52011PC0518


Titolu u referenza

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi sistema Komunitarja għar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi

/* KUMM/2011/0518 finali - 2011/0225 (NLE) */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

MEMORANDAM TA' SPJEGAZZJONI

1. ĠUSTIFIKAZZJONI U GĦAN

Fil-livell Ewropew, it-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi huma koperti mil-leġiżlazzjoni tat-trasport taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-leġiżlazzjoni tal-aspetti speċifiċi għar-radjazzjoni inkluża l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom).

Il-leġiżlazzjoni tat-TFUE ġiet issimplifikata bid-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi bil-kombinazzjoni tal-modi kollha tat-trasport intern.

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 tistabbilixxi l-istandards tas-sigurtà [sikurezza] bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali minn perikli li joriġinaw mir-radjazzjoni jonizzanti. Skont l-Artikolu 30 tat-Trattat, dawn l-istandards bażiċi jfissru:

(a) dożi massimi permissibbli kompatibbli ma’ sikurezza adegwata;

(b) livelli massimi permissibbli ta’ esponiment u kontaminazzjoni;

(c) il-prinċipji fundamentali li jirregolaw is-sorveljanza tas-saħħa tal-ħaddiema.

L-Istati Membri, skont l-Artikolu 33, għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet xierqa sabiex jiżguraw il-konformità mal-istandards bażiċi.

Għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali u sabiex ix-xogħol tagħhom jiġi ffukat aħjar, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jeħtieġ li jkunu jafu liema persuni, organizzazzjonijiet jew intrapriżi jridu jikkontrollaw. Għal dan il-għan, l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva jesiġu li l-Istati Membri jissottomettu ċerti prattiki li jinvolvu periklu minn radjazzjoni jonizzanti għal sistema ta’ rappurtar (notifika) u awtorizzazzjoni jew projbizzjoni minn qabel ta’ ċerti prattiki.

Id-Direttiva 96/29/Euratom tapplika għall-prattiki kollha li jinvolvu riskju minn radjazzjoni jonizzanti li tkun ġejja minn sors artifiċjali jew minn sors ta’ radjazzjoni naturali, inkluż it-trasport.

Peress li t-trasport huwa l-unika prattika "mobbli", u meta titqies in-natura transkonfinali spissa ta’ operazzjonijiet tat-trasport, trasportatur jista’ jkollu jsegwi dawn il-proċeduri ta’ rappurtar u awtorizzazzjoni f’diversi Stati Membri. Barra minn hekk, l-Istati Membri implimentaw dawn il-proċeduri f’sistemi differenti, biex b’hekk żiedu l-kumplessità ta’ operazzjonijiet tat-trasport bħal dawn.

Is-sostituzzjoni ta’ dawn il-proċeduri ta’ rappurtar u awtorizzazzjoni nazzjonali b’sistema ta’ reġistrazzjoni unika għall-prattika tat-trasport ser tikkontribwixxi għaldaqstant għas-simplifikazzjoni tal-proċedura, għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv, għat-tneħħija ta’ ostakli għad-dħul, filwaqt li l-livelli għoljin ta’ protezzjoni mir-radjazzjoni jinżammu.

Dan ir-Regolament jissostitwixxi s-sistemi ta’ rappurtar u awtorizzazzjoni fl-Istati Membri bl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom b’reġistrazzjoni unika. Ir-Regolament jistabbilixxi Sistema Ewropea għar-Reġistrazzjoni tat-Trasportaturi. Trasportaturi għandhom japplikaw permezz ta’ interfaċċja tal-web ċentrali. Dawn l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati mill-awtorità kompetenti nazzjonali rispettiva li toħroġ ir-reġistrazzjoni jekk l-applikant jissodisfa l-istandards bażiċi tas-sikurezza. Fl-istess ħin, is-sistema tippermetti li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom ħarsa ġenerali aħjar tat-trasportaturi li huma attivi fil-pajjiż tagħhom. Is-sistema għandha tkun disponibbli, ittestjata u funzjonali meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.

Ir-Regolament jadotta approċċ iggradat billi jeskludi mill-proċedura tar-reġistrazzjoni t-trasportaturi li jittrasportaw esklussivament "pakketti ta’ eċċezzjoni". Min-naħa l-oħra, ir-Regolament iħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex iżidu rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni addizzjonali għal trasportaturi ta’ materjali fissili u b’radjuattività għolja.

Il-Liġi Komunitarja u r-regoli internazzjonali l-oħra rigward il-protezzjoni fiżika, is-salvagwardji, u r-responsabbiltà ta’ terzi persuni jibqgħu japplikaw. Dan hu minnu, b’mod partikolari, għad-Direttiva 2008/68/KE.

2. BAŻI LEGALI

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma relatati mal-istandards bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali. Konsegwentement, il-bażi legali magħżula hija t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikoli 31 u 32 tiegħu.

3. SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetanza esklussiva tal-Komunità. Peress li s-setgħat leġiżlattivi tal-Komunità taħt it-Titolu II il-Kapitolu 3 tat-Trattat tal-EURATOM huma esklussivi fin-natura tagħhom, mhumiex suġġetti għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-proporzjonalità hija żgurata wkoll. Il-mekkaniżmu propost, skont il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa fit-tħejjija, iżomm bilanċ prudenti bejn il-protezzjoni effettiva tal-ħaddiema u tal-pubbliku matul operazzjonijiet tat-trasport, l-interessi leġittimi tal-partijiet interessati involuti u l-interessi tal-Istati Membri. Fuq kollox, l-għażla preferuta hija l-minimu neċessarju sabiex jintlaħqu b’mod effettiv l-għanijiet stabbiliti filwaqt li l-ispejjeż jinżammu fi ħdan limiti raġonevoli.

2011/0225 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi sistema Komunitarja għar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 31 u l-Artikolu 32 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, imfassla wara li kisbet l-opinjoni ta’ grupp ta’ persuni maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Billi:

(1) L-Artikolu 33 tat-Trattat jesiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa sabiex jiżguraw il-konformità mal-istandards tas-sikurezza bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali minn perikli li joriġinaw minn radjazzjoni jonizzanti.

(2) L-istandards tas-sikurezza bażiċi huma stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996[3]. Dik id-Direttiva tapplika għall-prattiki kollha li jinvolvu riskju ta’ radjazzjoni jonizzanti li toriġina minn sors ta’ radjazzjoni artifiċjali jew naturali, inkluż it-trasport.

(3) Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards bażiċi, hu neċessarju li jiġu stabbiliti liema persuni, organizzazzjonijiet jew intrapriżi għandhom jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, id-Direttiva 96/29/Euratom tesiġi li l-Istati Membri jissottomettu ċerti prattiki li jinvolvu periklu minn radjazzjoni jonizzanti għal sistema ta’ rappurtar u awtorizzazzjoni minn qabel jew li jipprojbixxu ċerti prattiki.

(4) Peress li t-trasport huwa l-uniku prattika li għandha natura transkonfinali, it-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi jistgħu jkunu meħtieġa jsegwu r-rekwiżiti relatati mas-sistemi ta’ rappurtar u awtorizzazzjoni f’diversi Stati Membri. Dan ir-Regolament jissostitwixxi dawn is-sistemi ta’ rappurtar u awtorizzazzjoni fl-Istati Membri b’sistema ta’ reġistrazzjoni unika valida fil-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika kollha (minn hawn il-quddiem 'il-Komunità').

(5) Għat-trasportaturi bl-ajru u bil-baħar, tali sistemi ta’ reġistrazzjoni u ċertifikazzjoni diġà jeżistu. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili[4] jistabbilixxi li t-trasportaturi tal-ajru jeħtieġu ċertifikat ta’ operatur tal-ajru speċifiku għat-trasportazzjoni ta’ oġġetti perikolużi. Għat-trasport bil-baħar, id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità[5]. Iċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili u s-sistema ta’ rappurtar għal bastimenti marittimi huma kkunsidrati li jimplimentaw b’mod sodisfaċenti r-rekwiżiti ta’ rappurtar u awtorizzazzjoni tad-Direttiva 96/29/Euratom. Għalhekk, reġistrazzjoni ta’ trasportaturi bl-ajru u bil-baħar taħt dan ir-Regolament mhijiex neċessarja biex tippermetti lill-Istati Membri jiżguraw il-konformità mal-istandards bażiċi f’dawn il-modi ta’ trasport.

(6) Trasportaturi ta’ materjal radjuattiv huma suġġetti għal għadd ta’ rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-Euratom kif ukoll strumenti legali internazzjonali. Ir-Regolamenti tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) għat-Trasport Sikur ta’ Materjal Radjuattiv (TS-R-1) u r-Regolamenti Modali għat-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi jibqgħu japplikaw direttament jew jiġu implimentati mill-Istati Membri taħt id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi[6] għat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u fl-ilmijiet navigabbli interni. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma, madankollu, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra fl-oqsma tas-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali u l-protezzjoni ambjentali.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1 Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

(1) Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema Komunitarja għar-reġistrazzjoni ta’ trasportaturi ta’ materjali radjuattivi li tiffaċilita l-kompitu tal-Istati Membri biex jiżguraw li l-istandards bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali minn perikli li joriġinaw minn radjazzjonijiet jonizzanti stabbiliti fid-Direttiva 96/29/Euratom qed jiġu osservati.

(2) Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur li jittrasporta materjali radjuattivi fi ħdan il-Komunità, minn pajjiżi terzi għall-Komunità u mill-Komunità għal pajjiżi terzi. Dan ma għandux japplika għal trasportaturi li jittrasportaw materjali radjuattivi bl-ajru u bil-baħar.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament

(1) "trasportatur" tfisser kwalunkwe persuna, organizzazzjoni jew intrapriża pubblika li twettaq il-prattika ta’ trasport ta’ materjal radjuattiv bi kwalunkwe mezz tat-trasport fil-Komunità inklużi trasportaturi li jwettqu attivitajiet abbażi ta’ arranġamenti ta’ kiri jew kumpens;

(2) "awtorità kompetenti" tfisser kwalunkwe awtorità maħtura mill-Istat Membru sabiex twettaq kompiti skont dan ir-Regolament;

(3) "trasport" tfisser l-operazzjonijiet kollha tat-trasport mill-post tal-oriġini għall-post tad-destinazzjoni, inklużi t-tagħbien, il-ħżin waqt it-tranżitu u l-ħatt ta’ materjal radjuattiv;

(4) "materjal radjuattiv" tfisser kwalunkwe materjal li fih radjunuklidi fejn kemm il-konċentrazzjoni tal-attività kemm l-attività totali fil-kunsinna jaqbżu l-valuri speċifikati fil-paragrafi 402–407 tar-Regolamenti tal-IAEA għat-Trasport Sikur ta’ Materjal Radjuattiv, Rekwiżiti tas-Sikurezza Nru TS-R-1, 2009, Vjenna;

(5) "oġġetti perikolużi ta’ konsegwenzi għoljin - materjal radjuattiv" tfisser materjali radjuattivi li għandhom il-potenzjal li jintużaw ħażin f’inċident terroristiku u li jistgħu, b'riżultat ta' dan, jipproduċu konsegwenzi serji bħal diżgrazzji tal-massa jew qerda tal-massa kif iddefinit fl-Appendiċi A.9. tas-Sensiela dwar is-Sikurezza Nukleari tal-IAEA Nru 9 “Security in the Transport of Radioactive Material”, Vjenna, 2008;

(6) "pakkett ta’ eċċezzjoni" tfisser kwalunkwe pakkett li fih il-kontenut radjuattiv permess ma jaqbiżx il-livelli ta’ attività stabbiliti fit-Tabella V tat-Taqsima IV tar-Regolamenti għat-Trasport Sikur ta’ Materjal Radjuattiv Nru TS-R-1 jew wieħed minn għaxra ta’ dawn il-limiti għat-trasport bil-posta u li huma tikkettati bħala NU Nru 2908, 2909, 2910 jew 2911;

(7) "materjal fissili" tfisser uranju-233, uranju-235, plutonju-239 u plutonju-241 jew kwalunkwe kombinazzjoni ta’ dawn ir-radjunuklidi.

Artikolu 3 Dispożizzjonijiet ġenerali

(1) It-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi għandu jkollhom reġistrazzjoni valida miksuba skont l-Artikolu 5. Ir-reġistrazzjoni għandha tippermetti lit-trasportatur iwettaq il-prattika tat-trasport fl-Unjoni Ewropea kollha.

(2) Operazzjonijiet tat-trasport individwali għandhom ikunu akkumpanjati minn kopja taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tat-trasportatur jew minn liċenzja jew reġistrazzjoni miksuba skont il-proċedura nazzjonali applikabbli fil-każ tat-trasport imsemmi fil-paragrafu (3).

(3) Detentur ta’ liċenzji jew reġistrazzjonijiet validi maħruġa skont id-Direttiva 96/29/Euratom għall-immaniġġjar ta’ materjal radjuattiv jew għall-użu ta’ tagħmir li fih materjal jew sorsi radjuattivi jista’ jittrasporta dawn il-materjali jew sorsi mingħajr ir-reġistrazzjoni taħt dan ir-Regolament jekk it-trasportazzjoni hija inkluża fil-liċenzji jew ir-reġistrazzjonijiet għall-Istati Membri kollha fejn isir it-trasport.

(4) Rekwiżiti ta’ rappurtar u awtorizzazzjoni nazzjonali li huma addizzjonali għar-rekwiżiti stabbiliti b’dan ir-Regolament jistgħu japplikaw biss għat-trasportaturi tal-materjali li ġejjin:

– materjal fissili, minbarra uranju naturali jew uranju mfaqqar li ġie rradjat f’reattur termali biss;

– oġġetti perikolużi ta’ konsegwenzi għoljin - materjali radjuattivi.

Artikolu 4 Sistema Elettronika għar-Reġistrazzjoni tat-Trasportaturi (ESCReg)

(1) Għas-superviżjoni u l-kontroll tat-trasport ta’ materjal radjuattiv, għandha tiġi stabbilita Sistema Elettronika għar-Reġistrazzjoni tat-Trasportaturi (ESCReg) mill-Kummissjoni li tkun responsabbli wkoll għall-manutenzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi informazzjoni addizzjonali, kif ukoll speċifikazzjonijiet u rekwiżiti tekniċi tal-ESCReg.

(2) L-ESCReg għandha tagħti aċċess ristrett u sikur lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, lit-trasportaturi rreġistrati u lill-applikanti, soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-protezzjoni ta' dejta personali, kif stabbiliti b’mod partikolari bid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7]. L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom aċċess għad-dejta kollha disponibbli.

(3) Il-Kummissjoni ma għandhiex tkun responsabbli għall-kontenut u l-eżattezza tal-informazzjoni sottomessa permezz tal-ESCReg.

Artikolu 5 Proċedura ta’ reġistrazzjoni

(1) Trasportatur għandu japplika għar-reġistrazzjoni permezz tal-ESCReg.

(2) It-trasportatur applikant għandu jissottometti l-formola tal-applikazzjoni elettronika mimlija stabbilita fl-Anness I.

(3) Mal-mili u s-sottomssjoni tal-formola tal-applikazzjoni, l-applikant għandu jirċievi konferma awtomatika li l-applikazzjoni tkun waslet, flimkien man-numru tal-applikazzjoni.

(4) Jekk l-applikant ikun stabbilit fi Stat Membru wieħed jew aktar, l-applikazzjoni għandha tiġi pproċessata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-uffiċċju prinċipali tal-applikant.

(5) Jekk l-applikant ikun stabbilit f’pajjiż terz, l-applikazzjoni għandha tiġi pproċessata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn it-trasportatur għandu l-ħsieb li jidħol għall-ewwel darba fit-territorju tal-Unjoni.

(6) L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li toħroġ l-ewwel ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ trasportatur għandha toħroġ ukoll iċ-ċertifikat l-ġdid f’każ ta’ modifika tad-dejta skont l-Artikolu 6.

(7) Fi żmien tmien ġimgħat mill-konferma tal-ħruġ tal-konferma tar-riċevuta tal-applikazzjoni l-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ trasportatur jekk tikkunsidra li l-informazzjoni sottomessa hija kompluta u li hija skont ir-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament, u tad-Direttiva 96/29/Euratom u d-Direttiva 2008/68/KE.

(8) Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ trasportatur għandu jinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness II u għandu jinħareġ fil-forma ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni standardizzat permezz tal-ESCReg.

(9) Kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ trasportatur għandha tiġi pprovduta awtomatikament permezz tal-ESCReg lill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri fejn it-trasportaturi għandhom il-ħsieb li joperaw.

(10) Jekk l-awtorità kompetenti tiċħad il-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ trasportatur abbażi tal-fatt li l-applikazzjoni ma tkunx kompluta jew ma tkunx konformi mar-rekwiżiti applikabbli, għandha twieġeb lill-applikant bil-miktub fi żmien tmien ġimgħat minn meta tkun ħarġet il-konferma tar-riċevuta. L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi dikjarazzjoni tar-raġunijiet taċ-ċaħda.

(11) Kopja taċ-ċaħda u dikjarazzjoni tar-raġunijiet għandhom jiġu pprovduti awtomatikament permezz tal-ESCReg lill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri fejn it-trasportaturi għandhom il-ħsieb li joperaw.

(12) F’każ ta’ ċaħda tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ trasportatur, l-applikant jista’ jressaq rikors skont ir-rekwiżiti legali nazzjonali applikabbli.

(13) Ċertifikat validu ta’ reġistrazzjoni għandu jiġi rikonoxxut mill-Istati Membri kollha.

(14) Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ trasportatur huwa validu għal perjodu ta’ ħames snin u jista’ jiġġedded wara applikazzjoni mit-trasportatur.

Artikolu 6 Modifika tad-dejta

(1) It-trasportatur għandu jkun responsabbli biex jiżgura li d-dejta pprovduta fil-formola tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Komunitarja tat-trasportaturi sottomessa lill-ESCReg tibqa’ eżatta.

(2) It-trasportatur għandu japplika għal ċertifikat ġdid fil-każ ta’ modifika tad-dejta inkluża fil-parti A tal-formola tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Komunitarja tat-trasportaturi.

Artikolu 7 Assigurazzjoni tal-konformità

(1) Jekk trasportatur ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun ġie skopert in-nuqqas ta' konformità għandha tapplika l-miżuri ta’ infurzar fi ħdan il-qafas legali ta’ dak l-Istat Membru, bħal notifiki bil-miktub, miżuri ta’ taħriġ u edukazzjoni, sospensjoni, revoka jew modifika tar-reġistrazzjoni jew prosekuzzjoni, skont kemm ikun sinifikanti mil-lat ta' sikurezza n-nuqqas ta' konformità u r-rekord tal-konformità tat-trasportatur.

(2) Din l-awtorità kompetenti għandha tikkomunika lit-trasportatur u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati fejn it-trasportatur kien qed jippjana li jittrasporta materjali radjuattivi, l-informazzjoni dwar l-azzjoni ta’ infurzar applikata u dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ dik l-azzjoni. Jekk it-trasportatur ma jikkonformax mal-azzjoni ta’ infurzar applikata skont il-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-uffiċċju prinċipali tat-trasportatur jew, jekk it-trasportatur ikun stabbilit f’pajjiż terz, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, fejn it-trasportatur kellu l-ħsieb li jidħol għall-ewwel darba fit-territorju tal-Komunità għandha tirrevoka r-reġistrazzjoni.

(3) L-awtorità kompetenti għandha tikkomunika lit-trasportatur u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra konċernati r-revoka flimkien ma’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet.

Artikolu 8 Awtoritajiet kompetenti u punt tal-kuntatt nazzjonali

(1) L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti u punt tal-kuntatt nazzjonali għat-trasport ta’ materjali radjuattivi.

(2) L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament l-isem(ismijiet), l-indirizz(i) u l-informazzjoni kollha neċessarja għal komunikazzjoni rapida mal-awtoritajiet kompetenti u mal-punt tal-kuntatt nazzjonali għat-trasport ta’ materjali radjuattivi, kif ukoll kwalunkwe bidla sussegwenti tat-tali dejta.

(3) Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni u kwalunkwe bidla fiha lill-awtoritajiet kompetenti kollha fil-Komunità permezz tal-ESCReg.

Artikolu 9 Kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw bil-għan li jiġu armonizzati r-rekwiżiti tagħhom għall-ħruġ ta’ reġistrazzjoni u biex jiżguraw l-applikazzjoni u l-infurzar armonizzati ta’ dan ir-Regolament.

Fejn hemm diversi awtoritajiet kompetenti fi ħdan Stat Membru, dawn għandhom jikkollaboraw u jikkooperaw mill-qrib abbażi ta’ ftehimiet legali jew formali bejniethom billi jkopru r-responsabbiltajiet ta’ kull awtorità. Dawn għandhom jikkomunikaw ma' xulxin u jipprovdu informazzjoni lil xulxin, lill-punt tal-kuntatt nazzjonali, u lill-organizzazzjonijiet oħra governattivi u mhux governattivi li għandhom responsabbiltajiet relatati.

Artikolu 10 Grupp ta’ esperti

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ esperti b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 135 tat-Trattat Euratom.

Il-grupp għandu jagħti pariri u jgħin lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha pprovduti f’dan ir-Regolament.

Il-grupp għandu jkun magħmul minn esperti nnominati mill-Istati Membri u esperti nnominati mill-Kummissjoni u għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

Artikolu 11 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President                                                                        […]

ANNESS I FORMOLA TAL-APPLIKAZZJONI GĦAR-REĠISTRAZZJONI KOMUNITARJA TAT-TRASPORTURI

JEKK JOGĦĠBOK IBGĦAT DIN L-APPLIKAZZJONI BILLI TUŻA BISS IL-WEBSAJT TAS-SISTEMA ELETTRONIKA SIKURA TAL-KUMMISSJONI EWROPEA GĦAR-REĠISTRAZZJONI TAT-TRASPORTATURI (ESCReg)

L-INFORMAZZJONI FIL-PARTI A HIJA SUĠĠETTA GĦAL REĠISTRAZZJONI ĠDIDA JEKK TINTALAB MODIFIKA.

L-informazzjoni Pprovduta f'din il-formola tal-applikazzjoni se tiġi proċessata mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-Regolament Euratom xxxxx

         ĊERTIFIKAT ĠDID TA’ REĠISTRAZZJONI

         MODIFIKA TA’ REĠISTRAZZJONI EŻISTENTI

         TIĠDID TA’ REĠISTRAZZJONI EŻISTENTI

Numru/i taċ-Ċertifikat tar-Reġistrazzjoni:

Jekk jogħġbok agħti d-dettalji għaliex qed tintalab varjazzjoni ta’ reġistrazzjoni eżistenti

1. IDENTIFIKAZZJONI TAL-APPLIKANT:

PARTI A || PARTI B

ISEM IL-KUMPANIJA: INDIRIZZ SĦIĦ: NUMRU TAR-REĠISTRAZZJONI NAZZJONALI: || 1. Isem, pożizzjoni, indirizz sħiħ, numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika tar-rappreżentant responsabbli tal-organizzazzjoni tat-trasportatur (persuna mogħtija s-setgħa sabiex tikkommetti lill-organizzazzjoni tat-trasportaturi): 2. Isem, pożizzjoni, indirizz sħiħ, numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika tal-persuna tal-kuntatt għall-awtoritajiet dwar kwistjonijiet tekniċi/amministrattivi (li hija responsabbli għall-konformità mar-regolamenti għall-attivitajiet mobilizzati mill-kumpanija tat-trasportatur): 3. Isem, pożizzjoni, indirizz sħiħ tal-konsulent tas-sikurezza (għal modi tat-trasport intern biss u jekk huma differenti minn 1 jew 2): 4. Isem, pożizzjoni u indirizz sħiħ tal-persuna responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Protezzjoni mir-Radjazzjoni jekk tkun differenti minn 1 jew 2 jew 3.

2. NATURA TAT-TRASPORT:

PARTI A || PARTI B

       TRIQ        FERROVIJA        ILMIJIET NAVIGABBLI INTERNI  || 1 Persunal involut u mħarreġ għat-trasport (informazzjoni)        1 sa 5          5 sa 10        10 sa 20                  >20 2 Settur tal-attività tat-trasport: deskrizzjoni ġenerali tan-natura tal-attivitajiet tat-trasport li għandhom jitwettqu (informazzjoni)  użu mediku  użu industrijal, użu f'ittestjar mhux distruttiv, riċerka          użu f'ċiklu tal-fjuwil nukleari             skart  oġġetti perikolużi ta’ konsegwenzi għoljin - materjali radjuattivi

3. KOPERTURA ĠEOGRAFIKA

Jekk jogħġbok immarka mil-lista ta’ hawn taħt dawk l-Istati Membri li fihom huwa ppjanat li jiġi ttrasportat il-materjal radjuattiv u agħżel in-natura tal-attività

Jekk attivitajiet huma mobilizzati wkoll fi Stati Membri għajr l-Istat Membru fejn saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, aktar dettalji speċifiċi għal kull pajjiż; jiġifieri tranżitu biss, jew postijiet ewlenin ta’ tagħbien/ħatt fi ħdan il-pajjiż partikolari; frekwenza:

PARTI A || PARTI B

L-Awstrija Il-Belġju Il-Bulgarija Ċipru Ir-Repubblika Ċeka Id-Danimarka L-Estonja Il-Finlandja Franza Il-Ġermanja Il-Greċja L-Ungerija L-Irlanda L-Italja Il-Latvja Il-Litwanja Il-Lussemburgu Malta Il-Pajjiżi l-Baxxi Il-Polanja Il-Portugall Ir-Rumanija Is-Slovakkja Is-Slovenja Spanja L-Isvezja Ir-Renju Unit ||  tranżitu  ħatt  tagħbien postijiet ewlenin tat-tagħbien: postijiet ewlenin tal-ħatt: frekwenza:  kuljum  kull ġimgħa  kull xahar  inqas frekwenti

4. TIP TA’ KONSENJI

Reġistrazzjoni ntalbet għal:

PARTI A TIP TA’ PAKKETT – Klassifikazzjoni skont it-TS-R-1 || PARTI B: Għadd stmat ta’ pakketti /sena

NU 2908 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TA’ EĊĊEZZJONI — PAKKETT VOJT NU 2909 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TA’ EĊĊEZZJONI — OĠĠETTI MANIFATTURATI MINN URANJU NATURALI jew URANJU MFAQQAR jew TORJU NATURALI NU 2910 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TA’ EĊĊEZZJONI — KWANTITÀ LIMITATA TA’ MATERJAL NU 2911 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TA’ EĊĊEZZJONI — STRUMENTI jew OĠĠETTI NU 2912 MATERJAL RADJUATTIV, ATTIVITÀ SPEĊIFIKA BAXXA (LSA-I), mhux fissili jew fissili ta’ eċċezzjoni NU 2913 MATERJAL RADJUATTIV, OĠĠETTI B’WIĊĊ KONTAMINAT (SCO-I jew SCO-II), mhux fissili jew fissili ta’ eċċezzjoni NU 2915 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TAT-TIP A, mingħajr forma speċjali, mhux fissili jew fissili ta’ eċċezzjoni NU 2916 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TAT-TIP B(U), mhux fissili jew fissili ta’ eċċezzjoni NU 2917 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TAT-TIP B(M), mhux fissili jew fissili ta’ eċċezzjoni NU 2919 MATERJAL RADJUATTIV, TRASPORTAT TAĦT FTEHIM SPEĊJALI, mhux fissili jew fissili ta’ eċċezzjoni NU 2977 MATERJAL RADJUATTIV, EŻAFLUWORUR TAL-URANJU, FISSILI NU 2978 MATERJAL RADJUATTIV, EŻAFLUWORUR TAL-URANJU, mhux fissili jew fissili ta’ eċċezzjoni NU 3321 MATERJAL RADJUATTIV, ATTIVITÀ SPEĊIFIKA BAXXA (LSA-II), mhux fissili jew fissili ta’ eċċezzjoni NU 3322 MATERJAL RADJUATTIV, ATTIVITÀ SPEĊIFIKA BAXXA (LSA-III), mhux fissili jew fissili ta’ eċċezzjoni NU 3323 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TAT-TIP C, mhux fissili jew fissili ta’ eċċezzjoni NU 3324 MATERJAL RADJUATTIV, ATTIVITÀ SPEĊIFIKA BAXXA (LSA-II), FISSILI NU 3325 MATERJAL RADJUATTIV, ATTIVITÀ SPEĊIFIKA BAXXA (LSA-III), FISSILI NU 3326 MATERJAL RADJUATTIV, OĠĠETTI B’WIĊĊ KONTAMINAT (SCO-I jew SCO-II), FISSILI NU 3327 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TAT-TIP A, FISSILI, mingħajr forma speċjali NU 3328 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TAT-TIP B(U), FISSILI NU 3329 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TAT-TIP B(M), FISSILI NU 3330 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TAT-TIP C, FISSILI NU 3331 MATERJAL RADJUATTIV, TRASPORTAT TAĦT FTEHIM SPEĊJALI, FISSILI NU 3332 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TAT-TIP A, B’FORMA SPEĊJALI, mhux fissili jew fissili ta’ eċċezzjoni NU 3333 MATERJAL RADJUATTIV, PAKKETT TAT-TIP A, B’FORMA SPEĊJALI, FISSILI ||

5. PROGRAMM TA’ PROTEZZJONI MIR-RADJAZZJONI (RPP)

PARTI A: Meta nimmarka din il-kaxxa: Jiena niddikjara li aħna għandna RPP li hu implimentat kompletament u applikat b'mod strett || PARTI B: Referenza u data tad-dokument li jiddeskrivi l-RPP Upload tal-RPP

6. PROGRAMM TA’ ASSIGURAZZJONI TAL-KWALITÀ (QAP)

Dan il-QAP għandu jkun disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtorità kompetenti (skont l-Artikolu 1.7.3 tal-ADR)

PARTI A: Meta nimmarka din il-kaxxa: Jiena niddikjara li aħna għandna QAP li hu implimentat kompletament u applikat b'mod strett || PARTI B: Referenza u data tad-dokument  ISO 9002

7. DIKJARAZZJONI

 Jiena, it-trasportatur, qiegħed hawnhekk niċċertifika li jiena nikkonforma mar-regolamenti internazzjonali, komunitarji u nazzjonali kollha relatati mat-trasport ta’ materjali radjuattivi.

 Jiena, it-trasportatur, qiegħed hawnhekk niċċertifika li l-informazzjoni inkluża f’din il-formola hija korretta.

Data ………..            Isem ………..……..    Firma………  

ANNESS II ĊERTIFIKAT ELETTRONIKU TA’ REĠISTRAZZJONI TA’ TRASPORTATURI GĦAT-TRASPORT TA’ MATERJAL RADJUATTIV

NOTA:

KOPJA TA’ DAN IĊ-ĊERTIFIKAT TA’ REĠISTRAZZJONI GĦANDHA TAKKUMPANJA KULL TRASPORT LI JAQA’ TAĦT IL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TA' DAN IR-REGOLAMENT.

Dan iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni qed jinħareġ skont ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) xxxxx

Dan iċ-ċertifikat ma jeżonorax lit-trasportatur mill-konformità mar-regolamenti tat-trasport applikabbli l-oħra.

1) NUMRU TAR-REFERENZA TAR-REĠISTRAZZJONI: BE/ xxxx / jj-xx-ssss

2) ISEM L-AWTORITÀ / PAJJIŻ:

3) ISEM IL-KUMPANIJA & INDIRIZZ

4) MOD TAT-TRASPORT:

       TRIQ        FERROVIJA        ILMIJIET NAVIGABBLI INTERNI

7) STATI MEMBRI fejn iċ-ċertifikat huwa applikabbli

8) TIP TA’ PAKKETT– NUMRU tan-NU (ara l-anness 1- l-istess format)

9) DATA

FIRMA ELETTRONIKA

PERJODU TA’ VALIDITÀ : DATA + 5 snin

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI JKOLLHOM IMPATT BAĠITARJU LIMITAT ESKLUSSIVAMENT GĦAN-NAĦA TAD-DĦUL

1.           ISEM IL-PROPOSTA:

Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja għar-Reġistrazzjoni tat-trasportaturi ta’ materjali radjuattivi

2.           LINJI BAĠITARJI:

Kapitolu u Artikolu: 320102110005 - (E)-Développement système IT

Ammont ibbaġitjat għas-sena konċernata: EUR 350000

3.           IMPATT FINANZJARJU

¨      Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

¨      Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej:

(miljuni ta' EUR imqarrba sa post deċimali wieħed)

|| ||

Linja baġitarja || Dħul || Perjodu ta’ 12-il xahar, li jibda minn jj/xx/ssss || [Sena n]

Artikolu 4 || || || 0.35

Sitwazzjoni wara azzjoni

|| [n+1] || [n+2] || [n+3] || [n+4] || [n+5]

Artikolu 4 || 0.05 || 0.05 || 0.05 || 0.05 || 0.05

4.           MIŻURI KONTRA L-FRODI

5.           RIMARKI OĦRA

[1]               ĠU C , , p. .

[2]               ĠU C , , p. .

[3]               ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.

[4]               ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4.

[5]               ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10.

[6]               ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.

[7]               ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet