KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ
/* KUMM/2011/0933 finali */
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ
1. Ir-riskju ta' ġenerazzjoni mitlufa?
Bħalissa fl-UE, iżjed minn ħames miljun żagħżugħ u żagħżugħa huma qiegħda. Bejn l-2008 u l-2010, dan in-numru żdied b'miljun.
Figura 1: L-evoluzzjoni tar-rati tal-qgħad taż-żgħażagħ (15-24 sena) sa mill-2005
Sors: Il-qgħad ta' kull xahar skont il-Eurostat; Dejta aġġustata skont l-istaġun, ħlief għall-Ġappun
Dan ifisser li wieħed minn kull ħames żgħażagħ fis-suq tax-xogħol ma jistax isib xogħol. Ir-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ (ta' iżjed minn 20 %) hija d-doppju ta' kemm tkun għall-popolazzjoni attiva kollha u kważi tliet darbiet tar-rata tal-popolazzjoni attiva adulta. F'ċerti pajjiżi, ir-rati saħansitra jilħqu l-40 %. F'ċerti pajjiżi s-sitwazzjonijiet jistgħu jvarjaw ferm bejn ir-reġjuni. Barra minn hekk, ċerti gruppi mill-popolazzjoni żagħżugħa (inklużi, nisa, żgħażagħ b'diżabbiltajiet, żgħażagħ bi sforz) huma partikolarment esposti għar-riskji tal-qgħad, il-qgħad fit-tul, li jħallu l-iskola kmieni jew inattività[1].
Figura 2: Ir-rati tal-qgħad taż-żgħażagħ (15-24 sena) (Ottobru 2011)
Sors: il-Eurostat, il-qgħad ta' kull xahar skont il-Eurostat; Dejta aġġustata skont l-istaġun
Minħabba li qed jogħlew il-livelli tal-qgħad, qed isir iżjed diffiċli għaż-żgħażagħ biex isibu xogħol u ħafna jistgħu jiddeċiedu li jtawlu jew li jerġgħu jibdew jistudjaw. Dan jista' jkun ta' investiment għall-futur jekk jinkisbu l-ħiliet it-tajbin. Madanakollu, jidher li numru kbir ta' żgħażagħ la qegħdin jaħdmu u lanqas jistudjaw.
B'kollox, 7,5 miljun persuna fil-grupp tal-età bejn il-15 u l-24 sena la huma impjegati u lanqas qed jieħdu xi edukazzjoni jew taħriġ. Dan is-sehem żdied minn 10,8 % fl-2008 għal 12,8 % fl-2010 għall-UE b'mod ġenerali. Fil-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja iżjed minn 14 % tal-ġenerazzjoni żagħżugħa mhux qed jistudjaw (iżjed) u (għadhom) ma sabux impjieg.
Figura 3: Is-sehem taż-żgħażagħ li mhumiex impjegati jew li mhumiex qed jieħdu xi edukazzjoni jew taħriġ, bħala perċentwali tal-grupp tal-età ta' bejn il-15 u l-24 sena fl-2008 u l-2010
Sors: il-Eurostat, l-Istħarriġ tal-Forza tax-Xogħol tal-UE[2]
Dan ifisser li dawn iż-żgħażagħ waqfu mill-edukazzjoni formali u huma qiegħda – qed ifittxu xogħol – jew mhumiex fis-suq tax-xogħol, pereżempju huma persuni passivi li qed ifittxu impjieg, mingħajr ħeġġa li jaħdmu jew qed jevitaw ix-xogħol, possibbilment se jibdew attivitajiet oħra familjari jew privati.
L-effett imtawwal tal-kriżi qed jiggrava s-sitwazzjoni li hi diġà diffiċli għal bosta. Qed jiżdied il-qgħad fit-tul taż-żgħażagħ: bħala medja, 28 % taż-żgħażagħ qiegħda taħt il-25 sena ilhom qiegħda għal iżjed minn 12-il xahar. Barra minn hekk, numru dejjem jikber ta' żgħażagħ mhumiex attivament qed ifittxu xogħol. Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) tistima li fl-2008, l-ispiża ta' qgħad fit-tul jew inattività fost iż-żgħażagħ fil-21 Stat Membru li għalihom hemm dejta disponibbli tammonta għal mill-inqas EUR 2 biljun kull ġimgħa għas-soċjetà, l-ekwivalenti ta' 1,1 % tal-PDG b'kollox[3]. Jekk għallinqas 10 % ta' dawn il-persuni jiġu integrati mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol, kull sena jiġu ffrankati iżjed minn EUR 10 biljun.
Fl-istess żmien, it-tnaqqis f'xogħol permanenti matul il-kriżi laqat b'mod sproporzjonat liż-żgħażagħ li għandhom impjieg: huma rrappreżentati żżejjed f'kuntratti temporanji. Għalkemm il-kuntratti temporanji jistgħu jwasslu għal forom iżjed stabbli ta' impjiegi, f'dawk l-Istati Membri li fihom is-sehem tal-kuntratti temporanji huwa ogħla huwa wkoll iżjed diffiċli li jsir ċaqliq minn kuntratt temporanju għal wieħed permanenti. Dan jista' jwassal għal swieq tax-xogħol segmentati, u ż-żgħażagħ jispiċċaw fil-livell iżjed baxx tas-suq tax-xogħol, b'inqas taħriġ fuq il-xogħol, b'livelli iżjed baxxi ta' pagi u b'impjiegi fit-tul u prospetti tal-karriera iżjed dgħajfin[4]. Id-diffikultajiet fis-suq tax-xogħol qed iħalli wkoll impatt negattiv fuq iż-żgħażagħ ta' bejn il-25 u d-29 sena b'edukazzjoni ogħla li jsibuha iżjed diffiċli biex isibu xogħlijiet li jaqblu mal-kwalifiki tagħhom.
Fl-2010 u fl-2011, il-livelli għoljin tal-qgħad eżistew flimkien mad-diffikultajiet li qed jiżdiedu biex jimtlew il-postijiet tax-xogħol[5]. Dawn it-tendenzi juru żieda fin-nuqqas ta' taqbil fis-suq tax-xogħol, minħabba ħiliet mhux adegwati, mobbiltà ġeografika limitata jew kundizzjonijiet tal-pagi mhux adegwati, madwar is-setturi u r-reġjuni tal-EU. Mil-lum sal-2020, huwa stmat li jinfetħu 73 miljun opportunità ta' xogħol minħabba ħaddiema li jirtiraw. Dawn jeħtieġ li jimtlew b'persunal ġdid ikkwalikat kif suppost, u allura qed joħolqu wkoll opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ.
Madanakollu, bħalissa, fi grupp tal-età li diġà qed jiċkien, sehem kbir tal-ġenerazzjoni żagħżugħa m'għandux il-ħiliet biex jidħol u jirnexxi fis-suq tax-xogħol fuq bażi sostenibbli[6]. Il-proporzjon ta' dawk li jħallu l-iskola kmieni[7] hu xorta iżjed minn 14 %, l-ekwivalenti ta' wieħed minn kull sitt żgħażagħ. Dan hu ferm iżjed mill-mira ta' 10 % maqbula fl-istrateġija Ewropa 2020. Skont l-estimi tal-OECD, madwar 30-40 % ta' dawk li jħallu l-iskola kmieni qed jirriskjaw li jiltaqgħu ma' diffikultajiet persistenti biex isibu impjieg stabbli[8], bir-riskju tal-emarġinazzjoni matul iż-żmien.
Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, l-Ewropa jeħtiġilha tinvesti fiż-żgħażagħ tagħha u tipproponi azzjonijiet immedjati u effettivi għall-prevenzjoni u biex jiġu indirizzati r-rati għoljin ta' qgħad taż-żgħażagħ. Il-miżuri li jżidu t-tkabbir huma meħtieġa sabiex jinħolqu impjiegi ġodda, iżda waħedhom mhumiex biżżejjed biex tiġi indirizzata l-problema tal-qgħad taż-żgħażagħ. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni qed tipproponi Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ (ara l-kaxxa f'sezzjoni 4), immirata b'mod partikolari għaż-żgħażagħ qiegħda, li m'għadhomx jiġu edukati u lanqas jitħarrġu, biex tgħaqqad l-azzjoni konkreta mill-Istati Membri u l-livell ta' UE mal-prijoritajiet identifikati fl-istrateġija tal-Ewropa 2020 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2011 dwar l-impjiegi taż-żgħażagħ[9] u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politiki biex jitnaqqsu dawk li jħallu l-iskola kmieni[10]. Din l-inizjattiva se tibni fuq is-sħubija soda bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u tinkoraġġixxi azzjoni konkreta bejn l-awtoritajiet, in-negozji u l-imsieħba soċjali tal-Istati Membri, u l-UE.
2. Ir-rwol primarju tal-Istati Membri
Il-vastità tal-isfidi u l-kawżi prinċipali tal-qgħad taż-żgħażagħ tvarja minn Stat Membru għal ieħor iżda jistgħu jiġu identifikati l-iżjed dawn il-fatturi li ġejjin:
· Dawk li jħallu l-iskola kmieni mingħajr kwalifiki.
· In-nuqqas ta' ħiliet rilevanti u n-nuqqas ta' esperjenza tax-xogħol.
· Impjiegi prekarji segwiti minn perjodi ta' qgħad.
· Opportunitajiet limitati ta' taħriġ.
· Programmi attivi tas-suq tax-xogħol li mhumiex biżżejjed jew kif suppost.
Filwaqt li s-sitwazzjoni hija partikolarment diffiċli f'bosta pajjiżi, oħrajn qed imorru aħjar u wieħed jista' jitgħallem minnhom. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri (18 minn 27), ir-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ hi iżjed minn 20 % (id-dejta tal-Eurostat ta' Ottubru 2011). F'sitt Stati Membri ir-rati huma bejn 10 u 20 %, fi tlettax ir-rati jvarjaw bejn 20 u 30 % u f'ħamsa r-rata hi iżjed minn 30 % (EL, ES, IRL, PT, u SK). Fi tliet Stati Membri biss, ir-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ hi taħt 10 % (AT, DE u NL)
Ir-responsabbiltà primarja biex jonqos il-qgħad taż-żgħażagħ hija tal-Istati Membri, inklużi fuq livelli reġjonali u lokali. L-awtoritajiet tagħhom jiffinanzjaw programmi soċjali u tal-edukazzjoni u għandhom l-għodod politiċi u l-baġit biex jappoġġaw skemi għall-impjiegi taż-żgħażagħ. Anke l-imsieħba soċjali nazzjonali jew settorjali għandhom rwol importanti, partikolarment f'oqsma bħall-apprentistati, it-taħriġ u l-prattiċi tax-xogħol.
Il-livell tal-UE jista' jkollu rwol ta' appoġġ biex jgħin lill-Istati Membri jtejbu s-sitwazzjoni edukattiva u tal-impjiegi taż-żgħażagħ b'żewġ modi:
· Billi ssir reviżjoni tal-politiki u l-prestazzjonijiet nazzjonali, jiġu enfasizzati l-prijoritajiet minn perspettiva tal-UE u jiġu suġġeriti linji ta' azzjoni bbażati fuq prattiċi tajba: din issir bil-kontroeżami u l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, tal-impjiegi, tal-edukazzjoni u soċjali fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, żviluppati fuq bażi annwali permezz tas-Semestru Ewropew tal-governanza ekonomika.
· Billi jingħata appoġġ finanzjarju għal azzjoni nazzjonali u transkonfinali konformi mal-prijoritajiet maqbula: dan isir b'varjetà ta' programmi, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew u programmi oħra tal-UE bħall-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, Żgħażagħ f'Azzjoni u PROGRESS, dan tal-aħħar jappoġġa b'mod partikolari approċċi ġodda tal-politika matul l-esperimentazzjoni tal-politika soċjali. Fondi oħrajn tal-UE bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għas-Sajd jew il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' pajjiżi Terzi, jappoġġaw ukoll miżuri li jgħinu biex jiġi indirizzat il-qgħad taż-żgħażagħ. .
Wara l-ewwel semestru Ewropew ta' governanza ekonomika fl-2011 il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni, fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2012, dwar l-ewwel indikazzjonijiet li l-Istati Membri mhumiex jirreaġixxu b'mod effettiv biżżejjed għar-rakkomandazzjonijiet li saru. Minħabba li s-sitwazzjoni deskritta hawn fuq hija gravi, il-Kummissjoni tikkonsidra li mingħajr ma jistennew ir-rakkomandazzjonijiet tal-2012 speċifiċi għal kull pajjiż, l-Istati Membri b'mod partikolari dawk bl-ogħla rati ta' qgħad taż-żgħażagħ, għandhom jieħdu miżuri deċiżivi f'dawn l-erba' oqsma li ġejjin:
- Ikun evitat li ż-żgħażagħ iħallu l-iskola kmieni
L-ewwel pass biex iż-żgħażagħ jingħataw għajnuna għal prospetti futuri aħjar huwa billi jingħatawlhom il-ħiliet adegwati meta jkunu qed jiġu edukati u jkun evitat li dawn iħallu l-iskola kmieni jew li jħallu l-iskemi tal-apprentistat kmieni[11]. F'Ġunju 2011, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar it-tnaqqis f'dawk li jħallu l-iskola kmieni (ESL). Hija għodda importanti biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 li jitnaqqas l-ESL minn 14 % għal inqas minn 10 %. Is-soluzzjonijiet qegħdin f'taħlita politika ta' miżuri ta' prevenzjoni, intervent u kumpens. Azzjoni immedjata permezz ta' integrazzjoni mill-ġdid fit-taħriġ hija essenzjali sabiex ikun limitat il-fluss fil-qgħad ta' dawk li jħallu l-iskola kmieni.
- Jiġu żviluppati l-ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol
L-iżvilupp fil-ħiliet għandu jkun karatteristika kontinwa tal-iżvilupp fil-karriera taż-żgħażagħ. L-Istati Membri jridu jiżguraw li s-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma tajbin biex irawmu żgħażagħ ta' ħila b'mod effiċjenti. Fil-kuntest attwali ta' ħafna limiti fil-baġits pubbliċi, il-Kummissjoni inkoraġġiet l-Istati Membri biex jagħtu prijorità lil nefqa effiċjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali[12], filwaqt li joqorbu lejn il-mira ta' 40 % tal-ġenerazzjoni ta' 30-34 li jkunu temmew l-edukazzjoni terzjarja jew l-ekwivalenti[13].
L-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa 2020 "Aġenda għal Kapaċitajiet u Impjiegi Ġodda" tipproponi li jsir żvilupp ta' interfaċċja komuni – klassifikazzjoni Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi u x-Xogħol. Dan huwa partikolarment importanti f'setturi li qed jaffaċċjaw nuqqasijiet ta' ħaddiema u li għandhom il-potenzjal li joħolqu iżjed l-impjiegi. Il-Kummissjoni ssejjaħ ukoll għal riformi sabiex ikun żgurat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali[14] u tipproponi li jinħoloq Passaport Ewropew tal-Ħiliet sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jirreġistaw il-ħiliet tagħhom b'mod trasparenti u komparabbli.
In-nuqqas ta' ħiliet fil-lingwi barranin jista' jxekkel il-mobbiltà taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol Ewropew. Bl-istess mod, huma meħtieġa iżjed sforzi sabiex ikun żgurat li ż-żgħażagħ għandhom livelli suffiċjenti tal-ħiliet fl-ICT, pereżempju kif inhu appoġġat permezz tal-azzjonijiet tal-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa 2020 "Aġenda Diġitali". Kif ukoll żgħażagħ b'iżjed attitudni u ħiliet intraprenditorjali jkunu jistgħu iżjed isibu impjieg, u jkollhom iżjed ċans li jibdew proġetti ta' suċċess. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni biħsiebha tinvesti sehem mill-baġit tal-2013 għal attivitajiet ta' riċerka fil-qasam tal-ICT biex tappoġġa innovaturi u intraprendituri żgħażagħ.
- Jiġu appoġġati l-ewwel esperjenza tax-xogħol u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol
Il-kisba tal-ħiliet għandha timxi id f'id ma' fokus qawwi fuq ix-xogħol sabiex tinkiseb l-esperjenza tax-xogħol. L-apprentistati, l-esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi u l-esperjenzi ta' taħriġ huma partikolarment importanti għax, jekk jilħqu l-istandards meħtieġa tal-kwalità, dawn joffru l-opportunità liż-żgħażagħ biex jiksbu l-ħiliet u anke l-esperjenza tax-xogħol rilevanti. L-imsieħba soċjali jistgħu jgħinu biex jinħolqu skemi li jżidu n-numru ta' żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol, anke għal perjodu qasir ta' esperjenza tax-xogħol. Il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u t-titjib fis-servizzi tax-xogħol għandhom jagħtu appoġġ liż-żgħażagħ biex isibu dawn il-postijiet. Skemi immirati ta' appoġġ jistgħu jgħinu biex isostnu t-titjib fil-ħiliet u t-tiftix għax-xogħol, inkluż f'reġjuni oħra u possibbilment fi Stati Membri oħra.
- Jingħata aċċess għas-suq tax-xogħol: jinstab (l-ewwel) xogħol
Li ż-żgħażagħ jingħataw il-ħiliet u l-esperjenza tax-xogħol rilevanti hija kundizzjoni meħtieġa iżda mhix biżżejjed. Għandu jittejjeb l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol. B'mod parikolari, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet, fejn rilevanti, l-Istati Membri għandhom jirriformaw il-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi f'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, sabiex jitnaqqsu r-riġiditajiet eċċessivi tal-kuntratti permanenti u lil dawk li jibqgħu barra jingħatawlhom il-protezzjoni u aċċess iktar faċli għas-suq tax-xogħol[15]. L-Istati Membri għandhom ikunu attenti għall-impatt li l-ispejjeż eċċessivi tax-xogħol li mhumiex pagi jistgħu jħallu fuq id-domanda għall-kontribut tax-xogħol ta' dawk li qed jidħlu fis-suq tax-xogħol.
Huwa essenzjali wkoll li jiġu implimentati dawk ir-riformi fis-suq tax-xogħol li jistgħu jgħinu biex jinfetħu swieq tax-xogħol għaż-żgħażagħ li qed ifittxu xogħol u l-imprendituri, billi jitneħħew restrizzjonijiet mhux ġustifikati għas-servizzi professjonali u tan-negozji, is-servizzi legali, il-pariri tekniċi u tal-kontabbiltà, u s-setturi tas-saħħa u soċjali, u permezz tal-promozzjoni tal-impjiegi indipendenti, inkluż appoġġ effettiv liż-żgħażagħ għall-iżvilupp tan-negozju.
3. Ir-rwol tal-UE fl-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ
Bħala parti mill-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-żgħażagħ ġie propost li l-Istati Membri u l-UE għandhom iwaħħdu l-isforzi tagħhom, u jibnu fejn iż-żewġ lati tal-azzjoni tal-UE li jissemmew hawn fuq. Apparti li tissaħħaħ ir-reviżjoni tal-politiki u l-prestazzjonijiet nazzjonali bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020, għandhom jiżdiedu l-isforzi biex jiġu mmobilizzati b'mod sħiħ l-appoġġ u l-istrumenti finanzjarji tal-UE.
3.1. Jintuża iżjed il-Fond Soċjali Ewropew għal miżuri tal-impjiegi taż-żgħażagħ
L-isforzi nazzjonali għandhom jingħaqdu mal-aħjar użu possibbli tal-appoġġ finanzjarju tal-UE li huwa disponibbli, jew bil-Fondi Strutturali jew inkella b'numru ta' azzjonijiet oħrajn li l-Kummissjoni se tieħu.
Fil-perjodu attwali tal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali (2007-2013), l-Istati Membri ppjanaw li jallokaw żewġ terzi tal-fondi disponibbli fil-Fond Soċjali Ewropew għal miżuri tal-edukazzjoni u x-xogħol. B'parti sinifikanti minnhom se jibbenefikaw iż-żgħażagħ. Din tirrappreżenta total ta' EUR 79 biljun jekk tkun tinkludi l-kontribuzzjonijiet nazzjonali. Barra minn hekk, EUR 7,2 biljun mill-ERDF huma allokati għall-infrastruttura tal-edukazzjoni u EUR 555 miljun għall-infrastruttura tal-kura tat-tfal, din tal-aħħar tgħin b'mod partikolari lil ommijiet żgħażagħ biex jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol.
Madanakollu sal-aħħar tal-2011, l-Istati Membri xorta għandhom EUR 30 biljun fil-programmi tal-FSE li għadhom ma ntrabtux ma' attivitajiet konkreti. Barra minn hekk, l-isforzi biex jitnaqqas il-qgħad taż-żgħażagħ, ħafna drabi ma jaqblux mas-severità tal-problema. Apparti l-ħtieġa li titħaffef l-implimentazzjoni, peress li din tagħmel differenza fit-titjib tal-impjiegi taż-żgħażagħ, hemm ħtieġa li jiġu żviluppati approċċi ġodda pereżempju biex jingħata appoġġ lill-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-programmi tal-apprentistat/tat-taħriġ jew għall-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, inkluż fl-ekonomija soċjali. Iżjed min-nofs tal-Istati Membri kollha għandhom qgħad taż-żgħażagħ agħar mill-medja tal-UE[16]. Filwaqt li ma tistax tintwera relazzjoni mal-kawżalità, id-dejta disponibbli turi li bosta Membri Stati bl-ogħla livelli ta' qgħad taż-żgħażagħ ma jimmirawx biżżejjed liż-żgħażagħ bil-programmi tagħhom tal-FSE. Pereżempju f'Ġunju 2010, ir-rati tal-qgħad taż-żgħażagħ fil-Greċja, l-Italja u l-Litwanja kienu ta' 32 %, 27 % u 36 % filwaqt li f'dawn l-Istati Membri ż-żgħażagħ irrappreżentaw biss 11 %, 15 % u 14 % tal-benefiċjarji tal-FSE.
Jekk titħaffef l-implimentazzjoni, din tagħmel differenza fit-titjib tal-impjiegi taż-żgħażagħ f'dawk l-Istati Membri bl-agħar riżultati mil-lat ta' eżekuzzjoni u prestazzjoni fqira fir-rigward tal-qgħad taż-żgħażagħ (BG, EL u RO).
L-Istati Membri b'rati ta' qgħad taż-żgħażagħ 'il fuq mill-medja u b'rati medja tal-eżekuzzjoni tal-FSE[17] (CY, IT, PL, SE u SK) jeħtiġilhom jiffukaw fuq id-diffikultajiet speċifiċi tagħhom, jew fl-implimentazzjoni (IT) jew inkella fir-riadattament tal-miżuri tal-FSE sabiex jissodisfaw ħtiġijiet speċifiċi bħat-tqabbil tal-ħiliet jew l-inċentivi għall-impjegaturi u l-aċċess biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jieħdu self (PL).
Fost dawk l-Istati Membri b'rati tal-eżekuzzjoni tal-FSE iżjed minn 40 % u b'livelli tal-qgħad taż-żgħażagħ ogħla mill-medja tal-UE, hemm lok ta' żieda fil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-programmi tal-FSE u ta' fokus fuq miżuri speċifiċi relatati maż-żgħażagħ (EE, ES, LT and LV).
Fokus mill-ġdid fuq miżuri relatati maż-żgħażagħ u t-tħaffif tal-implimentazzjoni jistgħu jikkontribwixxu biex is-sitwazzjoni tal-qgħad taż-żgħażagħ tittejjeb malajr. Maġġoranza tal-pajjiżi identifikati (BG, EE, EL, ES, IE, LV, RO, SE, SK u UK) għarfu li wieħed mill-gruppi ewlenin taż-żgħażagħ qiegħda huwa l-grupp ta' dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni u jqisuh bħala mira importanti biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol taż-żgħażagħ.
Il-Kummissjoni se tappoġġa implimentazzjoni aħjar tal-FSE fil-qasam tal-apprentistat/tat-taħriġ u l-intraprenditorija, inkluża l-intraprenditorija soċjali, bl-użu tal-assistenza teknika tal-FSE biex tinħoloq u tixxerred l-aqwa prattika.
3.2. Approċċi innovattivi li jappoġġaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol
It-tagħlim fuq il-post tax-xogħol huwa bażi biex it-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol ma jkunux diffiċli għaż-żgħażagħ u biex tinbena forza tax-xogħol ta' ħila għall-futur. F'dawn l-aħħar snin kien hemm qbil wiesa' bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali u s-settur tan-negozju li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandhom jitwasslu b'taħlita ta' teorija u prattika (l-hekk magħrufa "apprentistat", it-tagħlim "doppju" jew "binarju").
Minkejja l-qbil ġenerali, id-dispożizzjoni tat-tali postijiet ta' taħriġ mhux qed jiżviluppaw b'mod uniformi fl-UE. Il-koperazzjoni tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), l-hekk magħruf il-Proċess ta' Kopenħagen, fasslet programm ambizzjuż ta' ħidma għall-Istati Membri u l-Imsieħba Soċjali biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin bħall-kwalità u l-finanzjament tal-ETV. Il-Programm tal-UE Leonardo da Vinci diġà jiffinanzja proġetti prattiċi tal-ETV. L-inizjattivi jvarjaw minn taħriġ relatat max-xogħol lil individwi barra minn pajjiżhom sa sforzi transnazzjonali ta' koperazzjoni fuq skala kbira.
Madanakollu, jeħtieġ isir iżjed fl-Istati Membri fuq livell nazzjonali u reġjonali biex tiżdied id-dispożizzjoni ta' taħriġ binarju skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Huwa meħtieġ impenn iżjed b'saħħtu tan-negozji – kif ukoll tas-settur pubbliku – biex jingħataw opportunijiet ta' xogħol u taħriġ liż-żgħażagħ, pereżempju bħala parti mill-istrateġiji ta' Responsabbiltà Soċjali Korporattiva. Is-sħubijiet strateġiċi bejn il-partijiet interessati differenti involuti jistgħu jservu ta' eżempji.
L-esperjenzi ta' taħriġ jistgħu jgħinu lill-istudenti jew lill-gradwati l-ġodda biex jiksbu l-ewwel esperjenza tax-xogħol. Iż-żieda fl-opportunijiet ta' tagħlim fuq il-post tax-xogħol jeħtieġ li taħdem id f'id ma' rabta ċara tal-kundizzjonijiet li fihom iseħħu. Fl-2012, il-Kummissjoni se tippreżenta qafas ta' kwalità li jappoġġa d-dispożizzjoni u t-teħid ta' esperjenzi ta' taħriġ ta' kwalità għolja, inkluża viżjoni tal-UE tal-esperjenzi tat-taħriġ, li jżid it-trasparenza tal-kundizzjonijiet għal dawk li qed jitħarrġu fl-UE.
Hemm iżjed x'jista' jsir mill-Istati Membri u mill-atturi tas-suq tax-xogħol biex tiġi implimentata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ" biex ikun żgurat li ż-żgħażagħ ikunu sabu impjieg, jew qed jiġu edukati jew qed (jerġgħu) jitħarrġu fi żmien erba' xhur minn meta jħallu l-iskola, speċjalment għal dawk li jħallu l-edukazzjoni t-taħriġ kmieni u żgħażagħ vulnerabbli oħrajn. B'talba tal-Parlament Ewropew, fl-2012 il-Kummissjoni se tniedi azzjoni preparatorja għal "Miżuri ta' Attivazzjoni mmirati għaż-żgħażagħ – tiġi implimentata l-inizjattiva Żgħażagħ Attivi" li tiffoka fuq il-Garanzija għaż-Żgħażagħ", b'baġit ta' EUR 4 miljun. L-esperjenza li nkisbet permezz ta' din l-azzjoni tista' tispira biex jiġu implimentati skemi bl-Appoġġ tal-FSE.
3.3. Appoġġ lill-mobbiltà taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol
L-Erasmus huwa l-programm ewlieni tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE li kull sena jagħti l-opportunità lil 250 000 student biex jistudjaw u jaħdmu barra minn pajjiżhom. Barra minn hekk, dan jiffinanzja koperazzjoni bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla madwar l-Ewropa. Il-programm ma jappoġġax biss lil studenti, iżda ukoll lil professuri u persunal tan-negozju li jridu jgħallmu barra minn pajjiżhom, u jgħin ukoll biex jitħarreġ il-persunal tal-universitajiet. Il-Kummissjoni se tibni fuq is-suċċess ta' dawn l-iskemi tal-mobbiltà biex jingħata appoġġ lill-mobbiltà u l-effiċjenza fis-suq tax-xogħol.
Sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' taqbil bejn il-postijiet vakanti u dawk li qed ifittxu xogħol, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew, qed toħloq skema mmirata tal-mobbiltà tax-xogħol biex tgħin liż-żgħażagħ isibu impjieg fi Stat Membru ieħor tal-UE u lin-negozji biex timtela l-konġestjoni tal-postijiet vakanti tagħhom. Waqt l-azzjoni preparatorja ta' "L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek", il-Kummissjoni se tappoġġa ż-żgħażagħ u l-impjegaturi (b'mod parikolari l-SMEs) biex jiġu nkoraġġiti ingaġġi transnazzjonali u esperjenzi qosra tax-xogħol.
It-tagħlim mhux formali jista' jgħin ukoll biex tiġi indirizzata l-problema tal-qgħad taż-żgħażagħ. Għalhekk, is-Servizz Volontarju Ewropew se jiżdied fl-aħħar sentejn tal-programm attwali Żgħażagħ Attivi. L-għan ikun li jingħaqdu 10 000 volontier. Din l-esperjenza tax-xogħol fi Stat Membru ieħor tista' tagħti ħiliet importanti u tgħin liż-żgħażagħ b'din l-esperjenza biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni qed toħloq Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja li joffri opportunitajiet ġodda għal Ewropej żgħażagħ.
L-azzjoni tal-"Erasmus għall-intraprendituri" tippromwovi l-mobbiltà tal-intraprendituri bi skambji transkonfinali tal-esperjenza billi tagħti ċ-ċans lil intraprendituri ġodda jew naxxenti biex jitgħallmu minn intraprendituri ospitanti tal-esperjenza minn Stati Membri oħra. Min-naħa l-oħra, l-intraprendituri ospitanti għandhom il-possibbiltà li jiltaqgħu ma' nies ġodda fin-negozju tagħhom u li jkollhom kuntatti ġodda ta' negozju barra minn pajjiżhom. Sa minn meta beda l-programm, iżjed minn 4 200 intraprenditur irreġistraw biex jipparteċipaw, u 86 % tal-applikanti ġew aċċettati. S'issa, saru l-arranġamenti ta' 850 skambju.
4. Il-passi li jmiss
Fil-ġimgħat li ġejjin il-Kummissjoni se tiddiskuti l-qagħda ekonomika u soċjali ma' kull Stat Membru bħala parti mill-preparazzjoni tas-Semestru Ewropew 2012 ta' governanza ekonomika. Hija se taħdem mal-formazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew sabiex iddaħħal malajr fis-seħħ l-elementi tal-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ kif inhuma deskritti fil-kaxxa hawn isfel:
Il-Kummissjoni se tikkoordina mal-imsieħba soċjali Ewropej sabiex tara li jinvolvu ruħhom b'mod attiv u konkret f'din l-inizjattiva, u se tfittex l-appoġġ u l-kontribuzzjoni tal-partijiet interessati kollha.
Inizjattiva ġdida għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ
Jiġi mmobilizzat l-FSE biex jappoġġa l-iżvilupp tal-ħiliet u t-tranżizzjonijiet mil—iskola għax-xogħol
· Bosta Stati Membri jistgħu jużaw iżjed id-disponibbiltà tal-fondi tal-UE, inkluż permezz ta' programmar mill-ġdid u implimentazzjoni mgħaġġla, sabiex jinħolqu skemi ta' appoġġ fuq skala kbira għaż-żgħażagħ li jiffukaw fuq it-tnaqqis ta' dawk li jħallu l-iskola kmieni u l-iżvilupp li wieħed isib xogħol. Dan huwa partikolarment importanti għall-Istati Membri li għandhom rati għoljin ta' qgħad taż-żgħażagħ u ta' żvantaġġi. Il-Kummissjoni hija disposta li taħdem mal-Istati Membri billi tuża proċeduri mgħaġġla għal bidliet fil-programmi operattivi, tipprovdi assistenza teknika mill-UE u rkupru mgħaġġel ta' flus li ma ntefqux.
· Il-Kummissjoni se tuża EUR 1,3 miljun mill-Assistenza Teknika tal-FSE biex tappoġġa l-ħolqien ta' skemi tat-tip tal-apprentistat permezz tal-FSE, filwaqt li tuża EUR 3 miljun mill-Assistenza Teknika tal-FSE biex tiffoka, fost l-oħrajn, fuq il-ħolqien ta' skemi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ li se jibdew negozju u l-intraprendituri soċjali.
· Il-Kummissjoni se tappoġġa l-Istati Membri biex joħolqu miżuri għaż-żgħażagħ fil-preparazzjoni tal-programmi tagħhom tal-perjodu li jmiss tal-FSE.
Appoġġ lit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol
· L-Istati Membri, f'koperazzjoni mal-imsieħba soċjali, għandhom iħabirku biex iżidu sostanzjalment il-forniment tal-apprentistati fl-UE u jiżguraw li dawn jirrappreżentaw opportunitajiet reali għaż-żgħażagħ biex jiksbu taħriġ speċifiku fuq il-post tax-xogħol u esperjenza speċifika tax-xogħol li jwasslu għal iżjed forom stabbli ta' impjiegi. Fl-UE, żieda ta' mill-inqas 10 % sal-aħħar tal-2013, iżżid total ta' 370 000 apprentistat ġdid[18]. L-apprentistati għandhom jirrappreżentaw opportunitajiet reali għaż-żgħażagħ biex jiksbu taħriġ speċifiku fuq il-post tax-xogħol u esperjenza speċifika tax-xogħol li jwasslu għal iżjed forom stabbli ta' impjiegi.
· L-Imsieħba Soċjali għandhom jeżaminaw, fejn xieraq mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, kif jistgħu jimplimentaw bl-aħjar mod l-għanijiet speċifiċi tagħhom biex "tingħata promozzjoni għal iżjed apprentistati u esperjenzi ta' taħriġ, u biex dawn ikunu aħjar" bħala parti mill-ftehim awtonomu tagħhom dwar "is-swieq tax-xogħol inklużiv" (2010).
· Il-Kummissjoni se tirriinforza sostanzjalment l-appoġġ għall-mobbiltà tat-tagħlim tal-istudenti tal-edukazzjoni ogħla u tat-taħriġ vokazzjonali. Jekk jiżdiedu l-fondi sakemm possibbli għal esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi, l-esperjenzi jistgħu jiżdiedu bi 30 %, jiġifieri l-mira ta' mill-inqas 130 000 esperjenza qasira tax-xogħol fl-2012 permezz tal-Erasmus u l-Leonardo da Vinci.
· Fil-bidu tal-2012, il-Kummissjoni se tniedi kampanja ta' EUR 1,5 miljun indirizzata għall-intrapriżi biex tqajjem kuxjenza fin-negozji għal esperjenzi qosra tax-xogħol bl-Erasmus u l-Leonardo da Vinci u tinkoraġġixxi kumpaniji ospitanti potenzjali sabiex jospitaw lil Ewropej li qed jitħarrġu.
· Fl-2012, il-Kummissjoni se tippreżenta qafas ta' kwalità li jappoġġa d-dispożizzjoni u t-teħid ta' esperjenzi ta' taħriġ ta' kwalità għolja, inkluża viżjoni tal-UE tal-esperjenzi tat-taħriġ, li jżid it-trasparenza tal-kundizzjonijiet għal dawk li qed jitħarrġu fl-UE.
· L-Istati Membri u l-atturi tas-suq tax-xogħol jeħtiġilhom iżidu l-isforzi biex tiġi implimentata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex ikun żgurat li ż-żgħażagħ ikunu sabu impjieg, jew qed jiġu edukati jew qed (jerġgħu) jitħarrġu fi żmien erba' xhur minn meta jħallu l-iskola, speċjalment għal dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni u żgħażagħ vulnerabbli oħrajn. Fl-2012, il-Kummissjoni se tniedi azzjoni preparatorja għal "Miżuri ta' Attivazzjoni mmirati għaż-żgħażagħ – tiġi implimentata l-inizjattiva Żgħażagħ Attivi" li tiffoka fuq il-Garanziji għaż-Żgħażagħ b'baġit ta' EUR 4 miljun.
· Il-Kummissjoni se tinvesti sehem sinifikanti mill-baġit ta' EUR 6 miljun għall-innovazzjoni soċjali fi proġetti innovattivi, biex tolqot żgħażagħ f'sitwazzjoni jew qasam żvantaġġati.
· L-allokazzjoni tal-baġit għas-Servizz Volontarju Ewropew se tkun riinforzata sabiex fl-2012 jinħolqu mill-inqas 10 000 opportunità ta' xogħol volontarju.
Appoġġ lill-mobbiltà fis-suq tax-xogħol
· Bħalissa fil-Portal Ewropew dwar il-Mobbiltà fix-Xogħol EURES qed juri iżjed minn 1,2 miljuni postijiet vakanti tax-xogħol u 700 000 CV. Matul l-2012, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ servizzi speċifiċi EURES tal-ingaġġ u miżuri ta' appoġġ biex jiżguraw li mill-inqas 100 000 impjieg EURES minn dawn jimtlew b'suċċes miż-żgħażagħ, u allura l-EURES jintuża b'mod intensifikat.
· Mill-bidu tal-2012, l-iskema ta' "L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek" li tnediet mill-Kummissjoni fl-2011 se tgħin finanzjarjament lil madwar5 000 żagħżugħ u żagħżugħa direttament biex jimtlew postijiet vakanti tax-xogħol fi Stati Membri oħrajn matul l-2012-2013. Din se sservi ta' pilota biex l-iskema tiġi żviluppata iżjed u biex jiżdied iżjed in-numru ta' esperjenzi qosra tax-xogħol.
· Fl-2012, l-Erasmus għall-intraprendituri huwa mistenni li jiffinanzja madwar 600 skambju iżjed.
It-twassil imsaħħaħ tal-politika bħala parti mis-Semestru Ewropew
· Il-Kummissjoni se tivvaluta u tanalizza iżjed il-miżuri li jieħdu l-Istati Membri biex jitnaqqas il-qgħad taż-żgħażagħ u f'April 2012 se tirrapporta dwar dan lill-Kunsill informali tal-Ministri tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali.
· Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex jiġu diskussi l-aġġustamenti meħtieġa fis-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ fi ħdan il-Qafas Strateġiku għall-Koperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ ("ET2020").
· Matul il-kuntatti bilaterali li jippreparaw il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma 2012, il-Kummissjoni se tipprovdi gwida speċifika lill-Istati Membri dwar il-miżuri biex jitnaqqas il-qgħad taż-żgħażagħ.
· Il-Kummissjoni se tindirizza d-dimensjoni taż-żgħażagħ fir-rakkomandazzjonijiet tagħha speċifiċi għal kull pajjiż, lill-Istati Membri f'Mejju 2012.
[1] Pereżempju, il-medja tal-UE tar-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ migranti taqbeż it-30 %.
[2] Id-dejta għal Malta u l-Isvezja hija proviżorja; id-dejta għal-Lussemburgu mhix affidabbli peress li ttieħed kampjun żgħir.
[3] Il-Eurofound (2011), "The social impact of the crisis", L-ispejjeż stmati inklużi l-introjti maħfura u l-ispejjeż tal-finanzi pubbliċi minħabba pagamenti żejda ta' trasferiment permezz tal-arranġamenti tal-benesseri; dawn jirrappreżentaw faxxa iżjed baxxa peress li ma jinkludux spejjeż żejda bħal taxxi mhux imħallsa fuq l-introjti maħfura, spejjeż tas-saħħa u l-ġustizzja kriminali. Il-pajjiżi li mhumiex inklużi fl-istima minħabba varjabbli nieqsa tal-istatistika huma DK, EL, FI, FR, MT u SE. Il-popolazzjoni ta' referenza hija dik ta' persuni ta' bejn is-16 u d-29 sena li ilhom qiegħda jew inattivi (u ma jiħdux edukazzjoni) għal iżjed minn sitt xhur.
[4] Ara r-Rapport tal-Kummissjoni L-Impjiegi fl-Ewropa 2010 u l-EU Employment and Social Situation Quarterly Review ta' Settembru 2011.
[5] Ara l-abbozz tal-Kummissjoni għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2011/12, COM(2011) 815 L-ANNESS III tat-23.11.2011, p. 6f.
[6] Ara l-abbozz tal-Kummissjoni għar-Rapport Konġunt dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020, COM(2011) 902 tal-20.12.2011.
[7] Dawk li jħallu l-iskola kmieni huma żgħażagħ li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ b'edukazzjoni sekondarja baxxa biss jew inqas u li m'għandhomx jiġu edukati u lanqas jitħarrġu.
[8] Scarpetta S., A. Sonnet u T. Manfredi (2010) "Rising youth unemployment during the crisis: how to prevent negative long-term consequences on a generation?", OECD Social, Employment and Migration Papers, Nru 106.
[9] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 11838/11 tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar il-Promozzjoni tax-xogħol fost iż-żgħażagħ.
[10] ĠU C 191(2011)
[11] F'ċerti pajjiżi, ir-rati ta' dawk li jieqfu kmieni huma ta' 20-30 %.
[12] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012", COM(2011) 815 tat-23 ta' Novembru 2011.
[13] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020, COM(2011) 902 tal-20 ta' Diċembru 2011.
[14] F'konformità mal-imprenn tagħhom fl-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal reviżjoni tar-regolamenti tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (COM(2011) 883 finali tal-20 ta' Dicembru 2011).
[15] L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, COM(2011) 815 tat-23 ta' Novembru 2011.
[16] BG, CY, EE, EL, ES, FR, HU, IE, IT, LT, LV, PL, PT, RO, SE, SK u UK.
[17] Ibbażata fuq dejta mogħtija mill-Istati Membri dwar il-pagamenti tal-FSE fuq livell nazzjoni f'relazzjoni mal-allokazzjoni totali fl-aħħar tal-Q3 tal-2011.
[18] Fil-bidu tal-2012, il-Kummissjoni se tippreżenta studju komprensiv dwar il-forniment tal-apprentistat fl-UE. Bħalissa madwar 40 % tal-istudenti tas-sekondarja ogħla fl-UE qegħdin jieħdu taħriġ vokazzjonali tat-tip tal-apprentistat. Madanakollu inqas minn nofshom qed jieħdu taħriġ binarju li jgħaqqad it-teorija u l-prattika fuq il-post tax-xogħol.
| Fuq |