52011PC0881


Titolu u referenza

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL dwar il-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu jinsabu barra minn pajjiżhom

/* KUMM/2011/0881 finali - 2011/0432 (CNS) */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1 Introduzzjoni

Iċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn jew jgħixu f’pajjiż terz fejn l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom ma jkollux ambaxxata jew konsolat, għandhom id-dritt għal protezzjoni konsolari mill-awtoritajiet konsolari ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor. Dak l-Istat Membru jrid jassisti lil dawn iċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati, bl-istess kundizzjonijiet bħal taċ-ċittadini tiegħu.

Il-kriżijiet riċenti affettwaw bosta ċittadini tal-UE, pereżempju fil-Libja, l-Eġittu u l-Baħrejn wara r-rewwixti demokratiċi fir-rebbiegħa tal-2011 jew wara t-terremot fil-Ġappun f’Marzu 2011. Anki f’sitwazzjonijiet ta’ kuljum, bħal fil-każ ta’ mard serju jew meta persuna tkun vittma ta’ delitt, il-protezzjoni konsolari ta' spiss hija indispensabbli.

Din il-proposta leġiżlattiva tissostitwixxi id-Deċiżjoni sui generis 95/553/KE rigward il-protezzjoni konsolari għaċ-ċittadini tal-UE[1] minħabba l-qafas legali stabbilit bit-Trattat ta’ Lisbona. Hija tistabbilixxi l-miżuri ta’ koperazzjoni u koordinazzjoni li huma meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsolari għaċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati u twettaq l-azzjoni 8 tar-"Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010 - Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE" li bih il-Kummissjoni impenjat ruħha li żżid l-effikaċja tad-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jkunu megħjuna f’pajjiżi terzi mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari tal-Istati Membri kollha, fosthom billi tipproponi miżuri leġiżlattivi fl-2011[2].

1.2 Kuntest u raġunijiet għall-proposta

Id-dritt skont it-Trattat, għal protezzjoni konsolari għaċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati, bl-istess kundizzjonijiet bħal taċ-ċittadini, stabbilit fl-Artikoli 20(2)(c) u 23 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, huwa wieħed mid-drittijiet speċifiċi mogħti miċ-Ċittadinanza tal-UE. Huwa espressjoni tas-solidarjetà tal-UE u tal-identità tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi, kif ukoll tal-benefiċċji prattiċi li tkun ċittadin tal-UE.

Il-protezzjoni konsolari hija parti integrali mill-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini. Il-Kunsill Ewropew, fil-Programm ta’ Stokkolma, stieden lill-Kummissjoni biex "tqis miżuri adatti li jistabbilixxu l-koordinazzjoni u l-koperazzjoni meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsolari f’konformità mal-Artikolu 23 tat-TFUE"[3]. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2009, il-Parlament Ewropew inkoraġġixxa tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-koperazzjoni tal-protezzjoni konsolari[4], u b’hekk segwa fuq ir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2007 li ssuġġeriet kunċetti komuni u linji gwida vinkolanti u sejħet għall-emenda tad-Deċiżjoni 95/553/KE[5] ladarba jkun fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona.

Fir-"Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010 – Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE" il-Kummissjoni ħabbret li kienet se żżid l-effikaċja tad-dritt taċ-ċittadini tal-UE biex ikunu assistiti f’pajjiżi terzi, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi, mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari tal-Istati Membri kollha, billi tipproponi miżuri leġiżlattivi fl-2011 u billi tinforma aħjar liċ-ċittadini permezz ta’ sit elettroniku ddedikat u miżuri ta’ komunikazzjoni mmirati[6]. Il-Kummissjoni reġgħet tenniet dan l-impenn fil-Komunikazzjoni tagħha tat-23 ta’ Marzu 2011 dwar protezzjoni konsolari għaċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati u ħabbret li għandha tissottometti leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-miżuri ta’ koordinazzjoni u koperazzjoni meħtieġa sabiex tiffaċilita l-protezzjoni konsolari għaċ-ċittadini mhux rappreżentati u tindirizza l-kwistjoni tal-kumpens finanzjarju tal-protezzjoni konsolari f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi[7].

Skont ir-reġim legali preċedenti l-Istati Membri kellhom jistabbilixxu r-regoli neċessarji bejniethom. It-Trattat ta’ Lisbona jagħti lill-Kummissjoni d-dritt li tipproponi direttivi li jistabbilixxu l-miżuri ta’ koperazzjoni u koordinazzjoni meħtieġa sabiex jiġi faċilitat id-dritt għal protezzjoni konsolari għaċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati ugwali għal dik li tingħata liċ-ċittadini proprji[8]. L-istrument preżenti tal-UE, id-Deċiżjoni 95/553/KE[9], jipprevedi reviżjoni ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha fl-2002.

Attwalment, hemm lok għal aktar titjib rigward il-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati. M’hemmx kunsens ċar dwar il-kontenut tal-Artikolu 23 tat-TFUE u dwar ir-responsabbiltajiet li dan id-dritt jinvolvi. Sabiex ikun effettiv bħala dritt b’tifsira konkreta, il-formulazzjoni konċiża tal-artikolu tat-Trattat mhijiex biżżejjed. Il-liġijiet u l-prattiki konsolari nazzjonali jvarjaw, kif ivarjaw ukoll l-opinjonijiet dwar il-kunċetti sottostanti tal-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati.

B’mod partikolari f’erba’ oqsma, jidhru meħtieġa aktar kjarifiki:

1. Il-kamp ta’ applikazzjoni personali

Il-kamp ta' applikazzjoni jeħtieġ li jiġi ċċarat għal dak li jirrigwarda l-benefiċjarji. Ċittadin tal-UE ikun mhux rappreżentat mhux biss jekk l-Istat Membru tiegħu/tagħha ma jkollux ambaxxata jew konsolat f’pajjiż terz partikolari, iżda wkoll jekk dawk l-ambaxxata jew konsolat ma jkunux "aċċessibbli"[10]. Madankollu m’hemm l-ebda fehim komuni dwar meta ambaxxata jew konsolat ikunu aċċessibbli[11]. Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat safejn anki l-membri tal-familja minn pajjiż terz ta’ ċittadini tal-UE mhux rappreżentati jkunu benefiċjarji ta’ protezzjoni konsolari.

2. L-aċċess għall-protezzjoni konsolari u għall-koperazzjoni/koordinazzjoni

Għandu jiġi ċċarat liema Stat Membru jrid jgħin ċittadin tal-UE mhux rappreżentat u kif l-għajnuna għandha tiġi kkoordinata mal-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin ikollu n-nazzjonalità. Dan in-nuqqas ta' ċarezza jikkawża dewmien u ma jissalvagwardjax protezzjoni effiċjenti bl-istess kundizzjonijiet bħal taċ-ċittadini. Skont it-Trattat, ċittadin tal-UE mhux rappreżentat jista’ jagħżel liberament għand liema ambaxxata/konsolat imur, filwaqt li fil-prattika jeżistu xi arranġamenti dwar il-qsim ta’ dan il-piż. Dawn l-arranġamenti jistgħu jkunu aċċettabbli sakemm ikun assigurat trattament effiċjenti taċ-ċittadini mhux rappreżentati. Madankollu, dawn għandhom tendenza li ma jkunux pubbliċizzati b’mod estensiv, li jagħmilha diffiċli għal ċittadin biex ikun jaf liema ambaxxata jew konsolat se jgħinuh.

Il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn l-ambaxxata jew il-konsolat li jagħtu l-għajnuna u l-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu stabbiliti aktar. L-għajnuna lil ċittadin tal-UE mhux rappreżentat, kuntrarju għall-għajnuna liċ-ċittadini proprji, teħtieġ koperazzjoni effiċjenti mal-awtoritajiet konsolari tal-Istat Membru taċ-ċittadin. Jekk jiġu stabbiliti regoli iktar ċari għall-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna u l-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin, dan ikun ta’ benefiċċju kemm għall-awtoritajiet konsolari kif ukoll għaċ-ċittadini. Dan jinkludi liema tipi ta’ għajnuna ġeneralment ikunu involuti fil-protezzjoni konsolari għaċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati (pereżempju fil-każ ta’ mewt, vittma ta’ delitt, eċċ.) u kif l-għajnuna għandha tiġi kkoordinata bejn l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna u l-Istat Membru tal-oriġini taċ-ċittadin.

3. Koordinazzjoni lokali

Sabiex jassiguraw il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati, l-awtoritajiet konsolari preżenti f’pajjiż terz partikolari jridu jikkomunikaw ma’ xulxin u jkollhom informazzjoni speċifika disponibbli[12]. Fil-preżent ma tinġabarx b’mod sistematiku informazzjoni rilevanti għaċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati. Barra minn hekk, skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-missjonijiet diplomatiċi u konsolari tal-Istati Membri u tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u f’konferenzi internazzjonali, u r-rappreżentanzi tagħhom fl-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jikkontribwixxu fl-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt[13]. L-isferi rispettivi ta’ kompetenza u l-ambitu għall-azzjoni għadhom mhumiex spjegati. Is-sitwazzjoni preżenti għalhekk ma twassalx għal azzjoni esterna kompletament koerenti tal-Unjoni u tikkawża użu subottimali tar-riżorsi umani u finanzjarji.

4. L-għajnuna f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi/rimborż finanzjarju

Il-qafas tal-koperazzjoni legali għandu jistabbilixxi b’mod ċar min jassisti liċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, inkluż dwar ir-rwol tal-hekk imsejjaħ Stat Mexxej, li huwa mistenni li jieħu azzjoni fi żminijiet ta’ kriżi[14]. L-ippjanar ta’ kontinġenza ma jaħsibx speċifikament għaċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati u f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi huwa diffiċli li jiġi stabbilit l-għadd ta’ ċittadini tal-UE mhux rappreżentati. L-impjegati fil-post ikunu jeħtieġu appoġġ mill-esperti fl-interventi waqt kriżi partikolarment fi kriżijiet serji.

Sal-lum il-leġiżlazzjoni u l-linji gwida fihom proċeduri ġeneriċi dwar ir-rimborż finanzjarju tal-għajnuna[15] li ġeneralment ma jiġux applikati f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, billi ma jidhrux adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi relatati[16]. Jekk il-qsim tal-piżijiet finanzjarji mhuwiex ċar u mhux qiegħed iseħħ fil-prattika, hemm inqas inċentiv sabiex jittieħed approċċ proattiv li jinvolvi responsabbiltajiet mhux marbuta maċ-ċittadini proprji.

Analiżi dettaljata tal-problemi tas-sistema kurrenti kif ukoll l-impatti tal-alternattivi differenti kkunsidrati sabiex dawn jiġu indirizzati jistgħu jinstabu fil-Valutazzjoni tal-Impatti li takkumpanja din il-proposta.

2. KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati b’mod estensiv. F’konsultazzjoni pubblika komprensiva dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fl-2010, tfittxew kontributi miċ-ċittadini u l-partijiet interessati kollha rilevanti u ngħatat attenzjoni partikolari lill-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini tal-UE. Din il-konsultazzjoni pubblika segwiet waħda preċedenti relatata mal-Green Paper tal-2007 dwar il-protezzjoni diplomatika u konsolari taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi[17]. L-ideat ippreżentati servew ta' kontribut għad-dibattitu politiku ta’ konferenza ddedikata lid-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2010, li matulha ġiet diskussa fid-dettall il-protezzjoni konsolari. Il-partijiet interessati involuti fil-protezzjoni konsolari (bħall-Istati Membri, l-assoċjazzjonijiet tal-ivvjaġġar, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-akkademiċi) ġew ikkonsultati ulterjorment, fost affarijiet oħrajn permezz ta’ żewġ workshops maħsuba apposta tal-24 ta’ Settembru 2010 u t-23 ta’ Ġunju 2011. L-awtoritajiet konsolari u diplomatiċi tal-Istati Membri kollha kienu infurmati fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Konsolari (COCON) u kkonsultati permezz ta’ stħarriġ online. Riċentement saru żjarat f’sitt Stati Membri rappreżentattivi u saru erba’ missjonijiet fuq il-post f’pajjiżi terzi magħżula[18] minn konsulenza esterna sabiex jiġu kkonsultati direttament professjonisti konsolari li jaħdmu fil-post. Għal din il-proposta l-Kummissjoni kkunsidrat ir-riżultati ta’ erba’ studji dwar aspetti differenti tar-reviżjoni[19].

Il-partijiet interessati b’mod ġenerali jappoġġjaw ir-riforma prevista. Minħabba r-reġim legali ġdid stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona, hija meħtieġa reviżjoni tad-Deċiżjoni 95/553/KE, li fil-fehma tagħhom għandha tintuża sabiex jittejbu aktar il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni u jiġu ċċarati l-kunċetti legali sottostanti. Il-veduti tal-partijiet interessati dwar l-elementi prinċipali tar-riforma huma kif ġej. F'dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-“aċċessibilità” ta’ ambaxxata jew konsolat, jidher li bejn l-Istati Membri kkonsultati mhemmx fehim komuni dwar x’għandu jfisser dan it-terminu[20]. Madankollu, wara li saru konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati[21], jidher li jekk wieħed jirnexxilu jasal fl-ambaxxata jew fil-konsolat, jikseb il-protezzjoni konsolari u jmur lura minn fejn ikun telaq mill-inqas fl-istess jum, dan ikun limitu xieraq. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili argumentaw għal termini legali ċari u vinkolanti. L-inklużjoni tal-membri tal-familja minn pajjiżi terzi kienet indikata mir-rappreżentanti ċivili bħala kwistjoni importanti[22], maġġoranza tal-Istati Membri ħassew li dawn għandhom tal-anqas jiġu inklużi possibbilment (għalkemm xi drabi argumentaw li l-kundizzjonijiet għall-inklużjoni għandhom jiġu ċċarati)[23]. Dwar l-aċċess għall-protezzjoni konsolari u l-koordinazzjoni/koperazzjoni, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili b’mod ġenerali jaraw li huwa l-każ li jkun hemm aktar trasparenza rigward l-arranġamenti bilaterali u lokali dwar il-qsim tal-piżijiet. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jenfasizzaw li jeħtieġ li jkun żgurat li ċ-ċittadini mhux rappreżentati jkunu jistgħu jiksbu l-protezzjoni konsolari bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini. L-assigurazzjoni ta’ kanali tajbin ta’ komunikazzjoni u dispożizzjonijiet legali ċari huma kkunsidrati minn maġġoranza kbira[24] bħala fatturi importanti jew importanti ħafna għal għajnuna saħansitra iżjed effiċjenti. Rigward is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi u l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri jappoġġjaw bis-sħiħ il-kunċett ta’ Stat Mexxej li għandu jiġi mtejjeb aktar u jenfasizzaw il-benefiċċji ta’ preparazzjoni komprensiva għall-kriżijiet[25]. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili enfasizzaw li anki fi kriżijiet, irid jiġi salvagwardjat li ċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati jkunu qed jiġu megħjuna b’mod effiċjenti bħaċ-ċittadini proprji.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1 Sommarju tal-azzjoni proposta

L-għan prinċipali ta’ din il-proposta huwa li:

- tiċċara l-kontenut u l-operabilità tad-dritt taċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati għal protezzjoni konsolari b’kundizzjonijiet ugwali

- tissimplifika l-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet konsolari.

Għal dan il-għan, il-proposta tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin:

5. Il-kamp ta’ applikazzjoni personali

Il-proposta tispjega li ċittadin tal-UE għandu jitqies bħala mhux rappreżentat b’mod partikolari meta l-ambaxxata jew il-konsolat tal-Istat Membru tiegħu/tagħha ma jkunux "aċċessibbli". Ambaxxata jew konsolat ma jkunux "aċċessibbli", jekk iċ-ċittadin tal-UE ma jkunx jista’ jasal fihom u jerġa’ lura fil-post tat-tluq tiegħu (permezz ta’ mezz tat-trasport użat b’mod komuni fil-pajjiż terz) tal-anqas fl-istess ġurnata. Hija prevista eċċezzjoni f’każ li l-urġenza tal-kwistjoni tkun titlob għajnuna saħansitra iżjed veloċi. Il-proposta tispeċifika wkoll li anki l-membri tal-familja minn pajjiż terz taċ-ċittadini tal-UE jiġu inklużi fil-protezzjoni konsolari għaċ-ċittadini tal-UE. L-Artikolu 23 tat-TFUE jipprovdi għal trattament mhux diskriminatorju, u bi qbil mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-benefiċċji prinċipali tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE huma estiżi wkoll għall-membri tal-familja tagħhom sabiex tkun assigurata l-effikaċja sħiħa ta’ dawk id-drittijiet[26]. Għalhekk, il-proposta tipprovdi li trid tingħata protezzjoni lill-membri tal-familja minn pajjiż terz taċ-ċittadini tal-UE bl-istess mod li l-Istati Membri jipprovduha lill-membri tal-familja mhux mill-UE taċ-ċittadini tagħhom stess[27].

6. L-aċċess għall-protezzjoni konsolari u għall-koperazzjoni/koordinazzjoni

Il-proposta tenfasizza li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jduru fuq l-ambaxxata jew il-konsolat ta’ "kwalunkwe" Stat Membru ieħor; għalkemm huwa possibbli li jkun hemm arranġament speċifiċi bejn l-Istati Membri sakemm ikunu assigurati t-trasparenza (permezz tan-notifika u l-pubblikazzjoni sussegwenti fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni) u t-trattament effettiv tal-applikazzjonijiet.

Il-proposta tispeċifika wkoll liema għajnuna l-Istati Membri ġeneralment jipprovdu fl-iżjed avvenimenti frekwenti (jiġifieri arrest jew detenzjoni, vittma ta’ delitt, inċident serju jew mard serju, mewt, solljiev u ripatriazzjoni fil-każ ta’ sofferenza, u l-ħtieġa ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar), fuq il-bażi ta’ prattiċi komuni tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni konsolari[28], u l-proċeduri applikabbli għall-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet konsolari f’dawn l-avvenimenti. Sabiex tikkonforma mad-dritt ta’ awtodeterminazzjoni taċ-ċittadini, il-proposta tipprovdi għal stħarriġ dwar ix-xewqat taċ-ċittadini li għandhom jiġu rrispettati, fosthom dwar jekk il-membri tal-familja jew persuni oħra relatati għandhomx jiġu infurmati (pereżempju dwar l-arrest). Bl-istess mod, fil-każ ta’ mewt, iridu jiġu kkunsidrati x-xewqat tal-eqreb persuna li tiġi mill-mejjet, dwar kif wieħed għandu jipproċedi bil-katavru taċ-ċittadin mejjet.

7. Il-koordinazzjoni lokali/valur miżjud tal-UE

Il-proposta tispeċifika li l-laqgħat ta’ koperazzjoni lokali dwar il-protezzjoni konsolari għandhom jinkludu skambju ta’ informazzjoni regolari dwar ċittadini tal-UE mhux rappreżentati u li l-President ta’ dawn il-laqgħat għandu jiġbor id-dettalji ta’ kuntatt rilevanti għall-għajnuna liċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati (pereżempju ambaxxati jew konsolati responsabbli reġjonalment tal-Istati Membri mhux rappreżentati). Hija tipprovdi li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni jistgħu taħt kundizzjonijiet speċifiċi jippresiedu - jew inkella jappoġġaw - dawn il-laqgħat.

8. L-għajnuna f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi/rimborż finanzjarju

Rigward is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi, il-proposta twassal għat-titjib li ġej. Hija tipprovdi li l-pjanijiet ta’ kontinġenza lokali jridu jinkludu b’mod sistematiku liċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati. Il-proposta tissottolinja l-importanza tal-Istat(i) Mexxej(ja) sabiex ikunu protetti ċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati u tiddefinixxi r-rwol tiegħu f’dan ir-rigward, jiġifieri li l-Istat Mexxej huwa responsabbli sabiex jikkoordina u jmexxi l-għajnuna liċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati. Il-proposta tispeċifika li Stat Mexxej jista’ jfittex appoġġ addizzjonali mill-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE u mill-istrutturi għall-immaniġġar ta’ kriżijiet tas-SEAE (Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna). Il-proposta tipprovdi wkoll għal appoġġ addizzjonali u l-użu sħiħ tas-sinerġiji billi tipprovdi għall-inklużjoni ta’ esperti konsolari nazzjonali, b’mod partikolari minn Stati Membri mhux rappreżentati, f’timijiet eżistenti ta’ intervent fil-livell tal-Unjoni. Rigward il-qsim tal-piżijiet finanzjarji, ġiet introdotta faċilità ta’ rimborż faċilitat, aġġustata għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Din titlob li jiġi simplifikat l-iskambju proċedurali li jinvolvi lill-awtoritajiet konsolari u ċ-ċittadini, jiżdiedu formati standard għat-talbiet u tiddaħħal sistema eħfef għall-intraċċar tal-ispejjeż tar-rimborż (fuq bażi pro rata[29], rati fissi[30] - f’każ li ma jkunux jistgħu jiġu kkalkulati l-ispejjeż). Din il-proċedura mtejba ta’ rimborż tikkumplimenta l-appoġġ disponibbli mill-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE u l-istrutturi għall-immaniġġar ta’ kriżijiet tal-SEAE.

3.2 Bażi legali

Skont it-Trattat ta’ Lisbona, il-kompetenza tal-UE sabiex tadotta leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati hija konferita mill-Artikolu 23(2) tat-TFUE. B’din id-dispożizzjoni tat-Trattat, il-Kunsill jista’ jadotta direttivi li jistabbilixxu l-miżuri ta’ koordinazzjoni u koperazzjoni neċessarji sabiex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati. Din id-dispożizzjoni tapplika għall-Istati Membri kollha.

3.3 Sussidjarjetà u Proporzjonalità

Il-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati, b’definizzjoni tinvolvi dimensjoni transkonfinali, li testendi d-drittijiet mogħtija biċ-ċittadinanza tal-UE, lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Din l-inizjattiva tirrigwarda dritt speċifiku mogħti liċ-ċittadini tal-UE, dritt għall-protezzjoni konsolari mill-awtoritajiet konsolari jew diplomatiċi ta’ Stat Membru ieħor bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk taċ-ċittadini tiegħu, li għandu rabta intrinsika mal-kunċett taċ-ċittadinanza tal-UE u mal-kompetenzi tal-Unjoni skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk jidher xieraq li jiġu inklużi l-miżuri meħtieġa ta’ koordinazzjoni u koperazzjoni biex dan id-dritt jiġi faċilitat fis-sistema legali kollha tal-Unjoni, pjuttost milli f’deċiżjonijiet sui generis tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri. Il-prattikabbiltà u l-koerenza ta’ dan id-dritt se jiżdiedu ulterjorment billi jiġi integrat fis-sistemi legali tal-Istati Membri, bid-dritt tal-qrati nazzjonali li jitolbu gwida dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u bis-setgħat tal-Kummissjoni sabiex tassigura l-konformità.

Il-proposta tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità billi tispeċifika biss il-miżuri ta’ koperazzjoni u koordinazzjoni għal avvenimenti frekwenti (pereżempju mewt, vittma ta’ delitt) u sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Barra minn hekk hija tibni b’mod sħiħ fuq u tintegra miżuri legali preċedenti kif ukoll żviluppi riċenti, pereżempju l-Istat Mexxej, b’enfasi ċara fuq iċ-ċittadin tal-UE mhux rappreżentat. Il-Valutazzjoni tal-Impatti mehmuża turi li l-benefiċċji ta’ kull waħda mill-emendi proposti jegħlbu l-ispejjeż tagħhom; il-miżuri proposti għalhekk huma proporzjonati.

3.4 L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali

Kif spjegat fid-dettall fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta u skont l-Istrateġija tal-Unjoni għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE[31], il-proposta tirrinforza d-drittijiet stabbiliti fil-Karta. Din ir-riforma ttejjeb b’mod partikolari d-dritt fundamentali għal protezzjoni konsolari bl-istess kundizzjonijiet bħal taċ-ċittadini, stabbilit fl-Artikolu 46 tagħha, billi tiċċara l-kontenut ta’ dan id-dritt, billi tiffaċilita l-koperazzjoni u l-koordinazzjoni meħtieġa u billi tassigura implimentazzjoni u konformità effettivi. L-inklużjoni tal-membri tal-familja minn pajjiżi terzi jsaħħaħ id-dritt għall-ħajja familjari kif ukoll id-drittijiet tat-tfal (Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali). Responsabbiltajiet aktar ċari u qsim aħjar tal-piżijiet f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi jassiguraw nondiskriminazzjoni wkoll fi żminijiet ta’ kriżi meta d-drittijiet fundamentali jkunu f’riskju. Qed jiġu msaħħa wkoll il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni, il-ħajja u l-integrità tal-persuna u d-dritt tad-difiża u għal proċess ġust quddiem qorti kriminali (Artikoli 2, 3, 21, 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).

2011/0432 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

dwar il-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu jinsabu barra minn pajjiżhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

9. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont it-Trattati. Id-dritt taċ-ċittadini, li l-Istat Membru tagħhom ma jkunx rappreżentat minn ambaxxata jew konsolat f’pajjiż terz, biex jiksbu l-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsolari ta’ kwalunkwe Stat Membru bl-istess kundizzjonijiet bħal taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat huwa wieħed mid-drittijiet speċifiċi mogħtija mit-Trattat liċ-ċittadini tal-Unjoni.

10. It-Trattat ta’ Lisbona rrinforza l-istatus taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u saħħaħ id-drittijiet marbuta magħha; dwar il-protezzjoni konsolari huwa jipprovdi għal direttivi dwar il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni. Skont l-azzjoni 8 tar-"Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010 - Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE", il-Kummissjoni impenjat ruħha li żżid l-effikaċja tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex ikunu assistiti f’pajjiżi terzi, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi, mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari tal-Istati Membri kollha, billi tipproponi miżuri leġiżlattivi fl-2011 u billi tinforma aħjar liċ-ċittadini permezz ta’ sit elettroniku maħsub apposta u miżuri mmirati ta’ komunikazzjoni[32].

11. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-23 ta’ Marzu 2011 dwar il-protezzjoni konsolari għaċ-ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni, il-Kummissjoni reġgħet sostniet dan l-impenn u ħabbret li kienet se tissottometti leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-miżuri ta’ koordinazzjoni u koperazzjoni meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini mhux rappreżentati u biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kumpens finanzjarju tal-protezzjoni konsolari f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi[33].

12. Il-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni jinkludu s-solidarjetà, in-nondiskriminazzjoni u r-rispett għad-drittijiet umani; fir-relazzjonijiet tagħha mad-dinja aktar wiesgħa, l-Unjoni għandha ssostni l-valuri tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha. Id-dritt fundamentali għall-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni, bl-istess kundizzjonijiet bħal taċ-ċittadini, stabbilit fl-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa espressjoni tas-solidarjetà Ewropea. Huwa jipprovdi dimensjoni esterna lill-kunċett taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ l-identità tal-Unjoni f’pajjiżi terzi.

13. Id-Deċiżjoni 95/553/KE tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1995 tirregola l-protezzjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea minn ambaxxati u konsolati[34], u tipprevedi reviżjoni ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha fl-2002.

14. L-għan ta’ din id-Direttiva, li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE, huwa li tistabbilixxi l-miżuri ta’ koperazzjoni u koordinazzjoni neċessarji sabiex tiġi ffaċilitata aktar il-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni. Dawk il-miżuri għandhom iżidu s-sigurtà legali kif ukoll il-koperazzjoni u s-solidarjetà effiċjenti bejn l-awtoritajiet konsolari.

15. Meta ċ-ċittadini mhux rappreżentati jkollhom bżonn protezzjoni f’pajjiżi terzi, hija meħtieġa koperazzjoni u koordinazzjoni effiċjenti. L-Istat Membru li jagħti l-għajnuna, li jkun preżenti f’pajjiż terz u l-Istat Membru tal-oriġini taċ-ċittadin jista’ jkollhom bżonn jikkoperaw mill-qrib. Il-koperazzjoni konsolari legali tista’ tkun aktar kumplessa għaċ-ċittadini mhux rappreżentati, billi teħtieġ koordinazzjoni ma’ awtoritajiet li ma jkunux rappreżentati fil-post. Sabiex jimtela l-vojt ikkawżat min-nuqqas ta’ ambaxxati jew konsolati tal-Istat Membru proprju taċ-ċittadin, għandu jiġi assigurat li jkun hemm qafas stabbli.

16. Iċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkunux rappreżentati jekk l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom ma jkollux ambaxxata jew konsolat aċċessibbli f’pajjiż terz. Il-kunċett ta’ aċċessibbiltà għandu jiġi interpretat bil-ħsieb li tiġi salvagwardjata l-protezzjoni taċ-ċittadini.

17. F’konformità mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u familjari kif rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna għandu jipprovdi protezzjoni lill-membri tal-familja minn pajjiżi terzi, taċ-ċittadini tal-Unjoni, bl-istess kundizzjonijiet bħal fil-każ tal-membri tal-familja minn pajjiżi terzi, taċ-ċittadini tiegħu stess. Kwalunkwe definizzjoni ta’ liema persuni huma membri tal-familja għandha tkun ispirata mill-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri[35]. Jista’ jkun li l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jagħtu t-tipi kollha ta’ protezzjoni konsolari lill-membri tal-familja li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi, notevolment id-dokumenti tal-ivjaġġar provviżorji mhux qed jinħarġu. F’konformità mal-Artikolu 24 tal-Karta, l-aħjar interessi tat-tfal, kif ipprovdut fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta’ Novembru 1989, għandhom ikunu konsiderazzjoni primarja.

18. Iċ-ċittadini mhux rappreżentati għandu jkollhom il-possibilità li jagħżlu liberament l-ambaxxata jew il-konsolat li minnhom ifittxu l-protezzjoni konsolari. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibilità li jilħqu ftehim dwar il-kondiviżjoni tar-responsabilità. Madankollu, dawn it-tipi ta’ arranġamenti għandhom ikunu trasparenti għaċ-ċittadini u m’għandhomx jipperikolaw il-protezzjoni konsolari effettiva. Kwalunkwe arranġament bħal dan għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni u ppubblikat fuq is-sit elettroniku tagħha maħsub apposta.

19. It-tradizzjonijiet rigward il-kompetenzi tal-konsli onorarji jvarjaw bejn l-Istati Membri. Ġeneralment, il-konsli onorarji jkunu f’pożizzjoni li jwettqu kompiti konsolari limitati ħafna. Il-konsli onorarji għalhekk għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal ambaxxati u konsolati aċċessibbli li jkunu preżenti f’pajjiż terz fuq bażi permanenti, biss fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom skont il-liġi u l-prattiki nazzjonali.

20. Għandha tingħata protezzjoni jekk l-applikanti jistabbilixxu li huma ċittadini tal-Unjoni. Iċ-ċittadini mhux rappreżentati, li jkunu jeħtieġu protezzjoni konsolari, jista’ jkun li ma jkunx għadhom fil-pussess tad-dokumenti tal-identità tagħhom. L-istatus fundamentali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni huwa mogħti direttament mil-liġi tal-Unjoni u d-dokumenti tal-identità huma ta’ valur sempliċement dikjaratorju. Fil-każ li l-applikanti ma jkunux jistgħu jipprovdu d-dokumenti tal-identità, għandhom ikunu jistgħu jagħtu prova tal-identità tagħhom bi kwalunkwe mezz ieħor, jekk ikun meħtieġ wara verifika mal-awtoritajiet tal-Istat Membru li tiegħu l-applikant jgħid li huwa ċittadin.

21. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jikkoperaw u jikkoordinaw mill-qrib bejniethom u mal-Unjoni, mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mal-Kummissjoni Ewropea, fi spirtu ta’ rispett reċiproku u solidarjetà. Sabiex ikun żgurat li jkun hemm koperazzjoni rapida u effiċjenti, il-persuni ta’ kuntatt rilevanti tal-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati u aġġornati kontinwament permezz tas-sit elettroniku fiż-żgur tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (Consular On-Line).

22. Sabiex jiġi ċċarat liema miżuri ta’ koordinazzjoni u koperazzjoni jkunu neċessarji, għandu jiġi speċifikat l-ambitu tal-koperazzjoni u l-koordinazzjoni. Il-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini mhux rappreżentati tinkludi għajnuna f’numru ta’ sitwazzjonijiet tipiċi, bħal fil-każ ta’ arrest jew detenzjoni, inċident serju jew mard serju u mewt, kif ukoll fir-rigward tal-għoti ta’ solljiev u ripatrijazzjoni fil-każ ta’ sofferenza u l-ħruġ ta’ dokumenti provviżorji. Billi l-protezzjoni meħtieġa tiddependi dejjem fuq is-sitwazzjoni fattwali, il-protezzjoni konsolari m’għandhiex tkun limitata għal dawk is-sitwazzjonijiet speċifikament imsemmija f’din id-Direttiva.

23. Prerekwiżit għall-koordinazzjoni u l-koperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet konsolari tal-Istati Membri huwa li jiġu stabbiliti t-tipi differenti ta’ għajnuna li jingħataw f’sitwazzjonijiet speċifiċi. Dawk it-tipi ta’ għajnuna għandhom jirriflettu l-prattiċi komuni fost l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jimponi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jagħtu protezzjoni bl-istess kundizzjonijiet bħal taċ-ċittadini tagħhom.

24. Sabiex jiġi rrispettat id-dritt ta’ awtodeterminazzjoni taċ-ċittadini, meta dan ikun xieraq għandhom jiġu rispettati x-xewqat tagħhom, inkluż dwar jekk il-membri tal-familja tagħhom jew persuni oħra li jiġu minnhom għandhomx jiġu infurmati. Bl-istess mod, fil-każ ta’ mewt, għandhom jiġu kkunsidrati x-xewqat tal-eqreb persuna li tiġi mill-mejjet dwar kif wieħed għandu jipproċedi bil-katavru taċ-ċittadin mejjet.

25. Is-solidarjetà u l-koperazzjoni reċiproċi jinkorporaw ukoll kwistjonijiet finanzjarji. L-Istati Membri jipprovdu għajnuna finanzjarja biss jekk tkun l-aħħar alternattiva fil-każ li ċ-ċittadini ma jkunux jistgħu jiksbu l-mezzi finanzjarji b’metodi oħrajn, pereżempju permezz ta’ trasferimenti minn membri tal-familja jew qraba. Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jiġu megħjuna b’mod effiċjenti irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom. Għandu jkun assigurat qsim tal-piżijiet finanzjarji u rimborżi adegwati. Meta tingħata l-għajnuna finanzjarja, min jirċevieha jista’ jintalab iħallas lura l-ammont li jkun irċieva.

26. Għalhekk, għandha tiżdied is-solidarjetà reċiproka bejn l-awtoritajiet konsolari u jiġu simplifikati l-proċeduri finanzjarji. Minħabba l-ispeċifiċitajiet tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi, bħall-ħtieġa ta’ reazzjoni rapida fir-rigward ta' għadd konsiderevoli ta’ ċittadini, m’għandu jkun meħtieġ l-ebda impenn ta’ ħlas lura għall-Istat Membru li jagħti l-għajnuna biex ifittex rimborż.

27. Fuq talba tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna, l-ispejjeż għandhom jiġu rimborżati mill-Istati Membri megħjuna fuq bażi pro rata fi kriżijiet maġġuri, li jista’ jkollhom impatt kuntrarju fuq għadd sinifikanti ta’ ċittadini tal-Unjoni, billi l-ispejjeż globali jiġu diviżi bl-għadd ta’ ċittadini megħjuna. F’każijiet fejn l-ispejjeż ma jkunux jistgħu jiġu kkalkulati, l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna jista’ jitlob li jiġi rimborżat fuq il-bażi ta’ somom fissi kif speċifikat fl-Anness 2 ta’ din id-Direttiva.

28. Rigward il-koordinazzjoni fuq il-post u f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, għandhom jiġu ċċarati l-kompetenzi u r-rwoli rispettivi sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini mhux rappreżentati jkunu mħarsa b’mod sħiħ. Il-koperazzjoni konsolari lokali għandha tagħti l-attenzjoni xierqa liċ-ċittadini mhux rappreżentati, pereżempju billi jinġabru d-dettalji ta’ kuntatt rilevanti tal-ambaxxati u konsolati reġjonali tal-Istati Membri li jinsabu l-iktar viċin.

29. F’każ ta’ kriżi, huma essenzjali preparazzjoni adegwata u separazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet. Għalhekk l-ippjanar ta’ kontinġenza għall-kriżijiet għandu jinkludi b’mod sħiħ iċ-ċittadini mhux rappreżentati u l-pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali għandhom ikunu kkoordinati. F’dak il-kuntest għandu jiġi żviluppat aktar il-kunċett ta’ Stat Mexxej[36].

30. L-interoperabilità bejn l-esperti konsolari u esperti oħra tal-kriżijiet għandha tiżdied, b’mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fit-timijiet multidixxiplinari eżistenti dwar il-kriżijiet, bħal dawk taħt il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE.

31. Fil-pajjiżi terzi, l-Unjoni hija rappreżentata mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni, li flimkien mal-missjonijiet diplomatiċi u konsolari tal-Istati Membri jikkontribwixxu fl-implimentazzjoni tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrigwarda l-protezzjoni konsolari kif speċifikat ulterjorment fl-Artikolu 35 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Bi qbil mal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-relazzjonijiet konsolari, l-Istati Membri jistgħu jagħtu protezzjoni konsolari f’isem Stat Membru ieħor sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ma joġġezzjonax. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji fir-rigward tal-pajjiżi terzi sabiex jassiguraw li tkun tista’ tiġi pprovduta protezzjoni konsolari f’isem Stati Membri oħra.

32. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data[37] tirregola l-ipproċessar ta’ data personali li jitwettaq fil-kuntest ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri.

33. Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa dispożizzjonijiet nazzjonali iżjed favorevoli sakemm ikunu kompatibbli magħha.

34. Din id-Direttiva għandha l-għan li tippromwovi protezzjoni konsolari kif rikonoxxuta fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hija tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta, speċjalment il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, il-ħajja u l-integrità tal-persuna, il-ħajja privata u familjari, id-drittijiet tat-tfal u tad-difiża u d-dritt għal proċess ġust. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

35. F’konformità mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni li tinsab fil-Karta, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni bejn il-benefiċjarji tagħha abbażi tas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-miżuri ta’ koperazzjoni u koordinazzjoni meħtieġa biex tkun iffaċilitata l-eżerċitazzjoni tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni, fit-territorju ta’ pajjiż terz li fih l-Istat Membru li tiegħu jkunu ċittadini ma jkunx rappreżentat, għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsolari ta’ Stat Membru ieħor bl-istess kundizzjonijiet bħal taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 2

Benefiċjarji

36. Kull ċittadin li jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni li ma jkunx rappreżentat minn awtorità diplomatika jew konsolari f’pajjiż terz, minn hawn ’il quddiem "ċittadin mhux rappreżentat", għandu d-dritt għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari ta’ Stat Membru ieħor bl-istess kundizzjonijiet bħal taċ-ċittadini tiegħu.

37. Iċ-ċittadini li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ iktar minn Stat Membru wieħed tal-Unjoni jitqiesu mhux rappreżentati jekk l-ebda wieħed mill-Istati Membri taċ-ċittadinanza tagħhom ma jkun irrappreżentat f’pajjiż terz minn awtorità diplomatika jew konsolari.

38. Il-membri tal-familja ta’ ċittadini mhux rappreżentati li huma nfushom ma jkunux ċittadini tal-Unjoni għandhom dritt għal protezzjoni konsolari bl-istess kundizzjonijiet bħall-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna, li huma nfushom ma jkunux ċittadini.

Artikolu 3

Nuqqas ta’ rappreżentazzjoni

39. Stat Membru ma jkunx rappreżentat f’pajjiż terz jekk huwa ma jkollux ambaxxata jew konsolat aċċessibbli stabbiliti fuq bażi permanenti f’dak il-pajjiż.

40. Ambaxxata jew konsolat stabbiliti fuq bażi permanenti jkunu aċċessibbli jekk jistgħu jipprovdu protezzjoni b’mod effikaċi u jistgħu jintlaħqu bla periklu f’distanza ta’ vjaġġar konvenjenti u f'ħin raġjonevoli.

Iċ-ċittadini tal-Unjoni jridu jkunu għall-inqas kapaċi jaslu fl-ambaxxata jew fil-konsolat u jerġgħu lura fil-post tat-tluq tagħhom fl-istess ġurnata, b’mezz tat-trasport użat komunement fil-pajjiż terz, sakemm l-urġenza tal-kwistjoni ma titlobx għajnuna aktar veloċi. L-ambaxxata jew il-konsolat ma jkunux aċċessibbli jekk ikunu temporanjament mhux f’pożizzjoni li fil-fatt jipprovdu protezzjoni, b’mod partikolari jekk ikunu temporanjament magħluqa f’każ ta’ kriżi.

41. Il-konsli onorarji jitqiesu bħala ekwivalenti għall-ambaxxati u l-konsolati aċċessibbli fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom skont il-liġi u l-prattiki nazzjonali.

Artikolu 4

Aċċess għall-protezzjoni konsolari

42. Iċ-ċittadini mhux rappreżentati jistgħu jagħżlu l-ambaxxata jew il-konsolat tal-Istat Membru li mingħandhom ifittxu protezzjoni konsolari.

43. Stat Membru jista’ jirrappreżenta Stat Membru ieħor fuq bażi permanenti u l-ambaxxati jew il-konsolati tal-Istati Membri f'pajjiż terz jistgħu jilħqu arranġament dwar il-kondiviżjoni tal-piż, bil-kundizzjoni li jkun żgurat li jkun hemm trattament effettiv tal-applikazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe arranġament simili bil-ħsieb li jiġi ppubblikat fuq is-sit tagħha fuq l-internet maħsub apposta.

Artikolu 5

Identifikazzjoni

44. Ambaxxata jew konsolat għandhom jirreaġixxu għal talba għal protezzjoni jekk l-applikant jistabbilixxi, billi juri passaport jew karta tal-identità, li huwa jew hija huwa/hija ċittadin(a) tal-Unjoni.

45. Jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkunx jista’ jippreżenta passaport jew karta tal-identità validi, iċ-ċittadinanza tista’ tiġi ppruvata bi kwalunkwe mezz ieħor, jekk ikun meħtieġ wara verifika mal-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari tal-Istat Membru li tiegħu l-applikant isostni li huwa ċittadin.

46. Għall-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-Direttiva, dan l-Artikolu japplika mutatis mutandis għall-prova tal-eżistenza tar-relazzjoni ta’ familja.

Artikolu 6

Tipi ta' Assistenza

47. L-ambaxxati jew il-konsolati tal-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni konsolari liċ-ċittadini mhux rappreżentati, daqs li kieku kienu ċittadini tal-Istat Membru tagħhom.

48. Il-protezzjoni konsolari msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-għajnuna fis-sitwazzjonijiet li ġejjin

49. arrest jew detenzjoni;

50. meta wieħed jisfa vittma ta’ delitt;

51. inċident serju jew mard serju;

52. il-mewt ta' ċittadin;

53. solljiev u ripatrijazzjoni f’każ ta’ periklu;

54. il-ħtieġa ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar[38].

KAPITOLU 2

Miżuri ta’ koordinazzjoni u koperazzjoni

Artikolu 7

Prinċipju ġenerali

L-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari tal-Istati Membri għandhom jikkoperaw mill-qrib u jikkoordinaw bejniethom u mal-Unjoni sabiex tkun assigurata protezzjoni taċ-ċittadini mhux rappreżentati, bl-istess kundizzjonijiet bħal taċ-ċittadini. Meta konsolat jew ambaxxata tgħin lil ċittadini mhux rappreżentat, għandu jiġi kkuntattjat il-konsolat jew l-ambaxxata repsonabbli reġjonalment li jkunu jinsabu l-iktar viċin jew il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin ikollu ċ-ċittadinanza. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-persuni ta’ kuntatt rilevanti fil-Ministeri tal-Affarijiet Barranin li għandhom jiġu aġġornati kontinwament fis-sit internet fiż-żgur tiegħu.

Artikolu 8

Arrest jew detenzjoni

55. Meta ċittadin mhux rappreżentat jiġi arrestat jew miżmum, l-ambaxxati jew il-konsolati tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 6(1), għandhom b’mod partikolari:

56. jassistu biex jiġu infurmati l-membri tal-familja taċ-ċittadin jew persuni relatati oħra, jekk iċ-ċittadin jitlob li jsir dan;

57. iżuru liċ-ċittadin u jimmonitorjaw l-istandards minimi tat-trattament fil-ħabs;

58. jipprovdu liċ-ċittadini b’informazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni miżmuma.

59. Meta l-ambaxxata jew il-konsolat ta’ Stat Membru jiġu infurmati dwar l-arrest jew id-detenzjoni ta’ ċittadin mhux rappreżentat, huma għandhom min-naħa tagħhom jinformaw lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin u jagħtuh l-informazzjoni rilevanti kollha li jkollha. Dan tal-aħħar għandu jikkomunika mal-membri tal-familja taċ-ċittadin jew persuni relatati oħra jekk iċ-ċittadin ikun jixtieq dan.

60. L-ambaxxata jew il-konsolat għandhom jagħmlu rapport lill-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin ikollu ċ-ċittadinanza wara kwalunkwe żjara li jagħmlu liċ-ċittadin u wara l-monitoraġġ tal-istandards minimi ta’ trattament fil-ħabs. Huma għandhom jinformaw immedjatament lill-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin ikollu ċ-ċittadnanza dwar kwalunkwe lment ta’ trattament ħażin.

61. L-ambaxxata jew il-konsolat għandhom jinformaw lill-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin ikollu ċ-ċittadinanza dwar l-informazzjoni pprovduta minnhom liċ-ċittadin dwar id-drittijiet tiegħu. Huma għandhom jaġixxu bħala intermedjarju, inkluż dwar l-għajnuna għat-tfassil ta’ petizzjonijiet għall-maħfriet jew liberazzjonijiet bikrija u meta ċ-ċittadin ikun jixtieq japplika għal trasferiment. Jekk ikun meħtieġ, huma għandhom jaġixxu bħala intermedjarju għal kwalunkwe tariffa legali depożitata permezz tal-awtoritajiet diplomatiċi jew konsolari tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin.

Artikolu 9

Vittma ta’ delitt

62. Meta ċittadin mhux rappreżentat ikun vittma ta’ delitt, skont l-Artikolu 6(1) l-ambaxxati jew il-konsolati tal-Istati Membri għandhom b’mod partikolari:

63. jassistu biex jiġu infurmati l-membri tal-familja taċ-ċittadin jew persuni relatati oħra, jekk tkun ix-xewqa taċ-ċittadin;

64. jipprovdu liċ-ċittadin b’informazzjoni u/jew għajnuna dwar kwistjonijiet legali rilevanti u l-kura tas-saħħa.

65. L-ambaxxata jew il-konsolat għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru li tiegħu iċ-ċittadin ikollu ċ-ċittadinanza dwar dak li jkun ġara, il-gravità tiegħu u l-għajnuna mogħtija u jikkomunikaw mal-membri tal-familja taċ-ċittadin jew ma’ persuni oħra li jiġu minnu jekk iċ-ċittadin, jekk possibbli, ikun ta l-kunsens tiegħu.

Artikolu 10

Inċident serju jew mard serju

66. Meta ċittadin mhux rappreżentat ikollu inċident serju jew marda serja, l-ambaxxati jew il-konsolati tal-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 6(1), b’mod partikolari:

67. jgħinu biex jiġu infurmati l-membri tal-familja jew persuni relatati oħra;

68. jgħinu bil-kura medika, parir mhux finanzjarju u bir-ripatrijazzjonijiet.

69. L-ambaxxata jew il-konsolat għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin ikollu ċ-ċittadinanza dwar dak li jkun ġara, il-gravità tiegħu u l-għajnuna mogħtija, u jekk ikun xieraq, jikkomunikaw mal-membri tal-familja tal-vittma jew ma’ persuni oħrajn li jiġu minnha. L-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin ikollu ċ-ċittadinanza għandu jiġi infurmat jekk ikun hemm bżonn ta’ evakwazzjoni medika. Kwalunkwe evakwazzjoni medika għandha tkun soġġetta għall-kunsens bil-quddiem tal-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin ikollu ċ-ċittadinanza, għajr f’każijiet ta’ urġenza estrema.

Artikolu 11

Mewt

70. Fil-każ tal-mewt ta’ ċittadin mhux rappreżentat, l-ambaxxati jew il-konsolati tal-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 6(1), b’mod partikolari:

71. jassistu biex jiġu infurmati l-membri tal-familja taċ-ċittadin;

72. jiksbu ċ-ċertifikati tal-mewt, iċ-ċertifikati mediċi u l-laissez-passers għar-ripatrijazzjoni tal-katavru fejn meħtieġa.

73. Meta l-ambaxxata jew konsolat ta’ Stat Membru jiġu infurmati dwar il-mewt ta’ ċittadin mhux rappreżentat, huma għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadini ikollu ċ-ċittadinanza. Dan tal-aħħar għandu jikkomunika mal-membri tal-familja taċ-ċittadin li jkun tilef ħajtu. Wara li jiġu stabbiliti x-xewqat tal-eqreb persuna li tiġi mill-mejjet u jinkiseb il-kunsens biex il-ġisem jindifen, jiġi kremat jew ripatrijat, l-ambaxxata jew il-konsolat għandhom jassistu biex jinkisbu ċ-ċertifikati tal-mewt, iċ-ċertifikati mediċi u l-laissez-passers għar-ripatrijazzjoni jekk ikunu meħtieġa.

KAPITOLU 3

Proċeduri finanzjarji

Artikolu 12

Regoli ġenerali

Meta ċittadini mhux irrappreżentat jitlob l-għajnuna f’forma ta’ self finanzjarju jew ripatrijazzjoni, għandha tapplika l-proċedura li ġejja kif soġġett għall-Artikolu 6 (1):

74. iċ-ċittadin mhux rappreżentat għandu jintrabat li jħallas lura lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu l-valur sħiħ ta’ kwalunkwe self finanzjarju jew spiża mġarrba, flimkien ma’ tariffa konsolari jekk applikabbli, bl-użu tal-formola standard stabbilita fl-Anness 1;

75. jekk tkun meħtieġa mill-ambaxxata jew il-konsolat li jagħtu l-għajnuna, l-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin għandu jipprovdi mingħajr dewmien l-informazzjoni neċessarja dwar it-talba, fejn jiġi speċifikat jekk tistax tkun applikabbli xi miżata konsolari;

76. l-ambaxxata jew il-konsolat li jagħtu l-għajnuna għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin ikollu ċ-ċittadinanza dwar kwalunkwe talba għal avvanz finanzjarju jew ripatrijazzjoni li jitrattaw;

77. fuq talba bil-miktub tal-ambaxxata jew tal-konsolat li jagħtu l-għajnuna skont il-format stabbilit fl-Anness I, l-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin ikollu ċ-ċittadinanza għandu jirrimborża l-valur sħiħ ta’ kwalunkwe self finanzjarju jew spiża mġarrba.

Artikolu 13

Proċedura ffaċilitata f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi

78. F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, l-ambaxxata jew il-konsolat li jagħtu l-għajnuna għandhom jikkordinaw kwalunkwe evakwazzjoni jew appoġġ ieħor meħtieġ li jingħata lil ċittadin mhux rappreżentat mal-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu.

L-Istat Membru li jagħti l-għajnuna għandu jissottometti kwalunkwe talba għal rimborż tal-ispejjeż ta’ tali evakwazzjoni jew appoġġ lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin. L-Istat Membru li jagħti l-għajnuna jista’ jitlob ir-rimborż anki jekk iċ-ċittadin mhux rappreżentat ma jkunx iffirma impenn li jħallas skont l-Artikolu 12 (a).

Dan il-paragrafu m’għandhux jostakola lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin milli jitlob rimborż fuq il-bażi ta’ regoli nazzjonali.

79. Fi kriżijiet maġġuri, l-ispejjeż tal-evakwazzjoni jew l-appoġġ għandhom jiġu rimborżati mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin fuq bażi pro rata, billi l-ispejjeż globali jiġu diviżi bin-numru ta’ ċittadini megħjuna, jekk l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna jitlob dan.

80. Meta l-ispejjeż ma jkunux jistgħu jiġu kkalkulati, l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna jista’ jitlob li jiġi rimborżat fuq il-bażi ta’ somom fissi li jikkorrispondu mat-tip ta’ appoġġ mogħti, kif stabbilit fl-Anness 2.

81. Meta l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna jkun ġie appoġġat finanzjarjament fir-rigward tal-għajnuna mill-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE, kwalunkwe kontribuzzjoni mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin għandha tiġi determinata wara li titnaqqas il-kontribuzzjoni tal-Unjoni.

82. Għat-talbiet għal rimborż għandhom jintużaw il-formati komuni li jinsabu fl-Anness 2.

KAPITOLU 4

Koperazzjoni u koordinazzjoni lokali u fi kriżijiet

Artikolu 14

Koperazzjoni lokali

Il-laqgħat ta’ koperazzjoni lokali għandhom jinkludu skambju regolari ta’ informazzjoni dwar iċ-ċittadini mhux rappreżentati, dwar kwistjonijiet bħas-sigurtà taċ-ċittadini, il-kundizzjonijiet fil-ħabs jew l-aċċess konsolari. Sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor mill-Ministeri tal-Affarijiet Barranin ċentralment, il-Presidenza għandha tkun rappreżentant ta’ Stat Membru jew tad-delegazzjoni tal-Unjoni fuq deċiżjoni lokali. Il-Presidenza għandha tiġbor u taġġorna b’mod regolari d-dettalji ta kuntatt, b’mod partikolari dawk tal-punti ta’ kuntatt ta’ Stati Membri mhux rappreżentati, u għandha taqsamhom mal-ambaxxati u l-konsolati lokali u mad-delegazzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 15

Koperazzjoni fi kriżijiet

83. Sabiex tkun assigurata stat ta' tħejjija komprensiv, l-ippjanar ta’ kontinġenza lokali għandu jinkludi ċ-ċittadini mhux rappreżentati. L-Istati Membri rappreżentati f’pajjiż terz għandhom jikkordinaw il-pjanijiet ta’ kontinġenza, kemm bejniethom kif ukoll mad-delegazzjoni tal-Unjoni. Għandhom jiftiehmu dwar il-kompiti rispettivi biex ikun żgurat li ċ-ċittadini mhux rappreżentati jkunu megħjuna kompletament f’każ ta’ kriżi, li jinħatru rappreżentanti għall-postijiet magħżula fejn jinġabru n-nies u li ċ-ċittadini mhux rappreżentati jkunu infurmati dwar l-arranġamenti ta’ tħejjija f’każ ta’ kriżi bl-istess mod li jiġu infurmati ċ-ċittadini proprji.

84. F’każ ta’ kriżi, l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jikkoperaw mill-qrib sabiex jassiguraw għajnuna effiċjenti liċ-ċittadini mhux rappreżentati. L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin f’ħin opportun dwar il-kapaċitajiet disponibbli għall-evakwazzjoni. Fuq talba, l-Istati Membri jistgħu jiġu appoġġjati minn timijiet ta’ intervent eżistenti fil-livell tal-Unjoni, fosthom esperti konsolari, b’mod partikolari mill-Istati Membri mhux rappreżentati.

Artikolu 16

Stat Mexxej

85. Għall-iskop ta’ din id-direttiva, l-Istat(i) Mexxej(a) hu/huma wieħed jew aktar mill-Istat(i) Membru/i f'pajjiż terz, li jkun(u) responsabbli biex jikkordina(w) u jmexxi/u l-għajnuna f'dak li jirrigwarda t-tħejjija għal kriżi u f’każ ta’ kriżi, li jinkludi rwol speċifiku għaċ-ċittadini mhux rappreżentati.

86. Stat Membru jiġi magħżul bħala Stat Mexxej f’pajjiż terz partikolari, jekk huwa jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu permezz tan-netwerk eżistenti għall-komunikazzjonijiet fiż-żgur; sakemm xi Stat Membru ieħor ma joġġezzjonax fi żmien 30 ġurnata jew jekk l-Istat Mexxej propost ma jċedix il-kompitu permezz tan-netwerk għall-komunikazzjonijiet fiż-żgur. Jekk iktar minn Stat Membru wieħed ikunu jixtiequ jieħdu flimkien il-kompitu ta’ Stat Mexxej, huma għandhom jinnotifikaw flimkien l-intenzjoni tagħhom permezz tan-netwerk għall-komunikazzjonijiet fiż-żgur. F’każ ta’ kriżi, Stat Membru wieħed jew aktar jista’ jassumi dan il-kompitu immedjatament u għandu jagħmel in-notifika fi żmien 24 siegħa. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw l-offerta, iżda ċ-ċittadini tagħhom u benefiċjarji potenzjali oħra jibqgħu, skont l-Artikolu 6(1), eliġibbli għal għajnuna mill-Istat Mexxej. Jekk ma jkun hemm l-ebda Stat Mexxej, l-Istati Membri rappreżentati fil-post għandhom jiftiehmu dwar liema Stat Membru se jikkoordina l-għajnuna għaċ-ċittadini mhux rappreżentati.

87. Biex jipprepara(w) għall-kriżijiet, l-Istat Mexxej/l-Istati Mexxejja għandu/għandhom jassigura(w) li ċ-ċittadini mhux rappreżentati jiġu inklużi fl-ippjanar ta’ kontinġenza tal-ambaxxati u tal-konsolati, li l-pjanijiet ta’ kontinġenza jkunu kompatibbli u li l-ambaxxati u l-konsolati kif ukoll id-delegazzjonijiet tal-Unjoni jkunu infurmati sewwa dwar dawn l-arranġamenti.

88. F’każ ta’ kriżi, l-Istat Mexxej/l-Istati Mexxejja jew l-Istat Membru li jkun qed jikkoordina l-għajnuna għandu/għandhom ikun(u) responsabbli biex jikkordina(w) u jmexxu l-għajnuna u l-operazzjonijiet biex jinġabru ċ-ċittadini mhux rappreżentati, u jekk ikun meħtieġ, jiżgura(w) li ssir evakwazzjoni għal post sigur bl-appoġġ tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati. Għandu/għandhom jipprovdi/jipprovdu wkoll punt ta’ kuntatt għall-Istati Membri mhux rappreżentati, li permezz tiegħu jkunu jistgħu jirċievu informazzjoni dwar iċ-ċittadini tagħhom u jikkoordinaw l-għajnuna meħtieġa. L-Istat(i) Mexxej(ja) jew l-Istat Membru li jkun qed jikkoordina l-għajnuna għaċ-ċittadini mhux rappreżentati jista’/jistgħu jfittex/ifittxu, jekk ikun xieraq, appoġġ minn strumenti bħall-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE u l-istrutturi għall-immaniġġar tal-kriżijiet tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Istat Mexxej jew lill-Istat Membru li jkun qed jikkoordina l-għajnuna, l-informazzjoni kollha rilevanti dwar iċ-ċittadini mhux rappreżentati tagħhom preżenti f’sitwazzjoni ta’ kriżi.

KAPITOLU 5

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 17

Trattament iżjed favorevoli

L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli bil-kundizzjoni li jkunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 18

Implimentazzjoni

89. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn […]. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

90. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 19

Revoka

Id-Deċiżjoni 95/553/KE qiegħda titħassar b'effett minn […]

Artikolu 20

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-implimentazzjoni tad-dritt taċ-ċittadini mhux rappreżentati u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluża ħarsa ġenerali annwali lejn l-istatistika u l-kawżi rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sa […].

Artikolu 21

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Artikolu 22

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS 1

A. Formola tat-talba għal rimborż (Artikolu 12)

1. L-ambaxxata jew il-konsolat tal-Istat Membru li qed jagħmel it-talba

2. Stat Membru li tiegħu ċ-ċittadin għandu ċ-ċittadinanza

(l-ambaxxata jew il-konsolat responsabbli reġjonalment li tkun tinsab l-iktar viċin jew il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin)

3. Identifikazzjoni tal-fatti

(data, post)

4. Dejta taċ-ċittadin(i) megħjun(a) (għandha tiġi mehmuża separatament)

Isem sħiħ | Post u data tat-twelid | Isem u numru tad-dokument tal-ivvjaġġar | Tip ta’ għajnuna mogħtija | Spejjeż |

5. Spejjeż totali

6. Kont bankarju għar-rimborż

7. Mehmuż: impenn ta’ ħlas lura (jekk applikabbli)

B. Format komuni – impenn ta’ ħlas lura (għajnuna finanzjarja)

FORMAT KOMUNI TAL-IMPENN GĦALL-ĦLAS LURA (SELF FINANZJARJU)

Jien, (is-Sur/Sinjura/Sra/Sinjorina) (isem sħiħ b’ittri kapitali)

…………………………………………………………………………………………………...

detentur/detentriċi tal-passaport Nru…………………………..maħruġ fi………………………………………

b ’ dan nirrikonoxxi li rċevejt mill-Ambaxxata/Konsolat ta’…………………………………

…………………………fi………………………………………………………………………

is-somma ta’…………………………………………………………………………………….

bħala avvanz għall-iskop ta’………………………………………………………………...

…………………………………………..(inkluża kwalunkwe miżata applikabbli)

u nintrabat u nwiegħed li meta nintalab inħallas lura lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin/Gvern ta’…………………………………………………………………………..

…………………………………………………………………………………………………...

skont il-liġi nazzjonali ta’ dak il-pajjiż l-imsemmija somma f’(munita)………………………………………………………………………………………..

bir-rata tal-kambju prevalenti fil-ġurnata li fiha sar l-avvanz.

L-indirizz tiegħi (*) (b’ittri kapitali) (pajjiż)……………………………………………………

huwa:……………………………………………………………………………………………

…………………………………………………………………………………………………...

…………………………………………………………………………………………………...

DATA………………………………FIRMA…………………………………………….

(*) jekk m’għandekx indirizz permanenti, jekk jogħġbok indika indirizz ta’ kuntatt.

C. Format komuni ta’ impenn għal ħlas lura (ripatrijazzjoni)

FORMAT KOMUNI TA’ IMPENN GĦAL ĦLAS LURA (RIPATRIJAZZJONI)

Jien, (is-Sur/Sinjura/Sra/Sinjorina) (isem sħiħ b’ittri kapitali)

…………………………………………………………………………………………………...

imwieled/imwielda fi (belt)…………………………..fi (pajjiż)………………………………………

nhar (data)…………………………………

detentur/detentriċi tal-passaport Nru…………………………..maħruġ fi…………………………..

nhar…………………… u Nru tal-Karta tal-Identità………………………………………………………………

b’dan nintrabat li nħallas lura meta nintalab, lill-Gvern ta’……………………………….

………………skont il-liġi nazzjonali ta’ dak il-pajjiż l-ekwivalenti tal-ispejjeż kollha mħallsa f’ismi jew avvanzati lili mill-uffiċjal konsolari tal-Gvern……………………………………… fi………………………………………..

għall-iskop tar-ripatrijazzjoni jew b'rabta mar-ripatrijazzjoni lejn………………………………..

tiegħi u l-membri tal-familja tiegħi li qegħdin jakkumpanjawni, u li nħallas il-miżati konsolari kollha fir-rigward tar-ripatrijazzjoni.

Dawn huma:

(i) (*) Nollijiet

Sussistenza

Spejjeż oħrajn

LI MINNHOM GĦANDHA TITNAQQAS il-kontribuzzjoni magħmula minni

MIŻATI KONSOLARI:

Tariffa għar-ripatrijazzjoni

Tariffa tal-attendenza

Passaport/tariffi tal-emerġenza

(….sigħat bi….kull siegħa….)

(ii) (**) Is-somom kollha f’ismi għall-iskop tar-ripatrijazzjoni tiegħi u tal-membri tal-familja tiegħi li qegħdin jakkumpanjawni jew b'rabta miegħu, li ma jistgħux jiġu determinati fil-ħin li dan l-impenn ta’ ħlas lura qed jiġi ffirmat minni.

L-indirizz tiegħi (***) (b’ittri kapitali) (pajjiż)…………………………………………………………………………………………..huwa:………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………………..………………………………………………………………………………………………….DATA………………………………FIRMA…………………………………………….

(*) Ħassar kif meħtieġ: L-Uffiċjal Konsolari u l-applikant għandhom jinizjalaw kull delegazzjoni fil-marġni.

(**) Ħassar kif meħtieġ: L-Uffiċjal Konsolari u l-applikant għandhom jinizjalaw kull delegazzjoni fil-marġni.

(***) Jekk m’għandekx indirizz permanenti, jekk jogħġbok indika indirizz ta’ kuntatt.

ANNESS 2

A. Formola għat-talba għal rimborż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi (Artikolu 13)

1. L-Istat Membru li qed iressaq it-talba

2. Stat Membru li tiegħu ċ-ċittadin għandu ċ-ċittadinanza

(Ministeru tal-Affarijiet Barranin)

3. Identifikazzjoni tal-fatti:

(data, post)

4. Dejta taċ-ċittadin(i) megħjun(a) (għandha tiġi mehmuża separatament)

Isem sħiħ | Post u data tat-twelid | Isem u numru tad-dokument tal-ivvjaġġar | Għajnuna mogħtija | Spejjeż |

5. Metodu ta’ kalkolu

( Spejjeż reali

( Pro rata

( Somma fissa

6. Spejjeż totali

7. Kont bankarju għar-rimborż

8. Mehmuż: impenn ta’ ħlas lura (jekk applikabbli)

B. Somom fissi

Natura tal-appoġġ | Somma fissa |

Evakwazzjoni - vjaġġ fit-tul | Prezz tal-aħħar biljett kummerċjali tal-ajru disponibbli: post tal-evakwazzjoni – destinazzjoni (JEW EUR 1 000) |

Vjaġġ intern lejn il-post sigur | EUR 150 |

Għajnuna medika | EUR 2 500 |

Sussistenza (akkomodazzjoni u ikel offruti) | EUR 200 (kull ġurnata) |

[1] ĠU L 314, 28.12.1995, p. 73.

[2] COM(2010) 603 finali.

[3] ĠU 2010/C 115/01 - Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, Dokument tal-Kunsill 17024/09 tat-2 ta’ Diċembru 2009.

[4] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar iż-Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini - Il-Programm ta' Stokkolma ĠU C 285E, 21.10.2010, p. 12.

[5] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2007 dwar il-Green Paper: Il-protezzjoni diplomatika u konsolari taċ-ċittadin tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi. ĠU C 323E, 18.12.2008, p. 120.

[6] COM(2010) 603 finali.

[7] COM(2011) 149 finali.

[8] L-Artikolu 23(2) TFUE.

[9] ĠU L 314, 28.12.1995, p. 73.

[10] L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 95/553/KE.

[11] Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri kkonsultati esprimew opinjonijiet differenti (pereżempju distanza ta’ vvjaġġar ta’ inqas minn 400 km jew fuq gżira).

[12] Pereżempju d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet tal-Istati Membri mhux rappreżentati kif ukoll ta’ tradutturi/avukati/tobba li jitkellmu l-lingwa taċ-ċittadini mhux rappreżentati.

[13] Artikolu 35 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

[14] Attwalment hemm stabbiliti Stati Mexxejja fi 29 pajjiż terz minn 146 fejn hemm rappreżentat mill-anqas Stat Membru wieħed.

[15] L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 95/553/KE, Linji gwida dwar il-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini tal-UE f’pajjiżi terzi (dokument tal-Kunsill 10109/06 tas-16 ta’Ġunju 2006 rivedut mid-dokument tal-Kunsill 15613/10 tal-5 ta’ Novembru 2010 – mhux ippubblikat) u l-linji gwida tal-Kunsill Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ Pajjiż Mexxej konsolari (ĠU C317, 12.12.2008, p. 6).

[16] Notevolment, il-pressjoni kbira ta' nuqqas ta' żmien u l-ammonti konsiderevoli ta’ ċittadini li jridu jiġu megħjuna.

[17] ĠU C 30, 10.2.2007, p. 8.

[18] Il-Kazakistan, is-Sri Lanka, Kuba u l-Eġittu.

[19] L-Istudju (2009) dwar il-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki tal-Istati Membri, imwettaq mill-Instituto Europeo de Derecho, eżamina l-liġijiet u l-prattiki tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni konsolari. L-attivitajiet tal-proġett CARE (Regolamentazzjoni tal-Għajnuna Konsolari liċ-Ċittadini fl-Ewropa) (2009-2011), li twettqu bl-appoġġ finanzjarju tal-Programm dwar id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza tal-Kummissjoni Ewropea, analizzaw il-qafas legali tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni konsolari u diplomatika. Il-Kummissjoni ġiet appoġġjata minn studju estern (2010), magħmul mill-konsulenza GHK, fl-analiżi tagħha dwar l-alternattivi ta’ politika u l-ispejjeż relatati, li ffukat fuq sitwazzjonijiet ta' kriżi u r-rimborż finanzjarju. Studju estern ieħor (2011) imwettaq mill-konsulenza Matrix Insight ipprovda iżjed evidenza, fosthom permezz ta’ missjonijiet f’pajjiżi terzi, evalwa d-Deċiżjoni 95/553/KE u eżamina l-possibilità li jkun hemm iżjed titjib.

[20] Ħafna mill-Istati Membri kkonsultati indikaw li vjaġġ f'direzzjoni waħda biss sa massimu ta' 6 sigħat biex persuna tasal f’konsulat jidher li huwa raġjonevoli (63% skont l-istħarriġ li sar onlajn, 37% tal-Istati Membri indikaw ħin ta' vjaġġar differenti, imma l-Istati Membri spiss taw indikazzjoni li jista' jkun li każijiet iktar urġenti jkunu jeħtieġu attenzjoni iktar rapida).

[21] Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt, p. 26.

[22] Kif imfissra fost l-oħrajn fil-workshop maħsub apposta tat-23 ta’ Ġunju 2011.

[23] Skont l-istħarriġ onlajn u kif jirriżulta mill-konsultazzjonijiet u l-intervisti ma’ esperti mill-Istati Membri.

[24] Skont l-istħarriġ onlajn fost l-Istati Membri, 68.8% ta’ dawk li wieġbu qiesu ċ-ċarezza tal-proposti legali bħala fattur importanti ħafna (50%) jew fattur importanti (18%) għal assistenza konsolari saħansitra iżjed effiċjenti; rigward l-għelbien ta’ sfidi prattiċi (pereżempju l-assigurar ta’ kanali ċari ta’ komunikazzjoni), it-tweġibiet kienu simili (43% importanti ħafna, 37% importanti).

[25] Kif imfisser fil-workshop maħsub apposta tat-23 ta’ Ġunju 2011 u f’konsultazzjonijiet bilaterali.

[26] Irreferi pereżempju għall-kawża C-60/00 Carpenter .

[27] Wieħed irid iżomm f’moħħu li mhux is-servizzi konsolari kollha offruti liċ-ċittadini ta’ pajjiż/ċittadini tal-UE jistgħu jiġu applikati għall-membri tal-familja tagħhom minn pajjiżi terzi. Notevolment, ma jistgħux jinħarġu dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar (la għal membri tal-familja minn pajjiżi terzi ta’ ċittadini tal-pajjiż u lanqas għal dawk ta’ ċittadini tal-UE); il-membri tal-familja minn pajjiż terz li jkunu f'detenzjoni jistgħu jsirulhom żjarat sakemm l-awtoritajiet konsolari tal-pajjiż terz ma joġġezzjonawx.

[28] Kif identifikati fl-istudju tal-Instituto Europeo de Derecho u kif deskritt fil-qafas tal-Kunsill taħt il-Presidenza Spanjola. Ara l-Anness V tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

[29] Ir-rimborż pro rata jirreferi għal rimborż proporzjonali bbażat fuq in-numru ta’ persuni megħjuna (spejjeż totali diviżi bin-numru ta’ persuni megħjuna).

[30] Jiġifieri, spejjeż standardizzati għall-evakwazzjoni, evakwazzjoni medika u kenn.

[31] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, COM(2010) 573 finali tad-19.10.2010.

[32] COM(2010) 603 finali.

[33] COM(2011) 149 finali.

[34] ĠU L 314, 28.12.1995, p. 73.

[35] ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

[36] ĠU C 317/6, 12.12.2008 (Dokument tal-Kunsill 2008/C 317/06).

[37] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[38] Kif previst fid-Deċiżjoni 96/409/PESK tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-Kunsill, dwar l-istabbiliment ta’ dokument provviżorju tal-ivvjaġġar. ĠU L 168, 16.7.1996, p. 4.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet