52011PC0127


Titolu u referenza

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet tal-effetti patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati

/* KUMM/2011/0127 finali - CNS 2011/0060 */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 16.3.2011

KUMM(2011) 127 finali

2011/0060 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet tal-effetti patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati

{KUMM(2011) 125 finali}{KUMM(2011) 126 finali}{SEG(2011) 327 finali}{SEG(2011) 328 finali}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1. Il-kuntest ġenerali

Skont l-Artikolu 67(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni hija spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri. L-Artikolu 67(4) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji f'materji ċivili. L-Artikolu 81 tal-istess Trattat isemmi espressament miżuri bil-għan li jiżguraw “ir-rikonoxximent reċiproku bejn Stati Membri u l-infuzar ta' deċiżjonijiet f'każijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji” kif ukoll “il-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri dwar il-kunflitt tal-liġijiet u tal-ġuriżdizzjoni”. Diġà ġew adottati bosta strumenti fuq din il-bażi, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 2201/2003, iżda dawn ma jinkludux l-aspetti patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

Il-Programm dwar ir-Rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali[1], li ġie adottat mill-Kunsill fit-30 ta’ Novembru 2000, kien diġà jipprevedi t-tfassil ta’ strument dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tar-“reġimi tal-proprjetà matrimonjali u l-konsegwenzi patrimonjali tas-separazzjoni ta’ koppji mhux miżżewġin”. Il-Programm tal-Aja,[2] adottat mill-Kunsill Ewropew tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2004, li stabbilixxa bħala l-ewwel prijorità tiegħu l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sena 2000, kif ukoll tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jimplimentah, kien stieden lill-Kummissjoni tippreżenta Green Paper dwar “is-soluzzjoni tal-kunflitti tal-liġijiet fil-qasam tar-reġim matrimonjali, li tittratta, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati u r-rikonoxximent reċiproku” u kien enfasizza l-ħtieġa li sal-2011 jiġi adottat strument f'dan il-qasam.

Il-programm ta’ Stokkolma, li ġie adottat fil-11 ta’ Diċembru 2009 mill-Kunsill Ewropew, isemmi wkoll li r-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi estiż għar-reġimi matrimonjali u għall-konsegwenzi patrimonjali tas-seperazzjoni tal-koppji.

Fir-“Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni : It-tneħħija tal-ostakoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni”[3], li ġie adottat fis-27 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni identifikat l-inċertezza dwar id-drittijiet ta’ proprjetà tal-koppji internazzjonali bħala wieħed mill-ostakoli ewlenin li ċ-ċittadini jsibu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum meta jkunu qed jeżerċitaw id-drittijiet li tagħtihom l-UE lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom. Għalhekk, bħala mod biex tegħleb dan l-ostakolu, hija ħabbret l-adozzjoni fl-2011 ta’ proposta ta’ strument leġiżlattiv li jippermetti lill-koppji internazzjonali (miżżewġin jew fi sħubija reġistrata) li jsiru jafu b’mod aktar faċli liema qrati għandhom ġuriżdizzjoni u liema liġi hija applikabbli għad-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom.

1.2. Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Iż-żieda fil-mobilità tal-persuni fi ħdan żona mingħajr fruntieri interni ġġib magħha żieda sinifikanti fl-unjonijiet, tkun xi tkun is-sura tagħhom, bejn ċittadini ta’ Stati Membri differenti u fil-preżenza ta’ dawn il-koppji fi Stat Membru li ma jkollhomx in-nazzjonalità tiegħu flimkien, ħafna drabi, mal-akkwist ta’ proprjetà li tkun tinsab fit-territorju ta’ diversi pajjiżi tal-Unjoni. Minn studju li sar mill-konsorzju ASSER-UCL[4] fl-2003 joħroġ id-daqs tal-fenomenu tal-koppji transkonfinali fi ħdan l-Unjoni u tad-diffikultajiet prattiċi u legali li jiffaċċjaw kemm fl-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-proprjetà tal-koppja kif ukoll fil-waqt li din tinqasam, minħabba s-separazzjoni tal-koppja jew minħabba l-mewt ta’ membru tagħha. Għalkemm l-aktar tip komuni ta’ unjoni hija dik tal-koppja miżżewġa, infirxu sew tipi ġodda ta' unjoni, fosthom is-sħubija reġistrata, li tirreferi għall-unjoni ta' żewġ persuni involuti f'relazzjoni stabbli li tkun reġistrata formalment ma' awtorità pubblika. Id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-koppji li jkunu rreġistraw is-sħubija tagħhom ta’ spiss huma marbutin mad-differenzi kbar bejn ir-regoli applikabbli - kemm ir-regoli tad-dritt sostantiv u dawk tad-dritt internazzjonali privat - li jirregolaw il-qasam tal-effetti patrimonjali ta’ dawn l-unjonijiet.

Il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta żewġ proposti ta’ regolamenti distinti minħabba l-partikolarijiet speċifiċi tas-sħubija reġistrata u taż-żwieġ u minħabba l-konsegwenzi legali differenti li jġibu magħhom dawn it-tipi ta' unjoni: proposta minnhom tirrigwarda l-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati u l-oħra tirrigwarda l-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tar-reġimi matrimonjali.

Din il-proposta għandha l-għan, b’mod partikolari, li tistabbilixxi qafas legali ċar fl-Unjoni Ewropea, li jkopri d-determinazzjoni tal-qorti kompetenti u l-liġi applikabbli fil-qasam tal-aspetti patrimonjali ta' dawn is-sħubijiet u li tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni tad-deċiżjonijiet u tal-atti fost l-Istati Membri.

2. RIżULTAT TAL-KONSULTAZZJONIJIET – ANALIżI TAL-IMPATT

It-tħejjija ta' din il-proposta kienet ippreċeduta minn konsultazzjoni wiesgħa mal-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet l-oħra u mal-pubbliku. Wara l-istudju li twettaq fl-2003, fis-17 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper dwar il-kunflitti tal-liġijiet fi kwistjonijiet matrimonjali, inkluża b’mod partikolari l-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku[5], li tat bidu għal konsultazzjoni wiesgħa f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni waqqfet grupp ta’ esperti magħruf bħala “PRM/III” għat-tħejjija tal-proposta. Dan kien magħmul minn membri ġejjin mill-professjonijiet differenti kkonċernati li jirrappreżentaw il-kulturi legali Ewropej differenti u li ltaqa’ ħames darbiet bejn l-2008 u l-2010. Fit-28 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni organizzat ukoll smigħ pubbliku li matulu l-iskambji differenti ma’ madwar mitt parteċipant ikkonfermaw il-ħtieġa għal strument tal-Unjoni f’dan il-qasam li jkopri, b’mod partikolari, il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet. Fit-23 ta’ Marzu 2010 ġiet ukoll organizzata laqgħa mal-esperti nazzjonali biex jiġu diskussi l-aspetti ġenerali tal-proposta li kienet qed titħejja.

Fl-aħħarnett il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt komuni dwar il-proposti għal regolamenti dwar l-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati u dwar ir-reġimi matrimonjali rispettivament. Dan huwa anness ma' din il-proposta.

3. ASPETTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1. Il-bażi legali

Il-bażi legali ta’ din il-proposta huwa l-Artikolu 81(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jagħti lill-Kunsill il-kompetenza li jadotta l-miżuri dwar id-dritt tal-familja b’implikazzjonijiet transkonfinali wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew

Kif inhu l-każ għar-reġimi matrimonjali, ir-relazzjonijiet patrimonjali li jkunu jeżistu bejn is-sħab, minn naħa, u bejn is-sħab u terzi persuni, min-naħa l-oħra, jiddependu fuq l-eżistenza preliminari ta’ sħubija reġistrata. Fil-fatt, l-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati jinħolqu bir-reġistrazzjoni tas-sħubija – bħalma r-reġim matrimonjali jinħoloq miż-żwieġ - u jisparixxu max-xoljiment tagħha. Permezz tar-reġistrazzjoni tas-sħubija ma’ awtorità pubblika, is-sħab jistabbilixxu relazzjonijiet ta’ natura stabbli u legalment rikonoxxuta bejniethom. Barra minn dan, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li fil-leġiżlazzjoni tagħhom jipprevedu regoli applikabbli għas-sħubija jassimilaw din l-istituzzjoni, safejn dan huwa possibbli, maż-żwieġ.

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi stabbiliti korp komplut ta’ regoli ta’ dritt internazzjonali privat applikabbli għall-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati. B’hekk il-Proposta tirrigwarda l-ġuriżdizzjoni tal-qrati, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija dwar l-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati. Ir-regoli li jinsabu fil-proposta japplikaw biss f’sitwazzjonijiet ta’ natura transkonfinali. Għaldaqstant ir-rekwiżit ta’ implikazzjonijiet transkonfinali previst fl-Artikolu 81(3) tat-Trattat hu sodisfatt.

3.2. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

L-għanijiet ta' din il-Proposta jistgħu biss jintlaħqu fil-forma ta' regoli komuni fil-qasam tal-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, li għandhom ikunu identiċi sabiex ikun hemm iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà għaċ-ċittadini. L-azzjoni unilaterali tal-Istati Membri għalhekk tmur kontra dan l-għan. F’dan il-qasam ma jeżistu l-ebda konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, għajr il-Konvenzjoni dwar ir-rikonoxximent tas-sħubijiet reġistrati tal-5 ta’ Settembru 2007 tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Istat Ċivili. Iżda din il-Konvenzjoni tirrigwarda biss ir-rikonoxximent tas-sħubijiet u għadha ma daħlitx fis-seħħ u b’hekk ma jidhirx li tista' twassal għas-soluzzjonijiet mistennija fil-konfront tad-diversi problemi indirizzati minn din il-Proposta, li rriżultaw kemm mill-valutazzjoni tal-impatt kif ukoll mill-konsultazzjoni pubblika. In-natura u d-daqs tal-problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini jfissru li l-għanijiet jistgħu biss jintlaħqu fil-livell tal-Unjoni.

3.3. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-Proposta tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li hi strettament limitata għal dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha. Il-Proposta ma tarmonizzax il-liġi dwar l-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati tal-Istati Membri. Lanqas ma għandha effett fuq l-aspetti fiskali tal-likwidazzjoni tal-lat patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, kif previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Hija mhi se tinvolvi l-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv għaċ-ċittadini u se twassal biss għal piż żejjed limitat ħafna fuq l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati.

3.4. L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali

B’konformità mal-Strateġija tal-Unjoni għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[6], il-Kummissjoni vverifikat li l-Proposta tirrispetta d-drittijiet stabbiliti fil-Karta.

Hija ma tippreġudikax id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għaż-żwieġ u għat-twaqqif ta' familja skont il-liġijiet nazzjonali, li huma rispettivament previsti fl-Artikoli 7 u 9 tal-Karta.

Id-dritt ta’ proprjetà, li jinsab fl-Artikolu 17 tal-Karta, huwa msaħħaħ. Il-prevedibbiltà rigward il-liġi applikabbli għall-proprjetà kollha tal-koppja fil-fatt se tippermetti lis-sħab li jgawdu b'mod aktar effettiv mid-dritt tagħhom ta' proprjetà.

Il-Kummissjoni vverifikat ukoll li tqis l-Artikolu 21, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni.

Fl-aħħarnett, id-dispożizzjonijiet proposti jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja fl-Unjoni għaċ-ċittadini u, b’mod partikolari, għall-koppji li jinsabu fi sħubija reġistrata. Huma jiffaċilitaw id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess imparzjali. Billi jipprovdu kriterji oġġettivi għad-determinazzjoni tal-qorti kompetenti, jitwarrbu l-proċedimenti paralleli kif ukoll ir-rikorsi mgħaġġla għall-qrati mill-aktar parti attiva.

3.5. L-għażla ta’ strument

Il-ħtieġa ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà tirrikjedi regoli ċari u uniformi u l-forma ta' regolament. Ir-regoli proposti dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u ċ-ċirkolazzjoni tad-deċiżjonijiet huma fid-dettall u preċiżi u ma jirrikjedu l-ebda traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali. L-għanijiet taċ-ċertezza u l-prevedibbiltà legali jiġu ppreġudikati kieku l-Istati Membri jingħataw marġni ta' diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tar-regoli.

4. IMPATTI FUQ IL-BAġIT, SIMPLIFIKAZZJONI U KOERENZA MAL-POLITIKI L-OħRAJN TAL-UNJONI

4.1. L-impatt fuq il-baġit

Din il-proposta mhi ser ikollha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

4.2. Simplifikazzjoni

L-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni se tissimplifika konsiderevolment il-proċedimenti billi tippermetti li jiġi stabbilit, skont regoli kondiviżi, il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tisma’ kawża li tirrigwarda l-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrti. L-estensjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati li jitressqu quddiemhom proċedimenti dwar suċċessjoni minħabba l-mewt ta' wieħed mis-sħab, skont strument futur tal-Unjoni, jew minħabba proċedimenti ta' separazzjoni tas-sħab għall-proċedimenti marbutin magħhom li jirrigwardaw ir-reġim patrimonjali, se tippermetti liċ-ċittadini li jkollhom qorti waħda li tisma' l-aspetti kollha tas-sitwazzjoni tagħhom

L-armonizzazzjoni tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet se tissimplifika ħafna l-proċedimenti billi tiddetermina liema l-liġi hija applikabbli.

Fl-aħħarnett, ir-regoli proposti dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji se jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni tagħhom fost l-Istati Membri.

4.3. Konsistenza mal-politiki l-oħra tal-Unjoni

Din il-proposta tagħmel parti mill-qafas tal-eżerċizzju mniedi mill-Kummissjoni bl-għan li telimina l-ostakoli li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini tal-Unjoni meta jeżerċitaw id-drittijiet li l-UE tagħtihom fil-ħajja ta' kuljum tagħhom, kif ġie mħabbar fir-Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li ġie ċċitat aktar 'il fuq.

5. KUMMENTI DWAR L-ARTIKOLI

5.1. Kapitolu I: Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

L-effetti personali tas-sħubijiet reġistrati huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li hu ddedikat għall-aspetti patrimonjali tagħhom. Dawn l-aspetti patrimonjali jkopru kemm l-aspetti li jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ kuljum tal-proprjetà tas-sħab, kif ukoll dawk marbuta mal-likwidazzjoni tagħha, minħabba s-separazzjoni tal-koppja jew il-mewt ta' wieħed mis-sħab.

Fir-rigward tal-għażla tal-oqsma affettwati mill-istrument futur, deher preferibbli li titfassal lista eżawrjenti tal-oqsma esklużi mir-Regolament. B’hekk l-oqsma li diġà ġew trattati mir-Regolamenti eżistenti tal-Unjoni, bħall-obbligi ta’ manteniment[7], b’mod partikolari bejn is-sħab, u l-kwistjonijiet dwar il-validità u l-effetti ta' donazzjonijiet[8], se jkunu esklużi, b'mod partikolari, mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament. Il-kwistjonijiet li jagħmlu parti mid-dritt tas-suċċessjoni huma wkoll esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament.

Ir-Regolament ma jaffettwax in-natura tad-drittijiet in rem li jkunu jirrigwardaw proprjetà, il-kwalifika tal-proprjetà u tad-drittijiet u d-determinazzjoni tal-prerogattivi tad-detentur ta’ dawn id-drittijiet. Il-pubbliċità tad-drittijiet tal-proprjetà, b'mod partikolari, tal-funzjonament tar-reġistru tal-proprjetà immobbli u l-effetti ta' iskrizzjoni jew ta' nuqqas ta' iskrizzjoni f'dan ir-reġistru, huma wkoll esklużi mill-applikazzjoni tar-Regolament.

Artikolu 2

Għal skop ta’ koerenza u sabiex jinftiehmu aħjar u jkunu implimentati b'mod uniformi, uħud mid-definizzjonijiet ta' kunċetti li jinsabu f'dan ir-Regolament huma kondiviżi ma’ strumenti oħra tal-Unjoni li bħalissa huma applikabbli jew li bħalissa qed jiġu negozjati.

L-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, li huma l-uniku suġġett ta’ dan ir-Regolament, ingħataw definizzjoni speċifika li tillimitahom biss għar-relazzjonijiet patrimonjali li jeżistu bejn is-sħab u bejn is-sħab u terzi persuni, minħabba r-relazzjoni istituzzjonalizzata permezz tar-reġistrazzjoni tas-sħubija.

Barra minn dan, il-kunċett ta’ “qorti”, kif definit, jinkludi l-awtoritajiet li jeżerċitaw il-funzjonijiet permezz ta’ delega jew nomina minn qorti u jippermetti li l-atti ta’ dawn l-awtoritajiet jiġu assimilati ma’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’dak li jirrigwarda l-mod kif jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih ingħataw.

5.2. Kapitolu II: Ġuriżdizzjoni

Il-proċeduri ġudizzjarji dwar l-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati ta' spiss ikunu r-riżultat tal-likwidazzjoni tal-proprjetà minħabba tmiem il-koppja, b’riżultat tal-mewt ta’ wieħed mis-sħab jew tas-separazzjoni tagħhom.

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa b’mod partikolari li jippermetti li ċ-ċittadini jkollhom il-proċedimenti differenti konnessi ttrattati mill-qrati tal-istess Stat Membru. Biex dan isir, ir-Regolament jiżgura li r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati mitluba li jieħdu konjizzjoni tal-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati jkunu armonizzati mar-regoli li diġà jeżistu jew li huma ppjanati fl-istrumenti Ewropej l-oħrajn.

Artikolu 3

B’hekk, skont ir-regoli previsti mir-Regolament (UE) Nru…/… [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni], il-ġuriżdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru, li jkollhom il-ġuriżdizzjoni territorjali biex jittrattaw il-likwidazzjoni tas-suċċessjoni ta’ wieħed mis-sħab minħabba l-mewt tiegħu, tiġi estiża għal-likwidazzjoni tal-assi patrimonjali tas-sħubija reġistrata minħabba l-ftuħ tas-suċċessjoni.

Madankollu, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru se jkollhom il-possibbiltà li jirrifjutaw din l-estensjoni tal-ġuriżdizzjoni jekk il-liġi interna ta’ dan l-Istat ma tkunx tipprovdi għall-istituzzjoni tas-sħubija reġistrata.

Artikolu 4

Bl-istess mod, u sabiex fil-każ tas-separazzjoni tas-sħab il-qorti tal-Istat Membru li quddiemha titressaq il-kawża tkun tista’ tittratta l-aspetti kollha ta’ din is-separazzjoni mingħajr ma tisforza lill-partijiet iressqu kawżi f’diversi Stati differenti, il-ġuriżdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru li jittrattaw ix-xoljiment jew l-annullament ta’ sħubija reġistrata tista’, jekk il-partijiet jaqblu, tiġi estiża għall-effetti patrimonjali tas-sħubija reġistrata li jirriżultaw minn dan ix-xoljiment jew annullament tas-sħubija reġistrata.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament jipprevedi wkoll regoli speċifiċi dwar il-ġuriżdizzjoni li japplikaw fil-każijiet l-oħrajn u, b’mod partikolari, indipendentement minn kwalunkwe proċedimenti ta’ suċċessjoni jew ta’ separazzjoni tal-koppja. Hemm lista ta’ kriterji ta’ konnessjoni f’ordni ta’ preċedenza biex ikun jista’ jiġi stabbilit l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom il-ġuriżdizzjoni biex jisimgħu proċedimenti dwar l-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati.

Il-kriterji proposti jinkludu r-residenza abitwali komuni tas-sħab, l-aħħar residenza abitwali komuni jekk wieħed mis-sħab ikun għadu joqgħod hemm u r-residenza abitwali tal-konvenut. Jekk, bħal fil-każ tal-Artikoli 3 u 4, il-qrati tal-Istat Membru magħżul skont il-kriterji elenkati hawn fuq jistgħu jirrifjutaw il-ġuriżdizzjoni jekk il-liġi interna ta’ dan l-Istat ma tipprovdix għas-sħubija reġistrata, l-Artikolu 5 jipprevedi bħala l-aħħar kriterju l-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru ta' reġistrazzjoni tas-sħubija.

Artikolu 6

Meta ma tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni tal-ebda Stat Membru bis-saħħa tal-Artikoli preċedenti, dan l-Artikolu jippermetti li jiġi ddeterminat l-Istat Membru li l-qrati tiegħu jistgħu, eċċezzjonalment, jisimgħu il-kawża. Din ir-regola tiggarantixxi li s-sħab u t-terzi persuni interessati jkollhom aċċess għall-ġustizzja meta jkun hemm proprjetà ta’ wieħed mis-sħab jew tat-tnejn fit-territorju ta' dak l-Istat Membru kif ukoll meta ż-żewġ sħab ikollhom it-tnejn li huma n-nazzjonalità ta' dak l-Istat Membru.

5.3. Kapitolu III: Liġi applikabbli

Artikolu 15

Id-differenzi li hemm bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri li jipprevedu s-sħubija reġistrata jiġġustifikaw il-prinċipju adottat minn dan ir-Regolament dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat fejn tiġi reġistrata sħubija għall-effetti patrimonjali tagħha. Dan il-prinċipju jidher li jikkonforma mal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fuq is-sħubija reġistrata, li jipprevedu l-applikazzjoni ġenerali tal-liġi tal-Istat fejn din tiġi reġistrata, u ma jikkunsidrawx il-possibbiltà għas-sħab li jagħżlu liġi oħra barra dik tal-Istat ta’ reġistrazzjoni, anki jekk tingħatalhom il-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet bejniethom.

L-affermazzjoni ta’ dan il-prinċipju twassal għall-unità fil-fatt tal-liġi applikabbli għall-proprjetà kollha tal-patrimonju tal-koppja suġġetta għall-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, irrispettivament mit-tip ta' proprjetà jew minn fejn tinsab.

Artikolu 16

Ir-regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet li tinsab fl-Artikolu preċedenti tapplika għat-tipi kollha ta' sħubija reġistrata, irrispettivament mill-Istat fejn din tiġi konkluża u mhux biss għas-sħubijiet reġistrati konklużi fi Stat Membru.

Artikolu 17

Sabiex jitqiesu r-regoli ta’ applikazzjoni meħtieġa f’kull Stat Membru u, b’mod partikolari tal-protezzjoni tal-akkomodazzjoni tal-familja, din id-dispożizzjoni tippermetti li titwarrab l-applikazzjoni ta’ liġi barranija ġo Stat u tiġi applikata l-liġi tiegħu stess. B’hekk, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-akkomodazzjoni tal-familja, l-Istat Membru fejn tkun tinsab din l-akkomodazzjoni jkun jista' jimponi r-regoli tiegħu ta' protezzjoni tal-akkomodazzjoni tal-familja. B’mod eċċezzjonali, dan l-Istat jista’ japplika l-liġi tiegħu fil-każ ta’ kull persuna li tkun tgħix fit-territorju tiegħu bi “preferenza” għad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta' sħubija ta’ din il-persuna konkluż fi Stat Membru ieħor.

5.4. Kapitolu IV: Rikonoxximent, eżegwibbiltà u eżekuzzjoni

Il-proposta tipprevedi ċ-ċirkolazzjoni libera tad-deċiżjonijiet, tal-atti awtentiċi u tat-tranżazzjonijiet ġudizzjarji fil-qasam tal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati. Hija b’hekk twettaq rikonoxximent reċiproku, ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka li tirriżulta mill-integrazzjoni tal-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea.

Din iċ-ċirkolazzjoni libera titwettaq permezz ta’ proċedura uniformi għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, l-atti awtentiċi u t-tranżazzjonijiet ġudizzjarji li joriġinaw fi Stat Membru ieħor. Din il-proċedura tissostitwixxi l-proċeduri nazzjonali li bħalissa huma fis-seħħ fl-Istati Membri differenti. Ir-raġunijiet biex ma jkunx hemm rikonoxximent jew għaċ-ċaħda ta' eżekuzzjoni huma wkoll armonizzati fil-livell Ewropew u tnaqqsu għall-minimu meħtieġ. Huma jissostitwixxu r-raġunijiet diversi u ta’ sikwit aktar wesgħin li jeżistu bħalissa fil-livell nazzjonali.

Deċiżjonijiet

Ir-regoli proposti dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet huma fuq l-istess linji ta’ dawk proposti fil-qasam tas-suċċessjoni. Huma għalhekk jinkludu riferiment għall-proċedura tal-exequatur li teżisti fil-qasam ċivili u kummerċjali. Għaldaqstant kull deċiżjoni ta’ Stat Membru tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr proċedura partikolari. Sabiex jikseb l-eżekuzzjoni tagħha, ir-rikorrent ikollu jressaq proċedura uniformi fl-Istat ta’ eżekuzzjoni li tippermettilu jikseb dikjarazzjoni li tikkonstata l-eżegwibbilità. Il-proċedura hija unilaterali u fil-bidu hija limitata għal verifika tad-dokumenti. Huwa biss fi stadju ulterjuri, meta jkun hemm oġġezzjoni mill-konvenut li l-imħallef iwettaq eżami tar-raġunijiet possibbli għal rifjut. Dawn ir-raġunijiet jiżguraw li jkun hemm protezzjoni xierqa tad-drittijiet tal-konvenuti.

Dawn ir-regoli jirrappreżentaw pass importanti ’il quddiem f’dan il-qasam meta wieħed jagħmel paragun mas-sitwazzjoni attwali. Fil-fatt, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet huma llum irregolati mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri jew mill-ftehimiet bilaterali konklużi bejn ċerti Stati Membri. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għalhekk ivarjaw skont l-Istati Membri kkonċernati, hekk kif ivarjaw ukoll id-dokumenti meħtieġa sabiex tinkiseb id-dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà u r-raġunijiet li għalihom jistgħu jinċaħdu deċiżjonijiet barranin.

Kif ġie spjegat aktar ’il fuq, dan ir-Regolament huwa miżura inizjali meħuda fil-qasam tal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati u jirrigwarda l-liġi tal-familja (ara l-punt 3.1). Fid-dawl ta’ dan il-kuntest speċifiku, iċ-ċirkolazzjoni libera tad-deċiżjonijiet hija suġġetta għall-proċedura ta’ exequatur bħal dik li llum teżisti fir-Regolament Brussell I li bħalissa huwa fis-seħħ[9].

Madankollu, bħalma sar f’oqsma oħrajn, tista’ tiġi kkunsidrata t-tneħħija ta’ proċeduri intermedji (exequatur) wara li ssir evalwazzjoni tar-regoli li jinsabu f’dan ir-regolament u tal-iżvilupp tal-koperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati.

L-atti mħejjija minn awtoritajiet li jkunu qed jeżerċitaw is-setgħa tagħhom b’delega jew b’nomina, skont id-definizzjoni ta’ qorti prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu assimilati mad-deċiżjonijiet u għalhekk ikunu koperti mid-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni previsti minn dan il-Kapitolu.

Atti Awtentiċi

Fid-dawl tal-importanza prattika tal-atti awtentiċi fil-qasam tal-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati u sabiex tiġi żgurata l-koerenza ta’ dan ir-Regolament mal-istrumenti l-oħra tal-Unjoni f’dan il-qasam, dan ir-Regolament għandu jiżgura li dawn jiġu rikonoxxuti sabiex tkun possibbli ċ-ċirkolazzjoni libera tagħhom.

Ir-rikonoxximent tal-atti awtentiċi jfisser li dawn igawdu mill-istess valur probatorju f’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-att irreġistrat u l-fatti kkonstatati fih u mill-istess preżunzjoni ta’ awtentiċità u min-natura eżekuttiva bħal fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

5.5. Kapitolu V: Effetti fil-konfront ta’ terzi persuni

Dawn id-dispożizzjonijiet huma mfassla sabiex jikkonċiljaw iċ-ċertezza legali tas-sħab rigward ir-relazzjonijiet tagħhom ma' terzi persuni u l-protezzjoni ta’ dawn it-terzi persuni meta tiġi applikata regola li la setgħu jkunu jafuha u lanqas jippreveduha. B’hekk l-Istati Membri jitħallew bil-possibbiltà li jipprevedu, għall-atti konklużi bejn wieħed mis-sħab jew terza persuna li tkun residenti fit-territorju tagħhom, li s-sieħeb/sieħba ikun/tkun jista’/tista’ biss juża/tuża r-regoli applikabbli għall-aspetti patrimonjali tas-sħubija reġistrata jekk dawn ikunu ġew ippubblikati hemm jew jekk it-terza persuna tkun ġiet infurmata dwarhom jew kellha tkun ġiet infurmata dwarhom.

2011/xxxx (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet tal-effetti patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[10],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[12],

Waqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1) L-Unjoni Ewropea għandha l-għan li żżomm u tiżviluppa spazju ta' libertà, ta' sigurtà u ta’ ġustizzja li fih ikun żgurat il-moviment ħieles tal-persuni. Sabiex dan l-ispazju jiġi stabbilit progressivament, l-Unjoni trid tadotta miżuri dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja f’oqsma ċivili b’implikazzjonijiet transkonfinali.

(2) Waqt il-laqgħa tiegħu f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew approva l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u ta' deċiżjonijiet oħra ta' awtoritajiet ġudizzjarji bħala s-sisien tal-koperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili u stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jadottaw programm ta' miżuri bl-għan li jiġi implimentat dan il-prinċipju..

(3) Fit-30 ta' Novembru 2000, il-Kunsill adotta abbozz ta' programm tal-miżuri dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali[13]. Il-programm jiddeskrivi l-miżuri dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli ta' kunflitti tal-liġijiet li għandhom l-għan li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet. Huwa jipprevedi it-tħejjija ta’ strument jew ta’ diversi strumenti dwar ir-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tar-reġimi matrimonjali u l-konsegwenzi patrimonjali tas-separazzjoni tal-koppji li mhumiex miżżewġin.

(4) Il-Kunsill Ewropew, waqt il-laqgħa tiegħu fi Brussell fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2004, adotta programm ġdid, imsejjaħ "il-Programm tal-Aja: it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea"[14]. F’dan il-programm, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta Green Paper dwar is-soluzzjoni tal-kunflitti tal-liġijiet fil-qasam tar-reġim matrimonjali, li tittratta b’mod partikolari l-ġuriżdizzjoni tal-qrati u r-rikonoxximent reċiproku. Dan il-programm jenfasizza l-ħtieġa li, sal-2011, jiġi adottat strument f’dan il-qasam.

(5) Fis-17 ta' Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat Green Paper[15] dwar il-kunflitti tal-liġijiet fi kwistjonijiet matrimonjali, inkluża b’mod partikolari l-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku. Din il-Green Paper tat bidu għal konsultazzjoni wiesgħa dwar id-diffikultajiet kollha li jiltaqgħu magħhom l-koppji f’kuntest Ewropew meta jkunu qed ixolju l-patrimonju komuni u l-mezzi legali biex isolvuhom. Il-Green Paper ittrattat ukoll il-kwistjonijiet kollha ta’ dritt internazzjonali privat li jiltaqgħu magħhom il-koppji li jkunu jinsabu f'tipi ta' unjoni oħrajn apparti miż-żwieġ, b'mod partikolari dawk li jkunu rreġistraw sħubija, u xi kwistjonijiet speċifiċi li jiltaqgħu magħhom.

(6) Il-Programm ta’ Stokkolma tal-2009[16], li jistabbilixxi l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għas-snin 2010 sal-2014, isemmi wkoll li r-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi estiż, b’mod partikolari, għall-konsegwenzi patrimonjali tas-separazzjoni tal-koppji.

(7) Fir-“Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni : Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE”[17], li ġie adottat fis-27 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ħabbret l-adozzjoni ta’ proposta ta’ strument leġiżlattiv li jippermetti li jitneħħew l-ostakoli għall-moviment ħieles tal-persuni u b’mod partikolari d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-koppji fil-ġestjoni tal-proprjetà tagħhom jew meta jkunu qed jaqsmuha.

(8) Il-karatteristiċi speċifiċi rispettivi taż-żewġ tipi ta’ unjoni – iż-żwieġ u s-sħubija reġistrata – u d-differenzi li jirriżultaw fil-prinċipji li huma applikabbli għalihom, huma fil-bażi tas-separazzjoni f’żewġ strumenti distinti tad-dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jirregolaw l-aspetti patrimonjali taż-żwiġijiet u dawk iddedikati għall-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet irreġistrati, li għalihom japplika dan ir-Regolament.

(9) Il-mod kif it-tipi ta’ unjoni apparti miż-żwieġ huma rikonoxxuti fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri jvarja minn Stat Membru għal ieħor u jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-koppji f’unjoni li hija istituzzjonalment rikonoxxuta permezz tar-reġistrazzjoni ta’ sħubija ma’ awtorità pubblika u l-koppji li jgħixu f’unjonijiet de facto . Għalkemm xi Stati Membri jirregolaw dawn tal-aħħar, dawn ma jistgħux jiġu assoċjati mas-sħubijiet reġistrati, li għandhom natura uffiċjali li tippermetti li jitqiesu l-karatteristiċi partikolari tagħhom u li jiġu definiti regoli li japplikaw għalihom fi strument tal-Unjoni. Sabiex is-suq intern jiffunzjona tajjeb jeħtieġ li jitneħħew l-ostakoli għall-moviment ħieles tal-persuni li jkunu rreġistraw is-sħubija tagħhom u b’mod partikolari d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom dawn il-koppji fl-amministrazzjoni tal-proprjetà tagħhom u meta jaqsmuha. B’hekk, sabiex jilħaq dawn l-għanijiet, dan ir-Regolament jiġbor fi strument wieħed id-dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u tal-atti awtentiċi, kif ukoll l-effetti tal-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati fil-konfront ta’ terzi persuni.

(10) Dan ir-Regolament jirrigwarda l-kwistjonijiet marbuta mal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati. Il-kunċett ta’ “sħubija reġistrata” huwa biss definit għall-finijiet tar-Regolament. Il-kontenut speċifiku ta’ dan il-kunċett huwa definit mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

(11) Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili kollha li jirrigwardaw l-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, li jirrigwardaw kemm il-ġestjoni ta’ kuljum tal-proprjetà tas-sħab kif ukoll il-likwidazzjoni tagħha, b'mod partikolari minħabba s-separazzjoni tal-koppja jew il-mewt ta' wieħed mill-membri tagħha.

(12) Minħabba li l-obbligi ta’ manteniment bejn is-sħab reġistrati huma previsti mir-Regolament (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment[18], dawn għandhom għaldaqstant jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-istess bħall-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-effetti tad-donazzjonijiet, li huma koperti mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali[19].

(13) Il-kwistjonijiet li jirrigwardaw in-natura tad-drittijiet in rem li jistgħu jeżistu fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, bħal dawk marbuta mal-pubbliċità ta’ dawn id-drittijiet, għandhom ukoll jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif inhuma esklużi mir-Regolament (UE) Nru…/… [ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni][20] . B’hekk, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinstab proprjetà ta’ wieħed mis-sħab jew tat-tnejn li huma, jistgħu jieħdu miżuri li jagħmlu parti mid-dritt in rem u li jirrigwardaw, b'mod partikolari, ir-reġistrazzjoni tat-trasferiment ta' din il-proprjetà fir-reġistru pubbliku, meta dan ikun previst mil-liġi ta' dan l-Istat Membru.

(14) Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u jiġu ffaċilitati tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-likwidazzjoni tal-proprjetà ta’ koppji li jkunu rreġistraw sħubija wara l-mewt ta’ wieħed minnhom, il-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-aspetti patrimonjali ta’ din is-sħubija li jirriżultaw minn din il-mewt għandhom jinstemgħu mill-qrati tal-Istat Membru li jkollhom il-ġuriżdizzjoni biex jittrattaw is-suċċessjoni tas-sieħeb/sieħba il-mejjet/mejta, kif determinati mir-Regolament (UE) Nru…/… [ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni] .

(15) Bl-istess mod, dan ir-Regolament għandu jippermetti li l-ġuriżdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru li jkunu qed jisimgħu talba ta’ xoljiment jew annullament ta’ sħubija reġistrata, tiġi estiża għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-aspetti patrimonjali tas-sħubija reġistrata li jirriżultaw minn din it-talba, jekk is-sħab jaqblu.

(16) Fis-sitwazzjonijiet l-oħrajn, dan ir-Regolament għandu jippermetti li l-qrati ta’ Stat Membru jżommu l-ġuriżdizzjoni territorjali tagħhom biex jisimgħu talbiet li jirrigwardaw l-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati skont lista ta’ kriterji ta’ konnessjoni f’ordni ta’ preċedenza li jiżguraw li jkun hemm rabta mill-qrib bejn is-sħab u l-Istat Membru tal-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni. Dawn il-qrati, bl-eċċezzjoni ta’ dawk tal-Istat Membru fejn is-sħubija tkun ġiet reġistrata, għandhom il-possibbiltà li jirrifjutaw il-ġuriżdizzjoni jekk il-liġi nazzjonali tagħhom ma tkunx tipprovdi għas-sħubija reġistrata. Fl-aħħarnett, fil-każ li l-ebda qorti ma jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tisma' l-kwistjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-Regolament, ġiet inkluża regola ta’ ġuriżdizzjoni sussidjarja, sabiex jiġi evitat kull riskju li tinċaħad il-ġustizzja.

(17) Sabiex il-ġustizzja tiffunzjona sewwa jeħtieġ li jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet inkonċiljabbli f'żewġ Stati Membri. Għal dan il-għan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi regoli ġenerali ta’ proċedura, ibbażati fuq ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali[21].

(18) Sabiex titħaffef il-ġestjoni tal-proprjetà tas-sħab, il-liġi tal-Istat li fih tkun ġiet irreġistrata s-sħubija se tapplika għall-proprjetà kollha tas-sħab, anki jekk din il-liġi ma tkunx il-liġi ta' Stat Membru.

(19) Sabiex titħaffef l-applikazzjoni mill-qrati ta’ Stat Membru wieħed tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali, li nħoloq bid-Deċiżjoni 2001/470/KE tat-28 ta’ Mejju 2001[22] jista’ jkollu rwol ta’ informazzjoni għall-qrati dwar il-kontenut tal-liġi barranija.

(20) L-invokazzjoni ta’ regoli obbligatorji mill-qrati tal-Istati Membri jista’ jkun ġustifikat, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, minn konsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku meta r-rispett ta' tali regoli jkun neċessarju biex titħares l-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tal-Istati kkonċernati. Bl-istess mod, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-qrati tal-Istati Membri għandu jkollhom il-possibilità li jwarrbu l-liġi barranija, meta l-applikazzjoni ta' tali liġi f'każ preċiż tkun tmur manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-forum.

(21) Madankollu, ma għandux ikun possibbli għall-qrati li japplikaw l-eċċezzjoni tar-regoli mandatorji u l-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku sabiex ma japplikawx il-liġi ta' Stat Membru ieħor jew jirrifjutaw li jirrikonoxxu jew jeżegwixxu deċiżjoni mogħtija, att awtentiku jew tranżazzjoni ġudizzjarja li jkunu saru fi Stat Membru ieħor, meta l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku tkun tmur kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha li jipprojbixxi kull tip ta' diskriminazzjoni. Barra minn dan, ma għandux ikun possibbli għal dawn il-qrati li ma japplikawx il-liġi applikabbli għas-sħubijiet reġistrati għall-unika raġuni li l-liġi tal-forum ma tkunx tirrikonoxxi s-sħubija reġistrata.

(22) Peress li hemm xi Stati li fihom jeżistu kontemporanjament żewġ sistemi legali jew ġabriet ta’ regoli jew aktar li jittrattaw il-kwistjonijiet irregolati minn dan ir-Regolament, għandu jiġi previst il-limitu tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament fl-unitajiet territorjali differenti ta' dawn l-Istati.

(23) Minħabba li r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri huwa wieħed mill-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, dan għandu jipprevedi regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 u adattati, jekk ikun meħtieġ, għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-qasam kopert minn dan ir-Regolament. B'hekk ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tkun tirrigwarda, parzjalment jew kompletament, l-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, ma jkunux jistgħu jiġu miċħuda fi Stat Membru jekk il-liġi nazzjonali tiegħu ma tkunx tirrikonoxxi tali sħubijiet jew tkun tipprevedi effetti patrimonjali differenti.

(24) Sabiex jitqiesu l-modi differenti li bihom jiġu ttrattati l-kwistjonijiet dwar l-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati fl-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jiżgura r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-atti awtentiċi. Għalhekk l-atti awtentiċi ma jistgħux jiġu assimilati ma' deċiżjonijiet tal-qrati f'dak li jirrigwarda r-rikonoxximent tagħhom. Ir-rikonoxximent tal-atti awtentiċi jfisser li dawn igawdu mill-istess valur probatorju fir-rigward tal-kontenut tal-att u mill-istess effetti bħal fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, kif ukoll minn preżunzjoni ta' validità li tista' taqa' fil-każ ta' kontestazzjoni.

(25) Jekk il-liġi applikabbli għall-effetti patrimonjali ta’ sħubija reġistrata trid tirregola r-relazzjonijiet legali bejn wieħed mis-sħab u terza persuna, jeħtieġ li l-kundizzjonijiet dwar l-effetti ta’ din il-liġi fil-konfront ta' din it-terza persuna jkunu regolati mil-liġi tal-Istat Membru fejn tkun tinsab ir-residenza abitwali tas-sieħeb/sieħba jew tat-terza persuna, sabiex jitħarsu l-interessi ta’ dan tal-aħħar. Il-liġi ta’ dan l-Istat Membru tista’ għaldaqstant tipprevedi li dan is-sieħeb/sieħba jkun jista' biss jinvoka l-liġi tar-reġim patrimonjali tiegħu kontra din it-terza persuni sakemm il-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni jew ta' pubbliċità previsti minn dan l-Istat Membru jkunu ġew rispettati, sakemm it-terza persuna ma tkunx taf jew kellha tkun taf il-liġi applikabbli għall-aspetti patrimonjali tas-sħubija reġistrata.

(26) Minħabba l-impenji internazzjonali assunti mill-Istati Membri, dan ir-Regolament ma jaffettwax il-konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom ikun parti Stat Membru wieħed jew ikunu partijiet diversi Stati Membri meta jiġi adottat. Il-koerenza mal-għanijiet ġenerali ta' dan ir-Regolament tirrikjedi madankollu li, fost l-Istati Membri, ir-Regolament jipprevali fuq il-konvenzjonijiet.

(27) Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-possibbiltà mogħtija lis-sħab li jorganizzaw ir-relazzjonijiet patrimonjali ta’ bejniethom u fil-konfront ta’ terzi persuni matul il-ħajja tal-koppja u fil-mument meta jillikwidaw il-proprjetà tal-koppja u prevedibbiltà u ċertezza legali akbar, ma jistgħux jitwettqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba d-dimensjonijiet u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jittwettqu aħjar fil-livell tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea tista’ tieħu miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà li jinsab fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif jinsab fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(28) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 7, 9, 17, 21 u 47 rispettivament dwar ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għaż-żwieġ u t-twaqqif ta' familja skont il-liġijiet nazzjonali, id-dritt ta’ proprjetà, il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni u d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mill-qrati tal-Istati Membri b’mod li jkun konsistenti ma' dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(29) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, [ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament]/[bla ħsara għall-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhumiex marbutin bih jew suġġetti għall-applikazzjoni tiegħu] .

(30) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Tratttat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u għalhekk mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I

Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjoni

Artikolu 1 Kamp ta’ applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament japplika għall-aspetti patrimonjali marbuta mas-sħubijiet reġistrati.

Huwa ma japplikax, b’mod partikolari, għall-kwistjonijiet fiskali, doganali u amministrattivi.

2. F'dan ir-Regolament, bi “Stat Membru” wieħed għandu jifhem l-Istati Membri kollha ħlief għad-Danimarka, [ir-Renju Unit u l-Irlanda].

3. Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:

(a) il-proprjetà personali tas-sħubija reġistrata,

(b) il-kapaċita tas-sħab,

(c) l-obbligi ta' manteniment,

(d) id-donazzjonijiet bejn is-sħab,

(e) id-drittijiet ta’ suċċessjoni tas-sieħeb/sieħba superstiti,

(f) is-soċjetajiet bejn is-sħab,

(g) in-natura tad-drittijiet in rem li jirrigwardaw proprjetà u l-pubbliċità ta' dawn id-drittijiet.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a) “effetti patrimonjali” : il-ġabra tar-regoli li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet patrimonjali tas-sħab bejniethom u fil-konfront ta’ terzi persuni, li jirriżultaw direttament mir-rabta li tinħoloq bir-reġistrazzjoni tas-sħubija;

(b) “sħubija reġistrata”: Sistema li tirregola l-ħajja komuni bejn żewġ persuni, prevista mil-liġi u li tagħti lok għal reġistrazzjoni minn awtorità pubblika;

(c) “Att awtentiku”: dokument imħejji jew irreġistrat uffiċjalment bħala att awtentiku fl-Istat Membru ta’ oriġini u li l-awtentiċità tiegħu:

i) tirrigwarda l-firma u l-kontenut tal-att awtentiku, u

ii) ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew minn kwalunkwe awtorità oħra mogħtija s-setgħa li tagħmel dan;

(d) “deċiżjoni”: kull deċiżjoni mogħtija fil-qasam tar-reġim patrimonjali ta’ sħubija reġistrata minn qorti ta’ Stat Membru, ikun xi jkun l-isem li jingħatalha, bħal sentenza, ġudizzju, ordni jew mandat ta’ eżekuzzzjoni, kif ukoll id-determinazzjoni tal-ispejjeż tal-kawża mir-reġistratur;

(e) “Stat Membru ta’ oriġini”: l-Istat Membru li fih, skont il-każ, tingħata d-deċiżjoni, jiġi konkluż il-kuntratt ta’ sħubija, jitħejja l-att awtentiku jew l-att ta’ likwidazzjoni tal-patrimonju komuni jew kull att ieħor li jsir minn awtorità ġudizzjarja jew quddiemha jew li jiġi ddelegat minnha;

(f) “Stat Membru li ssirlu t-talba”: l-Istat Membru li fih, skont il-każ, jintalab ir-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, tal-kuntratt ta’ sħubija, tal-att awtentiku jew l-att ta’ likwidazzjoni tal-patrimonju komuni jew kull att ieħor li jsir minn awtorità ġudizzjarja jew quddiemha jew li jiġi ddelegat minnha;

(g) “qorti”: kull awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istati Membri li twettaq funzjoni ta’ qorti fil-qasam tal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati kif ukoll kull awtorità oħra li ma tkunx ġudizzjarja jew kull persuna li twettaq, b’delega jew b’nomina minn awtorità ġudizzjarja tal-Istati Membri, il-funzjonijiet li jagħmlu parti mill-kompetenzi tal-qrati, kif previsti minn dan ir-Regolament;

(h) "tranżazzjoni ġudizzjarja": ftehim fil-qasam tal-effetti patrimonjali ta’ sħubija reġistrata approvat minn qorti jew li ġie konkluż quddiem qorti matul il-proċedimenti.

Kapitolu II

Ġuriżdizzjoni

Artikolu 3 Ġuriżdizzjoni fil-każ tal-mewt ta’ wieħed mis-sħab

1. Il-qrati ta’ Stat Membru li quddiemhom titressaq talba dwar is-suċċessjoni ta’ wieħed mis-sħab skont ir-Regolament (UE) Nru…/… [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni] , għandhom ukoll ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar l-effetti patrimonjali tas-sħubija relatati mat-talba.

2. Din il-qorti tista’ tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni jekk id-dritt tagħha ma jkunx jirrikonoxxi l-istituzzjoni tas-sħubija reġistrata. F’dan il-każ, il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni tiġi stabbilita skont l-Artikolu 5.

Artikolu 4 Ġuriżdizzjoni fil-każ tas-separazzjoni tas-sħab

Il-qrati ta’ Stat Membru li quddiemhom titressaq talba ta’ xoljiment jew annullament ta’ sħubija reġistrata, għandhom ukoll ġuriżdizzjoni, fil-każ ta’ ftehim bejn is-sħab, biex jiddeċiedu dwar l-effetti patrimonjali marbuta mat-talba.

Dan il-ftehim jista’ jiġi konkluż f’kull ħin, anki matul il-proċedimenti. Meta jiġi konkluż qabel il-proċedimenti, huwa għandu jiġi fformulat bil-miktub, jiġi datat u jiġi ffirmat miż-żewġ partijiet.

Fin-nuqqas ta’ ftehim bejn is-sħab, il-ġuriżdizzjoni hija rregolata mill-Artikolu 5.

Artikolu 5 Ġuriżdizzjoni f’każijiet oħrajn

1. Minbarra l-każijiet previsti fl-Artikoli 3 u 4, għandhom il-ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar proċedimenti li jirrigwardaw l-effetti patrimonjali ta’ sħubija reġistrata il-qrati tal-Istat Membru:

a) tar-residenza abitwali komuni tas-sħab, jew fin-nuqqas ta’ dan

b) tal-aħħar residenza abitwali komuni tas-sħab, jekk wieħed minnhom ikun għadu residenti hemm, jew fin-nuqqas ta’ dan

c) tar-residenza abitwali komuni tal-konvenut, jew fin-nuqqas ta’ dan

d) tar-reġistrazzjoni tas-sħubija.

2. Il-qrati msemmija fil-paragrafu 1(a), (b) u (c) jistgħu jirrifjutaw il-ġuriżdizzjoni jekk il-liġi tagħhom ma tkunx tirrikonoxxi l-istituzzjoni tas-sħubija reġistrata.

Artikolu 6 Ġuriżdizzjoni sussidjarja

Meta ma jkun hemm l-ebda qorti li jkollha ġuriżdizzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 3, 4 jew 5 jew il-qorti tkun rrifjutat il-ġuriżdizzjoni, il-qrati ta' Stat Membru għandhom ġuriżdizzjoni safejn:

a) il-proprjetà ta’ wieħed mill-partijiet jew tat-tnejn li huma tkun tinsab fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru; f’liema każ il-qorti li jitressqu l-proċedimenti quddiemha għandha tintalab biex tiddeċiedi biss dwar din il-proprjetà, jew

b) iż-żewġ sħab ikollhom in-nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru jew, fil-każ tar-Renju Unit u tal-Irlanda, ikollhom id-domiċilju komuni tagħhom.

Artikolu 7 Forum necessitatis

Meta l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 3, 4, 5 jew 6, jew il-qorti tkun ċaħdet il-ġuriżdizzjoni tagħha, il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu, b’mod eċċezzjonali u sakemm il-kawża jkollha konnessjoni biżżejjed ma’ dak l-Istat Membru, jiddeċiedu fuq l-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati jekk jirriżulta li l-proċedura tkun impossibbli jew ma tkunx tista’ raġonevolment tiġi ppreżentata jew titmexxa fi Stat terz.

Artikolu 8 Kontrotalba

Il-qorti li jitressqu proċedimenti quddiemha bis-saħħa tal-Artikoli 3, 4, 5, 6 jew 7 u li jkunu pendenti quddiemha tali proċedimenti għandha wkoll il-ġuriżdizzjoni biex teżamina l-kontrotalba, safejn din tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 9 It-tressiq ta’ kawża quddiem qorti

Kawża titqies li tkun tressqet quddiem qorti:

a) fid-data meta l-att promotur jew dokument ekwivalenti jiġi ppreżentat lill-qorti, sakemm ir-rikorrent ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-miżuri li kien meħtieġ jieħu sabiex l-att jiġi notifikat lill-konvenut, jew

b) jekk l-att għandu jiġi notifikat qabel ma jiġi ppreżentat lill-qorti, fid-data li fiha l-awtorità responsabbli għan-notifika tirċevih, sakemm ir-rikorrent ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-miżuri li kien meħtieġ jieħu sabiex l-att jiġi ppreżentat lill-qorti.

Artikolu 10 Verifika tal-ġuriżdizzjoni

Il-qorti ta’ Stat Membru li titressaq quddiemha kawża dwar l-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati u li ma jkollhiex ġuriżdizzjoni li tisma’ l-istess kawża bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, għandha tiddikjara ex officio li ma għandhiex ġuriżdizzjoni.

Artikolu 11 Verifika tal-ammissibbiltà

1. Meta konvenut li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, li ma jkunx l-Istat Membru fejn il-kawża tkun tressqet, ma jidhirx, il-qorti kompetenti hija obbligata tissospendi l-proċedimenti quddiemha sakemm jiġi stabbilit li l-konvenut kien f’pożizzjoni li jirċievi l-att promotur tal-kawża jew att ekwivalenti fi żmien biżżejjed biex ikun jista' jiddefendi ruħu jew li ttieħdu l-passi kollha biex dan isir.

2. L-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali[23] għandu japplika minflok id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk l-att promotur tal-kawża jew att ekwivalenti kellu jiġi trażmess minn Stat Membru wieħed lil Stat Membru ieħor skont l-imsemmi Regolament.

3. Meta d-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 ma jkunux applikabbli, l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-notifika barranija ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġuduzzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali għandu japplika jekk l-att promotur jew dokument ekwivalenti kellu jiġi trażmess barra skont l-imsemmija Konvenzjoni.

Artikolu 12 Lis pendens

1. Meta jitressqu talbiet li jkunu jinvolvu l-istess suġġett u l-istess kawża u li jkunu bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta' Stati Membri differenti, il-qorti li titressaq quddiemha t-tieni talba għandha tissospendi l-proċedimenti quddiemha ex officio sakemm tiġi kkonfermata l-ġuriżdizzjoni tal-qorti li quddiemha tkun tressqet l-ewwel talba.

2. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-qorti li titressaq it-talba quddiemha l-ewwel għandha tistabbilixxi jekk għandhiex ġuriżdizzjoni f'terminu ta' sitt xhur ħlief jekk dan jirriżulta li jkun impossibbli minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali. Fuq it-talba ta' kwalunkwe qorti oħra li tkun tressqet it-tilwima quddiemha, il-qorti li quddiemha tkun tressqet it-talba l-ewwel għandha tinformaha bid-data li fiha tressqet it-talba quddiemha u tindikalha jekk iddikjaratx li hija għandha ġuriżdizzjoni fuq it-tilwima jew, fin-nuqqas ta' dan, tgħarrafha biż-żmien li tqis neċessarju biex tistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni tagħha.

3. Meta tiġi kkonfermata l-ġuriżdizzjoni tal-ewwel qorti li quddiemha tkun tressqet l-ewwel talba il-qorti li quddiemha tkun tressqet it-tieni talba għandha ċċedi l-ġuriżdizzjoni favur dik il-qorti.

Artikolu 13 Konnessjoni bejn il-kawżi

1. Meta jkun hemm talbiet li jkun hemm konnessjoni bejniethom u li jkunu pendenti quddiem qrati fi Stati Membri differenti, il-qorti li quddiemha titressaq it-tieni talba tista' tissospendi l-proċedimenti quddiemha.

2. Meta dawn it-talbiet ikunu pendenti quddiem qrati tal-ewwel istanza, il-qorti li titressaq it-tieni talba quddiemha tista’ wkoll iċċedi l-ġuriżdizzjoni, fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet, sakemm il-qorti li tkun tressqet l-ewwel talba quddiemha jkollha ġuriżdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tat-talbiet kkonċernati u sakemm il-liġi tagħha tkun tippermetti li jingħaqdu.

3. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, għandhom jitqiesu li huma konnessi dawk it-talbiet li jkun marbuta minħabba relazzjoni hekk mill-qrib illi jkun hemm interess li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet li jistgħu jkunu inkonċiljabbli kieku l-kawżi jiġu deċiżi separatament.

Artikolu 14 Miżuri proviżorji u kawtelatorji

Il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu jintalbu jagħtu dawk il- miżuri proviżorji jew kawtelatorji previsti mil-liġi tal-istess Stat Membru minkejja li, bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, ikunu l-qrati ta’ Stat Membru ieħor li jkollhom ġuriżdizzjoni fuq il-mertu.

Kapitolu III

Liġi applikabbli

Artikolu 15 Determinazzjoni tal-liġi applikabbli

Il-liġi applikabbli għall-effetti patrimonjali tas-sħubija hija l-liġi tal-Istat li fih tkun ġiet irreġistrata.

Artikolu 16 In-natura universali tar-regola ta’ kunflitt tal-liġijiet

Il-liġi indikata mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu tapplika anki jekk din il-liġi ma tkunx dik ta’ Stat Membru.

Artikolu 17 Regoli obbligatorji

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jippreġudikaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imperattivi li r-rispett tagħhom jitqies li huwa kruċjali minn Stat Membru għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, sal-punt li jkun jeħtieġ l-applikazzjoni tagħhom għal kwalunkwe sitwazzjoni li taqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-sħubija reġistrata bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 18 Ordni pubbliku tal-forum

1. L-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi indikata minn dan ir-Regolament tista’ titwarrab biss jekk din l-applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-forum..

2. L-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi indikata minn dan ir-Regolament ma tistax titqies li tmur kontra l-ordni pubbliku tal-forum għall-unika raġuni li l-liġi tal-forum ma tirrikonoxxix l-istituzzjoni tas-sħubija reġistrata.

Artikolu 19 Esklużjoni tar-rinviju

Meta dan ir-Regolament ikun jeħtieġ l-applikazzjoni tal-liġi ta’ Stat, huwa jfisser l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi sostantiva fis-seħħ f'dak il-pajjiż bl-esklużjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat tiegħu.

Artikolu 20 Stati li jkollhom żewġ sistemi tad-dritt jew aktar – kunflitti tal-liġijiet territorjali

Meta Stat ikun jinkludi diversi unitajiet territorjali li kollha jkollhom is-sistema tad-dritt proprja tagħhom jew il-ġabra ta’ regoli proprja tagħhom li jkunu jirrigwardaw il-kwistjonijiet irregolati minn dan ir-Regolament :

a) kull riferiment għal-liġi ta’ dan l-Istat għandha tiġi interpretata, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, bħala riferiment għal-liġi fis-seħħ fl-unità territorjali kkonċernata;

b) kull riferiment għar-residenza abitwali f'dan l-Istat għandha tiġi interpretata bħala riferiment għar-residenza abitwali f’unità territorjali;

c) kull riferiment għan-nazzjonalità għandha tirrigwarda l-unità territorjali stabbilita mil-liġi ta’ dan l-Istat jew, fin-nuqqas ta’ regoli applikabbli, l-unità territorjali magħżula mill-partijiet jew, fin-nuqqas ta’ għażla, l-unità territorjali li magħha jkollu l-aktar rabtiet mill-qrib wieħed mis-sħab jew ikollhom l-aktar rabtiet mill-qrib is-sħab.

Kapitolu IV

Rikonoxximent, eżegwibbiltà u eżekuzzjoni

Taqsima 1

DEċIżJONIJIET

Subtaqsima 1

Rikonoxximent

Artikolu 21 Rikonoxximent tad-deċiżjonijiet

1. Id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali.

2. Fil-każ ta' kontestazzjoni, kull parti interessata li tinvoka r-rikonoxximent bħala talba prinċipali, tista' titlob li jiġi kkonstatat, skont il-proċedimenti previsti fl-Artikoli [38 sa 56] tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, li d-deċiżjoni għandha tiġi rikonoxxuta.

3. Jekk ir-rikonoxximent jiġi invokat bħala talba inċidentali quddiem qorti ta' Stat Membru, din ikollha l-ġuriżdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba.

Artikolu 22 Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni

Deċiżjoni m a għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk:

a) ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li ssirlu t-talba;

b) l-att promotur jew att ekwivalenti ma jkunx ġie notifikat lill-konvenut kontumaċi fi żmien biżżejjed u b’tali mod li dan ikun jista’ jiddefendi ruħu, sakemm huwa ma jkunx appella d-deċiżjoni meta kellu l-possibbiltà li jagħmel dan;

c) tkun inkonċiljabbli ma' deċiżjoni oħra mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li ssirlu t-talba;

d) tkun inkonċiljabbli ma' deċiżjoni mogħtija preċedentement fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz bejn l-istess partijiet f’tilwima bl-istess suġġett u l-istess kawża, meta d-deċiżjoni li tkun ingħatat qabel tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru li ssirlu t-talba.

Artikolu 23 Il-projbizzjoni ta’ rieżami tal-ġuriżdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini

1. Ma jistax isir rieżami tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

2. Il-kriterju tal-ordni pubbliku msemmi fl-Artikolu 18 ma japplikax għar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 8.

Artikolu 24 Differenzi bejn il-liġijiet applikabbli

Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni, jew ta' parti minn deċiżjoni, dwar l-aspetti patrimonjali ta' sħubija reġistrata, ma jistgħux jinċaħdu għar-raġuni li l-liġi tal-Istat Membru li ssirlu t-talba ma tkunx tirrikonoxxi s-sħubija reġistrata jew li ma tagħtihiex l-istess effetti patrimonjali.

Artikolu 25 Projbizzjoni ta’ rieżami fil-mertu

Id-deċiżjoni barranija ma tista', fl-ebda ċirkustanza, tkun is-suġġett ta' rieżami fil-mertu.

Artikolu 26 Sospensjoni tal-proċedimenti

Il-qorti ta' Stat Membru li quddiemha titressaq talba għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor tista' tissospendi l-proċedimenti quddiemha jekk din id-deċiżjoni tkun ġiet appellata.

Subtaqsima 2

Eżekuzzjoni

Artikolu 27 Deċiżjonijiet eżegwibbli

Id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru u li huma eżegwibbli fih u t-tranżazzjonijiet ġudizzjarji, jiġu eżegwiti fl-Istati Membri l-oħra, skont l-Artikoli [ 38 sa 56 u 58] tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

taqsima 2

ATTI AWTENTIċI U TRANżAZZJONIJIET ġUDIZZJARJI

Artikolu 28 Rikonoxximent tal-atti awtentiċi

1. L-atti awtentiċi rċevuti fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra ħlief jekk ikun hemm kontestazzjoni dwar il-validità tagħhom skont il-liġi applikabbli u bil-kundizzjoni li rikonoxximent bħal dan ma jkunx manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li ssirlu t-talba.

2. Ir-rikonoxximent tal-atti awtentiċi għandu l-effett li jagħti lil dawn l-atti valur probatorju fir-rigward tal-kontenut tagħhom kif ukoll preżunzjoni sempliċi ta’ validità.

Artikolu 29 Eżegwibbiltà tal-atti awtentiċi

1. L-atti awtentiċi mħejjija u eżegwibbli fi Stat Membru għandhom, fuq rikors, jiġu ddikjarati eżegwibbli fi Stat Membru ieħor, skont il-proċedura prevista fl-Artikoli [38 sa 57] tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

2. Il-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors bis-saħħa tal-Artikolu [43 u 44] tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 la tista’ tiċħad u lanqas tirrevoka dikjarazzjoni li tikkonstata l-eżegwibbiltà ħlief jekk l-eżekuzzjoni tal-att awtentiku tkun manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li ssirlu t-talba.

Artikolu 30 Rikonoxximent u eżegwibbiltà ta’ tranżazzjonijiet ġudizzjarji

It-tranżazzjonijiet ġudizzjarji li huma eżegwibbli fl-Istat Membru ta’ oriġini huma rikonoxxuti u dikjarati eżegwibbli fi Stat Membru ieħor fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti interessata, taħt l-istess kundizzjonijiet li huma l-atti awtentiċi. Il-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors bis-saħħa tal-Artikolu [ 42 jew 44] tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 la għandha tiċħad u lanqas tirrevoka dikjarazzjoni li tikkonstata l-eżegwibbiltà ħlief jekk l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ġudizzjarja tkun manifestament kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

Kapitolu V

Effetti fil-konfront ta’ terzi persuni

Artikolu 31

Effetti fil-konfront ta’ terzi persuni

1. L-effetti patrimonjali tas-sħubija reġistrata fuq relazzjoni legali bejn wieħed mis-sħab u terza persuni huma rregolati mil-liġi tal-Istat tar-reġistrazzjoni tas-sħubija reġistrata msemmi fl-Artikolu 15.

2. Madankollu, id-dritt ta’ Stat Membru jista’ jipprevedi li l-liġi applikabbli ma tistax tintuża minn wieħed mis-sħab kontra terza persuna meta wieħed mis-sħab jew terza persuna jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u l-kundizzjonijiet dwar il-pubbliċità jew ir-reġistrazzjoni previsti minn dan id-dritt ma jkunux twettqu, sakemm it-terza persuna ma kinitx taf jew kellha tkun taf bil-liġi applikabbli għall-effetti patrimonjali tas-sħubija reġistrata.

3. Bl-istess mod, id-dritt tal-Istat Membru fejn tkun tinstab proprjetà immobbli jista’ jipprevedi regola analoga għal dik prevista fil-paragrafu 2 għar-relazzjonijiet legali bejn wieħed mis-sħab u terza persuna dwar tali proprjetà immobbli.

Kapitolu VI

Dispożizzjonijiet ġenerali finali

Artikolu 32 Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti

1. Dan ir-Regolament ma għandux effett fuq l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet bilaterali jew multilaterali li Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri jkunu jagħmlu parti minnhom meta jiġi adottat dan ir-Regolament u li jirrigwardaw kwistjonijiet rregolati minnu, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 351 tat-Trattat.

2. Minkejja l-paragrafu 1, bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament jipprevali fuq il-konvenzjonijiet li jirrigwardaw kwistjonijiet rregolati minnu u li l-Istati Membri jkunu partijiet tagħhom.

Artikolu 33 Informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-awtoritajiet kompetenti

1. Mhux aktar tard mill-[…], l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni fil-lingwa/lingwi li jqisu xierqa:

a) deskrizzjoni tal-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali tagħhom dwar id-dritt tal-aspetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, flimkien mat-testi relevanti,

b) id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar l-effetti fil-konfront ta’ terzi persuni msemmija fl-Artikolu 31(2) u (3).

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’kull emenda sussegwenti għal dawn id-dispożizzjonijiet.

3. Il-Kummissjoni għandha tpoġġi l-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafi 1 u 2 għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta' mezzi approprjati, b'mod partikolari permezz tas-sit tal-internet multilingwi tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali.

Artikolu 34 Klawsola ta' reviżjoni

1. Mhux aktar tard minn [ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ...], u wara dan kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Flimkien ma’ dan ir-rapport, għandu jkun hemm, jekk ikun il-każ, proposti ta’ tibdil ta’ dan ir-Regolament..

2. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-elementi rilevanti li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-qrati tagħhom.

Artikolu 35 Dispożizzjonijiet tranżitorji

1. Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli II u IV ta’ dan ir-Regolament japplikaw għar-rikorsi ġudizzjarji li jitressqu, għall-atti awtentiċi li jiġu rċevuti, għat-tranżazzjonijiet ġudizzjarju li jsiru u għad-deċiżjonijiet li jingħataw wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2. Madankollu, jekk ir-rikors ikun tressaq fl-Istat tal-oriġini qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, id-deċiżjonijiet li jingħataw wara din id-data għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwiti skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV, sakemm ir-regoli ta' ġuriżdizzjoni applikati jkunu jikkonformaw ma' dawk previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kaptiolu II.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III huma biss applikabbli għas-sħab li jkunu rreġistraw is-sħubija tagħhom.

Artikolu 36 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl- għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament japplika minn [sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi […], il-[…]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU C 12, 15.1.2001, p.1.

[2] ĠU C 53, 3.3.2005, p.1.

[3] COM(2010) 603.

[4] Studju dwar ir-reġimi matrimonjali tal-koppji miżżewġa u l-patrimonju tal-koppji mhux miżżewġa fid-dritt internazzjonali privat u d-dritt intern tal-Istati Membri tal-Unjoni, Konsorzju ASSER-UCL, http://europa.eu.int/comm/justice_home/doc_centre/civil/studies/doc_civil_studies_en.htm

[5] COM(2006) 400.

[6] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, COM(2010) 573 tad-19.10.2010.

[7] Irregolati mir-Regolament (KE) Nru 4/2009 (ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1).

[8] Irregolati mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).

[9] ĠU L 12, 16. 01. 2001, p. 1

[10] ĠU …, …, p. ….

[11] ĠU …, …, p. ….

[12] ĠU …, …, p. ….

[13] ĠU C 12, 15.1.2001, p.1.

[14] ĠU C 53, 3.3.2005, p.1.

[15] COM(2006) 400.

[16] Il-Programm ta' Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1).

[17] COM(2010) 603.

[18] ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1.

[19] ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

[20] ĠU L [...], […], p.[…].

[21] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

[22] ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.

[23] ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet