52012DC0012


Titolu u referenza

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI ibbażat fuq l-Artikolu 29 (2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali

/* COM/2012/012 final */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

ibbażat fuq l-Artikolu 29 (2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali

INTRODUZZJONI

Sfond

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008[1] (minn issa 'l quddiem ‘id-Deċiżjoni Qafas’) dwar il-protezzjoni ta' dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali tistabbilixxi qafas ġenerali legiżlattiv għall-protezzjoni tad-dejta fil-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar 2009[2].

Id-Deċiżjoni Qafas kienet meħtieġa peress li f’dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda strument ġenerali fil-livell Ewropew li jkopri l-ipproċessar tad-dejta fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali[3]. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta jiddikjara li ma japplikax “għall-ipproċessar tad-dejta personali fil-kors ta' attività li ma tkunx skont il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħal ma huma dawk provduti fit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta' pproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà tal-Istat jew l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali”.

L-għan tad-Deċiżjoni Qafas huwa li tipprovdi livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ta’ persuni fiżiċi fil-livell tal-UE meta tiġi pproċessata d-dejta personali fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Fl-istess ħin, għandu jiġu garantit livell għoli ta’ sigurtà pubblika[4]. Dan ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jipprovdu salvagwardji ogħla biex jipproteġu d-dejta personali li tinġabar jew tiġi pproċessata fil-livell nazzjonali[5].

Il-kamp ta’ applikazzjoni[6] tad-Deċiżjoni Qafas huwa limitat għall-ipproċessar tad-dejta personali għall-iskop ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, kxif jew teħid ta’ passi fir-rigward ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali ta' dejta li hija trażmessa jew ġiet trażmessa jew saret disponibbli:

- bejn l-Istati Membri,

- mill-Istati Membri lill-awtoritajiet jew lil sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti fuq il-bażi tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (‘Kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali’); jew

- lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri minn awtoritajiet jew sistemi ta' informazzjoni stabbiliti fuq il-bażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Dejta personali li tkun ġiet trasferita minn Stat Membru għal ieħor tista' wkoll tiġi trasferita lil Stati terzi jew korpi internazzjonali, sakemm jiġu sodisfatti ċerti rekwiżiti[7].

Id-Deċiżjoni Qafas tapplika bis-sħiħ għar-Renju Unit u l-Irlanda, għax hija żvilupp tal- acquis ta' Schengen. Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma parti mid-Deċiżjoni Qafas skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l- acquis ta' Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2000/365/KE u 2002/192/KE.

Fir-rigward tal-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Liechtenstein, id-Deċiżjoni Qafas tikkostitwixxi żvilupp tal- acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim u l-Protokolli konklużi mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Unjoni Ewropea mal-Islanda u man-Norveġja, mal-Konfederazzjoni Svizzera u mal-Liechtenstein, u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill 1999/437/KE, 2008/149/ĠAI u 2008/262/ĠAI.

Il-Kontenut tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI

Il- kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas ma jkoprix l-ipproċessar domestiku tad-dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jew tal-pulizija fl-Istati Membri (Artikolu 1 (2)).

B’mod ġenerali, l-istrumenti leġiżlattivi speċifiċi għas-settur għall-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali li fihom dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta' dejta personali u li kienu ġew adottati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Qafas jingħataw preċedenza fuq dawn tal-aħħar (l-Artikolu 28). L-istrumenti meqjusa li jistabbilixxu “sett ta’ regoli komplet u koerenti” fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta mhumiex affettwati mid-Deċiżjoni Qafas (il-premessa 39). Miżuri oħrajn speċifiċi għas-settur li fihom regoli għall-protezzjoni tad-dejta b'kamp ta’ applikazzjoni aktar limitat jingħataw preċedenza fuq id-Deċiżjoni Qafas biss jekk dawn ir-regoli jkunu aktar restrittivi minn din tal-aħħar. F’kull każ ieħor tapplika d-Deċiżjoni Qafas (il-premessa 40).

Id-Deċiżjoni Qafas tispeċifika l-għanijiet tal-protezzjoni tad-dejta fi ħdan il-qafas ta’ attivitajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji. Tistipula regoli dwar il-legalità tal-ipproċessar ta' dejta personali biex tiżgura li kwalunkwe informazzjoni li tista’ tiġi skambjata tiġi pproċessata legalment u skont il-prinċipji fundamentali tal-kwalità tad-dejta.

Tiddefinixxi wkoll id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta biex tiżgura l-protezzjoni tad-dejta personali mingħajr ma tipperikola l-interessi tal-investigazzjonijiet kriminali. Għal dan il-għan, is-suġġetti tad-dejta jridu jkunu infurmati u jrid ikollhom aċċess għad-dejta personali tagħhom.

L-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali, li jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom, iridu jagħtu parir u jissorveljaw l-applikazzjoni tal-miżuri adottati mill-Istati Membri biex jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas.

L-obbligu tal-Kummissjoni li tirraporta dwar l-implimentazzjoni

Skont l-Artikolu 29(1) tad-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri jridu jieħdu miżuri biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni qabel is-27 ta' Novembru 2010.

Skont l-Artikolu 29(2) għandhom jittrażmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom, kif ukoll informazzjoni dwar l-awtoritajiet ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas.

Il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport bl-użu tal-informazzjoni li tkun intbagħtet mill-Istati Membri. Il-Kunsill għandu, qabel is-27 ta’ Novembru 2011, jivvaluta safejn l-Istati Membri kkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni Qafas.

Għejun ta’ informazzjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-rapport

Sad- 9 ta’ Novembru 2011 , 26 minn 27 Stat Membru, kif ukoll il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Islanda u l-Isvizzera, kienu bagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.

Minn dawn is- 26 Stat Membru, 14 -il Stat Membru indika li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ tagħhom timplimenta d-Deċiżjoni Qafas (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, is-Slovakkja, l-Isvezja, u r-Renju Unit). Il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Estonja u l-Isvezja ddikjaraw li kienu għadhom qed jinvestigaw jekk kienx hemmx bżonn ta’ iżjed miżuri ta' implimentazzjoni.

9 Stati Membri jistgħu jiġu kkunsidrati li implimentaw parzjalment id-Deċiżjoni Qafas, peress li huma jirrapportaw li l-leġiżlazzjoni implimentattiva għadha trid tiġi adottata.

4 Stati Membri ma rreaġixxewx għat-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni (ir-Rumanija) jew indikaw li huma ma implimentawx id-Deċiżjoni Qafas (il-Greċja, l-Italja[8], Ċipru).

Il-kontenut tal-informazzjoni, b’mod partikulari l-livell ta’ dettall, mogħti mill-Istati Membri b'risposta għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni jvarja. It- Tabella 1 tagħti ħarsa ġenerali tat-tweġibiet: tirrifletti l-valutazzjoni min-naħa tal-Istati Membri dwar l-istat ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.

TRASPOŻIZZJONI TAD-DEĊIŻJONI QAFAS

Deċiżjoni Qafas ex-Artikolu 34(2)(b) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Din id-Deċiżjoni Qafas hija bbażata fuq it-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea (TUE), u b’mod partikulari l-Artikoli 30, 31(e) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu.

Id-Deċiżjonijiet Qafas bħala strumenti legali jistgħu jiġu pparagunati l-aħjar ma' direttiva, peress li huma vinkolanti fuq l-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb iżda jħallu f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi. Madankollu, deċiżjonijiet qafas m'għandhomx effett dirett[9].

Skont l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-atti adottati abbażi tat-Titoli V u VI tat-TUE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (Nru 36), anness mat-Trattati, is-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 tat-TFUE mhumiex applikabbli (u dawk tal-ECJ jibqgħu limitati) fir-rigward tal-atti ta’ ‘dak li kien it-tielet pilastru’ għal perjodu ta’ tranżizzjoni ta' ħames snin mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (jiġifieri sal-1 ta’ Diċembru 2014).

Hawn taħt hawn xi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta’ erba’ dispożizzjonijiet ewlenin tad-Deċiżjoni Qafas kif irrappurtat mill-Istati Membri bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2010.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali

Id-Deċiżjoni Qafas tapplika biss għall-ipproċessar ta' dejta personali trażmessa jew li ssir disponibbli bejn l-Istati Membri (l-Artikolu 1(2)). L-ipproċessar tad-dejta personali mill-pulizija u l-ġustizzja f'materji kriminali fil-livell nazzjonali ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.

It- Tabella 2 tal-Anness tipprovdi ħarsa ġenerali tal-miżuri implimentattivi fl-Istati Membri. Ħafna mill-Istati Membri rreferew għal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta bħala waħda mill-miżuri implimentattivi tad-Deċiżjoni Qafas u żiedu referenza għal leġiżlazzjoni settorjali applikabbli għall-awtoritajiet tal-pulizija, tal-ġustizzja, tad-dwana u tat-taxxa. Xi Stati Membi ddeċidew li ma jadottawx strumenti leġiżlattivi, iżda li jimplimentaw id-Deċiżjoni billi joħorġu ċirkulari amministrattivi (pereżempju l-Ġermanja u r-Renju Unit).

Ħafna mill-Istati Membri indikaw li l- leġiżlazzjoni ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta tapplika għall-ipproċessar tad-dejta personali mill-pulizija u l-ġustizzja kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’kuntest transkonfinali[10], madankollu ta’ spiss flimkien mal-Atti dwar il-Proċedura Kriminali u l-Atti (dwar id-Dejta) tal-Pulizija[11] . Tlettax-il Stat Membru (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Isvezja) irreferew għall-Atti dwar il-Proċedura Kriminali jew leġiżlazzjoni simili. Seba’ Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Isvezja) irrapurtaw l-eżistenza ta’ Att (dwar id-Dejta) tal-Pulizija[12]. Tliet Stati Membri (pereżempju l-Bulgarija, il-Portugall, il-Litwanja) żiedu li huma adottaw ukoll leġiżlazzjoni speċifika biex jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas mhux koperti mil-leġiżlazzjoni ġenerali, li japplikaw biss għall-ipproċessar transkonfinali tad-dejta personali[13].

Tliet Stati Membri kkunsidraw il-kamp ta’applikazzjoni limitat tad-Deċiżjoni Qafas bħala problema. L-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi rrapurtaw diffikultajiet biex jiddistingwu fil-prattika bejn l-ipproċessar transkonfinali tad-dejta skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/977 u l-ipproċessar fil-livell nazzjonali, u l-kumplessità relatata biex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri jaħdmu b’regoli ta’ pproċessar differenti fir-rigward tal-istess dejta personali. Il-Polonja identifikat il-punti dgħajfa fid-Deċiżjoni Qafas b’mod ġenerali u, b’mod partikulari, enfasizzat l-appoġġ tagħha għall-għan tal-Kummissjoni biex twaqqaf qafas komprensiv u l-estensjoni tar-regoli ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali[14].

Informazzjoni tas-suġġetti tad-dejta (l-Artikolu 16, il-premessi 26-27)

Skont id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jinfurmaw lis-suġġetti tad-dejta, li d-dejta tagħhom qed tiġi proċessata jew trażmessa lil Stat Membru ieħor għall-iskop ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, kxif u prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew eżekuzzjoni ta' pieni kriminali. Il-forma, il-kontenut, il-metodu u l-eċċezzjonijiet (jiġifieri l-ebda għoti jew għoti limitat ta’ informazzjoni) użati għal dan l-iskop għandhom ikunu determinati skont il-liġi nazzjonali. Din tista’ tieħu forma ġenerali, billi tingħadda liġi jew tiġi ppubblikata lista ta’ operazzjonijiet tal-ipproċessar. Jekk id-dejta tkun trasferita lil Stat Membru ieħor, kull Stat Membru jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex ma jinfurmax lis-suġġett tad-dejta.

It- Tabella 3 turi li kważi l-Istati Membri kollha indikaw li huma jipprovdu lis-suġġetti tad-dejta b’xi informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom. Franza indikat li ma tipprovdix informazzjoni. Lanqas id- Danimarka ma tagħti dan id-dritt, iżda rraportat li l-kontrollur għandu l-obbligu li jżomm reġistru u li jinforma lill-pubbliku.

Id-dritt għall-informazzjoni huwa suġġett għal limitazzjonijiet fil-maġġoranza kbira tal-Istati Membri. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita dan id-dritt għall-għan ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, kxif u prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew tipprovdi li l-ipproċessar tad-dejta minn kontrolluri tad-dejta speċifiċi (pulizija u/jew ġudikatura) jiġi eżentat mill-applikazzjoni ta' dan id-dritt. F’xi każijiet, huma previsti limitazzjonijiet/eżenzjonijiet mingħajr ma jiġi speċifikat għal liema attivitajiet huma maħsuba. Għadd konsiderevoli ta’ Stati Membri jirraportaw li hemm limitazzjonijiet bħal dawn għall-pulizija, għall-pulizija militari, għall-qrati, għad-dwana u għall-awtoritajiet tat-taxxa.

Il-Pajjiżi l-Baxxi stqarrew li obbligu ġenerali li jinfurmaw lis-suġġett tad-dejta mhuwiex konsistenti bis-sħiħ man-natura tax-xogħol tal-pulizija u l-ġudikatura, iżda li hemm fis-seħħ ċerti arranġamenti biex issir dispożizzjoni suffiċjenti biex is-suġġett tad-dejta jiġi infurmat kif mitlub rigward l-ipproċessar tad-dejta mill-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji (jiġifieri l-liġijiet jinfurmaw dwar każijiet u kundizzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta; il-prosekutur pubbliku jinforma lis-suġġett tad-dejta dwar l-eżerċizzju ta’ setgħat investigattivi speċjali, jekk l-interessi tal-investigazzjoni jkunu jippermettu). Il-Pajjiżi l-Baxxi indikaw ukoll li ma hemmx il-ħtieġa li din id-dispożizzjoni tkun implimentata għax l-Artikolu 16(1) sempliċement jirreferi għal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

Id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi d-dritt tas-suġġetti tad-dejta għall-informazzjoni iżda ma fiha l-ebda dettalji dwar il-metodi jew dwar eżenzjonijiet possibbli. Anke jekk, skont l-Istati Membri, id-dritt għall-informazzjoni huwa ġeneralment mogħti, l-implimentazzjoni tvarja b’mod konsiderevoli.

Id-dritt għall-aċċess tas-suġġetti tad-dejta (l-Artikolu 17)

Id-Deċiżjoni Qafas tipprovdi li suġġett tad-dejta għandu d-dritt li jikseb, mingħajr tfixkil, dewmien jew spejjeż eċċessivi, jew:

(a) mill-inqas konferma mill-kontrollur jew mill-awtorità ta' superviżjoni nazzjonali dwar jekk dejta relatata miegħu ġietx trażmessa jew magħmula disponibbli jew le u informazzjoni dwar id-destinatarji jew kategoriji ta’ destinatarji li lilhom ġiet żvelata d-dejta u komunikazzjoni tad-dejta għaddejja minn ipproċessar;

(b) mill-inqas konferma mill-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali li saru l-verifiki applikabbli kollha.

L-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw restrizzjonijiet għal dan id-dritt ta’ aċċess, sabiex jevitaw li jkun hemm xkiel f’inkjesti uffiċjali jew legali, f’investigazzjonijiet jew fi proċeduri legali; li jippreġudikaw il-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali; jipproteġu s-sigurtà pubblika; jipproteġu s-sigurtà nazzjonali; u jipproteġu s-suġġett tad-dejta jew id-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn (Artikolu 17(2)). Kwalunkwe rifjut mill-kontrollur li jipprovdi din l-informazzjoni għandha ssir bil-miktub (Artikolu 17(3)).

L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u kkumpilata fit- Tabella 4 dwar id-dritt tal-aċċess tirrifletti s-sitwazzjoni fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-dejta. Jista’ jiġi konkluż li l -Istati Membri kollha[15] jagħtu xi forma ta' dritt għal aċċess lis-suġġetti tad-dejta. Dan id-dritt huwa ġeneralment minqux fil-leġiżlazzjoni ġenerali tal-pajjiż dwar il-protezzjoni tad-dejta. Bosta Stati Membru jirregolaw ukoll dettalji tad-dritt ta’ aċċess f’leġiżlazzjoni speċifika għas-settur (bħall-Atti tal-Pulizija).

Bl-istess mod, l-Istati Membri kollha jipprovdu għal eżenzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess. Ir-raġunijiet li l-aktar jissemmew ta’ spiss għar-rifjut tad-dritt li jingħata aċċess huma:

- - il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali;

- - is-sigurtà nazzjonali, id-difiża u s-sigurtà pubblika;

- - l-interessi ekonomiċi u finanzjarji ta’ Stat Membru u tal-UE (inklużi kwistjonijiet monetarji, baġitarji jew ta' tassazzjoni)[16];

- - il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-dejta jew ta’ persuni oħrajn.

Rigward il- mod li bih jingħata l-aċċess għad-dejta personali , xi Stati Membri indirizzaw din il-kwistjoni b’mod espliċitu, oħrajn le. Xi Stati Membri indikaw li huma jagħtu lis-suġġetti tad-dejta d-dritt li jibagħtu talba għal aċċess għad-dejta tagħhom direttament lill-awtorità kompetenti (jiġifieri l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Bulgarija, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Isvezja, ir-Renju Unit) filwaqt li oħrajn jippermettu biss aċċess ‘indirett’ (il-Belġju, Franza). Fil-każ tal-aħħar, hija l-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali u mhux is-suġġett tad-dejta li jkollu aċċess għad-dejta personali kollha relatata mas-suġġett tad-dejta. Fil-Finlandja u fil-Litwanja, is-suġġetti tad-dejta jingħataw għażla. Fil-Portugall, jingħata aċċess dirett bħala regola ġenerali, iżda jingħata aċċess indirett f'każijiet fejn l-ipproċessar tad-dejta personali jkollu impatt fuq is-sigurtà tal-Istat jew fuq il-prevenzjoni jew l-investigazzjoni tal-kriminalità . Is-sitwazzjoni hija simili fil-Lussemburgu, fejn ġeneralment l-aċċess jingħata direttament, iżda jekk tkun tapplika eżenzjoni, it-talba għall-aċċess għandha tiġi indirizzata lill-awtorità ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta.

Id-Deċiżjoni Qafas fiha regoli ġenerali li jagħtu lis-suġġetti tad-dejta d-dritt li jiksbu aċċess għad-dejta tagħhom. Ma tispeċifikax fid-dettall x'tip ta' informazzjoni trid tingħata lis-suġġett tad-dejta. Tħalli wkoll f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu jekk is-suġġetti tad-dejta jistgħux jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess tagħhom direttament jew jekk għandhomx jużaw il-mezz indirett.

L-Awtoritajiet ta’ Superviżjoni nazzjonali (l-Artikolu 25)

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/977 tirrikonoxxi li t-twaqqif fl-Istati Membri ta’ awtoritajiet ta’ superviżjoni, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa, huwa “komponent essenzjali tal-protezzjoni tad-dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja bejn l-Istati Membri” (il-premessa 33). Id-Deċiżjoni tipprovdi wkoll li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni diġà stabbiliti fl-Istati Membri skont id-Direttiva "għandhom ikunu jistgħu wkoll" jassumu din ir-responsabbiltà (il-premessa 34). L-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977 jirrifletti parti importanti tad-dispożizzjoni dwar l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Artikolu 28 (pararafi 1-4, 7) fid-Direttiva 95/46/KE dwar is-setgħat tal-awtorità, l-obbligazzjoni tagħha li taġixxi b’indipendenza sħiħa u d-dmir ta' segretezza professjonali. Kull awtorità jrid ikollha numru ta’ setgħat, li jinkludu setgħat investigattivi (inkluż aċċess għad-dejta u l-ġbir ta’ informazzjoni meħtieġa), setgħat effettivi ta’ intervent (bħall-ħruġ u l-ippubblikar ta’ opinjonijiet qabel l-ipproċessar ta’ operazzjonijiet; l-ordni ta’ twaqqif, tħassir jew qerda ta’ dejta; impożizzjoni ta’ projbizzjoni temporanja jew definittiva fuq l-ipproċessar; theddida jew twissija lill-kontrollur; referenza tal-kwistjoni lill-parlamenti nazzjonali jew lil istituzzjonijiet politiċi oħrajn) u s-setgħa li tidher fi proċedimenti legali.

It- Tabella 5 turi li, f’ħafna każijiet, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali inkarigati biex jissorveljaw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta huma wkoll responsabbli għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977.

L-Isvezja tindika li l-Bord tal-Ispezzjoni tad-Dejta tagħha għad irid jinħatar bħala awtorità ta’ superviżjoni kompetenti skont l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas.

Xi Stati Membri qajmu espressament il-kwistjoni tas-superviżjoni tal-ipproċessar tad-dejta mill-ġudikatura[17]. Id-Danimarka indikat li l-Qorti Amministrattiva hija responsabbli għas-superviżjoni tal-ipproċessar tad-dejta mill-ġudikatura u l-Awstrija innutat li l-awtorità ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta mhijiex kompetenti biex tiddeċiedi dwar ilmenti ta' ksur ta' regoli dwar il-protezzjoni ta' dejta mill-ġudikatura. Fil-Lussemburgu s-superviżjoni tal-ipproċessar tad-dejta hija ġeneralment il-kompetenza tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Dejta. L-attivitajiet ta’ pproċessar imwettqa fil-qafas ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timplimenta konvenzjoni internazzjonali huma sorveljati minn awtorità li hija komposta minn Procureur Général d'Etat jew id-delegat tiegħu u żewġ membri tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Dejta li jkunu ġew proposti minnu u nnominati mill-Ministru.

Kwistjonijiet oħrajn li tqajmu mill-Istati Membri

Mis-26 Stat Membru, 20 – li 8 minnhom ma weġbux għal din il-mistoqsija (il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Lussemburgu, Ċipru u l-Awstrija) – ma rrapurtawx li sabu xi problemi partikulari bid-Deċiżjoni Qafas. .. Kif jidher fit- Tabella 6 , 6 Stati Membri kkummentaw dwar kwistjonijiet li huma preokkupanti għalihom, bħall-kwistjonijiet li ġejjin:

- il-Polonja kkunsidrat li d-Deċiżjoni Qafas kien fiha diversi punti dgħajfa li għandhom jiġu rimedjati, u esprimiet l-appoġġ tagħha għal riforma sabiex titwaqqaf sistema tad-dejta komprensiva u koerenti fil-livell tal-UE;

- l-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi sabu diffikultà biex jiddistingwu fil-prattika bejn l-ipproċessar transkonfinali tad-dejta skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/977 u l-ipproċessar fil-livell nazzjonali, u d-diffikultà relatata biex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri jaħdmu b’regoli ta’ pproċessar differenti fir-rigward tal-istess dejta personali;

- l-Italja, ir-Repubblika Ċeka u l-Pajjiżi l-Baxxi ikkritikaw ir-regoli dwar it-trasferimenti internazzjonali inklużi fid-Deċiżjoni Qafas. B’mod partikulari, l-Italja qalet li kien meħtieġ li jiġi pprovdut livell xieraq u aktar uniformi ta’ protezzjoni ta’ dejta fit-trasferimenti tad-dejta lil pajjiżi terzi. Il-Pajjiżi l-Baxxi kkunsidraw bħala problema n-nuqqas ta’ kriterji fid-Deċiżjoni Qafas biex jiġi determinat il-livell ta’ protezzjoni xieraq ta’ pajjiż terz, li wassal għal implementazzjoni varjabbli mill-Istati Membri. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ċeka kkunsidrat li r-regoli dwar it-trasferimenti internazzjonali fid-Deċiżjoni Qafas “mhumiex realistiċi”;

- Franza rreferiet għal problema speċifika fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-perjodi ta’ ħażna ta’ dejta personali trażmessa lil pajjiż terz u rċevuta mingħandu meta dan il-pajjiż terz ikollu rekwiżiti differenti f’dak ir-rigward; - is-Slovakkja qalet li kien meħtieġ li ssir aktar distinzjoni bejn l-ipproċessar tad-dejta mill-pulizija u mill-ġudikatura (proċedimenti tal-qorti).

- Kemm ir-Repubblika Ċeka kif ukoll il-Pajjiżi l-Baxxi indikaw li seta’ jkun hemm konfużjoni fl-infurzar tal-liġi minħabba l-ħtieġa li jkun hemm konformità ma’ regoli ta’ protezzjoni tad-dejta multipli fil-livell internazzjonali (bħall-Kunsill tal-Ewropa), fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali.

IX-XOGĦOL LI GĦAD IRID ISIR

Dan ir-rapport jevalwa l-istat tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-protezzjoni tad-dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali.

Id-diffikultajiet prattiċi li jiltaqgħu magħhom għadd ta’ Stati Membri biex jiddistingwu bejn ir-regoli għall-ipproċessar domestiku u dawk għall-ipproċessar transkonfinali ta’ dejta jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ sett uniku ta’ regoli li jkopri l-ipproċessar tad-dejta kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’kuntest transkonfinali. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-eżenzjonijiet possibbli fil-livell tal-UE fir-rigward tad-dritt tas-suġġetti tad-dejta għall-informazzjoni jistħoqqilhom aktar kjarifiki. Permezz ta’ kriterji armonizzati minimi fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġetti tad-dejta għandhom jissaħħu d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta filwaqt li jipprovdu wkoll eżenzjonijiet sabiex jippermettu lill-pulizija u lill-ġustizzja li jagħmlu xogħolhom sewwa.

Skont l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiżgura d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, issa hemm il-possibbiltà li jitwaqqaf qafas komprensiv tal-protezzjoni tad-dejta li jiżgura kemm livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta tal-individwi fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, kif ukoll skambju bla xkiel tad-dejta personali bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, biex b’hekk jiġi rispettat bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

[1] ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

[2] Artikolu 30.

[3] Il-Premessa 5 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[4] Artikolu 1.

[5] Artikolu 1(5).

[6] Artikolu 1(2).

[7] Artikolu 13.

[8] L-Italja infurmat lill-Kummissjoni li għadhom ma ġewx adottati formalment strumenti implimentattivi speċifiċi. Hi tirreferi għall-Kodiċi ta’ Protezzjoni ta’ Dejta Personali, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u atti oħra li jinkludu diżpozzjonijiet applikabbli għall-ipproċessar f’oqsma oħra. Stati Membri oħrajn ħadu approċċ differenti u indikaw li r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta fis-seħħ japplikaw ukoll għall-ipproċessar ta' dejta personali mill-Pulizija u l-Ġustizzja fil-livell nazzjonali kif ukoll għall-ipproċessar transkonfinali mill-Pulizija u l-Ġustizzja f’materji kriminali. Barra minn hekk, infurmaw lill-Kummissjoni dwar miżuri implimentattivi addizzjonali li attwalment qed jiġu ppreparati.

[9] Ara l-Kawża C-105/03, Pupino, sentenza tas-16.5.2005, para. 34, 43-45, 47, 61, li fiha l-ECJ ikkonkludiet li fl-interpretar tal-liġijiet nazzjonali, il-qrati nazzjonali huma obbligati jistinkaw biex jiksbu interpretazzjoni konsistenti, anke ma' deċiżjonijiet qafas.

[10] Dan diġà kien il-każ qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt, SEC(2005) 1241 tal-4.10.2005, punt 5.1.2.).

[11] Ara t-Tabella 2.

[12] Ara t-Tabella 2.

[13] Ara l-kummenti min-naħa tal-Pajjiżi l-Baxxi.

[14] Ara wkoll il-kontribut tal-Polonja (il-Ministeru tal-Intern) għall-konsultazzjoni pubblika li nediet il-Kummissjoni fl-aħħar tal-2010 (li ssir referenza għaliha fit-tweġiba tagħhom għall-kwestjonarju): http://ec.europa.eu/justice/news/consulting_public/0006/contributions/public_authorities/pl_min_pl.pdf.

[15] Wieħed jista’ jasal għal din il-konklużjoni din il-konklużjoni minkejja li xi Stati Membri ma pprovdewx speċifikazzjonijiet (ara d-dettalji fit-Tabella 3).

[16] Din mhix eżenzjoni li hija msemmija espressament fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977. Madankollu, tirrifletti eżenzjoni elenkata fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE.

[17] Ara l-premessa 35, l-aħħar sentenza, tad-Deċiżjoni Qafas, li tistqarr li s-setgħat ta' awtoritajiet superviżorji "m'għandhomx jinterferixxu ma’ regoli speċifiċi stipulati għall-proċedimenti kriminali jew għall-indipendenza tal-ġudikatura".

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet