EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0126

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali

/* KUMM/2011/0126 finali - CNS 2011/0059 */

52011PC0126

/* KUMM/2011/0126 finali - CNS 2011/0059 */ Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 16.3.2011

KUMM(2011) 126 finali

2011/0059 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali

{KUMM(2011) 125 finali}{KULM(2011) 127 finali}{SEG(2011) 327 finali}{SEG(2011) 328 finali}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Kuntest tal-proposta

1.1. Kuntest ġenerali

Skont l-Artikolu 67(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tikkonsisti fi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi legali differenti. L-Artikolu 67(4) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili. L-Artikolu 81 tal-istess Trattat isemmi speċifikament il-miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw "ir-rikonoxximent reċiproku bejn Stati Membri u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'każijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji" kif ukoll "il-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri dwar il-kunflitt tal-liġijiet u tal-ġuriżdizzjoni". Fuq din il-bażi, diġà ġew adottati diversi strumenti, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, iżda dawn ma jinkorporawx ir-reġimi matrimonjali fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.

L-adozzjoni ta’ strument Ewropew fir-rigward tar-reġimi matrimonjali diġà kienet tinsab fost il-prijoritajiet tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Vjenna fl-1998. Il-Programm ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali[1] adottat mill-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2000, kien jistipula l-istabbiliment ta’ strument dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet fir-rigward tar-" reġimi matrimonjali u l-konsegwenzi tas-separazzjoni ta’ koppji mhux miżżewwġin fuq il-proprjetà ". Il-Programm tal-Aja[2], adottat mill-Kunsill Ewropew tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2004, li stabbilixxa, bħala l-ewwel prijorità tiegħu, l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sena 2000, kien stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta Green Paper dwar “il-kunflitti tal-liġijiet fir-rigward tar-reġim matrimonjali, inkluża b’mod partikolari l-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku", u kien enfasizza l-ħtieġa li sal-2011 jiġi adottat strument f'dan il-qasam.

Il-Programm ta' Stokkolma, adottat fil-11 ta' Diċembru 2009 mill-Kunsill Ewropew, isemmi wkoll li r-rikonoxximent reċiproku għandu jkun mifrux fuq ir-reġimi matrimonjali kif ukoll fuq il-konsegwenzi tas-separazzjoni ta' koppji fuq il-proprjetà.

Fir-"Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni: it-tneħħija tal-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni"[3] adottat fis-27 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni identifikat l-inċertezza fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà ta' koppji internazzjonali bħala waħda mill-ostakoli prinċipali li għadhom jaffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum meta jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-UE lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom. Għalhekk, bħala mezz biex tirranġa din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni ħabbret l-adozzjoni, fis-sena 2011, ta' proposta ta' strument leġiżlattiv li jippermetti lill-koppji internazzjonali (miżżewġin jew sħab irreġistrati) li jsiru jafu aktar faċilment liema qrati huma kompetenti u liema leġiżlazzjoni għandha tapplika għad-drittijiet tagħhom fuq il-proprjetà.

1.2. Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Iktar mobilità tal-persuni fi ħdan żona mingħajr fruntieri interni twassal għal żieda sinifikanti fl-Unjoni bejn ċittadini ta’ Stati Membri differenti u għal preżenza ta’ dawn il-koppji fi Stat Membru li ma jkunux ċittadini tiegħu, spiss akkumpanjata mill-akkwist ta’ beni li jkunu jinsabu fuq it-territorju ta’ diversi pajjiżi tal-Unjoni. Minn studju li sar mill-konsorzju ASSER-UCL[4] fl-2003 ħarġet l-importanza tal-fenomenu tal-koppji transnazzjonali fi ħdan l-Unjoni, u d-diffikultajiet prattiċi u ġuridiċi li jkollhom jaffaċċjaw, kemm fil-ġestjoni ta' kuljum tal-beni tal-koppja kif ukoll meta jasal il-mument tal-kondiviżjoni tagħhom, li tirriżulta mis-separazzjoni tal-koppja jew mill-mewt ta' wieħed mill-membri tagħha. Dawn id-diffikultajiet spiss huma marbuta mad-diverġenzi kbar li jkun hemm fir-regoli applikabbli, kemm fid-dritt sostantiv kif ukoll fid-dritt internazzjonali privat, li jirregola l-kwistjoni tal-effetti taż-żwiġijiet fuq il-proprjetà.

Minħabba l-partikolaritajiet speċifiċi taż-żwieġ u tas-sħubija reġistrata, u minħabba l-konsegwenzi ġuridiċi differenti li jirriżultaw minn dawn il-forom ta' unjoni, il-Kummissjoni qed tippreżenta żewġ proposti ta' Regolamenti distinti : wieħed relatat mal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali u l-ieħor relatat mal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-effetti tas-sħubiji rreġistrati fuq il-proprjetà.

Din il-proposta għandha l-għan b'mod partikolari li tapplika qafas ġuridiku ċar fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li jkopri d-determinazzjoni tal-qorti kompetenti, il-liġi applikabbli fir-rigward tar-reġim matrimonjali, u li tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni ta' deċiżjonijiet u ta' atti bejn l-Istati Membri.

2. Ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet – Analiżi tal-impatt

It-tħejjija ta' din il-proposta kienet ippreċeduta minn konsultazzjoni wiesgħa mal-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet l-oħra u mal-pubbliku. B'segwitu għall-istudju li sar fl-2003, il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper fis-17 ta' Lulju 2006 dwar il-kunflitti tal-liġijiet fir-rigward tar-reġim matrimonjali, inkluża b’mod partikolari l-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku[5], li fetħet konsultazzjoni wiesgħa f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni waqqfet grupp ta' esperti magħruf bħala " PRM/III " għat-tħejjija tal-proposta. Dan il-grupp kien magħmul minn membri minn professjonijiet differenti kkonċernati li jirrappreżentaw id-diversi kulturi ġuridiċi Ewropej u ltaqa' ħames darbiet bejn l-2008 u l-2010. Fit-28 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni organizzat ukoll smigħ pubbliku li fih seħħew l-iskambji flimkien mal-mitt parteċipant li kkonfermaw il-ħtieġa ta' strument tal-Unjoni fir-rigward tar-reġimi matrimonjali li jkopri b'mod partikolari l-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet. Fit-23 ta' Marzu 2010, ġiet organizzata wkoll laqgħa flimkien mal-esperti nazzjonali, sabiex jiġu diskussi l-punti ġenerali tal-proposta li kienet qed tiġi mħejjija.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt, komuni għall-proposti ta' Regolamenti dwar ir-reġimi matrimonjali u l-effetti tas-sħubiji rreġistrati fuq il-proprjetà rispettivament. L-istudju tal-impatt jinsab anness ma' din il-proposta.

3. L-aspetti legali tal-proposta

3.1. Bażi legali

Il-bażi legali ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 81(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jagħti lill-Kunsill il-kompetenza li jadotta miżuri dwar il-liġi tal-familja b’implikazzjonijiet transkonfinali, wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

Il-kwistjoni tar-reġimi matrimonjali tiddependi fuq l-eżistenza ta' relazzjonijiet tal-familja bejn l-individwi kkonċernati. Fil-fatt, meta r-reġim matrimonjali jkun jikkonċerna r-relazzjonijiet patrimonjali ta' bejn il-miżżewġin kif ukoll ta' bejn il-miżżewġin u terzi persuni, tant ikun marbut mill-viċin mal-idea taż-żwieġ li jkollu jiġi kkunsidrat bħala rilevanti għal-liġi tal-familja. Dan ikun jeżisti biss permezz taż-żwieġ, u ma jibqax jeżisti aktar max-xoljiment tiegħu (minħabba l-mewt ta' wieħed/waħda mill-miżżewġin, minħabba divorzju jew separazzjoni legali tal-koppja).

L-għan tal-proposta huwa li tistabbilixxi ġabra kompluta ta' regoli ta' dritt internazzjonali privat li japplikaw fir-rigward tar-reġim matrimonjali. Għalhekk, il-proposta tikkonċerna l-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li jittieħdu fir-rigward tar-reġimi matrimonjali. Ir-regoli li jinsabu f'din il-proposta jiġu involuti biss f'sitwazzjonijiet ta' natura transnazzjonali.

3.2. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

L-għanijiet ta' din il-proposta jistgħu biss jintlaħqu fil-forma ta' regoli komuni fir-rigward tar-reġimi matrimonjali, li għandhom ikunu identiċi sabiex jiżguraw iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà għaċ-ċittadini. Azzjoni unilaterali mill-Istati Membri għalhekk tmur kontra dan l-għan. F'dan il-qasam, kienu saru żewġ konvenzjonijiet internazzjonali tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, il-Konvenzjoni tas-17 ta' Lulju 1905 li tikkonċerna l-kunflitti tal-liġijiet fir-rigward tal-effetti matrimonjali fuq il-proprjetà u d-dmirijiet tal-miżżewġin fir-relazzjonijiet personali tagħhom u fuq il-beni tagħhom bħala miżżewġin, u l-Konvenzjoni tal-14 ta' Marzu 1978 dwar il-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali, iżda dawn ġew ratifikati biss minn tliet Stati Membri u mhumiex iwasslu għas-soluzzjonijiet mistennija biex jiġi affrontat id-daqs tal-problemi kkunsidrati minn din il-proposta, li rriżultaw kemm mill-valutazzjoni tal-impatt kif ukoll mill-konsultazzjoni pubblika. In-natura u d-daqs tal-problemi li qed jiffaċċjaw iċ-ċittadini jfissru li l-għanijiet jistgħu jintlaħqu biss fil-livell tal-Unjoni.

3.3. Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità billi tillimita ruħha strettament għal dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha. Il-proposta ma tarmonizzax il-liġi dwar ir-reġimi matrimonjali tal-Istati Membri. Hi lanqas ma tolqot l-aspetti fiskali tax-xoljiment tar-reġimi matrimonjali tal-Istati Membri. Hija mhi se tinvolvi l-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq iċ-ċittadini u se twassal biss għal piż żejjed limitat ħafna fuq l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati.

3.4. L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali

F'konformità mal-istrateġija tal-Unjoni għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali min-naħa tal-Unjoni Ewropea[6], il-Kummissjoni vverifikat li l-proposta tirrispetta d-drittijiet imsemmija fil-Karta.

Hija ma taffettwax id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja u d-dritt għaż-żwieġ u t-twaqqif ta' familja skont il-liġijiet nazzjonali previsti rispettivament mill-Artikoli 7 u 9 tal-Karta.

Id-dritt għall-proprjetà, kopert mill-Artikolu 17 tal-Karta, huwa msaħħaħ. Il-prevedibbiltà fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-beni kollha tal-koppja fil-fatt se tippermetti lill-miżżewġin li jgawdu b'mod aktar effettiv mid-dritt tagħhom fuq il-proprjetà.

Il-Kummissjoni vverifikat ukoll li l-proposti qed iqisu l-Artikolu 21, li jipprojbixxi kull tip ta' diskriminazzjoni.

Fl-aħħar, id-dispożizzjonijiet proposti se jtejbu l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja fl-Unjoni u b'mod partikolari, tal-koppji miżżewġin. Huma jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Permezz ta' kriterji oġġettivi li jiddeterminaw il-qorti kompetenti, qed jiġu evitati l-proċeduri paralleli kif ukoll l-urġenza mill-parti l-aktar attiva biex il-każ jinġieb quddiem il-qorti.

3.5. L-għażla tal-istrument

Il-ħtieġa ta’ ċertezza legali u ta' prevedibbiltà tirrikjedi regoli ċari u uniformi, u għalhekk timponi l-forma ta' Regolament. Ir-regoli proposti fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u ċ-ċirkolazzjoni ta' deċiżjonijiet huma dettaljati u preċiżi u ma jirrekjedu l-ebda traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali. L-għanijiet ta' ċertezza u ta' prevedibbiltà legali se jiġu milquta jekk l-Istati Membri jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tar-regoli.

4. IMPLIKAZZJONIJIET BAġITARJI, SIMPLIFIKAZZJONI U KONSISTENZA MAL-POLITIKI L-OħRAJN TAL-UNJONI

4.1. Implikazzjonijiet baġitarji

Din il-proposta mhi se jkollha l-ebda effett fuq il-baġit tal-Unjoni.

4.2. Simplifikazzjoni

L-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni se tissimplifika b'mod konsiderevoli l-proċeduri billi tippermetti li, skont ir-regoli komuni, tiġi stabbilita l-qorti kompetenti biex tittratta kwistjoni dwar reġim matrimonjali. Permezz tal-estensjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati li quddiemhom tkun ġiet ippreżentata proċedura ta' divorzju, separazzjoni legali, annullament taż-żwieġ jew ta' suċċessjoni, bl-applikazzjoni tal-istrumenti eżistenti jew ta' dawk futuri tal-Unjoni għall-proċeduri li jikkonċernaw ir-reġim matrimonjali relatat magħhom, iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jressqu l-każ quddiem l-istess qorti biex tittratta l-aspetti kollha tas-sitwazzjoni tagħhom.

L-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitti tal-liġijiet se tissimplifika b'mod konsiderevoli l-proċeduri billi tippermetti liċ-ċittadini jistabbilixxu liema hi l-liġi applikabbli fuq il-bażi ta’ sett wieħed ta' regoli li jissostitwixxu r-regoli nazzjonali dwar il-kunflitti tal-liġijiet eżistenti fl-Istati Membri.

Fl-aħħar, ir-regoli proposti dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji se jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni tagħhom bejn l-Istati Membri.

4.3. Konsistenza mal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni

Din il-proposta tidħol fil-qafas tal-eżerċizzju mniedi mill-Kummissjoni bil-għan li jiġu eliminati l-ostakoli li jkollhom jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-Unjoni waqt li jkunu qed jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, hekk kif indikat fir-Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, imsemmi qabel.

5. Kummenti dwar l-artikoli

5.1. Kapitolu I: Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

Il-kunċett ta' reġim matrimonjali għandu jiġi interpretat b'mod awtonomu, u għandu, fl-istess ħin li jkopri l-aspetti relatati mal-ġestjoni ta' kuljum tal-beni tal-miżżewġin, ikopri wkoll dawk marbuta max-xoljiment tiegħu, minħabba s-separazzjoni tal-koppja jew minħabba l-mewt ta' wieħed mill-membri tagħha.

Sabiex jiġu stabbiliti l-oqsma milquta mill-istrument futur, jaqbel li tiġi mfassla lista eżawrjenti tal-kwistjonijiet li għandhom ikunu esklużi mir-Regolament. B'hekk, l-oqsma li diġà huma ttrattati mir-Regolamenti eżistenti tal-Unjoni, bħall-obbligi ta' manteniment[7], speċjalment bejn il-miżżewġin, u l-kwistjonijiet relatati mal-validità u l-effetti tad-donazzjonijiet[8], se jkunu partikolarment esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Il-kwistjonijiet relatati mad-dritt tas-suċċessjoni huma wkoll esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament.

Ir-Regolament ma jaffettwax in-natura tad-drittijiet in rem fuq il-beni, il-klassifikazzjoni tal-beni u tad-drittijiet u d-determinazzjoni tal-prerogattivi tad-detenturi ta' drittijiet bħal dawn.

Hija eskluża wkoll mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament, il-pubbliċità dwar id-drittijiet fuq il-beni, b'mod partikolari, il-funzjonament tar-reġistru tal-proprjetà immobbli u l-effetti ta' reġistrazzjoni jew tan-nuqqas ta' reġistrazzjoni f'dan ir-reġistru.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' konsistenza u sabiex jiġu ffaċilitati l-komprensjoni u l-implimentazzjoni ta' definizzjonijiet ta' kunċetti indikati f'dan ir-Regolament, uħud minn dawn id-definizzjonijiet huma kondiviżi ma' strumenti oħra tal-Unjoni li huma attwalment applikabbli jew li jinsabu fil-proċess tan-negozjati.

Barra minn dan, id-definizzjoni proposta ta' "qorti", essenzjalment tfasslet b'tali mod li tinkorpora l-awtoritajiet u l-persuni li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b'delega jew nomina mill-qorti, u li tippermetti l-assimilazzjoni tal-atti stabbiliti minn dawn l-awtoritajiet mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, f'dak li jikkonċerna l-metodi tagħhom ta' rikonoxximent u ta' eżekuzzjoni fi Stat Membru differenti minn dak li fih ikunu ġew stabbiliti.

5.2. Kapitolu II: Ġuriżdizzjoni

Il-proċeduri ġudizzjarji relatati mar-reġimi matrimonjali, ġeneralment jikkonċernaw ix-xoljiment tagħhom li jirriżulta mit-tmiem il-ħajja tal-koppja, minħabba l-mewt ta' wieħed/waħda minnhom jew minħabba s-separazzjoni tal-miżżewġin.

L-iskop li għandu jintlaħaq minn dan ir-Regolament huwa, b'mod partikolari, li jippermetti liċ-ċittadini jressqu diversi proċeduri assoċjati, quddiem il-qrati tal-istess Stat Membru. Sabiex dan ikun jista' jseħħ, ir-Regolament għandu jiżgura li r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati mitluba li jieħdu konjizzjoni tal-aspetti patrimonjali li jirriżultaw minn unjoni, ikunu armonizzati mar-regoli li diġà jeżistu jew li huma ppjanati fl-istrumenti Ewropej l-oħra.

Artikolu 3

B'hekk, u sabiex f'każ ta' mewt ta' wieħed/waħda mill-miżżewġin, il-qorti invokata tkun tista' tittratta s-suċċessjoni tar-raġel jew tal-mara li jkun/tkun miet(et) fl-istess ħin li tittratta x-xoljiment tar-reġim matrimonjali tiegħu/tagħha, dan l-Artikolu jistipula li l-qorti kompetenti fil-qasam tas-suċċessjonijiet u tat-testmenti, skont ir-regoli previsti mill-proposta tar-Regolament dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet u ta' atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u tal-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, tirrikonoxxi li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkun ġiet estiża wkoll għax-xoljiment tar-reġim matrimonjali li jirriżulta mill-ftuħ tas-suċċessjoni jew tat-testment inkwistjoni.

Artikolu 4

Bl-istess mod, il-qorti kompetenti biex tittratta d-divorzju, l-annullament taż-żwiġijiet jew is-separazzjoni legali, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, tkun tista', jekk il-koppja miżżewġa taqbel, testendi l-kompetenza tagħha għax-xoljiment tar-reġim matrimonjali li jirriżulta mill-proċedura tas-separazzjoni, u għal kwistjonijiet oħra relatati mar-reġim matrimonjali li jkunu ġew stabbiliti minn din il-proċedura.

Artikolu 5

Barra minn hekk, dan l-Artikolu jistipula r-regoli rigward il-kompetenza, li għandhom jiġu applikati għall-każijiet li jaqgħu barra mill-proċedura ta' suċċessjoni jew ta' separazzjoni tal-koppja (pereżempju, f'każ ta' bdil tar-reġim matrimonjali fuq l-inizjattiva tal-koppja miżżewġa). Permezz ta’ lista tal-kriterji ta' konnessjoni, elenkati b'mod ġerarkiku, ikun jista’ jiġi dderminat l-Stat Membru li l-qrati tiegħu jkollhom il- kompetenza biex jittrattaw dawn il-proċeduri relatati mar-reġim matrimonjali.

Il-kriterji proposti huma, b'mod partikolari, ir-residenza abitwali komuni tal-miżżewġin, l-aħħar residenza abitwali komuni jekk wieħed/waħda mill-miżżewġin ikun/tkun għadu/għadha joqgħod/toqgħod fiha jew ir-residenza abitwali tal-konvenut; kriterji tassew mifruxa li spiss jikkorrespondu mal-post fejn ikunu jinsabu l-beni tal-miżżewġin.

Artikolu 6

Fil-każijiet fejn l-ebda Stat Membru ma jkollu ġuriżdizzjoni li tiġi stabbilita bħala konformi mal-Artikoli preċedenti, dan l-Artikolu jista' jiddetermina liema Stat Membru għandu qrati li jistgħu, permezz ta' deroga, jittrattaw din il-proċedura. Din ir-regola tiggarantixxi l-aċċess tal-miżżewġin u ta’ terzi persuni interessati għall-ġustizzja, meta xi beni ta' wieħed/waħda mill-miżżewġin jew tat-tnejn li huma jkunu jinsabu fuq it-territorju ta' dan l-Istat Membru; kif ukoll meta ż-żewġ miżżewġin ikollhom iċ-ċittadinanza komuni ta' dak l-Istat Membru.

5.3. Kapitolu III: Il-liġi applikabbli

Artikolu 15

L-għażla magħmula mir-Regolament hija dik ta' sistema unitarja: il-beni kollha tal-miżżewġin huma sottomessi għal liġi waħda biss; il-liġi li tapplika għar-reġim matrimonjali.

Il-proprjetà immobbli tokkupa pożizzjoni partikolari fil-patrimonju tal-koppji. Waħda mill-opzjonijiet possibbli hija li din tista' tiġi sottomessa għal-liġi tal-Istat li tkun tinsab fih ( lex rei sitae ), u dan ifisser li tiġi awtorizzata tip ta' "frammentazzjoni" ("dépeçage") tal-liġi li tapplika għar-reġim matrimonjali tal-koppja. Madankollu, din is-soluzzjoni tidher li qed toħloq xi diffikultajiet, b'mod partikolari fil-mument tax-xoljiment tar-reġim matrimonjali, fis-sens li din qed twassal għall-interruzzjoni ftit li xejn mixtieqa fl-unità tar-reġim matrimonjali (dan filwaqt li l-obbligazzjonijiet se jibqgħu unitarji) u għall-applikazzjoni ta' liġijiet distinti għal tipi differenti ta' beni li jiffurmaw ir-reġim matrimonjali. Barra minn hekk, ir-Regolament jistipula li l-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali, kemm jekk tkun magħżula mill-miżżewġin, jew fin-nuqqas ta' għażla, jekk tiġi stabbilita mid-dispożizzjonijiet l-oħra, se tiġi applikata għall-beni kollha tal-miżżewġin, kemm għall-proprjetà mobbli kif ukoll għall-proprjetà immobbli, ikun xi jkun il-post fejn dawn ikunu jinsabu.

Artikolu 16

Matul il-konsultazzjonijiet li saru, intlaħaq kunsens wiesa' favur l-għoti ta' ċerta libertà lill-partijiet fl-għażla tal-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali. Din il-possibbiltà li tippermetti li l-għażla tal-liġi inkwistjoni ssir mill-miżżewġin għandha tkun irregolata, sabiex jiġi evitat li ssir għażla ta' liġi li ftit li xejn ikollha x'taqsam mar-realtà jew mal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tal-koppja, u għandha tiġi bbażata fuq il-liġi tar-residenza abitwali jew taċ-ċittadinanza ta' wieħed/waħda mill-miżżewġin jew tal-koppja li tkun se tiżżewweġ.

Artikolu 17

F'ħafna mill-Istati Membri, il-biċċa l-kbira tal-miżżewġin ma jaqbdux u jagħmlu l-għażla tal-liġi li tapplika għar-reġim matrimonjali tagħhom, u għalhekk huwa importanti li jiġu previsti dispożizzjonijiet komuni għall-Istati Membri kollha li permezz tagħhom tkun tista' tiġi stabbilita liema liġi hija applikabbli għal tali sitwazzjonijiet. Permezz ta’ lista ta' elementi oġġettivi ta' konnessjoni li japplikaw b'mod ġerarkiku, ikun possibbli li tiġi identifikata l-liġi li għandha tiġi applikata, biex b'hekk ikun hemm garanzija ta’ ċerta preveddibbiltà kemm għall-miżżewġin kif ukoll għal terzi persuni. Dawn il-kriterji jlaqqgħu flimkien ir-realtà tal-ħajja tal-koppja, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-iffissar tal-ewwel residenza abitwali komuni, u l-ħtieġa li tkun tista' tiġi ddeterminata faċilment il-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali tagħhom.

Artikolu 18

Minbarra l-possibbiltà li tippermetti li l-għażla tal-liġi applikabbli ssir mill-miżżewġin waqt iż-żwieġ (l-Artikolu 16), dan l-Artikolu jawtorizza wkoll li din l-għażla ssir iktar tard, matul il-ħajja miżżewġa. Bl-istess mod, il-miżżewġin li jkunu għażlu l-liġi applikabbli matul iż-żwieġ tagħhom, jistgħu sussegwentement jiddeċiedu li jbiddlu din il-liġi, u li jagħżlu oħra minflokha.

Il-bidla tal-liġi applikabbli tista' biss issir fuq xewqa tal-miżżewġin. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ma jipprevedux bidla awtomatika tal-liġi applikabbli mingħajr ma jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom il-partijiet fir-rigward jew mingħajr ma jkunu ġew informati dwarha sabiex ma tinħoloq l-ebda inċertezza legali.

Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat li l-bidla tal-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali jkollha effetti mhux mixtieqa fuq il-miżżewġin, din il-bidla għandha tkun effettiva biss fil-futur, sakemm il-miżżewġin ma jiddeċidux b'mod espliċitu li tali bidla għandha tkun waħda ta' natura retroattiva.

Huwa assigurat il-ħarsien tad-drittijiet ta' terzi persuni f'każ li l-modifika fir-reġim matrimonjali tal-koppja tolqot b'mod negattiv l-interessi tagħhom; fil-fatt, ir-Regolament jipprevedi li l-effetti tal-bidla tar-reġim matrimonjali se jkunu limitati għall-partijiet, u mhux se jolqtu b'mod negattiv id-drittijiet ta' terzi persuni.

Artikoli 19-20

Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu regoli dwar il-kundizzjonijiet formali għall-għażla tal-liġi applikabbli kif ukoll dwar il-forma tal-kuntratt taż-żwieġ. Huma għandhom ukoll l-għan li jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-gruppi vulnerabbli li, fil-kuntest ta' koppja, normalment tkun il-mara.

Artikolu 22

Sabiex tqis ir-regoli nazzjonali u, b'mod partikolari, dawk dwar il-ħarsien tad-dar taż-żwieġ, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jwarrbu l-applikazzjoni ta' liġi barranija, waqt li jiffavorixxu l-liġi tagħhom stess. Għaldaqstant, sabiex jiżgura l-ħarsien tad-dar taż-żwieġ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab din id-dar, ikun jista' jimponi r-regoli tiegħu stess għall-ħarsien tad-dar taż-żwieġ. F'każijiet eċċezzjonali, dan l-Istat ikun jista' japplika l-liġi tiegħu stess għal kwalunkwe persuna ħajja li tkun tinsab fuq it-territorju tiegħu, bi "preferenza" għad-dispożizzjonijiet tal-liġi li jiġu applikati normalment jew tal-liġi tal-kuntratt taż-żwieġ tal-persuna kkonċernata li jkun ġie konkluż fi Stat Membru ieħor.

5.4. Kapitolu IV: Rikonoxximent, eżegwibbiltà u eżekuzzjoni

Il-proposta tipprovdi għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' deċiżjonijiet, ta' atti awtentiċi u ta' tranżazzjonijiet ġudizzjarji fir-rigward tar-reġimi matrimonjali. B'hekk, hija toħloq rikonoxximent reċiproku, imsejjes fuq il-fiduċja reċiproka li tirriżulta mill-integrazzjoni tal-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Din iċ-ċirkolazzjoni libera sseħħ permezz ta' proċedura uniformi għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet, ta' atti awtentiċi u ta' tranżazzjonijiet ġudizzjarji li jkunu joriġinaw minn Stati Membri oħra. Din il-proċedura tissotitwixxi l-proċeduri nazzjonali li qegħdin fis-seħħ bħalissa f'diversi Stati Membri. Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' rikonoxximent jew għar-rifjut ta' eżekuzzjoni huma armonizzati wkoll f'livell Ewropew u ġew imnaqqsa għall-minimu meħtieġ. Dawn jissostitwixxu r-raġunijiet varji u li ta' spiss ikunu usa', attwalment eżistenti f'livell nazzjonali.

Deċiżjonijiet

Ir-regoli proposti, relatati mar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet huma allinjati ma' dawk proposti fil-qasam tas-suċċessjoni. Għaldaqstant, huma jinkludu referenza għall-proċedura eżistenti tal-exequatur fil-qasam ċivili u f'dak kummerċjali. B'konsegwenza ta' dan, kull deċiżjoni mogħtija minn Stat Membru hija rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra, mingħajr l-ebda proċedura partikolari. Sabiex jikseb l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni, ir-rikorrent ikollu jibda proċedura uniformi fl-Istat tal-eżekuzzjoni li tippermettilu jikseb dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà. Il-proċedura hija unilaterali u fl-ewwel stadju tillimita ruħha għall-verifika tad-dokumenti. Huwa biss fi stadju ulterjuri, jekk il-konvenut ikun oġġezzjona, li l-imħallef jipproċedi bl-analiżi tar-raġunijiet possibbli ta' rifjut. Dawn ir-raġunijiet jassiguraw ħarsien xieraq tad-drittijiet tal-konvenuti.

Dawn ir-regoli jirrappreżentaw avvanz sinifikanti f'dan il-qasam meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali. Fil-fatt, attwalment, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet huma rregolati mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri jew minn ftehimiet bilaterali konklużi bejn uħud mill-Istati Membri. Għaldaqstant, kemm il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti, kif ukoll id-dokumenti meħtieġa għall-kisba tad-dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà u r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjonijiet barranin qed jiġu miċħuda, ivarjaw skont l-Istati Membri kkonċernati.

Kif ġie speċifikat aktar 'il fuq, dan ir-Regolament jikkostitwixxi l-ewwel miżura meħuda fil-qasam tar-reġimi matrimonjali u jikkonċerna l-liġi tal-familja (ara l-punt 3.1). Minħabba dan il-kuntest speċifiku, iċ-ċirkolazzjoni libera ta' deċiżjonijiet hija sottomessa għall-proċedura attwali tal-exequatur hekk kif stabbilita fir-Regolament Brussell I li qiegħed fis-seħħ bħalissa[9].

Madanakollu, it-tneħħija tal-proċeduri intermedji (exequatur), bħal f'oqsma oħra, tista' tiġi kkunsidrata fi stadju ulterjuri, wara l-evalwazzjoni tar-regoli li jinsabu f'dan ir-Regolament u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fir-rigward tar-reġimi matrimonjali u ta' oqsma oħra relatati, b'mod partikolari, ir-Regolament Brussell II(a)[10].

L-atti mfassla mill-awtoritajiet li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom b'delega jew nomina, f'konformità mad-definizzjoni tal-ġuriżdizzjoni prevista fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, se jitqiesu bħala deċiżjonijiet u b'hekk se jkunu koperti mid-dispożizzjonijiet ta' rikonoxximent u ta' eżekuzzjoni previsti minn dan il-Kapitolu.

Atti awtentiċi

Minħabba l-importanza prattika tal-atti awtentiċi fir-rigward tar-reġimi matrimonjali u bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza ta' dan ir-Regolament mal-istrumenti l-oħra tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jiżgura r-rikonoxximent tal-atti awtentiċi li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera tagħhom.

Ir-rikonoxximent tal-atti awtentiċi jfisser li huma jgawdu mill-istess valur probatorju fir-rigward tal-kontenut tal-att irreġistrat u l-fatti li jkunu mniżżla fih, mill-istess preżunzjoni ta' awtentiċità u min-natura ta' eżegwibbiltà li jkollhom fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom.

5.5. Kapitolu V: Effetti fil-konfront ta' terzi persuni

Dawn id-dispożizzjonijiet huma mfassla b'tali mod li jgħaqqdu ċ-ċertezza legali tal-miżżewġin u l-ħarsien ta' terzi persuni fl-applikazzjoni ta' regola li ma setgħux ikunu jafu biha jew li ma setgħux jipprevedu. Għaldaqstant, l-Istati Membri qed jingħataw il-possibbiltà li jistipulaw li, għall-atti li jkunu seħħew bejn wieħed mill-konjuġi u xi terza persuna li tkun tgħix fit-territorju tagħhom, il-konjuġi se jkun jista' jibbaża fuq ir-regoli tar-reġim matrimonjali tiegħu biss jekk dan ikun ġie ppubblikat, jew jekk it-terza persuna tkun ġiet informata jew kellha tiġi informata f'dak ir-rigward.

2011/0059 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikolu 81(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew[11],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[12],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[13],

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1) L-Unjoni Ewropea għandha l-għan illi żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Sabiex dan l-ispazju jiġi stabbilit progressivament, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili b’implikazzjonijiet transkonfinali.

(2) Waqt il-laqgħa tiegħu f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew approva l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u ta' deċiżjonijiet oħra maħruġa minn awtoritajiet ġudizzjarji bħala l-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili, u stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jadottaw programm ta' miżuri maħsub għall-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju.

(3) Fit-30 ta' Novembru 2000, il-Kunsill adotta abbozz ta' programm ta' miżuri dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u f'dak kummerċjali[14]. Il-programm jiddeskrivi l-miżuri relatati mal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitti tal-liġijiet li għandhom l-għan li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet. Huwa jipprevedi t-tfassil ta' strument wieħed jew ta' diversi strumenti dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tar-reġimi matrimonjali, u l-konsegwenzi tas-separazzjoni tal-koppji mhux miżżewġa fuq il-proprjetà.

(4) Waqt il-laqgħa tiegħu fi Brussell fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill Ewropew adotta programm ġdid, imsejjaħ "il-Programm tal-Aja : it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea"[15]. F'dan il-programm, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta Green Paper dwar il-kunflitti tal-liġijiet fir-rigward tar-reġim matrimonjali, li b'mod partikolari tittratta l-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku. Dan il-programm jenfasizza l-ħtieġa għall-adozzjoni ta' strument f'dan il-qasam, sal-2011.

(5) Fis-17 ta' Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat Green Paper[16] dwar il-kunflitti tal-liġijiet fir-rigward tar-reġim matrimonjali, li b'mod partikolari tittratta kwistjonijiet ta' ġuriżdizzjoni u rikonoxximent reċiproku. Din il-Green Paper nediet konsultazzjoni wiesgħa dwar id-diffikultajiet kollha li jkollhom jiffaċċjaw il-koppji f'kuntest Ewropew fil-waqt tax-xoljiment tal-patrimonju komuni tagħhom u dwar il-mezzi legali li jistgħu jsolvuhom.

(6) Il-Programm ta' Stokkolma ta' Diċembru 2009, li jistabbilixxi l-prijoritajiet fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà għall-perjodu bejn l-2010 u l-2014[17], jgħid ukoll li r-rikonoxximent reċiproku għandu jinfirex fuq ir-reġimi matrimonjali u fuq il-konsegwenzi tas-separazzjoni tal-koppji fuq il-proprjetà.

(7) Fir-"Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni: it-tneħħija tal-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni"[18], adottat fis-27 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni ħabbret l-adozzjoni ta' proposta ta' strument leġiżlattiv li jippermetti t-tneħħija tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u b'mod partikolari tad-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-koppji fil-ġestjoni tal-beni jew waqt il-kondiviżjoni tagħhom.

(8) Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-koppji miżżewġa f'dak li għandu x'jaqsam mal-beni tagħhom u li tingħatalhom ċerta prevedibbiltà, jeħtieġ li s-sett ta' regoli applikabbli għar-reġimi matrimonjali jiġi kopert minn strument wieħed.

(9) Sabiex jintlaħqu l-għanijiet maħsuba, dan ir-Regolament għandu jiġbor fi strument wieħed id-dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet u tal-atti awtentiċi, kif ukoll l-effetti tar-reġimi matrimonjali fil-konfront ta' terzi persuni.

(10) Dan ir-Regolament jikkonċerna l-kwistjonijiet marbuta mar-reġimi matrimonjali. Huwa ma jkoprix il-kunċett ta' "żwieġ"; definit mil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

(11) Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jiġi estiż fuq il-kwistjonijiet ċivili kollha relatati mar-reġimi matrimonjali, li jikkonċernaw kemm il-ġestjoni ta' kuljum tal-beni tal-miżżewġin kif ukoll ix-xoljiment tar-reġim, li jkun jirriżulta b'mod partikolari mis-separazzjoni tal-koppja jew mill-mewt ta' wieħed mill-membri tagħha.

(12) L-obbligi ta' manteniment bejn il-miżżewġin irregolati mir-Regolament (KE) Nru 4/2009 tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet relatati ma' obbligi ta' manteniment[19], kif ukoll il-kwistjonijiet relatati mal-validità u l-effetti tad-donazzjonijiet, koperti mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I)[20], ikollhom konsegwentement jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(13) Il-kwistjonijiet relatati man-natura tad-drittijiet in rem li jistgħu jeżistu taħt il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri, bħal dawk marbuta mal-pubbliċità dwar tali drittijiet, għandhom ikunu esklużi wkoll mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament hekk kif ġew esklużi mir-Regolament (UE) Nru …/… [ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet u tal-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni][21] . Għaldaqstant, il-qrati tal-Istat Membru tal-post fejn ikunu jinsabu l-beni ta' wieħed/waħda mill-miżżewġin jew tat-tnejn li huma, jistgħu jieħdu xi miżuri li jikkonċernaw id-drittijiet in rem relatati, b'mod partikolari, mar-reġistrazzjoni tat-trasferiment ta' dawn il-beni fir-reġistru pubbliku, meta l-liġi ta' dan l-Istat Membru tkun tistipulah.

(14) Sabiex titqies iż-żieda fil-mobilità tal-koppji matul il-ħajja tagħhom bħala miżżewġin u biex tkun appoġġjata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni f'dan ir-Regolament jistipulaw li l-kwistjonijiet relatati mar-reġim matrimonjali, inkluż ix-xoljiment tiegħu, marbuta ma' proċeduri ta' divorzju, separazzjoni legali u annullament taż-żwieġ, se jiġu ttrattati mill-qrati tal-Istat Membru li skont ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabilità tal-ġenituri, li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000[22], għandhom jittrattaw tali proċeduri ta' divorzju, separazzjoni legali u annullament taż-żwieġ.

(15) Għall-istess raġunijiet, il-kwistjonijiet relatati mar-reġim matrimonjali marbuta mal-mewt ta' wieħed mill-konjuġi għandhom jiġu ttrattati mill-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tittratta s-suċċessjoni tal-konjuġi inkwistjoni, hekk kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru …/… [ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet u tal-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni] .

(16) Meta l-kwistjonijiet relatati mar-reġim matrimonjali la jkunu marbuta ma' proċedura ta' divorzju, separazzjoni legali, u annullament ta' żwieġ, u lanqas mal-mewt ta' wieħed mill-konjuġi; il-miżżewġin jistgħu jiddeċiedu li jissottomettu l-kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-reġim matrimonjali tagħhom quddiem il-qrati tal-Istat Membru li jkunu għażlu l-liġi applikabbli tiegħu bħala l-liġi li għandha tapplika għar-reġim matrimonjali tagħhom. Din id-deċiżjoni għandha tiġi espressa permezz ta' ftehim bejniethom li jista' jiġi konkluż f'mument kwalunkwe, anke matul il-proċedura nnifisha.

(17) Dan ir-Regolament għandu jippermetti li tinżamm il-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qrati ta' Stat Membru li jittrattaw it-talbiet relatati mar-reġim matrimonjali minbarra l-każijiet ta' separazzjoni tal-koppji jew ta' mewt ta' wieħed mill-konjuġi, u b'mod partikolari jipprevedi forum necessitatis, bil-għan li jevita li jinħolqu sitwazzjonijiet fejn il-ġustizzja tiġi miċħuda.

(18) Il-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja jeħtieġ li ma jingħatawx deċiżjonijiet irrikonċiljabbli f'żewġ Stati Membri differenti. Għal dan l-iskop, dan ir-Regolament għandu jistipula regoli ġenerali ta' proċedura, fuq il-mudell tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali[23].

(19) Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-beni mill-miżżewġin, dan ir-Regolament se jippermetti lill-miżżewġin jagħżlu l-liġi applikabbli għall-patrimonju tagħhom, independentement min-natura tal-beni jew mill-post fejn ikunu jinsabu, minn fost il-liġijiet li jkollhom rabta mill-qrib mal-miżżewġin minħabba r-residenza jew iċ-ċittadinanza ta' kull wieħed/waħda minnhom. Din l-għażla tkun tista' ssir fi kwalunkwe mument, kemm waqt iż-żwieġ kif ukoll matul il-ħajja miżżewġa.

(20) Il-liġi magħżula mill-miżżewġin biex tirregola l-effetti taż-żwieġ tagħhom fuq il-proprjetà, jew, fin-nuqqas ta’ għażla, il-liġi stabbilita mill-kriterji ta' konnessjoni, għandha tapplika anke jekk din ma tkunx il-liġi ta' Stat Membru partikolari. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-liġi ta' Stat Membru mill-qrati ta' Stat Membru ieħor, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fl-oqsma ċivili u kummerċjali, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta' Mejju 2001[24], jista' jipprovdi informazzjoni lill-qrati dwar il-kontenut tal-liġi barranija.

(21) Fin-nuqqas ta' għażla tal-liġi applikabbli u sabiex tlaqqa' flimkien il-prevedibbiltà u l-eżiġenza taċ-ċertezza legali, filwaqt li tingħata prijorità lill-kunsiderazzjoni tar-realtà tal-ħajja tal-koppja, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-kunflitti tal-liġijiet imsejsa fuq serje ta' kriterji ta' konnessjoni suċċessivi, li jippermettu t-tfassil tal-liġi applikabbli għall-beni kollha tal-miżżewġin. Għaldaqstant, l-ewwel residenza abitwali komuni tal-miżżewġin wara ż-żwieġ ikollha tikkostitwixxi l-ewwel kriterju, li jkollu preċedenza fuq il-liġi taċ-ċittadinanza komuni tal-miżżewġin fil-mument taż-żwieġ. Jekk, l-ebda minn dawn il-kriterji ma jiġi sodisfatt, jew fin-nuqqas tal-ewwel residenza abitwali komuni f'każijiet ta' ċittadinanza doppja komuni tal-miżżewġin fil-mument taż-żwieġ, għandha tiġi applikata, bħala t-tielet kriterju, il-liġi tal-Istat li t-tnejn li huma l-aktar li għandhom rabta mill-qrib miegħu, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, b'mod partikolari, il-post fejn ikun sar iż-żwieġ, minħabba li jkun ġie speċifikat li dawn ir-rabtiet mill-qrib għandhom ikunu kkunsidrati fil-mument taż-żwieġ.

(22) Meta l-kunċett ta' "ċittadinanza" jintuża biex tiġi stabbilita l-liġi applikabbli, għandu jitqies il-fatt li ċerti Stati, li s-sistema legali tagħhom hija bbażata fuq il-"common law", jużaw il-kunċett ta' "domiċilju" u mhux dak ta' "ċittadinanza" bħala kriterju ta' konnessjoni.

(23) Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tat-tranżazzjonijiet, u biex jiġi evitat li jsiru xi emendi tal-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali mingħajr ma jkunu ġew informati l-miżżewġin dwar dan, il-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali m'għandhiex tinbidel sakemm il-partijiet ma jkunux esprimew ix-xewqa tagħhom f'dan ir-rigward. Din il-bidla deċiża mill-miżżewġin ma jistax ikollha effett retroattiv, sakemm il-miżżewġin ma jkunux stipulaw dan b'mod espliċitu. Ikun x'ikun il-każ, il-bidla ma tkunx tista' tolqot b'mod negattiv id-drittijiet ta' terzi persuni u l-validità tal-atti li jkunu seħħew qabel.

(24) Fid-dawl tal-importanza tal-għażla tal-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali, ir-Regolament għandu jintroduċi ċerti garanziji li jiżguraw li l-miżżewġin jew il-koppja li tkun se tiżżewweġ jkunu konxji mill-konsegwenzi tal-għażla tagħhom. Din l-għażla għandha tieħu l-forma preskritta għall-kuntratt taż-żwieġ mil-liġi tal-Istat magħżul jew mil-liġi tal-Istat li fih ikun ġie abbozzat l-att, u għandha ssir mill-inqas bil-miktub u tiġi ddatata u ffirmata miż-żewġ miżżewġin. Barra minn hekk, għandhom jiġu rrispettati l-eżiġenzi formali addizzjonali li eventwalment ikunu imposti mil-liġi tal-Istat magħżul jew mil-liġi tal-Istat li fih ikun ġie abbozzat l-att rigward il-validità, il-pubbliċità jew ir-reġistrazzjoni ta' tali kuntratti.

(25) F'ċirkustanzi eċċezzjonali, minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku il-qrati tal-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibbiltà li jwarrbu l-liġi barranija, meta l-applikazzjoni ta' tali liġi f'każ partikolari tkun tmur manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-forum. Madanakollu, il-qrati m'għandhomx jingħataw il-possibbiltà li jqajmu l-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku tal-forum sabiex titwarrab il-liġi ta' Stat ieħor, u lanqas m'għandhom jiċħdu r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni, att awtentiku jew ta' tranżazzjoni ġudizzjarja li jkunu ġew stabbiliti fi Stat Membru ieħor, meta l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku tkun tmur kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha li jipprojbixxi kull tip ta' diskriminazzjoni.

(26) Peress li hemm xi Stati li fihom jeżistu fl-istess ħin żewġ sistemi legali jew aktar jew ġabriet ta' regoli li jittrattaw il-kwistjonijiet irregolati minn dan ir-Regolament, jeħtieġ li jiġi previst il-limitu tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament fl-unitajiet territorjali differenti ta' dawn l-Istati.

(27) Minħabba li r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri huwa wieħed mill-għanijiet ta' dan ir-Regolament, dan tal-aħħar irid jistipula xi regoli relatati mar-rikonoxximent u mal-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet, ibbażati fuq ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 u adattati, fejn meħtieġ, għall-eżiġenzi speċifiċi tal-oqsma koperti minn dan ir-Regolament.

(28) Sabiex jitqiesu l-metodi differenti li bihom jiġu ttrattati l-kwistjonijiet relatati mar-reġimi matrimonjali fl-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jiżgura r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-atti awtentiċi. Madanakollu, l-atti awtentiċi ma jistgħux jitqiesu bħala deċiżjonijiet tal-qrati f'dak li jirrigwarda r-rikonoxximent tagħhom. Ir-rikonoxximent tal-atti awtentiċi jfisser li dawn igawdu mill-istess valur probatorju fir-rigward tal-kontenut tal-att u mill-istess effetti li jkollhom fl-Istat Membru ta' oriġini tagħhom, kif ukoll minn preżunzjoni ta' validità li tista' taqa' f'każ ta' kontestazzjoni.

(29) Madanakollu, jekk il-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali għandha tirregola r-relazzjoni legali bejn wieħed mill-konjuġi u xi terza persuna, jeħtieġ li l-kundizzjonijiet tal-effetti tagħha fil-konfront ta' terzi persuni jkunu jistgħu jiġu stipulati mil-liġi tal-Istat Membru fejn tkun tinsab ir-residenza abitwali tal-konjuġi jew tat-terza persuna, fl-interess tal-ħarsien tal-istess terza persuna. Għaldaqstant, il-liġi ta' dan l-Istat Membru tkun tista' tipprevedi li l-konjuġi jista' jinvoka biss il-liġi tar-reġim matrimonjali tiegħu/tagħha kontra din it-terza persuna meta l-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni jew ta' pubbliċità stipulati fl-Istat Membru inkwistjoni jkunu ġew irrispettati, ħlief jekk it-terza persuna kienet taf jew kellha tkun taf bil-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali.

(30) L-impenji internazzjonali assunti mill-Istati Membri jiġġustifikaw li dan ir-Regolament ma jaffettwax il-konvenzjonijiet internazzjonali li Stat Membru wieħed jew aktar ikunu parti minnu meta jiġi adottat ir-Regolament. Il-konsistenza mal-għanijiet ġenerali ta' dan ir-Regolament tirrikjedi madankollu li, fost l-Istati Membri, ir-Regolament jipprevali fuq il-konvenzjonijiet.

(31) Peress li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-possibbiltà li l-miżżewġin jorganizzaw ir-relazzjonijiet patrimonjali tagħhom bejniethom stess u fil-konfront ta' terzi persuni matul il-ħajja miżżewġa u fil-mument tax-xoljiment tal-beni tagħhom, iktar prevedibbiltà u iktar ċertezza legali, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' dan ir-Regolament, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tista' tieħu xi miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif jinsab fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(32) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari, l-Artikoli 7, 9, 17, 21 u 47 dwar, rispettivament, ir-rispett lejn il-ħajja privata u l-ħajja tal-familja, id-dritt għaż-żwieġ u t-twaqqif ta' familja skont il-liġijiet nazzjonali, id-dritt għall-proprjetà, il-projbizzjoni ta' kull tip ta' diskriminazzjoni u d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mill-qrati tal-Istati Membri bir-rispett ta' dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(33) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, [ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament]/[mingħajr ħsara għall-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhumiex marbutin bih jew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu].

(34) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u għalhekk mhijiex marbuta minnu jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu;

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I

Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1 Kamp ta' applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament għandu japplika għar-reġimi matrimonjali.

M’għandux japplika partikolarment għal kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi.

2. F'dan ir-Regolament, “Stat Membru” għandha tfisser l-Istati Membri kollha minbarra d-Danimarka, [ir-Renju Unit u l-Irlanda].

3. Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:

(a) il-kapaċità tal-miżżewġin,

(b) l-obbligi ta' manteniment,

(c) id-donazzjonijiet bejn il-miżżewġin,

(d) id-drittijiet ta' suċċessjoni tal-konjuġi superstiti,

(e) il-kumpaniji mwaqqfa bejn il-miżżewġin,

(f) in-natura tad-drittijiet in rem li jirrigwardaw il-beni u l-pubbliċità dwar dawn id-drittijiet.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "reġim matrimonjali" : il-ġabra ta' regoli relatati mar-relazzjonijiet patrimonjali ta' bejn il-miżżewġin u fil-konfront ta' terzi persuni;

(b) "kuntratt taż-żwieġ" : kwalunkwe ftehim li permezz tiegħu l-miżżewġin jorganizzaw ir-relazzjonijiet patrimonjali ta' bejniethom u fil-konfront ta' terzi persuni;

(c) "att awtentiku" : att li jkun tfassal jew li jkun ġie rreġistrat uffiċjalment bħala att awtentiku fl-Istat Membru ta' oriġini u li l-awtentiċità tiegħu :

i) hija relatata mal-firma u l-kontenut tal-istrument, u

ii) ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew kwalunkwe awtorità oħra mogħtija s-setgħa għal dan l-iskop;

(d) "deċiżjoni" : kwalunkwe deċiżjoni mogħtija fil-qasam tar-reġim matrimonjali minn qorti ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista' tissejjaħ id-deċiżjoni, inklużi t-termini "sentenza", "ġudizzju", "digriet" jew "mandat ta’ eżekuzzjoni", kif ukoll id-determinazzjoni tal-ispejjeż tal-proċess minn uffiċjal tal-qorti;

(e) "Stat Membru tal-oriġini": l-Istat Membru fejn, skont xi jkun il-każ, tkun ingħatat id-deċiżjoni, ikun ġie konkluż il-kuntratt taż-żwieġ, ikun ġie stabbilit l-att awtentiku, tkun ġiet approvata t-tranżazzjoni ġudizzjarja jew ikun twettaq l-att tax-xoljiment tal-patrimonju komuni jew kwalunkwe att ieħor imwettaq mill-awtorità ġudizzjarja jew quddiemha jew minn awtorità li teżerċita s-setgħa tagħha b'delega jew nomina;

(f) "Stat Membru rikjest": l-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, tal-kuntratt taż-żwieġ, tal-att awtentiku, tat-tranżazzjoni ġudizzjarja, tal-att tax-xoljiment tal-patrimonju komuni jew ta' kwalunkwe att ieħor imwettaq mill-awtorità ġudizzjarja jew quddiemha jew minn awtorità li teżerċita s-setgħa tagħha b'delega jew nomina;

(g) "qorti" : kwalunkwe awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istati Membri li teżerċita funzjoni ġudizzjarja fir-rigward tar-reġim matrimonjali kif ukoll kwalunkwe awtorità oħra mhux ġudizzjarja jew persuna li teżerċita, b'delega jew nomina ta' awtorità ġudizzjarja tal-Istati Membri, funzjonijiet rilevanti għall-ġuriżdizzjonijiet tal-qrati, hekk kif previsti f'dan ir-Regolament;

(h) "tranżazzjoni ġudizzjarja" : ftehim fi kwistjonijiet relatati mar-reġim matrimonjali, li jkun ġie approvat minn qorti jew li jkun ġie konkluż quddiem qorti matul xi proċedura.

Kapitolu II

Ġuriżdizzjoni

Artikolu 3 Ġuriżdizzjoni f'każ ta' mewt ta' wieħed mill-konjuġi

Il-qrati ta' Stat Membru li quddiemhom tkun ġiet ippreżentata talba ta' suċċessjoni ta' wieħed mill-konjuġi b'applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/… [tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet u tal-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni] għandhom ukoll il-ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu fuq kwistjonijiet ta' reġim matrimonjali relatati mat-talba inkwistjoni.

Artikolu 4 Ġuriżdizzjoni f'każ ta' divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ tal-koppja

Il-qrati ta' Stat Membru li quddiemhom tkun ġiet ippreżentata talba għad-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ tal-koppja, b'applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, għandhom ukoll il-ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu fuq kwistjonijiet ta' reġim matrimonjali relatati mat-talba inkwistjoni, f'każ ta' ftehim f’dan is-sens bejn il-miżżewġin.

Dan il-ftehim jista' jiġi konkluż fi kwalunkwe mument, anke matul il-proċedura nnifisha. Meta l-ftehim jiġi konkluż qabel il-proċedura, dan għandu jsir bil-miktub u għandu jiġi ddatat u ffirmat miż-żewġ partijiet.

Fin-nuqqas ta' ftehim bejn il-miżżewġin, il-ġuriżdizzjoni għandha tiġi rregolata mill-Artikolu 5 et seq .

Artikolu 5 Ġuriżdizzjonijiet oħra

1. Minbarra fil-każijiet previsti fl-Artikoli 3 u 4, il-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar proċedura relatata mar-reġim matrimonjali tal-miżżewġin, huma dawk tal-Istat Membru fejn tkun tinsab :

a) ir-residenza abitwali komuni tal-miżżewġin, jew fin-nuqqas ta' din

b) l-aħħar residenza abitwali komuni tal-miżżewġin, f'każ li wieħed mill-konjuġi jkun għadu joqgħod fiha, jew fin-nuqqas ta' din

c) ir-residenza abitwali tal-konvenut, jew fin-nuqqas ta' din

d) in-nazzjonalità taż-żewġ miżżewġin jew, fil-każ tar-Renju Unit u tal-Irlanda, tad-domiċilju komuni tagħhom.

2. Iż-żewġ partijiet jistgħu wkoll jaqblu li l-qrati tal-Istat Membru tal-liġi li huma jkunu għażlu bħala l-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali tagħhom, f'konformità mal-Artikoli 16 u 18 tar-Regolament, ikollhom il-ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-reġim matrimonjali tagħhom.

Dan il-ftehim jista' jiġi konkluż fi kwalunkwe mument, anke matul il-proċedura nnifisha. Meta l-ftehim jiġi konkluż qabel il-proċedura, dan għandu jsir bil-miktub u għandu jiġi ddatat u ffirmat miż-żewġ partijiet.

Artikolu 6 Ġuriżdizzjoni sussidjarja

Meta l-ebda qorti ma jkollha ġuriżdizzjoni f'konformità mal-Artikoli 3, 4 u 5, ikollhom il-ġuriżdizzjoni l-qrati ta' Stat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu jinsabu xi beni ta' wieħed mill-konjuġi jew tat-tnejn li huma, u f’dan il-każ, il-qorti invokata tintalab tiddeċiedi fuq dawn il-beni biss.

Artikolu 7 Forum necessitatis

Meta l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni f'konformità mal-Artikoli 3, 4, 5 u 6, il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu jiddeċiedu fuq ir-reġim matrimonjali f'ċirkostanzi eċċezzjonali u sakemm il-kwistjoni jkollha rabta suffiċjenti ma' dak l-Istat Membru, jekk il-proċeduri ma jkunux jistgħu jiġu introdotti b'mod raġonevoli jew jekk ikun impossibbli li jitwettqu fi Stat terz.

Artikolu 8 Ġuriżdizzjoni f'każ ta' kontrotalba

Il-qorti invokata f'konformità mal-Artikoli 3, 4, 5, 6, jew 7, li quddiemha l-proċeduri jkunu għadhom pendenti, ikollha ġuriżdizzjoni wkoll biex teżamina l-kontrotalba, f'każ li din tal-aħħar tkun tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 9 Invokazzjoni ta' qorti

Qorti għandha tkun ikkunsidrata bħala invokata :

a) fid-data meta l-att promotur jew att ieħor ekwivalenti, ikun ġie ppreżentat quddiem il-qorti, sakemm ir-rikorrent ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-att jiġi nnotifikat jew ikkomunikat lill-konvenut, jew

b) jekk l-att ikollu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat qabel ma jiġi ppreżentat quddiem il-qorti, fid-data meta tirċevih l-awtorità responsabbli min-notifika jew mill-komunikazzjoni tiegħu, sakemm ir-rikorrent ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex l-att ikun ġie ppreżentat quddiem il-qorti.

Artikolu 10 Verifika tal-ġuriżdizzjoni

Meta qorti ta’ Stat Membru tiġi invokata fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta' reġim matrimonjali li, skont dan ir-Regolament, ma jkollha l-ebda ġuriżdizzjoni fuqhom, il-qorti għandha tiddikjara hi stess li m'għandha l-ebda ġuriżdizzjoni.

Artikolu 11 Verifika tal-ammissibilità

1. Meta l-konvenut li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fuq it-territorju ta’ Stat li ma jkunx l-Istat Membru fejn tkun ġiet proposta l-azzjoni, ma jidhirx, il-qorti kompetenti hija mistennija li tissospendi l-proċedimenti sakemm jiġi stabbilit li l-konvenut kien f’pożizzjoni li jirċievi l-att promotur jew att ieħor ekwivalenti fi żmien suffiċjenti biex jiddefendi lilu nnifsu, jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha sabiex dan iseħħ.

2. L-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill (KE) Nru 1393/2007 tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali[25] għandu japplika minflok id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk l-att promotur jew att ieħor ekwivalenti kellu jiġi trażmess minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor f'konformità mal-imsemmi Regolament.

3. Meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 ma jkunux japplikaw, għandu japplika l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar il-komunikazzjoni u n-notifika barra mill-pajjiż ta' atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, jekk l-att promotur jew att ieħor ekwivalenti kellu jiġi trażmess 'l barra mill-pajjiż skont l-imsemmija Konvenzjoni.

Artikolu 12 Lis pendens

1. Meta t-talbiet li jkollhom l-istess suġġett u l-istess kawża u li jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu quddiem qrati ta' Stati Membri differenti, it-tieni qorti li tkun ġiet invokata għandha fuq l-inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti tagħha sakemm tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni tal-qorti li tkun ġiet invokata l-ewwel.

2. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-qorti li titressaq it-talba quddiemha l-ewwel għandha tistabbilixxi jekk għandhiex ġuriżdizzjoni f'terminu ta' sitt xhur, ħlief jekk dan jirriżulta li jkun impossibbli minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali. Fuq it-talba ta' kwalunkwe qorti oħra li tkun tressqet it-tilwima quddiemha, il-qorti li quddiemha tkun tressqet it-talba l-ewwel għandha tinformaha bid-data li fiha tressqet it-talba quddiemha u tindikalha jekk iddikjaratx li hija għandha ġuriżdizzjoni fuq it-tilwima jew, fin-nuqqas ta' dan, tgħarrafha biż-żmien li tqis neċessarju biex tistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni tagħha.

3. Meta l-ġuriżdizzjoni tal-qorti li tkun ġiet invokata l-ewwel tiġi stabbilita, il-qorti li tkun ġiet invokata suċċessivament għandha ċċedi l-ġuriżdizzjoni favur l-ewwel waħda.

Artikolu 13 Konnessjoni bejn il-kawżi

1. Meta jkun hemm talbiet relatati, li jkunu baqgħu pendenti quddiem qrati fi Stati Membri differenti, kwalunkwe qorti minbarra dik invokata l-ewwel tista’ taġġorna l-proċedimenti tagħha.

2. Meta dawn it-talbiet jibqgħu pendenti quddiem il-qrati tal-prim’istanza, il-qorti invokata suċċessivament tista’ wkoll iċċedi l-ġuriżdizzjoni tagħha, fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet, sakemm il-qorti li tkun ġiet invokata l-ewwel ikollha ġuriżdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tat-talbiet ikkonċernati u sakemm il-liġi tagħha tkun tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom.

3. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, għandhom jitqiesu li jkunu konnessi, dawk it-talbiet li tant ikunu marbuta mill-qrib bejniethom illi jkun aktar konvenjenti li jinstemgħu u li jiġu deċiżi f'daqqa sabiex jiġi evitat li jinstabu soluzzjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli f'każ li l-proċedimenti jkunu ġew ittrattati separatament.

Artikolu 14 Provvedimenti proviżorji u kawtelatorji

Il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu jintalbu li jagħtu dawk il-provvedimenti proviżorji jew kawtelatorji stabbiliti mil-liġi tal-istess Stat Membru, anke f'każ fejn, f'konformità ma' dan ir-Regolament, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom ġuriżdizzjoni fir-rigward tas-sustanza tal-kwistjoni.

Kapitolu III

Il-liġi applikabbli

Artikolu 15 L-unità tal-liġi applikabbli

Il-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali, skont l-Artikoli 16, 17 u 18, għandha tapplika għall-beni kollha tal-miżżewġin.

Artikolu 16 L-għażla tal-liġi applikabbli

Il-miżżewġin jew il-koppja li tkun se tiżżewweġ jistgħu/tista' jagħżlu/tagħżel il-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali tagħhom/tagħha, sakemm tkun waħda mil-liġijiet li ġejjin :

a) il-liġi tal-Istat fejn tkun tinsab ir-residenza abitwali komuni tal-miżżewġin jew tal-koppja li tkun se tiżżewweġ, jew

b) il-liġi tal-Istat fejn tkun tinsab ir-residenza abitwali ta' wieħed mill-konjuġi jew ta' wieħed/waħda mill-koppja li tkun se tiżżewweġ meta tkun se ssir din l-għażla, jew

c) il-liġi tal-Istat li wieħed mill-konjuġi jew wieħed/waħda mill-koppja li tkun se tiżżewweġ ikollu/ikollha ċ-ċittadinanza tiegħu meta tkun se ssir din l-għażla.

Artikolu 17 Determinazzjoni tal-liġi applikabbli fin-nuqqas ta' għażla

1. Fin-nuqqas ta' għażla min-naħa tal-miżżewġin, il-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali għandha tkun :

a) il-liġi tal-Istat fejn tkun tinsab l-ewwel residenza abitwali komuni tal-miżżewġin wara ż-żwieġ, jew fin-nuqqas ta' din,

b) il-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza komuni tagħhom fil-mument taż-żwieġ, jew fin-nuqqas ta' din,

c) il-liġi ta' dak l-Istat li l-miżżewġin flimkien ikollhom l-aktar rabtiet mill-qrib miegħu, wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, u b'mod partikolari, il-post ta' fejn ikun sar iż-żwieġ.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(b) japplikaw biss meta l-miżżewġin ikollhom aktar minn ċittadinanza waħda komuni.

Artikolu 18 Il-bidla tal-liġi applikabbli

Fi kwalunkwe mument matul iż-żwieġ tagħhom, il-miżżewġin jistgħu jissottomettu r-reġim matrimonjali tagħhom għal liġi differenti minn dik li, sa dakinhar, tkun applikabbli. Huma jistgħu jagħżlu waħda biss minn dawn il-liġijiet li ġejjin :

a) il-liġi tal-Istat fejn tkun tinsab ir-residenza abitwali ta' wieħed mill-konjuġi meta tkun se ssir din l-għażla,

b) il-liġi tal-Istat li wieħed mill-konjuġi jkollu ċ-ċittadinanza tiegħu meta tkun se ssir din l-għażla.

Sakemm il-miżżewġin ma jkunux jixtiequ mod ieħor, il-bidla tal-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali matul iż-żwieġ għandha tkun effettiva biss fil-futur.

Jekk il-miżżewġin jagħżlu li din il-bidla tal-liġi applikabbli tkun waħda retroattiva, l-effett retroattiv la għandu jolqot b'mod negattiv il-validità tal-atti konklużi qabel skont il-liġi li sa dakinhar kienet għadha applikabbli, u lanqas id-drittijiet ta' terzi persuni li jirriżultaw mil-liġi li kienet applikabbli preċedentement.

Artikolu 19 Kundizzjonijiet formali għall-għażla tal-liġi applikabbli

1. L-għażla tal-liġi applikabbli għandha ssir fil-forma preskritta għall-kuntratt taż-żwieġ mil-liġi applikabbli tal-Istat magħżul jew mil-liġi tal-Istat li fih ikun ġie abbozzat l-att.

2. Minkejja l-paragrafu 1, l-għażla trid tkun mill-inqas espressa, u għandha ssir bil-miktub u tiġi ddatata u ffirmata miż-żewġ miżżewġin.

3. Barra minn dan, jekk il-liġi tal-Istat Membru fejn tkun tinsab ir-residenza abitwali komuni taż-żewġ miżżewġin fil-mument tal-għażla msemmija fil-paragrafu 1, tkun tistipula rekwiżiti formali addizzjonali għall-kuntratt taż-żwieġ, dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu rrispettati.

Artikolu 20 Il-liġi applikabbli għall-forma tal-kuntratt taż-żwieġ

1. Il-forma tal-kuntratt taż-żwieġ għandha tkun dik preskritta mil-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali, jiġifieri mil-liġi tal-Istat li fih ikun ġie abbozzatt il-kuntratt.

2. Minkejja l-paragrafu 1, il-kuntratt taż-żwieġ għandu jsir mill-inqas bil-miktub u għandu jiġi ddatat u ffirmat miż-żewġ miżżewġin.

3. Barra minn dan, jekk il-liġi tal-Istat Membru fejn tkun tinsab ir-residenza abitwali komuni taż-żewġ miżżewġin fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt taż-żwieġ, tkun tistipula għal dan il-kuntratt rekwiżiti formali addizzjonali, dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu rrispettati.

Artikolu 21 In-natura universali tar-regola tal-kunflitt tal-liġijiet

Il-liġi stabbilita f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, għandha tapplika anke jekk ma tkunx il-liġi ta’ Stat Membru.

Artikolu 22 Regoli obbligatorji

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament mhux se jkunu ta' ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli obbligatorji li r-rispett tagħhom tant huwa meqjus bħala kruċjali mill-Istati Membri, minħabba s-salvagwardja tal-interessi pubbliċi tagħhom bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tagħhom, li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, irrispettivament mil-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali skont dan ir-Regolament.

Artikolu 23 Ordni pubbliku tal-forum

L-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi magħżula permezz ta’ dan ir-Regolament ma tistax titwarrab ħlief jekk din l-applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-forum.

Artikolu 24 L-esklużjoni tar-rinviju

Meta dan ir-Regolament jippreskrivi l-applikazzjoni tal-liġi ta’ Stat, dan ikun qed jirreferi għar-regoli tad-dritt sostantiv li jkunu fis-seħħ f'dak l-Istat, bl-esklużjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat.

Artikolu 25 Stati li għandhom żewġ sistemi jew diversi sistemi legali – kunflitti tal-liġijiet territorjali

Meta Stat ikun jinkludi diversi unitajiet territorjali, kull waħda minnhom b'sistema legali jew b' sett ta' regoli tagħha stess li jittrattaw il-kwistjonijiet irregolati minn dan ir-Regolament:

a) għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli f'konformità ma' dan ir-Regolament, kull referenza għal-liġi ta' dak l-Istat għandha tiġi interpretata bħala referenza għal-liġi li tkun fis-seħħ fl-unità territorjali kkonċernata;

b) kull referenza għar-residenza abitwali f'dak l-Istat Membru għandha tiġi interpretata bħala referenza għar-residenza abitwali ġewwa unità territorjali;

c) kull referenza għaċ-ċittadinanza għandha tirreferi għall-unità territorjali stabbilita mil-liġi ta' dak l-Istat jew, fin-nuqqas ta' regoli applikabbli, għall-unità territorjali magħżula mill-partijiet, jew fin-nuqqas ta’ għażla, għal dik l-unità territorjali li wieħed mill-konjuġi jew li l-koppja miżżewġa jkollu/jkollha l-aktar rabtiet mill-qrib magħha.

Kapitolu IV

Rikonoxximent, eżegwibbiltà u eżekuzzjoni

Taqsima 1

DEċIżJONIJIET

SUBTAQSIMA 1

Rikonoxximent

Artikolu 26 Rikonoxximent tad-deċiżjonijiet

1. Id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra, mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda proċedura speċjali.

2. Fil-każ ta' kontestazzjoni, kull parti interessata li tinvoka r-rikonoxximent bħala talba prinċipali, tista' titlob li jiġi kkonstatat, skont il-proċeduri previsti fl-Artikoli [38 sa 56] tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, li d-deċiżjoni għandha tiġi rikonoxxuta.

3. Jekk ir-rikonoxximent jiġi invokat bħala talba inċidentali quddiem qorti ta' Stat Membru, din ikollha l-ġuriżdizzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba.

Artikolu 27 Raġunijiet għal nuqqas ta' rikonoxximent ta' deċiżjoni

Deċiżjoni m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk:

a) ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li ssirlu it-talba;

b) l-att promotur jew att ekwivalenti ma jkunx ġie kkomunikat jew innotifikat lill-konvenut kontumaċi fi żmien suffiċjenti u b’tali mod li dan ikun jista’ jiddefendi ruħu, sakemm huwa ma jkunx appella d-deċiżjoni meta kellu l-possibbiltà li jagħmel dan;

c) hi tkun irrikonċiljabbli ma' deċiżjoni mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li ssirlu t-talba;

d) tkun irrikonċiljabbli ma' deċiżjoni mogħtija preċedentement fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz bejn l-istess partijiet f’tilwima li jkollha l-istess suġġett u l-istess kawża, meta d-deċiżjoni li tkun ingħatat qabel tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru li ssirlu t-talba.

Artikolu 28 Il-Projbizzjoni ta' rieżami tal-ġuriżdizzjoni tal-qorti ta' oriġini

1. Ma jistax isir rieżami tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

2. Il-kriterju tal-ordni pubbliku msemmi fl-Artikolu 23 ma japplikax għar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 8.

Artikolu 29 Projbizzjoni tar-rieżami tal-mertu

Id-deċiżjoni barranija ma tistax, fl-ebda ċirkustanza, tkun soġġetta għal rieżami tal-mertu.

Artikolu 30 Sospensjoni tal-proċedimenti

Il-qorti ta' Stat Membru li tiġi invokata għal talba ta' rikonoxximent ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor tista' tissospendi l-proċedimenti tagħha jekk din id-deċiżjoni tkun soġġetta għal appell.

Subtaqsima 2

Eżekuzzjoni

Artikolu 31 Deċiżjonijiet eżegwibbli

Id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru u li huma eżegwibbli ġo fih huma eżegwiti fl-Istati Membri l-oħra, f'konformità mal-Artikoli [38 sa 56 u 58] tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

Taqsima 2

ATTI AWTENTIċI U TRANżAZZJONIJIET ġUDIZZJARJI

ARTIKOLU 32 Rikonoxximent tal-atti awtentiċi

1. L-atti awtentiċi stabbiliti fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra, ħlief jekk ikun hemm kontestazzjoni dwar il-validità ta' dawn l-atti skont il-liġi applikabbli, u bil-kundizzjoni li tali rikonoxximent ma jkunx imur manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba.

2. Ir-rikonoxximent tal-atti awtentiċi għandu l-effett li jagħti lil dawn l-atti valur probatorju fir-rigward tal-kontenut tagħhom, kif ukoll preżunzjoni sempliċi ta’ validità.

Artikolu 33 Eżegwibbiltà tal-atti awtentiċi

1. L-atti awtentiċi li jiġu stabbiliti u li jkunu eżegwibbli fi Stat Membru għandhom, fuq rikors, jiġu ddikjarati eżegwibbli fi Stat Membru ieħor, f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli [38 sa 57] tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

2. Il-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors skont l-Artikoli [43 u 44] tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, ma tistax tiċħad jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà ħlief jekk l-eżekuzzjoni tal-att awtentiku tkun tmur manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba.

Artikolu 34 Rikonoxximent u eżegwibbiltà ta’ tranżazzjonijiet ġudizzjarji

It-tranżazzjonijiet ġudizzjarji li huma eżegwibbli fl-Istat Membru ta’ oriġini huma rikonoxxuti u ddikjarati eżegwibbli fi Stat Membru ieħor fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti interessata, taħt l-istess kundizzjonijiet tal-atti awtentiċi. Il-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors skont l-Artikolu [42 jew 44] tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, m’għandhiex tiċħad u lanqas tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà, ħlief jekk l-eżegwibbiltà tat-tranżazzjoni ġudizzjarja tkun tmur manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba.

Kapitolu V

Effetti fil-konfront ta' terzi persuni

Artikolu 35 Effetti fil-konfront ta' terzi persuni

1. L-effetti tar-reġim matrimonjali fuq relazzjoni legali bejn wieħed mill-konjuġi u terza persuna huma rregolati mil-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali f'konformità ma' dan ir-Regolament.

2. Madanakollu, il-liġi ta’ Stat Membru tista’ tipprevedi li l-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali ma tkunx tista' tintuża minn wieħed mill-konjuġi kontra terza persuna meta wieħed mill-konjuġi jew it-terza persuna jkollu/jkollha r-residenza abitwali tiegħu/tagħha fuq it-territorju ta’ dak l-Istat Membru u meta l-kundizzjonijiet dwar il-pubbliċità jew ir-reġistrazzjoni previsti minn dan l-istess dritt ma jkunux ġew irrispettati, sakemm it-terza persuna kienet taf jew kellha tkun taf bil-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali.

3. Il-liġi tal-Istat Membru ta' fejn tkun tinsab xi proprjetà immobbli tista’ tipprevedi regola simili għal dik prevista fil-paragrafu 2 dwar ir-relazzjonijiet legali bejn wieħed mill-konjuġi u t-terza persuna fir-rigward ta' tali proprjetà immobbli.

Kapitolu VI

Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

Artikolu 36 Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti

1. Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet bilaterali jew multilaterali li Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri jkunu partijiet tagħhom meta jiġi adottat dan ir-Regolament u li jirrigwardaw kwistjonijiet irregolati minnu, mingħajr ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 351 tat-Trattat.

2. Minkejja l-paragrafu 1, dan ir-Regolament għandu, f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet li jirrigwardaw kwistjonijiet irregolati minnu u li l-Istati Membri jkunu partijiet tagħhom.

Artikolu 37 Informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-awtoritajiet kompetenti

1. Sa mhux aktar tard mill-[…], l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni, fil-lingwa/lingwi li jqisu l-aktar xierqa :

a) deskrizzjoni tal-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali tagħhom relatati mal-liġi dwar ir-reġimi matrimonjali, flimkien mat-testi rilevanti,

b) id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom relatati mal-effetti fil-konfront ta’ terzi persuni msemmija fl-Artikolu 35(2) u (3).

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'kull emenda sussegwenti għal dawn id-dispożizzjonijiet.

3. Il-Kummissjoni għandha tpoġġi l-informazzjoni kkomunikata, f'konformità mal-paragrafi 1 u 2, disponibbli għall-pubbliku permezz ta' mezzi adattati, b'mod partikolari permezz tas-sit tal-internet multilingwu tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fl-oqsma ċivili u kummerċjali.

Artikolu 38 Klawsola ta' reviżjoni

1. Mhux aktar tard minn [ħames snin wara d-dħul fis-seħħ…], u sussegwentement kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti għat-tibdil ta' dan ir-Regolament.

2. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bl-elementi rilevanti li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-qrati tagħhom.

Artikolu 39 Dispożizzjonijiet tranżitorji

1. Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli II u IV ta' dan ir-Regolament japplikaw għall-azzjonijiet ġudizzjarji mibdija, għall-atti awtentiċi rċevuti, għat-tranżazzjonijiet ġudizzjarji u għad-deċiżjonijiet mogħtija wara d-data tal-eżekuzzjoni tiegħu.

2. Madanakollu, jekk l-azzjoni fl-Istat Membru ta' oriġini kienet stabbilita qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, id-deċiżjonijiet mogħtija wara din id-data huma rikonoxxuti u eżegwiti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV, sakemm ir-regoli dwar il-ġudiżdizzjoni li huma applikati jkunu konformi ma' dawk previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III huma biss applikabbli għall-koppji li jkunu żżewġu jew li jkunu speċifikaw il-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali tagħhom, wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 40 Dħul fis-seħħ

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

2. Dan ir-regolament japplika minn [sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri, skont it-Trattati.

Magħmul fi […], […]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU C 12, 15.1.2001, p. 1.

[2] ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

[3] COM(2010) 603.

[4] L-istudju dwar ir-reġimi matrimonjali ta' koppji miżżewġa u dwar il-patrimonju ta’ koppji mhux miżżewġa fid-Dritt Internazzjonali Privat u fid-Dritt Intern tal-Istati Membri tal-Unjoni, il-Konsorzju ASSER-UCL, http://europa.eu.int/comm/justice_home/doc_centre/civil/studies/doc_civil_studies_en.htm

[5] COM(2006) 400.

[6] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - COM(2010) 573, 19.10.2010.

[7] Irregolati bir-Regolament (KE) Nru 4/2009 (ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1).

[8] Irregolati bir-Regolament (KE) Nru 593/2008 (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).

[9] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

[10] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, (ĠU L 338, 23.12.2003).

[11] ĠU C ,…, p. .

[12] ĠU C ,…, p. .

[13] ĠU C ,…, p. .

[14] ĠU C 12, 15.1.2001, p. 1.

[15] ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

[16] COM(2006) 400.

[17] ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

[18] COM(2010) 603.

[19] ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1.

[20] ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

[21] ĠU L ,…, p. .

[22] ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.

[23] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

[24] ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.

[25] ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79.

Top