52011PC0510


Titolu u referenza

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea

/* KUMM/2011/0510 finali - 2011/0183 (CNS) */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. INTRODUZZJONI – GħALIEX HIJA MEħTIEġA R-RIFORMA

1.1. Is-sistema tal-finanzjament tal-UE għadda żmienha

Is-sistema tal-finanzjament tal-UE evolviet b'mod konsiderevoli mill-1957 'l hawn. Għall-bidu serrħet l-aktar fuq il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri. Mill-1970 'l hawn, iddaħħlet sistema ta' riżorsi proprji li tiżgura l-awtonomija tal-finanzi tal-UE. Għall-bidu din kienet imsejsa fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali li kellhom rabta mal-linji politiċi tal-UE, iżda l-iżvilupp progressiv tar-riżorsi proprji msejsin fuq il-VAT u fuq l-ING fissru ċaqliqa lejn finanzjament imsejjes l-aktar fuq l-aggregati statistiċi, li ma juru l-ebda rabta mal-prijoritajiet tal-linji politiċi tal-UE.

B'mod parallel mal-evoluzzjoni fil-mod kif inhuma magħmulin ir-riżorsi proprji, iddaħħlu għadd ta' mekkaniżmi korrettivi msejsin fuq prinċipji ffissati fil-Laqgħa Għolja Ewropea li saret f'Fontainebleau f'Ġunju 1984. B'mod partikulari, " kwalunkwe Stat Membru li jkollu piż baġitarju li jkun eċċessiv meta mqabbel mal-ġid relattiv tiegħu jista' jgawdi minn korezzjoni fiż-żmien opportun ". Dawn il-mekkaniżmi huma damma ta' miżuri diversi, li jirriżultaw minn negozjati suċċessivi li kellhom it-tendenza li jżidu miżuri ġodda mal-korp ta' korrezzjonijiet eżistenti.

Ir-rapport dwar it-tħaddim tas-sistema tar-riżorsi proprji[1] juri li s-sistema ta' finanzjament ta' bħalissa tagħti riżultati fqar fir-rigward tal-biċċa l-kbira tal-kriterji tal-valutazzjoni. Is-sistema tal-finanzjament mhix trasparenti biżżejjed u tant hija kumplessa li huma biss għadd żgħir ta' speċjalisti li jifhmu għal kollox kif taħdem. Dan jillimita s-superviżjoni demokratika tas-sistema. Barra minn dan, l-Istati Membri jipperċepixxu s-sistema bħala waħda inġusta. Kontributuri kbar għall-baġit iqisu li l-kontribuzzjonijiet netti tagħhom huma għoljin wisq, filwaqt li għadd ta' Stati Membri li jgawdu mil-linji politiċi dwar ir-ridistribuzzjoni, bħall-koeżjoni, qed iħabbtu wiċċhom ma' żidiet fil-kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-UE biex jiġu ffinanzjati l-mekkaniżmi ta' korrezzjoni.

Aktar importanti minn hekk, x'aktarx, huwa l-fatt li l-mod kif qed jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE – b'ħafna politiċi nazzjonali jqisu l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri lill-UE sempliċiment bħala nefqiet – inevitabbilment joħloq tensjoni li tavvelena kull dibattitu dwar il-Baġit tal-UE. L-iżvilupp progressiv tal-mekkaniżmi tal-korrezzjoni hu biss sintomu wieħed ta' din il-problema. Il-pressjoni biex jiġu ddeterminati minn qabel l-allokazzjonijiet nazzjonali huwa ieħor. L-iffukar dejjem jiżdied fuq mod dejjaq kif issir il-kontabilità, bl-objettiv ewlieni li nimmassimizzaw ir-redditu, mhux biss ilewwen lid-dibattiti pubbliċi dwar il-valur tal-infiq. Iwassal ukoll biex xi nies jiddubitaw mill-benefiċċji tas-sħubija nnifisha fl-UE.

Id-diffikultajiet li ltqajna magħhom biex intlaħqu ftehimiet dwar kwistjonijiet baġitarji fl-UE fis-seklu 21 huma parzjalment ir-riżultat tal-organizzazzjoni inadegwata tal-finanzi pubbliċi tal-UE. Għal bosta snin, il-finanzjament tal-UE kien primarjament ittrattat bħala mekkaniżmu ta' kontabilità b'żewġ objettivi ewlenin: li jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed finanzjament tan-nefqiet tal-UE u li jiġu inkorporati l-għadd dejjem jiżdied ta' mekkaniżmi ta' korrezzjoni. Kif ġie spjegat hawn fuq, dan il-mod ta' kif isiru l-affarijiet wasal sal-limiti tiegħu. Issa huwa ż-żmien li nikkunsidraw metodu differenti għall-finanzjament tal-UE.

1.2. Paradigma ġdida għall-finanzjament tal-UE

L-isfidi konsiderevoli li jeżistu fil-qasam tal-finanzi pubbliċi u l-prijoritajiet li qed jitfaċċaw jaffettwaw lill-kunċetti relatati mal-bbaġit tal-UE li rabbew għeruq sodi. Qed titfaċċa paradigma ġdida għall-finanzjament tal-UE, u hija msejsa fuq żewġ pilastri.

L-ewwel nett, is-sistema tal-finanzjament tal-UE jista' jkollha sehem sostanzjali fl-isforzi li qed isiru madwar l-Unjoni kollha kemm hi biex jiġi kkonsolidat il-baġit. Sal-2010, wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija, id-defiċit annwali totali tas-27 Stat Membru tal-UE kien stmat li jammonta għal EUR 826.9 biljun[2]. Id-defiċits pubbliċi f'diversi mill-ikbar Stati Membri kienu fil-fatt ikbar mid-daqs tal-baġit tal-UE kollu kemm hu. Dawn l-aħħar xhur enfasizzaw id-diffikultajiet persistenti li jħabbtu wiċċhom magħhom għadd ta' Stati Membri. L-isforzi biex jiġi kkonsolidat il-baġit se jsiru aktar diffiċli minħabba l-kost tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu[3] u sfidi oħrajn, bħat-tibdil fil-klima. F'dan il-kuntest, ħames kapijiet ta' Stati jew gvernijiet saħqu li "il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss se jiġi hekk kif l-Istati Membri jagħmlu sforzi straordinarji biex inaddfu l-finanzi pubbliċi"[4].

Aktar rinfurzar tad-dixxiplina baġitarja fil-livell tal-UE se jaffettwa l-aspetti kollha tal-baġit tal-UE, mhux biss in-nefqiet tal-UE iżda wkoll l-introjti tal-UE. L-iżviluppar tas-sistema tar-riżorsi proprji se jikkontribwixxi għall-isforzi usa' tal-Istati Membri biex jiġi kkonsolidat il-baġit. L-introduzzjoni progressiva ta' riżorsi ġodda tiftaħ il-bieb biex riżorsi oħrajn jitnaqqsu, jitħallew jispiċċaw bil-ftit il-ftit jew jinqatgħu. B'riżultat ta' dan il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE se jiċkienu u l-Istati Membri se jkollhom grad addizzjonali ta' libertà fl-immaniġġjar ta' riżorsi nazzjonali skarsi. Kif indikat fir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE, l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda "mhix argument dwar id-daqs tal-baġit – hija dibattitu dwar it-taħlita t-tajba ta' riżorsi"[5].

It-tieni nett, ħlief għar-riżorsi proprji tradizzjonali (prinċipalment id-dazji doganali li joriġinaw mill-unjoni doganali), ir-riżorsi tal-UE bħalissa ma jixhdu l-ebda rabta mal-objettivi tal-linji politiċi tal-UE, u lanqas ma jsostnuhom. Minkejja dan, kif indikat fir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE, l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda tista' "tirrifletti ċ-ċaqliqa progressiva tal-istruttura tal-baġit lejn linji politiċi eqreb lejn iċ-ċittadini u timmira lejn sitwazzjoni fejn ikun hemm beni pubbliċi tal-UE u valur miżjud ogħla tal-UE. Hija tista' tappoġġa l-kisba ta' objettivi importanti tal-linji politiċi tal-UE jew internazzjonali, ngħidu aħna b'rabta mal-iżvilupp, it-tibdil fil-klima jew is-swieq finanzjarji – u tkun marbuta mill-qrib magħha.

Jistgħu jiġu żviluppati flussi ġodda ta' introjti biex nieħdu vantaġġ mill-mod supranazzjonali ta' kif isiru l-affarijiet u mill-massa kritika li tista' tinkiseb fil-livell tal-UE. Fejn il-mobbiltà ta' xi bażijiet tat-taxxa hija għolja wisq biex tippermetti li tittieħed azzjoni effettiva mill-Istati Membri waħedhom, jew fejn azzjonijiet limitati meħudin minn xi Stati Membri iżda mhux minn oħrajn joħolqu frammentazzjoni tas-suq intern, azzjoni min-naħa tal-UE tista' żżid il-valur. It-tassazzjoni tas-settur finanzjarju hija partikularment rilevanti f'dan ir-rigward. Fil-komunikazzjoni li ħarġet f'Ottubru 2010 dwar it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju l-Kummissjoni indikat li taxxi ġodda għas-settur finanzjarju "jistgħu jgħinu biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal aktar tkabbir sostenibbli, kif previst fl-istarteġija Ewropa 2020"[6]. Fil-ħarifa l-Kummissjoni ħabbret proposta leġiżlattiva għal taxxa tal-UE fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, jekk is-sistema tal-VAT tiġi żviluppata aktar fil-kuntest ta' riżorsa proprja ġdida, dan jista' wkoll isaħħaħ is-suq intern u jwassal għal kisbiet fl-effiċjenza ekonomika.

It-tiswir mill-ġdid tas-sisien tas-sistema tal-finanzjament tal-UE se tiġġenera dibattitu dwar l-inċidenza tar-riżorsi speċifiċi, lil hinn mil-lenti tal-kontabilità, li hija ristretta għall-kalkoli tal-bilanċi netti.

Fl-istess ħin, jeħtieġ li jinżammu l-elementi importanti tas-sistema ta' bħalissa tal-finanzjament, bħar-riżorsi proprji tradizzjonali u riżorsa proprja residwa msejsa fuq l-ING, li jippermettu stabbiltà baġitarja u baġit ibbilanċjat. Iżda dan tal-aħħar jista' jinkiseb b'riżorsa proprja residwa msejsa fuq l-ING u b'taħlita fundamentalment differenti ta' riżorsi.

1.3. It-Trattat ta' Lisbona joħloq qafas legali ġdid

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) introduċa bidliet importanti, mhux biss għall-proċedura baġitarja tal-UE iżda wkoll għall-mod kif jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE. Hemm żewġ dispożizzjonijiet tat-trattat li f'dan il-kuntest jixirqilhom attenzjoni partikulari:

1. L-Artikolu 311(3) TFUE issa jipprovdi li l-Kunsill "jista' jistabbilixxi kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji jew jabolixxi kategorija eżistenti" fil-kuntest ta' Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji. Dan jiftaħ il-bieb għat-tnaqqis tal-għadd ta' riżorsi proprji eżistenti u għall-ħolqien ta' oħrajn ġodda.

2. L-Artikolu 311(4) TFUE jipprovdi, minn mindu daħal fis-seħħ m'ilux, li l-"Kunsill, li jaġixxi permezz ta' regolament skont il-proċedura leġislattiva speċjali, għandu jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni safejn dan ikun previst fid-Deċiżjoni [dwar ir-riżorsi proprji]". Din id-dispożizzjoni tintroduċi l-possibbiltà li jiġu ddefiniti miżuri speċifiċi ta' implimentazzjoni relatati mas-sistema tar-riżorsi proprji f'regolament ta' implimentazzjoni fil-limiti stabbiliti mid-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji.

Il-proposti tal-Kummissjoni jagħmlu użu sħiħ minn dawn il-possibbiltajiet ġodda billi jipproponu l-eliminazzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u l-ħolqien ta' riżorsi proprji ġodda, u billi jipproponu organizzazzjoni ġdida tal-miżuri ta' implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji.

L-opportunità offruta minn dan il-qafas ġdid ittieħdet biex is-sistema ssir waħda biżżejjed flessibbli fil-qafas u fil-limiti stabbiliti mid-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji billi tpoġġi l-arranġamenti prattiċi kollha għar-riżorsi tal-Unjoni li jeħtieġ li jiġu rregolati minn proċedura aktar simplifikata f'regolament ta' implimentazzjoni minflok fid-Deċiżjoni nnifisha. Dawn il-proposti jirriflettu l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur kif espressi fil-Konvenzjoni dwar il-futur tal-Ewropa u kif approvati mill-konferenza intergovernamentali sussegwenti.

2. TLIET PROPOSTI – DEċIżJONI WAħDA

Id-Deċiżjoni proposta dwar ir-riżorsi proprji fiha tliet elementi ewlenin: is-simplifikazzjoni tal-kontrubuzzjonijiet tal-Istati Membri, l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda u r-riforma tal-mekkaniżmi ta' korrezzjoni. Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar it-tħaddim tas-sistema tar-riżorsi proprji jitfa' enfasi fuq kif kull waħda minn dawn il-proposti tirrelata mal-bqija u fuq kif tikkumplimentahom. Meta wieħed jeħodhom flimkien, dawn il-proposti jikkostitwixxu pakkett bilanċjat li wieħed irid iħares lejh bħala xi ħaġa sħiħa fil-kuntest ta' deċiżjoni waħda.

2.1. Nissimplifikaw il-kontribuzzjoni tal-Istati Membri

Il-Kummissjoni tipproponi li r-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT titneħħa hekk kif jiddaħħlu riżorsi proprji ġodda. Dan huwa konformi mal-fehmiet espressi mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-UE fil-konsultazzjonijiet li saru b'rabta mar-Reviżjoni tal-Baġit.

Ir-riżorsa proprja eżistenti bbażata fuq il-VAT hija kumplessa, tirrikjedi ħafna xogħol amministrattiv biex wieħed jasal għal bażi armonizzata, u toffri ftit li xejn, jew xejn, valur miżjud meta mqabbla ma' riżorsa proprja bbażata fuq l-ING. It-twarrib tagħha se jissimplifika b'mod konsiderevoli l-kontribuzzjonijiet nazzjonali u se jnaqqas il-piż amministrattiv kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri.

Meta wieħed iqis il-kumplessitajiet amministrattivi marbutin ma' din ir-riżorsa proprja u r-rati baxxi ta' ġbir ta' bħalissa, it-tneħħija tagħha bil-ftit il-ftit tkun inqas effiċjenti minn eliminazzjoni f'daqqa tagħha f'data partikulari. Għalhekk, qed jiġi propost li din ir-riżorsa tiġi abolita fil-31 ta' Diċembru 2013. Kemm-il darba d-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ aktar tard, din id-dispożizzjoni tiġi ippromulgata fuq bażi retroattiva, skont prattika komuni li ntużat fir-reviżjonijiet passati tad-deċiżjonijiet dwar ir-riżorsi proprji. L-Użu ta l-31 ta' Diċembru bħala l-punt tat-tmiem jevita l-kalkolu tar-riżorsa għal frazzjoni ta' sena partikulari.

Wara t-tmiem tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, se jkun hemm bżonn li jsir aktar xogħol: li jiġu mmaniġġati d-dikjarazzjonjiet annwali tal-VAT għas-sena ta' qabel it-tmiem tar-riżorsa, li jsir l-eżerċizzju annwali tal-bilanċ tal-VAT, li jsiru l-kontrolli sabiex tingħata garanzija dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli, li jitlesta ċ-ċiklu tas-superviżjoni, li jiġu mmaniġġati r-riservi, il-każijiet ta' ksur tar-regoli, il-korrezzjonijiet u r-rikonċiljazzjonijiet tal-kontabbiltà pendenti. L-estinzjoni aħħarija tal-attivitajiet kollha relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT se tieħu diversi snin.

2.2. L-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda

Il-Kummissjoni identifikat sitt kandidati potenzjali bħala riżorsi proprji fir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE. Dawn kienu suġġetti għal analiżi bir-reqqa, li kienet tinkludi b'mod partikulari l-kriterji ta' valutazzjoni stabbiliti fir-Reviżjoni tal-Baġit.

Din l-analiżi tefgħat enfasi fuq l-elementi ewlenin li ġejjin:

3. It-tassazzjoni fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) tista' tikkostitwixxi fluss ġdid ta' introjtu, li jista' jnaqqas il-kontribuzzjonijiet eżistenti tal-Istati Membri, jagħti lill-Istati Membri aktar spazju biex jimmanuvraw u jikkontribwixxu għall-isforz ġenerali għall-konsolidazzjoni tal-baġit. Għalkemm xi forma ta' tassazzjoni fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji teżisti diġà f'għadd limitat ta' Stati Membri, l-analiżi għamlitha ċara wkoll li azzjoni fil-livell tal-UE tista' tkun kemm aktar effettiva kif ukoll aktar effiċjenti minn azzjoni mhux ikkordinata mill-Istati Membri, meta wieħed iżomm quddiem għajnejh il-livell ta' attività transkonfinali u l-mobbiltà kbira tal-bażijiet għat-taxxa. Barra minn hekk, din jista' jkollha rwol fit-tnaqqis tal-frammentazzjoni eżistenti tas-suq intern. Għalhekk, fil-ħarifa tal-2011 il-Kummissjoni se tippreżenta proposta għal taxxa tal-UE fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji li tkun tista' tinġabar fil-livell tal-UE tnaqqas il-problemi ta' juste retour li ġew osservati fis-sistema ta' bħalissa. L-inizjattiva tal-UE se tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn l-applikazzjoni tat-TTF fil-livell globali.

4. L-iżvilupp ta' riżorsa ġdida tal-VAT iġġib impetus ġdid fl-iżvilupp tas-suq intern billi ssaħħaħ l-armonizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali tal-VAT. Ir-riżorsa ġdida tal-VAT tkun aspett wieħed ta' sistema tal-VAT riveduta b'mod li jidher ċar fl-UE wara l-ħruġ tal-Green Paper dwar il-futur tal-VAT. L-inizjattiva l-ġdida se tinkludi l-eliminazzjoni ta' għadd ta' eżenzjonijiet jew eċċezzjonijiet li huma ta' detriment għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern kif ukoll miżuri biex jitnaqqas il-frodi tal-VAT fl-UE.

5. L-analiżi uriet li dawn ir-riżorsi proprji jistgħu jiddaħħlu fil-livell tal-UE fil-perjodu bejn l-2014 u l-2020 wara perjodu xieraq ta' tħejjija teknika. It-tagħqid ta' dawn ir-riżorsi flimkien iġib miegħu vantaġġi addizzjonali meta mqabbel mal-introduzzjoni ta' riżorsa proprja ġdida waħda biss. Dan ikun jiżgura tqassim ġust tal-impatt fid-diversi Stati Membri u l-massa kritika meħtieġa biex il-kontribuzzjonijiet eżistenti tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE jitnaqqsu sostanzjalment.

Fuq il-bażi tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni tipproponi l-introduzzjoni ta' riżorsa proprja ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018 u ta' riżorsa ġdida tal-VAT mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018. Iż-żmien meta jiddaħħlu dawn ir-riżorsi proprji ġodda jirrifletti ż-żmien meħtieġ biex jitlesta l-qafas legali, u biex tiġi adottata u implimentata l-leġiżlazzjoni rilevanti. Il-Kummissjoni se tippreżenta r-regolamenti jew emendi ddettaljati rilevanti għall-atti legali eżistenti, kfi ukoll ir-regolamenti ta' implimentazzjoni relatati, skont l-Artikolu 322(2) TFUE sa tmiem l-2011.

L-impatt li hu stmat li se jkun hemm fuq l-istruttura tar-riżorsi proprji huwa ppreżentat fil-qosor fit-tabella hawn taħt. Din turi ċ-ċaqliqa mill-kontribuzzjonijiet nazzjonali eżistenti għar-riżorsi proprji l-ġodda. Ir-riżorsi proprji l-ġodda jkunu jiffinanzjaw madwar 40% tan-nefqiet tal-UE. Ir-riżorsi proprji tradizzjonali jkunu jirrappreżentaw qrib l-20% tat-total. Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING tibqa' l-aktar riżorsa individwali importanti, u tiffinanzja madwar 40% tal-baġit.

Kif inhu stmat li se tevolvi l-istruttura tal-finanzjament tal-UE (2012-2020)

Abbozz tal-baġit 2012 | 2020 |

EUR biljun | % tar-riżorsi proprji | EUR biljun | % tar-riżorsi proprji |

Ir-riżorsi proprji tradizzjonali | 19.3 | 14.7 | 30.7 | 18.9 |

Il-kontribuzzjonijiet nazzjonali eżistenti li minnhom | 111.8 | 85.3 | 65.6 | 40.3 |

Riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT | 14.5 | 11.1 | - | - |

Riżorsa proprja bbażata fuq il-GNI | 97.3 | 74.2 | 65.6 | 40.3 |

Riżorsi proprji ġodda li minnhom | - | - | 66.3 | 40.8 |

Riżorsa ġdida tal-VAT | - | - | 29.4 | 18.1 |

Taxxa tal-UE fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji | - | - | 37.0 | 22.7 |

Riżorsi proprji totali | 131.1 | 100.0 | 162.7 | 100.0 |

2.3. Ir-riforma tal-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni

Il-Kunsill Ewropew ta' Fontainebleau tal-1984 stabbilixxa prinċipji gwida importanti sabiex tiġi ggarantita l-ġustizzja fil-baġit tal-UE. B'mod partikulari, dak il-Kunsill indika li "l-linja politika dwar l-infiq hija fl-aħħar mill-aħħar il-mezz essenzjali biex tiġi solvuta l-kwistjoni tal-iżbilanċi baġitarji". Minkejja dan, huwa rrikonoxxa li "kwalunkwe Stat Membru li jkollu piż baġitarju li jkun eċċessiv meta mqabbel mal-ġid relattiv tiegħu jista' jgawdi minn korezzjoni fiż-żmien opportun".

Dawn il-prinċipji ġew ikkonfermati u ġew applikati konsistentement f'Deċiżjonijiet suċċessivi dwar ir-riżorsi proprji. Illum il-ġurnata, huma erbgħa l-Istati Membri li ngħatawlhom mekkaniżmi temporanji tal-korrezzjoni, iżda dawn se jintemmu fl-2013. Il-korrezzjoni mogħtja lir-Renju Unit u t-tnaqqis mogħti fuq il-finanzjament tagħha lil erba' Stati Membri (il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja), kif ukoll il-korrezzjoni moħbija li tikkonsisti fiż-żamma, permezz tal-ispejjeż tal-ġbir, ta' 25% tal-ammonti miġburin mill-Istati Membri għar-riżorsi proprji tradizzjonali, se jibqgħu japplikaw sakemmm tidħol fis-seħħ Deċiżjoni ġdida dwar ir-riżorsi proprji. Fil-kuntest ta' din ir-reviżjoni profonda tal-finanzjament tal-UE, jeħtieġ li nagħtu ħarsa mill-ġdid lejn dawn il-mekkaniżmi tal-korrezzjoni.

Mill-analiżi tas-sistema ta' bħalissa joħorġu żewġ lezzjonijiet importanti:

L-ewwel nett, is-sitwazzjoni oġġettiva ta' għadd ta' Stati Membri evolviet bis-saħħa matul iż-żmien. Dan irid ikun rifless kif għandu jkun fis-sistema tal-korrezzjonijiet.

Fuq il-bażi tal-prinċipji ta' Fontainebleau, il-korrezzjoni tar-Renju Unit ġiet iġġustfikata għal kollox meta ġiet stabbilita fl-1984. Dak iż-żmien ir-Renju Unit, li kien wieħed mill-ifqar Stati Membri, kien wieħed mill-akbar kontributuri netti għall-baġit tal-UE, li kien jikkonsisti l-aktar f'nefqa agrikola. Huwa kkontribwixxa ammont relattivament kbir għal sistema ta' finanzjament tal-UE li kienet tiddependi bil-kbir fuq ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, li l-bażi għaliha kienet partikularment kbira fir-Renju Unit.

Il-kundizzjonijiet oġġettivi li jirfdu l-mekkaniżmi ta' bħalissa tal-korrezzjoni evolvew konsiderevolment mill-1984 'l hawn. Il-proprozjon tal-PAK fil-baġit tal-UE u l-finanzjament ibbażat fuq il-VAT naqsu b'mod konsiderevoli. L-aktar importanti, illum il-ġurnata r-Renju Unit huwa wieħed mill-aktar Stati Membri għonja tal-UE. Fuq il-bażi ta' dawn l-elementi u ta' valutazzjoni tal-piż baġitarju u tal-ġid relattiv tar-Renju Unit meta mqabbel ma' dak ta' Stati Membri oħrajn, jeħtieġ li l-korrezzjoni tar-Renju Unit tiġi vvalutata mill-ġdid.

Kif evolvew il-parametri ewlenin (1984-2011)

1984 | 2005 | 2011 |

Proporzjon tal-PAK fil-baġit (% tat-total) | 69% | 50% | 44% |

Kontribuzzjoni bbażata fuq il-VAT (% tat-total) | 57% | 16% | 11% |

Il-ġid tar-Renju Unit (ING per capita PPS) | 93% tal-EU-10 | 117% tal-EU-25 | 111% tal-EU-27 |

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, DĠ Baġit

Fuq il-bażi tal-qafas finanzjarju 2014-2020 propost mill-Kummissjoni[7] u anki jekk il-kost kollu kemm hu tat-tkabbir jitħalla jinqasam b'mod ġust fost l-Istati Membri li huma aktar għonja mill-oħrajn, jidher li għadd limitat ta' Stati Membri, inkluż ir-Renju Unit, xorta waħda jibqgħu jħabbtu wiċċhom ma' piż baġitarju li jista' jitqies eċċessiv meta mqabbel mal-ġid relattiv tagħhom.

Għalhekk, din id-Deċiżjoni tipproponi l-inklużjoni ta' korrezzjonijiet temporanji favur il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u r-Renju Unit mill-2014 'il quddiem. Dawn il-korrezzjonijiet iridu jirriflettu, inter alia, l-iżviluppi importanti fil-finanzjament tal-UE stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, l-evoluzzjoni tan-nefqa proposta fil-qafas finanzjarju inkluża t-tlestija tal-introduzzjoni progressiva tan-nefqa f'dawk l-Istati Membri li daħlu fl-UE fl-2004 u fl-2007, u l-livell għoli ta' prosperità miksub mill-Istati Membri msemmijin hawn fuq.

It-tieni nett, is-sistema l-ġdida ta' korrezzjoni trid tkun trasparenti u sempliċi, miftuħa b'mod ġenwin għall-iskrutinju tal-pubbliku u għal dak parlamentari, prevedibbli u effiċjenti. Trid ukoll tkun tiżgura li jkun hemm trattament indaqs tal-Istati Membri.

Kif inhi kkalkulata llum il-ġurnata, il-korrezzjoni tar-Renju Unit hija mekkaniżmu kumpless għall-aħħar. Hija tinkorpora inċentivi ekonomiċi intrinsikament perversi, mhux l-inqas fost dawn l-ikkanċellar awtomatiku (permezz ta' tnaqqis fil-korrezzjoni) ta' għajnuna mħallsa mill-UE lir-Renju Unit, ngħidu aħna meta jseħħu katastrofijiet, bħall-għargħar. Hija wkoll il-bażi tat-tnaqqis fil-finanzjament tal-korrezzjoni tar-Renju Unit għall-Ġermanja, għall-Pajjiżi l-baxxi u għall-Isvezja. Bl-eliminazzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, xi dejta li hija essenzjali għall-kalkolu tal-korrezzjoni tar-Renju Unit mhix se tibqa' disponibbli, u dan idaħħal argument tekniku favur reviżjoni fil-fond tal-mekkaniżmu.

Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi sistema ġdida ta' somma f'daqqa biex tieħu post il-mekkaniżmi preeżistenti ta' korrezzjoni kollha mill-1 ta' Jannar 2014 'il quddiem. It-trasformazzjoni tal-korrezzjonijiet ta' bħalissa għal tnaqqis gross b'somma f'daqqa fuq il-pagamenti tal-ING toffri vantaġġi ċari meta mqabbla ma’ kwalunkwe formula alternattiva, inkluża mekkaniżmu ġeneralizzat tal-korrezzjoni kif ipproponiet il-Kummissjoni fl-2004[8]. L-ammonti tas-somom f'daqqa huma bbażati fuq is-suppożizzjonijiet ta' bħalissa, irrispettivament mill-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda.

L-aġġornamenti għall-korrezzjonijiet tar-Renju Unit tal-2010, l-2011 u l-2012 se jiġu ttrattati skont is-sistema l-antika għal raġunijiet ta' koerenza u ta' kontinwità, iżda l-korrezzjoni tar-Renju Unit għall-2013, li kellha tiġi bbbaġitjata fl-2014, se tinbidel bis-sistema ġdida ta' korrezzjonijiet permezz ta' somma f'daqqa. Dawn il-korrezzjonijiet se jiġu ffinanzjati b'mod ġust u trasparenti, fejn kull Stat Membru jikkontribwixxi skont il-ġid relattiv tiegħu (iddefinit permezz tal-ING tiegħu bil-prezz tas-suq).

Fl-istess spirtu ta' trasparenza u ġustizzja, il-Kummissjoni tipproponi l-eliminazzjoni tal-korrezzjoni moħbija li tikkonsisti fiż-żamma, permezz tal-ispejjeż tal-ġbir, ta' 25% tal-ammonti miġburin mill-Istati Membri għar-riżorsi proprji tradizzjonali. Meta wieħed iqis il-proposta biex il-korrezzjonijiet jiġu inkorporati f'somom f'daqqa, iż-żamma għandha tiġi limitata għal 10%, skont is-sistemi li kien hemm sal-2000.

3. IL-PAKKETT TAR-RIżORSI PROPRJI

3.1. L-istrumenti legali

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "TFUE") fih id-dispożizzjonijiet li jirfdu s-sistema tal-finanzjament tal-UE u, b'mod partikulari, ir-riżorsi proprji tagħha. It-Trattat jikkonferma l-irwol ewlieni tad-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji, li għandha tinkludi l-elementi prinċipali tas-sistema.

It-TFUE jinkludi wkoll żewġ dispożizzjonijiet rigward l-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet dwar ir-riżorsi proprji, minflok il-waħda li kien hemm fit-Trattat ta' qablu dwar il-Komunità Ewropea.

6. L-Artikolu 311(4) TFUE jippovdi, minn mindu daħal fis-seħħ m'ilux, li l-"Kunsill, li jaġixxi permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandu jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni safejn dan ikun previst fid-Deċiżjoni [dwar ir-riżorsi proprji]". Il-Kunsill għandu jaġixxi wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew".

7. L-Artikolu 322(2) TFUE jipprovdi li l-"Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Qorti ta' l-Awdituri, għandu jiffissa l-modalità u jistabbilixxi l-proċeduri dwar kif id-dħul mill-estimi kif previsti fl-arranġamenti li għandhom x’jaqsmu mar-riżorsi ta' l-Unjoni jkun disponibbli għall-Kummissjoni, u jiddetermina l-miżuri li għandhom jiġu applikati, jekk meħtieġa, sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet finanzjarji".

Il-miżuri ta' implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji għalhekk jirriżultaw minn żewġ artikoli tat-TFUE u għandhom proċeduri differenti biex jiġu adottati: l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew hija meħtieġa biex jiġu adottati miżuri li jsiru skont l-Artikolu 311(4) TFUE u jiġi kkonsultat rigward miżuri li jsiru skont l-Artikolu 322(2). Il-miżuri ta' implimentazzjoni taħt l-Artikolu 311(4) TFUE jeħtieġ li jiġi pprovdut għalihom fid-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji, filwaqt li l-Artikolu 322(2) TFUE jgħid li jridu jittieħdu miżuri biex isir disponibbli introjtu għall-baġit tal-UE u, jekk ikun meħtieġ, jiġu ssodisfati r-rekwiżiti dwar il-kontanti.

Dan iqajjem il-kwistjoni ta' liema elementi għandhom jiġu ddefiniti fid-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji nnifisha u ta' liema miżuri ta' implimentazzjoni jridu jiġu inklużi f'liema regolamenti. Meta ġie abbozzat it-trattat, il-ħsieb tal-leġiżlatur kien li "s-sistema tar-riżorsi għandha tiddistingwi bejn żewġ bażijiet legali, kull waħda minnhom bil-proċedura separata tagħha. Waħda biex jiġi ffissat il-limiti massimu tar-riżorsi proprji u b'hekk il-kobor tal-baġit tal-Unjoni u biex jinħolqu riżorsi ġodda, li tkun irregolata mill-proċedura aktar ingombranti skont it-[Trattat] [...]; L-oħra tikkonċerna l-proċeduri prattiċi għar-riżorsi tal-Unjoni, li jkunu rregolati minn proċedura aktar issimplifikata: adozzjoni mill-Kunsill b'maġġoranza kkwalifikata […] bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew"[9].

L-organizzazzjoni proposta tal-qafas leġiżlattiv għas-sistema tar-riżorsi proprji issegwi mill-qrib din il-loġika billi tiffissa s-sistema fid-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji u billi tipprovdi għall-aspetti prattiċi kollha fir-regolamenti rilevanti ta' implimentazzjoni.

3.2. L-irwol ewlieni tad-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji

Bħala l-istrument legali ewlieni li fuqu hija bbażata s-sistema tar-riżorsi proprji kollha kemm hi, id-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji se tibqa' tinkludi l-elementi prinċipali tas-sistema. Fil-kuntest stabbilit mit-TFUE, m'għandhiex bilfors tkun irreveduta ma' kull qafas finanzjarju ġdid. Minflok, għandha tkun tikkostitwixxi sies qawwi, stabbli u li jservi għal ħafna żmien li fuqu tinbena s-sistema tar-riżorsi proprji. L-approvazzjoni u r-ratifikazzjoni tagħha mill-Istati Membri jippermettu skrutinju parlamentari sħiħ u jiżguraw li s-sovranità nazzjonali tiġi rrispettata.

Il-proposta essenzjalment iżżomm l-istruttura tad-Deċiżjoni ta' bħalissa dwar ir-riżorsi proprji u tinkludi ħafna mid-dispożizzjonijiet eżistenti. Madanakollu, huma inklużi wkoll xi modifikazzjonijiet sostanzjali:

8. it-tmiem tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT fil-31 ta' Diċembru 2013 u l-inklużjoni ta' dispożizzjoni li tindirizza t-tneħħija gradwali tagħhom fid-dispożizzjonijiet finali.

9. lista ta' riżorsi proprji ġodda, inklużi ż-żmien meta jiddaħħlu u limiti rilevanti għall-applikazzjoni tagħhom. B'mod partikulari, id-Deċiżjoni fiha limitu massimu għar-rati tat-taxxa applikabbli għar-riżorsi proprji l-ġodda, filwaqt li r-regolament ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 311(4) jippreżenta rati speċifiċi. Dan l-arranġament jipprovdi kemm għall-kontroll meħtieġ tar-rati tat-taxxa mill-Istati Membri u mill-parlamenti rispettivi tagħhom kif ukoll għal ftit flessibbiltà taħt is-superviżjoni demokratika tal-Parlament Ewropew. Din il-flessibbilta se tkun partikularment utli fl-istadji bikrin tal-implimentazzjoni tar-riżorsi proprji ġodda, meta l-aktar li se jkun hemm inċertezzi rigward l-impatti preċiżi tagħhom. Ir-rati speċifiċi għat-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji se jiġu proposti flimkien mal-proposta leġiżlattiva konkreta fil-ħarifa;

10. id-dispożizzjonijiet relatati mal-mekkaniżmi tal-kontroll u mat-tmiem tal-korrezzjoni ta' bħalissa tar-Renju Unit. Id-Deċiżjoni tiddefinixxi t-tnaqqis b'somma f'daqqa fuq il-pagamenti tal-ING attribwit għal kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għal kull sena. Id-Deċiżjoni tinkludi artikolu dwar il-finanzjament ta' dawn il-korrezzjonijiet, li jkunu bbażati fuq il-ġid relattiv tal-Istati Membri kollha.

11. it-tneħħija ta' dispożizzjonijiet li jindirizzaw id-definizzjoni tal-ING għall-finijiet tar-riżorsi proprji u l-kalkoli mill-ġdid tal-limiti massimi tar-riżorsi proprji f'każ ta' bidliet sinifikanti fl-ING. Din hija kwistjoni teknika, li hija indirizzata fir-regolament ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 311(4) TFUE;

12. l-introduzzjoni ta' artikolu ġdid li jagħti dettalji dwar l-elementi li għandhom jiġu inklużi fir-regolamenti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 311(4) TFUE u l-Artikolu 322(2) TFUE.

Meta mqabbla mad-Deċiżjoni 2007/436/KE dwar ir-riżorsi proprji, id-Deċiżjoni ġdida proposta dwar ir-riżorsi proprji hija aktar trasparenti u tista' tinftiehem faċilment miċ-ċittadini tal-UE u mill-membri tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali.

3.3. Ir-regolament ta' implimentazzjoni

Ir-regolament il-ġdid ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 311(4) TFUE jinkludi dawk l-arranġamenti prattiċi kollha għar-riżorsi tal-Unjoni li għandhom jiġu rregolati bi proċedura aktar issimplifikata sabiex is-sistema ssir flessibbli biżżejjed fil-qafas u l-limiti ffissati mid-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji, bl-eżżezzjoni ta' dawk l-aspetti tas-sistema tar-riżorsi proprji li għandhom x'jaqsmu mat-tpoġġija tar-riżorsi proprji għad-dispożizzjoni u mal-issodisfar tar-rekwiżiti dwar il-kontanti (ara t-taqsima 3.4 hawn taħt).

F'dan ir-regolament ta' implimentazzjoni ddaħħlu wkoll dispożizzjonijiet ta' natura ġenerali, applikabbli għat-tipi kollha tar-riżorsi proprji u li għalihom huwa partikularment importanti li jkun hemm superviżjoni parlamentari xierqa. Dan ifisser, partikularment, aspetti ta' kontroll u superviżjoni tal-introjti u s-setgħat relatati tal-ispetturi tal-Kummissjoni.

Hekk, id-dispożizzjonijiet li ġejjin, stabbiliti skont il-lista mħejjija fid-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji, tista' tinstab f'dan ir-regolament ta' implimentazzjoni:

13. ir-rati tat-taxxa u r-rati tal-ġbir applikabbli għal kull waħda mir-riżorsi proprji stabbiliti fid-Deċiżjoni. Dan jippermetti flessibbiltà limitata fil-limiti stabbiliti fid-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji. Fin-nuqqas ta' tali flessibbiltà, il-kapaċità li jsiru aġġustamenti meħtiġin f'waqthom għar-riżorsi proprji tiġi mxekkla mill-proċedura oneruża u twila maħsuba għall-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet dwar ir-riżorsi proprji;

14. l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) ta' referenza skont is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali (European system of national and regional accounts, ESA) u d-dispożizzjonijiet f'każ ta' bidliet sinifikanti fih (l-irfinar tat-tiqjis tal-ING fil-kuntest tar-reviżjonijiet fl-ESA jista' jkollu impatt fuq il-limiti massimi tar-riżorsi proprji);

15. l-aġġustament għall-bilanċ baġitarju annwali. Filwaqt li l-prinċipju ġenerali tar-riporti tal-bilanċi pożittivi huwa stabbilit fid-Deċiżjoni, il-miżuri implimentattivi huma stabbiliti f'dan ir-regolament;

16. id-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll u s-superviżjoni, inklużi rekwiżiti supplimentari dwar ir-rappurtaġġ.

Għadd minn dawn il-miżuri bħalissa huma inklużi fir-Regolament 1150/2000 il-punt (3) u ċerti elementi tal-punt (4) li għandhom x'jaqsmu notevolment mar-rappurtaġġ ta' drittijiet, frodi u irregolaritajiet u l-arranġamenti għall-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (Advisory Committee on Own Resources, ACOR). Minħabba li dawn il-punti mhumiex relatati direttament la mat-tpoġġija tar-riżorsi proprji għad-dispożizzjoni u lanqas mar-rekwiżiti dwar il-kontanti, loġikament dawn il-punti jsibu posthom f'dan ir-Regolament ta' implimentazzjoni. Ittieħdet ukoll l-opportunità li jiġi ssimplifikat il-qafas legali kurrenti billi jiġu adottati u aġġornati d-dispożizzjonijiet relatati mas-setgħat u l-obbligi tal-ispetturi tal-Kummissjoni, li qabel kienu inklużi fir-Regolament tal-Kunsill 1026/99, li b'hekk se jiġi abrogat wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

Flimkien mad-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji, dan ir-regolament ta' implimentazzjoni jiżgura li kwalunkwe aġġustament tekniku għas-sistema jkun suġġett mhux biss għall-approvazzjoni mil-leġiżlaturi nazzjonali, iżda wkoll għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

3.4. It-tpoġġija tar-riżorsi proprji għad-dispożizzjoni

Id f'id mad-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji u r-regolamentt ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 311(4) TFUE, ir-regolamenti li jsiru skont l-Artikolu 322(2) TFUE jrid ikollhom l-elementi rigward it-tpoġġija tar-riżorsi proprji għad-dispożizzjoni u rigward il-miżuri biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti dwar il-kontanti.

Il-Kummissjoni tipproponi approċċ maqsum fuq żewġ fażijiet.

L-ewwel nett, bħala parti minn dan il-pakkett tar-riżorsi proprji, tipproponi li f'Regolament ġdid tal-Kunsill skont l-Artikolu 322(2) TFUE jiddaħħlu d-dispożizzjonijiet meħtiġin biex jiġu ddeterminati l-metodi u l-proċedura li permezz tagħhom l-Istati Membri jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING. Dan id-dokument jinkludi wkoll il-miżuri li għandhom jiġu applikati, jekk ikun meħtieġ, biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti dwar il-kontanti.

Dawn l-arranġamenti prattiċi jimplimentaw is-sistema stabbilita fid-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji rigward l-istabbiliment tar-RPT, iż-żamma tad-dokumenti ġustifikattivi, il-koperazzjoni amministrattiva, il-kontijiet li jridu jinżammu għar-riżorsi proprji, iż-żmien meta għandhom isiru disponibbli u meta jsiru aġġustamenti u, fejn ikun meħtieġ, dispożizzjonijiet rigward il-ġestjoni tal-kontanti u l-ammonti irrikuperabbli.

Fil-prattika, il-proposta tinkorpora d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KW, Euratom) Nru 1150/2000[10] bl-eċċezzjoni ta' dawk li mhumiex relatati strettament mat-tpoġġija tar-RPT għad-dispożizzjoni u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING jew mar-rekwiżiti dwar il-kontanti. Għal raġunijiet ta' ċarezza u ta' razzjonalità, u fil-kuntest tal-pakkett tar-riżorsi proprji, ir-Regolament Nru 1150/2000 għandu għaldaqstant jitfassal mill-ġdid. Dan ma jinkludix bidliet materjali fid-dispożizzjonijiet eżistenti. Madanakollu, hemm bżonn li jsiru għadd żgħir ħafna ta' emendi sostantivi sabiex tiġi riflessa l-esperjenza riċenti fil-ġestjoni mill-Kummissjoni tar-RPT u tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING.

It-tieni nett, se jkun hemm bżonn ta' dispożizzjonijiet sabiex jingħata kas tar-riżorsi proprji ġodda proposti. Dawn jistgħu jkunu jinkludu d-definizzjoni tal-fatt taxxabbli; il-punt tat-taxxa sabiex il-fatt taxxabbli jintrabat ma' entrata kontabilistika; il-forma u l-frekwenza tad-dikjarazzjoni jew tal-istqarrija li trid issir lill-Kummissjoni; l-istabbiliment tal-mekkaniżmi li permezz tagħhom irid isir il-ħlas jew jitpoġġew għad-dispożizzjoni r-riżorsi; is-sanzjonijiet applikabbli; iċ-ċirkustanzi li fihom jistgħu jsiru l-korrezzjonijiet u l-istruzzjonijiet rigward il-limiti taż-żmien biex jinżammu d-dokumenti ġustifikattivi.

Se jkun hemm bżonn ta' dispożizzjonijiet li jkopru t-temi rilevanti għar-riżorsa proprja ġdida proposta, u dawn se jkunu inklużi f'regolamenti separati, kif xieraq.

2011/0183 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea

(//KE, Euratom)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Europea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[11],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri[12],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[13],

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

17. Is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni għandha tiżgura li jkun hemm riżorsi adegwati għall-iżvilupp xieraq tal-politika tal-Unjoni, suġġett għall-ħtieġa ta’ dixxiplina baġitarja stretta. L-iżvilupp tas-sistema tar-riżorsi proprji jista' u jeħtieġ li jikkontribwixxi għal sforzi usa' favur il-konsolidazzjoni baġitarja magħmulin fl-Istati Membri u jipparteċipa, kemm jista' jkun possibbli, fl-iżvilupp tal-linji politiċi tal-Unjoni.

18. Il-konsultazzjoni pubblika li nbdiet biex tħejji għar-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE iġġenerat bosta kontributi relatati mal-funzjonament tas-sistema tal-finanzjament tal-Unjoni. Dawn indikaw livell għoli ta' sodisfazzjon bir-rizorsi proprji tradizzjonali u bl-eżistenza ta' riżorsa residwa sabiex jiġi żgurat li jkun hemm stabbiltà baġitarja u baġits ibbilanċjati. Madanakollu, għadd kbir minn dawk li taw fehmithom identifikaw ħtieġa li jitneħħew il-mekkaniżmi kollha tal-korrezzjoni u li tispiċċa r-riżorsa proprja bbażata fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT). Il-konsultazzjoni tefgħet ukoll enfasi fuq firxa wiesgħa ta' fehmiet dwar l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda.

19. Fil-komunikazzjoni tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE[14], il-Kummissjoni nnotat li l-introduzzjoni ta' fażi ġdida fl-evoluzzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni tista' tinkludi tliet dimensjonijiet li huma marbutin mill-qrib ma' xulxin - is-simplifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, l-introduzzjoni ta' riżorsa proprja ġdida jew ta' riżorsi proprji ġodda u t-tneħħija bil-ftit il-ftit tal-mekkaniżmi kollha tal-korrezzjoni. Hekk kif jibdew jiddaħħlu l-bidliet bil-mod il-mod, jeħtieġ li jinżammu elementi essenzjali tas-sistema tal-finanzjament tal-Unjoni: finanzjament stabbli u suffiċjenti tal-baġit annwali tal-Unjoni, rispett għad-dixxiplina baġitarja u mekkaniżmu li jiggarantixxi baġit ibbilanċjat.

20. Jeħtieġ li s-sistema tar-riżorsi proprji, kemm jista' jkun possibbli, tkun isserraħ fuq riżorsi proprji awtonomi fl-ispirtu tat-Trattat, minflok fuq kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri li fil-biċċa l-kbira jqisuhom bħala nefqiet nazzjonali.

21. It-Trattat ta' Lisbona introduċa fid-dispożizzjonijiet relatati mas-sistema tar-riżorsi proprji bidliet li jippermettu li jitnaqqas l-għadd ta' riżorsi eżistenti u li jinħolqu riżorsi proprji ġodda.

22. Id-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji ma tistax tidħol fis-seħħ qabel ma tiġi approvata mill-Istati Membri kollha skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom, u b'hekk tiġi rrispettata bis-sħiħ is-sovranità nazzjonali.

23. Meta mqabbla mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING), ir-riżorsa proprja ta' bħalissa bbażata fuq il-VAT ftit għandha valur miżjud. Tirriżulta minn kalkolu matematiku kumpless, u b'hekk tikkontribwixxi għan-nuqqas ta' trasparenza tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-baġit. B'riżultat tal-kalkolu ta' bażi armonizzata u tal-eżistenza ta' mekkaniżmu ta' limitar m'hemm l-ebda rabta diretta bejn il-bażi reali tal-VAT fi Stat Membru u l-kontribuzzjoni tiegħu għall-baġit annwali tal-Unjoni. It-tneħħija tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT fil-forma ta' bħalissa tagħha mill-1 ta' Jannar 2014 'il quddiem għandha tissimplifika s-sistema tal-kontribuzzjonijiet.

24. Sabiex l-istrumenti tal-finanzjament tal-Unjoni jiġu allineati aħjar mal-prijoritajiet tal-linji politiċi tal-Unjoni, il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-baġit annwali tal-Unjoni jitnaqqsu u tipparteċipa fl-isforzi tagħhom biex jikkonsolidaw il-baġit, din id-Deċiżjoni jeħtieġ li tkun tinkludi riżorsi proprji ġodda – taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u riżorsa ġdida tal-VAT.

25. Jeħtieġ li f'din id-Deċiżjoni jiġu stabbiliti l-prinċipji, il-fatturi varjabbli u d-dati ewlenin għal adattament tal-qafas legali tal-Unjoni għall-finjijiet tar-riżorsi proprji l-ġodda minn taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u minn riżorsa ġdida tal-VAT.

26. Il-Kunsill Ewropew ta' Fontainebleau tal-1984 indika li l-linja politika dwar in-nefqa hija fl-aħħar mill-aħħar il-mezz essenzjali biex tiġi solvuta l-kwistjoni tal-iżbilanċi baġitarji. Minkejja dan, huwa rrikonoxxa li kwalunkwe Stat Membru li jkollu piż baġitarju li jkun eċċessiv meta mqabbel mal-ġid relattiv tiegħu jista' jgawdi minn korezzjoni fiż-żmien opportun. Jeħtieġ li dawk il-prinċipji jiġu kkonfermati u applikati b'mod konsistenti.

27. Jeħtieġ li kwalunkwe mekkaniżmu tal-korrezzjoni jkun marbut mill-qrib mal-linja politika dwar in-nefqa mniżżla fil-qafas finanzjarju multiannwali previst fl-Artikolu 312 tat-Trattat. Fiha nnifisha l-eżistenza passata jew attwali ta' mekkaniżmu tal-korrezzjoni ma tikkostitwixxix ġustifikazzjoni biex tinżamm fil-ġejjieni. Korrezzjoni għandha tkun trasparenti u faċli biex tinftiehem, u għandha ddum biss sakemm tibqa' taqdi l-għan tagħha, kif iddefinit mill-prinċipji ta' Fontainebleau. Għandha tevita li toħloq xi inċentiv biex il-fondi tal-Unjoni ma jintefqux kif suppost. Dawn l-objettivi jistgħu jintlaħqu l-aħjar permezz ta' sistema ta' tnaqqis b'somma f'daqqa fil-pagamenti tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING.

28. Il-kundizzjonijiet oġġettivi li fuqhom huma bbażati l-mekkaniżmi tal-korrezzjoni evolvew konsiderevolment matul iż-żmien. Minkejja dan, għadd limitat ta'' Stati Membri għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' piż baġitarju li bħalissa jista' jitqies bħala eċċessiv meta mqabbel mal-ġid relattiv tagħhom. Għalhekk, jeħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun tinkludi korrezzjonijiet temporanji favur il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u r-Renju Unit. Jeħtieġ li dawn il-korrezzjonijiet ikunu jirriflettu, inter alia, l-iżviluppi importanti fil-finanzjament tal-Unjoni stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, l-evoluzzjoni tan-nefqa proposta fil-qafas finanzjarju, inkluża t-tlestija tal-introduzzjoni progressiva tan-nefqa f'dawk l-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni fl-2004 u fl-2007, u jagħtu kas tal-livelli għoljin ta' prosperità miksubin mill-Ġermanja, mill-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Isvezja u mir-Renju Unit.

29. Sabiex jiġi żgurat il-paralleliżmu meħtieġ bejn il-qafas finanzjarju multiannwali u l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi tal-korrezzjoni, jeħtieġ li s-sistema l-ġdida tas-somom f'daqqa tieħu post il-mekkaniżmi preeżistenti kollha tal-korrezzjoni mill-1 ta' Jannar 2014 'il quddiem.

30. Iż-żamma, permezz tal-ispejjeż tal-ġbir, ta' 25% tal-ammonti miġburin mill-Istati Membri għar-riżorsi proprji tradizzjonali tikkostitwixxi mekkaniżmu moħbi tal-korrezzjoni. Meta wieħed iqis il-proposta biex il-mekkaniżmi tal-korrezzjonijiet jiġu inkorporati f'somom f'daqqa, iż-żamma għandha tiġi limitata għal 10%, skont is-sistemi li kien hemm sal-2000.

31. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm dixxiplina baġitarja stretta, u meta wieħed iqis il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2010 dwar l-adattament tal-livell massimu tar-riżorsi proprji u tal-livell massimu għall-approprjazzjonijiet għal impenji wara d-deċiżjoni li l-FISIM jiġu applikati għall-finijiet tar-riżorsi proprji[15], jeħtieġ li l-livell massimu tar-riżorsi proprji jkun ta' 1.23% tas-somma tal-ING tal-Istati Membri bil-prezzijiet tas-suq għall-approprjazzjonijiet għal pagamenti u jeħtieġ li jiġi ffissat il-livell massimu ta' 1.29% tas-somma tal-ING tal-Istati Membri għall-approprjazzjonijiet għal impenji. Sabiex l-ammont ta' riżorsi finanzjarji mpoġġijin għad-dispożizzjoni tal-Unjoni jibqgħu mhux mibdulin, huwa xieraq li dawn il-livelli massimi espressi f'persentaġġi tal-ING jiġu adatti fejn emendi għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' […] dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea[16] jkunu jfissru bidla sinifikanti fil-livell tal-ING. Tali adattament għandu jsir skont il-proċedura stabbilita skont ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 311 tat-Trattat.

32. Sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, huma meħtieġ li jiġi pprovdut għall-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi ta' implimentazzjoni. Hekk, f'regolament separat ta' implimentazzjoni għandhom jiddaħħlu dispożizzjonijiet ta' natura ġenerali, applikabbli għat-tipi kollha tar-riżorsi proprji u li għalihom huwa partikularment importanti li jkun hemm superviżjoni parlamentari xierqa. Dan ifisser, b'mod partikulari, il-proċedura biex jiġi kkalkulat u bbaġitjat il-bilanċ baġitarju annwali u aspetti tal-kontroll u tas-superviżjoni tal-introjti. Jeħtieġ li dak ir-regolament ikun jinkludi wkoll ir-rati tat-taxxa u r-rati tal-ġbir għal kull waħda mir-riżorsi proprji stabbiliti fid-Deċiżjoni u kwistjonijiet tekniċi relatati mal-ING, sabiex jipermetti flessibbiltà limitata fil-limiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

33. Għal raġunijiet ta' koerenza, kontinwità u ċertezza legali, għandhom isiru dispożizzjonijiet sabiex tiġi koperta l-qalba mis-sistema introdotta permezz tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej[17] għal dik li ġġib magħha din id-Deċiżjoni. Hekk, wara t-tmiem tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom għandha tibqa' tapplika għall-kalkolu u għall-aġġustament tal-introjtu li jkun ġej mill-applikazzjoni ta' rata ta' ġbir għall-bażi tal-VAT, għall-proċeduri biex isir disponibbli u għall-arranġamenti għall-ispezzjoni, skont is-snin rilevanti. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-kalkolu tal-korrezzjoni tal-iżbilanċi baġitarji mogħtija lir-renju Unit għas-snin sal-2012 jiġi ttrattat skont id-dispożizzjonijiet imniżżlin fid-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom. Il-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit għall-2013, li għandha tiġi bbaġitjata fl-2014, għandha tinbidel bi tnaqqis gross ta' somma f'daqqa fl-2014.

34. Jeħtieġ li d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom titħassar.

35. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, jeħtieġ li l-ammonti monetarji kollha jiġu espressi f'ewro u bil-prezzijiet ta' bħalissa.

36. Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni għas-sistema l-ġdida tar-riżorsi proprji u sabiex din tkun taqbel mas-sena finanzjarja, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2014 'il quddiem.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat il-finanzjament tal-baġit annwali tal-Unjoni.

Artikolu 2

Kategoriji tar-riżorsi proprji

1. Dħul minn dawn li ġejjin għandu jikkonstitwixxi riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni:

(a) riżorsi proprji tradizzjonali li jikkonsistu minn imposti, primjums, ammonti addizzjonali jew kompensatorji, ammonti jew fatturi addizzjonali, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u dazji oħrajn stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi mhux membri, dazji doganali fuq prodotti taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar li skada kif ukoll kontribuzzjonijiet u dazji oħrajn previsti fi ħdan il-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq taz-zokkor;

(b) taxxa fuq it-trażazzjonijiet finanzjarji skont [l-att leġiżlattiv] (UE) Nru […/…], bir-rati applikabbli tat-taxxa ma jaqbżux …%.

(c) parti mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) fuq fornimenti ta' prodotti u servizzi, akkwisti intra-Komunitarji ta' prodotti u importazzjoni ta' prodotti suġġetti għal rata standard tal-VAT f'kull Stat Membru skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE[18], bir-rata applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru .../... ma taqbiżx iż-żewġ punti perċentwali tar-rata standard.

(d) l-applikazzjoni ta' rata unformi, li għandha tkun stabbilita bis-saħħa tal-proċedura tal-baġit fid-dawl tat-total tad-dħul l-ieħor kollu, għas-somma tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-Istati Membri kollha.

2. Anke dħul li jiġi minn kwalunkwe ħlas ġdid imdaħħal fil-qafas ta’ linja politika komuni, skont it-Trattat, sakemm tkun segwita l-proċedura stipulata fl-Artikolu 311 tat-Trattat, għandu jikkostitwixxi riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni.

3. L-Istati Membri għandhom iżommu 10% tal-ammonti msemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 1 permezz tal-ispejjeż tal-ġbir.

4. Jekk, fil-bidu tas-sena finanzjarja, l-baġit ikun għadu ma ġiex adottat, sakemm jidħlu fis-seħħ ir-rati l-ġodda għandhom jibqgħu japplikaw ir-rati tal-ġbir tal-ING preċedenti.

Artikolu 3

Limitu massimu tar-riżorsi proprji

1. L-ammont totali ta’ riżorsi proprji allokat lill-Unjoni biex ikopru approprjazzjonijiet annwali għall-ħlasijiet m’għandux jaqbeż il-1.23 % tat-total tal-ING tal-Istati Membri kollha.

2. L-ammont totali annwali ta’ approprjazzjonijiet għal impenji mdaħħlin fil-baġit tal-Unjoni m’għandux jaqbeż il-1.29 % tat-total tal-ING tal-Istati Membri kollha.

Għandu jinżamm proporzjon ordnat bejn approprjazzjonijiet għal impenji u approprjazzjonijiet għal ħlasijiet biex jiggarantixxi l-kompatibbiltà tagħhom u biex jippermetti li jiġi rispettat il-limitu skont il-paragrafu 1 fi snin sussegwenti.

Artikolu 4

Mekkaniżmi tal-korrezzjoni

1. Ir-rata uniformi ffissata taħt l-Artikolu 2(1)(d) għandha tapplika għall-ING ta’ kull Stat Membru.

2. Għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020 għandu jingħata tnaqqis gross fil-kontribuzzjonijiet annwali tal-ING lill-Istati Membri li ġejjin:

- EUR 2500 miljun għall-Ġermanja,

- EUR 1050 miljun għall-Pajjiżi l-Baxxi,

- EUR 350 miljun għall-Isvezja,

- EUR 3600 miljun għar-Renju Unit.

Artikolu 5

Il-finanzjament tal-mekkaniżmi tal-korrezzjoni

L-ispiża tal-korrezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 għandhom iġarrbuha l-Istati Membri fi proprozjon għas-sehem ta' kull Stat Membru fil-pagamenti msemmijin fl-Artikolu 2(1)(d).

Artikolu 6

Il-prinċipju tal-universalità

Id-dħul li hemm referenza għalih fl-Artikolu 2 għandu jintuża bla distinzjoni biex jiffinanzja n-nefqa kollha mdaħħla fil-baġit annwali tal-Unjoni.

Artikolu 7

Riporti tal-bilanċi pożittivi

Kull ma jifdal mid-dħul tal-Unjoni fuq in-nefqa attwali totali matul sena finanzjarja għandu jkun riportat għas-sena finanzjarja sussegwenti.

Artikolu 8

Il-ġbir tar-riżorsi proprji u t-tpoġġija tagħhom għad-dispożizzjoni jew il-ħlas tagħhom lill-Kummissjoni

1. Ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a) u, mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018, dawk li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(c), għandhom ikunu miġbura mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali imposti b'liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva, li għandhom, fejn xieraq, ikunu adatti biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-regoli tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha teżamina d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti kkomunikati lilha mill-Istati Membri, tgħaddi lill-Istati Membri l-aġġustamenti li jidhrilha meħtieġa biex tiżgura li dawn ikunu konformi mar-regoli tal-Unjoni u tirrapporta, jekk ikun meħtieġ, lill-awtorità baġitarja.

2. Ir-riżorsi proprji tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 2(1)(b) għandhom jinġabru mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018 skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni ssuplimentata, fejn ikun meħtieġ, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali imposti b'liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva. Dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom, fejn ikun xieraq, jiġu adatti biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-regoli tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha teżamina d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti kkomunikati lilha mill-Istati Membri, tgħaddi lill-Istati Membri l-aġġustamenti li jidhrilha meħtieġa biex tiżgura li dawn ikunu konformi mar-regoli tal-Unjoni u tirrapporta, jekk ikun meħtieġ, lill-awtorità baġitarja.

3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu r-riżorsi previsti fl-Artikolu 2(1)(a), (c) u (d) disponibbli lill-Kummissjoni, skont ir-regolament adottat skont l-Artikolu 322(2) tat-Trattat.

Ir-riżorsi previsti fl-Artikolu 2(1)(b) għandhom isiru disponibbli jew jitħallsu lill-Kummissjoni skont ir-regolament adottat skont l-Artikolu 322(2) tat-Trattat.

Artikolu 9

Miżuri ta’ implimentazzjoni

Il-Kunsill għandu, skont il-proċedura stabbilita fir-raba' paragrafu tal-Artikolu 311 tat-Trattat, jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni rigward l-elementi li ġejjin tas-sistema tar-riżorsi proprji:

(a) ir-rati tat-taxxa tar-riżorsi proprji stabbiliti skont l-Artikoli 2(1)(b) u (c) u r-rata tal-ġbir tar-riżorsa proprja stabbilita skont l-Artikolu 2(1)(d);

(b) l-ING ta' referenza, id-dispożizzjonijiet sabiex jiġi aġġustat l-ING u d-dispożizzjonijiet biex jiġu kkalkulati mill-ġdid il-livelli massimi għal pagamenti u impenji f'każ ta' bidliet sinifikanti fl-ING, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 2(1)(d) u 3;

(c) il-proċedura għall-kalkolu u l-ibbaġitjar tal-bilanċ baġitarju annwali kif stabbilit fl-Artikolu 7;

(d) id-dispożizzjonijiet u l-aranġamenti meħtiġin għall-kontroll u għas-superviżjoni tal-introjtu msemmi fl-Artikolu 2, inklużi kwalunkwe rekwiżiti supplimentari dwar ir-rappurtaġġ.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet finali u tranżitorji

1. Suġġett għall-paragrafu 2, id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom hija mħassra. Kwalunkwe referenzi għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ April 1970 dwar is-sostituzzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri bir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet[19], għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/257/KEE, Euratom tas-7 ta’ Mejju 1985 dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Komunitajiet[20], għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/376/KEE, Euratom tal-24 ta’ Ġunju 1988 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet[21], għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE, Euratom tal-31 ta’ Ottubru 1994 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet[22], għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet[23] jew għad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skon it-tabella tal-korrelazzjonijiet stabbilita fl-Anness ta' ma' din id-Deċiżjoni.

2. L-Artikoli 2, 4, 5 u 8(2) tad-Deċiżjonijiet 94/728/KE, Euratom, 2000/597/KE, Euratom u 2007/436/KE, Euratom għandhom ikomplu japplikaw għall-kalkolu u l-aġġustament tad-dħul li jkun ġej mill-applikazzjoni ta’ rata tal-ġbir għall-bażi tal-VAT iddeterminata b'mod uniformi u limitata għal bejn 50 % u 55 % tal-PNG jew tal-ING ta’ kull Stat Membru, għall-proċedura biex isiru disponibbli u għall-arranġamenti għall-ispezzjoni, skont is-sena rilevanti, u għall-kalkolu tal-korrezzjoni tal-iżbilanċji baġitarja mogħtija lir-Renju Unit għas-snin sal-2012.

3. L-Istati Membri għandhom ikomplu jżommu, permezz tal-ispejjeż tal-ġbir, 10 % tal-ammonti msemmijin fl-Artikolu 2(1)(a) li kellhom isiru disponibbli mill-Istati Membri qabel it-28 ta’ Frar 2001 skont ir-regoli applikabbli tal-Unjoni.

L-Istati Membri għandhom ikomplu jżommu, permezz tal-ispejjeż tal-ġbir, 25 % tal-ammonti msemmijin fl-Artikolu 2(1)(a) li kellhom isiru disponibbli mill-Istati Membri bejn l-1 ta' Marzu 2001 u t-28 ta’ Frar 2014 skont ir-regoli applikabbli tal-Unjoni.

4. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, l-ammonti monetarji kollha għandhom jiġu espressi f'ewro u bil-prezzijiet ta' bħalissa.

Artikolu 11

Id-dħul fis-seħħ

L-Istati Membri għandhom ikunu notifikati b’din id-Deċiżjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill bit-tlestija tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ wara l-wasla tal-aħħar notifika msemmija fit-tieni paragrafu.

Din għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 12

Pubblikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Tabella tal-korrelazzjonijiet

Id-Deċiżjoni 2007/436/KE | Din id-Deċiżjoni |

L-Artikolu 1 | L-Artikolu 1 |

L-Artikolu 2(1)(a) | L-Artikolu 2(1)(a) |

L-Artikolu 2(1)(b) | - |

L-Artikolu 2(1)(ċ) | L-Artikolu 2(1)(ċ) |

L-Artikolu 2(2) | L-Artikolu 2(2) |

L-Artikolu 2(3) | L-Artikolu 2(3) |

L-Artikolu 2(4) | - |

L-Artikolu 2(5) | L-Artikolu 4(1) |

L-Artikolu 2(6) | L-Artikolu 2(4) |

L-Artikolu 2(7) |

L-Artikolu 3(1) | L-Artikolu 3(1) |

L-Artikolu 3(2) | L-Artikolu 3(2) |

L-Artikolu 3(3) | - |

L-Artikolu 4 | - |

L-Artikolu 5(1) | L-Artikolu 5(1) |

L-Artikolu 5(2) | - |

L-Artikolu 5(3) | - |

L-Artikolu 5(4) | - |

L-Artikolu 6 | L-Artikolu 6 |

L-Artikolu 7 | L-Artikolu 7 |

L-Artikolu 8(1) | L-Artikolu 8 |

L-Artikolu 8(2) | - |

L-Artikolu 9 | - |

L-Artikolu 10(1) | L-Artikolu 10(1) |

L-Artikolu 10(2) | L-Artikolu 10(2) |

L-Artikolu 10(3) | L-Artikolu 10(3) |

L-Artikolu 11 | L-Artikolu 11 |

L-Artikolu 12 | L-Artikolu 12 |

[1] Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Il-finanzjament tal-baġit tal-UE: Rapport dwar it-tħaddim tas-sistema tar-riżorsi proprji", SEC(2011) 876 finali tad-29.06.2011.

[2] Sors: It-tbassir tal-ECFIN għar-Rebbiegħa 2011.

[3] Il-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ Affarijiet Ekonomiċi u Finanzi, "2009 Ageing Report. Economic and budgetary projections for the EU-27 Member States (2008-2060)", European Economy, 2/2009.

[4] Ittra mingħand David Cameron, Angela Merkel, Nicolas Sarkozy, Mark Rutte u Mari Kiviniemi lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, it-18 ta' Diċembru 2010.

[5] COM(2010)700, 19.10.2010.

[6] COM(2010)549, 7.10.2010.

[7] COM (2011) 398 finali, 29.06.2011.

[8] COM(2004)505 finali tal-14 ta’ Lulju 2004.

[9] Ara b'mod partikulari l-"Final report of the discussion circle on own resources" lill-Konvenzjoni Ewropea, CONV 730/03, 08/05/2003.

[10] ĠU L 130, 31.5.2000, p.1.

[11] Opinjoni mogħtija fl-XX.6.2011

[12] ĠU C

[13] ĠU C

[14] COM(2010)700, 19.10.2010.

[15] COM(2010) 162 finali.

[16] ĠU …

[17] ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

[18] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

[19] ĠU L 94, 28.4.1970, p. 19.

[20] ĠU L 128, 14.5.1985, p. 15.

[21] ĠU L 185, 15.7.1988, p. 24.

[22] ĠU L 293, 12.11.1994, p. 9.

[23] ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet