Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ipproċessar u l-utilizzazzjoni, għal skopijiet ekonomiċi u ambjentali, tal-iskart iġġenerat mill-industrija u fil-minjieri fl-Unjoni Ewropea” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
ĠU C 24, 28.1.2012, p. 11–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff | tiff |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "L-ipproċessar u l-utilizzazzjoni, għal skopijiet ekonomiċi u ambjentali, tal-iskart iġġenerat mill-industrija u fil-minjieri fl-Unjoni Ewropea" (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2012/C 24/03
Relatur: is-Sur FORNEA
Korelatur: is-Sur KOTOWSKI
Nhar l- 20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
L-ipproċessar u l-utilizzazzjoni, għal skopijiet ekonomiċi u ambjentali, tal-iskart iġġenerat mill-industrija u fil-minjieri fl-Unjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is- 27 ta’ Settembru 2011.
Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis- 26 u s- 27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-26 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’61 vot favur u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 L-għan ewlieni tal-ipproċessar tal-iskart iġġenerat mill-industrija u mill-minjieri huwa li jiġi evitat ir-rimi. Sfidi bħal pereżempju t-tniġġis ambjentali, il-perikli għas-saħħa u l-estetika tal-art għandhom jiġu indirizzati b’mod responsabbli u b’urġenza. Illum il-ġurnata, l-ebda pajjiż mhuwa f’pożizzjoni li ma jikkunsidrax il-potenzjal tar-riċiklaġġ tal-iskart iġġenerat mill-użu tal-materja prima primarja. Ir-rimi ta’ dan l-iskart mingħajr ma jiġi ttrattat aktar sempliċement minħabba li dan jiswa inqas flus m’għadux waħda mill-alternattivi, billi aħna konxji tal-ħsara li dan jikkawża lill-ambjent, lis-saħħa tal-bniedem u lis-soċjetà.
1.2 L-ipproċessar ta’ dan it-tip ta’ skart għal skopijiet ekonomiċi jista’ jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ambjent, tal-pajsaġġ, tal-impjiegi u tas-soċjetà fil-komunitajiet ikkonċernati. Jekk jiġi eliminat ir-riskju tat-tniġġis għan-nies u l-ambjent, il-kundizzjonijiet tal-għajxien f’dawn ir-reġjuni jistgħu jitjiebu, u dan iwassal għal sitwazzjonijiet li minnhom jibbenefika kulħadd. Din hija r-raġuni għaliex l-użu utli ta’ dan l-iskart għandu jiġi kkunsidrat bħala parti minn strateġija għal żvilupp sostenibbli u bħala miżura kompensatorja għall-komunitajiet lokali milquta.
1.3 Ir-rwol tas-soċjetà ċivili, tal-imsieħba soċjali, tal-professjonisti involuti fl-industriji tal-estrazzjoni, tal-metallurġija u tal-enerġija, tal-akkademiċi, tal-manifatturi tat-tagħmir u tal-assoċjazzjonijiet tat-trasport u l-kummerċ huwa kruċjali biex il-pubbliku jiġi informat aħjar u biex jitqajjem għarfien dwar il-vantaġġi ambjentali, ekonomiċi u soċjali tal-ipproċessar ta’ kwantitajiet kbar ta’ skart li ġew jew qed jiġu ġġenerati mill-industrija tal-estrazzjoni u tal-metallurġija u mill-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam.
1.4 L-awtoritajiet lokali jistgħu jaqdu rwol ewlieni f’din il-kwistjoni billi jħeġġu djalogu ċiviku miftuħ fil-livell reġjonali, sabiex jiġu identifikati soluzzjonijiet għall-ħarsien ambjentali, l-ipproċessar tal-iskart u sabiex tinbena mill-ġdid bażi għall-iżvilupp industrijali sostenibbli. Għal dan il-għan huwa neċessarju li jiġi stabbilit netwerk ta’ proġetti pubbliċi, privati jew fi sħubija bejn il-pubbliku u l-privat, sabiex tiġi maqsuma r-responsabbiltà għal investimenti futuri, l-infrastruttura u l-ħarsien ambjentali.
1.5 L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw għodda u politiki innovattivi biex il-kwistjoni tal-iskart iġġenerat mill-industrija u mill-estrazzjoni tiġi affrontata bl-iktar mod effiċjenti u sostenibbli, abbażi tar-riċerka, l-istatistika u l-fatti xjentifiċi. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li nifhmu aħjar, permezz ta’ proċess ta’ konsultazzjoni adegwata mal-partijiet interessati rilevanti, l-ostakoli legali, politiċi, amministrattivi u soċjali eżistenti biex dan l-iskart jiġi pproċessat.
1.6 Għaldaqstant il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki effettivi fil-qasam tad-depożiti ta’ skart industrijali u tal-minjieri fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 li, permezz ta’ approċċ ġenerali, torbot b’mod espliċitu l-politika industrijali sostenibbli ma’ proċessi innovattivi, l-effiċjenza tar-riżorsi u aċċess imtejjeb għall-materji prima.
1.7 Kwalunkwe proċess ġdid għat-trattament tal-iskart mill-estrazzjoni għandu jkun akkumpanjat minn informazzjoni dwar il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tal-iskart biex b’hekk ikun hemm biżżejjed data disponibbli għall-awtoritajiet u l-kumpaniji li jkunu se jibdew iwettqu attivitajiet potenzjali ta’ proċessar mill-ġdid jew programmi għall-protezzjoni ambjentali.
1.8 L-inizjattivi politiċi attwali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-materja prima għandhom iżidu l-appoġġ finanzjarju tal-UE u tal-Istati Membri għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jipproċessaw l-iskart iġġenerat mill-minjieri u mill-industriji, u li jirkupraw il-minerali u metalli prezzjużi. Waħda mill-prijoritajiet għandha tkun l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jippermettu l-irkupru ta’ materjali kritiċi u ta’ dawk li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.
1.9 Fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, is-soċjetà ċivili organizzata hija tal-fehma li wasal iż-żmien li jiġu vvalutati r-riżultati li nkisbu bid-Direttiva 2006/21/KE u hija lesta li tressaq kummenti u suġġerimenti għat-titjib tal-implimentazzjoni tagħha u li tippromwovi inizjattivi għall-użu utli tal-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni.
1.10 Il-proposta biex jitjieb ir-riċiklaġġ u jitnaqqas l-iskart iġġenerat mill-industriji tal-minjieri tal-blat, tal-barrieri u tal-metallurġija tista’ tiġi deskritta fil-qosor kif ġej:
- Emendar tal-istatus legali tal-prodott sekondarju bħala koprodott bl-istess proprjetajiet tal-prodott primarju.
- Permess espliċitu għall-ipproċessar tal-prodotti sekondarji bi trattament speċifiku li jitwettaq fil-faċilità primarja jew permezz ta’ sistemi ddisinjati apposta biex jagħtu lill-koprodott il-karatteristiċi meħtieġa għall-użu.
- Promozzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-koprodott billi jiġu ffaċilitati t-trasport u l-użu.
- Inċentivi fiskali għall-konsumaturi li jużaw il-koprodotti.
1.11 L-istituzzjonijiet relatati mal-UE għandhom jipprovdu iktar informazzjoni dwar l-impatt tal-iskart iġġenerat minn impjanti tal-enerġija termali fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u wkoll dwar l-użi utli tal-prodotti ta’ kombustjoni tal-faħam (CCPs – coal combustion products). Hemm bżonn riċerka u żvilupp biex jitjiebu l-applikazzjonijiet li fihom jistgħu jintużaw is-CCPs, u għat-teknoloġiji emerġenti u l-immaniġġjar u r-rimi ġenerali tal-irmied.
1.12 L-UE għandha tistabbilixxi u tiffinanzja proġetti għall-użu mill-ġdid u li huwa ta’ benefiċċju, ta’ prodotti sekondarji tal-kombustjoni tal-faħam, biex b’hekk tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli permezz tar-riċiklaġġ ta’ dan l-iskart u tara li dan ma jintremiex fil-miżbliet, u b’hekk tonqos il-ħtieġa li tiġi estratta materja prima ġdida u jiġu kkonservati l-enerġija u r-riżorsi tal-ilma.
1.13 Għandu jsir stħarriġ fil-livell Ewropew biex tinġabar iktar informazzjoni dwar l-irmied li jtir, l-irmied tal-qiegħ, il-gagazza tal-bojler, il-ġibs FGD (ġibs tad-desulferizzazzjoni tal-gass mit-tromba ta’ ċumnija), il-materjali FGD tat-tindif fl-imxarrab u n-niexef (wet and dry scrubber materials) kif ukoll l-irmied tal-FBC (fluidised bed combustion). L-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam fl-UE għandhom jitħeġġu jippreżentaw data għal dan l-istħarriġ. Għandu jiġi stabbilit ukoll u aġġornat kontinwament inventarju tal-prodotti eżistenti u tal-applikazzjonijiet potenzjali tas-CCPs.
2. Ħarsa ġenerali
2.1 L-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart adottata fl-2005 fil-kuntest tal-implimentazzjoni tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, li issa ġiet segwita b’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ġdida (COM 2011(13)) li tivvaluta sa liema punt l-objettivi tal-Istrateġija ntlaħqu jew le, tipproponi azzjonijiet ġodda biex tiġi msaħħa l-implimentazzjoni tal-istrateġija.
2.2 Il-kwistjoni tal-iskart iġġenerat mill-industrija u mill-estrazzjoni hija ta’ tħassib kbir għaċ-ċittadini Ewropej u għas-soċjetà ċivili organizzata. Sa ċertu punt, il-futur tal-industrija fl-Ewropa se jiddependi mill-mod ta’ kif naffrontaw il-kwistjoni. Bħalissa, numru sinifikanti ta’ proġetti industrijali jinsabu f’riskju li jistaġnaw minħabba l-oppożizzjoni mill-komunitajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jinsabu mħassba dwar l-impatt tal-attivitajiet tal-industrija u tal-estrazzjoni fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent.
2.3 Sfortunatament, f’ħafna każijiet, it-tħassib tas-soċjetà ċivili jirriżulta minn nuqqas ta’ informazzjoni u trasparenza, u għalhekk jeħtieġ li tkun żgurata implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali sabiex tiġi żgurata informazzjoni korretta u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.
2.4 L-iskart iġġenerat mill-industrija u mill-estrazzjoni għadu jirrappreżenta sfida għal numru kbir ta’ Stati Membri fejn kien hemm, jew għad hemm, impjanti industrijali u faċilitajiet tal-estrazzjoni. Dawn id-depożiti tal-iskart jistgħu jkunu ta’ theddida jew inkella jippreżentaw opportunità għall-komunitajiet lokali. Dawn isiru theddida meta jiġu sempliċement abbandunati u meta ma jitteħdux miżuri biex jitnaqqas ir-riskju għall-ambjent, iżda f’ċerti każijiet jistgħu wkoll jippreżentaw opportunità, meta l-iskart mormi jkun jista’ jiġġenera attivitajiet li jinvolvu l-irkupru ta’ metall jew ta’ materja prima sekondarja utli oħra.
2.5 F’ċerti każijiet, il-konċentrazzjoni tal-metall fl-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni tista’ tkun ekwivalenti għall-konċentrazzjoni tal-metall fil-minerali, jew saħansitra ogħla. L-istess japplika għall-iskart iġġenerat mill-industrija metallurġika: it-teknoloġiji tal-irkupru żviluppaw u llum il-ġurnata hemm l-opportunità li jerġa’ jiġi vvalutat il-potenzjal tal-iskart iġġenerat minn attivitajiet industrijali antiki u li dan il-qasam isir sikur għall-ambjent.
2.6 F’ħafna każijiet, l-awtoritajiet lokali jridu jiffaċċjaw il-problema tal-iskart mill-industrija u mill-minjieri minħabba l-fatt li r-residwi ta’ skart mill-estrazzjoni jew il-postijiet fejn jintrema l-iskart ikunu jinsabu fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Għaldaqstant, jistgħu jinstabu soluzzjonijiet f’dan il-livell għat-trasformazzjoni ta’ "sfida" f’opportunità billi jitħeġġu sħubijiet minn inizjattiva privata, jew bejn il-pubbliku u l-privat kif ukoll dawk amministrattivi sabiex jiġu stabbiliti Parks Industrijali għall-użu totali tal-iskart, billi jiġu kkombinati approċċi orizzontali u vertikali fl-industrija tal-ipproċessar, fil-kostruzzjoni u fl-infrastruttura.
2.7 F’din l-opinjoni, se niffukaw fuq tliet kategoriji ta’ skart li jistgħu jinsabu fi kwantitajiet konsiderevoli fl-Ewropa (biljuni ta’ metri kubiċi), liema kategoriji huma ta’ interess speċjali għal-leġislaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri:
- L-iskart iġġenerat fil-minjieri (jew l-iskart mill-estrazzjoni kif definit fid-Direttiva 2006/21/KE) bħala riżultat tal-attivitajiet ta’ esplorazzjoni, estrazzjoni u proċessar tal-faħam jew tal-minerali mhux enerġetiċi – mijiet ta’ miljuni ta’ tunnellati minn żoni ta’ estrazzjoni eżistenti jew antiki inħażnu jew għadhom qed jinħażnu mingħajr trattament xi ftit jew wisq ’il bogħod mill-komunitajiet lokali [1]. Il-faċilitajiet tal-iskart mill-estrazzjoni fil-minjieri abbandunati u magħluqin jistgħu jsiru periklu serju għall-ambjent u l-komunitajiet lokali.
- L-iskart iġġenerat mill-industrija tal-metallurġija, prinċipalment magħmul minn gagazza, tajn u trab. L-iskart iġġenerat minn metallurġija mhux ferruża, pereżempju, jista’ jkun fih kontenut għoli ta’ metall tqil li jista’ jkollu impatt potenzjalment negattiv fuq l-ambjent jekk ma jiġix trattat kif suppost.
- L-iskart iġġenerat mill-impjanti tal-enerġija termali. Il-gagazza u l-irmied mill-impjanti tal-enerġija jirrappreżentaw proporzjon kbir ta’ skart, speċjalment f’pajjiżi fejn l-industrija tal-enerġija termali tuża kwantitajiet kbar ta’ faħam ta’ kwalità baxxa.
2.8 F’dawn il-każijiet kollha, is-siti għall-ħżin tal-iskart jistgħu, jekk ma jiġux immaniġġjati kif suppost, ikerrhu bil-kbir l-ambjent tal-komunitajiet lokali u jwasslu biex meded kbar ta’ art ma jkunux jistgħu jibqgħu jintużaw meta jistgħu jkunu ta’ benefiċċju ekonomiku, soċjali u ambjentali għal dawn il-komunitajiet.
3. Qafas politiku u legali għall-promozzjoni tal-ipproċessar tal-iskart iġġenerat mill-industrija u mill-estrazzjoni
3.1 L-Istrateġija Ewropa 2020, il-politika industrijali tal-UE [2], l-istrateġija tal-UE għall-użu tar-riżorsi b’effiċjenza [3], l-istrateġija tal-UE dwar il-materja prima [4], l-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart [5] u l-istrateġija tal-UE dwar l-innovazzjoni [6] jippromovu:
- it-tkabbir sostenibbli tal-Ewropa permezz ta’ ekonomija li hija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, iktar ekoloġika u iktar kompetittiva;
- it-teknoloġiji u l-metodi ta’ produzzjoni li jnaqqsu l-użu tar-riżorsi naturali, u jżidu l-investimenti fl-assi naturali eżistenti tal-UE;
- l-applikazzjoni bis-sħiħ tal-ġerarkija tal-iskart fejn l-ewwel il-prevenzjoni, imbagħad it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, imbagħad l-irkupru tal-enerġija u fl-aħħar nett ir-rimi tal-iskart;
- ir-reviżjoni tar-regolamenti biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni tas-setturi tas-servizzi u l-manifattura għal użu iktar effiċjenti tar-riżorsi, inklużi r-riċiklaġġ iktar effettiv u l-promozzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ewlenin ta’ appoġġ (key enabling technologies);
- l-investiment fl-industriji tal-estrazzjoni billi jiġu stabbiliti politiki għall-ippjanar tal-użu tal-art għall-minerali li jinkludu bażi ta’ data ġeoloġiku diġitali u metodoloġija trasparenti għall-identifikazzjoni tar-riżorsi minerali, filwaqt li jiġu promossi wkoll ir-riċiklaġġ u t-tnaqqis tal-iskart;
- Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni biex jiġu aċċelerati r-riċerka, l-iżvilupp u l-iskjerament tal-innovazzjonijiet fis-suq.
3.2 L-Ewwel Direttiva Ewropea dwar l-immaniġġjar tal-iskart ilha li daħlet fis-seħħ mis-sebgħinijiet. Fl-1991, il-Katalgu Ewropew tal-Iskart (EWC) ġie stabbilit fid-Direttiva 91/156/KE li ġiet segwita bid-Direttiva 91/689/KE fuq skart perikoluż. Fl-2008, inħarġet id-Direttiva 2008/98/KE li hija partikolarment rilevanti għall-opinjoni tagħna għaliex fl-Artikolu 4.1 introduċiet definizzjoni iktar preċiża tal-ġerarkija tal-immaniġġjar tal-iskart: "(a) prevenzjoni; (b) preparazzjoni għal użu mill-ġdid; (c) riċiklaġġ; (d) irkupru ieħor, eż. irkupru ta’ enerġija; u (e) rimi" [7].
3.3 Id-Direttiva 2006/12/KE u d-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE jistabbilixxu li:
- Għall-iskart li għadu jiġi ġġenerat, il-livell tal-periklu tiegħu għandu jitnaqqas sal-inqas livell possibbli ta’ riskju;
- Għandha tingħata preferenza lill-prevenzjoni tal-iskart u lir-riċiklaġġ;
- Il-kwantità tal-iskart għar-rimi għandha tiġi mminimizzata u mormija b’mod sikur;
- L-iskart intiż għar-rimi għandu jiġi trattat viċin kemm jista’ jkun tal-post li fih jiġi ġġenerat sakemm dan ma jwassalx għal tnaqqis fl-effiċjenza tal-operazzjonijiet tat-trattament tal-iskart.
3.4 Id-Direttiva 2006/21/KE dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni (adottata fl-2006, ilha fis-seħħ minn Mejju 2008 u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha hija skedata għal Novembru 2012):
- Għandha l-għan li tipprevjeni l-effetti negattivi possibbli tal-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni minn minjieri eżistenti jew ġodda fuq is-saħħa tal-pubbliku u l-ambjent.
- Tobbliga lill-operatur biex iħejji pjan ta’ mmaniġġjar tal-iskart li għandu jkun konformi mal-ġerarkija tal-iskart – l-ewwel l-għarfien, imbagħad il-prevenzjoni, imbagħad l-użu mill-ġdid, imbagħad ir-riċiklaġġ u fl-aħħar ir-rimi.
- Tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu inventarju ta’ faċilitajiet magħluqa jew abbandunati ta’ ġestjoni tal-iskart tal-minjieri li qed jagħmlu ħsara jew li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent u s-saħħa pubblika sal-2012 [8].
4. It-trattament tal-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni
4.1 Il-proposti leġislattivi, sal-lum, stiednu lill-Istati Membri biex, sa Mejju 2012, jistabbilixxu inventarju ta’ siti magħluqin u abbandunati għall-ħżin tal-iskart mill-estrazzjoni li għandhom impatt potenzjali fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent u biex dan l-inventarju jiġi ppubblikat.
4.2 Fl-2004, l-istudju Pecomines tal-UE [9] u r-rapport tal-istudju tal-każ tiegħu dwar l-użu tat-telerilevament [10] (remote sensing) stabbilixxew valutazzjoni preliminari ta’ numru ta’ siti wara l-adeżjoni tal-ewwel pajjiżi mill-Ewropa tal-Lvant. Madankollu, l-istudju ma wettaq l-ebda analiżi dwar l-istabilità fiżika jew kimika tas-siti.
4.3 Sal-lum ma teżisti l-ebda bażi tad-data li tkopri l-Ewropa kollha dwar fejn jinsab l-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni u depożiti industrijali oħra u l-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tiegħu. L-Istati Membri, bħal pereżempju Spanja, diġà ħejjew pjani nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart iġġenerat mill-industriji tal-estrazzjoni abbażi ta’ data statistika rilevanti dwar in-numru u l-volum ta’ miżbliet, digi u għadajjar abbandunati u eżistenti li huma rreġistrati [11].
4.4 Uħud mill-Istati Membri żviluppaw u applikaw metodi biex jivvalutaw is-sikurezza ta’ digi tar-residwi u miżbliet antiki u stabbilixxew l-azzjonijiet prijoritarji meħtieġa għall-prevenzjoni ta’ livell għoli ta’ tniġġis (pereżempju l-Ministeru għall-Ambjent Slovakk). Madankollu, ma twettqet l-ebda valutazzjoni komprensiva fir-rigward tal-valutazzjoni tal-vijabilità ekonomika attwali tal-ipproċessar mill-ġdid tal-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni. Id-deċiżjoni dwar jekk l-ipproċessar mill-ġdid huwiex fattibbli jew le tiddependi ħafna fuq il-prezz tas-suq tal-minerali fil-mira. Tali valutazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Istati Membri biex jiġu identifikati sitwazzjonijiet possibbli li minnhom jibbenifika kulħadd.
4.5 L-aċċess għal dawn id-depożiti tal-iskart u r-residwi hija kwistjoni tal-politiki nazzjonali dwar l-ippjanar tal-minerali u tal-politiki dwar l-ippjanar tal-art, liema politiki jaqgħu kollha taħt il-prinċipju tas-sussidjarjetà u għandhom jiġu trattati b’mod individwali minn kull Stat Membru, filwaqt li tiġi rispettata l-leġislazzjoni tal-UE dwar il-valutazzjoni tal-impatt, l-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni fil-minjieri u l-Qafas tal-Ilma.
4.6 L-istrateġija tal-UE dwar il-materja prima tipproponi analiżi fuq perjodu twil ta’ żmien tad-domanda għall-minerali li tista’ tipprovdi bażi għall-prijoritizzazzjoni ekonomika tal-ipproċessar mill-ġdid ta’ residwi u faċilitajiet antiki.
4.7 L-iżvilupp mill-ġdid tal-faċilitajiet u residwi, kemm b’inċentiva ekonomika kif ukoll mingħajrha, jista’ jwassal għal: impjiegi, ambjent imtejjeb, kundizzjonijiet soċjali u ta’ għajxien aħjar għall-komunitajiet ikkonċernati; b’mod partikolari t-titjib tal-pajsaġġi u l-eliminazzjoni tar-riskju ta’ tniġġis.
4.8 It-trattament tal-faċilitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart tal-minjieri magħluqa jew abbandunati għandu jiġi rregolat minn għadd ta’ kunsiderazzjonijiet:
- It-trattament tal-faċilitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart tal-minjieri magħluqa jew abbandunati li jirrappreżenta riskju għas-sikurezza u għas-saħħa jew li jista’ jniġġes l-ambjent jew jirrappreżenta valur ekonomiku fil-klima ekonomika attwali għandu jingħata prijorità fir-rigward ta’ permessi mħaffa iżda mogħtija b’kawtela; għandha tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet ta’ responsabilità li jirriżultaw mill-operaturi preċedenti sabiex jiġi mħeġġeġ l-investiment [12].
- Jista’ jagħti l-każ li jkun hemm bżonn finanzjament pubbliku għat-trattament tal- faċilitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart tal-minjieri magħluqa jew abbandunati li jirrappreżenta riskju għas-sikurezza u għas-saħħa, li jista’ jniġġes l-ambjent u li m’għandu l-ebda valur ekonomiku [13].
- L-ipproċessar mill-ġdid tal-faċilitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart tal-minjieri magħluqa jew abbandunati li ma jippreżentax riskju għas-sikurezza u għas-saħħa u li ma jniġġisx l-ambjent, iżda għandu valur ekonomiku, għandu jitpoġġa għad-dispożizzjoni u għandha tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet ta’ responsabilità li jirriżultaw mill-operaturi preċedenti sabiex jiġi mħeġġeġ l-investiment.
4.9 Parti mit-teknoloġija għat-tħaddim u l-funzjonament mill-ġdid ta’ mħażen ta’ skart antiki u użati b’mod eċċessiv hija disponibbli, iżda teħtieġ riċerka ġdida. Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima tista’ tipprovdi mezz li bih tiġi stimulata r-riċerka f’dan il-qasam u possibbilment tipprovdi finanzjament għal proġett pilota. Dan l-għarfien jista’ jsir standard internazzjonali ta’ eċċellenza, u jista’ jintuża fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha (bħal, pereżempju, it-teknoloġiji applikati fil-Lvant tal-Ġermanja wara r-riunifikazzjoni). Ir-riċerka dwar teknoloġiji u tekniki ġodda tista’ tkun, potenzjalment, qasam li fih teċċella l-industrija Ewropea.
4.10 Id-dokument dwar l-aħjar teknoloġiji disponibbli (BAT – best available techniques) fir-rigward tal-immaniġġjar tal-iskart iġġenerat mill-industrija tal-estrazzjoni jagħmel referenza żgħira biss għall-użu tal-BAT għas-separazzjoni tal-iskart biex fil-futur ikun jista’ jitwettaq aħjar l-ipproċessar mill-ġdid ta’ residwi u skart ieħor.
4.11 Il-Fondi Strutturali Ewropej għandhom rwol kritiku u diġà jipprovdu investimenti sostanzjali fir-riċerka u l-innovazzjoni. Ġew allokati madwar EUR 86 biljun għall-perjodu ta’ finanzjament attwali (2007-13). Ħafna minn dawn il-fondi għadha ma ntefqitx u għandha tintuża b’mod iktar effettiv għall-innovazzjoni u biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020.
4.12 Fil-passat, il-Fondi Strutturali tal-UE diġà ntużaw okkażjonalment fejn l-iżvilupp ta’ infrastruttura reġjonali ġdida seta’ jiġi kkumbinat mat-tindif u l-iżvilupp mill-ġdid tar-reġjuni industrijali u ta’ estrazzjoni antiki. L-iktar inizjattivi ta’ suċċess jikkumbinaw l-ipproċessar mill-ġdid ta’ residwi u miżbliet antiki ma’ minjiera ġdida, fatt li – f’ħafna każijiet – itejjeb il-vijabilità ekonomika minħabba l-ekonomiji ta’ skala.
4.13 Sal-lum il-ġurnata, intefaq biss ammont żgħir mill-fondi tal-UE fuq l-ipproċessar u l-utilizzazzjoni, għal skopijiet ekonomiċi u ambjentali, tal-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni fl-UE. Madankollu, uħud mill-inizjattivi u proġetti Ewropej, bħal pereżempju l-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea dwar ir-Riżorsi Minerali Sostenibbli, il-Proġetti ProMine u EuroGeoSource tal-UE, għandhom l-appoġġ finanzjarju tal-Kummissjoni Ewropea u huwa mistenni li dawn il-proġetti jipprovdu kontribuzzjonijiet għal teknoloġiji innovattivi, intelliġenza minerali u bażi tad-data tal-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni.
5. Skart iġġenerat mill-industrija tal-metallurġija. Il-kunċett tal-iskart industrijali. Sfidi għall-ambjent. Opportunitajiet ekonomiċi u soċjali.
5.1 Il-kunċett tal-iskart industrijali ma evolviex b’mod sostanzjali matul iż-żminijiet, fis-sens li l-filosofija li tgħid li "dak li mhux prodott huwa skart" baqgħet ma nbidlitx. Madankollu, abbażi tal-politiki ambjentali ("Ħela Xejn") reċenti u tal-kwistjonijiet ekonomiċi relatati man-nuqqas ta’ materja prima, jista’ jagħti l-każ li l-kunċett ta’ "prodott" ta’ attività industrijali jkun jeħtieġ jiġi rivedut b’mod sostanzjali.
5.2 Illum il-ġurnata, l-attivitajiet industrijali kumplessi iktar qed jaħdmu biex jiksbu ħafna "koprodotti" milli biex jiġġeneraw prodott uniku [14]. Pereżempju, il-gagazza fil-produzzjoni tas-siment attwalment tintuża bħala komponent importanti f’ħafna taħlitiet għas-siment [15].
5.3 Il-leġislazzjoni Ewropea attwalment fis-seħħ tirrikjedi li proċess, minbarra l-prodott, irid ikollu biss prodotti sekondarji u mhux koprodotti. Dan ifisser li prodott sekondarju, jekk ma jiġix proċessat fiċ-ċiklu ewlieni, jiġi kkunsidrat bħala prodott imwarrab li jista’ jerġa’ jintuża u huwa soġġett għar-regolamenti kollha dwar l-iskart.
5.4 Fir-realtà, din mhijiex problema ta’ definizzjoni tat-terminu (prodott sekondarju u koprodott jistgħu jiġu kkunsidrati ekwivalenti). Il-problema hija relatata mal-limitazzjonijiet li l-liġi llum tirrikjedi għall-prodotti sekondarji. Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/98/KE, prodott sekondarju għandu jissodisfa erba’ rekwiżiti: "(a) l-użu ulterjuri tas-sustanza jew l-oġġett ikun ċert; (b) is-sustanza jew l-oġġett jistgħu jiġu użati direttament mingħajr kwalunkwe proċessar ulterjuri ħlief prattika industrijali normali; (c) is-sustanza jew l-oġġett huma prodotti bħala parti integrali ta’ proċess ta’ produzzjoni; u (d) l-użu ulterjuri jkun skont il-liġi, i.e. is-sustanza jew l-oġġett jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti kollha tal-prodott, dawk ambjentali u ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-użu speċifiku, u mhuwiex ser jirriżulta f’impatti ġenerali li jikkawżaw ħsara lill-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem."
5.5 L-iskart iġġenerat mill-industrija tal-metallurġija li jintrema f’miżbla jista’ jġorr miegħu varjetà ta’ sustanzi perikolużi bħal pereżempju metalli tqal, inkluż f’forma ta’ komposti, li ma kienu tal-ebda użu biex jinkiseb il-"prodott". Barra minn hekk, dawn is-sustanzi [16], jekk jintremew f’miżbla, ta’ spiss jirrikjedu trattament preliminari abbażi tad-Direttiva 2006/12/KE.
5.6 L-isfida li prodott sekondarju jitqies bħala koprodott tippermetti li t-trattament u/jew l-ipproċessar jitwettqu fl-impjant ewlieni stess (bħalma jiġri attwalment) jew f’sistemi apposta ddisinjati biex jittrasformaw il-koprodott fi prodott ġdid biex dan jitpoġġa fis-suq mingħajr restrizzjonijiet għajr li jiġi ddikjarat bħala koprodott. Attwalment, dan huwa possibbli biss għal kumpaniji u faċilitajiet awtorizzati li jipproċessaw l-iskart abbażi tad-Direttiva 2006/12/KE.
5.7 Il-benefiċċju primarju għall-ambjent huwa li titnaqqas il-ħsara kkawżata fil-ħamrija u fil-pajsaġġ. Pereżempju, jista’ jiġi stmat li kull miljun tunnellata ta’ gagazza tal-azzar (gagazza mill-azzar bil-karbonju tista’ tiġi inertizzata) tirrikjedi volum ta’ madwar 900000 m3 f’miżbla u tiffranka l-istess volum ta’ tħaffir inert għall-aggregati [17]. Benefiċċju ieħor, wara l-inertizazzjoni għall-użu mill-ġdid, jirrigwarda t-tnaqqis tal-emissjonijiet (il-lissija tat-trab u l-metall) fl-ambjent.
5.8 Minn perspettiva soċjali u ekonomika, l-attivitajiet relatati mat-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart iġġenerat mill-industrija tal-metallurġija huma attivitajiet innovattivi li jirrikjedu, minbarra xogħol dirett, attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp biex jiġi minimizzat l-impatt fuq l-ambjent u jitnaqqsu l-ispejjeż. F’dan il-qasam twettaq studju interessanti fir-Renju Unit fl-2010, fejn ġew identifikati l-kapaċitajiet li min iħaddem għandu jkollu għall-ġbir, l-immaniġġjar u t-trattament tal-iskart muniċipali u industrijali [18].
6. Skart mill-impjanti tal-enerġija termali. Użu utli ta’ Prodotti ta’ Kombustjoni tal-Faħam
6.1 Il-faħam huwa riżorsa importanti li n-natura tipprovdilna f’ammonti kbar. Fl-2008, il-produzzjoni totali globali tal-antraċit (hard coal) laħqet il-579 Mt u l-produzzjoni totali globali tal-faħam kannella laħqet id-965 Mt [19]. Il-faħam jipprovdi 27 % tal-bżonnijiet tal-enerġija primarja globali u jiġġenera 41 % tal-elettriku fid-dinja. L-importanza tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku madwar id-dinja hija intiża li tkompli, fejn il-faħam se jkun qed jipproduċi 44 % tal-elettriku globali fl-2030. Bil-livelli ta’ produzzjoni attwali, huwa stmat li r-riżervi tal-faħam stabbiliti se jdumu jservu 119-il sena [20].
6.2 Wara li l-faħam jinħaraq biex jiġu prodotti l-elettriku u s-sħana, jibqa’ kwantitajiet kbar ta’ skart li jikkawża tħassib kbir u jippreżenta sfida għall-komunitajiet fl-UE u globalment fejn dawn it-tipi ta’ skart jiġu prodotti u mormija. Il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka minn pajjiżi bħalma huma l-Istati Uniti, il-Ġermanja u r-Renju Unit ilhom mill-1945 jidentifikaw użi utli għal dan l-iskart, li ġie kklassifikat bħala Prodott ta’ Kombustjoni tal-Faħam (CCPs). Is-CCPs ewlenin huma: l-irmied li jtir, l-irmied tal-qiegħ, il-gagazza tal-bojler, l-irmied FBC (fluidised bed combustion), il-prodott SDA (assorbent parzjalment xott – Semi Dry Absorption Product), il-ġibs FGD.
6.3 L-"American Coal Ash Association" (ACAA) twaqqfet fl-1968 fl-Istati Uniti bħala organizzazzjoni kummerċjali bl-għan li jerġa’ jintuża l-iskart iġġenerat minn impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam. Ix-xogħol ta’ din l-assoċjazzjoni kien li ttejjeb l-immaniġġjar u l-użu tal-prodotti ta’ kombustjoni tal-faħam b’metodi responsabbli mil-lat ambjentali, li jkunu teknikament sikuri, kummerċjalment kompetittivi u b’metodi li jappoġġjaw lill-komunità globali [21].
6.4 L-ACAA kkalkulat li fl-Istati Uniti l-produzzjoni tas-CCPs żdiedet minn madwar 25 Mt fl-1966 għal madwar 135 Mt fl-2008, u l-użu utli tas-CCPs fl-istess perjodu tela’ minn 5 Mt għal madwar 55 Mt.
6.5 Fl-2007, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Prodotti ta’ Kombustjoni tal-Faħam (ECOBA) [22] stmat li l-produzzjoni totali ta’ Prodotti ta’ Kombustjoni tal-Faħam fl-UE tammonta għal iktar minn 100 miljun tunnellata annwalent fl-UE-27 u għal 61 miljun tunnellata fl-UE-15, li minnhom 68,3 % kienu rmied li jtir, 17,7 % ġibs FGD, 9,4 % irmied tal-qiegħ, 2,4 % gagazza tal-bojler, 1,5 % irmied FBC u 0,7 % prodotti SDA.
6.6 Madwar id-dinja kollha, iżda wkoll fl-Ewropa, l-utenti potenzjali ta’ prodotti bbażati fuq CCPs mhumiex informati kif suppost dwar il-proprjetajiet u l-vantaġġi tal-użi ta’ dawn il-materjali u prodotti ġodda. Sal-lum, l-industrija tal-Istati Uniti kienet l-ikbar produttur u konsumatur ta’ CCPs, segwita minn ftit pajjiżi Ewropej bħal pereżempju l-Ġermanja u r-Renju Unit. Din is-sitwazzjoni qed tinbidel u nazzjonijiet bħalma huma ċ-Ċina u l-Indja se jkunu fuq quddiem nett tal-produzzjoni u l-konsum tas-CCPs [23].
6.7 Benefiċċji ambjentali li jirriżultaw mill-użu utli tal-iskart iġġenerat mill-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam:
- Kwalità mtejba tal-ambjent madwar l-impjanti li jaħdmu bil-faħam
- L-iffrankar tar-riżorsi naturali
- Tnaqqis tad-domanda għall-enerġija u tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra
- L-iffrankar tal-ispazju għar-rimi tal-iskart.
6.8 Applikazzjonijiet eżistenti għall-Prodotti ta’ Kombustjoni tal-Faħam:
- Produzzjoni ta’ siment u konkos. L-irmied li jtir huwa komponent li jgħaqqad fil-konkos [24]
- Solidifikazzjoni u stabbilizzazzjoni ta’ skart perikoluż
- Użu ta’ rmied tal-qiegħ f’taħlitiet ta’ asfalt għall-bini tat-toroq
- Użu ta’ ġibs FGD fl-agrikoltura
- Estrazzjoni ta’ ċenosferi jew metalli. Iċ-ċenosferi jistgħu jintużaw għal konkos ħafif, materjali strutturali, is-sinteżi ta’ materjali komposti ħfief ħafna. Applikazzjonijiet fl-industrija awtomobilistika, l-avjazzjoni, it-tajers, iż-żebgħa u l-kisi, il-pavimentar, il-proċessi li bihom wieħed jgħaddi l-kejbils u l-pajpijiet, it-tagħmir għall-bini u dak domestiku
- Protezzjoni tal-ħamrija u reklamazzjoni ta’ minjieri abbandunati
- L-irmied tal-qiegħ jintuża fil-produzzjoni ta’ briks u ta’ briks bil-wiċċ tat-tafal (Clay Face Bricks). Briks magħmul mill-irmied li jtir ma jirrikjedix tisħin b’forn (kilning) u jista’ jinkludi persentaġġ għoli ta’ materjali riċiklati
- Irkupru ta’ ġermanju mill-irmied li jtir tal-faħam
- Żvilupp ta’ żebgħa ġdida u applikazzjonijiet ambjentali oħrajn. Iż-żebgħa prodotta bl-użu ta’ CCPs reżistenti għall-ilma, l-aċidu u s-solventi organiċi
- Prodotti li jissostitwixxu l-injam
- Użu ta’ rmied li jtir fit-trattament tal-ilma mormi, għal metalli tqal bħal pereżempju Cd jew Ni
- Riċerka biex l-irmied li jtir li jkun tossiku jinbidel f’foam metalliku għall-karozzi.
6.9 Volumi kbar ta’ irmied li jtir fl-Ewropa jispiċċaw fil-miżbliet jew jintużaw f’applikazzjonijiet ta’ valur baxx b’xi eċċezzjonijiet (pereżempju fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ġermanja). Dan għaliex il-kwalità tal-irmied fl-UE mhux dejjem tkun adattata għal applikazzjonijiet ta’ valur għoli, iżda wkoll għaliex jeżisti nuqqas ta’ informazzjoni u promozzjoni tal-użu utli tas-CCPs f’diversi applikazzjonijiet. Fil-futur, il-kwalità tal-irmied li jtir hija mistennija titjieb bis-saħħa tar-rekwiżiti ambjentali, li jridu jkunu konformi magħhom l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam, u tal-isforzi tal-industrija li taħraq il-faħam b’mod effiċjenti u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.
6.10 Jeħtieġ li jsiru iktar studji u riċerki biex nifhmu l-fatturi li jinfluwenzaw l-użu tas-CCPs. L-użu intelliġenti ta’ dawn il-prodotti għandu jkun għan fih innifsu, u għal dan il-għan hemm il-ħtieġa ta’ ekonomija innovattiva, sistemi ta’ mmaniġġjar u soluzzjonijiet loġistiċi kif ukoll sistema ta’ klassifikazzjoni tal-irmied li jtir ibbażata fuq il-prestazzjoni, u programmi għar-riċerka u l-iżvilupp biex jitjieb il-proċess tat-trasformazzjoni ta’ CCPs f’materjali innovattivi ġodda u l-għarfien eżistenti dwar il-kompożizzjoni, il-morfoloġija u l-istruttura taċ-ċenosferi tal-irmied li jtir.
6.11 Id-definizzjoni legali tas-CCPs bħala skart tikkawża ostakoli li jiskoraġġixxu l-użu utli tal-iskart iġġenerat minn impjant tal-enerġija li jaħdem bil-faħam. Il-klassifikazzjoni eżistenti hija lista armonizzata ta’ skart li tista’ tiġi riveduta abbażi ta’ għarfien ġdid u riżultati minn riċerki. Is-CCPs li mhumiex soġġetti għal-leġislazzjoni tal-iskart imbagħad jistgħu jiġu soġġetti għar-regolament REACH.
Brussell, 26 ta’ Ottubru 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan Nilsson
[1] Pereżempju, skont il-Ministeru tal-Ekonomija, il-Kummerċ u l-Ambjent tan-Negozju, fir-Rumanija hemm 77 każ ta’ residwi ta’ skart mill-estrazzjoni fil-minjieri b’volum ta’ 340 miljun metru kubiku, li jkopru 1700 ha, kif ukoll 675 post fejn jintrema l-iskart, b’volum ta’ 3,1 biljun metru kubiku, li jkopru 9300 ha.
[2] COM(2010) 614.
[3] COM(2011) 21.
[4] COM(2011) 25.
[5] L-aħħar rapport COM(2011) 13.
[6] COM(2010) 546 finali.
[7] Madankollu, m’hemmx dispożizzjoni dwar il-ħtieġa "li jitnaqqas il-livell ta’ ħsara fl-iskart" ladarba jiġi aċċettat jew ikun diġà fil-miżbliet.
[8] Reċentement ġie ppubblikat dokument ta’ gwida dwar l-istabbiliment tal-inventarji biex b’hekk l-Istati Membri jirċievu l-għajnuna biex iwettqu din il-ħidma.
[9] G. Jordan u M. D’Alessandro: Mining, Mining Waste and Related Environmental Issues: Problems and Solutions in Central and Eastern European Candidate Countries (Attivitajiet ta’ estrazzjoni, skart ta’ estrazzjoni u kwistjonijiet ambjentali relatati: problemi u soluzzjonijiet fil-pajjiżi kandidati fl-Ewropa ċentrali u tal-Lvant), PECOMINES, JRC 2004 (EUR 20868 EN).
[10] A.M. Vijdea, S. Sommer, W. Mehl: Use of Remote Sensing for Mapping and Evaluation of Mining Waste Anomalies at National to Multi-Country Scale (L-użu tat-telerilevament (remote sensing) għall-immappjar u l-valutazzjoni ta’ anomaliji dwar l-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni fil-livell nazzjonali u multinazzjonali), PECOMINES, JRC 2004 (EUR 21885 EN).
[11] Il-"Plan Nacional de Residuos de Industrias Extractivas 2007-2015" juri li fi Spanja hemm 988 għadira jew diga ta’ estrazzjoni rreġistrati b’volum totali ta’ 325878800 metru kubiku, u l-volum totali tal-iskart iġġenerat fil-minjieri bejn l-1983 u l-1989 kien ta’ madwar 1375673315 metru kubiku, li 47.2 % minnhom huma residwi abbandunati.
[12] Mudell interessanti li jirrigwarda l-mod ta’ kif għandha tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet ta’ responsabilità huwa provdut mill-inizjattiva "Good Samaritan" tal-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali fl-Istati Uniti.
[13] Dan għandu japplika biss f’każ ta’ siti abbandunati li għalihom ma jkun jista’ jiġi identifikat l-ebda operatur responsabbli.
[14] Fil-fatt, dan il-kunċett mhuwiex ġdid. Jittrasferixxi lejn is-settur industrijali kunċett li huwa komuni fis-settur agrikolu, fejn l-iskart organiku jerġa’ jintefa’ fil-ħamrija bħala fertilizzant jew jintuża bħala karburant.
[15] L-istandard Ewropew dwar is-siment EN 197-1, fil-fatt, jiġbor fih disa’ tipi ta’ siment fil-lista tal-komponenti. "Gagazza" (Blast furnace slag) tintuża fi kwantitajiet li jvarjaw bejn 6 % u 95 % fil-piż.
[16] Pereżempju, it-trabijiet minn fran bl-ark elettriku (l-istima tal-UE27 mill-produzzjoni tal-azzar bil-karbonju ’l fuq minn 1,2 Mt) fihom ħadid (10-40 %) iżda wkoll żingu (21-40 %), ċomb (sa 10 %), u kadmju + ram (sa 0,7 %). Gagazza (l-istima tal-UE27 mill-produzzjoni tal-azzar bil-karbonju – fran bażiċi bl-ossiġnu u fran bl-ark elettriku – 27 Mt) tista’ tkun magħmula minn qtar tal-azzar (sa 10 %) kif ukoll ossidi tal-ħadid (10-30 %), tal-manganiż (3-9 %) u tal-kromu (1-5 %).
[17] Huwa stmat li s-27 Mt ta’ skart prodott fl-UE 27 jikkorrispondi, fil-volum, għal munzell għoli 20 m li jokkupa erja żewġ darbiet id-daqs tal-belt ta’ Milan annwalment.
[18] http://www.viridor.co.uk/news/recycling-waste-industry-labour-market-investigation-published/
[19] Rapport tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija (IEA) 2008
[20] Assoċjazzjoni Dinjija tal-Faħam
[21] Skont il-websajt tal-ACAA, l-assoċjazzjoni tipprovdi wkoll riċerka, rapporti, stħarriġ, dokumenti industrijali u għarfien fir-rigward tar-riċiklaġġ tal-irmied tal-faħam, gagazza tal-bojler jew materjali ta’ desulferizzazzjoni tal-gass mit-tromba ta’ ċumnija. Il-Ġappun ukoll għandu organizzazzjoni rilevanti: iċ-Ċentru għall-Utilizzazzjoni tal-Irmied tal-Faħam.
[22] L-ECOBA twaqqfet fl-1990 u llum il-ġurnata tirrappreżenta 86 % tal-produzzjoni tas-CCP fl-UE 27.
[23] Pereżempju fl-Indja huwa mistenni li d-domanda għall-enerġija tal-pajjiż se tkun madwar 260000 MW fl-2020, li madwar 70 % minnhom se jkunu ġġenerati mill-faħam. 273 miljun tunnellata ta’ CCPs se jiġu prodotti minn impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam.
[24] Skont l-ACAA, iktar minn nofs il-konkos prodott fl-Istati Uniti tal-Amerika huwa mħallat bi rmied li jtir.
--------------------------------------------------
| Fuq |