta' sinerġiji aħjar bejn din l-inizjattiva u l-politiki differenti relatati mal-Pajjiżi u Territorji Ekstra-Ewropej (OCTs).

Struttura tal-governanza

L-istruttura tal-governanza tal-EIP ssegwi l-prinċipji stipulati fl-Unjoni tal-Innovazzjoni; hi għandha l-għan li żżomm bilanċ bejn il-ħtieġa ta' impenn ta' livell għoli u ta' koordinazzjoni funzjonali ta' livell għoli fuq naħa, u r-responsabbiltajiet operattivi deċentralizzati b'saħħithom biex tiżgura pussess effettiv mill-prattikanti u partijiet interessati ewlenin oħrajn fuq in-naħa l-oħra. It-tagħlimiet tal-EIP bi prova "Xjuħija Attiva u b'Saħħitha"[14] biex jiġu definiti l-governanza, l-iskop, l-ippjanar, u l-involviment tal-partijiet interessati, ġew applikati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' din l-EIP.

Din l-EIP tgħaqqad flimkien rappreżentanti mis-settur pubbliku (minn livell ta' UE sa livelli nazzjonali reġjonali u lokali), l-industrija (inklużi l-SMEs), is-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħrajn, biex jingħata sapport lill-iżvilupp tal-innovazzjoni u t-teħid u t-tixrid tagħha fis-suq. Madanakollu, il-prinċipju fundamentali hu li l-EIP tipprovdi ambitu pragmatiku, flessibbli u mhux burokratiku li jippermetti li jiġu rappreżentati interessi differenti.

Dan l-approċċ hu rifless f'dawn il-metodi ta' ħidma li ġejjin fuq livell operattiv (iżjed dettalji huma mogħtija fit-taqsima 3 tal-Anness):

Il- Grupp ta' Tmexxija ta' Livell Għoli (HLSG) jipprovdi konsulenza u gwida strateġiċi għal din l-EIP abbażi ta' mandat definit sew. L-HLSG, iżda, ma jaffettwax il-proċess formali tat-teħid ta' deċiżjonijiet stabbilit taħt il-liġi tal-Komunità. Il-kompożizzjoni tiegħu tirrifletti l-kostitwenzi ewlenin ta' din is-Sħubija, inklużi r-rappreżentanti tal-Istati Membri appuntati fil-kapaċità personali tagħhom, il-PE, kumpaniji, akkademiċi, ċentri ta' riċerka, NGOs u istituzzjonijiet oħrajn. Fl-istess waqt, il-grupp ikun limitat fin-numru sabiex jiżgura effikaċja. L-HLSG se jkun fdat bl-iżvilupp ta' SIP, li jirrakkomanda linji ta' azzjoni ta' prijorità. Wara l-r-rispons għal dan il-pjan, l-HLSG se jgħin biex ikun żgurat progress matul il-fażi tal-bidu tal-implimentazzjoni, se jidderieġi u jirrapporta l-progress, u jaġġorna s-SIP.

Ir-rabta bejn il-livell strateġiku u l-livell operattiv tkun provduta mill- Grupp Sherpa ffurmat minn rappreżentanti personali tal-HLSG. Ix-xogħol ewlieni tiegħu jkun li jiżgura tmexxija sewwa tas-sħubija inklużi l-ippjanar ta' azzjonijiet maġġuri, il-koordinazzjoni ġenerali tal-pakketti ta' ħidma, u l-preparazzjoni tal-laqgħat u s-segwitu tal-Grupp ta' Tmexxija ta' Livell Għoli.

Jitwaqqfu gruppi operattivi skont temi speċifiċi sabiex jagħtu pariri lill-HLSG u biex ibiddlu l-pjan strateġiku ta' implimentazzjoni f'xogħol u azzjonijiet. Huma joperaw abbażi ta' strutturi flessibbli, fuq medda temporanja ta' żmien u f'interazzjoni mill-qrib bejniethom, fejn meħtieġ. Sabiex ikun żgurat li l-EIP tibbenefika b'mod sħiħ mill-eċċellenza li teżisti fl-UE, il-gruppi operattivi għandu jkollhom għan li jkollhom l-iżjed kopertura wiesgħa possibbli (kopertura ġeografika ta' 27 Stat Membru u minn oqsma differenti tal-ispeċjalizzazzjonijiet meħtieġa), wara proċedura trasparenti ta' nominazzjoni. Il-laqgħat jiġu organizzati b'tali mod li jimmassimizzaw il-kontribuzzjonijiet tal-esperti.

Involviment

Biex ikun massimizzat fluss ċirkolari ta' informazzjoni u kontabilità trasparenti matul iż-żmien tal-EIP, hi essenzjali interazzjoni kemm fuq livell politiku u kif ukoll mas-soċjetà inġenerali (ara wkoll l-Annessi 4 u 5). Din tinkiseb b'żewġ modi. Fuq livell politiku, il-Kummissjoni biħsiebha tirrapporta kull sena lill-Kunsill u l-PE. Fuq livell ta' soċjetà, l-EIP tfittex partiċipazzjoni ta' udjenza wiesgħa permezz tal-organizzazzjoni ta' attività pubblika ta' kull sena. Għalhekk jintlaħaq għan maġġuri tas-Sħubija għall-Innovazzjoni, li jkun żgurat l-iżjed livell wiesgħa ta' parteċipazzjoni tas-soċjetà.

Skeda ta’ żmien

Il-Kummissjoni tilqa' iżjed fehmiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll ta' partijiet interessati usa' dwar dawn is-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni. Soġġetti għall-fehmiet li waslu, hemm maħsuba dawn l-istadji li ġejjin (dettalji fit-taqsima 6 tal-Anness):

- Minn nofs l-2012: Nominazzjoni tal-HLSG, il-grupp tax-Sherpa u l-gruppi operattivi tal-KE;

- Fil-bidu tal-2013: Pjan Strateġiku ta' Implimentazzjoni ffinalizzat mill-HLSG, u li jkun preżentat mill-Kummissjoni lill-PE u lill-Kunsill (l-ewwel semestru tal-2013);

- Sa minn nofs l-2013: tibda l-implimentazzjoni u ssir l-ewwel konferenza annwali;

- Valutazzjoni tal-istat tal-progress (inkluża l-istruttura tal-governanza): lejn l-aħħar tal-2014 (biex ikunu kkunsidrati l-Qafas Finanzjarju Multiannwali l-ġdid tal-2014-2020 u l-Kummissjoni l-ġdida li jkun hemm).

Sabiex tissaħħaħ il-ħidma ta' din l-EIP, numru ta' azzjonijiet u studji preparatorji diġà bdew fl-2011. L-ewwel riżultati tanġibbli jibdew jaslu matul l-2012 u l-2013, sabiex l-EIP tkun tista' turi progress konkret fi stadju bikri. Il-Kummissjoni se torganizza reviżjoni tal-EIP matul l-2013 sabiex tivvaluta l-progress.

[1] COM(2008) 699 u COM(2011) 25

[2] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 6909/11 tal-10 ta' Marzu 2011.

[3] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Settembru 2011.

[4] COM(2010) 614

[5] COM(2011) 21

[6] COM(2011) 571 finali.

[7] COM(2010) 546

[8] Hekk kif definit f'COM(2011) 25.

[9] Sors l-IPA (International Platinum Grupp Metals Association): www.ipa-news.com

[10] Kif definit fil-COM(2010) 546

[11] Ara 2006 Rapport tal-Aho "Creating an Innovative Europe", 2007 Lead Market Initiative u 2010 OECD Innovation Strategy

[12] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/innovation/policy/public-procurement/pp-networks_en.htm

[13] http://ec.europa.eu/environment/gpp/gpp_criteria_en.htm

[14] SEC(2011) 1028 finali

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet