52011PC0398


Titolu u referenza

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020

/* KUMM/2011/0398 finali - 2011/0177 (APP) */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA 1.1. Il-bażi tat-Trattat

L-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ it-Trattat) jistipula li Regolament tal-Kunsill adottat unanimament għandu jistabbilixxi qafas finanzjarju multiannwali. Huwa għandu jistabbilixxi l-ammonti tal-limiti massimi annwali tal-approprjazzjonijiet għal impenji skont il-kategorija tal-infiq u tal-limitu massimu annwali ta' approprjazzjonijiet għall-pagamenti u għandu jistabbilixxi kwalunkwe dispożizzjoni oħra meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura annwali tal-baġit.

L-ewwel qafas finanzjarju multiannwali flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni interistituzzjonali u d-dixxiplina baġitarja ġie adottat aktar minn għoxrin sena ilu[1]. Dan il-qafas finanzjarju u dawk ta' warajh ippermettew titjib u ffaċilitar konsiderevoli tal-proċedura baġitarja annwali u l-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u, fl-istess waqt, żiedu d-dixxiplina baġitarja.

Billi naqqax il-qafas finanzjarju multiannwali fil-liġi primarja tal-Unjoni, it-Trattat irrikonoxxa l-importanza tiegħu bħala pedament tal-arkitettura baġitarja tal-Unjoni Ewropea.

Il-qafas finanzjarju multiannwali kurrenti għas-snin 2007-2013 ġie miftiehem bejn l-istituzzjonijiet f’Mejju tal-2006 u kien stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[2] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ l-IIA kurrenti)

Sabiex timplimenta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat il-ġdid, il-Kummissjoni ppreżentat, fit-3 ta' Marzu 2010, proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas finanzjarju multiannwali għall-2007-2013 u għal Ftehim Interistituzzjonali Ġdid dwar il-koperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji[3] (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-proposti ta' Marzu 2010). Dawn iż-żewġ proposti, ladarba jiġu adottati, se jieħdu post l-IIA kurrenti u jagħmlu d-dispożizzjonijiet dwar il-qafas finanzjarju 2007-2013 u dwar il-koperazzjoni tal-istituzzjonijiet fil-proċedura baġitarja konformi mat-Trattat. Sadittant, id-dispożizzjonijiet tal-IIA kurrenti li ma tilfux il-validità tagħhom minħabba t-Trattat għadhom validi.

Il-memorandum ta' spjegazzjoni preżenti jittratta l-elementi l-ġodda meta mqabbla mal-proposti ta' Marzu 2010, kemm għall-proposta għal Regolament li jistabbilixxi qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (minn hawn 'il quddiem ir-Regolament tal-MFF) kif ukoll il-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-koperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u ġestjoni finanzjarja tajba (minn hawn 'il quddiem l-abbozz tal-IIA). Il-ġustifikazzjoni għat-tibdil li jirriżulta mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ġiet ipprovduta fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta għar-Regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għall-2007 sal-2013 tat-3 ta' Marzu 2010 u ma għandhiex għalfejn tiġi ripetuta hawn.

1.2. Dispożizzjonijiet ġodda proposti għall-qafas finanzjarju tal-2014-2020 1.2.1. Linji gwida politiċi ewlenin

Il-proposta għar-Regolament tal-MFF akkumpanjata mill-abbozz tal-IIA tirrappreżenta t-traspożizzjoni legali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Baġit għall-Ewropa 2020” adottata [fit-2] ta' Ġunju 2011[4]. Hija se tiġi kkumplimentata minn proposta li temenda l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni sabiex tintroduċi xi dispożizzjonijiet ġodda li huma parti mill-pakkett ta' proposti għall-qafas finanzjarju 2014-2020.

Il-Komunikazzjoni tippreżenta l-arkitettura u l-elementi prinċipali tal-proposta preżenti – pereżempju t-tul ta' żmien, l-istruttura li tirrifletti l-Istrateġija Ewropa 2020, il-ħtieġa għal aktar flessibbiltà, u l-ammonti previsti għall-qafas finanzjarju nnifsu.

1.2.2. Flessibbiltà

Filwaqt li huwa mmirat sabiex jiżgura d-dixxiplina baġitarja, il-qafas finanzjarju jrid, fl-istess waqt, jipprovdi għal livelli adegwati ta' flessibbiltà sabiex ikun jista' jkun hemm allokazzjoni effettiva tar-riżorsi u rispons rapidu tal-Unjoni għal ċirkostanzi mhux previsti.

Numru ta' parametri, bħat-tul tal-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju, in-numru u t-tfassil tal-intestaturi tal-infiq, is-sehem tal-infiq tal-UE preallokat lill-Istati Membri u lir-reġjuni jew predeterminat minn 'ammonti ta' referenza' f'leġiżlazzjoni kodeċiża, il-marġini disponibbli f'kull intestatura tal-infiq, u l-marġini li jibqa' bejn il-limiti massimi tal-qafas finanzjarju u l-limitu massimu tar-riżorsi proprji, l-impatt fuq il-grad tal-flessibbiltà jew ir-riġidità ta' qafas finanzjarju. Waqt li kienet qed telabora l-proposti tagħha għall-qafas finanzjarju li jmiss, il-Kummissjoni qieset dawn l-elementi.

Madankollu, l-esperjenza riċenti turi li l-isfidi li jirriżultaw minn żviluppi mhux previsti b'riperkussjonijiet globali laħqu kwalità ġdida. Sa mill-bidu nett tal-qafas finanzjarju kurrenti, id-dispożizzjonijiet kollha disponibbli tal-flessibbiltà kellhom jiġu mobilizzati, inkluż numru ta' reviżjonijiet tal-qafas innifsu. L-Unjoni se tkun dejjem aktar esposta għall-effetti tal-globalizzazzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà, għat-tibdil fil-klima, id-dipendenza fil-qasam tal-enerġija, il-pressjoni migratorja u sfidi globali oħra, li l-biċċa l-kbira minnhom huma f'oqsma li għalihom it-Trattat ta' Lisbona żied ir-responsabbiltà u r-rwol tal-Unjoni.

Li jinstab il-bilanċ ġust bejn, minn naħa waħda, id-dixxiplina baġitarja stretta u l-prevedibbiltà tal-infiq u, min-naħa l-oħra, il-flessibbiltà meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista' tirrispondi għal sfidi mhux previsti, dejjem se jkun eżerċizzju politiku diffiċli. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tagħha dwar il-funzjonament tal-IIA kurrenti[5] u riflessjonijiet oħra li saru fil-kuntest tar-Reviżjoni tal-Baġit[6], il-Kummissjoni tipproponi titjib limitat iżda mmirat għal dispożizzjonijiet eżistenti tal-flessibbiltà:

1. L-ewwel nett, l-użu wiesa' u regolari li sar mill-Istrument tal-Flessibbiltà u r-Riżerva ta' Għajnuna ta' Emerġenza (EAR) matul il-qafas finanzjarju kurrenti ta prova tal-ħtieġa tagħhom. Fl-istess waqt, l-esperjenza partikolarment bil-ġestjoni tal-Azzjoni Esterna matul l-aħħar ftit snin uriet li l-UE kellha tagħmel użu mhux effiċjenti minn strumenti differenti (bħar-Riżerva tal-Għajnuna ta' Emerġenza, l-Istrument għall-Istabbilità, marġini mhux allokati, u l-Istrument tal-Flessibbiltà) sabiex tindirizza żviluppi internazzjonali u sfidi ġodda.

Għaldaqstant, żieda fl-ammonti massimi disponibbli kull sena hija proposta kemm għall-Istrument tal-Flessibbiltà kif ukoll għall-EAR. Minbarra dan, il-possibilità li jintużaw porzjonijiet mhux użati mill-ammonti massimi annwali fis-snin finanzjarji sussegwenti hija estiża sas-sena n + 3 għall-Istrument tal-Flessibbiltà u introdotta mill-ġdid, sas-sena n+1, għar-Riżerva tal-Ġħajnuna ta' Emerġenza (din tal-aħħar suġġett li ssir dispożizzjoni għal dan fir-Regolament Finanzjarju). L-ambitu tar-Riżerva tal-Għajnuna ta' Emerġenza huwa mwessa' sabiex ikopri wkoll sitwazzjonijiet ta' pressjoni partikolari li jirriżultaw minn flussi migratorji fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni.

Dan għandu jippermetti wkoll liż-żewġ strumenti sabiex jikkontribwixxu aktar għal rispons aktar rapidu tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet mhux mistennija ta' skala limitata.

2. It-tieni nett, filwaqt li l-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) ippruvaw l-utilità tagħhom, qatt ma ntuża l-ammont annwali massimu previst għall-EGF taħt il-qafas finanzjarju kurrenti (EUR 500 miljun). Tnaqqis żgħir fl-ammont disponibbli għal EUR 429 miljun huwa propost flimkien ma' simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-finanzjament u r-rilaxx tal-għajnuna u twessigħ tal-ambitu tal-Fond sabiex jgħin ukoll fil-mitigazzjoni tal-effetti tal-globalizzazzjoni li jaffettwaw il-bdiewa.

3. It-tielet, il-possibilità li jkun hemm differenza mill-ammonti indikattivi fil-programmi kodeċiżi hija proposta li tiżdied minn 5 % għal 10 % sabiex tiżdied il-flessibbiltà fi ħdan l-intestaturi.

4. Ir-raba', il-Kummissjoni se tagħmel proposta għall-introduzzjoni ta' dispożizzjoni ġdida fir-Regolament Finanzjarju bil-għan li tiżdied il-flessibbiltà għal proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità tal-Infrastruttura li għadha kif ġiet stabbilita.

Minħabba n-natura tagħhom, dawk il-proġetti tal-infrastruttura f'ħafna każijiet se jitolbu proċeduri kumplessi għall-kuntratti. Taħt dawk iċ-ċirkostanzi, dewmien anki limitat jista' jwassal għal telf ta' approprjazzjonijiet għall-impenji annwali u jimmina l-vijabbiltà ta' dawk il-proġetti u b'hekk id-determinazzjoni politika tal-Unjoni sabiex timmodernizza n-netwerks u l-infrastruttura tagħha tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet. Sabiex jevita dan, ir-Regolament Finanzjarju għandu jippermetti riport awtomatiku għas-sena finananzjarja ta' wara ta' approprjazzjonijiet għall-impenji mhux użati fi tmiem ta' sena finanzjarja għal proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità tal-Infrastruttura.

5. Il-ħames, fid-dawl tal-vulnerabbiltà tas-settur agrikolu għal kriżijiet maġġuri, Riżerva Speċjali ġdida għall-kriżijiet fis-settur agrikolu hija proposta b'ammont annwali ta' 500 miljun li għandha tiġi mmobilizzata lil hinn mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju. Il-proċedura għall-mobilizzazzjoni ta' din ir-Riżerva tikkorrispondi għal dik għar-Riżerva għal Għajnuna ta' Emerġenza. Regoli dettaljati għall-eliġibbiltà għall-assistenza minn din ir-Riżerva se jiġu stabbiliti fl-att legali speċifiku tagħhom.

6. Fl-aħħar nett, reviżjoni tal-qafas finanzjarju se tkompli tkun meħtieġa sabiex jiġu ffaċċjati ċirkostanzi mhux previsti b'impatt finanzjarju kbir. Sabiex ikun possibbli livell ta' flessibbiltà simili meta mqabbel mal-IIA kurrenti, huwa propost 'Marġini ta' Kontinġenza' li jista' jiġi mmobilizzat lil hinn mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju fi ħdan il-limiti ta' 0,03% tal-ING tal-UE permezz tal-istess proċedura kif stabbilit taħt il-Punt 22 tal-IIA kurrenti.

Id-dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà proposti għar-Regolament tal-MFF u l-abbozz tal-IIA isegwu l-approċċ tal-proposti ta' Marzu 2010: l-Artikolu 2 tar-Regolament jipprovdi għall-possibbiltà li jiġu mmobilizzati l-ammonti tal-istrumenti speċjali barra mill-qafas finanzjarju lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti mill-qafas finanzjarju. Id-dispożizzjonijiet dwar l-istrumenti nfushom, l-ammonti tagħhom u l-proċeduri tal-mobilizzazzjoni tagħhom huma inklużi fl-IIA. B'dan il-mod, il-koerenza tal-proċeduri u r-rwoli taż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit huma żgurati (ara l-Punti 10 sa 15 tal-Abbozz tal-IIA).

1.2.3. Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-garanziji

Jekk il-ħlas lura ta' self garantit ipprovdut skont il-Faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti ("BoP") jew skont il-Mekkaniżmu Ewropew għall-Istabbilizzazzjoni Finanzjarja ("EFSM") ikollu jiġi kopert mill-baġit tal-Unjoni, ir-Regolament Nru 1150/2000 jipprevedi l-possibilità li jissejħu riżorsi proprji addizzjonali sabiex jiġi rrispettat l-obbligu legali tal-baġit tal-Unjoni. Din l-operazzjoni ta' flus likwidi jkollha tiġi segwita b'operazzjoni baġitarja – jiġifieri l-introduzzjoni ta' baġit ta' emenda. Kull baġit ta' emenda għandu jikkonforma mal-limiti massimi tal-MFF. Fid-dawl tal-ammonti involuti (is-self garantit tal-EFSM u l-BoP), dan kważi ċertament jitlob reviżjoni tal-MFF.

Huwa improbabbli ħafna li qatt isseħħ din is-sitwazzjoni iżda sabiex tiġi evitata kull diffikultà potenzjali, huwa propost li fir-Regolament tal-MFF tiġi inkluża dispożizzjoni li teskludi din in-nefqa potenzjali mill-qafas finanzjarju (jiġifieri jekk ikun meħtieġ, l-ammonti jiġu mmobilizzati lil hinn mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju).

Il-limitu massimu relevanti li jirrestrinġi l-kapaċità tal-Unjoni sabiex tiggarantixxi s-self mill-baġit tal-Unjoni huwa l-limitu massimu tar-riżorsi proprji u mhux il-limitu massimu tal-MFF. Li tintalab reviżjoni tal-MFF fil-każ ta' attivazzjoni ta' din il-garanzija jidher li jmur kontra l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur.

1.2.4. Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' proġetti fuq skala kbira

Il-karatteristiċi ta' programmi kbar ta' żvilupp teknoloġiku bbażati fuq proġetti tal-infrastruttura fuq skala kbira, b'mod partikolari l-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita EGNOS u Galileo, jitolbu dispożizzjonijiet speċifiċi mmirati sabiex jiġu 'iżolati' l-ammonti li jikkorrispondu mal-kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni. Fid-dawl tal-esperjenza bil-qafas finanzjarju tal-2007-2013, dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda huma meħtieġa sabiex jiġi ssalvagwardjat l-iżvilupp ordnat tal-infiq tal-Unjoni u sabiex il-proċedura baġitarja annwali tiffunzjona mingħajr diffikultajiet.

L-atti leġiżlattivi li jirrigwardaw il-programmi msemmija hawn fuq għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet finanzjarji stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 2.1. Ir-Regolament tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali

Artikolu 1

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 1 jispeċifika t-tul tal-qafas finanzjarju u jirreferi għall-Anness li fih it-tabella tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 2 – Konformità mal-limitu massimu tal-MFF

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 jistabbilixxi obbligu għall-istituzzjonijiet biex jirrispettaw il-limiti waqt il-proċedura baġitarja f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

It-tieni paragrafu jintroduċi l-possibbiltà li jinqabżu l-limiti massimi, jekk ikun meħtieġ, meta jkunu mmobilizzati l-istrumenti li mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju. Ir-Riżerva tal-Għajnuna ta' Emerġenza, il-Fond tas-Solidarjetà, l-Istrument tal-Flessibbiltà, il-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u r-Riżerva li għadha kif inħolqot għall-kriżijiet fis-settur agrikolu u l-Marġini ta' Kontinġenza huma definiti fil-Punti 10 sa 15 tal-abbozz tal-IIA. Huma mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju u jiżguraw li jkun ipprovdut finanzjament f’ċirkostanzi speċifiċi li jaqbeż il-limiti massimu tal-qafas finanzjarju, jekk ikun hemm bżonn. Huma jżidu l-flessibbiltà tal-qafas finanzjarju u huma mmobilizzati b’mod konġunt miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit. Sabiex jinżamm il-livell kurrenti ta’ flessibbiltà u r-rwoli tal-istituzzjonijiet fil-mobilizzazzjoni ta’ dawn l-istrumenti, id-dispożizzjonijiet li jirregolawhom huma inklużi fl-abbozz tal-IIA.

It-tielet paragrafu jeskludi l-proċedura tal-mobilizzazzjoni tal-garanziji mill-baġit tal-Unjoni għas-self ipprovdut taħt il-Faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti u l-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbilizzazzjoni Finanzjarja mill-obbligu li tirrispetta l-limiti massimi tal-qafas finanzjarju u għalhekk mill-ħtieġa ta' reviżjoni tal-MFF. Il-limitu massimu relevanti li jeħtieġ li jiġi rrispettat huwa l-limitu massimu tar-riżorsi proprji.

Artikolu 3 – Rispett għal-limitu massimu tar-riżorsi proprji

Hija proposta bidla għal dan l-Artikolu meta mqabbel mal-proposta ta' Marzu 2010 – referenza espliċita għall-fatt li l-użu li jsir mill-istrumenti li jistgħu jiġu mobilizzati minn barra l-qafas finanzjarju u l-garanziji tas-self koperti mill-baġit tal-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 jew ir-Regolament (UE) Nru 407/2010 wkoll jenħtieġ li jirrispetta l-limitu massimu tar-riżorsi proprji.

Artikolu 4 – Aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju

Il-qafas finanzjarju huwa ppreżentat fi prezzijiet tal-2011. Il-proċedura għall-aġġustament tekniku tiegħu qed tinżamm, flimkien mad-deflatur ta' 2%. Huwa introdott element ġdid fil-paragrafu 1(c) – il-preżentazzjoni tal-ammont assolut tal-Marġini ta' kontinġenza fil-livell ta' 0,03% tal-ING tal-UE kif definit fil-Punt 15 tal-abbozz tal-IIA.

Artikolu 5 – Aġġustament tal-pakketti tal-politika tal-koeżjoni

Il-formulazzjoni ta' dan l-Artikolu tirriproduċi t-test tal-Punt 17 tal-IIA kurrenti u l-Artikolu 5 tal-proposta ta' Marzu 2010. Il-bidliet introdotti jirriflettu l-iskeda tal-qafas finanzjarju tal-2014-2020 u l-bidla fl-istruttura tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 6 – Aġġustamenti relatati mal-implimentazzjoni

Il-formulazzjoni ta' dan l-Artikolu, li jistabbilixxi regoli għall-aġġustamenti relatati mal-implimentazzjoni, jikkorrispondi mal-Punt 18 tal-IIA kurrenti. Ma huma proposti l-ebda tibdiliet meta mqabbla mal-proposta ta' Marzu 2010.

Artikolu 7 – Aġġustament tal-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond tal-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew tas-Sajd

Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test ta' Punt 48 tal-IIA kurrenti. It-tħejjija tal-bażijiet legali u mbagħad id-dokumenti tal-ipprogrammar normalment tieħu fit-tul u għalhekk tista' tiġi prevista adozzjoni tard tat-testi legali jew programmi.

Artikolu 8 – Aġġustamenti relatati mad-defiċit eċċessiv tal-gvern

Il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu, li jistabbilixxi r-regoli għall-aġġustamenti marbuta ma’ defiċit eċċessiv tal-gvern, jirriproduċi t-test ta’ Punt 20 tal-IIA kurrenti u ma nbidilx meta mqabbel mal-proposta ta' Marzu 2010.

Artikolu 9 – Reviżjoni tal-qafas finanzjarju

Il-formulazzjoni ta' dan l-Artikolu jikkorrispondi mal-Punti 21 sa 23 tal-IIA kurrenti u l-Artikolu 8 tal-proposta ta' Marzu 2010. Ġew introdotti xi ftit tibdiliet: 1. ir-regola ġenerali dwar iż-żmien meta ssir il-proposta għar-reviżjoni, kif inkluża fl-Artikolu 8(2) tal-proposta ta' Marzu 2010, tneħħiet billi ma kenitx tikkorrispondi mal-prattika kurrenti fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu ffaċċjati ċirkostanzi mhux previsti meta dawn iseħħu; 2. il-possibiltà li l-qafas finanzjarju jiġi adattat b'maġġoranza kwalifikata kif propost fl-Art. 8(3) f'Marzu 2010 ġiet irtirata (fid-dawl tat-twessigħ propost tal-istrumenti tal-flessibiltà, inkluża l-introduzzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza); u 3. ġie introdott paragrafu 5 ġdid li jispeċifika liema mill-aġġustamenti għall-qafas finanzjarju stipulati f'Artikoli oħra għandhom ukoll jitqiesu bħala reviżjoni tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 10 - L-aġġustament tal-qafas finanzjarju fil-każ ta’ reviżjoni tat-Trattat

Il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu, li jistabbilixxi r-regoli għall-aġġustamenti fil-każ ta’ reviżjoni tat-Trattat, jirriproduċi t-test ta’ Punt 4 tal-IIA kurrenti u jikorrispondi mal-Artikolu 9 tal-proposta ta' Marzu 2010.

Artikolu 11 – Aġġustament tal-qafas finanzarju f'każ ta' tkabbir

Il-formulazzjoni ta' dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Punt 29 tal-IIA kurrenti u l-Artikolu 11 tal-proposta ta' Marzu 2010.

Huwa introdott paragrafu ġdid b'referenza partikolari għal soluzzjoni komprensiva possibbli għall-problema ta' Ċipru matul il-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju.

Artikolu 12 – Koperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja

Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jikkorrispondu mal-proposta ta' Marzu 2010. Ir-regoli ġenerali tal-koperazzjoni fil-proċedura baġitarja huma inklużi fir-Regolament tal-MFF, filwaqt li l-abbozz tal-IIA u l-Anness tiegħu fihom dispożizzjonijiet aktar dettaljati.

Artikolu 13 – Finanzjament tal-Politika Estera u tas-Sigurtà Komuni (PESK)

Id-dispożizzjoni tal-proposta ta' Marzu 2010 hija miżmuma bl-eċċezzjoni tal-istabbiliment tal-ammont minimu għall-PESK.

Artikolu 14 – Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' proġetti fuq skala kbira

Huma meħtieġa dispożizzjonijiet speċifiċi għal programmi kbar ta' żvilupp teknoloġiku bbażati fuq proġetti tal-infrastruttura fuq skala kbira, partikolarment il-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita EGNOS u Galileo. Dawn id-dispożizzjonijiet huma meħtieġa minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta' dawk il-proġetti, jiġifieri tul li fil-biċċa l-kbira jeċċedi l-qafas finanzjarju multiannwali, riskji marbuta mal-proġett li jistgħu jipproduċu eċċessi sostanzjali fl-ispejjeż, parteċipazzjoni limitata jew nuqqas ta' parteċipazzjoni mill-kapital privat, u abilità modesta jew nuqqas ta' abilità li jiġi ġġenerat dħul minn sfruttament kummerċjali fuq perjodu ta' żmien qasir jew ta' tul medju.

Għaldaqstant, id-dispożizzjoni proposta tipprevedi 'iżolament' tal-ammont disponibbli għall-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita EGNOS u Galileo taħt il-qafas finanzjarju 2014-2020.

Artikolu 15 – Valutazzjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju

Hija inkluża dispożizzjoni ġdida li tistabbilixxi ż-żmien għal valutazzjoni ta' nofs it-terminu tal-funzjonament tal-qafas finanzjarju. Dispożizzjoni simili ġiet inkluża fl-IIA kurrenti (il-Punt 7 u d-Dikjarazzjoni Nru 1).

Artikolu 16 – Tranżizzjoni lejn il-qafas finanzjarju li jmiss

Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-obbligu għall-Kummissjoni li tippreżenta qafas finanzjarju ġdid qabel l-1 ta' Jannar 2018, jiġifieri tliet snin qabel it-tmiem tal-qafas finanzjarju.

It-tieni paragrafu jfakkar fir-regoli fil-każ li ma jintlaħaqx qbil dwar qafas finanzjarju sa tmiem il-qafas finanzjarju kopert mir-Regolament.

Artikolu 17

L-Artikolu finali tar-regolament MFF jiffissa d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament. L-IIA għandu jidħol fis-seħħ fl-istess jum billi ż-żewġ testi legali jikkumplimentaw lil xulxin.

2.2. Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-koperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba

Introduzzjoni – Punti 1 sa 6 tal-abbozz tal-IIA

Il-parti introduttorja tal-abbozz tal-IIA tintroduċi r-referenza tat-Trattat (Art. 295), in-natura vinkolanti ta' dan il-ftehim, il-koerenza tiegħu ma' atti legali oħra marbuta mal-qafas finanzjarju multiannwali u l-proċedura baġitarja, tiddeskrivi l-istruttura tal-Ftehim, u tistipula d-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ (l-istess data bħar-Regolament tal-MFF).

Hija tirriproduċi l-formulazzjoni tal-Punti 1 sa 6 tal-proposta ta' Marzu 2010.

Parti I - dispożizzjonijiet marbuta mal-qafas finanzjarju u strumenti speċjali li mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju

A. Dispożizzjonijiet marbuta mal-qafas finanzjarju

Il-Punt 7 jipprovdi għar-regoli dwar il-preżentazzjoni tal- informazzjoni dwar operazzjonijiet li mhumiex inklużi fil-baġit (jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp) u dwar l-iżvilupp ta’ kategoriji ta’ riżorsi proprji. Il-prattika li tiġi pprovduta din l-informazzjoni se tinżamm l-istess iżda qed ikun propost li tiġi ppreżentata mhux aktar mal-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju iżda mad-dokumenti li jakkumpanjaw l-abbozz tal-baġit fejn loġikament hu aktar postha. Iż-żmien tal-preżentazzjoni jibqa' prattikament l-istess (it-tmiem ta' April/il-bidu ta' Mejju). Din il-bidla diġà ġiet inkluża fil-proposta ta' Marzu 2010.

Il-Punt 8 tal-IIA il-ġdid jirrigwarda l-marġini taħt il-limiti massimi. Ir-Regolament tal-MFF jistabbilixxi l-limiti għall-intestaturi kollha li għandhom jiġu rrispettati waqt kull proċedura baġitarja annwali kif mitlub mit-Trattat. Madankollu, għandha tiġi ppriservata l-prattika li wieħed jiżgura kemm jista’ jkun marġini suffiċjenti taħt il-limiti massimi. Dan jikkostitwixxi element tal-koperazzjoni interistituzzjonali u r-rieda tajba min-naħa tal-istituzzjonjiet fil-proċedura baġitarja u bħala tali postu hu fl-IIA. Id-dispożizzjoni qed tinżamm mingħajr tibdil għall-prattika kurrenti u wkoll meta mqabbla mal-proposta ta' Marzu 2010.

Il-Punt 9 jipprovdi għal aġġornament tal-previżjoni għal approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet wara l-2020 fir-raba' sena tal-qafas finanzjarju, skont il-prattika kurrenti u l-proposta ta' Marzu 2010.

B. Dispożizzjonijiet relatati mal-istrumenti speċjali li mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju

L-istrumenti eżistenti li mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju (ir-Riżerva dwar l-Għajnuna ta’ Emerġenza, il-Fond ta’ Solidarjetà, l-istrument ta’ Flessibbiltà u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni) inżammu fl-IIA. Ir-Regolament tal-MFF jinkludi fl-Artikolu 2 il-possibbiltà li dawn jiġu mmobilizzati, jekk ikun meħtieġ, 'il fuq mil-limiti massimi stabbiliti mill-qafas finanzjarju. Dan il-qsim tad-dispożizzjonijiet bejn iż-żewġ atti jikkorrispondi mal-loġika ppreżentata fil-proposti ta' Marzu 2010.

It-tibdiliet imqabbla mal-proposta ta' Marzu 2010 jikkonsistu f'żieda fl-ammonti għall-Istrument tal-Flessibbiltà u r-Riżerva għal Għajnuna ta' Emerġenza, tnaqqis tal-ammont tal-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, l-introduzzjoni, suġġett għal dispożizzjoni li għandha tiġi introdotta fir-Regolament Finanzjarju, tal-possibilità li jintużaw porzjonijiet mhux użati tal-ammonti annwali disponibbli taħt l-EAR sas-sena n+1 u t-twessigħ tal-ambitu tiegħu sabiex ikopri wkoll sitwazzjonijiet ta' pressjoni partikolari li tirriżulta minn flussi migratorji fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni, il-prolongament ta' dik il-possibilità għall-Istrument tal-flessibbiltà mis-sena n+2 għas-sena n+3, kif ukoll it-tħassir tad-dispożizzjonijiet li jillimitaw l-ammonti annwali disponibbli taħt il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għad-disponibbiltà tal-ammonti mhux minfuqa u diżimpenjati mis-sentejn preċedenti u t-twessigħ tal-ambitu tiegħu sabiex jgħin fil-mitigazzjoni tal-effetti tal-globalizzazzjoni li jaffettwaw il-bdiewa. L-ammonti kollha huma espressi fi prezzijiet tal-2011 sabiex ikunu koerenti mal-preżentazzjoni globali tal-qafas finanzjarju. Il-proċeduri tal-mobilizzazzjoni huma ssimplifikati meta mqabbla mal-prattika kurrenti.

Hija proposta riżerva ġdida għal kriżijiet kbar fis-settur agrikolu. Regoli dettaljati għall-eliġibbiltà tal-għajnuna minn din ir-Riżerva se jiġu stabbiliti f'bażi legali speċifika. L-IIA jiddefinixxi l-ammont u r-regoli għall-mobilizzazzjoni tagħha.

Huwa propost strument ġdid barra mill-qafas finanzjarju – il-'Marġini ta' Kontinġenza'. Il-formulazzjoni tikkorrispondi, fis-sustanza, mad-dispożizzjonijiet adottati mill-Kunsill fil-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2011 dwar il-proposti ta' Marzu 2010. Madankollu, il-qsim tad-dispożizzjonijiet fuq il-Marġini tal-Kontinġenza jikkorrispondi mal-loġika tal-proposti ta' Marzu 2010 – jiġifieri ż-żamma fl-IIA tad-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-istrumenti speċjali barra mill-qafas finanzjarju.

Parti II - titjib tal-koperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja.

A. Il-proċedura tal- kollaborazzjoni interistituzzjonali

Id-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja ġew emendati b'mod sinifikanti meta mqabbla mar-regoli kurrenti sabiex jikkonformaw mal-proċedura baġitarja l-ġdida introdotta mit-Trattat. Id-dispożizzjonijiet kollha huma inklużi fl-Anness tal-IIA kif propost f'Marzu 2010.

Id-dispożizzjonijiet inklużi fl-anness jikkorrispondu mal-proposta ta' Marzu 2010 iżda jinkorporaw it-tibdiliet miftiehma ladarba minn dak iż-żmien 'l hawn fid-Dikjarazzjonijiet tal-istituzzjonijiet.

B. Inkorporazzjoni tad-dispożizzjonijiet finanzjarji f'atti leġiżlattivi

Id-dispożizzjonijiet tal-IIA kurrenti u b'hekk ukoll tal-proposta ta' Marzu 2010 huma miżmuma. Il-possibilità li wieħed jitbiegħed mill-ammonti inklużi fl-atti leġiżlattivi hija miżjuda minn 5% għal 10% sabiex tiżdied il-flessibbiltà fi ħdan l-intestaturi. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal ammont preallokat lill-Istati Membri għat-tul kollu tal-qafas finanzjarju u issa għall-proġett fuq skala kbira definit fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-MFF.

C. Infiq rigward ftehimiet dwar is-sajd

Qed jiġi propost li jiġu allinjati d-dispożizzjonijiet tal-IIA il-ġdid dwar in-nefqa relatata mal-ftehimiet dwar is-sajd mar-regoli baġitarji l-ġodda. It-tibdil propost fil-formulazzjoni jirrifletti dawk il-partijiet tat-test eżistenti li għadhom relevanti u jirrigwarda purament il-koperazzjoni tajba u li l-istituzzjonijiet jinżammu infurmati bl-iżviluppi. Id-dispożizzjonijiet jikkorrispondu mal-proposta ta' Marzu 2010, u l-ebda tibdil ma tqies bħala neċessarju.

D. Il-finanzjament tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni

Id-dispożizzjonijiet jikkorrispondu mal-proposta ta' Marzu 2010, u l-ebda tibdil ma tqies bħala neċessarju.

E. Involviment tal-istituzzjonijiet fil-ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp

Sabiex jittejjeb l-iskrutinju parlamentari tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) u dan jinġieb iqreb lejn ir-regoli tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp iffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni, huwa propost li tiġi introdotta dispożizzjoni ġdida dwar id-djalogu mal-Parlament Ewropew dwar id-dokumenti tal-ipprogrammar li għandhom jiġu ffinanzjati mill-EDF.

F. Il-koperazzjoni tal-istituzzjonijiet fil-proċedura baġitarja dwar in-nefqa amministrattiva

Hija introdotta dispożizzjoni ġdida mmirata sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet jiftiehmu kull sena fi stadju bikri tal-proċedura baġitarja (iż-żmien huwa introdott fl-Anness) dwar il-qsim tal-infiq amministrattiv; il-varjazzjoni annwali fil-livell tal-infiq amministrattiv għal kull istituzzjoni għandu wkoll jirrifletti l-impatt baġitarju possibbli minn tibdiliet għad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tal-persunal u l-impatt tat-tnaqqis progressiv tal-livelli tal-persunal b'5% bejn l-2013 u l-2018 fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha.

Parti III - Tmexxija finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE

Din il-parti tirriproduċi t-test tal-proposta ta' Marzu 2010 dwar l-Ipprogrammar finanzjarju (bi ftit aġġustamenti sabiex it-test jitqarreb lejn il-prattika kurrenti), u dwar l-Aġenziji u l-Iskejjel Ewropej (b'addizzjoni li ssegwi l-istess regoli għat-twaqqif ta' xi Aġenzija ġdida għall-modifika tal-att legali relevanti jew il-modifika tal-inkarigi ta' xi aġenzija u speċifikazzjoni dwar id-dettalji tal-valutazzjoni tal-impatt li għandha ssir mill-Kummissjoni qabel ma tippreżenta l-proposta għat-twaqqif ta' Aġenzija ġdida jew Skola Ewropea ġdida).

It-taqsima dwar Strumenti Finanzjarji Ġodda jew Innovattivi ma għadhiex neċessarja billi r-Regolament Finanzjarju se jinkludi Titolu ġdid iddedikat għal kollox għall-istrumenti finanzjarji u b'regoli dettaljati għar-rappurtar dwar dawk l-istrumenti.

2011/0177 (APP)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[7],

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[8],

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1) Il-limiti massimi annwali tal-approprjazzjonijiet għall-impenji skont il-kategorija tan-nefqa u l-limiti massimi annwali dwar l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-limiti massimi stabbiliti għall-impenji u r-riżorsi proprji fid-[Deċiżjoni tal-Kunsill XXXX/XX/UE, Euratom].

(2) Meta titqies il-ħtieġa ta' livell adegwat ta' prevedibbiltà għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' investimenti fuq perjodu ta' tul medju, it-tul tal-qafas finanzjarju għandu jiġi stabbilit għal seba' snin li jibdew mill-1 ta' Jannar 2014, b'valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju f'nofs dan il-perjodu. Ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni għandhom jitqiesu matul l-aħħar tliet snin tal-ħajja tal-qafas finanzjarju.

(3) Strumenti speċjali, ir-Riżerva għall-Għajnuna ta’ Emerġenza, il-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, l-Istrument tal-Flessibbiltà, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ir-Riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu u l-Marġini ta' Kontinġenza huma meħtieġa biex jippermettu lill-Unjoni tirreaġixxi għal ċirkostanzi speċifiċi mhux previsti jew biex jippermettu l-finanzjament ta’ infiq identifikat b’mod ċar li ma setax jiġi ffinanzjat fi ħdan il-limiti massimi disponibbli għal intestatura waħda jew aktar kif stabbilit fil-qafas finanzjarju. Għalhekk hu neċessarju li jkun hemm provvediment għal possibbiltà li jiddaħħlu fil-baġit approprjazzjonijiet għall-impenji 'l fuq mil-limiti massimi stabbiliti fil-qafas finanzjarju fejn hu meħtieġ li jintużaw strumenti speċjali.

(4) Jekk ikun meħtieġ li jiġu mmobilizzati l-garanziji baġitarji tal-Unjoni għas-self ipprovdut taħt il-Faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti u l-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbilizzazzjoni Finanzjarja stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi assistenza finanzjarja għal perjodu ta' tul medju għall-bilanċi tal-pagamenti tal-Istati Membri[9] u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew tal-istabbilizzazzjoni finanzjarja[10], l-ammont neċessarju għandu jiġi mmobilizzat 'il fuq mil-limitu massimu tal-approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet tal-qafas finanzjarju filwaqt li jiġi rrispettat il-limitu massimu tar-riżorsi proprji.

(5) Il-qafas finanzjarju għandu jiġi stabbilit bil-prezzijiet tal-2011. Ir-regoli għall-aġġustamenti tekniċi tal-qafas finanzjarju biex jiġu kkalkulati mill-ġdid il-limiti massimi u l-marġini disponibbli għandhom jiġu stabbiliti wkoll.

(6) Il-qafas finanzjarju ma għandux iqis il-partiti tal-baġit iffinanzjati mid-dħul assenjat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru [xxx/201x] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' […] dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni[11].

(7) Għandhom jiġu stabbiliti regoli għal sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jitolbu aġġustament tal-qafas finanzjarju. Dawn l-aġġustamenti jistgħu jkunu relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, defiċit eċċessiv tal-gvern, reviżjoni tat-Trattati, tkabbir jew adozzjoni tard ta' regoli ġodda li jirrigwardaw ċerti oqsma ta' politika.

(8) Il-pakketti nazzjonali għall-Koeżjoni għat-tkabbir u l-impjiegi huma stabbiliti fuq il-bażi tal-previżjoni għall-Prodott Domestiku Gross (minn hawn 'il quddiem il-"PDG") tar-rebbiegħa 2011. Fid-dawl tal-inċertezzi fit-tbassir u l-impatt għall-Istati Membri b'limitu massimu, għandha ssir valutazzjoni f'nofs it-terminu sabiex tqabbel il-PDG imbassar u dak reali u l-impatt tiegħu fuq il-pakketti. Fil-każ li l-PDG għall-2014-2016 jitbiegħed b'aktar minn +/- 5% mill-previżjoni użata fl-2011, il-pakketti għall-2018-2020 għall-Istati Membri kkonċernati jkun jenħtieġ li jiġu aġġustati. Huwa meħtieġ li jiġu stipulati r-regoli għal dan l-aġġustament.

(9) Jista' jkun meħtieġ li l-qafas finanzjarju jiġi revedut fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti li ma jistgħux jiġu trattati fi ħdan il-limiti massimi stabbiliti tal-qafas finanzjarju. Għalhekk, huwa neċessarju li jkun hemm dispożizzjoni għal reviżjoni tal-qafas finanzjarju f'każijiet bħal dawn.

(10) Hu meħtieġ li jkun hemm provvedimenti għal regoli ġenerali dwar koperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja.

(11) Sabiex il-proċedura baġitarja tkun tista' timxi mingħajr skossi, hu meħtieġ li jiġu stipulati r-regoli bażiċi għall-ibbaġittjar tan-nefqa għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u ammont globali għall-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju.

(12) Arranġamenti ddettaljati dwar koperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja u dwar l-ibbaġittjar tan-nefqa għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni huma stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali ta’ […] 201x bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba u l-koperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji[12].

(13) Huma meħtieġa wkoll regoli speċifiċi sabiex wieħed jittratta l-proġetti l-kbar tal-infrastruttura li l-ħajja tagħhom testendi sostanzjalment lil hinn mill-perjodu stabbilit għall-qafas finanzjarju. Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti ammonti massimi għall-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni għal dawk il-proġetti. Dawk it-talbiet ma għandhom ikollhom l-ebda impatt fuq proġetti oħra ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni.

(14) Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju multiannwali ġdid qabel l-1 ta' Jannar 2018 biex tagħmilha possibbli għall-istituzzjonijiet li jadottawh kmieni biżżejjed qabel jibda l-qafas finanzjarju li jmiss. Il-qafas finanzjarju stabbilit f’dan ir-Regolament għandu jibqa’ japplika jekk il-qafas finanzjarju l-ġdid ma jiġix adottat qabel it-tmiem tat-terminu tal-qafas finanzjarju stabbilit f'dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali

Il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2014-2020 (minn issa ’l quddiem imsejjaħ il-qafas finanzjarju) hu stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2 Il-Konformità mal-limiti massimi tal-qafas finanzjarju

1. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkonformaw mal-limiti massimi tan-nefqa annwali, stabbiliti fil-qafas finanzjarju, waqt kull proċedura baġitarja u meta jimplimentaw il-baġit għas-sena kkonċernata.

2. L-approprjazzjonijiet għall-impenji jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi tal-intestaturi relevanti stabbiliti fil-qafas finanzjarju fejn huwa neċessarju li jintużaw ir-riżorsi mir-Riżerva tal-Għajnuna ta' Emerġenza, il-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, l-Istrument tal-Flessibbiltà, il-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ir-Riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu u l-Marġini ta' Kontinġenza f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002[13], ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14], ir-Regolament Nru xxxx/201x tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15] u l-Ftehim Interistituzzjonali ta' […] 201x dwar il-koperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (minn hawn 'il quddiem il-Ftehim Interistituzzjonali).

3. Fejn ikun meħtieġ li tiġi mmobilizzata garanzija għal self koperta mill-baġit tal-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 jew ir-Regolament (UE) Nru 407/2010, din għandha tkun lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fil-qafas finananzjarju.

Artikolu 3 Ir-Rispett tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji

1.           Għal kull waħda mis-snin koperti mill-qafas finanzjarju, l-approprjazzjonijiet totali għall-ħlasijiet meħtieġa, wara li jsir l-aġġustament annwali u wara li jitqiesu aġġustamenti jew reviżjonijiet oħra, kif ukoll l-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 2, ma għandhomx ikunu tali li jipproduċu rata ta' ġbir tar-riżorsi proprji li taqbeż il-limitu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id- [Deċiżjoni XXXX/XX/UE, Euratom].

2.           Fejn ikun meħtieġ, il-limiti stabbiliti fil-qafas finanzjarju għandhom jitbaxxew sabiex tiġi żgurata konformità mal-limiti massimi tar-riżorsi proprji stabbiliti skont id-[Deċiżjoni XXXX/XX/UE, Euratom].

Artikolu 4 Aġġustamenti tekniċi

1.           Kull sena, il-Kummissjoni, li għandha taġixxi qabel il-proċedura baġitarja għas-sena n+1, għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi li ġejjin għall-qafas finanzjarju:

(a)     rivalutazzjoni, skont il-prezzijiet tas-sena n+1, tal-limiti massimi u tal-figuri ġenerali għall-approprjazzjonijiet għall-impenji kif ukoll għall-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet;

(b)     kalkolu tal-marġini disponibbli taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-[Deċiżjoni XXXX/XX/UE, Euratom];

(c)     kalkolu tal-ammont assolut tal-Marġini ta' Kontinġenza stipulat fil-Punt 15 tal-Ftehim Interistituzzjonali.

2.           Il-Kummissjoni għandha twettaq dawn l-aġġustamenti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta’ deflatur fiss ta’ 2% kull sena.

3.           Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi msemmija f’paragrafu 1 u l-previżjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikunu bbażati.

4.           Ma jista' jsir l-ebda aġġustament tekniku ieħor dwar is-sena in kwistjoni, la matul is-sena u lanqas bħala korezzjonijiet wara l-fatt fi snin sussegwenti.

Artikolu 5 Aġġustament tal-pakketti tal-politika tal-koeżjoni

1. Fl-aġġustament tekniku tiegħu għas-sena 2018, jekk jiġi stabbilit li l-Prodott Domestiku Gross ("PDG") kumulattiv ta' xi Stat Membru għas-snin 2014-2016 ikun tbiegħed b'aktar minn +/- 5 % mill-PDG kumulattiv stmat fl-2011 għall-istabbiliment tal-pakketti tal-politika ta' koeżjoni għall-Istati Membri għall-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-ammonti allokati mill-fondi li jappoġġjaw il-koeżjoni għall-Istat Membru kkonċernat għal dak il-perjodu.

2. L-effett nett totali, kemm jekk pożittiv kif ukoll jekk negattiv, tal-aġġustamenti msemmija fil-paragrafu 1 ma jistax jaqbeż it-EUR 3 biljun.

3. L-aġġustamenti meħtieġa għandhom jitqassmu fi proporzjonijiet ugwali fuq is-snin 2018-2020 u l-limiti massimi li jikkorrispondu magħhom tal-qafas finanzjarju għandhom jiġu mmodifikati skont dan.

Artikolu 6 Aġġustamenti relatati mal-implimentazzjoni

Meta tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi tal-qafas finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tippreżenta kwalunkwe proposta għall-aġġustamenti għall-approprjazzjonijiet totali għall-ħlasijiet li din tkun tqis bħala meħtieġa, fid-dawl tal-implimentazzjoni, biex tkun żgurata progressjoni bl-ordni fir-rigward tal-approprjazzjonijiet għall-impenji. Id-deċiżjonijiet dwar dawn il-proposti għandhom jittieħdu qabel l-1 ta’ Mejju tas-sena n.

Artikolu 7 Aġġustament tal-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond tal-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew tas-Sajd.

1. Fil-każ tal-adozzjoni wara l-1 ta' Jannar 2014 ta' regoli jew programmi ġodda li jiggvernaw il-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond tal-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għas-Sajd, il-qafas finanzjarju għandu jiġi aġġustat sabiex jittrasferixxi għal snin sussegwenti, lil hinn mil-limiti tal-infiq relevanti, l-allokazzjonijiet mhux użati fl-2014.

2. L-aġġustament dwar it-trasferiment ta' allokazzjoni mhux użata għas-sena 2014 għandu jiġi adottat qabel l-1 ta' Mejju 2015.

Artikolu 8 Aġġustamenti marbuta ma’ defiċit eċċessiv tal-gvern

Fil-każ tat-tneħħija ta' sospensjoni tal-impenji baġitarji li jirrigwardaw il-Fond ta' Koeżjoni fil-kuntest ta' proċedura ta' defiċit eċċessiv tal-gvern, il-Kunsill, f'konformità mat-Trattat u mal-att bażiku relevanti, għandu jiddeċiedi dwar trasferiment ta’ impenji sospiżi għas-snin ta’ wara. L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jerġgħu jidħlu fil-baġit ta’ wara s-sena n+2.

Artikolu 9 Reviżjoni tal-qafas finanzjarju

1. F'każ ta' ċirkostanzi mhux previsti, il-qafas finanzjarju jista' jiġi revedut f'konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit f'konformità mad-[Deċiżjoni XXXX/XX/UE, Euratom].

2. Kwalunkwe proposta għal reviżjoni tal-qafas finanzjarju f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tqis il-potenzjal għar-riallokazzjoni tan-nefqa bejn il-programmi koperti mill-intestatura kkonċernata bir-reviżjoni, b’referenza partikolari għal kwalunkwe sottoutilizzazzjoni mistennija tal-approprjazzjonijiet. Fejn ikun possibbli, ammont sinifikanti, f'termini assoluti u bħala persentaġġ tan-nefqa l-ġdida ppjanata, għandu jkun taħt il-limitu massimu eżistenti għall-intestatura.

3. Kwalunkwe reviżjoni tal-qafas finanzjarju f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tqis il-possibilitajiet għal kumpens għal kull żieda fil-limitu massimu għal intestatura waħda bit-tnaqqis tal-limitu massimu għal oħra.

4. Kwalunkwe reviżjoni fil-qafas finanzjarju f'konformità mal-paragrafu 1 għandha żżomm relazzjoni xierqa bejn l-impenji u l-ħlasijiet.

5. L-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 3(2), 6, 7, 8, 10, 11 u 16 ukoll jikkostitwixxu reviżjoni tal-qafas finanzjarju.

Artikolu10 L-aġġustament tal-qafas finanazjarju fil-każ ta’ reviżjoni tat-Trattati

Jekk isseħħ reviżjoni tat-Trattat b'implikazzjonijiet baġitarji waqt il-qafas finanzjarju, l-aġġustamenti meħtieġa għall-qafas finanzjarju għandhom isiru skont dan.

Artikolu 11 L-aġġustament tal-qafas finanzjarju fil-każ ta' tkabbir u tal-unifikazzjoni ta' Ċipru

Jekk Stati Membri ġodda jissieħbu fl-Unjoni waqt il-perjodu kopert bil-qafas finanzjarju, il-qafas finanzjarju għandu jkun aġġustat biex jitqiesu l-ħtiġijiet tan-nefqa li jirriżultaw mill-eżitu tan-negozjati għad-dħul.

Fil-każ tal-unifikazzjoni ta' Ċipru matul il-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju, dan tal-aħħar għandu jiġi aġġustat sabiex iqis il-ftehim komprensiv dwar il-problema ta' Ċipru u l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali li jirriżultaw mill-unifikazzjoni.

Artikolu12 Koperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem l-istituzzjonijiet) għandhom jieħdu kwalunkwe miżura biex jiffaċilitaw il-proċedura baġitarja annwali.

L-istituzzjonijiet għandhom jikkoperaw b’rieda tajba matul il-proċedura bil-għan li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom. L-Istituzzjonijiet għandhom jikkoperaw permezz ta’ kuntatti interistituzzjonali xierqa biex isegwu l-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta’ konverġenza fl-istadji kollha tal-proċedura.

L-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm jista' jkun sabiex ikun possibbli li l-proċedimenti jitwettqu b'manjiera koerenti u konverġenti, u jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit.

Jistgħu jitlaqqgħu trilogi f’kull stadju tal-proċedura u fil-livelli differenti tar-rappreżentazzjoni, skont in-natura tad-diskussjoni mistennija. Kull istituzzjoni, f'konformità mar-regoli ta’ proċedura tagħha, għandha taħtar il-parteċipanti tagħha fil-laqgħat, tiddefinixxi l-mandat tagħha għan-negozjati u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-arranġamenti għal-laqgħat fi żmien adegwat.

Artikolu 13 Il-finanzjament tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni

L-ammont totali tan-nefqa operattiva tal-Politika estera u ta’ sigurtà komuni (minn issa ’l quddiem “il-PESK”) għandha tiddaħħal kollha kemm hi f’kapitolu wieħed tal-baġit, intitolat PESK. Dak l-ammont għandu jkopri l-bżonnijiet reali prevedibbli, evalwati fil-qafas tal-istabbiliment tal-abbozz tal-baġit, fuq il-bażi ta’ previżjonijiet imfassla kull sena mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u marġini raġonevoli għall-azzjonijiet mhux previsti. L-ebda fondi ma jistgħu jiddaħħlu f'riżerva.

Artikolu 14 Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' proġetti fuq skala kbira

Ammont massimu ta' EUR 7 000 miljun fi prezzijiet tal-2011 għandu jkun disponibbli għall-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) mill-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020.

Artikolu 15 Valutazzjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju

Fl-2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju, bi proposti relevanti fejn ikun neċessarju.

Artikolu 16 Tranżizzjoni lejn il-qafas finanzjarju li jmiss

Qabel l-1 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju multiannwali ġdid.

Jekk ma jiġi adottat l-ebda regolament tal-Kunsill li jiddetermina qafas finanzjarju multiannwali ġdid qabel il-31 ta' Diċembru 2020, il-limiti massimi u d-dispożizzjonijiet l-oħra li jikkorrispondu għall-aħħar sena tal-qafas finanzjarju eżistenti għandhom jiġu estiżi sakemm jiġi adottat regolament li jiddetermina qafas finanzjarju ġdid. Jekk Stati Membri ġodda jidħlu fl-Unjoni wara l-2020, il-qafas finanzjarju estiż għandu, jekk meħtieġ, jiġi aġġustat sabiex iqis ir-riżultati tan-negozjati tal-adeżjoni.

Artikolu 17 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ….

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President                                                                       

ANNESS

Tabella tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali

[1]               Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja u titjib tal-proċedura baġitarja, iffirmat mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 1988, (ĠU L 185, 15.7.1988, p.33).

[2]               Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1).

[3]               COM(2010) 72 u COM(2010) 73

[4]               COM(2011) 500, 29.6.2011.

[5]               COM(2010) 185 finali tas-27.4.2010, kapitolu 2 (paġni 4 sa 13).

[6]               COM(2010) 700 finali tad-19.10.2010, b'mod partikolari t-taqsima 4.5 sa 4.7 (paġni 23 sa 25).

[7]               ĠU C , , p. .

[8]               ĠU C , , p. .

[9]               ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1

[10]             ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

[11]             ĠU L .

[12]             ĠU C …

[13]             ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

[14]             ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[15]             ĠU L , , p.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet