52012DC0079


Titolu u referenza

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni "Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu"

/* COM/2012/079 final */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

1. Daħla

Il-Kummissjoni fl-istrateġija tagħha Ewropa 2020[1], tenfasizza r-rwol tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala elementi essenzjali biex l-Unjoni Ewropea titħejja għall-isfidi tal-ġejjieni. L-orjentamenti għall-"PAK lejn l-2020"[2] jenfassizzaw li l-innovazzjoni hija indispensabbli għat-tħejjija tas-settur agrikolu tal-Unjoni għall-ġejjieni. Il-"Baġit għall-Ewropa 2020"[3] jinkludi EUR 4.5 biljun għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tas-sigurtà tal-ikel, il-bijoekonomija, u l-agrikoltura sostenibbli.

Dan ir-rwol ċentrali tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġi żviluppat aktar fl-inizjattiva ewlenija tal-UE 2020 "Unjoni tal-Innovazzjoni"[4] li tintroduċi l-kunċett ta' Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni (European Innovation Partnerships, EIP) bħala mod ġdid kif titrawwem l-innovazzjoni. Tnediet diġà EIP pilota dwar "Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu". Barra minn hekk, twettqet ħidma ta' tħejjija biex jiġu żviluppati EIPs dwar "Materja Prima", "Ewropa effiċjenti fl-użu tal-Ilma", u l-"Agrikoltua". L-EIPs isegwu l-missjoni li x-xjenza u l-applikazzjoni ta' approċċi innovattivi fil-prattika jitqarrbu. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li l-EIPs ikollhom mira ċara, kif ukoll l-importanza tal-involviment tal-Istati Membri u s-simplifikazzjoni effettiva ta' strumenti eżistenti.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-kunċett tal-EIP "Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu" msemmija fl-"Unjoni tal-Innovazzjoni". L-EIP issegwi l-orjentamenti strateġiċi ta' "Ewropa 2020" u "L-PAK fid-dawl tas-sena 2020". Tibbaża fuq il-konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati, u se tqis l-esperjenza tal-passat mill-EIP pilota dwar "Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu", inkluż l-iżvilupp tal-"Pjan Strateġiku ta' Implimentazzjoni" tagħha, kif ukoll id-diskussjonijiet fil-Kunsill u l-ħtiġijiet u l-ideat espressi mill-partijiet interessati.

2. Sfidi tas-Soċjetà

Sas-sena 2050, id-domanda dinjija għall-ikel mistennija tiżdied b’70 % (FAO). Iż-żieda drastika fid-domanda globali għall-ikel se tkun akkumpanjata minn żieda qawwija fid-domanda għall-għalf, għall-fibra, għall-bijomassa u għall-bijomaterjali. Mingħajr dubju dan se jagħti bidu għal reazzjoni ta' provvista ta' prodotti agrikoli fl-Unjoni li hija waħda mill-akbar fornituri tas-swieq globali agrikoli. Is-settur agrikolu fl-Unjoni jirrappreżenta 18 % tal-esportazzjonijiet tal-ikel fid-dinja, li jiswew EUR 76 biljun. F'valuri ta' produzzjoni, is-settur agrikolu fl-Unjoni jipprovdi aktar minn 40 % tal-produzzjoni tal-ikel totali fl-OECD. Naturalment, il-kontribuzzjonijiet għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni jvarjaw bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, minħabba differenzi kbar fl-iżvilupp ekonomiku u teknoloġiku tas-setturi tal-biedja.

Tul dawn l-aħħar deċennji, l-agrikoltura esperjenzat qligħ konsiderevoli mill-produttività; madankollu, f'dawn l-aħħar snin, din ix-xejra naqqset ir-ritmu fil-pajjiżi żviluppati. Dan il-qligħ inkiseb parzjalment akkost ta' pressjoni serja fuq ir-riżorsi naturali u l-ambjent. 45 % tal-ħamrija fl-Ewropa għandha problemi marbuta mal-kwalità, u l-livelli baxxi ta' materja organika li fiha huma xhieda ta' dan. Kważi kwart tal-ħamrija fl-Ewropa tippreżenta grad ta' erożjoni moderata jew serja. Għadd ta' ekosistemi prezzjużi, u magħhom, għadd ta' servizzi prezzjużi tal-ekosistemi saritilhom ħsara jew saħansitra sparixxew. Tul dawn l-aħħar 20 sena l-għasafar li jinsabu f'ħabitats agrikoli naqsu b'20 sa 25 %, u l-friefet li jinsabu fil-bwar b'70 %, flimkien ma theddid serju għad-dakkara bħan-naħal. Madwar 40 % tal-art agrikola hija vulnerabbli għat-tniġġis min-nitrati, u dan jhedded ir-riżorsi tal-ilma. Barra minn hekk, l-agrikoltura tirrappreżenta 9 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-Unjoni.

L-agrikoltura u l-forestrija għamlu passi kbar 'il quddiem fir-rikonċiljazzjoni tal-produzzjoni mal-ħtieġa ta' mmanniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali u fil-preservazzjoni tal-ambjent. Madankollu, dawn l-iżviluppi pożittivi jistgħu jiġu mhedda miż-żieda mhux mistennija fil-produzzjoni agrikola minħabba domanda globali dejjem akbar. Jekk din iż-żieda tiġi ssodisfata bl-approċċi attwali, dan jirriżulta f'aktar ħsara fir-riżorsi naturali u l-ambjent.

Dawn il-fenomeni mhumiex ristretti biss għall-partijiet tas-settur agrikolu fl-Unjoni li huma l-aktar avvanzati teknoloġikament. L-Ewropa għandha wkoll potenzjal kbir f'oqsma kkaratterizzati minn azjendi agrikoli żgħar u tradizzjonali. Madankollu, jekk dawk l-azjendi agrikoli jsegwu x-xejra ta' żvilupp stabbilita, se tiġi kkawżata ħsara ambjentali kbira fuq il-ħabitats u l-bijodiversità eżistenti, li spiss ikunu rikki, u fuq il-funzjonalità tal-ħamrija u r-riżorsi tal-ilma.

Bidla lejn mogħdija ta' tkabbir differenti hija meħtieġa sabiex tiġi stabbilita produzzjoni kompetittiva u sostenibbli ta' ikel, għalf, fibra, bijomassa u bijomaterjali. Biex dan jinkiseb, l-effiċjenza fil-provvista trid tiġi kkumplimentata minn tnaqqis fit-telf drammattiku li jseħħ wara l-ħsad. Bl-istess mod jeħtieġ li jkun inkluż adattament għat-tibdil fil-klima u l-użu bil-għaqal tal-bijodiversità u r-restawr tal-ekosistemi u s-servizzi tal-ekosistemi; trid tkun ibbażata fuq il-partikolaritajiet ta' kull territorju u l-potenzjal offrut mid-diversità ġenetika sabiex nikkombinaw il-bażi ġenetika rikka tagħna mal-prattiki agrikoli varji, ġodda u qodma, u niżguraw allokazzjoni u użu aħjar tar-riżorsi limitati tagħna. Il-ktajjen alimentari jvarjaw u l-ispeċifitajiet tagħhom jeħtieġ li jiġu integrati: Ktajjen tal-provvista "twal" jinvolvu aspetti bħall-konservazzjoni u l-ħżin, filwaqt li ktajjen tal-provvista "qosra" jikkonċentraw fuq il-provvediment lokali tal-ikel u attributi ta' kwalità partikolari. Jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu fil-qalba ta' dan kollu, sabiex il-produzzjoni taqbad direzzjoni li twassal għal ikel li jkun sikur, ta' kwalità għolja u prodott b'mod sostenibbli.

Iż-żieda fil-produzzjoni jeħtieġ li sseħħ flimkien ma' vijabbiltà ekonomika mtejba għall-produtturi primarji li jkunu raw is-sehem tagħhom tal-valur miżjud fil-katina alimentari jonqos tul l-aħħar deċennju. Mingħajr profitabbiltà akbar fl-azjendi agrikoli, is-sostenibbiltà se ssir sfida dejjem akbar.

Produzzjoni agrikola akbar u sostenibbli tista' tinkiseb biss permezz ta' sforzi kbar ta' riċerka u innovazzjoni fil-livelli kollha. Ripetutament, ir-riċerkaturi u l-partijiet interessati enfasizzaw in-nuqqas bejn il-provvediment ta' riżultati ta' riċerka u l-applikazzjoni ta' approċċi innovattivi fil-prattiki tal-biedja. Approċċi ġodda jdumu wisq biex jiġu applikati, u l-ħtiġijiet tal-biedja prattika ma jiġux ikkomunikati biżżejjed lill-komunità xjentifika. Għalhekk, innovazzjonijiet importanti ma jiġux implimentati fl-iskala meħtieġa, u oqsma ta' riċerka rilevanti mhux dejjem jirċievu l-attenzjoni li jeħtieġu.

Żieda fil-produttività u l-kompetittività tal-agrikoltura tesiġi, l-ewwel nett, titjib fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi sabiex il-produzzjoni tiżdied b'inqas ilma, enerġija, fertilizzanti (speċjalment il-fosforu u n-nitroġenu), u pestiċidi. Teħtieġ ukoll żieda fl-użu tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija u tnaqqis tal-iskart, skont l-orjentamenti mogħtija fil-"Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi"[5]. Is-sostenibbiltà teħtieġ li jitnaqqas it-tniġġis, li jiġu protetti l-kwalità u l-funzjonalità tal-ħamrija, li jiġu ppreservati l-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi, kif ukoll tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Is-soluzzjonijiet jeħtieġ li jmorru lil hinn minn azjenda agrikola individwali u jintegraw ukoll il-kuntest ġeografiku usa', inklużi l-forestrija u r-riżervi naturali. Appoġġi xierqa ta' teknoloġija, ICT u navigazzjoni satellitari, kif ukoll għodod ġodda ta' ġestjoni, jipprovdu potenzjal għal żvilupp importanti. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma essenzjali għall-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa. It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista jeħtieġ approċċi innovattivi li jżidu t-trasparenza, l-informazzjoni, u l-kapaċità tal-ġestjoni u jwasslu għal prodotti ġodda ta' kwalità.

Produzzjoni li tkun sostenibbli jeħtieġ li tintegra s-sostituzzjoni tal-input u l-produzzjoni bl-użu intelliġenti u r-riċiklaġġ tal-bijomassa u l-bijoraffinerija; u jeħtieġ li tnaqqas it-telf ta' wara l-ħsad. L-isfida teżisti għall-katina tal-provvista kollha mill-produzzjoni primarja sal-konsumatur. Il-konsumaturi jistgħu jnaqqsu l-pressjoni għal aktar produzzjoni primarja billi jbiddlu d-drawwiet ta' konsum tagħhom. L-edukazzjoni u t-taħriġ joffru potenzjal enormi għal titjib fin-nutrizzjoni, stili ta' ħajja aktar b'saħħithom, u tnaqqis fil-ħela tal-ikel. Il-kriterji tas-sostenibbiltà, stabbiliti f'punti importanti tul il-katina tal-provvista kollha, ikunu jikkontribwixxu għal aktar trasparenza, fiduċja, u għarfien.

3. Inrawwmu Agrikoltura Kompetittiva u Sostenibbli fl-Unjoni

L-EIP għandha l-għan li trawwem agrikoltura u forestrija kompetittivi u sostenibbli li "jiksbu aktar b'inqas" u jaħdmu f'armonija mal-ambjent. L-EIP se tgħin biex jinbena settur primarju kompetittiv li jiżgura disponibbiltà globali tal-ikel, prodotti u produzzjoni diversifikati, provvista fuq terminu ta' żmien twil ta' materja prima varja għal użi għall-ikel u anke mhux għall-ikel, kif ukoll allokazzjoni aħjar ta' valur miżjud tul il-katina tal-ikel.

Sabiex iż-żieda fil-produttività u l-produzzjoni agrikoli jsiru sostenibbli, ir-riżorsi naturali jeħtieġ li jiġu mmaniġġjati tajjeb, skont ir-rekwiżiti ambjentali. L-art se tkun partikolarment importanti, għaliex din se turi jekk il-bidla lejn xejriet ta' produzzjoni aktar sostenibbli kinitx ta' suċċess jew fallietx. L-art hija r-riżorsa essenzjali għall-produzzjoni agrikola. L-użu tal-art jinteraġixxi b'diversi modi mal-kwalità u l-kwantità tal-ilma, il-bijodiversità, u l-provvediment tas-servizzi tal-ekosistemi.

It-tibdil fil-klima jenfasizza l-fatt li l-ħamrija hija riżorsa partikolarment vulnerabbli. Il-funzjonijiet tal-ħamrija inkluża l-istabbiltà tal-ħamrija, iċ-ċiklu tal-ilma tal-ħamrija, il-kapaċità ta' lqugħ tan-nutrijenti, u l-integrità bijotika tal-ħamrija huma parametri essenzjali tal-produttività tal-art. Il-funzjoni tagħha bħala bir tal-karbonju tagħti lill-ħamrija rwol essenzjali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Ġestjoni xierqa tal-art jeħtieġ li tipprevjeni d-degradazzjoni u l-erożjoni tal-ħamrija, tistabbilizza l-funzjonijiet tal-ħamrija, u tindirizza l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għaliha.

Meta tqiesu dawn l-objettivi, ġew identifikati żewġ miri ewlenin għall-EIP:

· Bħala indikatur għall-promozzjoni tal-produttività u l-effiċjenza tas-settur agrikolu, l-EIP għandha l-għan li twaqqaf ix-xejra reċenti ta' tnaqqis fil-qligħ mill-produttività sal-2020[6].

· Bħala indikatur għas-sostenibbiltà tal-agrikoltura, l-EIP għandha l-għan tiżgura l-funzjonalità tal-ħamrija[7] fl-Ewropa f'livell sodisfaċenti sal-2020. Il-funzjonalità tal-ħamrija tinkorpora l-kapaċità produttiva tal-ħamrija u r-rwoli essenzjali tagħha fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u l-istabbilità tal-ekosistemi.

Filwaqt li dawn il-miri ewlenin jirreferu għall-produzzjoni primarja, l-EIP se titratta wkoll il-bosta interazzjonijiet tul il-katina tal-provvista kollha sal-konsumatur. L-għanijiet speċifiċi tal-EIP se jiġu elaborati matul l-implimentazzjoni konkreta tagħha, u se jirriflettu l-orjentamenti strateġiċi tal-politiki li minnhom tiddependi.

L-għanijiet operattivi tal-EIP jinkludu t-tqarrib tar-riċerka u t-teknoloġija innovattivi mal-partijiet interessati, inklużi l-bdiewa, in-negozji, l-industrija, is-servizzi ta' konsulenza u l-NGOs. Dan għandu jgħin sabiex ir-riżultati tar-riċerka jissarrfu f'innovazzjoni reali, trasferiment aktar veloċi tal-innovazzjoni fil-prattika, l-għoti ta' informazzjoni mill-prattika għax-xjenza fir-rigward ta' ħtiġijiet ta' riċerka, titjib fl-iskambju tal-għarfien, u żieda fl-għarfien dwar il-ħtieġa għal sforzi konġunti biex ikun hemm investiment fl-innovazzjoni sostenibbli.

L-EIP tipprova kemm jista' jkun tikseb sinerġija billi trawwem l-iskambju bejn sħab minn oqsma, setturi, inizjattivi u proġetti differenti tal-politika, biex b'hekk tikkontribwixxi għal effikaċja akbar tal-istrumenti tal-politika eżistenti u tikkumplimentahom ma' azzjonijiet ġodda fejn meħtieġ.

4. Benefiċċji u Opportunitajiet

Is-settur agrikolu u dak tal-ikel ikkombinati flimkien bħalissa jfissru 17-il miljun impjieg (7,6 % tat-total tal-impjiegi) u għal 3,5 % tat-total tal-Valur Miżjud Gross fl-UE-27. L-EIP se tirrinforza l-pożizzjoni tal-agrikoltura tal-Unjoni bħala riżorsa kompetittiva u effiċjenti u tikkontribwixxi għal forestrija u prattiki tal-użu tal-art aktar sostenibbli. Setturi lil hinn u fi ħdan is-settur agrikolu li jipprovdu teknoloġiji "ekoloġiċi" lill-produtturi primarji jeħtieġ li jiġu integrati fl-EIP u jibbenefikaw minnha wkoll.

Biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, ir-rwol tal-bdiewa fil-katina tal-provvista jeħtieġ li jissaħħaħ. Bidliet fid-domanda tal-konsumaturi lejn ikel sikur, favur is-saħħa u ta' kwalità għolja jindikaw importanza dejjem akbar għas-swieq lokali. Is-suq kostantament dejjem akbar għall-ikel, l-għalf, il-fibra, il-bijomaterjali, u l-bijoenerġija jipprovdi żvilupp ekonomiku, impjiegi, u possibbiltajiet għall-innovazzjoni soċjali. L-użu tad-diversità ġenetika Ewropea jirrilaxxa potenzjal enormi għall-iżvilupp. Għalhekk, opportunitajiet ta' prodotti u swieq ġodda qed jinfetħu għall-produtturi primarji, u l-EIP se tgħinhom jaħtfuhom.

Fin-nuqqas ta' xprun ta' innovazzjoni bħall-EIP, l-agrikoltura tal-Unjoni se taffronta diffikultajiet fiż-żieda tal-produzzjoni filwaqt li tevita aktar deterjorament fil-kapaċitajiet produttivi u r-riżorsi naturali, b'mod partikolari l-ħamrija, l-ilma, u s-servizzi tal-ekosistemi. L-istudju TEEB dwar "Economics of Ecosystems and Biodiversity" (Il-qasam ekonomiku b'rabta mal-ekosistemi u l-bijodiversità) jissuġġerixxi li l-valur tal-preservazzjoni tal-bijodiversità mis-sistemi terrestri se jkun bejn wieħed u ieħor jammonta għal 7 % tal-PDG stmat fl-2050. Bħala eżempju, l-istudju jirreferi għad-dakkir mill-insetti, stmat EUR 15 biljun fis-sena. Minbarra dan, l-EIP se tgħin tiżgura s-sekwestru tal-karbonju u timmitiga l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (greenhouse gases, GHG) kif ukoll tnaqqas il-ħtiġijiet enerġetiċi. Għarfien aħjar dwar aspetti rigward in-nutrizzjoni se jibdlu l-imġiba tal-konsumaturi u jipprovdu benefiċċji għal diversità akbar u kwalità ogħla tal-prodotti.

5. Nimmobilizzaw il-potenzjal

L-Istati Membri u l-partijiet interessati ripetutament esprimew interess qawwi fil-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-agrikoltura permezz ta' approċċ mifrux mal-Unjoni kollha. Il-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2008 indika li "jeħtieġ li titkompla l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola, partikolarment biex jitjiebu l-effiċjenza fl-enerġija, it-tkabbir fil-produttività u l-abbiltà tagħha li tadatta għat-tibdil fil-klima.” Konklużjonijiet simili ntlaħqu minn organizzazzjonijiet agrikoli u Kmamar tal-Agrikoltura, u d-dikjarazzjoni tal-G20 minn Cannes tenfasizza l-ħtieġa primordjali li jsir investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni agrikoli.

Il-kunċett u l-kontenut tal-"Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikoli" tal-EIP ġew diskussi ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati. Il-partijiet interessati enfasizzaw il-ħtieġa għal EIP agrikola u enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi eliminat id-distakk bejn il-prattika tal-biedja u x-xjenza permezz ta' netwerking intelliġenti.

L-EIP se tinkoraġġixxi sħab f'livelli istituzzjonali u ġeografiċi differenti u f'setturi differenti biex jikkollaboraw u japprofittaw minn potenzjal enormi għas-sinerġiji. Se ssir enfasi partikolari fuq l-użu tal-opportunitajiet ipprovduti minn oqsma politiċi differenti, b'mod partikolari l-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Politika għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Unjoni, il-Politika ta' Koeżjoni, il-Politika Ambjentali u dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Politika dwar il-Konsumatur u s-Saħħa, il-politika dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, il-Politika Industrijali, u l-Politika dwar l-Informazzjoni. Kooperazzjoni mill-qrib u skambju ta' esperjenza se jiġu żgurati ma' Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni oħra, inklużi l-EIP dwar il-"Materja Prima" u l-EIP dwar "Ewropa effiċjenti fl-użu tal-ilma". Din tal-aħħar hija marbuta mal-EIP agrikola, għaliex se tkopri l-infrastruttura tal-ilma u l-allokazzjoni tal-ilma fiż-żoni rurali, filwaqt li l-EIP agrikola se tindirizza l-ġestjoni tal-ilma u t-tnaqqis tat-tniġġis fil-livell tal-azjendi agrikoli.

6. Traspożizzjoni tal-Innovazzjoni fil-Prattika Agrikola

L-EIP se tkopri stadji multipli: mill-proċess ewlieni tar-riċerka għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka għall-iżvilupp tal-prodotti u t-tekniki u l-integrazzjoni tagħhom fil-proċess tal-produzzjoni. Il-proċessi taċ-ċertifikazzjoni li jikkonfermaw il-valur miżjud dejjem akbar tal-prodotti tar-riċerka wkoll se jkollhom rwol importanti.

Sabiex l-innovazzjoni tiġi trasposta fil-prattika agrikola, l-EIP se tuża firxa tal-politiki eżistenti, b'mod partikolari l-Politika dwar l-Iżvilupp Rurali tal-PAK u l-Politika tal-Unjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, biex azzjonijiet innovattivi konkreti jiġu ffinanzjati. Filwaqt li l-Programmi tal-Iżvilupp Rurali normalment jaġixxu fi ħdan il-konfini tar-reġjuni tal-programmi, l-aktar fil-livell lokali, reġjonali, jew nazzjonali, azzjonijiet innovattivi fil-livell transreġjonali, transkonfinali, jew tal-Unjoni jeħtieġ li jiġu kofinanzjati mill-Politika tal-Unjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Għandhom jinstabu sinerġiji mal-opportunitajiet ipprovduti mill-Politika ta' Koeżjoni, b'mod partikolari permezz ta' strateġiji ta' innovazzjoni reġjonali u programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali u interreġjonali.

Il-valur miżjud tal-EIP jinsab, l-ewwel nett, fil-potenzjal tagħha li tiffoka l-politiki eżistenti fuq l-innovazzjoni u, it-tieni, fin-natura tagħha bħala pjattaforma dinamika tgħaqqad flimkien lill-bdiewa, lill-partijiet interessati, u lir-riċerkaturi. L-implimentazzjoni se tkun iddirezzjonata lejn gruppi operattivi bħala entitajiet li jaġixxu b'mod ewlieni, bl-involviment ta' dawk ikkonċernati bħall-bdiewa, ix-xjenzati, il-konsulenti, l-NGOs, u/jew l-impriżi. Il-gruppi operattivi se jieħdu l-awtorità f'dak li għandu x'jaqsam ma' suġġetti ta' interess u se jwettqu proġetti li jkollhom l-għan jittestjaw u japplikaw prattiki, proċessi, prodotti, servizzi, u teknoloġiji innovattivi. Fil-livell transkonfinali jew tal-Unjoni, gruppi operattivi se jaġixxu b'mod partikolari permezz ta' inizjattivi raggruppati u proġetti pilota u ta' dimostrazzjoni. L-azzjonijiet konkreti se jissawwru bil-bażi ta' għarfien ipprovduta permezz tal-Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Faċilità ta' netwerk tal-EIP se tiġi stabbilita fi ħdan il-qafas tan-Netwerk tal-Iżvilupp Rurali. In-netwerk se janima l-attivitajiet fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali. Se jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' gruppi operattivi u se jgħarraf dwar l-opportunitajiet ipprovduti bil-politiki tal-Unjoni. Min-naħa tagħhom, il-gruppi operattivi huma meħtieġa jirrapportaw lura lin-netwerk dwar il-proġetti tagħhom. Għalhekk, in-netwerk se jaġixxi bħala medjatur fit-tisħiħ tal-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u l-prattika. Se jgħin fil-kondiviżjoni tal-esperjenza, inklużi fallimenti, esperjenzi miksuba, u prattika tajba. Barra minn hekk, se jipprevedi mekkaniżmu sistematiku ta' provvediment ta' informazzjoni biex il-ħtiġijiet tal-prattika jiġu inkorporati fl-aġenda tar-riċerka.

Implimentazzjoni tal-EIP li tkun ta' suċċess tiddependi mill-provvediment u t-trasferiment ta' għarfien rilevanti minn firxa wiesgħa ta' dixxiplini li jiffurmaw parti mill-komunità Ewropea tar-riċerka. Input konsiderevoli għad-diskussjoni u l-iżvilupp ta' orjentamenti tematiċi konsistenti u rilevanti huma mistennija mill-Inizjattivi ta' Programmazzjoni Konġunta (Joint Programming Initiatives, JPI), il-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (Standing Committee on Agricultural Research, SCAR), l-ERA-NETs[8] u l-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej. Dawn l-inizjattivi għandhom jikkontribwixxu għad-dibattitu dwar azzjonijiet innovattivi potenzjali u diskussjonijiet dwar l-esperjenzi li jkunu nkisbu. Jistgħu jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta' gruppi operattivi bil-għan li l-azzjoni innovattiva tiġi mmultiplikata. In-netwerk tal-EIP se jikkontribwixxi għal konnessjoni aħjar ta' dawk l-inizjattivi. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni marbuta miegħu se jiżguraw implimentazzjoni tajba.

7. Struttura Governattiva

Bord ta' tmexxija ta' livell għoli, ta' għadd limitat u li jikkonsisti minn rappreżentanti mill-Istati Membri u l-partijiet interessati kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll tad-domanda u maħtura fil-kapaċità personali tagħhom, se jipprovdi pariri strateġiċi u gwida permezz ta' pjan strateġiku ta' implimentazzjoni li jidentifika oqsma ta’ prijorità għall-azzjoni u rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jinkisbu l-għanijiet tal-EIPs.

B'segwitu għall-esperjenza tal-EIP pilota dwar "Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu", il-ħidma tal-grupp ta' tmexxija se sseħħ flimkien mal-involviment sħiħ tal-Istati Membri u l-partijiet interessati fl-azzjonijiet konkreti u fis-segwitu tal-EIP agrikola. Dan se jintlaħaq ukoll permezz ta' gruppi ffukati u seminars tematiċi, li għandhom jiġu stabbiliti min-netwerk.

L-EIP se tiddependi minn politiki eżistenti tal-Unjoni. Il-finanzjament, l-implimentazzjoni, u l-prijoritizzazzjoni tal-azzjonijiet se jkunu bbażati fuq mekkaniżmi rispettivi inkorporati f'dawk il-politiki. Il-Politika dwar l-Iżvilupp Rurali titlob lill-Istati Membri jiddefinixxu avvenimenti importanti kkwantifikati (anke għall-innovazzjoni) li jirriflettu l-għanijiet tal-Ewropa 2020. Il-politika tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni se tappoġġa proġetti skont l-orjentamenti strateġiċi u l-mekkaniżmi ta' teħid ta' deċiżjonijiet ta' "Orizzont 2020". In-netwerk tal-EIP se juża l-mekkaniżmi eżistenti għar-rapportar lill-Istati Membri u lill-Awtoritajiet ta' Ġestjoni tal-Iżvilupp Rurali kif ukoll għall-interazzjoni magħhom, inklużi wkoll il-Kumitat ta' Żvilupp Rurali u l-Kumitati ta' Monitoraġġ.

8. Oqsma ta' Azzjonijiet Innovattivi

Skont l-esperjenza miksuba permezz tal-EIP pilota, il-kontenut u l-prijoritajiet li għandhom jintlaħqu mill-EIP għandhom jemerġu b'mod miftuħ u jirriflettu l-ħtieġa għal soluzzjonijiet varji. Sabiex it-teknoloġiji, il-metodi, u l-proċessi l-ġodda jiġu attwati fil-prattika tal-biedja u jinħoloq spazju għal mistoqsijiet u gwida prattiċi huwa meħtieġ approċċ minn isfel għal fuq, ikkombinat ma' netwerking effettiv. Skont il-konklużjonijiet imressqa mill-OECD[9], l-EIP mhux se tiddependi minn mudell ta' innovazzjoni wieħed. Barra minn hekk, jitqies il-fatt li l-innovazzjoni tista' tkun teknoloġika, mhux teknoloġika, jew soċjali, u tista' tkun ibbażata fuq prattiki ġodda jew tradizzjonali.

Bosta oqsma ta' prijorità indikattivi għar-riċerka u l-innovazzjoni ntgħażlu abbażi ta' input u skambju ma' partijiet interessati u riċerkaturi. Il-lista stabbilita hawn taħt ma għandhiex tieħu preċedenza fuq azzjonijet ta' innovazzjoni fuq il-post. L-implimentazzjoni tal-EIP tista' tikkumplimentaha.

· Żieda fil-produttività, l-output, u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi agrikoli

Dan il-qasam ta' azzjonijiet ta' innovazzjoni għandu l-għan iżid l-output agrikolu, filwaqt li jiżgura l-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi. Sistemi ta' produzzjoni b'input baxx jimmiraw lejn l-użu sostenibbli tan-nutrijenti (inklużi l-fosforu u n-nitroġenu) u l-pestiċidi, l-użu ottimizzat tal-enerġija, l-ilma, u r-riżorsi ġenetiċi, u dipendenza aktar baxxa minn inputs esterni. Huwa meħtieġ progress fil-qasam ta' ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara, kontroll bijoloġiku ta' mard tal-pjanti u ta' organiżmi ta' ħsara, użu mtejjeb ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-produzzjoni tal-annimali u mill-ħamrija. Soluzzjonijiet għar-riċiklaġġ u t-tnaqqis ta' telf ta' wara l-ħsad għandhom inaqqsu l-pressjonijiet fuq ir-riżorsi naturali. Il-potenzjal għal teknoloġiji ekoloġiċi, bħall-ICT, biedja ta' preċiżjoni, u sistemi ta' twissija dwar organiżmi ta' ħsara, għandhom jiġu esplorati.

· Innovazzjoni li tappoġġa ekonomija bijoloġika

Soluzzjonijiet innovattivi għandhom jiġu adattati għall-katina tal-provvista kollha kif ukoll għall-ekonomija bijoloġika li dejjem qed tikber. Għandhom jinstabu soluzzjonijiet għal bijoraffineriji u riċiklaġġ u l-użu intelliġenti tal-bijomassa mill-uċuħ, foresti, u skart tal-ikel, filwaqt li jiġi vvalorizzat il-potenzjal sekwenzjali mingħajr ma titnaqqas il-materja organika tal-ħamrija. Għandha titqies ukoll is-sostituzzjoni tal-produzzjoni primarja tal-proteini bl-alka jew bil-bijofermentazzjoni. It-trobbija tal-annimali u tal-pjanti tista' tiġi esplorata biex tinkiseb produzzjoni ogħla, emissjonijiet imnaqqsa u/jew reżistenza itjeb għall-mard, kif ukoll kwalità ogħla tal-prodotti finali (eż. profili nutrizzjonali itjeb).

· Bijodiversità, Servizzi tal-ekosistemi, u l-funzjonalità tal-ħamrija

Innovazzjoni li ssaħħaħ ġestjoni sostenibbli tal-azjendi agrikoli u tal-prattiki tal-forestrija tibbenifika wkoll is-servizzi tal-ekosistemi u l-funzjonalità tal-ħamrija. Għandha ssir enfasi partikolari fuq sistemi agroekoloġiċi integrati, inklużi t-tisħiħ tal-bijodiversità tal-ħamrija, is-sekwestru tal-karbonju, iż-żamma tal-ilma, l-istabbilità u r-reżiljenza tal-ekosistemi, u l-funzjonijiet tad-dakkir. Is-soluzzjonijiet jistgħu jiffukaw fuq ġestjoni tal-art imtejba (inkluż ħidma tal-art imnaqqsa u manutenzjoni ta' infrastrutturi ekoloġiċi), ippjanar spazjali integrat u sistemi ġodda ta' agroforestrija, kif ukoll metodi naturali ta' konservazzjoni tal-ekosistemi. Żoni oħra jinkludu l-ottimizzazzjoni tal-użu ta' riżorsi ġenetiċi, sistemi ta' input baxx/organiċi, żieda fid-diversità ġenetika użata fl-agrikoltura, u l-iżvilupp ta' bijorimedjazzjoni għal ħamrija mniġġsa, kif ukoll strateġiji innovattivi għall-adattament għat-tibdil fil-klima.

· Prodotti innovattivi u servizzi għall-katina tal-provvista integrata.

L-għan huwa li jiġu żviluppati u mmobilizzati prodotti, mezzi u servizzi, flimkien mal-istabbiliment ta' katina tal-provvista trasparenti u sostenibbli. L-enfasi se ssir fuq sistemi tal-informazzjoni u għodod tal-ġestjoni tar-riskji itjeb, li jirriflettu l-karatteristiċi tal-prodotti u l-proċessi tal-produzzjoni, bħall-analiżi komparattiva, l-istandards tas-sostenibbiltà, il-footprinting, l-analiżi taċ-ċikli tal-ħajja (b'enfasi fuq il-ġestjoni tal-iskart) u sistemi ta' ċertifikazzjoni. Soluzzjonijiet jistgħu jinkludu innovazzjoni maniġerjali għall-bdiewa, li tirrinforza r-rwol tagħhom fil-ktajjen tal-provvista, eż. permezz ta' gruppi ta' produtturi jew ktajjen tal-provvista qosra. Għodod ta' dijanjostika ġodda jgħinu biex tiġi traċċata l-prestazzjoni ambjentali u soċjali tal-azjendi agrikoli. Is-soluzzjonijiet jinkludu wkoll l-isfruttament tad-diversità sħiħa tal-bażi ġenetika tagħna, filwaqt li joħolqu opportunitajiet ġodda u aktar sostenibbli, u jistabbilixxu innovazzjonijiet istituzzjonali (eż. swieq tal-karbonju). Sistemi effettivi ta' monitoraġġ jistgħu jkunu mmirati lejn residwi fl-ikel (eż. pestiċidi).

· Kwalità tal-ikel, sikurezza tal-ikel u stili ta' ħajja b'saħħithom

Għażliet informati mill-konsumaturi huma essenzjali bħala impulsi ta' direzzjoni għall-katina tal-provvista kollha. Oqsma ta' azzjoni jinkludu l-kwalità tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta' skemi ġodda ta' kwalità tal-ikel u skemi ta' kura tas-saħħa għall-bhejjem. Il-bijoprospettar u l-potenzjal tal-flora medika bħala riżorsa ta' materja prima jistgħu jiġu esplorati. Oqsma oħra jistgħu jinkludu trattament naturali ta' annimali u pjanti u metodi ġodda għall-analiżi tal-kwalitajiet bijoloġiċi tal-ikel. Għodod biex jinbidlu d-drawwiet ta' konsum u għodod korrispondenti ta' informazzjoni u taħriġ jistgħu jtejbu s-saħħa pubblika, filwaqt li jkunu akkumpanjati minn ingredjenti tajbin għas-saħħa fil-prodotti (eż. ħalib jew żejt b'aċidi xaħmin omega-3) miksuba b'aktar żvilupp ta' nutrijenti u permezz tat-trobbija tal-annimali. Ir-rwol tal-konsumaturi fit-tnaqqis tat-telf ta' wara l-ħsad jista' jiġi indirizzat b'approċċi ta' imballaġġ intelliġenti kif ukoll edukazzjoni u informazzjoni.

9. Il-Passi li Jmiss

Meta titqies il-ħtieġa li xejriet ta' żvilupp jinbidlu biex jinkludu tkabbir sostenibbli fl-agrikoltura, dawn l-attivitajiet għandhom jinbdew mill-aktar fis possibbli. Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan tinkoraġġixxi diskussjoni mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati dwar l-għanijiet strateġiċi u l-format tal-EIP agrikola.

Se jitħejja pjan strateġiku ta' implimentazzjoni li jqis l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar din il-Komunikazzjoni. Bħala pass ta' tħejjija, għajnuna teknika pprovduta mill-Politika tal-Iżvilupp Rurali se tintuża biex jiġu stabbiliti faċilitajiet ta' netwerks. L-istabbiliment fil-ħin ta' netwerk tal-EIP huwa meħtieġ biex tiġi żgurata informazzjoni bikrija ta' partijiet involuti u interessati rigward opportunitajiet għal azzjoni innovattiva. Dan għandu jiffaċilita l-proċess li permezz tiegħu azzjonijiet innovattivi jinbidlu f'azzjonijiet innovattivi konkreti fil-post.

[1]               COM (2010) 2020

[2]               COM(2010) 672

[3]               COM(2011) 500

[4]               COM(2010) 546

[5]               COM(2011) 571 finali

[6]               Imkejjel bħala "produttività totali tal-fatturi"

[7]               Inkluż: Li titwaqqaf ix-xejra ta' telf ta' materja organika tal-ħamrija; prattiki ta' biedja xierqa fuq art agrikola suxxettibbli għall-erożjoni.

[8]               L-iskemi tal-ERA-NET jappoġġaw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ta' attivitajiet tar-riċerka fil-livell nazzjonali jew reġjonali

[9]               Il-Manwal tal-OECD u l-Eurostat (2005), Oslo: Guidelines for Collecting and Interpreting Innovation Data, (Linji gwida għall-Ġbir u l-Interpretazzjoni tad-Dejta), Pariġi.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet