EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0326

Proposta għal DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta' komunikazzjoni mal-arrest

/* KUMM/2011/0326 finali - 2011/0154 (COD) */

52011PC0326

Proposta għal DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta' komunikazzjoni mal-arrest /* KUMM/2011/0326 finali - 2011/0154 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           Introduzzjoni

1.           Din il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi komuni dwar id-drittijiet ta’ persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali madwar l-Unjoni Ewropea biex ikollhom aċċess għal avukat u sabiex, malli jiġu arrestati, jikkomunikaw ma' terza persuna, bħal qarib, min iħaddimhom jew awtorità konsolari. Il-proposta hija l-pass li jmiss f’sensiela ta’ miżuri li jinsabu fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, li ġiet annessa mal-Programm ta' Stokkolma, liema programm ġie approvat mill-Kunsill Ewropew fl-10 u fil-11 ta' Diċembru 2010. Il-Pjan Direzzjonali jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti fuq bażi gradwali. Din il-proposta għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala parti minn pakkett komprensiv ta' leġiżlazzjoni li għandu jiġi ppreżentat matul is-snin li ġejjin u li se jipprovdi sett minimu ta' drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali fl-Unjoni Ewropea. Il-kwistjoni tal-benefiċċju tal-għajnuna legali, li fil-Pjan Direzzjonali ġiet indirizzata flimkien ma' dik tal-aċċess għal avukat, ħaqqha proposta separata minħabba l-ispeċifiċità u l-kumplessità tas-suġġett.

2.           L-ewwel pass kien id-Direttiva 2010/64/UE tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni.[1]

3.           It-tieni pass se jkun Direttiva, li bħalissa qed tiġi nnegozjata fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni[2], dwar id-dritt għall-informazzjoni, li se tistabbilixxi regoli minimi dwar id-dritt li wieħed jirċievi informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħu u dwar l-akkużi kif ukoll dwar id-dritt ta' aċċess għall-proċess tal-kawża.

4.           Din il-proposta, bħaż-żewġ miżuri ta' qabilha għandha l-iskop li ttejjeb id-drittijiet tal-persuni ssuspettati jew akkużati. Li jkun hemm standards minimi komuni li jirregolaw dawn id-drittijiet għandu jżid il-fiduċja reċiproka fost l-awtoritajiet ġudizzjarji u b'hekk jiffaċilita l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku. Li jkun hemm ċertu livell ta' kompatibbiltà bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri huwa essenzjali biex titjieb il-koperazzjoni ġudizzjarja fl-UE.

5.           Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dak l-Artikolu jistabbilixxi li "[f]ejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali ta' natura transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' direttivi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi. Dawn ir-regoli għandhom jieħdu kont tad-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri.

              Dawn għandhom jikkonċernaw:

              (a) l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati Membri;

              (b) id-drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali;

              ċ) id-drittijiet ta' vittmi tal-kriminalità;

              (d)[…]."

6.           L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jipprovdi għad-dritt għal proċess imparzjali. L-Artikolu 48 jiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża u għandu l-istess tifsira u kamp ta' applikazzjoni bħad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 6(3) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB)[3]. L-Artikolu 6(3)(b) tal-KEDB jistipula li kull min jiġi mixli b'reat kriminali għandu d-dritt li "jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għat-tħejjija tad-difiża tiegħu" filwaqt li l-Artikolu 6(3)(c) jinkorpora d-dritt li "wieħed jiddefendi ruħu huwa stess jew permezz ta' għajnuna legali magħżula minnu". L-Artikolu 14(3) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR)[4] fih dispożizzjonijiet simili ħafna. Kemm id-dritt ta' aċċess għal avukat u d-dritt li mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna jipprovdu salvagwardji formali kontra t-trattament ħażin u għalhekk huma jservu ta' protezzjoni kontra ksur potenzjali tal-Artikolu 3 tal-KEDB (il-projbizzjoni kontra t-trattament ħażin). Id-dritt li mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna jippromwovi d-dritt għal rispett tal-ħajja privata u tal-familja li jinsab fl-Artikolu 8 tal-KEDB. Il-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsolari (il-VCCR)[5] tipprovdi li ċittadin barrani, mal-arrest jew mad-detenzjoni tiegħu, għandu d-dritt li jitlob biex il-konsolat tiegħu jiġi infurmat bid-detenzjoni u biex jirċievi żjajjar mill-uffiċjali konsolari.

7.           Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tal-impatt bħala bażi għal din il-proposta. Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/governance....

2.           Sfond

8.           L-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprovdi li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE. L-Artikolu 6(1) tat-TUE jipprovdi li l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, kif adattata fi Strasburgu, fit-12 ta' Diċembru 2007[6], li għandu jkollha l-istess valur legali bħat-TFUE u t-TUE. Il-Karta hija indirizzata lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-UE, bħal fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali fl-Unjoni Ewropea.

9.           Fl-2004 il-Kummissjoni ressqet proposta komprensiva[7] għal leġiżlazzjoni li tkopri l-aktar drittijiet importanti tal-imputati fi proċedimenti kriminali. Din il-proposta ma ġietx adottata mill-Kunsill.

10.         Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill dwar il-Ġustizzja adotta Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali[8] li jsejjaħ għall-adozzjoni ta' miżuri li jkopru l-iktar drittijiet proċedurali bażiċi, ibbażat fuq approċċ "gradwali" u li jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti għal dan il-għan. Il-Kunsill għaraf li, sa issa, għadu ma sarx biżżejjed fil-livell Ewropew biex id-drittijiet fundamentali ta' individwi fi proċedimenti kriminali jiġu ssalvagwardjati. Il-benefiċċju sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE se jinħass biss ladarba l-miżuri kollha jiġu trasposti f'leġiżlazzjoni. It-tielet u r-raba' miżura fil-Pjan Direzzjonali jirrigwardaw id-dritt ta' aċċess għal avukat u d-dritt li jkun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna, bħal qarib, min iħaddem jew xi awtorità konsolari.

11.         Il-Programm ta' Stokkolma, li ġie adottat mill-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009[9], reġa' afferma l-importanza tad-drittijiet tal-individwu fi proċedimenti kriminali bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea u bħala komponent essenzjali tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-fiduċja pubblika fl-UE. Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwi għandha wkoll twarrab l-ostakoli għall-moviment ħieles. Il-Programm ta' Stokkolma jsemmi l-Pjan Direzzjonali bħala parti integrali mill-programm multiannwali u jappella lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għall-implimentazzjoni rapida tiegħu.

3.           Id-dritt ta' aċċess għal avukat kif stabbilit mill-karta u mill-KEDB

12.         L-Artikolu 6 tal-Karta – Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà – jistipula li:

"Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà."

L-Artikolu 47 tal-Karta – Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali – jipprovdi li:

"(…) Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata (…)."

L-Artikolu 48 tal-Karta – Il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għad-difiża – jistipula li:

‘2. Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta' kull imputat."

Fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha, il-Karta tiggarantixxi u tirrifletti d-drittijiet li jikkorrispondu għal dawk li jinsabu fil-KEDB.

L-Artikolu 6 – Dritt għal proċess imparzjali – jistipula li:

              "(3) Kull min ikun akkużat b'reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

              (b) li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu

              (c) li jiddefendi ruħu huwa stess jew permezz ta' assistenza legali magħżula minnu[…]"

13.         Diversi deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) iċċaraw il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Qorti ddeċidiet ripetutament li l-Artikolu 6 għandu japplika għall-istadju ta' qabel il-proċess tal-proċedimenti kriminali[10] u li l-persuna ssuspettata trid tiġi offruta l-assistenza ta' avukat fl-istadji inizjali tal-interrogazzjoni mill-pulizija[11] u, malli tiġi miċħuda mil-libertà tagħha, irrispettivament minn kwalunkwe interrogazzjoni[12]. Il-Qorti ddeċidiet ukoll li dawn il-garanziji għandhom japplikaw għax-xhieda meta dawn, fir-realtà, ikunu ssuspettati li wettqu reat kriminali, minħabba li l-kwalifika formali tal-persuna hija immaterjali[13]. Fil-każ ta' Panovits[14], il-QEDB ddeċidiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 6 meta d-dikjarazzjonijiet li saru mill-persuna ssuspettata fin-nuqqas tal-avukat tagħha ntużaw biex din tinstab ħatja, minkejja li dawn ma kinux l-uniċi provi disponibbli. Il-Qorti sabet li n-nuqqas ta' assistenza legali matul l-interrogazzjoni ta' rikorrent jikkostitwixxi restrizzjoni tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet b'saħħithom ħafna li ma jkunux ta' ħsara għall-ġustizzja globali tal-proċedimenti[15]. Matul l-aħħar snin, in-numru ta' lmenti dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat kien qed jikber gradwalment. Mingħajr l-implimentazzjoni xierqa tal-ġurisprudenza tal-QEDB, l-Istati Membri x'aktarx iġarrbu spejjeż sostanzjali bħala riżultat ta' danni likwidati mogħtija mill-Qorti lil rikorrenti li jirbħu l-kawżi tagħhom[16].

14.         Skont il-mandat stabbilit fil-Pjan Direzzjonali dwar id-Drittijiet Proċedurali, din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi fil-livell tal-UE li jirregolaw id-dritt ta' persuni ssuspettati jew akkużati li jkollhom aċċess għal avukat. Hija għalhekk tippromwovi l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, b'mod partikolari, l-Artikoli 6, 47 u 48 tagħha, billi tibni fuq l-Artikolu 6 tal-KEDB kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

4.           Id-dritt li mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna

15.         Persuna ssuspettata jew akkużata li tiġi miċħuda mil-libertà tagħha għandu jkollha d-dritt li, mal-arrest, tikkomunika ma' minn tal-anqas persuna waħda nnominata minnha, bħal qarib tagħha jew min iħaddimha. L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li r-rappreżentanti legali ta' tfal li jkunu ssuspettati jew akkużati b'reat kriminali jiġu infurmati mill-aktar fis possibbli meta dawnjinżammu f'kustodja u bir-raġunijiet li għalihom ikunu ttieħdu f'kustodja, sakemm dan ma jkunx imur kontra l-interessi tat-tifel/tifla inkwistjoni. Dan id-dritt għandu biss ikun suġġett għal deroga f'ċirkustanzi limitati ħafna.

16.         Meta l-persuna detenuta ma tkunx ċittadina, ikun xieraq li l-awtoritajiet konsolari tal-Istat ta' dik il-persuna jiġu mgħarrfa. Is-suspettati u l-imputati barranin huma grupp vulnerabbli li huwa identifikabbli faċilment, li xi drabi jkun jeħtieġ protezzjoni addizzjonali bħal dik offruta mill-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsolari (il-VCCR), li tipprevedi li, meta jiġi arrestat jew detenut, ċittadin barrani għandu d-dritt li jitlob biex il-konsolat tiegħu jiġi infurmat bid-detenzjoni u biex jirċievi żjajjar mill-uffiċjali konsolari.

5            Dispożizzjonijiet speċifiċi

Artikolu 1 — Għan

17.         L-għan tad-Direttiva huwa li tistabbilixxi r-regoli dwar id-drittijiet tal-persuni ssuspettati jew akkużati u l-persuni suġġetti għal Mandat ta' Arrest Ewropew biex ikollhom aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali kontrihom, u r-regoli dwar id-dritt tal-persuni ssuspettati jew akkużati li jiġu miċħuda mil-libertà tagħhom li, mal-arrest, jikkomunikaw ma' terza persuna.

Artikolu 2 — Kamp ta' applikazzjoni

18.         Id-Direttiva tapplika minn meta persuna tiġi mgħarrfa mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru, permezz ta' notifika uffiċjali jew mod ieħor, li hija tinsab taħt suspett jew akkużata li kkommettiet reat kriminali sa tmiem l-proċedimenti (inkluż kwalunkwe appell).

19.         Il-proċedimenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew (EAW)[17] huma espliċitament koperti. Id-Direttiva tiddikjara li l-garanziji proċedurali li jinsabu fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta u fl-Artikoli 5 u 6 tal-KEDB japplikaw għal proċeduri ta' konsenja bbażati fuq il-Mandat ta' Arrest Ewropew.

Artikolu 3 – Id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali

20.         Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li kull persuna ssuspettata jew akkużata fi proċedimenti kriminali għandu jkollha aċċess għal avukat mill-aktar fis possibbli, fi żmien u b'tali mod li jippermettilha teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha. L-aċċess għal avukat irid jingħata l-aktar tard maċ-ċaħda tal-libertà, mill-aktar fis possibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta' kull każ. Irrispettivament minn kwalunkwe ċaħda tal-libertà, l-aċċess għal avukat irid jingħata malli jkun hemm l-interrogazzjoni. Irid jingħata wkoll meta jkun hemm xi att proċedurali jew ta' ġbir ta' provi li jkun jirrikjedi jew li matulu tkun permessa l-preżenza tal-persuna ssuspettata jew akkużata, ħlief meta l-provi li jkunu jridu jinġabru jistgħu jinbidlu, jitneħħew jew jiġu distrutti minħabba ż-żmien li jkun meħtieġ sakemm jasal l-avukat. Dan jirrifletti l-ġurisprudenza tal-QEDB li diġà stabbilixxiet li persuna ssuspettata għandha tiġi offruta l-assistenza ta' avukat "sa mill-istadji inizjali tal-interrogazzjoni mill-pulizija" u malli tiġi miċħuda mil-libertà tagħha, irrispettivament minn kwalunkwe interrogazzjoni.

Artikolu 4 – Kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal avukat

21.         Dan l-Artikolu jistabbilixxi dawk l-attivitajiet li l-avukat li jirrappreżenta lill-persuna akkużata jew ssuspettata jrid ikollu dritt li jwettaq biex jiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, inklużi laqgħat mal-persuna ssuspettata jew akkużata ta' tul u frekwenza adegwati biex jiġi żgurat li d-drittijiet tad-difiża jiġu eżerċitati b'mod effettiv; id-dritt li jattendi kull interrogazzjoni jew smigħ; suġġett għall-eċċezzjoni msemmija hawn fuq fejn id-dewmien jista' jkollu effett fuq id-disponibbiltà tal-provi, id-dritt li jattendi għal kull att ta' investigazzjoni jew ta' ġbir ta' provi li għalih il-liġi nazzjonali applikabbli tkun tirrikjedi jew tkun tippermetti espressament il-preżenza tal-persuna ssuspettata jew akkużata; id-dritt ta' aċċess għall-post ta' detenzjoni biex jivverifika l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jirriflettu diversi sentenzi ripetuti tal-QEDB li jenfasizzaw li l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża jrid ikun effettiv u li jidentifikaw dawk l-attivitajiet[18] li avukat li jkun qed jirrappreżenta persuna ssuspettata jew akkużata jrid ikun permess li jwettaq.

Artikolu 5 – Id-dritt li, mal-arrest, ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna

22.         Dan l-Artikolu jipprovdi għad-dritt ta' persuni li jiġu miċħuda mil-libertà tagħhom fi proċedimenti kriminali biex jikkomunikaw mill-aktar fis possibbli wara l-arrest ma' persuna waħda nnominata minnhom, li x'aktarx ikun xi qarib tagħhom jew min iħaddimhom, sabiex jinfurmawha dwar id-detenzjoni. Ir-rappreżentanti legali ta' tfal miċħuda mil-libertà tagħhom għandhom jiġu mgħarrfa mill-aktar fis possibbli bil-kustodja tat-tifel/tifla inkwistjoni u bir-raġuni għaliha, sakemm dan ma jkunx imur kontra l-aħjar interessi tiegħu/tagħha. Meta ma jkunx possibbli li jkun hemm komunikazzjoni mal-persuna magħżula mill-persuna detenuta jew li din tiġi nnotifikata minkejja li jsiru l-aħjar sforzi biex dan isir (pereżempju jekk il-persuna magħżula ma tweġibx it-telefown), il-persuna detenuta għandha tiġi mgħarrfa bil-fatt li n-notifika ma tkunx seħħet. Hija l-liġi nazzjonali li għandha tirregola kwalunkwe konsegwenzi għal dan. Jista' biss ikun hemm deroga minn dan id-dritt fiċ-ċirkustanzi limitati li jinsabu fl-Artikolu 8. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jirriflettu l-appell li sar mill-Kummissjoni Ewropea biex ikun hemm ġustizzja aktar adattata għat-tfal fl-Ewropa[19], l-identifikazzjoni ripetuta mill-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura tad-dritt tan-notifika tal-kustodja bħala salvagwardja importanti kontra t-trattament ħażin u d-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ġustizzja adattata għat-tfal[20].

Artikolu 6 – Id-dritt ta’ komunikazzjoni mal-awtoritajiet konsolari jew diplomatiċi

23.         Dan l-Artikolu jikkonferma d-dritt ta' komunikazzjoni mal-awtoritajiet konsolari. L-Istati Membri għandhom id-dmir li jiżguraw li d-detenuti barranin kollha jkollhom id-dritt li l-awtoritajiet konsolari tal-Istat tan-nazzjonalità tagħhom jiġu mgħarrfa bid-detenzjoni jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan. Jista' biss ikun hemm deroga minn dan id-dritt fiċ-ċirkustanzi limitati li jinsabu fl-Artikolu 8.

Artikolu 7 — Kunfidenzjalità

24.         Id-drittijiet tad-difiża huma mħarsin bl-obbligu li jiġi żgurat li kull komunikazzjoni, irrispettivament mill-forma tagħha, bejn il-persuna ssuspettata jew akkużata u l-avukat tagħha, tkun totalment kunfidenzjali, mingħajr ebda possibbiltà għal deroga. Il-QEDB identifikat il-prinċipju tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni skambjata bejn l-avukat u l-klijent bħala wieħed mill-fatturi ewlenin għar-rappreżentazzjoni effettiva minn avukat tal-interessi tal-klijent. Hija ddeċidiet li l-komunikazzjoni kunfidenzjali mal-avukat hija mħarsa mill-KEDB bħala salvagwardja importanti mid-dritt għal difiża[21].

Artikolu 8 – Derogi

25.         L-importanza ewlenija tad-drittijiet li jinsabu f'din id-Direttiva tissuġġerixxi li d-derogi għall-Istati Membri fil-prinċipju ma għandhomx ikunu possibbli. Madankollu, hemm possibbiltà limitata għal derogi mill-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1) sa (3), l-Artikolu 5 u l-Artikolu 6, ammessa mill-ġurisprudenza tal-QEDB għal dak li jirrigwarda l-istadji inizjali tal-proċedimenti kriminali. Il-QEDB stabbilixxiet li, filwaqt li d-dritt ta' persuna mixlija b'reat kriminali għal difiża effettiva minn avukat mhuwiex wieħed assolut, kull eċċezzjoni għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt għandha tkun limitata b'mod ċar u għandha tkun limitata strettament fiż-żmien[22] u ma għandhiex, fid-dawl tat-totalità tal-proċedimenti, tiċħad lill-akkużat minn smigħ ġust[23]. Din id-dispożizzjoni hija ispirata minn din il-ġurisprudenza billi tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mid-dritt ta' aċċess għal avukat f'ċirkustanzi eċċezzjonali biss, suġġetti għan-neċessità u għal salvagwardji proċedurali. Kull deroga trid tkun iġġustifikata minn raġunijiet ta' importanza ewlenija li jikkonċernaw il-ħtieġa urġenti biex jiġi evitat periklu għall-ħajja jew għall-integrità fiżika ta' persuna waħda jew ta' diversi persuni. Barra minn dan, kull deroga trid tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità, li jfisser li l-awtorità kompetenti għandha dejjem tagħżel l-alternattiva li tirrestrinġi l-anqas id-dritt ta' aċċess għal avukat u li għandha tillimita ż-żmien tar-restrizzjoni kemm jista' jkun. Skont il-ġurisprudenza tal-QEDB, l-ebda deroga ma tista' tkun ibbażata esklussivament fuq it-tip jew il-gravità tar-reat u kull deċiżjoni biex ikun hemm deroga teħtieġ valutazzjoni individwali mill-awtorità kompetenti. F'kull każ, l-ebda deroga ma jista' jkollha l-effett li tippreġudika l-ġustizzja tal-proċedimenti u d-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-persuna fin-nuqqas ta' avukat ma jistgħu qatt jintużaw bħala provi kontriha. Fl-aħħarnett, din id-dispożizzjoni teħtieġ li d-derogi jiġu biss awtorizzati minn deċiżjoni motivata ta' awtorità ġudizzjarja, li jfisser li d-deċiżjoni ma tistax tittieħed mill-pulizija jew minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi oħra li ma jitqisux bħala awtoritajiet ġudizzjarji mil-liġi nazzjonali jew mill-KEDB. L-istess prinċipju u limitazzjonijiet japplikaw għal derogi mid-dritt li, mal-arrest, ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna.

Artikolu 9 — Rinunzja

26.         Il-QEDB iddeċidiet li biex rinunzja jkollha effett għall-finijiet tal-KEDB, din għandha tkun volontarja, tkun tista' tiġi stabbilita b'mod inekwivoku u trid tkun sostnuta minn salvagwardji minimi li jikkorrispondu mal-importanza tagħha[24]. Din il-ġurisprudenza hija riflessa fl-Artikolu 9, li jipprevedi li rinunzja (li għandu jinżamm rekord kemm tal-fatt kif ukoll taċ-ċirkustanzi li tkun saret fihom) għandha tkun volontarja u inekwivoka u li min jagħmilha jrid ikollu għarfien sħiħ dwar il-konsegwenzi tagħha, permezz ta' parir legali dwar tali konsegwenzi jew b'xi mod ieħor. Il-persuna trid ukoll tkun kapaċi tifhem il-konsegwenzi tagħha.

Artikolu 10 – Persuni għajr persuni ssuspettati jew akkużati

27.         Dan l-Artikolu jipprovdi protezzjoni u rimedji għal persuni, bħal xhieda, li, waqt li jkunu qed isirulhom mistoqsijiet jew matul smigħ, isiru persuni suspettati jew akkużati. Dan jibni fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-QEDB li l-garanzija għal proċess ġust, inkluż l-aċċess għal avukat, trid tapplika għal xhieda, meta dawn, fir-realtà, jkunu suspettati li wettqu reat kriminali, peress li l-kwalifika formali tal-persuna hija immaterjali[25].

Artikolu 11 - Id-dritt għal avukat fi proċedimenti dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew

28.         Dan l-Artikolu jirrifletti l-mandat fl-Artikolu 82(2) tat-Trattat biex jiġu adottati direttivi dwar regoli minimi li jqisu "fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali ta' natura transkonfinali." It-titjib tas-sistema tal-Mandat ta' Arrest Ewropew huwa prinċipju ċentrali tat-tielet rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew [26]. Dan l-Artikolu huwa bbażat fuq l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI[27] dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew, li jiddikjara li persuna arrestata għall-iskop tal-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew għandu jkollha d-dritt li tkun assistita minn avukat skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jeżegwixxih. Din id-dispożizzjoni mhuwiex se jkollha l-effett li tipperikola r-rikonoxximent reċiproku; f'dan l-istadju l-avukat fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-mandat ma jindirizzax il-mertu tal-każ peress li r-rwol tiegħu jkun limitat għall-fatt li jippermetti lill-persuna li tkun suġġetta għal mandat teżerċita d-drittijiet tagħha skont id-Deċiżjoni Kwadru. Għal dan l-iskop, il-funzjoni tal-avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat tkun li jipprovdi assistenza u informazzjoni lill-avukat fl-Istat Membru li jeżegwih.

Il-promozzjoni tal-fiduċja reċiproka li hija essenzjali għar-rikonoxximent reċiproku tista' tinkiseb billi jiġi previst li l-arrest ta' persuna fuq il-bażi ta' Mandat ta' Arrest Ewropew jiġi mgħarraf lill-Istat li joħroġ il-mandat u li l-interessi ta' din il-persuna jiġu rrappreżentati minn avukat fl-Istat li joħroġ il-mandat sabiex tkun tista' teżerċita d-drittijiet tagħha fl-Istat li jeżegwih bl-aktar mod effettiv, skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI. Assistenza bħal din tista' tiffaċilita l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tal-persuni skont id-Deċiżjoni Kwadru fl-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat, b'mod partikolari permezz tal-possibbiltà li tiġi invokata raġuni biex il-Mandat ta' Arrest Ewropew ma jiġix eżegwit, skont l-Artikoli 3 u 4, ngħidu aħna: l-assistenza ta' avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat tista' tkun importanti biex tintuża evidenza ta' sentenza preċedenti, li twassal għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "ne bis in idem" li jinsab fl-Artikolu 3(2). Il-proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew ma jiddewmux għaliex dan l-Artikolu huwa bla ħsara għall-iskadenzi stabbiliti fid-Deċiżjoni Kwadru. Għall-kuntrarju, l-involviment ta' avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat jirriżulta f'kunsens imħaffef minħabba li l-persuna li tkun suġġetta għal mandat tirċievi informazzjoni aktar kompleta dwar il-proċedura f'dan l-Istat Membru u dwar il-konsegwenzi tal-kunsens tagħha.

Artikolu 12 – Benefiċċju tal-għajnuna legali

29.         It-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li:

"Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja."

L-Artikolu 6(3) tal-KEDB jipprevedi li kull min jiġi mixli b'reat kriminali huwa intitolat għall-benefiċċju tal-għajnuna legali bla ħlas "jekk ma jkollux mezzi suffiċjenti biex iħallas [għaliha], […] meta dan ikun meħtieġ fl-interess tal-ġustizzja".

Għalkemm din id-Direttiva ma tippruvax tirregola l-kwistjoni tal-benefiċċju tal-għajnuna legali, hija tinkludi dispożizzjoni li teħtieġ li l-Istati Membri jkomplu japplikaw is-sistemi nazzjonali tagħhom tal-benefiċċju tal-għajnuna legali. Dawn is-sistemi nazzjonali tal-benefiċċju tal-għajnuna legali jridu jkunu jikkonformaw mal-Karta u mal-KEDB. Barra minn dan, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw kundizzjonijiet anqas favorevoli għall-benefiċċju tal-għajnuna legali li jkopri sitwazzjonijiet meta l-aċċess għal avukat jingħata skont din id-Direttiva, meta mqabbla ma' sitwazzjonijiet meta l-aċċess għal avukat ikun diġà disponibbli skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 13 — Rimedji fil-każ ta' ksur tad-dritt ta' aċċess għal avukat

30.         Dan l-Artikolu jirrifletti l-ġurisprudenza tal-QEDB li l-aktar forma xierqa ta' rimedju għal ksur tad-dritt għal proċess ġust skont il-KEDB hija li jiġi żgurat li l-persuna ssuspettata jew akkużata titqiegħed, sa fejn dan ikun possibbli, fil-pożizzjoni li kienet tkun fiha kieku ma kinux inkisru d-drittijiet tagħha[28]. Il-QEDB iddeċidiet li, anki meta jkun hemm raġunijiet b'saħħithom li jistgħu, f'każ eċċezzjonali, jiġġustifikaw li jinċaħad l-aċċess għal avukat, restrizzjoni bħal din – tkun xi tkun il-ġustifikazzjoni għaliha – ma għandhiex tkun ta' ħsara indebita għad-drittijiet tal-persuna akkużata skont l-Artikolu 6 tal-KEDB u tali drittijiet jiġu, fil-prinċipju, irrimedjabbilment ippreġudikati meta dikjarazzjonijiet inkriminanti li jsiru matul l-interrogazzjoni mill-pulizija mingħajr aċċess għal avukat, jintużaw biex persuna tinsab ħatja[29]. Għaldaqstant dan l-Artikolu jipprojbixxi, fil-prinċipju, l-użu ta' provi miksuba meta jkun inċaħad l-aċċess għal avukat, ħlief f'dawk iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali meta l-użu ta' tali provi ma jkunx ta' ħsara għad-drittijiet tad-difiża.

Artikolu 14 – Klawżola ta' Nonregressjoni

31.         L-għan ta' dan l-Artikolu huwa li jiżgura li l-iffissar ta' standards minimi komuni skont din id-Direttiva ma jkollux l-effett li jbaxxi l-istandards f'ċerti Stati Membri u li l-istandards iffissati fil-Karta u fil-KEDB jinżammu. Peress li din id-Direttiva tipprevedi regoli minimi, skont l-Artikolu 82 tat-TFUE, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiffissaw standards ogħla minn dawk maqbula f'din id-Direttiva.

Artikolu 15 — Traspożizzjoni

32.         Dan l-Artikolu jeħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva sa xx/xx/ 20xx u li, sal-istess data, jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonjiet li jittrasponuha fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 16 – Dħul fis-seħħ

33.         Dan l-Artikolu jipprevedi li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.           Il-Prinċipju tas-Sussidjarjetà

34.         L-għan tal-proposta ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħidhom, peress li għad hemm differenzi sinifikanti fil-mod preċiż u ż-żmien li fih jingħata d-dritt ta' aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali madwar l-Unjoni Ewropea. Minħabba li l-għan tal-proposta huwa li tippromwovi l-fiduċja reċiproka, hija biss l-azzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea li tippermetti li jiġu stabbiliti standards minimi komuni li japplikaw fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-proposta se tapprossimizza r-regoli proċedurali tal-Istati Membri dwar iż-żmien u l-mod tal-aċċess għal avukat għall-persuni ssuspettati u akkużati u għal persuni suġġetti għal Mandat ta' Arrest Ewropew, bl-għan li tiżdied il-fiduċja reċiproka. Għalhekk, il-proposta tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

7.           Il-Prinċipju tal-Proporzjonalità

35.         Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità billi tillimita ruħha għall-minimu rikjest biex jinkiseb l-għan ddikjarat fil-livell Ewropew u billi ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ għal dak l-iskop.

2011/0154 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta' komunikazzjoni mal-arrest

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikolu 82(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[30]

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[31],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Karta"), l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (minn hawn 'il quddiem "il-KEDB") u l-Artikolu 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (minn hawn 'il quddiem "l-ICCPR") jinkorporaw id-dritt għal proċess ġust. L-Artikolu 48 tal-Karta jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tad-difiża.

(2)       Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji huwa fil-bażi tal-koperazzjoni ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali fl-Unjoni;

(3)       Ir-rikonoxximent reċiproku jista' jiffunzjona b'mod effettiv biss jekk ikun hemm fiduċja reċiproka, li teħtieġ regoli dettaljati dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-garanziji proċedurali li jirriżultaw mill-Karta, mill-KEDB u mill-ICCPR. Ir-regoli minimi komuni għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha li, min-naħa tagħha, għandha twassal għal koperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta' fiduċja reċiproka u għall-promozzjoni ta' kultura ta' drittijiet fundamentali fl-Unjoni. Għandhom ukoll ineħħu l-ostakoli għall-moviment ħieles taċ-ċittadini. Dawn ir-regoli minimi komuni għandhom japplikaw għad-dritt ta' aċċess għal avukat u d-dritt ta' komunikazzjoni mal-arrest;

(4)       Minkejja li l-Istati Membri kollha huma partijiet fil-KEDB u fl-ICCPR, l-esperjenza uriet li dan waħdu mhux dejjem jipprovdi livell biżżejjed ta' fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra;

(5)       Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill adotta l-Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali ("il-Pjan Direzzjonali")[32]. Fil-Programm ta' Stokkolma, li ġie adottat fil-11 ta' Diċembru 2009[33], il-Kunsill Ewropew laqa' l-Pjan Direzzjonali u inkludih bħala parti mill-Programm ta' Stokkolma (punt 2.4.). Permezz ta' approċċ gradwali, il-Pjan Direzzjonali jsejjaħ għall-adozzjoni ta' miżuri rigward id-dritt għal traduzzjoni u interpretazzjoni[34], id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet u informazzjoni dwar l-akkużi[35], id-dritt għal parir legali u għal għajnuna legali, id-dritt għal komunikazzjoni mal-qraba, ma' min iħaddem u mal-awtoritajiet konsolari, u għal salvagwardji speċjali għal persuni ssuspettati jew akkużati li jkunu vulnerabbli. Il-Pjan Direzzjonali jenfasizza li l-ordni tad-drittijiet huwa indikattiv biss u għaldaqstant jimplika li jista' jinbidel skont il-prijoritajiet. Huwa mfassal sabiex jopera fl-intier tiegħu; huwa biss meta l-partijiet komponenti kollha tiegħu jiġu implimentati li għandhom jinħassu l-benefiċċji tiegħu kollha kemm huma;

(6)       Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli minimi dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat u d-dritt li mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna fi proċedimenti kriminali, bl-esklużjoni ta' proċedimenti amministrattivi li jwasslu għal sanzjonijiet, bħal proċedimenti tal-kompetizzjoni jew tat-taxxa, u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew. B'dan hija tippromwovi l-applikazzjoni tal-Karta, b'mod partikolari tal-Artikoli 4, 6, 7, 47 u 48 tagħha, billi tibni fuq l-Artikoli 3, 5, 6 u 8 tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

(7)       Id-dritt ta' aċċess għal avukat jinsab fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikolu 14(2) tal-ICCPR. Id-dritt li mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna huwa wieħed mis-salvagwardji importanti kontra t-trattament ħażin ipprojbit mill-Artikolu 3 tal-KEDB u d-dritt li jiġi mgħarraf il-konsolat dwar id-detenzjoni jibni fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsolari. Din id-Direttiva għandha tiffaċilita l-applikazzjoni prattika ta' dawk id-drittijiet, bl-iskop li tissalvagwardja d-dritt għal proċedimenti ġusti;

(8)       Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem konsistentement iddeċidiet li l-persuna ssuspettata jew akkużata għandu jkollha aċċess għal avukat fl-istadji inizjali ta' interrogazzjoni mill-pulizija u, f'kull każ, mill-bidu tad-detenzjoni, biex jitħares id-dritt tagħha għal proċess ġust u, b'mod partikolari, id-dritt li ma tinkriminax ruħha, u biex jiġi evitat trattament ħażin;

(9)       Għandu jingħata dritt ieħor simili li huwa d-dritt għall-preżenza ta' avukat kull darba li l-liġi nazzjonali tippermetti jew teħtieġ espressament il-preżenza tal-persuna ssuspettata jew akkużata waqt xi pass proċedurali jew matul il-ġbir ta' provi, bħal fil-każ ta' tfittxija; fil-fatt, f'dawn il-każijiet il-preżenza tal-avukat tista' ssaħħaħ id-drittijiet tad-difiża mingħajr ma jkollha effett fuq il-ħtieġa li tinżamm il-kunfidenzjalità ta' xi atti investigattivi, minħabba li l-preżenza tal-persuna teskludi n-natura kunfidenzjali tal-atti kkonċernati; dan id-dritt għandu jkun mingħajr ħsara għall-ħtieġa li jinġabru provi li, min-natura tagħhom, x'aktarx jinbidlu, jitneħħew jew jiġu distrutti jekk l-awtorità kompetenti jkollha tistenna sakemm jasal l-avukat;

(10)     Biex ikun effettiv, l-aċċess għal avukat għandu jinvolvi l-possibbiltà li l-avukat iwettaq firxa wiesgħa ta' attivitajiet li jagħmlu parti mill-konsulenza legali, kif iddeċidiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan għandu jinkludi l-parteċipazzjoni attiva fi kwalunkwe interrogazzjoni jew smigħ, laqgħat mal-klijent biex jiġi diskuss il-każ u titħejja d-difiża, it-tfittxija għal provi li jiskolpaw, is-sostenn lil klijent inkwetat u l-kontroll tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni;

(11)     It-tul u l-frekwenza tal-laqgħat bejn il-persuna ssuspettata jew akkużata u l-avukat tagħha jiddependu fuq iċ-ċirkustanzi ta' kull proċediment, b'mod partikolari, fuq il-kumplessità tal-każ u l-passi proċedurali li jkunu applikabbli. Għalhekk ma għandhomx ikunu limitati b'mod ġenerali għaliex dan jista' jkun ta' ħsara għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża;

(12)     Il-persuni ssuspettati jew akkużati li jiġu miċħuda mil-libertà tagħhom għandu jkollhom id-dritt li mal-arrest jikkomunikaw minnufih ma' persuna magħżula minnhom, bħal membru tal-familja jew min iħaddimhom, sabiex jinfurmawha bid-detenzjoni.

(13)     Il-persuni ssuspettati jew akkużati li jiġu miċħuda mil-libertà tagħhom għandu wkoll ikollhom id-dritt li jikkomunikaw mal-awtoritajiet konsolari jew diplomatiċi relevanti. Id-dritt għal assistenza konsolari jinsab fl-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsolari, fejn huwa dritt mogħti lill-Istati biex ikollhom aċċess għaċ-ċittadini tagħhom. Din id-Direttiva tagħti dan id-dritt lill-persuna detenuta, jekk hija tkun tixtieq;

(14)     Minħabba li l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn il-persuna ssuspettata jew akkużata u l-avukat tagħha hija ta' importanza ewlenija għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, għandu jkun meħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw u jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-laqgħat bejn l-avukat u l-klijent u ta' kull forma oħra ta' komunikazzjoni permessa mil-liġi nazzjonali. Il-kunfidenzjalità ma għandha tkun is-suġġett tal-ebda eċċezzjoni;

(15)     Għandhom jiġu permessi derogi mid-dritt ta' aċċess għal avukat u d-dritt li mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna f'ċirkustanzi eċċezzjonali biss, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, meta jkun hemm raġunijiet b'saħħithom ħafna li jirrigwardaw il-ħtieġa urġenti li jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja jew għall-integrità fiżika ta' persuna oħra u meta ma jkun hemm l-ebda mezzi oħra li jkunu anqas restrittivi biex jintlaħaq l-istess riżultat bħal f'każijiet ta' riskju ta' kollużjoni, is-sostituzzjoni tal-avukat magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew in-nomina ta' terza persuna differenti biex ikun hemm komunikazzjoni magħha;

(16)     Kull deroga bħal din għandha biss twassal għal posponiment, li jkun l-aktar limitat possibbli, tal-aċċess inizjali għal avukat u ma għandhiex ikollha effett fuq is-sustanza ta' dan id-dritt. Għandha tkun is-suġġett ta' valutazzjoni individwali mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, li għandha tagħti l-motivi għad-deċiżjoni tagħha;

(17)     Id-derogi ma għandhomx ikunu ta' ħsara għad-dritt għal proċess ġust u, b'mod partikolari, ma għandhom qatt iwasslu għall-użu tad-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-persuna ssuspettata jew akkużata fin-nuqqas tal-avukat tagħha biex din tiġi kkundannata;

(18)     Il-persuna ssuspettata jew akkużata għandha titħalla tirrinunzja għad-dritt għal avukat, sakemm tkun totalment konxja mill-konsegwenzi ta' din ir-rinunzja, b'mod partikolari għaliex tkun iltaqgħet ma' avukat qabel ma tkun għamlet din id-deċiżjoni u jkollha l-kapaċità meħtieġa biex tifhem dawn il-konsegwenzi, u sakemm ir-rinunzja ssir liberament u mingħajr ekwivoku. Il-persuna ssuspettata jew akkużata għandha tkun tista' tirrevoka r-rinunzja f'kull waqt matul il-proċedimenti;

(19)     Kull persuna li tinstema' mill-awtorità kompetenti f'kapaċità differenti minn dik ta' persuna ssuspettata jew akkużata, pereżempju, bħala xhud, għandha tingħata minnufih aċċess għal avukat jekk l-awtorità tqis li tkun saret persuna ssuspettata waqt li jkunu qed isirulha l-mistoqsijiet u l-ebda dikjarazzjoni li din tkun għamlet qabel ma ssir persuna ssuspettata jew akkużata ma għandha tkun tista' tintuża kontriha;

(20)     Sabiex jitjieb it-tħaddim tal-koperazzjoni ġudizzjarja fl-Unjoni Ewropea, id-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll, mutatis mutandis, għal proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri[36];

(21)     Il-persuna li tkun is-suġġett ta' Mandat ta' Arrest Ewropew għandu jkollha d-dritt ta' aċċess għal avukat fl-Istat Membru li jeżegwih sabiex tkun tista' teżerċita d-drittijiet tagħha skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI b'mod effettiv;

(22)     Dik il-persuna għandu jkollha wkoll il-possibbiltà li jkollha avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat biex jassisti lill-avukat fl-Istat Membru li jeżegwih f'każijiet speċifiċi matul il-proċedimenti ta' konsenja, bla ħsara għall-iskadenzi stabbiliti fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI; dak l-avukat għandu jkun jista' jassisti lill-avukat fl-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat meta jkun qed jeżerċita d-drittijiet tal-persuna skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI fl-Istat Membru li jeżegwih, b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet għal ċaħda skont l-Artikoli 3 u 4 tagħha; peress li l-Mandat ta' Arrest Ewropew huwa bbażat fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, dan ma għandu jinvolvi l-ebda dritt li jitqajmu domandi dwar il-mertu tal-kawża fl-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat; minħabba li ma hemmx inkompatibbiltà bejn id-drittijiet tad-difiża u r-rikonoxximent reċiproku, it-titjib fid-drittijiet għal proċess ġust kemm fl-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat u f'dak li joħorġu għandu jżid il-fiduċja reċiproka;

(23)     Sabiex id-dritt ta' aċċess għal avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat isir aktar effettiv, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwih għandha tavża minnufih lill-awtorità ġudizzjarja li toħorġu bl-arrest tal-persuna u bit-talba tagħha li jkollha aċċess għal avukat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat;

(24)     Sal-lum, fin-nuqqas ta' strument leġiżlattiv tal-UE dwar il-benefiċċju tal-għajnuna legali, l-Istati Membri għandhom ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar il-benefiċċju tal-għajnuna legali, li għandhom ikunu konformi mal-Karta, il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Kull meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali l-ġodda li jiġu adottati biex tiġi implimentata din id-Direttiva jagħtu dritt ta' aċċess għal avukat usa' minn dak li kien disponibbli qabel skont il-liġi nazzjonali, ir-regoli li bħalissa jinsabu fis-seħħ dwar il-benefiċċju tal-għajnuna legali għandhom japplikaw mingħajr distinzjoni bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet;

(25)     Il-prinċipju tal-effettività tal-liġi tal-UE għandu jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedju xieraq u effettiv fil-każ li jkun hemm ksur tad-dritt mogħti lill-individwi bil-liġi tal-Unjoni;

(26)     Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ddeċidiet konsistentement li kull konsegwenza negattiva li tirriżulta mill-ksur tad-dritt għal avukat għandha tiġi rrimedjata billi l-persuna titqiegħed fl-istess pożizzjoni li kienet issib ruħha fiha kieku ma kienx seħħ tali ksur. Dan jista' jeħtieġ ritrattazzjoni jew miżuri ekwivalenti jekk is-sentenza finali tkun ingħatat bi ksur għad-dritt għal avukat;

(27)     Peress li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stabbilixxiet li l-użu ta' dikjarazzjoni inkriminanti li ssir mill-persuna suspettata jew akkużata mingħajr aċċess għal avukat jirriżulta f'dannu irrimedjabbli għad-drittijiet tad-difiża, għandu jkun meħtieġ fil-prinċipju li l-Istati Membri jipprojbixxu l-użu ta' kull dikjarazzjoni li ssir bi ksur tad-dritt ta' aċċess għal avukat bħala prova kontra l-persuna suspettata jew akkużata sakemm l-użu ta' tali provi ma jkunx ta' ħsara għad-drittijiet tad-difiża. Dan għandu jkun bla ħsara għall-użu ta' dikjarazzjonijiet għal finijiet oħrajn permess mil-liġi nazzjonali, bħall-ħtieġa ta' eżekuzzjoni ta' atti urġenti ta' investigazzjoni jew il-ħtieġa li jiġi evitat it-twettiq ta' reati oħrajn jew li jiġu evitati konsegwenzi negattivi għal xi persuna;

(28)     Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet li jinsabu f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni f'sitwazzjonijiet li mhumiex ittrattati b'mod espliċitu f’din id-Direttiva. Il-livell ta' protezzjoni qatt ma għandu jaqa’ taħt l-istandards previsti mill-Karta u mill-KEDB, kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

(29)     Din id-Direttiva ssostni d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni diżabbli, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża. Din id-Direttiva trid tiġi implimentata skont dawn id-drittijiet u l-prinċipji;

(30)     Din id-Direttiva tippromwovi d-drittijiet tat-tfal u tqis il-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ġustizzja adattata għat-tfal, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħhom dwar informazzjoni u pariri. Id-Direttiva tiżgura li t-tfal ma jkunux jistgħu jirrinunzjaw għad-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva meta ma jkollhomx il-kapaċità li jifhmu l-konsegwenzi ta' tali rinunzja. Ir-rappreżentanti legali ta' tfal li jkunu ssuspettati jew akkużati għandhom dejjem jiġu mgħarrfa mill-aktar fis possibbli bil-kustodja tagħhom u għandhom jiġu mgħarrfa bir-raġunijiet għall-kustodja, sakemm dan ma jkunx imur kontra l-aħjar interessi tat-tifel/tifla inkwistjoni;

(31)     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, fejn jikkorrispondu mad-drittijiet garantiti mill-KEDB, jiġu implimentati b'mod konsistenti ma' dawk tal-KEDB, kif żviluppati bil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

(32)     Peress li l-għan li jintlaħqu standards minimi komuni ma jistax jintlaħaq mill-Istati Membri jekk jaġixxu unilateralment, jew fil-livell nazzjonali jew f'dak reġjonali jew inkella f'dak lokali, u jista' biss jintlaħaq fil-livell tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jadottaw miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif jinsab fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-aħħar Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan;

(33)     [F'konformità mal-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva] JEW [Bla ħsara għall-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex se jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u la se jkunu vinkolati minnha u lanqas suġġetti għall-applikazzjoni tagħha] [37];

(34)     Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk la hija vinkolata minnha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Għan

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli dwar id-dritt ta' persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali u ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI li jkollhom aċċess għal avukat u li jikkomunikaw ma' terza persuna mal-arrest tagħhom.

Artikolu 2 Kamp ta' applikazzjoni

1.           Din id-Direttiva tapplika minn meta persuna tkun ġiet infurmata mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru, permezz ta' notifika uffiċjali jew mod ieħor, li hija ssuspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta' kwalunkwe appell.

2.           Din id-Direttiva tapplika għall-persuni li jkunu s-suġġett ta' proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI, minn meta jiġu arrestati fl-Istat li jeżegwixxi.

Artikolu 3 Id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna ssuspettata jew akkużata tingħata aċċess għal avukat mill-aktar fis possibbli u, f'kull każ:

(a)        qabel mal-pulizija jew xi awtoritajiet oħrajn ta' infurzar tal-liġi jibdew jagħmlulha mistoqsijiet;

(b)        malli jitwettaq xi att proċedurali jew ta' ġbir ta' provi li matulu tkun meħtieġa jew permessa l-preżenza tal-persuna ssuspettata jew akkużata bħala dritt skont il-liġi nazzjonali, sakemm dan ma jkunx ta' ħsara għall-kisba tal-provi;

(c)        minn meta tiġi miċħuda mil-libertà.

2.           L-aċċess għal avukat għandu jingħata fi żmien u mod tali li jippermetti lill-persuna ssuspettata jew akkużata teżerċita d-drittijiet ta' difiża tagħha b'mod effettiv.

Artikolu 4 Il-kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal avukat

1.           Il-persuna ssuspettata jew akkużata għandu jkollha d-dritt li tiltaqa' mal-avukat li jirrappreżentaha.

2.           L-avukat għandu jkollu d-dritt li jkun preżenti għal kull interrogazzjoni jew smigħ. Huwa għandu jkollu d-dritt li jagħmel mistoqsijiet, jitlob kjarifiki u jagħmel dikjarazzjonijiet, li għandhom jiġu rreġistrati skont il-liġi nazzjonali.

3.           L-avukat għandu jkollu d-dritt li jkun preżenti għal kull att ieħor ta' investigazzjoni jew ta' ġbir ta' provi li għalih tkun meħtieġa jew permessa l-preżenza tal-persuna ssuspettata jew akkużata, bħala dritt skont il-liġi nazzjonali, sakemm dan ma jkunx ta' ħsara għall-kisba tal-provi.

4.           L-avukat għandu jkollu d-dritt li jivverifika l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni li l-persuna ssuspettata jew akkużata tkun tinsab fihom u, għal dan l-iskop, huwa għandu jkollu aċċess għall-post fejn tkun detenuta l-persuna.

5.           It-tul u l-frekwenza tal-laqgħat bejn il-persuna ssuspettata jew akkużata u l-avukat tagħha ma għandhomx ikunu limitati b'xi mod li jista' jkun ta' ħsara għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

Artikolu 5 Id-dritt li mal-arrest ikun hemm komunikazzjoni ma' terza persuna

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna li qed isir riferiment għaliha fl-Artikolu 2 u li tiġi miċħuda mil-libertà tagħha jkollha d-dritt li tikkomunika mill-aktar fis possibbli ma' minn tal-anqas persuna waħda nnominata minnha.

2.           Meta din il-persuna ma tkunx persuna adulta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentant legali tat-tifel/tifla inkwistjoni jew xi persuna adulta oħra, skont l-interessi tat-tifel/tifla inkwistjoni, jiġi/tiġi mgħarraf/mgħarrfa mill-aktar fis possibbli biċ-ċaħda tal-libertà u bir-raġunijiet għal tali ċaħda, sakemm dan ma jkunx imur kontra l-aħjar interessi tat-tifel/tifla inkwistjoni, f'liema każ għandha tiġi infurmata persuna adulta xierqa oħra.

Artikolu 6 Id-dritt ta’ komunikazzjoni mal-awtoritajiet konsolari jew diplomatiċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li qed isir riferiment għalihom fl-Artikolu 2, li jiġu miċħuda mil-libertà tagħhom u li ma jkunux ċittadini, ikollhom id-dritt li jeżiġu li l-awtoritajiet konsolari jew diplomatiċi tal-Istat li huma ċittadini tiegħu jiġu infurmati bid-detenzjoni tagħhom mill-aktar fis possibbli u li jikkomunikaw mal-awtoritajiet konsolari jew diplomatiċi.

Artikolu 7 Kunfidenzjalità

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun iggarantita l-kunfidenzjalità tal-laqgħat bejn il-persuna ssuspettata jew akkużata u l-avukat tagħha. Huma għandhom jiżguraw ukoll li l-korrispondenza, il-konverżazzjonijiet telefoniċi u l-forom l-oħra ta' komunikazzjoni permessi skont il-liġi nazzjonali bejn il-persuna ssuspettata jew akkużata u l-avukat tagħha jinżammu kunfidenzjali.

Artikolu 8 Derogi

L-Istati Membri ma jistgħu jidderogaw minn l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ħlief, f'każijiet eċċezzjonali, mill-Artikolu 3, mill-Artikolu 4(1) sa (3), mill-Artikolu 5 u mill-Artikolu 6. Kull deroga bħal din:

(a)     trid tkun iġġustifikata minn raġunijiet b'saħħithom ħafna li jkollhom x'jaqsmu mal-ħtieġa urġenti li jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji fuq il-ħajja jew l-integrità fiżika ta' persuna;

(b)     ma tistax tkun ibbażata esklussivament fuq it-tip ta’ reat allegat jew fuq il-gravità tiegħu;

(c)     ma tistax tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ;

(d)     għandha tkun limitata kemm jista' jkun fiż-żmien u, f'kull każ, ma għandhiex testendi lil hinn mill-fażi tal-proċess;

(e)     għandha tkun bla ħsara għall-ġustizzja tal-proċedimenti.

Id-derogi jistgħu biss jiġu awtorizzati minn deċiżjoni debitament motivata li tittieħed minn awtorità ġudizzjarja fuq bażi individwali.

Artikolu 9 Rinunzja

1.           Bla ħsara għal liġi nazzjonali li tirrikjedi l-preżenza jew l-assistenza mandatorja ta’ avukat, kull rinunzja għad-dritt għal avukat imsemmija f’din id-Direttiva għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)     il-persuna ssuspettata jew akkużatata tkun irċeviet parir legali minn qabel dwar il-konsegwenzi tar-rinunzja jew tkun, b'xi mod ieħor, kisbet tagħrif sħiħ dwar dawn il-konsegwenzi;

(b)     hija jkollha l-kapaċità neċessarja biex tifhem dawn il-konsegwenzi; u

(c)     ir-rinunzja tingħata volontarjament u b'mod inekwivoku.

2.           Ir-rinunzja u ċ-ċirkostanzi li tingħata fihom għandhom jiġu rreġistrati skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

3.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jista’ jkun hemm revoka sussegwenti tar-rinunzja f’kull stadju tal-proċedimenti.

Artikolu 10 Persuni għajr persuni ssuspettati jew akkużati

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna, għajr persuna ssuspettata jew akkużata, li tinstema’ mill-pulizija jew minn awtorità oħra ta’ eżekuzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, għandha tingħata aċċess għal avukat jekk, waqt li jkunu qed isirulha mistoqsijiet jew li tkun qed issirilha interrogazzjoni jew waqt li tkun qed tinstema’, tiġi ssuspettata jew akkużata li tkun ikkommettiet reat kriminali.

2            L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull dikjarazzjoni li ssir minn persuna bħal din qabel tiġi mgħarrfa li hija persuna ssuspettata jew akkużata ma tkunx tista’ tintuża kontriha.

Artikolu 11 Id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti dwar Mandat ta' Arrest Ewropew

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li tkun suġġetta għal proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI għandu jkollha d-dritt ta' aċċess għal avukat minnufih hekk kif tiġi arrestata bis-saħħa ta' Mandat ta' Arrest Ewropew fl-Istat Membru li jeżegwih.

2.           Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tad-dritt ta' aċċess għal avukat, din il-persuna għandu jkollha d-drittijiet li ġejjin fl-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat:

– id-dritt ta' aċċess għal avukat fiż-żmien u bil-mod li jippermettulha li teżerċita d-drittijiet tagħha b'mod effettiv;

– id-dritt li tiltaqa' mal-avukat li jirrappreżentaha;

– id-dritt li l-avukat tagħha jkun preżenti għal kull interrogazzjoni jew smigħ, inkluż id-dritt li jistaqsi mistoqsijiet, jitlob kjarifiki u jagħmel dikjarazzjonijiet, li għandhom jiġu rreġistrati skont il-liġi nazzjonali;

– id-dritt li l-avukat tagħha jkollu aċċess għall-post fejn tkun detenuta sabiex jivverifika l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni.

It-tul u l-frekwenza tal-laqgħat bejn il-persuna u l-avukat tagħha ma għandhomx ikunu limitati b'xi mod li jista' jkun ta' ħsara għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI.

3.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li tkun suġġetta għal proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI jkollha wkoll, fuq it-talba tagħha, id-dritt ta' aċċess għal avukat minnufih hekk kif tiġi arrestata bis-saħħa ta' Mandat ta' Arrest Ewropew fl-Istat Membru li joħorġu, sabiex dan jassisti lill-avukat fl-Istat Membru li jeżegwih, skont is-subparagrafu (4). Din il-persuna għandha tiġi infurmata b'dan id-dritt.

4.           L-avukat ta' din il-persuna fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandu jkollu d-dritt li jwettaq attivitajiet limitati għal dak li hu meħtieġ biex jassisti l-avukat fl-Istat Membru li jeżegwih, bl-iskop li d-drittijiet tal-persuna fl-Istat Membru li jeżegwixxi l-mandat skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill, b'mod partikolari skont l-Artikoli 3 u 4 tagħha, jiġu eżerċitati b'mod effettiv.

5.           Minnufih, hekk kif persuna tiġi arrestata skont il-Mandat ta' Arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwih għandha tavża lill-awtorità ġudizzjarja li tkun ħarġitu bl-arrest u bit-talba ta' dik il-persuna biex ikollha aċċess għal avukat anke fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-mandat.

Artikolu 12 Benefiċċju tal-Għajnuna Legali

1.           Din id-Direttiva hija bla ħsara għal dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-benefiċċju tal-għajnuna legali, li għandhom japplikaw skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

2.           L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw dispożizzjonijiet dwar il-benefiċċju tal-għajnuna legali, li jkunu inqas favorevoli minn dawk li bħalissa hemm fis-seħħ dwar l-aċċess għal avukat ipprovdut, skont din id-Direttiva.

Artikolu 13 Rimedji

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li jsir riferiment għaliha fl-Artikolu 2 ikollha rimedju effettiv f’dawk l-okkażjonijiet meta d-dritt tagħha ta' aċċess għal avukat jinkiser.

2.           Ir-rimedju għandu jkollu l-effett li jpoġġi lill-persuna ssuspettata jew akkużata fl-istess pożizzjoni li kienet tkun tinsab fiha kieku ma jkunx seħħ il-ksur.

3.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna ssuspettata jew akkużata jew il-provi miksuba bi ksur tad-dritt tal-persuna għal avukat jew f'każijiet li fihom tkun ġiet awtorizzata deroga għal dan id-dritt skont l-Artikolu 8, ma jkunu jistgħu jintużaw fl-ebda stadju tal-proċedura bħala provi kontriha, sakemm l-użu ta' tali provi ma jkunux ta' ħsara għad-drittijiet tad-difiża.

Artikolu 14 Klawżola ta’ nonregressjoni

L-ebda dispożizzjoni f’din id-Direttiva ma għandha tiġi interpretata bħala li tillimita kwalunkwe drittijiet u salvagwardji proċedurali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt internazzjonali jew il-liġijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru li jipprovdu livell ta’ protezzjoni ogħla, jew li tidderoga minn tali drittijiet u salvagwardji.

Artikolu 15 Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [24 xahar wara l-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’Il-Ġurnal Uffiċjali].

2.           Huma għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

3.           Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva, jew għandu jkun hemm magħhom referenza bħal din meta d-dispożizzjonijiet jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.   

Artikolu 16 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President                                                                       

[1]               ĠU L280, 26.10.2010, p. 1.

[2]               COM(2010) 392, 20.7.2010.

[3]               ĠU C 303, 14.12.2007, p. 30. Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

[4]               999 U.N.T.S. 171. L-ICCPR hija konvenzjoni internazzjonali dwar id-drittijiet ċivili u politiċi li nfetħet għall-firem permezz ta' riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-16 ta' Diċembru 1966 li ġiet irratifikata minn, u għalhekk torbot fil-liġi internazzjonali, l-Istati Membri kollha tal-UE.

[5]               United Nations Treaty Series (Sensiela tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti), vol. 596, p. 261.

[6]               ĠU C 303, 14.12.2007 p. 1.

[7]               COM (2004) 328 28.4.2004.

[8]               ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1.

[9]               ĠU C 115, 4.5.2010.

[10]             Salduz vs it-Turkija, sentenza tas-27 ta' Novembru 2008, rikors nru. 36391/02, § 50.

[11]             Dayanan vs it-Turkija, sentenza tat-13 ta' Jannar 2010, rikors nru. 7377/03, § 32.

[12]             Ibidem, § 52.

[13]             Brusco vs Franza, sentenza tal-14 ta' Ottubru 2010, rikors Nru. 1466/07, § 47.

[14]             Panovits vs Ċipru, sentenza tal-11 ta' Diċembru 2008, rikors Nru. 4268/04, § 73-76.

[15]             Ibidem § 66.

[16]             ara l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta, ikkwotata f'§ 7, p. 12.

[17]             Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI) (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).

[18]             Dayanan vs it-Turkija, sentenza tat-13 ta' Jannar 2010, rikors nru. 7377/03 § 32.

[19]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal — COM(2011)60, 15.2.2011.

[20]             Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ġustizzja adattata għat-tfal tas-17.10.2010.

[21]             Castravet vs il-Moldovja, sentenza tat-13 ta' Marzu 2007, rikors nru. 23393/05 § 49, Istratii et al. vs il-Moldovja, sentenza tas-27 ta' Marzu 2007, rikorsi nri. 8721/05, 8705/05, 8742/05 §89.

[22]             Salduz vs it-Turkija, sentenza tas-27 ta' Novembru 2008, rikors nru. 36391/02, § 55.

[23]             Ibidem §52.

[24]             Salduz vs it-Turkija, sentenza tas-27 ta' Novembru 2008, rikors nru. 36391/02 §59, Panovits vs Ċipru, sentenza tal-11 ta' Diċembru 2008, rikors nru. 4268/04 §68, Yoldaş vs it-Turkija, sentenza tat-23 ta' Frar 2010, rikors nru. 27503/04 § 52.

[25]             Brusco vs Franza, sentenza tal-14 ta' Ottubru 2010, rikors nru. 1466/07, § 47.

[26]             Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni sa mill-2007 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri - COM (2011)175, 11.4.2011.

[27]             ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

[28]             Salduz vs it-Turkija, sentenza tas-27 ta' Novembru 2008, rikors nru. 36391/02, § 72.

[29]             Salduz vs it-Turkija, sentenza tas-27 ta' Novembru 2008, rikors nru. 36391/02, § 55.

[30]             ĠU C, , pg. .

[31]             ĠU C, , pg. .

[32]             ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1.

[33]             ĠU C 115, 4.5.2010.

[34]             Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali tal-20 ta’ Ottubru 2010 (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

[35]             Direttiva 2011/XXX/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali

[36]             ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

[37]             Id-diċitura finali ta' din il-premessa tad-Direttiva tiddependi mill-pożizzjoni li jieħdu r-Renju Unit u l-Irlanda skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (Nru 21).

Top